52013DC0074

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Aktar Sigurtà tal-Prodotti u Sorveljanza tas-Suq aħjar fis-Suq Uniku għall-Prodotti /* COM/2013/074 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Aktar Sigurtà tal-Prodotti u Sorveljanza tas-Suq aħjar fis-Suq Uniku għall-Prodotti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq huma fil-qofol tas-suq uniku

L-Ewropa għadha qed titħabat biex tegħleb l-agħar tar-riċessjoni ekonomika u biex tirkupra t-tkabbir u l-impjiegi. L-istrateġija 2020 tal-UE hija mfassla biex toħroġ lill-Ewropa mir-reċessjoni permezz ta’ tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv, li jwassal għal livelli ogħla ta’ impjegar. Is-suq uniku jrid ikollu rwol importanti fil-kisba ta’ dan il-għan.

Il-moviment liberu tal-oġġetti huwa l-aktar wieħed żviluppat mill-erba’ “libertajiet” li jsawru s-suq uniku. Madwar 75 % tal-kummerċ fi ħdan l-UE jikkonsisti minn oġġetti. Fis-suq uniku tal-oġġetti tal-lum il-ġurnata, huwa faċli li tixtri u tbiegħ prodotti fis-27 Stat Membru b'popolazzjoni totali ta' aktar minn 503 miljun. Il-konsumaturi għandhom għażla wiesgħa u jistgħu jfittxu l-aħjar offerti. Il-moviment liberu tal-oġġetti huwa vitali wkoll għas-suċċess ta’ eluf ta’ negozji tal-UE.

Aħna għandna ċaqliq liberu ta’ oġġetti fl-Unjoni minħabba, li għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, irnexxielna naqblu safejn għandna nħarsu l-interessi pubbliċi varji fil-livell tal-Unjoni li minflok jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri biex jiġġustifikaw il-fruntieri għall-oġġetti li deħlin (jew li jħallu) it-territorji tagħhom. L-hekk imsejħa “leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni” tispeċifika r-rekwiżiti essenzjali li l-prodotti jridu jissodisfaw biex jibbenefikaw mill-moviment liberu. Il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott titlob li l-prodotti għall-konsumatur ikunu siguri meta jkunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni. Fl-assenza tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni, it-Trattat japplika f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, partikolarment dik li tikkonċerna l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

L-aktar interess pubbliku sinifikanti invokat (iżda mhux biss) huwa l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, li fil-kuntest tal-moviment liberu tal-oġġetti jfisser il-konsumatur. Prodotti siguri jiċċaqilqu b’mod liberu. Għalhekk, ir-regoli tas-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq li jsaħħuhom huma l-bażi tas-suq uniku għall-oġġetti. Jekk irridu nibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq uniku għall-prodotti, neħtieġu sett ta' standards u regoli għoljin dwar is-sigurtà tal-prodotti mibjugħa u sistema tas-sorveljanza tas-suq effettiva u kkoordinata sew mal-Unjoni kollha biex isostnuh. Prodotti aktar siguri u aktar konformi se jikkontribwixxu wkoll għal servizzi aktar siguri u bi prestazzjoni aħjar madwar l-Unjoni kollha u se jrawmu l-provvediment transfruntieri tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba ta’ suq uniku għas-servizzi aktar integrat.

Fil-kuntest tal-kriżijiet ekonomiċi, l-infiq tal-konsumatur tbaxxa l-aktar minħabba dħul li qed jitbaxxa u inċertezza dwar il-futur. Din hija r-raġuni għaliex huwa meħtieġ li wieħed ikompli jiżgura li l-konsumaturi jistgħu jkunu kunfidenti fir-rigward tas-sigurtà u l-adegwatezza għall-fini tal-prodotti. Negozji ġusti u affidabbli għandhom ċans akbar li jibdew u javvanzaw jekk ikunu jafu li qed joperaw f’kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fejn il-kompetituri li jipprovaw iqarrqu u jgħawġu r-regoli jiġu penalizzati.

Is-suq uniku għall-oġġetti bla dubju kien suċċess. Iżda, biex ikompli jkun żgurat is-suċċess tiegħu sabiex ikun l-ixprun ta’ tkabbir li jdum u l-ħolqien ta’ impjegar fit-tul ġdid, kull ingranaġġ fil-makkinarju tas-suq uniku għall-oġġetti jrid jaħdem kif inhu xieraq. Fis-suq uniku għall-oġġetti għad fadal potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat u dan għandu jiġi realizzat b'mod sħiħ. Hemm lok biex jitbaxxew l-ispejjeż tal-konformità għall-operaturi ekonomiċi, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet nazzjonali u tiġi eliminata l-kompetizzjoni inġusta minn kummerċjanti bla skruplu. Il-prodotti fis-suq jistgħu jsiru aktar siguri, jagħtu spinta lill-kunfidenza tal-konsumatur u jistimulaw il-bejgħ.

