52013DC0083

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020 /* COM/2013/083 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020

Daħla

L-istrateġija tat-tkabbir Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[1] tistabbilixxi miri biex toħroġ mill-inqas 20 miljun persuna mill-faqar u l-esklużjoni soċjali u żżid l-impjieg tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena għal 75%. L-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, inkluża l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda, jappoġġaw l-isforzi biex jinkisbu dawn il-miri. Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal direzzjoni u monitoraġġ tar-riformi ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri. Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinament dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali kkontribwixxa għat-tmexxija tar-riformi strutturali tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. Il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni huma għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea identifikati fit-Trattat[2]. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi li meta jimplimentaw il-liġi tal-UE l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri, għandhom jirrispettaw id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali.

Jose Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizza fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2012: “Huwa preċiżament dawk il-pajjiżi Ewropej bl-aktar sistemi effettivi ta’ protezzjoni soċjali u s-sħubiji soċjali l-aktar żviluppati li huma fost l-aktar ekonomiji kompetittivi u ta’ suċċess fid-dinja.”

Iżda l-isfidi li ġabet magħha l-kriżi wasslu għal żieda fir-riskji tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol f'ħafna pajjiżi[3]. Id-diverġenzi fi ħdan u bejn l-Istati Membri qegħdin jiżdiedu wkoll. Dan mhux biss jhedded il-prospett li jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 u l-kompetittività tal-Ewropa f'dinja globalizzata, iżda hemm riskju wkoll ta’ konsegwenzi negattivi soċjali u ekonomiċi mifruxa billi mhux biss il-persuni individwali iżda s-soċjetà b’mod ġenerali tbati l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali[4].

Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali taw kontribut għat-titjib tal-eżiti soċjali iżda jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-bidla demografika u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-pressjoni li rriżultat fuq il-baġits pubbliċi u r-riskju ta’ nuqqasijiet strutturali fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni isaħħu l-bżonn li l-politiki soċjali jiġu mmodernizzati biex jottimizzaw l-effettività u l-effiċjenza tagħhom, u l-mod kif huma ffinanzjati. Huwa essenzjali li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi eżistenti u li jiġu evitati l-effetti ħżiena potenzjali fit-tul tal-kriżi, kemm f’pajjiżi b’restrizzjonijiet fiskali serji, kif ukoll fost l-Istati Membri li għandhom aktar spazju fiskali. It-tkabbir ekonomiku futur u l-kompetittività jeħtieġu l-investiment fil-kapital uman, li huwa l-bażi għall-produttività u l-innovazzjoni[5].

Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jissodisfaw tliet funzjonijiet: l-investiment soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija. L-investiment soċjali jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet attwali u futuri tan-nies. Fi kliem ieħor, barra milli jkollhom effetti immedjati, il-politiki soċjali jkollhom ukoll impatti dejjiema ekonomiċi u soċjali billi joffru qligħ tul iż-żmien, notevolment f’termini ta’ prospetti ta’ impjieg jew l-introjti tax-xogħol. B’mod partikolari, l-investiment soċjali jgħin biex in-nies “ikunu ppreparati” biex jikkonfrontaw ir-riskji tal-ħajja, minflok sempliċiment issir "tiswija" tal-konsegwenzi. Il-modernizzazzjoni tal-politiki soċjali teħtieġ l-introduzzjoni sistematika ta’ orjentazzjoni lejn il-kisba ta’ riżultati ex-ante f'deċiżjonijiet ta’ finanzjament u approċċ sistematiku tar-rwol li l-politiki soċjali jaqdu fl-istadji differenti tal-ħajja: mill-edukazzjoni għax-xogħol/qgħad sal-mard u x-xjuħija.

Il-politiki soċjali spiss ikollhom iż-żewġ jew anke t-tliet funzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, u dawn jistgħu jsaħħu lil xulxin. Tipikament, bis-saħħa tal-funzjoni ta’ protezzjoni matul perjodi negattivi l-investimenti magħmula qabel fil-kapital uman jistgħu jiġu ppreżervati. Għalhekk ikun ta’ żgwid li jiġu allokati partijiet individwali ta' baġit għal funzjoni speċifika. Id-dimensjoni tal-investiment ta’ nefqa politika speċifika tiddependi fuq il-karatteristiċi tad-disinn tagħha (il-kondizzjonalità, it-tul ta’ żmien, eċċ.), fuq il-kuntest nazzjonali speċifiku (il-komplimentarità ma’ politiki oħrajn) u ċ-ċirkostanzi tul iż-żmien (iċ-ċiklu ekonomiku, il-mogħdija tat-tkabbir). Pereżempju, l-indukrar tat-tfal għandu rwol ta’ protezzjoni, iżda għandu wkoll dimensjoni ta’ investiment sinifikanti jekk ikun imfassal tajjeb, jiġifieri bit-titjib tal-kapaċitajiet u tal-inklużjoni tal-individwu. L-Isvezja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ impjieg tan-nisa fl-Ewropa bis-saħħa ta’ politiki tal-impjieg immirati lejn il-familji, liv tal-ġenituri ġeneruż, flimkien ma’ investiment f’forniment universali ta’ indukrar tat-tfal.

Is-sistemi soċjali mfassla tajjeb li jikkombinaw dimensjoni soċjali qawwija maż-żewġ funzjonijiet l-oħra, il-protezzjoni u l-istabbilizzazzjoni, iżidu l-effettività u l-effiċjenza tal-politiki soċjali, filwaqt li jiżguraw appoġġ kontinwu għal soċjetà aktar ġusta u aktar inklużiva. B'mod partikolari, l-immodernizzar tal-politiki soċjali tinvolvi l-għoti ta’ rwol aktar prominenti lill-miżuri ta’ attivazzjoni. Bis-saħħa ta’ dan, in-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv skont l-aqwa abbiltà tagħhom fis-soċjetà u fl-ekonomija. L-iskemi ta’ appoġġ għandhom jipprovdu strateġija ta’ ħruġ, għalhekk fil-prinċipju għandhom ikunu temporanji. Il-kondizzjonalità għall-kisba ta’ għan speċifiku u xieraq (eż. parteċipazzjoni f’taħriġ) hija parti minn dan. L-appoġġ għandu jkun immirat aħjar lejn dawk fil-bżonn fiż-żminijiet li jkunu jeħtiġuh. Is-servizzi individwalizzati u integrati u l-benefiċċji (eż. pprovduti permezz ta’ punt uniku ta’ servizz) jistgħu jtejbu l-effettività tal-politiki soċjali. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tista’ tgħin lin-nies fil-bżonn jaċċessaw il-benefiċċji u s-servizzi aktar faċilment, b’hekk wkoll jiġu evitati skemi dduplikati u spejjeż żejda.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Investiment fit-tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” u sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal. Flimkien huma jifformaw il-“Pakkett ta’ Investiment Soċjali”. Dan jipprovdi qafas ta’ politika biex il-politiki tal-Istati Membri jiġu orjentati mill-ġdid fejn meħtieġ lejn l-investiment soċjali tul il-ħajja, bil-għan li jiżguraw l-adegwatezza soċjali u s-sostenibbiltà tal-baġits għall-politiki soċjali u għall-gvern u s-settur privat b'mod ġenerali kif intqal ukoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar "il-patt ta' investiment soċjali"[6]. Dan huwa skont dak li jħeġġeġ l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali (Annual Growth Survey - AGS) biex l-Istati Membri "jinvestu fi tkabbir rikk fl-impjiegi u inklużiv" u s-sejħa biex wieħed ifittex il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, filwaqt li jiżgura l-effettività, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tagħhom. Il-Pakkett jipprovdi gwida ta’ għajnuna biex jinkisbu l-miri ta’ Ewropa 2020 billi tiġi stabbilita ħolqa bejn il-politiki soċjali, ir-riformi kif irrakkomandat fis-semestru Ewropew biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 u l-fondi rilevanti tal-UE. Dan jitlob ukoll aktar titjib fil-kejl tal-faqar u l-puntwalità tal-istatistika soċjali mal-UE kollha li żżomm kont tat-tendenzi u r-rendiment[7].

Il-Pakkett huwa totalment komplementari għall-Pakkett dwar l-Impjiegi[8], li jistabbilixxi t-triq lejn irkupru rikk fl-impjieg, il-White Paper dwar il-Pensjonijiet[9], filwaqt li jippreżenta strateġija għal pensjonijiet adegwati, sostenibbli u sikuri, u l-Pakkett dwar l-Impjieg u ż-Żgħażagħ[10], li jittratta b’mod speċifiku s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Huwa jibni wkoll fuq il-qafas regolatorju propost għall-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu finanzjarju li jmiss 2014-2020 u b’mod partikolari l-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-proposta li jiġu allokati mill-inqas 20% tal-FSE f'kull Stat Membru għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u kontra l-faqar.

1. L-Isfidi

Tibdil fid-demografija

Mill-2013 'il quddiem, għall-ewwel darba, id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-Ewropa se jonqos filwaqt li l-għadd ta’ anzjani se jespandi malajr. Issa hemm erba’ persuni li jappoġġaw persuna waħda li għandha 'l fuq minn 65 sena, u dan il-proporzjon mistenni li jonqos bin-nofs sal-2040.

Hemm differenzi bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi. Kollox ma’ kollox, l-UE rat tkabbir modest tal-popolazzjoni fis-snin reċenti, iżda hemm għadd ta’ Stati Membri, kollha fil-parti tal-Lvant tal-UE, li kellhom tnaqqis kostanti tal-popolazzjoni tagħhom fl-aħħar deċennju. Xi reġjuni żvantaġġati, li fihom il-popolazzjoni tal-komunitajiet emarġinati qed tikber, qed jiffaċċjaw sfidi partikolari.

It-tixjiħ, il-proporzjonijiet tad-dipendenza dejjem jiżdiedu u popolazzjoni produttiva iżgħar qed jheddu l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-baġits pubbliċi għall-politika soċjali[11]. Il-kriżi ekonomika żiedet il-qgħad, naqqset id-dħul tat-taxxa u żiedet l-għadd ta’ persuni li jeħtieġu l-benefiċċji, b’theddida akbar tas-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna.

Filwaqt li l-isfida demografika taffettwa lill-Istati Membri kollha, hemm differenzi kbar fl-aspettattivi tal-ħajja u s-snin ta' ħajja li tgawdi s-saħħa mal-UE kollha. Dan huwa dovut għal għadd ta’ fatturi li jiddeterminaw is-saħħa, inklużi varjazzjonijiet fil-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, kif ukoll fl-istili ta' ħajja. Id-differenzi fl-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa wkoll jikkontribwixxu għal dan.

Lok għal titjib fl-effiċjenza tal-politiki soċjali

L-isfidi li ġab miegħu t-tibdil demografiku ġew aggravati bil-kriżi billi tefa’ pressjoni fuq il-baġits tal-Istati Membri fi żmien meta jeħtieġ li jkunu intensifikati l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Ewropa 2020.

Billi l-infiq pubbliku għall-politiki soċjali, li fil-biċċa l-kbira jkopri l-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, bħala medja fl-UE jinkludi madwar 29,5% tal-PDG, dawn huma taħt skrutinju mill-qrib fl-isforzi ta' konsolidazzjoni. Ħafna riformi jridu jiffukaw fuq it-titjib fl-effiċjenza, filwaqt li joqgħodu attenti li r-riformi jkunu mfassla tajjeb biex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi fuq il-livelli tal-faqar, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku, is-saħħa tal-popolazzjoni u l-koeżjoni soċjali.

