52013DC0138

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali Niksbu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern /* COM/2013/0138 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali Niksbu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern

1.           INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2005/29/KE dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali[1] ("id-Direttiva") ġiet adottata fil-11 ta' Mejju 2005 biex tgħin lill-konsumaturi jibbenefikaw mis-Suq Intern billi jitneħħew l-ostakli regolatorji li ġejjin minn regoli nazzjonali diverġenti u li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jbigħu u li jimminaw il-fiduċja tal-konsumaturi fix-xiri minn fl-UE kollha.

Id-Direttiva tikkostitwixxi l-entità ġenerali ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola r-reklamar qarrieqi u prattiċi żleali oħrajn fi tranżazzjonijiet tan-negozju mal-konsumatur. Din għandha kamp ta' applikazzjoni wiesgħa, li tapplika għat-tranżazzjonijiet kollha tan-negozju mal-konsumatur u fis-setturi kollha. Hija ma tapplikax biss għall-istadju ta' reklamar u kummerċjalizzazzjoni ta' tranżazzjoni imma wkoll "... matul u wara tranżazzjoni kummerċjali relatata ma' prodott"[2].

Id-Direttiva tipprovdi livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur fis-setturi kollha. Hija tagħmilha ta' lqugħ li jimla l-vojt li jkun tħalla bla ma ġie rregolat minn regoli oħra tal-UE speċifiċi għas-settur. Hija tiżgura li l-konsumaturi ma jkunux mqarrqa jew esposti għal reklamar aggressiv u li kull allegazzjoni mill-kummerċjanti fl-UE tkun ċara, preċiża u sostanzjata li b'hekk tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u raġunati.

Flimkien ma' leġiżlazzjoni oħra tas-Suq Intern[3] u r-"Regolament tal-KPK" dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi[4], id-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tikkontribwixxi għall-ilħuq tat-trasparenza u biex titħares il-kompetizzjoni żleali fl-UE kollha. L-Istati Membri kollha implimentaw ir-regoli tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa lejn il-konklużjonijiet ewlenin li jistgħu jinħarġu fuq il-bażi tal-perjodu inizjali ta' esperjenza fl-infurzar tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, kif mitlub mill-Artikolu 18 tagħha, u tistabbilixxi x'azzjonijiet huma meħtieġa biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tad-Direttiva għall-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-ħarsien tal-konsumatur.

Rapport[5] dettaljat dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri huwa ppubblikat flimkien ma' din il-Komunikazzjoni. Dan huwa parti mill-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej[6], li għandha l-għan li timmassimizza l-parteċipazzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq, li b'hekk tagħti spinta lill-kunfidenza u t-tkabbir.

In-nefqa tal-konsumatur tammonta għal 56 % tal-PDG tal-UE u hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Kif spjegat fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej, l-istimolu ta' din id-domanda jista' jkollu rwol ewlieni biex joħroġ lill-UE mill-kriżi.

Biex dan ikun jista’ jsir, għandu jiġu rrealizzat il-potenzjal tas-Suq Uniku.

Id-dejta turi li l-konsumaturi, madwar l-UE, li jixtru minn fuq l-internet għandhom 16-il darba aktar prodotti minn fejn jagħżlu, iżda 60 % tal-konsumaturi għadhom ma bdewx jużaw dan il-mezz. Minħabba din ir-reżistenza, huma ma jibbenefikawx totalment mill-għażla varjata u l-varjetà ta' prezzijiet differenti disponibbli fis-Suq Uniku.

Azzjonijiet politiċi li jtejbu l-kunfidenza tal-konsumatur fix-xiri transkonfiniali onlajn jista' jkun ta' spinta maġġuri għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

2.           VALUTAZZJONI TAL-BENEFIĊĊJI TAD-DIRETTIVA

2.1.        Il-ksib ta' livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u kundizzjonijiet l-istess għall-kummerċjanti

L-ewwel esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva turi li hija tejbet konsiderevolment il-ħarsien tal-konsumatur fl-Istati Membri, filwaqt li n-negozji leġittimi jitħarsu iktar minn kompetituri li ma jsegwux ir-regoli.