Għalkemm ir-regoli l-ġodda għall-prodotti armonizzati daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, hemm ħtieġa ċara li r-regoli u l-proċeduri tas-sorveljanza tas-suq jiġu razzjonalizzati, issimplifikati u mtejba biex jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi li japplikawhom u jsegwuhom. Sabiex dan jinkiseb, għandu jittejjeb it-tħaddim tas-sistema fuq il-post sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji u jiġu żgurati l-kosteffiċjenzi fejn dawn jistgħu jeżistu. L-awtoritajiet Nazzjonali jridu jikkooperaw aħjar fit-territorji tagħhom u mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. L-azzjoni tas-sorveljanza tas-suq trid tkun iffukata aktar u kkoordinata aħjar mal-Unjoni kollha. Dan ifisser qsim tar-riżorsi akbar, għodod tal-IT aħjar, kontrolli esterni aktar immirati u aktar ħorox mal-fruntieri tal-Unjoni u penali aktar ħorox għall-ksur.

Id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti 2001/95/KE (GPSD) tinkludi d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà ewlenin li jridu jiġu rispettati għal ħafna prodotti għall-konsumatur: titlob li l-prodotti għall-konsumatur ikunu siguri, tipprevedi t-twaqqif ta’ standards, timponi obbligi fuq l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq u tistabbilixxi proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni u għall-intervent rapidu fir-rigward ta' prodotti mhux siguri. Id-Direttiva jeħtieġ li tiġi riveduta biex ir-regoli dwar is-sigurtà tal-prodott ikunu aġġornati u allinjati, kemm jista' jkun possibbli, ma' dawk fis-seħħ għall-prodotti armonizzati. B’mod partikolari, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi (speċjalment ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u l-identifikazzjoni tal-prodotti) jridu jissaħħu biex jagħtu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq l-għodod meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv.

Illum, il-Kummissjoni adottat il-Pakkett ta' miżuri dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq, li se jissimplifika u jagħmel aktar uniformi r-regoli tas-sigurtà li japplikaw għall-prodotti li mhumiex għall-ikel, jirrazzjonalizza l-proċeduri tas-sorveljanza tas-suq u jikkoordina aħjar u jimmoniterja t-twettiq tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fl-UE.

Il-Pakkett jikkonsisti minn -

· Proposta għal Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur

· Proposta għal Reglament uniku dwar is-Sorveljanza tas-Suq tal-Prodott

· Komunikazzjoni dwar prodotti aktar siguri u konformi fl-Ewropa, li tistabbilixxi pjan pluriennali għas-sorveljanza tas-suq

· Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, inkluż valutazzjoni finanzjarja.

2.           Ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur

Matul żewġ deċennji, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (id-Direttiva 92/59/KEE u mbagħad id-Direttiva 2001/95/KE) stabbilixxiet qafas għas-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq li kkontribwixxa ħafna għas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur. Dan jinkludi Sistema ta' skambju ta' informazzjoni ta' twissija rapida (RAPEX) li tikkonċerna l-prodotti perikolużi u l-proċeduri għat-twaqqif ta’ standards Ewropej għall-prodotti li ma jkunux koperti mod ieħor mil-leġiżlazzjoni tal-armonizzazzjoni tal-Unjoni.

Bi tweġiba għas-sejħiet minn kważi l-gruppi kollha tal-partijiet interessati u mill-Parlament Ewropew biex jiġu ssimplifikati r-regoli tal-Unjoni dwar is-sorveljanza tas-suq u biex isiru aktar aċċessibbli, id-dispożizzjonijiet tal-GPSD li jittrattaw is-sorveljanza tas-suq, inkluż ir-RAPEX, jitneħħew u jiġu integrati fir-regolament tas-sorveljanza tas-suq il-ġdid li jifforma parti minn dan il-pakkett.