Il-kisba tas-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-politiki soċjali titlob li l-Istati Membri jsibu modi biex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja, filwaqt li jindirizzaw it-tibdiliet soċjali u demografiċi ewlenin[12]. F’xi każijiet, il-multipliċità ta’ benefiċċji, aġenziji, u kondizzjonijiet għall-intitolament twassal għal spejjeż amministrattivi addizzjonali u anqas benefiċċji għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Monitoraġġ insuffiċjenti wkoll iwassal għal infiq żejjed. Xi benefiċċji fi flus u servizzi soċjali jinsabu wkoll mhux tant wisq fil-mira u ma jaslux għand dawk fil-bżonn ta’ għajnuna[13].

L-Istati Membri b’livelli simili ta’ nfiq għal politiki soċjali jiksbu riżultati differenti minn xulxin f’termini ta’ eżiti għal dak li huwa faqar, impjieg u saħħa. Minn dan jidher li hemm lok għal titjib fil-mod kif jintużaw ir-riżorsi[14].

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) li jniedi s-Semestru Ewropew 2013 jistipula li l-proċess li għaddej ta’ ristrutturar tal-ekonomiji tagħna huwa ta’ xkiel, politikament ta' sfida u soċjalment diffiċli, iżda li jeħtieġ li jiġu stabbiliti s-sisien għat-tkabbir tal-ġejjieni u għall-kompetittività, li se jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi. L-AGS enfasizza wkoll il-ħtieġa għal riformi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa bl-għan doppju li jiżgura aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi. Il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-riforma diġà ġiet riflessa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2012 (country specific recommendations - CSR) li jagħmlu sejħa għall-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-inċentivi għax-xogħol, bil-provvista ta’ opportunitajiet (ta’ impjieg) aħjar għan-nisa u ż-żagħżagħ, bit-titjib tal-effikaċja tas-sistemi ta’ trasferiment soċjali u għajnuna, u l-iżgurar ta’ aċċess għal servizzi ta' kwalità.

Riżorsi privati u tat-tielet settur li jridu jikkomplementaw l-isforzi pubbliċi

Ir-riżorsi għal politiki soċjali mhumiex limitati għal dawk mis-settur pubbliku. Parti mhux negliġibbli tiġi min-nies u l-familji. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jipprovdu servizzi soċjali fuq skala sostanzjali. Dawn ivarjaw minn saqaf għan-nies bla dar, appoġġ għall-anzjani, persuni b’diżabbiltà, għal ċentri ta’ pariri dwar il-benefiċċji soċjali b’mod ġenerali. L-intrapriżi soċjali[15] jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku, u jkunu pijunieri fl-iżvilupp ta' swieq ġodda, iżda dawn jeħtieġu aktar appoġġ minn dak li qed jirċievu bħalissa[16]. Il-partijiet tas-settur privat li jaħdmu għall-profitt jeħtieġ li jkomplu jiġu mħeġġa biex jużaw il-potenzjal tal-investiment soċjali permezz, pereżempju, ta’ ambjent soċjali u tax-xogħol san u sikur. Dan mhux limitat għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva biss u jinkludi pereżempju taħriġ fuq il-post tax-xogħol, faċilitajiet interni għall-kura tat-tfal, il-promozzjoni tas-saħħa u postijiet tax-xogħol aċċessibbli u favur il-familji.

Fil-qasam soċjali, l-Istati Membri għadhom jagħmlu użu insuffiċjenti ta’ approċċi aktar innovattivi għall-iffinanzjar, inkluż billi jużaw il-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-inġinerija finanzjarja permezz ta’ strumenti bħall-mikrofinanzjament, garanziji bbażati fuq il-politika u Bonds ta’ Investiment Soċjali[17] li għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex isir iffrankar ta’ baġit.

Il-ħtieġa ta’ investiment fil-kapital uman tul il-ħajja kollha u ta’ żgurar ta’ għajxien adegwat

Biex il-miri ta’ Ewropa 2020 jimmaterjalizzaw, jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta’ rimedju fuq skala wiesgħa, u biex ikunu koperti l-isfidi ffaċċjati fi stadji differenti ta’ ħajjet in-nies.

Tfal li jikbru fil-faqar spiss jibqgħu fil-faqar għal ħajjithom kollha. Pereżempju, żvantaġġi sinifikanti ffaċċjati fit-tfulija fl-edukazzjoni[18] u fis-saħħa huma spiss aggravati matul il-ħajja. Għalhekk huwa importanti li jiġu indirizzati fatturi li jiddeterminaw is-saħħa matul il-ħajja tan-nies. Ir-rendiment batut fl-iskola jissarraf direttament fi tnaqqis ta’ opportunitajiet fil-ġejjieni ta' impjiegi u dħul. Pereżempju, it-tfal Rom huma partikolarment fir-riskju li jkunu soċjalment u ekonomikament emarġinati u diskriminati. Nofshom biss ikollhom aċċess għall-indukrar u l-edukazzjoni bikrija fit-tfulija (IEBT), madwar nofs il-medja tal-UE, u f'diversi Stati Membri anqas minn 10% jispiċċaw sal-aħħar l-iskola sekondarja, u dan iwassal għal rati baxxi ta’ impjieg. Fir-Repubblika Ċeka, tnejn (2) biss minn kull għaxar (10) Rom li jgħixu f’lokalitajiet emarġinati għandhom xi taħriġ formali jew edukazzjoni sekondarja li tqiegħdhom fi triq il-karriera[19].

Il-ħtieġa għall-investiment fil-kapital uman tibda minn età bikrija ħafna u tissokta matul il-ħajja kollha. Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ bħalissa hija ta’ 23,7% u qed tiżdied. Fl-istess ħin, hemm nuqqas ta’ progress fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u n-nuqqas li titlesta l-edukazzjoni tat-tielet livell. Barra minn hekk, proporzjoni kbira ta’ żgħażagħ b'mod inkwetanti mhumiex f’impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (Not in Employment, Education or Training - NEET), u dawn jirrappreżentaw 12.9% tal-Ewropej żgħażagħ (15-24) jew 7,5 miljun b’kollox fl-2011. Ir-riżultat huwa li f’xi Stati Membri, iż-żgħażagħ qed isiru relattivament aktar f’riskju ta’ faqar mill-anzjani. Dawn ir-riskji u n-nuqqas ta’ xogħol huma wkoll ta’ tħassib serju f’ħafna żoni rurali fl-UE fejn iż-żgħażagħ qed isibuha iktar diffiċli li jidħlu fis-suq tax-xogħol jew isibu impjieg meta mqabbla man-nies tal-età tagħhom li jgħixu f'żoni urbani u bliet kbar[20].

Ħaddiema fl-aqwa età u dawk aktar anzjani huma affettwati minn ż-żieda mgħaġġla ta’ qgħad fit-tul. Dan ipoġġihom fir-riskju tal-faqar u jippreżenta perikolu għall-impjegabilità tagħhom, l-istabbiltà tal-familji tagħhom, u s-saħħa mentali u fiżika tagħhom.

Barra miż-żgħażagħ jiffaċċjaw tbatija n-nisa (aktar anzjani), il-persuni qiegħda, nies b’diżabbiltà, kif ukoll il-migranti li jgħixu fl-Ewropa. Dawn iġarrbu livelli għoljin ħafna ta’ qgħad (19,6% fl-2011, meta mqabbla ma' 9,7% bħala medja). Ir-rata tal-impjieg tal-persuni b’diżabbiltà hija madwar 25% inqas minn dik għal persuni mingħajr diżabbiltà. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali ta' nies imwielda barra ta' bejn il-25 u l-54 sena jaqbeż bħala medja dak tal-oħrajn b’aktar minn 10 punti perċentwali madwar l-UE bħala entità sħiħa[21]. Id-distakk fir-riskju ta’ faqar wara t-trasferiment soċjali bejn il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE huwa sinifikanti wkoll, bi tmien (8) punti perċentwali[22]. U aktar minn hekk, tfal ġejjin minn familji migranti għandhom riskju ogħla li jitilqu mill-iskola kmieni.

Barra minn hekk, is-swieq tax-xogħol għadhom mhumiex inklużivi. F’xi pajjiżi, iż-żieda fir-rata li biha qed jidħlu fis-suq tax-xogħol in-nisa u dawk li ġejjin minn familji migranti hija bil-mod ħafna u s-sigħat maħduma bħala medja għadhom baxxi. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-polarizzazzjoni jwasslu għal inugwaljanzi sinifikanti tas-suq f'għadd ta' pajjiżi u s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji jistgħu joħolqu diżinċentivi għax-xogħol, speċjalment għal dawk bi dħul baxx jew tat-tieni sors ta’ dħul. Prattiki ta’ rtirar bikri u lakuni bejn l-età statutorja tal-irtirar u dik effettiva jkomplu jnaqqsu l-attività ekonomika.

Għal ħafna nies, l-impjieg attwali tagħhom mhuwiex biżżejjed biex joħorġu l-familji tagħhom mill-faqar. Il-ħaddiema foqra jirrappreżentaw terz tal-adulti ta’ età tax-xogħol f’riskju ta’ faqar[23]

Minkejja l-isforzi biex jiġu mmodernizzati s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, il-progress huwa irregolari mal-UE fis-sħiħ tagħha, u f’għadd ta’ Stati Membri l-politiki soċjali ħafna drabi ma jirnexxilhomx iżommu partijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom mill-possibbiltà li jaqgħu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, u/jew li jiġu qiegħda għal żmien twil. Fin-nuqqas ta’ protezzjoni soċjali, il-livelli tal-faqar jistgħu jkunu sad-doppju ta' li huma; minkejja dan, aktar u aktar nies jew jirċievu benefiċċji inadegwati jew ma huma koperti xejn. Aktar u aktar familji qed jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji[24].

L-inugwaljanzi fid-dħul disponibbli żdiedu f'xi pajjiżi, filwaqt li fl-istess ħin il-livelli ta’ għixien assoluti għal ħafna li jinsabu diġà f’pożizzjonijiet vulnerabbli naqsu b’mod sproporzjonat. Dan imur kontra d-drittijiet soċjali ta’ ħajja dinjituża taċ-ċittadini[25]. Pereżempju, skont stima għall-2009[26], fl-lejl wieħed kwalunkwe jista’ jkun hemm sa 410 000 persuna bla dar fl-UE. Din iċ-ċifra qed tiżdied f'ħafna Stati Membri u ħafna aktar nies jinsabu f'riskju mminenti ta’ żgumbrament[27].