Il-benefiċċji tad-Direttiva ġejjin l-iktar minn tnejn mill-fatturi speċifiċi tagħha, jiġifieri l-karattru ta' lqugħ orizzontali tagħha u l-kumbinazzjoni ta' regoli bbażati fuq il-prinċipju b'"Lista Sewda" ta' ċerti prattiċi żleali speċifikatament ipprojbiti.

Ir-regoli bbażati fuq prinċipji tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali ppermettew lill-awtoritajiet nazzjonali biex jadattaw ruħhom għal prodotti, servizzi u metodi ta' bejgħ li qed jevolvu malajr. Dawn jaħdmu bħala dispożizzjonijiet li jolqtu kollox u li jipprovdu kriterji li jistgħu jintużaw, b'ċerta flessibilità, biex titħares l-imġiba żleali li mhix koperta minn projbizzjonijiet speċifiċi.

Min-naħa l-oħra, il-"Lista Sewda" ta' prattiċi pprojbiti f'kull ċirkostanza pprovdiet lill-awtoritajiet nazzjonali b'għodda effettiva biex jittrattaw prattiċi żleali komuni bħal reklamar bil-lixka, offerti foloz ta' affarijiet b'xejn, reklamar moħbi u reklamar immirat direttament lejn it-tfal.

Hawn taħt hawn xi eżempji ta' prattiċi pprojbiti skont id-Direttiva.

L-attrazzjoni ta' konsumaturi lejn l-istabbiliment jew il-websajt ta' kummerċjant permezz ta' offerti ta' prodotti jew servizzi li ma jistgħux jiġu fornuti ("Reklamar bil-lixka")

Sabine mill-Ġermanja sabet reklam f'magażin li offra promozzjoni speċjali: "Tir sa Barċellona għall-prezz ta' €1 biss!" Imma meta ppruvat tibbukkja t-titjira onlajn il-prezzijiet kienu ferm ogħla. Meta kkuntattjat liċ-ċentru tas-servizz tal-konsumatur tal-kumpanija qalulha li kienu biss għadd żgħir ta' postijiet li ġew offruti b'din ir-rata mnaqqsa. Il-parti l-kbira tal-konsumaturi ma setgħux jieħdu vantaġġ minn din l-offerta.

Bid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, il-prattika ta' offerta ta' prodott bi prezz speċifiku mingħajr ma jiġi ċċarat li d-disponibilità tista' tkun limitata fir-rigward tal-ammont tar-reklamar u tal-prezz offrut hija illegali

Offerti foloz ta' affarijiet "b'xejn":

Marit mill-Estonja rċeviet l-email li ġejja mingħand bejjiegħ bl-imnut onlajn ta' prodotti tas-sbuħija: "Ċempel issa u ħu rigal B'XEJN, par nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta!" Meta ċemplet, qalulha li din l-offerta tapplika biss meta tordna prodotti li jiswew €2 000 jew iktar.

Id-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tipprevjeni lil kummerċjant milli jiddeskrivi oġġett bħala b'xejn meta fir-realtà l-konsumatur ikollu jġarrab spiża oħra minbarra dik ta' biex iwieġeb għall-prattika kummerċjali jew għall-ħlas tal-konsenja tal-prodott.

Ostakli għall-bdil

Filip iddeċieda li jibdel l-assikurazzjoni tad-dar tiegħu u li jidħol f'kuntratt iktar konvenjenti ma' kumpanija ġdida. Meta jċempel lill-kumpanija assikurattiva tiegħu, jgħidulu li jrid jimla bosta formoli differenti biex itemm il-kuntratt eżistenti. Sfortunatament, iridu jgħaddu ġimagħtejn qabel ma jkunu jistgħu (jew iridu) jipprovdu l-formoli neċessarji u s-sinjura fuq it-telefon tgħidlu wkoll li jridu jgħaddu tliet xhur biex it-talba tiegħu tiġi pproċessata. Filip jaqta' qalbu bil-frustrazzjoni li qabbduh. Ta' rieda tajba kienu wkoll!