Rigward id-dispożizzjonijiet tal-GPSD li jkun għad baqa’, it-twissijiet rikorrenti dwar is-sigurtà tal-prodotti, indikaw biċ-ċar il-ħtieġa ta’ regoli tas-sigurtà tal-prodotti aktar effettivi u aġġornati. Il-ħtieġa li prodotti għall-konsumaturi li jkunu disponibbli fl-UE jridu jkunu siguri tibqa' wkoll dispożizzjoni ewlenija tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur. L-interazzjoni tiegħu ma’ leġiżlazzjoni speċifika għas-settur applikabbli għall-prodotti tal-konsumatur, madanakollu, hija kkjarifikata biex jiġi evitat irduppjar u biex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi.

Biex tirrifletti l-isfidi ta' suq globalizzat, titqiegħed enfasi fuq l-identifikazzjoni msaħħa tal-prodott u ż-żamma tat-traċċi. L-obbligi għall-operaturi ekonomiċi (il-manifatturi, l-importaturi, id-distributuri) huma allinjati mal-“Qafas Leġiżlattiv Ġdid għas-Suq tal-Prodotti” adottat fl-2008 biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ regoli speċifiċi għas-settur. Fl-aħħar u mhux l-anqas, ir-regolament propost jippromwovi użu msaħħaħ tal-istandards Ewropej. Il-proċeduri biex jiġu identifikati jew aġġornati l-istandards eżistenti jew biex jiġu żviluppati oħrajn ġodda li jipprovdu l-preżunzjoni li prodott huwa “sigur”, huma ssimplifikati u allinjati b’mod sinifikanti mar-Regolament Ewropew ta’ Standardizzazjoni (KE) Nru 1025/2012 li ġie adottat reċentement.

Ir-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà tal-Prodotti tal-Konsumatur ilesti r-regolamenti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE tas-seklu 21. Se jagħti spinta lill-kunfidenza tal-konsumatur fis-suq uniku tal-prodotti u jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji.

3.           Ir-Regolament ta’ Sorveljanza tas-Suq

Minkejja l-leġiżlazzjoni fis-seħħ, prodotti li mhumiex sikuri u li mhumiex konformi xorta jirnexxilhom jippenetraw is-suq. In-nies għadhom isofru minn ħsara u prodotti li jagħmlu ħsara għadhom iniġġsu l-ambjent. Il-kummerċjanti illegali għandhom jeżistu - jgħawġu r-regoli u jdgħajfu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi. Dan idgħajjef is-suq intern u huwa diżinċentiv għan-negozji li jinvestu f’ħafna riżorsi biex jiżguraw li d-disinn u l-manifattura tal-prodotti tagħhom ikun wieħed sigur. Ħafna drabi dan huwa r-riżultat tal-fatt li r-regoli fis-seħħ ma jiġux rispettati. L-attività ta’ infurzar għandha tittejjeb sabiex tiġi evitata l-ħsara lill-konsumaturi, biex l-ambjent ikun protett u biex kummerċjanti onesti jingħataw l-opportunità li jikkompetu f’kondizzjonijiet ekwivalenti.

Is-sorveljanza tas-suq hija l-għodda ewlenija tagħna. Sforz tas-suq aktar konċertat u determinat mal-Unjoni kollha se jgħin sabiex prodotti li mhumiex siguri u li jagħmlu l-ħsara jitneħħew mis-suq, se jfixkel lil kummerċjanti illegali u se jħeġġeġ lin-negozji jirrispettaw ir-regoli.

3.1.        Aktar sempliċi, aktar ċar u aħjar

Is-sorveljanza tas-suq titwettaq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri billi dawn jiċċekkjaw u jittestjaw il-prodotti kemm fuq is-suq u kemm meta dawn jaslu mal-fruntiera esterna tal-Unjoni. Għall-prodotti ma jeżistux fruntieri interni - huwa vitali li dawn ma jkunux jeżistu anqas għall-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq nazzjonali It-titjib tal-azzjoni u l-kooperazzjoni transfruntieri huma importanti biex is-sorveljanza tas-suq tkun aktar effettiva.

Riżultat tal-leġiżlazzjonijiet varji li ġew adottati matul is-snin, ir-regoli tal-Unjoni rigward is-sorveljanza tas-suq saru frammentati u mhux ċari, u b’hekk joħolqu lakuni u rduppjar u diffikultajiet għall-operaturi. L-oġġetti għall-konsumatur, b’mod partikolari huma soġġetti għal regoli ta’ sorveljanza tas-suq differenti fil-leġiżlazzjoni tal-konsumatur u l-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-prodotti. Dan ifixkel serjament l-isforzi tal-uffiċjali tas-sorveljanza tas-suq f'dan il-qasam.