Nindirizzaw id-dimensjoni tas-sessi

L-isfidi partikolari li jiġu mill-iżvantaġġ issoktat bejn is-sessi jridu jiġu indirizzati b’mod aktar koerenti[28]. B’kollox in-nisa li qed jgħixu fil-faqar fl-UE jaqbżu lill-irġiel bi 12-il miljun. Mhux talli n-nisa jaqilgħu pagi inqas, talli għandhom rata ta’ sehem iktar baxxa fil-forza tax-xogħol u jaħdmu anqas sigħat, u dan f’parti minnu ġej mix-xogħol fid-dar, xogħol ta’ indukrar tat-tfal u ta’ kura fit-tul mingħajr ħlas, b’mod speċifiku:

· Ir-rata ta’ attività tan-nisa għadha 16,4% inqas minn dik tal-irġiel, li jirrifletti diviżjonijiet persistenti bejn is-sessi għal dawk li huma responsabbiltajiet fid-dar (64,9% għal 77,6% għall-kategorija ta’ età 15-64 fl-2011);

· Proporzjon akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time u dan ifisser medja ta’ sigħat fil-ġimgħa inqas bi 17,0% maħduma min-nisa (33,7 siegħat għal 40,6 fl-2011);

· Diskrepanza bejn is-sessi fil-pagi ta’ 16,2% (2010, f’medja ta’ dħul fis-siegħa), li hija parzjalment minħabba li n-nisa jaqilgħu inqas paga għal xogħol ta’ valur ugwali, u parzjalment minħabba li n-nisa jinsabu iktar numerużi f’impjiegi li jħallsu inqas.

Meta jitqies dan kollu, id-diskrepanza fil-pagi totali tan-nisa jistgħu jiġu stmati li huma iktar minn 40% taħt dawk tal-irġiel bħala medja[29]. Billi l-inugwaljanza tas-sessi tolqot il-ħajja kollha ta’ persuna u l-effetti negattivi tagħha jinħassu biż-żmien, dan iwassal pereżempju għal PDG iktar baxx, anqas kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u aktar faqar fost in-nisa aktar anzjani, bi 18% tan-nisa ta’ 65 sena u aktar li jinsabu fir-riskju tal-faqar, bi tqabbil ma’ 13% tal-irġiel. Bi sfond ta’ żvantaġġ jew li tkun ġej minn minoranza etnika jikkomplika dawn l-inugwaljanzi tas-sess.

2. X’jeħtieġ li jsir? Attenzjoni fuq investiment soċjali sempliċi, immirat u marbut bil-kondizzjonijiet

Minkejja differenzi kbar bejn l-Istati Membri, kollha għandhom quddiemhom sfidi strutturali, soċjali u demografiċi. [30] L-immodernizzar tal-politika soċjali huwa ta’ tħassib komuni fil-livell tal-UE, peress li l-politiki soċjali ineffettivi f’pajjiż jistgħu jkollhom konsegwenzi għall-oħrajn, b’mod partikolari fi ħdan iż-żona tal-Euro. In-nuqqas ta’ investiment fil-politika soċjali li ssaħħaħ l-iżvilupp tal-kapital uman, pereżempju fl-edukazzjoni u l-indukrar kmieni fit-tfulija, f’xi Stati Membri jimmanifesta ruħu f’livelli edukattivi aktar baxxi u żvilupp iktar baxx b’mod ġenerali tal-ħiliet[31]. Dan jista’ jikkontribwixxi biex jiġu spjegati d-differenzi fil-kompetittività ekonomika bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ ekwilibriji osservati fl-EMU peress li edukazzjoni u ħiliet ta’ kwalità baxxa jwasslu għal forza tax-xogħol ta’ kwalità iktar baxxa u inqas produttiva. Fl-Istati Membri b’kompetittività ekonomika mnaqqsa, dan jista’ wkoll iwassal għal tendenza biex dawk li huma kkwalifikati ħafna jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom biex ifittxu x-xogħol bnadi oħra, li jwassal għal aktar tnaqqis fil-potenzjal ta' produzzjoni.

Bl-isfidi strutturali fit-tul quddiemhom, l-Istati Membri jeħtieġ li jadattaw biex jiżguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi soċjali tagħhom u l-kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija. Jekk persuna ma tistax issib xogħol temporanjament, l-attenzjoni għandha tkun fuq it-titjib tal-kapaċitajiet tagħha bil-ħsieb li tirritorna lejn is-suq tax-xogħol. Dan jeħtieġ li jsir permezz ta’ approċċ immirat iffokat fuq il-ħtiġijiet individwali u jitwassal bl-aktar mod kost-effettiv.

Li tgħin lill-individwi jgħixu l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u ekonomika fis-soċjetà jinvolvi appoġġ għall-persuni fi stadji kruċjali tul il-medda ta’ ħajjithom. Dan jibda mill-investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ, u jkompli minn dan il-punt. L-innovazzjoni soċjali trid tkun parti integrali tal-aġġustamenti meħtieġa bl-ittestjar ta’ approċċi ta' politika ġodda u l-għażla tal-aktar effettivi.

2.1. Is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi soċjali jiżdiedu permezz ta’ politiki soċjali ssimplifikati u mmirati aħjar

Biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 jeħtieġ approċċ ġdid mingħajr ma jintesew il-limitazzjonijiet baġitarji u l-isfidi demografiċi li għandhom quddiemhom l-Istati Membri. Il-politiki soċjali jeħtieġ ikunu kemm adegwati kif ukoll sostenibbli mil-lat fiskali, peress li dawn huma żewġ naħat tal-istess munita. Dan ifisser l-ewwel nett li jridu jintużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod aktar effiċjenti u effettiv permezz tas-simplifikazzjoni, immirar aħjar u li titqies il-kondizzjonalità meta jitfasslu l-politiki. Kemm l-universaliżmu kif ukoll is-selettività jeħtieġ li jintużaw b’mod intelliġenti. Pereżempju, il-fażi preskolastika, li hija aċċessibbli fil-wisgħa għat-tfal, bħal ma jiġri fi Franza, wriet li għandha effett pożittiv sinifikanti u persistenti fuq il-kapaċità tat-tfal biex jirnexxu fl-iskola u, fuq perjodu ta’ żmien twil, jiksbu pagi ogħla fis-suq tax-xogħol.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-Investiment fis-Saħħa[32] juri kif l-investimenti għaqlin fis-saħħa jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar ta' saħħa, għall-produttività, il-kapaċità għall-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-użu kost-effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi, permezz tal-kontribut tagħhom għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa[33], l-investiment fil-kapital uman u fl-ekwità fis-saħħa[34].

L-impatt tal-infiq għandu jiġi massimizzat aktar permezz ta' sforzi akbar biex jonqsu l-frodi u l-piżijiet amministrattivi għall-utenti u l-fornituri. L-istruttura tal-iffinanzjar tista’ tissaħħaħ permezz ta' titjib fil-ġbir tat-taxxi, it-tkabbir tal-bażi tat-taxxa, filwaqt li jiġu eżaminati mill-ġdid l-elementi tal-infiq fiskali u l-istruttura tat-taxxi ssir aktar favur it-tkabbir, pereżempju permezz ta’ taxxi ambjentali. Fl-aħħar nett, il-politiki soċjali għandhom ikunu mmirati aħjar lejn dawk li għandhom l-aktar bżonn, bl-iżgurar li jiġu użati minn aktar nies biex titjieb l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fl-istess ħin.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

· L-investiment soċjali jkollu rifless aħjar fl-allokazzjoni tar-riżorsi u l-arkitettura ġenerali tal-politika soċjali. Dan ifisser it-tqegħid ta’ aktar enfasi fuq politiki bħall-indukrar (tat-tfal), l-edukazzjoni, it-taħriġ, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, appoġġ għall-akkomodazzjoni, riabilitazzjoni u servizzi tas-saħħa. Itejbu s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa[35]. L-istrutturi tal-iffinanzjar għandhom jitjiebu, pereżempju, permezz ta’ ġbir ta’ taxxi b’mod aktar effiċjenti, tkabbir tal-bażijiet fiskali u bl-istruttura tat-taxxi ssir aktar favur it-tkabbir, u li jiġu evitati l-impatti negattivi fuq id-domanda tax-xogħol. Għandu jiġi rrappurtat il-progress fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (NRPs);

· Jissimplifikaw is-sistemi ta’ benefiċċji u l-amministrazzjoni tagħhom għall-utenti u l-fornituri, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi kif ukoll il-frodi u jżidu l-assimilazzjoni. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jitwaqqfu punti uniċi ta’ servizz u li tiġi evitata proliferazzjoni ta’ tipi differenti ta' benefiċċji għal proċedura unika ta’ kontinġenza. Itejbu il-mira tal-politiki soċjali tagħhom biex jiżguraw li dawk li l-aktar għandhom bżonn jirċievu appoġġ xieraq filwaqt li jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi.

Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi:

· Tissorvelja, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi soċjali u l-enfasi tagħhom fuq l-investiment soċjali, bil-ħsieb li jittejbu l-adegwatezza u s-sostenibbiltà. Wara l-mandat mogħti mill-Kunsill[36] u kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tiegħu tal-2013, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) se jaħdem fuq il-finanzjament tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq fil-protezzjoni soċjali. Dan se jinkludi l-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ appoġġ biex dan iseħħ sa tmiem l-2013. Dan ix-xogħol se jkun ibbażat fuq l-analiżi u l-kondiviżjoni tal-aqwa prassi fil-kuntest tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali (MMK Soċjali);

· Twaqqaf, matul l-2013, bord ta’ esperti biex jipprovdi pariri indipendenti dwar modi effettivi ta' investiment fis-saħħa[37].

2.2. Politiki ta’ attivazzjoni u abilitazzjoni permezz ta’ appoġġ immirat, kondizzjonali u aktar effettiv

Jeħtieġ li jkun hemm azzjoni kemm mill-gvernijiet kif ukoll minn min iħaddem fl-Istati Membri biex aktar tiżdied il-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol b’mod speċifiku billi jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-parteċipazzjoni sħiħa u biex jiżdiedu l-ħolqien tal-impjieg u d-domanda għax-xogħol.

Minbarra l-linji tal-politika stabbiliti fil-Pakkett dwar l-Impjiegi u fil-Pakkett “Infasslu mill-ġdid l-Edukazzjoni”[38] li jiffokaw fuq id-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol, dan ifisser investiment f'politiki soċjali, f'servizzi u f'benefiċċji fi flus li jattivaw u jabilitaw. L-investiment soċjali għandu jiffoka fuq l-eżitu għall-individwu u għas-soċjetà inġenerali. L-appoġġ irid joffri strateġija ta’ ħruġ lill-individwi, u bħala żmien, irid jingħata għal kemm hemm bżonn, u għalhekk min-natura tiegħu fil-prinċipju għandu jkun temporanju. F'ċerti każijiet, is-servizzi soċjali huma iktar ta’ appoġġ minn benefiċċji fi flus. Barra minn hekk, ċerti tipi ta’ appoġġ għandhom ikunu reċiproċi: bil-kondizzjoni li l-individwu jikseb għan xieraq u speċifiku skont l-aqwa abilitajiet tiegħu, kif pereżempju jiġri fir-rigward tal-benefiċċji għall-qgħad.

L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiv[39] u l-gwida pprovduta f’dan il-Pakkett[40] huma f’dan ir-rigward ewlenin. Il-miżuri jridu jaqblu mal-ħtieġa tal-individwu aktar milli jkunu marbuta man-natura tal-benefiċċju jew mal-“grupp ta’ mira” li fih tinzerta persuna. Il-punti uniċi ta’ servizz u l-kuntratti individwali huma eżempji ta’ approċċ issemplifikat li jaqbel mal-ħtiġijiet tan-nies. It-twaqqif ta’ baġits ta’ referenza jista' jagħti appoġġ fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni[41].