Bid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali l-kummerċjanti ma jistgħux jimponu ostakli onerużi u sproporzjonati u li mhumiex fil-kuntratt meta l-konsumatur ikun jixtieq jeżerċita drittijietu skont il-kuntratt, inkluż id-dritt li jtemm kuntratt jew li jaqleb għal prodott ieħor jew għal ma' kummerċjant ieħor.

Eżortazzjoni diretta lejn it-tfal

Alain kien sorpriż li bintu f'daqqa waħda bdiet tiffittah biex jixtrilha ġabra ta' films bil-karattru tal-kotba favorit tagħha. Alain fehem x'kien ġara meta induna b'reklam televiżiv għar-rilaxx tal-films li kien jgħid: "Il-ktieb favorit tiegħek issa ħareġ fuq DVD - għid lil missierek jixtrihulek!"

Din hija prattika żleali, fl-ambitu tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, li l-bejjiegħa jgħidu lit-tfal jistaqsu lill-adulti jixtrulhom il-prodotti reklamati. Din il-projbizzjoni tapplika għall-mezzi kollha ta' komunikazzjoni, inklużi t-televiżjoni u r-reklamar fuq l-internet.

Grazzi għad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, il-kontrolluri nazzjonali tal-ħarsien tal-konsumatur setgħu jnaqqsu u jissanzjonaw firxa wiesgħa ta' prattiċi tan-negozju żleali, inklużi allegazzjonijiet ambjentali qarrieqa u prattiċi aggressivi[7]. Madankollu:

– Il-partijiet interessati jissuġġerixxu li, minkejja l-qafas ġuridiku attwali, allegazzjonijiet ekoloġiċi (pereżempju "ekoloġiku", "bijodegradabbli", "sostenibbli" u "naturali") għadhom mhumiex jintużaw b'mod responsabbli u spiss ikunu ġenerali ħafna, vagi jew mhux definiti sew. L-Għaqdiet tal-Konsumatur jissenjalaw li barra minn hekk huwa diffiċli li tivverifika kemm l-allegazzjonijiet ikunu veritiera, speċjalment fis-setturi tal-enerġija, tal-kożmetika, tal-karozzi u tad-deterġenti.

– Xi Stati Membri jissenjalaw prattiċi aggressivi mmirati lejn it-tfal, fil-qasam tal-logħob onlajn, kif ukoll lejn l-anzjani. Hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex jissaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva fir-rigward ta' dawn il-kategoriji ta' konsumaturi vulnerabbli li jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' debolezza. B'mod partikolari, irid jiġi żgurat li, meta jitqies li l-popolazzjoni qiegħda progressivament tixjieħ, il-konsumaturi vulnerabbli jitħarsu mir-riskji ġejjin mill-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kumplessità tas-swieq diġitali.

2.2.        Nibnu l-fiduċja fis-Suq Intern

Bis-sostituzzjoni tar-regolamenti diverġenti tal-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali b'sett wieħed ta' regoli, id-Direttiva ssemplifikat l-ambjent regolatorju u għenet biex jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali.

Id-Direttiva ntużat ħafna wkoll biex jiġu ttrattati każijiet transkonfinali. Kważi 50 % tat-talbiet għal għajnuna reċiproka li ttratta n-Netwerk tal-KPK[8] tul l-aħħar ħames snin (talbiet għal informazzjoni, għarfien u talbiet għall-infurzar) kienu jikkonċernaw ksur tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali. Barra minn hekk, in-Netwerk tal-KPK wettaq bosta azzjonijiet ta' sorveljanza konġunta ("sweeps") fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (prodotti/servizzi diġitali, websajts li jbigħu biljetti tal-ajru, servizzi tal-mowbajl onlajn, websajts li jbigħu prodotti elettroniċi)[9].