B’mod speċifiku, ir-regoli tas-sorveljanza tas-suq huma mifruxin ma' tliet "gradi" separati - Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u għadd varju ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-prodotti (li gradwalment qed tiġi allinjata ma' dispożizzjonijiet ta’ referenza stabbiliti fid-Deċiżjoni 768/2008). Ir-relazzjoni bejn it-tliet gradi normalment mhix ċara, partikolarment minħabba li ħafna prodotti għall-konsumatur huma koperti mit-tlieta li huma.

Ir-Rapport Schaldemose tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva Ġenerali dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u s-sorveljanza tas-suq kien kritiku ħafna fir-rigward ta’ dan l-approċċ ta' "tliet gradi", u iddikjara li dan l-approċċ wassal għal inċertezzi, nuqqas ta' koerenza u konfużjoni fis-suq intern. Ir-Rapport jipproponi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas Ewropew komuni għas-sorveljanza tas-suq rigward il-prodotti kollha fis-suq intern jew li jidħlu fis-suq tal-UE. Ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf sistema ta' sorveljanza għas-suq uniku għall-prodotti kollha, ibbażata fuq att leġiżlattiv wieħed.

Din il-proposta għal regolament uniku ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq hija tweġiba għal din is-sejħa u tindirizza dawn in-nuqqasijiet, u b'hekk tħejji t-triq għal sistema aktar kollaborattiva u konġunta tas-sorveljanza tas-suq fl-Unjoni Ewropea. Tipproponi għadd ta’ miżuri sempliċi ħafna iżda effettivi ħafna:

· Tiġbor flimkien ir-regoli tas-sorveljanza tas-suq li attwalment huma mifruxa mat-tliet gradi tal-leġiżlazzjoni. Din ma tissimplifikax biss il-qafas tas-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni billi tippreżentah fi strument leġiżlattiv wieħed iżda ssolvi wkoll l-inkoerenzi u telimina l-irduppjar.

· Ir-Regolament propost, kemm jista’ jkun possibbli ma jiddistingwix bejn il-prodotti għall-konsumatur u dawk li mhumiex għall-konsumatur, anqas bejn prodotti armonizzati u dawk li mhumiex armonizzati Il-prodotti kollha huma soġġetti għall-istess regoli ħlief meta l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kategorija ta' prodotti jindikaw mod ieħor. F’każijiet eċċezzjonali, xorta jkun jeħtieġ li jsiru distinzjonijiet iżda se jkun ċar għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif iridu jipproċedu.

· Il-proċeduri għan-notifika mill-Istati Membri ta' informazzjoni dwar prodotti li jippreżentaw riskju u l-miżuri korrettivi meħuda se jkunu rrazzjonalizzati. Sa issa, l-Istati Membri sikwit ma kinux ikunu jistgħu jgħidu taħt liema leġiżlazzjoni se jinnotifikaw l-informazzjoni meħtieġa. Fis-sens wiesa’ l-istess sistema ta’ notifiki se tintuża għall-prodotti kollha. Il-fażi finali biss tal-proċedura tas-sorveljanza tas-suq (fejn, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk il-miżuri meħudin mill-Istat oriġinali ta’ notifika humiex leġittimi) se tkun ristretta għall-oġġetti armonizzati.

3.2.        Titjib speċifiku ieħor

Il-proposta ssaħħaħ il-kontrolli fi fruntieri esterni billi tagħmilha ċara li r-rilaxx ta' kwalunkwe prodott għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament għandu jitwaqqaf jekk l-awtoritajiet responsabbli għall-kontrolli fil-fruntieri esterni għandhom għaliex jemmnu li kien joħloq riskju. L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mbagħad jiċċekkjaw jekk il-prodott kienx fil-fatt joħloq riskju qabel ma jgħarrfu lill-awtoritajiet fil-fruntieri biex jirrilaxxawh jew jirrifjutaw ir-rilaxx tiegħu, kif xieraq. Prodotti biss li deħlin fl-Unjoni fil-pussess fiżiku ta' persuni fiżiċi u destinati għall-użu personali tagħhom ikunu eżentati. Għalhekk xiri ta' prodotti minn terzi pajjiżi minn fuq l-internet irid jiġi kkontrollat.

Ir-Regolament jippromwovi l-iskambju u ż-żamma ta’ informazzjoni rigward l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq f’bażi ta’ dejta li jista’ jiġi aċċessat faċilment. Konsegwenza partikulari maħsuba hija li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma għandhomx jirrepetu t-testijiet u l-valutazzjonijiet li twettqu diġà fir-rigward ta’ prodott partikulari mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Għandha ssir prattika standard li wieħed ifittex fil-bażi ta’ dejta għal rekords ta’ tali testijiet u valutazzjonijiet. Minħabba l-ispejjeż kbar tat-test tal-prodott, dan se jwassal għal iffrankar kbir għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru u se jiffaċilita sorveljanza aħjar fi swieq iżgħar fi ħdan l-Unjoni.