Is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom iġiegħlu x-xogħol irendi u l-politiki soċjali għandhom ukoll jiżguraw biżżejjed l-għajxien. L-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema oħrajn mhux rappreżentati biżżejjed għandhom jiġu indirizzati. Hemm bżonn li jkun hemm intervent bikri, ikkomplementat bl-abilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi bażiċi, bħal kontijiet ta’ pagament bażiċi, l-internet, it-trasport[42], l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa. L-istimolu ta’ għażliet tal-“aħjar offerta ta’ prezzijiet” [43]għal prodotti u servizzi tal-konsumatur u t-titjib tal-inklużjoni finanzjarja huma parti oħra minn dan l-isforz. L-implimentazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv fuq “Il-Kont tal-Bank” inklużi miżuri biex jiġi pprovdut kont ta’ pagament b’funzjonijiet bażiċi għall-konsumaturi kollha fl-UE, li ssegwi r-Rakkomandazzjoni tal-2011 dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament bażiku[44], se tkun fundamentali, .

L-investiment soċjali għandu rwol partikolari għal dawk in-nies li huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-qgħad, mill-faqar, akkomodazzjoni mhux xierqa u kondizzjonijiet ta' saħħa ħżiena u mid-diskriminazzjoni. Pereżempju, ħafna Rom jgħixu f’emarġinazzjoni estrema u f'ċirkustanzi soċjo-ekonomiċi foqra ħafna. Dan jeħtieġ strateġiji politiċi li għandhom fil-mira l-ħtiġijiet tagħhom u li joffru appoġġ integrat. L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar b’attenzjoni fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri jista’ jġib iffrankar konsiderevoli fuq il-provvista ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza, fuq il-kura tas-saħħa u fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità. Dan jinvolvi wkoll reviżjoni tar-regolamenti u l-prassi dwar tal-iżgumbrament.

L-innovazzjoni hija element essenzjali tal-politika tal-investiment soċjali peress li l-politiki soċjali jeħtieġu adattament kostanti għal sfidi ġodda. Dan ifisser l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ prodotti ġodda, servizzi u mudelli, l-ittestjar tagħhom, u li jiġu ffavoriti dawk li jkunu l-aktar effiċjenti u effettivi. L-innovaturi tal-politika soċjali jeħtieġu qafas li jippermetti l-ittestjar u l-promozzjoni ta’ mekkaniżmi finanzjarji ġodda, pereżempju, u l-kejl u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tagħhom.

L-innovazzjoni tal-politika soċjali teħtieġ li tkun amplifikata, inkorporata fit-tfassil tal-politika, u marbuta mal-prijoritajiet bħall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, inkluż permezz tal-użu tal-FSE.

L-intrapriżi soċjali flimkien mat-tielet settur jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku, u jkunu pijunieri fl-iżvilupp ta’ servizzi u swieq ġodda għaċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda jeħtieġu kwalifiki u appoġġ. Huwa importanti li l-Istati Membri jipprovdu lill-imprendituri soċjali bi skemi ta’ appoġġ, inċentivi għat-twaqqif ta’ negozji ġodda u jistabbilixxu ambjent regolatorju abilitanti[45]. Eżempji ta’ proġetti ta’ suċċess u orjentazzjonijiet għal aktar użu tal-fondi tal-UE, l-aktar l-FSE, jinsabu inklużi f’dan il-Pakkett[46].

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

· Jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva (2008) mingħajr aktar dewmien, inkluż permezz tal-użu tal-FSE u l-FEŻR, bl-integrazzjoni tat-tliet pilastri tagħha: appoġġ għal dħul xieraq, swieq tax-xogħol inklużivi u servizzi abilitanti. Jistabbilixxu oqfsa legali effiċjenti li jiżguraw aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli li jirrispettaw ir-regoli tal-UE. Abbażi tal-metodoloġija li l-Kummissjoni se tiżviluppa f’kooperazzjoni mal-SPC, jistabbilixxu baġits ta’ referenza li jgħinu fit-tfassil ta’ appoġġ għal dħul effiċjenti u xieraq li jqis il-ħtiġijiet soċjali identifikati fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali[47]. Il-progress dwar dawn kollha għandu jkun rifless fl-NRPs;

· Inaqqsu d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u jindirizzaw l-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema oħrajn li mhux rappreżentati biżżejjed, inkluż billi jinkoraġġixxu lil min iħaddem biex jindirizza d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u joffri miżuri ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tad-dar (bħal servizzi ta’ indukrar tat-tfal), postijiet tax-xogħol adattati, inklużi soluzzjonijiet aċċessibbli bbażati fuq l-ICT, eAċċessibbiltà, l-immaniġġjar tad-diversità, programmi għal titjib fil-ħiliet u t-taħriġ, għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki kif ukoll il-mobilità u l-iżvilupp ta’ karrieri konsekuttivi. Dan għandu jintlaħaq permezz ta’ mezzi bħar-regolamenti tas-suq tax-xogħol, regolamenti dwar il-liv tal-ġenituri u inċentivi fiskali. Għandha tittieħed azzjoni li tiżgura li t-tassazzjoni u s-sistemi ta’ benefiċċju jkunu allinjati biex ix-xogħol irendi (limiti minimi ta’ benefiċċji li jitnaqqsu għal xejn għal xejn jew inċentivi fiskali mmirati bħala parti mill-impjieg - (in-work fiscal incentives). L-FSE (Fond Soċjali Ewropew), l-FEŻR (Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali), il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni (FEI), u l-Fond Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Asil għandhom jiġu utilizzati biex dan jinkiseb;

· Jindirizzaw il-problema tal-persuni mingħajr dar permezz ta’ strateġiji komprensivi bbażati fuq il-prevenzjoni, approċċi li jagħtu prijorità lid-dar u jirrevedu r-regolamenti u l-prassi dwar l-iżgumbrament, filwaqt li jqisu s-sejbiet ewlenin dwar il-gwida dwar l-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar ipprovduta f’dan il-Pakkett;

· Jagħmlu użu kif xieraq mill-Fond għall-Assistenza Ewropea għal dawk l-Aktar fil-Bżonn (FAEB) biex jindirizzaw id-deprivazzjoni materjali u l-problema tal-persuni mingħajr dar, inkluż permezz tal-appoġġ ta’ miżuri ta' akkumpanjament li jippromwovu l-inklużjoni soċjali;

· Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament bażiku[48]. Jinkoraġġixxu l-għażliet tal-prezzijiet tal-aħjar offerta għal prodotti u servizzi tal-konsumatur u jtejbu l-inklużjoni finanzjarja;

· Jiżviluppaw strateġiji konkreti għall-innovazzjoni soċjali, bħal sħubiji pubbliċi-privati-tielet settur, jiżguraw appoġġ finanzjarju xieraq u prevedibbli, inkluża l-mikrofinanza, u jipprovdu għat-taħriġ, in-netwerking u l-mentoraġġ biex jappoġġaw politiki abbażi tal-evidenza. Jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjar tal-FSE, FŻRE, FEAŻR, FIE u PSSI biex iwettqu dan u biex iżidu proporzjonalment il-proġetti ta' suċċess. Jagħtu prijorità lill-innovazzjoni tal-politika soċjali fl-implimentazzjoni tas-CSR rilevanti u jirrappurtaw dwar dan permezz tal-NRPs;

· Jappoġġaw l-imprendituri soċjali[49] billi jipprovdu inċentivi għal negozji ġodda, u l-iżvilupp supplementari tagħhom, billi jespandu l-għarfien u n-netwerks tagħhom u jipprovduhom b’ambjent regolatorju abilitanti skont l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali[50] u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020[51];

· Jesploraw u jiżviluppaw modi innovattivi ta’ żgurar ta’ ffinanzjar addizzjonali privati għall-investiment soċjali, pereżempju permezz ta’ sħubiji pubbliċi privati.

Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi:

· Tissorvelja r-riformi lejn l-inklużjoni attiva[52] fil-qafas tas-Semestru Ewropew, bl-iżvilupp ta’ metodoloġija għal baġits ta’ referenza fl-2013 u tissorvelja kemm huwa xieraq l-appoġġ għad-dħul, bl-użu tal-baġits ta’ referenza msemmija hawn fuq malli dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri;

· Tiċċara għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-fornituri tas-servizzi kif ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat, is-suq intern u x-xiri pubbliku[53] japplikaw għas-servizzi soċjali, permezz ta’ Gwida aġġornat[54] u skambji regolari ta’ informazzjoni mal-partijiet interessati;

· Tipprepara Rakkomandazzjoni dwar l-aħjar prassi għall-inklużjoni tar-Rom, billi tibni fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri u tirrapporta kull sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fis-Semestru Ewropew. Tiffaċilita l-inklużjoni tar-Rom permezz tal-iskambju ta’ prassi tajba, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, permezz ta’ Netwerk ta' Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom;

· Tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva biex ittejjeb l-aċċess għal kontijiet ta’ pagament bażiċi, ittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi tal-banek u tiffaċilita l-qlib tal-kontijiet tal-bank;

· Tinforma aktar lin-nies dwar id-drittijiet soċjali tagħhom permezz ta’ Gwidi ta' Protezzjoni Soċjali aktar faċli għall-utent, u tgħin fit-twaqqif ta’ servizzi għan-nies biex iżommu rekord tad-drittijiet ta’ pensjoni tagħhom. Barra minn hekk il-Kummissjoni se tgħin biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, tnaqqas l-ostakoli li l-ħaddiema mobbli jiffaċċjaw permezz ta’ Direttiva li timmira li jkun hemm applikazzjoni aħjar u infurzar tad-drittijiet ta' moviment liberu;

· Tipprovdi gwida fl-2013 lill-Istati Membri dwar kif jużaw l-innovazzjoni tal-politika soċjali fl-implimentazzjoni tas-CSRs. Din il-gwida se tinkludi eżempji ta’ kif jintużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropew (SIE);

· Tressaq rapport fl-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni “Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi tas-Saħħa fl-UE"[55].

2.3. Investiment soċjali tul il-ħajja tal-individwu

L-appoġġ għandu jkollu fil-mira l-ħtiġijiet speċifiċi li jirriżultaw fil-ħajja: mit-tfulija, iż-żgħożija u t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, il-ħajja bħala ġenituri, mill-bidu sat-tmiem tal-karriera, sax-xjuħija. Dan ifisser l-adattament tas-servizzi integrati, benefiċċji fi flus u assistenza fil-mumenti kritiċi tul il-ħajja ta’ persuna, u l-prevenzjoni biex it-tbatija ma sseħħx aktar ’il quddiem.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"[56], li hija parti minn dan il-Pakkett, hija eżempju ċar ta’ kif l-investiment soċjali mmirat jista’ jkun parti minn politika bbażata fuq id-drittijiet imsejsa fuq l-universalità u jżid l-ugwaljanza tal-opportunità.

L-attenzjoni fuq it-tfal hija vitali għal ekonomija tal-għarfien sostenibbli, effiċjenti u kompetittiva u soċjetà ġusta interġenerazzjonali. L-adegwatezza tal-pensjonijiet fil-ġejjieni tiddependi fuq il-kapital uman ta’ dawk li llum huma tfal. Iż-żieda fl-istennija tal-ħajja u t-tnaqqis tal-popolazzjoni attiva, jekk ma jkunx hemm bilanċ bejniethom, jistgħu jwasslu għal struttura ta’ infiq żbilanċjata lejn benefiċċji tax-xjuħija, lejn baġits tal-gvern ġeneralment ogħla u anqas riżorsi għat-tfal u ż-żgħażagħ. Hemm qbil ġenerali li l-indukrar u l-edukazzjoni ta’ kwalità tajba bikrija fit-tfulija (IEBT) hija mezz effiċjenti ta’ prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u tat-titjib tal-prestazzjoni akkademika futura, tas-saħħa, ta’ eżiti tajba ta’ impjieg futur u ta’ mobilità soċjali.