Parti sostanzjali tad-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott jew servizz, dwar il-prezz u l-kundizzjonijiet ewlenin huma pprovduti lill-konsumaturi b'mod sinċier, sħiħ u f'waqtu. Dan jagħmilha eħfef għall-konsumaturi biex jifhmu u jqabblu l-offerti u jolqot direttament it-tekniki ta' rekalmar żviluppati mill-kummerċjanti.

Ir-reklamar għandu rwol vitali f'Suq Uniku li jiffunzjona u huwa għodda ewlenija għall-kumpaniji biex ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom transkonfinalment. Ir-reklamar jippermetti lill-kumpaniji jiddifferenzjaw ruħhom b'mod miftuħ: huwa jistimula l-kompetizzjoni, iraħħas il-prezzijiet u jtejjeb il-kwalità.

Informazzjoni iktar preċiża u trasparenti u offerti transkonfinali ġew identifikati wkoll fil-Komunikazzjoni reċenti tal-kummerċ elettroniku bħala wieħed mill-fatturi ewlenin biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur u biex il-bejjiegħa jitħeġġew ibigħu onlajn[10].

Evidenza reċenti tiżvela li hemm iktar konsumaturi li issa huma interessati li jixtru transkonfinalment (52 %, +19 punti perċentwali) u li huma lesti li jonfqu iktar transkonfinalment (18 %, +5 punti perċentwali) milli fl-2006, meta d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-Istati Membri[11]. Id-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tat sehemha biex tiġġenera din l-attitudni iktar miftuħa fost il-konsumaturi Ewropej, peress li hija waħda mill-għodod leġiżlattivi ewlenin tal-UE maħsuba biex iżżidilhom il-kunfidenza u tistimula l-kummerċ transkonfinali. Madankollu, ta' min jagħraf li t-tkabbir fix-xiri transkonfinali onlajn għadu ferm lura meta mqabbel mat-tkabbir domestiku onlajn li b'hekk juri li hemm iktar xi jsir.

Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli huma setturi kritiċi, minħabba l-kumplessità tagħhom u riskji inerenti serji. F'dawn l-oqsma ġew irrappurtati bosta prattiċi żleali, bħal nuqqas ta' informazzjoni essenzjali fl-istadju tar-reklamar u deskrizzjoni qarrieqa tal-prodotti. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri daħħlu regoli nazzjonali li jipprovdu salvagwardji lill-konsumaturi li jikkomplementaw u jkomplu jżidu fuq dawk stipulati fid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali. Ir-riżultati tal-investigazzjoni jiżvelaw li ma jkunx xieraq, għall-mument, li titneħħa l-possibilità prevista mid-Direttiva, li Stati Membri jmorru oltre l-livell ta' armonizzazzjoni stabbilit f'dawn is-setturi speċifiċi[12].

2.3.        Infurzar adegwat u effettiv tad-Direttiva

Kumplessivament, il-qafas ġuridiku tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali tidher li hi adatta sew biex tivvaluta kemm ikunu ġusti prattiċi onlajn ġodda li qed jiżviluppaw b'mod parallel mal-evoluzzjoni tat-tekniki tar-reklamar għall-bejgħ, bħat-tqabbil tal-prezzijiet u websajts ta' reżervazzjoni kollettiva jew fir-rigward, pereżempju, tal-involviment dejjem jiżdied tar-reklamar fin-netwerks soċjali.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati jidhru li jqisu l-infurzar nazzjonali tad-Direttiva, f'termini ġenerali, bħala adegwati u effettivi imma jissenjalaw li n-nuqqas ta' riżorsi, il-kumplessità jew it-tul tal-proċeduri interni u n-nuqqas ta' sanzjonijiet deterrenti jheddu li jimminaw l-applikazzjoni xierqa tagħhom.

F'każijiet ta' prattiċi kummerċjali żleali transkonfinali, hija sfida kbira għall-infurzaturi biex jipprovdu reazzjoni rapida u effiċenti. Dan iħalli impatt ukoll fuq l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fil-livell transkonfinali u, kif joħroġ mir-riżultat tal-konsultazzjoni, qed jidher iktar ċar fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva bbażata fuq ir-Regolament tal-KPK.