Il-ksur taċ-ċiklu tal-iżvantaġġ tul il-ġenerazzjonijiet jimplika l-mobilizzazzjoni ta’ firxa ta' politiki, li jappoġġjaw lit-tfal infushom, iżda wkoll lill-familji tagħhom u l-komunitajiet. L-indirizzar ta’ dan jinvolvi amalgamazzjoni ta’ flus u benefiċċji mhux fi flus, aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità, it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, l-eliminazzjoni tas-segregazzjoni fl-iskejjel u l-użu ħażin tal-edukazzjoni mfassla għall-bżonnijiet speċjali.

Investiment fis-saħħa, li jibda minn età bikrija, jippermetti lin-nies jibqgħu attivi aktar fit-tul u aktar b’saħħithom, iżid il-produttività tal-forza tax-xogħol u jbaxxi l-pressjoni finanzjarja fuq is-sistemi tas-saħħa. Il-promozzjoni tas-saħħa u l-kura preventiva tas-saħħa huma partikolarment importanti tul il-ħajja. F'dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġu enfasizzati l-vantaġġi li jirriżultaw minn investiment fis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol[57].

Il-Pakkett dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea[58] jwieġeb għas-sitwazzjoni attwali ta’ qgħad għoli fost iż-żgħażagħ. Jipproponi skemi li jiżguraw li kull persuna żagħżugħa tirċievi offerta ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, edukazzjoni u taħriġ issoktat, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta titlef ix-xogħol jew tħalli l-edukazzjoni formali. Din il-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” ittejjeb is-sigurtà tal-impjieg f’età żgħira permezz tat-trawwim tat-tranżizzjoni bejn l-iskola u l-impjieg. Għandha tiġi kkomplementata b’opportunitajiet ta’ titjib ta’ ħiliet permezz ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-programm propost Erasmus għal Kulħadd[59] se jgħin ukoll liż-żgħażagħ jakkwistaw taħriġ u ħiliet li jistgħu jżidu l-iżvilupp personali tagħhom, jiksbu ħiliet ġodda u kapaċitajiet lingwistiċi u jtejbu l-prospetti ġenerali ta’ impjieg tagħhom.

Aktar ’il quddiem fil-ħajja, il-politiki dwar is-saħħa u t-tixjiħ attiv jippermettu lin-nies jisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal tagħhom. Il-kontribut tal-anzjani lis-soċjetà meta jieħdu ħsieb ta' nies oħra jew bħala voluntiera spiss jintesa, u huma għandhom jingħataw appoġġ xieraq biex iwettqu dan. Is-Sena Ewropea dwar it-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet 2012 żiedet l-għarfien tal-kontribut li l-anzjani jagħtu lis-soċjetà u tat spinta politika lill-inizjattivi ta’ politika, pereżempju l-Pjan Federali għaċ-Ċittadini Anzjani l-ġdid fl-Awstrija.

Dan il-Pakkett jinkludi eżempji ta' kif il-ħtieġa għal kura fit-tul tista’ tkun indirizzata permezz tal-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-ħolqien ta’ ambjenti aktar faċli biex jintużaw mill-anzjani, u bl-iżvilupp ta’ modi aktar effiċjenti ta' kif tingħata l-kura[60]. In-nuqqas mifrux ta’ forza tax-xogħol għas-saħħa u l-kura fit-tul għandu jiġi indirizzat ukoll permezz ta’ inċentivi għat-tkabbir tal-impjieg f’xogħol ta' kura u indukrar u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol f’dan il-qasam. Trasport aċċessibbli u għal but ta’ kulħadd u opportunitajiet adattati ta’ akkomodazzjoni jippermettu wkoll lill-anzjani u lid-diżabbli jibqgħu jgħixu ħajjithom kif jixtiequ għal kemm jista' jkun possibbli u jnaqqsu l-ħtieġa ta’ kura fit-tul.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

· Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar “L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” b'mod integrat permezz ta’ taħlita ta' flus u benefiċċji mhux fi flus, u aċċess għal edukazzjoni bikrija ta’ kwalità, servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Jindirizzaw l-inugwaljanzi fit-tfulija permezz tat-tneħħija tas-segregazzjoni fl-iskejjel u l-użu ħażin ta’ edukazzjoni mfassla għall-bżonnijiet speċjali. Jagħmlu aktar viżibbli u aċċessibbli l-indukrar u l-edukazzjoni bikrija fit-tfulija (IEBT), skont il-mira ta’ Barċellona[61] dwar l-indukrar tat-tfal u l-miri tal-UE dwar il-IEBT[62]. Jirrappurtaw dwar il-progress fl-NRP. Jużaw il-FSE, il-FEŻR u l-FAEŻR biex jippromwovu l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa u għall-IEBT;

· Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar “Il-politiki għat-Tnaqqis tat-Tluq Bikri mill-Iskola” u jiżviluppaw politiki bbażati fuq l-evidenza u komprensivi kontra t-tluq bikri mill-iskejjel li jinkludu miżuri ta’ prevenzjoni, ta' intervent u kompensatorji[63];

· Jużaw il-Prinċipji ta’ Gwida għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet[64] l-indiċi tat-tixjiħ attiv[65], li jżomm kont tal-anzjani fl-impjieg, il-parteċipazzjoni soċjali tagħhom, u l-għajxien indipendenti tagħhom u l-opportunitajiet li ngħataw mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u San[66] biex jiġi stmat sa fejn jistgħu jwettqu l-potenzjal tagħhom l-anzjani.

Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi:

· Ittejjeb il-ġbir tad-dejta lonġitudinali, b’enfasi speċjali fuq it-tfal, biex tinforma aħjar l-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politiki soċjali b’approċċ ta’ tul il-ħajja kollha. Tirrapporta dwar il-progress fir-rapport dwar l-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa.

· Tittestja l-effettività ta’ trasferimenti ta' flus kondizzjonali għall-appoġġ tal-IEBT, permezz ta’ proġett ta' riċerka ffinanzjat minn PROGRESS;

· Taħdem flimkien mal-SPC fl-2013 fuq rapport dwar il-politiki dwar l-indukrar fit-tul li jappoġġjaw it-tixjiħ san u attiv u jkabbru l-kapaċità għal ħajja indipendenti ta' persuni ta’ kull età, billi tuża l-potenzjal kollu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-e-saħħa, u tissorvelja l-progress lejn protezzjoni soċjali sostenibbli u xierqa kontra r-riskji tal-kura fit-tul. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll “ktejjeb għal dawk li jfasslu l-politika” għall-Istati Membri biex jgħin fit-tfassil ta’ strateġiji tal-kura fit-tul, ibbażat fuq ix-xogħol li se jitwettaq fl-2013-2014 mill-Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi (IITP) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (ĊKR).

3. Gwida għall-użu tal-fondi tal-UE 2014-2020

Il-baġit tal-UE għandu jkun “katalist għat-tkabbir u l-impjiegi mal-Ewropa kollha, l-aktar billi jamplifika l-investimenti fil-produzzjoni u l-kapital uman”[67]. Madankollu, is-sehem tar-riżorsi tal-UE allokati mill-Istati Membri għall-impjieg, l-iżvilupp tal-kapital uman, il-politiki tas-saħħa u dawk soċjali - l-aktar permezz tal-FSE - naqas mill-1989. Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni pproponiet għall-perjodu 2014-2020 li mill-inqas 25% tal-iffinanzjar tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jiġu allokati għall-kapital uman u l-investiment soċjali, jiġifieri investiment fin-nies mill-FSE. Barra minn hekk, hija pproponiet li mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f’kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-għan tematiku “il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar”.

Tul il-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013, il-Fond Soċjali Ewropew s’issa laħaq aktar minn 50 miljun persuna, inklużi aktar minn 4,5 miljuni qiegħda u ħames (5) miljun persuna mhux attiva fl-2011 biss. Dan għamlu billi pprovda EUR 75 biljun biex jgħin lin-nies jilħqu l-potenzjal tagħhom billi jipprovdihom b’ħiliet aħjar u prospetti ta’ impjieg aħjar. Il-programmi li joffri għenu biex itaffu l-impatti negattivi tal-kriżi, isalvaw l-impjiegi u jħejju għal żminijiet aħjar. EUR 18-il biljun tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ miżuri għall-inklużjoni soċjali mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, prinċipalment billi jappoġjaw l-edukazzjoni, is-saħħa u l-investimenti fl-infrastruttura soċjali.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE)[68], b’mod partikolari l-FSE, kif ukoll PROGRESS 2007-2013, il-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (PBSI) 2014-2020 u l-Fond għall-Assistenza Ewropea għal dawk li huma l-Aktar fil-Bżonn (FAEB) huma strumenti importanti għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrateġija stabbilita fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali. L-appoġġ finanzjarju mill-politika ta’ koeżjoni, li għandha bħala għan it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali mal-Unjoni kollha, se jkompli jkun għodda importanti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Ewropa 2020, flimkien mar-riformi meħtieġa u l-immodernizzar identifikati f’din il-Komunikazzjoni.

Biex tappoġġja t-tkabbir inklużiv, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tagħhom ta’ impjieg, żvilupp ta’ kapital uman, modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, investiment territorjali u l-inklużjoni soċjali jirriflettu s-CSRs u l-analiżi sottostanti tal-isfidi ewlenin identifikati fl-SWDs li jevalwaw il-programmi ta’ riforma nazzjonali u ta’ stabbiltà[69]. L-iffinanzjar permezz tal-Fond Soċjali Ewropew[70] jista’ jiġi kkomplementat minn aktar iffinanzar mill-FEŻR, l-aktar għall-investiment fl-infrastruttura tas-saħħa, dik soċjali, l-indukrar tat-tfal, id-djar u l-edukazzjoni, kif ukoll appoġġ għar-riġenerazzjoni fiżika u ekonomika tal-komunitajiet ipprivati minn kumditajiet essenzjali urbani u rurali. Dawn l-investimenti jista’ jkollhom impatt fuq ir-riforma ta’ politika, bħat-tneħħija tas-segregazzjoni tal-faċilitajiet edukattivi, tendenza qawwija lejn politiki ta’ kura bbażata fil-komunità u ta’ akkomodazzjoni integrata.

Ir-Regolament ta’ Dispożizzjonijiet Komuni [71](RDK) jistabbilixxi l-prijoritajiet li għandhom ikunu ffinanzjati mill-Fondi tal-SIE. Il-Fondi SIE se jappoġġjaw l-implimentazzjoni tas-CSRs rilevanti u ta’ programmi nazzjonali ta' riforma. Il-progress fil-ksib tal-għanijiet politiċi se jkollu segwitu fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi tal-FSE biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-orjentamenti ta’ politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, inkluż permezz tal-innovazzjoni soċjali, l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali[72]. Attenzjoni speċifika mill-FSE - akkompanjata mill-appoġġ tal-FEŻR - fuq l-innovazzjoni soċjali[73] għall-appoġġ tal-ittestjar tal-approċċi nnovattivi u l-amplifikazzjoni tagħhom se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ politiki soċjali aktar effettivi.

Il-Kummissjoni se tippreżenta orjentamenti aktar fid-dettall fil-kuntest tal-gwida operattiva li se tiġi ppubblikata sa nofs l-2013 dwar kif l-Istati Membri jistgħu jużaw bl-aħjar mod il-fondi tal-SIE biex jiksbu l-għanijiet tematiċi li dwarhom intlaħaq ftehim. Din il-gwida se tikkontribwixxi għat-twettiq tar-riforma politika u servizzi pubbliċi sostenibbli u effiċjenti. Pereżempju, fil-qasam tal-faqar tat-tfal, se tenfasizza liema tip ta’ interventi jkunu meħtieġa f’pajjiż b’popolazzjoni kbira ta’ Rom, provvista baxxa ta’ indukrar tat-tfal u inugwaljanzi kbar fl-eżiti edukattivi. Temi oħra, pereżempju, se jkunu l-innovazzjoni, l-indukrar tat-tfal, it-tneħħija tal-istituzzjonalizzazzjoni, u l-inklużjoni attiva.

Apparti l-Fondi tal-FSE, il-PBSI, Orizzont 2020, COSME[74] u l-Programm dwar is-Saħħa wkoll fihom dispożizzjonijiet speċifiċi biex jappoġġjaw finanzjarjament l-innovazzjoni fil-politika soċjali. L-FSE jista’ jamplifika l-politiċi soċjali ta’ suċċess kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat biex jissemplifika l-politiki. L-FAEB se jgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajxien xieraq jinkiseb billi jiġu indirizzati l-privazzjoni mill-ikel, il-kondizzjoni ta' nies li ma għandhomx dar fejn joqogħdu u l-privazzjoni materjali tat-tfal. Fl-aħħar nett, ir-riżorsi tal-UE jistgħu jiġu kkomplementati minn riżorsi tal-Bank Dinji, pereżempju, il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u l-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

· Jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni u l-iżvilupp rurali għall-iżvilupp tal-kapital uman, inkluż l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi territorjali, it-tixjiħ attiv u san, l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali, edukattivi u tas-saħħa, u t-tagħlim tul il-ħajja. Ir-riżorsi għandhom ikunu xierqa biex jiġu implimentati t-tibdiliet strutturali kif propost mis-CSR, filwaqt li jitqiesu l-miri ta’ Ewropa 2020. Jiżguraw li l-interventi appoġġjati bil-fondi jirriflettu b’mod xieraq is-CSR rilevanti u jsegwu approċċ ta’ investiment soċjali;

· Jindirizzaw il-ħtiġijiet multipli tan-nies żvantaġġati, inkużi dawk li jgħixu f’żoni ta’ faqar u iżolati, b’azzjoni kkoordinata mill-fondi tal-SIE;

· Ifittxu modi biex jikkomplementaw ir-riżorsi tal-UE b’fondi mill-Bank Dinji, il-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u l-grupp tal-Bank Ewropew ta’ Investiment;

· Jippruvaw approċċi ġodda (bħall-innovazzjoni abilitata mill-ICT) għall-politiki soċjali inkluż permezz tal-PBSI, u wara jamplifikaw l-iktar innovazzjonijiet effettivi bl-użu tal-Fondi tal-SIE;

· Jinvolvu l-partijiet interessati, partikolarment l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qrib il-gruppi ta’ mira għall-interventi soċjali, fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni u jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-fondi.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi:

· Tiżviluppa gwida ta’ politika operattiva għall-Fondi tal-SIE li jirriflettu bis-sħiħ approċċ ta’ Investiment Soċjali sa nofs l-2013. Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri skont l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolamenti dwar il-fondi strutturali, il-Kummissjoni se tissorvelja l-eżiti u r-riżultati fl-implimentazzjoni tal-Programmi. F’każ li l-implimentazzjoni tqajjem tħassib, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kwistjoni flimkien mal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas proċedurali stabbilit mis-CPR;

· Trawwem il-qsim tal-għarfien. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tiżviluppa bank ta’ għarfien mal-Istati Membri u l-Eurofound biex tgħin fil-qsim tat-tagħlimiet meħuda, inklużi kemm tagħlimijiet ta’ politika kif ukoll ta’ prassi tajba mill-Fondi tal-SIE. Hija se tappoġġja permezz tal-FSE l-iżvilupp ta’ “mapep tal-faqar", billi tidentifika ż-żoni ta' żvantaġġ multiplu u gravi biex tiżgura li l-interventi jkollhom impatt fuq il-popolazzjoni fil-mira;

· Tappoġġja l-bini tal-kapaċità, permezz tal-FSE, tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi inkluża l-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali.

4. Inizjattivi Mmirati tal-UE

F’din it-taqsima l-Kummissjoni tippreżenta sett ta’ inizjattivi li hemm referenza għalihom f’din il-Komunikazzjoni u li huma ewlenin biex jiġi żgurat approċċ immirat u integrat tal-investimenti soċjali.

4.1. Miżuri biex jitħeġġeġ l-iffinanzjar fl-investiment soċjali

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ mill-fondi strutturali, l-aktar mill-FSE, iżda jistgħu jintużaw strumenti ġodda ta’ ffinanzjar u għandhom jiġu sfruttati bil-ħsieb li tkun iffaċilitata l-konsolidazzjoni baġitarja b'involviment akbar tal-fondi privati:

· Bl-appoġġ tal-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-finanzji: Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej

Kif stabbilit fl-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali, l-intraprendituri soċjali għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-investiment fil-kapital uman. In-negozji soċjali jeħtieġu madankollu aċċess aktar faċli għall-finanzjament privat, biex dan jgħin bħala appoġġ għall-attivitajiet tagħhom u biex ikunu jistgħu jespandu. Barra milli tipproponi fond ta’ appoġġ għall-intrapriżi soċjali bħala parti mill-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni li jibda fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet ukoll regolament[75] li jistabbilixxi tikketta tal-Fond għall-Intraprenditorija Soċjali Ewropew biex tgħin lill-investituri jidentifikaw faċilment il-fondi li jappoġġjaw in-negozji soċjali Ewropej u jaċċessaw informazzjoni kruċjali dwar il-fondi għall-intraprenditorija soċjali. Ir-regolament propost se jelimina l-ostakli għall-ġbir tal-fondi mal-Ewropa kollha u jagħmel l-investimenti aktar sempliċi u effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi maħluqa mill-intrapriżi soċjali u torganizza konferenza ta’ livell għoli kmieni fl-2014 biex ixxerred prassi tajba fl-appoġġ tal-intraprenditorija soċjali.

· Bl-esplorazzjoni dwar l-użu ta’strumenti finanzjarji ġodda

L-iffinanzjament innovattiv tal-investiment soċjali minn riżorsi privati u tat-tielet settur huwa kruċjali biex jikkomplementa l-isforzi tas-settur pubbliku. Il-mikroffinanzjar jista’ jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward. It-twaqqif ta’ negozji żgħar ġodda huwa kruċjali għall-ksib tal-miri ta’ impjieg u inklużjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, wieħed mill-akbar ostakoli għall-ħolqien tan-negozji huwa n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi, speċjalment il-mikrokreditu. Il-Kummissjoni pproponiet kontinwazzjoni tal-faċilità mikrofinanzjarja Progress bis-saħħa tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni b’baġit ta' madwar EUR 92 miljun, mill-2014 ’il quddiem. Din se tiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet għall-fornituri tal-mikrokreditu u tiffaċilita appoġġ finanzjarju għal persuni li jixtiequ jibdew negozju żgħir, iżda li jkollhom diffikultajiet biex jiksbu self tradizzjonali.

· Bonds tal-Impatt Soċjali

Il-Bonds tal-Impatt Soċjali, li jinċentivaw lill-investituri privati biex jiffinanzjaw programmi soċjali billi joffru l-qligħ mis-settur pubbliku jekk il-programmi jiksbu riżultati soċjali pożittivi, huma fost mezzi oħra li jistgħu jiġu esplorati. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi.

4.2. Appoġġ għall-għajxien xieraq /Jittejjeb l-għarfien tad-drittijiet soċjali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-dispożizzjonijiet biex tipproteġi lil dawk li l-aktar għandhom bżonn jiġu implimentati u se ttejjeb l-informazzjoni għall-konsumaturi vulnerabbli u tipprovdi għajnuna mmirata għall-persuni f’sitwazzjonijiet żvantaġġati biex jagħmlu għażliet infurmati:

· Bl-iżgurar ta’ għajxien xieraq

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom xi tip ta’ skema ta’ dħul minimu. L-adegwatezza ta’ dawn l-iskemi madankollu, spiss tista' titjieb. Il-livell għandu jkun għoli biżżejjed biex jagħti lok għal ħajja deċenti u fl-istess ħin jgħin lin-nies biex ikunu motivati u attivati biex jaħdmu. Il-Kummissjoni se tissorvelja, bħala parti mis-Semestru Ewropew, l-adegwatezza tal-appoġġ għad-dħul u se tuża għal dan l-għan il-baġits ta’ referenza ġaladarba dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri.

· Bini tal-kapaċità amministrattiva u t-titjib fl-effiċjenza biex jiġu pprovduti punti uniċi ta’ servizz

Il-mudell ta’ punt uniku ta’ servizz jikkontribbwixxi għall-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. “Il-punti uniċi ta’ servizz” jissimplifikaw l-organizzazzjoni, itejbu r-rendiment u jżidu l-aċċess għas-servizzi. Dan l-approċċ itejjeb l-aċċessibilità ta’ tagħrif faċli għall-użu, il-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ gvern u tal-kapaċità u dan jista’ jnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq il-klijent kif ukoll fuq il-fornitur. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju ta’ prassi tajba fost affarijiet oħra permezz tal-“bank tal-għarfien” żviluppat flimkien mal-Eurofound. Il-finanzjament mill-FSE se jkun disponibbli bis-saħħa tal-Għan Tematiku “It-Titjib tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti”. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lil dawn l-approċċi hija u twettaq il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' inklużjoni attiva mill-Istati Membri.

· It-titjib tal-inklużjoni finanzjarja

Il-kontijiet tal-pagamenti huma għodda vitali biex in-nies jipparteċipaw fl-ekonomija u s-soċjetà. Is-salarji, il-benefiċċji u l-kontijiet tal-konsum aktar u aktar spiss qed jitħallsu permezz ta’ kontijiet bankarji. Kont bankarju huwa wkoll essenzjali għall-aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi oħra, bħal self għal konsumaturi, ipoteki, assikurazzjoni tal-ħajja, ħlasijiet elettroniċi u investiment. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva dwar l-aċċess għal kontijiet ta’ pagament b’funzjonijiet bażiċi.