L-esperjenza ta' infurzar tikkonferma li waħda mill-problemi ewlenin li jikkonċernaw l-għodod ta' reviżjoni tal-klijenti u, speċjalment, il-websajts tat-tqabbil tal-prezzijiet, hija li huma ma jiddikjarawx b'mod ċar l-identità tal-kummerċjant li jopera s-sit u/jew jekk il-bejjiegħa jħallsux biex jidhru l-prodotti u s-servizzi tagħhom (jiġifieri jekk is-sit hux sponsorjat jew le).

Kummenti mill-partijiet interessati jissuġġerixxu li l-obbligu li tipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet ċara u sħiħa spiss tiġi injorata f'offerti kummerċjali, speċjalment fis-settur tal-ivvjaġġar u tat-trasport.

Fiż-żewġ każijiet, il-partijiet interessati ma jitolbux miżuri leġiżlattivi imma azzjoni ta' infurzar iktar iebsa u koerenti.

3.           PRIJORITAJIET EWLENIN GĦAL AZZJONI ULTERJURI

B'konformità ma' dak li ġie enfasizzat fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar funzjonament aħjar tas-Suq Uniku[13], l-iżgurar ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli eżistenti jkunu "rebħa miksuba malajr" għat-tkabbir u l-impjiegi.

F'dan il-kuntest, id-Direttiva għandha rwol kruċjali u l-Kummissjoni identifikat il-kummerċ bl-imnut (inkluż il-kummerċ elettroniku), is-settur tal-ivvjaġġar u tat-trasport, is-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali, l-enerġija u s-sostenibilità bħala oqsma prijoritarji ewlenin biex jilliberaw il-potenzjal ta' tkabbir tas-Suq Uniku[14].

Biex jiġi żgurat li d-Direttiva żżomm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u tipprovdi l-benefiċċji tagħha lis-suq intern, hemm bżonn ta' infurzar nazzjonali intensifikat u kooperazzjoni msaħħa fl-infurzar transkonfinali. Dan japplika partikolarment f'każ ta' prattiċi żleali li jfeġġu simultanjament fi Stati Membri differenti. F'każijiet bħal dawn, koordinazzjoni effiċjenti bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, l-għaqdiet tal-konsumatur u n-negozji hija element kruċjali biex jiġu ttrattati prattiċi li jħallu impatt mal-UE kollha[15].

Il-bżonn li jiżdied l-infurzar kemm fil-livell tanskonfinali u kemm f'dak nazzjonali jitlob rwol iktar prominenti mill-Kummissjoni, li għandha tingħaqad mal-Istati Membri u tappoġġahom fl-applikazzjoni tad-Direttiva mal-UE kollha. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tqis kif, skont it-Trattati, jista' jkollha rwol iktar attiv biex tħeġġeġ applikazzjoni koerenti tad-Direttiva b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiċi żleali li għandhom dimensjoni transkonfinali bħal dawk li qed iseħħu fl-ambjent onlajn u li joħolqu problemi komuni għall-inforzaturi. Il-promozzjoni tal-prattiċi konverġenti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva hija essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal kummerċjanti, l-iktar meta jaġixxu f'kuntest transkonfinali, u fl-aħħar nett għall-iżgurar ta' livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur madwar l-Ewropa.

3.1.        L-iżgurar ta' konformità sħiħa ta' liġijiet nazzjonali mad-Direttiva

Fir-rwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Hija se twettaq kontrolli ta' konformità u tagħmel reviżjonijiet fil-fond biex tara kif jaħdmu r-regoli fil-prattika u tiddefinixxi azzjoni korrettiva fejn ikun hemm bżonn. L-analiżi attwali tindika li f'bosta Stati Membri għad jeżistu diskrepanzi bejn il-liġijiet nazzjonali u d-Direttiva. Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin għalhekk f'kuntatt mal-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet neċessarji skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, kull meta Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi ta' traspożizzjoni u ta' infurzar tiegħu.