· Protezzjoni tan-nies f’diffikultà finanzjarja

Il-kriżi finanzjarja wriet id-danni li l-prassi ta’ self irresponsabbli tista’ tikkawża lill-konsumaturi u lis-selliefa. Il-konsumaturi li jixtru proprjetà jew jieħdu self assigurat fuq ir-residenza tagħhom jeħtieġ li jkunu infurmati b’mod xieraq dwar ir-riskji possibbli, u l-istituzzjonijiet li jaħdmu f'dawn l-attivitajiet għandhom jagħmlu xogħolhom b'mod responsabbli. Il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma dwar miżuri nazzjonali u prassi biex jiġu evitati l-proċeduri ta’ preklużjoni[76]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tfittex li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ direttiva proposta dwar il-ftehim dwar il-krediti marbuta mal-proprjetà ta’ residenza. Hija se tippubblika wkoll fil-bidu tal-2013 studju li jidentifika u janalizza t-tekniki legali differenti u l-aħjar prassijiet biex ittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn l-inizjattivi huma kollha parti minn approċċ preventiv biex jittaffew id-diffikultajiet finanzjarji u tiġi indirizzata l-problema tal-persuni mingħajr dar.

· Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija

Id-direttiva l-ġdida dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija[77] tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu rekwiżiti b’orjentazzjoni soċjali fl-iskemi nazzjonali tagħhom u tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni żvantaġġjati u tgħin fl-indirizzar tal-enerġija li dejjem qed togħla fil-prezz billi tipprovdi għall-użu ta’ miters intelliġenti u kontijiet informattivi biex il-konsumaturi vulnerabbli jkollhom informazzjoni ċara, kredibbli u f’waqtha dwar il-konsum tal-enerġija kif ukoll dwar opportunitajiet reali ta’ kif jistgħu jikkunsmaw inqas.

· Titjib tal-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini

L-informazzjoni aċċessibbli, dwar, pereżempju s-servizzi ta’ tiftix tal-impjieg, il-benefiċċji tal-qgħad, il-benefiċċji tat-tfal, il-kura tas-saħħa, jew l-għotjiet tal-istudenti, hija essenzjali għal opportunitajiet indaqs u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekonomija u fis-soċjetà. Biex l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni bħal din ikun aktar faċli, id-Direttiva proposta dwar l-aċċessibbiltà tal-websajts tal-korpi tas-settur pubbliku[78] se tiżgura l-aċċessibilità sħiħa ta’ sett ta' websajts tas-settur pubbliku għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni b'diżabbiltà u l-anzjani. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi lin-nies b'aktar informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet soċjali tagħhom permezz tal-Gwidi ta’ Protezzjoni Soċjali faċli għall-utent u se tgħin biex jitwaqqfu servizzi biex in-nies ikunu jistgħu jsegwu d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom. Kif ukoll il-Kummissjoni se tappoġġja l-applikazzjoni u l-infurzar aħjar tad-drittijiet tal-moviment liberu permezz ta’ Direttiva proposta li se tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2013.

4.3. L-investiment fit-Tfal/fl-Edukazzjoni u l-Indukrar tat-Tfal f’Età Bikrija

Żvilupp ulterjuri tal-potenzjal tal-indukrar u l-edukazzjoni tat-tfal f’età bikrija (IEBT), bl-użu tiegħu bħala investiment soċjali biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza u l-isfidi li jaffaċċjaw it-tfal permezz ta’ intervent kmieni:

· Titjib fl-aċċess għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal

L-aċċess għall-faċilitajiet ta’ indukrar u edukazzjoni minn kmieni fit-tfulija (IEBT) għandu effetti pożittivi tul il-ħajja, pereżempju f’termini ta’ prevenzjoni tat-tluq mill-iskola minn kmieni, it-titjib fl-eżiti ta’ impjieg, u l-iffaċilitar tal-mobilità soċjali. L-IEBT hija ewlenija fl-indirizzar tal-isfidi li qed jiffaċċjaw it-tfal żvantaġġati billi tipprovdi intervent bikri. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal titlob li l-IEBT issir aktar aċċessibbli bħala parti minn strateġija integrata biex ittejjeb l-opportunitajiet tat-tfal, sabiex jintlaħqu l-miri ta’ Barċellona. Barra minn dan, il-Kummissjoni qiegħda tniedi studju ta’ reviżjoni dwar kif skemi kondizzjonali ta’ trasferiment ta' flus kontanti jistgħu jappoġġjaw l-użu tal-IEBT. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) qegħdin isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar inizjattivi ta’ politika biex itejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal mal-Ewropa kollha permezz tal-identifikazzjoni tal-aħjar prassi.

· Jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola.

Dawk li jħallu l-iskola kmieni għandhom ħafna aktar ċans li jispiċċaw bla xogħol jew fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi mira għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola sa inqas minn 10%. Madankollu, 13,5% taż-żgħażagħ għadhom iħallu l-iskola qabel il-waqt. It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola huwa fost il-prijoritajiet ta’ investiment tal-Fond Soċjali Ewropew, li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiżviluppaw politiki konformi mal-istrateġija integrata stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill[79] tal-2011, inkluż permezz ta’ miżuri ta' prevenzjoni, miżuri ta’ intervent u miżuri mmirati lejn l-ingaġġ mill-ġdid ta’ dawk li ma spiċċawx l-edukazzjoni. Il-Programm il-ġdid "Erasmus għal Kulħadd"[80] għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li jirrifletti l-ħtieġa għal aktar investiment tal-UE fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u l-implimentazzjoni ulterjuri tiegħu jista' jappoġġja inizjattivi ta’ edukazzjoni inklużiva.

5. Konklużjoni – It-triq’ il quddiem

Il-kriżi enfasizzat kemm l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE kif ukoll id-diverġenza kbira fil-kapaċità tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jirreaġixxu għall-ħasdiet. Dan ikkonferma wkoll ir-rwol tal-politika soċjali u l-baġits għall-istabbiltà ġenerali tal-UE. Għalkemm il-politiki soċjali huma primarjament il-kompetenza tal-Istati Membri, l-UE tappoġġja u tikkomplementa l-inizjattivi tal-Istati Membri.

Issa fl-Istati Membri hemm fis-seħħ governanza ekonomika aktar b'saħħitha u sorveljanza fiskali msaħħa. Din trid tkun akkumpanjata minn sorveljanza politika mtejba fl-oqsma soċjali li maż-żmien tikkontribwixxi għal-ġestjoni tal-kriżi, l-assorbiment tal-ħasdiet u standard xieraq ta’ investiment soċjali mal-Ewropa kollha. Dan irid jiġi indirizzat ukoll fid-diskussjonijiet għaddejjin bħalissa dwar id-dimensjoni soċjali tal-EMU.

Il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali għandu l-għan li jorjenta mill-ġdid il-politiki tal-Istati Membri lejn l-investiment soċjali fejn meħtieġ, bil-ħsieb li jiżgura l-adegwatezza u s-sostenibbiltà ta’ baġits għal politiki soċjali filwaqt li jgħaqqad dawn l-isforzi biex isir l-aħjar użu tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari tal-FSE. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex isegwu l-azzjonijiet u d-direzzjonijiet stabbiliti f’dan il-pakkett skont dawn it-tliet linji prinċipali:

1. It-tisħiħ tal-investiment soċjali bħala parti mis-Semestru Ewropew

· L-Istati Membri qed jiġu mħeġġa jsaħħu l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti fil-livelli kollha, b'mod speċjali tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-immodernizzar tal-politika soċjali bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

· L-Istati Membri huma mħeġġa biex jirriflettu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom il-gwida pprovduta f'dan il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali b’attenzjoni partikolari lejn:

· Il-progress dwar li tingħata aktar attenzjoni fuq l-investiment soċjali fil-politiki soċjali tagħhom, partikolarment dwar politiki bħall-indukrar tat-tfal, il-kura, l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-appoġġ għall-akkomodazzjoni, ir-riabilitazzjoni u s-servizzi tas-saħħa.

· L-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta' inklużjoni attiva integrata, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ baġits ta’ referenza, kopertura ikbar ta’ benefiċċji u servizzi, u s-simplifikazzjoni tas-sistemi soċjali, pereżempju permezz ta' approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz u li tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ benefiċċji differenti.

· Il-Kummissjoni se tindirizza r-riforma tal-protezzjoni soċjali u l-attenzjoni intensifikata għall-investiment soċjali u l-inklużjoni attiva fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż u Semestri Ewropej sussegwenti. Barra minn hekk il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ titjib tas-sorveljanza tar-riżultati, u se tirfed dan flimkien mas-Sistema Statistika Ewropea permezz ta' titjib u ta’ statistika aktar f’waqtha[81] dwar il-faqar u l-eżiti tal-politiki soċjali u tas-saħħa[82].

2. Isir l-aħjar użu tal-fondi tal-UE għall-appoġġ tal-investiment soċjali

· L-Istati Membri huma mħeġġa biex iqisu b'mod xieraq id-dimensjoni tal-investiment soċjali fl-ipprogrammar tal-fondi tal-UE u tal-FSE b’mod partikolari għall-perjodu 2014-2020. Dan jinkludi l-istħarriġ ta’ approċċi innovattivi għall-iffinanzjar u l-inġinerija finanzjarja, filwaqt li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi bħal dawk dwar il-Bonds ta’ Investiment Soċjali, il-mikrofinanzjament u l-appoġġ għall-intrapriżi soċjali.

· Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri fil-programmazzjoni tagħhom ibbażata fuq il-gwida li tinsab f'dan il-Pakkett u b'aktar gwida tematika operattiva pereżempju dwar l-innovazzjoni soċjali, it-tnaqqis tal-istituzzjonalizzazzjoni, u s-saħħa.

3. Titjib fl-effiċjenza tat-tmexxija u r-rappurtar

· L-Istati Membri, permezz tal-Kumitati rilevanti, huma mħeġġa biex jagħmlu proposti għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, b'konnessjoni aħjar mal-proċessi eżistenti bħall-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u rappurtaġġ imtejjeb dwar ir-rendiment tas-sistemi soċjali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-gwida u l-istrumenti ta’ monitoraġġ, b' kunsiderazzjoni tal-istrumenti makroekonomiċi eżistenti ta’ governanza fiskali u tal-impjiegi, bil-ħsieb li tillimita u tindirizza l-iżbilanċi marbuta mal-politiki soċjali. Il-kriterji ta’ paragun u l-monitoraġġ tar-rendiment se jkunu parti minn dan l-eżerċizzju, abbażi tal-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali[83].

· Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fil-kuntest tal-formazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti, l-SPC u kumitati rilevanti oħra biex tappoġġja dawn ir-riflessjonijiet u se tkompli d-djalogu mal-partijiet interessati rilevanti kollha, speċjalment fil-kuntest tal-Konvenzjoni Annwali tal-Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni.

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv COM (2010) 2020 tat-3 ta’ Marzu 2010; Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-17 ta’ Ġunju 2010

[2]               Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

[3]               L-għadd ta’ nies f’riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdied mill-2008 fi 13 minn 23 Stat Membru li għalihom hemm dejta disponibbli fl-2011(Eurostat).

[4]               Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38

[5]               Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Industrija Ewropea iktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku, COM (2012) 582 tal-10 ta’ Ottubru 2012.

[6]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar il-Patt ta’ Investiment Soċjali – b’reazzjoni għall-kriżi

[7]               Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38.