3.2.        L-iżgurar ta' applikazzjoni uniformi u adegwata tad-Direttiva fl-Istati Membri

Biex tiżgura li d-Direttiva tkun applikata b'mod xieraq u konsistenti l-Kummissjoni:

· se tkompli tiżviluppa d-dokument ta' Gwida b'reazzjoni għall-informazzjoni li tirċievi mill-inforzaturi nazzjonali u partijiet interessati oħrajn, l-emerġenza ta' prattiċi ġodda, iklużi dawk onlajn, u l-iżvilupp ta' każistika nazzjonali u tal-UE[16].

· se ttejjeb, tespandi u taġġorna l-Bażi ta' Dejta tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali[17].

3.3.        It-tisħiħ tal-infurzar u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri

Meta titqies l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri u l-partijiet interessati kif ukoll id-dejta disponibbli, il-Kummissjoni identifikat is-setturi ewlenin fejn instab li ssir ħsara u telf ta' opportunitajiet lill-konsumaturi u fejn il-potenzjal ta' tkabbir tas-Suq Uniku huwa l-ikbar.

F'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni se tniedi inizjattivi speċifiċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-infurzar, b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej.

Il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri li ġejjin: Ø tistabbilixxi laqgħat ta' ħidma tematiċi regolari bejn l-inforzaturi nazzjonali u torganizza taħriġ għall-inforzaturi u għall-ġudikatura Ø issaħħaħ l-effiċenza tan-Netwerk tal-KPK u tkompli tippromwovi azzjonijiet ta' infurzar ikkoordinati ("sweeps") Ø tgħin lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni effettiva tad-Direttiva permezz tal-iżvilupp ulterjuri tad-dokument ta' Gwida u l-qsim tal-aqwa prattiċi mal-Istati Membri Ø tiżviluppa indikaturi ta' infurzar, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, speċifiċi għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, li se jsibu n-nuqqasijiet li jitolbu azzjoni investigattiva u/jew korrettiva ulterjuri. Dawn il-miżuri se jikkonċentraw fuq is-setturi / oqsma ewlenin li ġejjin: Ø Vjaġġi u trasport Ø Is-swieq diġitali / onlajn Ø L-allegazzjonijiet ambjentali Ø Is-Servizzi Finanzjarji Ø Il-Proprjetà Immobbli F'kull wieħed minn dawn is-setturi se tingħata kunsiderazzjoni speċifika fir-rigward tal-prattiċi li għandhom il-konsumaturi vulnerabbli fil-mira, b'mod partikolari l-anzjani u l-minorenni.

3.4.        Il-monitoraġġ tal-iżviluppi tas-suq u s-sensibilizzazzjoni

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi tas-suq biex tiżgura li l-qafas regolatorju jkompli jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni lill-konsumaturi fix-xiri domestiku u transkonfinali tagħhom.

Se jkun hemm fokus speċifiku fuq l-adattabilità tal-qafas ġuridiku biex ilaħħaq mal-iżvilupp rapidu tat-tekniki tar-reklamar u tal-bejgħ, tal-prodotti u s-servizzi fid-dinja onlajn.

Flimkien ma' infurzar imsaħħaħ, inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni huma importanti biex il-konsumaturi jkunu f'pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jasserixxu drittijiethom. Fl-2013, bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, se titnieda kampanja mal-UE kollha biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumatur, inkluża d-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, inklużi n-negozji u l-għaqdiet tal-konsumatur.

4.           KONKLUŻJONIJIET

Jidher li d-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali hija għodda siewja biex jiżdied il-benessri tal-konsumatur. Hija ssemplifikat l-ambjent regolatorju u għenet biex jiġu eliminati l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali. L-esperjenza wriet l-utilità u l-flessibilità ta' din il-leġiżlazzjoni orizzantali bbażata fuq il-prinċipju. L-ambjent regolatorju ssemplifikat qed jagħmilha eħfef biex in-negozji jwettqu azzjonijiet transkonfinali, filwaqt li jippermetti lill-konsumaturi u n-negozji biex jibbenefikaw dejjem iżjed mill-potenzjal tas-Suq Intern li għadu mhux qed jiġi sfruttat.

Il-Kummissjoni tqis li ma jkunx xieraq li d-Direttiva tiġi emendata f'dan l-istadju, anke minħabba li l-esperjenza fl-infurzar fl-Istati Membri għadha limitata wisq fiż-żmien għal korp ta' leġiżlazzjoni tant inklussiv. Il-Kummissjoni issa se tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-koerenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, billi tieħu azzjonijiet konkreti biex l-infurzar jaħdem aħjar f'oqsma ewlenin għall-benefiċċju tal-kunfidenza tal-konsumatur u t-tkabbir.

[1]               Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

[2]               Ara l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva.

[3]               Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku); u d-Direttiva 2011/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur.

[4]               Ir-Regolament Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”).

[5]               Ara r-Rapport li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni "First Report on the application of Directive 2005/29/EC concerning unfair business-to-consumer commercial practices in the internal market (‘Unfair Commercial Practices Directive’)"

[6]               Ara "Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir", COM(2012) 225 finali tat-22.05.2012 - http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/index_mt.htm.

[7]               Ara t-Taqsima 4 dwar l-infurzar tar-Rapport akkompanjanti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva.

[8]               Ir-Regolament tal-KPK Nru 2006/2004 stabbilixxa qafas li jippermetti lill-infurzaturi jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex iwaqqfu prattiċi kummerċjali transkonfinali li jkunu jiksru l-liġijiet tal-konsumatur. In-Netwerk KPK ilu mill-2007 jittratta ma' każijiet transkonfinali li jinvolvu ksur tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali.

[9]               http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/index_en.htm

[10]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Bringing e-commerce benefits to consumers, dokument li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online, COM (2011) 942 finali tal-11.01.2012 - http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/communication_2012_en.htm.

[11]             Ara l-Flash Eurobarometer 332, Consumers' attitudes towards cross-border trade and consumer protection, Mejju 2012 p. 8. http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_332_en.pdf Popolazzjoni dejjem tikber ta' konsumaturi, 50%, huma lesti li jixtru prodotti u servizzi billi jużaw lingwa oħra tal-UE (+17-il punt meta mqabbel mal-2006). Il-perċentwal li ma jkun lest xejn li jixtri f'lingwa differenti waqa' minn 42 % fl-2008 għal 30 % fl-2011. Il-proporzjon tal-Ewropej li jgħidu li jafu minn fejn iġibu l-informazzjoni u l-pariri dwar xiri transkonfinali żdied ukoll b'mod sinifikanti, minn 24 % fl-2006 għal 39 % fl-2011.

[12]             Ara l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali u l-iStudy on the application of the Unfair Commercial Practices Directive to financial services and immovable property li sar minn Civic Consulting f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Justice 2012, li ssibu f': http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/document.

[13]             Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Governanza aqwa tas-suq uniku, COM(2012) 259/2. http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/docs/governance/20120608-communication-2012-259-2_en.pdf

[14]             Ara l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej.

[15]             Ara r-Rapport akkompanjanti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, Taqsima 3.3.3., pereżempju fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Awtorità Taljana tal-Antitrust AGCM) PS7256 – Comet-Apple Prodotti in Garanzia, Provvedimento n. 23193 tas-27 ta' Diċembru 2011.

[16]             Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tippjana li tkompli tiżviluppa l-Gwida għal allegazzjonijiet ambjentali qarrieqa, abbażi tar-riżultati ta' studju speċifiku li jrid isir tul l-2013 u x-xogħol li għaddej dwar il-Konsum Sostenibbli u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Produzzjoni.

[17]             Ara https://webgate.ec.europa.eu/ucp/public/ Din il-bażi ta' dejta hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013).