[8]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, COM (2012) 173, 18 ta’ April 2012

[9]               White Paper mill-Kummissjoni, Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sostenibbli u Sikuri, COM (2012) 55, 16 ta’ Frar 2012

[10]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjieg, COM (2012) 727, 5 ta’ Diċembru 2012

[11]             Għal evalwazzjoni dettaljata tal-implikazzjonijiet baġitarji tat-tixjiħ tal-popolazzjoni jekk jogħġbok irreferi għal 2012 rapport dwar it-tixjiħ – fuq http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/pdf/ee-2012-2_en.pdf

[12]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38

[13]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Rapport dwar is-Segwitu tal-Implimentazzjoni mill-Istati Membri Ewropew tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ta' Nies Esklużi mis-Suq tax-Xogħol 2008 – Lejn approċċ ta’ investiment soċjali SWD(2013)39

[14]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38

[15]             L-ekonomija soċjali, li tissejjaħ ukoll “it-tielet settur", tirreferi għall-atturi mhux governattivi bħal l-organizzazzjonijiet tal-komunità, l-organizzazzjonijiet volontarji, u l-intrapriżi soċjali li jorganizzaw attivitajiet għall-benefiċċju soċjali. L-intrapriżi soċjali huma negozji primarjament b’għanijiet soċjali, u fejn il-bilanċi favorevoli jiġu normalment investiti mill-ġdid fin-negozju jew fil-komunità, minflok mal-profitt jiġi massimizzat għas-sidien u l-azzjonisti.

[16]             Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali, Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, Biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni COM(2011)682 tal-25 ta’ Ottubru 2011

[17]             B’bond b’impatt soċjali tipiku, investitur privat jiffinanzja fornitur tas-servizzi soċjali biex jiġi implimentat programm soċjali bi tpattija għal wegħda (“bond”) mis-settur pubbliku li l-investiment inizjali jiġi rimburżat u titħallas rata ta' qligħ jekk il-programm jikseb ir-riżultati soċjali ddefiniti minn qabel.

[18]             Pereżempju aċċess limitat għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja, aċċess limitat għall-appoġġ għal tagħlim addizzjonali, nuqqas ta' appoġġ min-naħa tal-ġenituri jew aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim addizzjonali (mhux formali) eċċ.

[19]             Il-Bank Dinji, Unità tas-Settur għall-Iżvilupp Uman, l-Ewropa u r-Reġjun tal-Asja Ċentrali: L-Inklużjoni tar-Rom fl-Ewropa u l-Ażja Ċentrali: Opportunità Ekonomika għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u n-Nota ta’ Politika Serba, (it-30 ta’ Settembru 2010)

[20]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2012)44 finali tas-7.3.2012

[21]             Sors: Eurostat, EU-SILC 2008

[22]             Sors: Eurostat, EU-SILC 2008

[23]             Rivista Trimestrali dwar l-Impjieg u s-Sitwazzjoni Soċjali tal-UE, Diċembru 2012

[24]             Diffikultjiet finanzjarji huma ddefiniti bħala diffikultajiet fi djar li jridu jieklu minn ġewwa jew jidħlu f'dejn biex ikopru l-infiq ta’ kuljum

[25]             Ara wkoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li fil-kapitolu III tagħha dwar l-Ugwaljanza tistabbilixxi d-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24) u tal-anzjani (Art. 25) u tirreferi wkoll għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (l-Artikolu 23) u għall-integrazzjoni ta’ persuni b'diżabbiltà (Artikolu 26)

[26]             Skont id-definizzjoni ETHOS: http://www.feantsa.org/files/freshstart/Toolkits/Ethos/Leaflet/EN.pdf

[27]             “Pjan direzzjonali għall-inklużjoni soċjali għal Ewropa 2020”, H. Frazer, E. marlier, I. Nicaise, 2010

[28]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38

[29]             Ibbażati fuq il-kalkoli tal-Kummissjoni

[30]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38

[31]             Ara l-OECD (2012) Bidu Qawwi III: Għodod ta’ kwalità għal Edukazzjoni u Indukrar Bikri tat-tfal", OECD, Pariġi – għal evidenza dwar kif il-politiki ta’ edukazzjoni qabel il-primarja affettwaw ir-riżultati PISA (2009), u d-diverġenza bejn l-Istati Membri li jinvestu f 'dawn il-politiki

[32]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Investing in Health SWD(2013) 43

[33]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, it-3054 laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku u l-Affarijiet Finanzjarji Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010

[34]             Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (2006/C 146/01)

[35]             Dan għandu jkun ibbażat fuq ir-Rapport Konġunt dwar is-Sistemi tas-Saħħa mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kummissjoni u fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-Proċessi ta’ Riflessjoni tal-Kunsill dwar is-sistemi tas-saħħa u dwar il-mard kroniku

[36]             Kunsill tal-EPSCO tas-17-02-2012: "immexxu x-xogħol dwar il-finanzjament tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, nistiednu lil kumitati oħra rilevanti biex jieħdu sehem f 'dan ix-xogħol importanti".

[37]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/C 198/06 tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħolqien ta’ bord ta’ esperti indipendenti u multisettorjali biex jipprovdi pariri dwar modi effettivi ta' investiment fis-saħħa.

[38]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – “Infasslu mill-ġdid l-edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar". COM(2012)669, 20 ta’ Novembru 2012.

[39]             Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3.10.2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE ppubblikata fil-ĠU L 307, ta’ 18.11.2008

[40]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Rapport dwar is-Segwitu tal-Implimentazzjoni mill-Istati Membri Ewropew tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ta' Nies Esklużi mis-Suq tax-Xogħol 2008 – Lejn approċċ ta’ investiment soċjali SWD(2013)39.

[41]             Il-baġits ta’ referenza fihom lista ta’ oġġetti u servizzi li familja ta' daqs u kompożizzjoni speċifika teħtieġ biex tista’ tgħix f’livell tali ta’ benesseri, flimkien mal-istima tal-ispejjeż ta’ kull xahar jew ta’ kull sena tagħha. Sors: European Consumer Debt Network (2009). Handbook of reference budgets, pp. 5.

[42]             Ara wkoll il-qafas regolatorju tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u servizzi ta’ trasport pubbliku, ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010

[43]             L-inqas prezz li konsumatur jista’ jħallas għal oġġett jew servizz speċifiku, inkluż, fejn xieraq, billi jixtri prodotti jew servizzi fi kwantità.

[44]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE dwar l-aċċess għal kont bażiku ta’ pagament, 18.7.2011,

[45]             Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE jeħtieġ jiġu rispettati (u jistgħu jintużaw il-possibbiltajiet offruti pereżempju mir-Regolament 800/2008 għal Eżenzjoni ġenerali sħiħa jew mir-Regolament 1998/2006 dwar għajnuna de minimis)

[46]             Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44

[47]             Kif hemm stipulat fil-prinċipji komuni dwar l-inklużjoni attiva adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru 2008.

[48]             Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE dwar l-aċċess għal kont bażiku ta’ pagament, 18.7.2011, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:190:0087:01:MT:HTML.

[49]             "L-Assi ta’ Intraprenditorija Soċjali" tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (li jiswa EUR 90m) jappoġġja l-iżvilupp tas-suq tal-investiment soċjali u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi soċjali billi jagħmel disponibbli ekwitajiet, kważi-ekwitajiet, strumenti ta’self u għotjiet.

[50]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, sabiex jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni COM (2011) 682 tal-25 ta’ Ottubru 2011

[51]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Pjan ta’ Azzjoni għall-Intraprenditorija 2020, COM(2012) 795, 9 ta’ Jannar 2013.

[52]             Ara n-noti tal-qiegħ 38 u 39.

[53]             Il-proposti tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011) 896 finali) u għal direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (COM(2011) 895 finali) bħalissa qed jiġu nnegozjati.

[54]             Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali

[55]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Is-solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi tas-Saħħa fl-UE"; COM(2009) 567 finali.

[56]             Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni – L-Investiment fit-tfal – Jinkiser iċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ C(2013) 778

[57]             KOM(2007) 62 finali tal-21 ta' Frar 2007

[58]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjieg, COM (2012), 727, 5 ta’ Diċembru 2012

[59]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - "Erasmus għal Kulħadd: Il-programm tal-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport "COM(2011) 787, fit-23 ta’ Novembru 2011

[60]             Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Il-Kura fit-Tul f’Soċjetajiet li qed jixjieħu - Sfidi u Għażliet ta' Politika SWD(2013)41

[61]             Fl-2002, fis-Samit ta’ Barċellona, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-miri li jiġi pprovdut l-indukrar tat-tfal sal-2010 lil (1) mill-inqas 90% tat-tfal bejn it-3 snin u l-età tal-iskola obbligatorja u (2) mill-inqas 33% tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin

[62]             Sal-2020, mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-erba’ snin u l-età obbligatorja biex wieħed jibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw f'edukazzjoni bikrija. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), Anness 1 għall-konklużjonijiet (ĠU C 119, 28.5.2009, p. 7)

[63]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar il-politiki għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, ĠU 2011/C 191/01

[64]             Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-6 ta’ Diċembru 2012.

[65]             Il-Kummissjoni Ewropea u l-UNECE (2013 imminenti) Policy brief - Active Ageing Index, disponibbli fuq: http://europa.eu/ey2012

[66]             Il-mira tal-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u Sana għall-Anzjani hija li żżid il-medja tat-tul ta' ħajja sana taċ-ċittadini tal-UE b'sentejn sal-2020. Hija parti mill-inizjattiva ewlenija Unjoni ta’ Innovazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

[67]             Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (7-8 ta’ Frar 2013)

[68]             Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), Il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd.

[69]             http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm

[70]             Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44

[71]             Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet komuni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali u l-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

[72]             Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44.

[73]             Il-Kummissjoni pproponiet investiment ta’ prijorità ddedikat lill-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali fir-Regolament dwar il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020.

[74]             Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju

[75]             Proposta Leġiżlattiva tal-Kummissjoni – "Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali”. COM(2011) 862, tat-7 ta' Diċembru 2011

[76]             Dokument ta’Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – 'Miżuri nazzjonali u prassijiet biex jiġu evitati proċeduri ta’ esklużjoni għal self b'ipoteka residenzjali'. SEC(2011) 357, 31 Marzu 2011.

[77]             Art. 7(7a) u Art. 10 fid-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE.

[78]             Proposta Leġiżlattiva tal-Kummissjoni - "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tal-websajts tal-korpi tas-settur pubbliku". Com (2012) 721 final, it-3 ta’ Diċembru 2012.

[79]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2011/C 191/01) dwar il-politiki għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola

[80]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - "Erasmus għal Kulħadd: Il-programm tal-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport" COM(2011) 787, 23 ta’ Novembru 2011.

[81]             Jittejjeb l-istandard tal-provvista tad-dejta SILC, il-provvista tal-varjabbli dwar il-privazzjoni u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja fi tmiem is-sena ta’ referenza, il-ġbir ta’ dejta dwar id-dħul tal-familji ta’ kull xahar b’rata aktar mgħaġġla u possibbilment fuq bażi intra-annwali, u tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġi żviluppat modulu annwali dwar strateġiji ta’ soluzzjoni.

[82]             Bl-użu tal-Indikaturi tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea (ECHI)

[83]             Dokument tal-Kunsill 13723/12: Il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali juri devjazzjonijiet annwali statistikament sinifikanti (“ix-xejriet soċjali li jeħtieġu attenzjoni”) fl-indikaturi ewlenin miftiehma bħala parti ta’ sett ta’ indikaturi ta’ protezzjoni soċjali u jagħti lok għal sorveljanza tematika dwar ix-xejriet soċjali li jeħtieġu attenzjoni