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jingħataw is-setgħa li jimmultaw lill-operaturi ekonomiċi meta jkunu jeħtieġu li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward ta’ prodott jew ikunu jeħtieġu jimmoniterjaw azzjoni korrettiva proposta minn operatur.

Is-sistema RAPEX, li kienet tipproċessa n-notifiki mill-Istati Membri rigward prodotti li jippreżentaw riskju, qed tittejjeb. Għalhekk, il-kriterji tan-notifika qed jiġu ssimplifikati, informazzjoni aktar dettaljata trid tiġi nnotifikata għal relevanza u segwitu aħjar, u l-limiti taż-żmien biex jintbagħtu n-notifiki qed isiru aktar realistiċi u li jistgħu jiġu implimentati.

L-esperjenza bil-miżuri ta’ “emerġenza” tas-sigurtà tal-prodott tal-UE uriet ukoll li l-validità ta' dawn il-miżuri (sa sena) mhix biżżejjed biex tipprepara soluzzjoni permanenti fil-livell tal-UE u normalment ikollhom jiġu mġedda ripetutament, u b'hekk joħolqu inċertezza u konfużjoni għall-operaturi ekonomiċi li jridu jiddeċiedu jekk jagħmlux investiment fit-tul biex jadattaw il-prodotti tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tas-sigurtà tal-prodotti. Skont ir-Regolament il-ġdid, il-Kummissjoni għandha tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tat-tip u l-kontenut tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ prodotti perikolużi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tadotta miżuri li jew jiġu indirizzati lill-Istati Membri jew inkella jkunu japplikaw direttament għall-operaturi ekonomiċi. Dawk il-miżuri jistgħu jiġu limitati maż-żmien jew le.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi gwida u informazzjoni utli lill-kumpaniji u partijiet oħra interessati dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tas-sorveljanza tas-suq u tas-sikurezza tal-prodotti. Il-Forum Ewropew propost tas-Sorveljanza tas-Suq se jkollu rwol importanti fl-iżvilupp tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni armonizzata mal-Unjoni kollha. L-assoċċjazzjonijiet tan-negozju u l-konsumatur se jkollhom il-possibbiltà li jsemmgħu leħinhom f’dak il-Forum. L-uffiċċji tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi (EEN) għandhom ixerrdu aktar l-informazzjoni, speċjalment l-SMEs u kollettivament u individwalment, jagħtuhom pariri dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont ir-regolament il-ġdid. In-Netwerk, sostnut minn Mibgħuta tal-SMEs, għandu jiġbor ukoll ir-rispons mill-SMEs u jirrapporta dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, l-interessi jew it-tħassib li għandu jitqies għall-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.

4.           Il-Pjan Pluriennali tas-Sorveljanza tas-Suq

Il-prodotti (inkluż prodotti impurtati minn barra l-Unjoni u rilaxxati f’ċirkulazzjoni libera) jiċċaqilqu faċilment minn fruntiera għall-oħra fl-Unjoni. Il-verifiki rigward is-sigurtà tagħhom għandhom isiru bi frekwenza u konsistenza suffiċjenti mal-Unjoni kollha. Dan ifisser li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien aktar mill-qrib u b'mod effettiv.

L-iżvilupp ta’ pjan pluriennali tas-sorveljanza tas-suq huwa wieħed mill-50 punt ta’ azzjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku. L-Istati Membri diġà jridu jistabbilixxu u jżommu l-programmi tas-sorveljanza tas-suq nazzjonali aġġornati. Il-pjan pluriennali ma jridx jidduplika l-attivitajiet li diġà ġew ippjanati jew li diġà jinsabu fis-seħħ fil-livell nazzjonali iżda għandu jidentifika u jsegwi oqsma li fihom il-koordinazzjoni mill-Kummissjoni żżid il-valur u ġġib magħha titjib reali. Il-pjan jistabbilixxi lista ta’ 20 azzjoni individwali ambizzjuża li għandhom jittieħdu matul it-tliet snin li jmiss.

(1) Skont il-pjan, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri se jkunu mħeġġa u jkunu jistgħu jikkomunikaw u jappoġġjaw lil xulxin aħjar. L-informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u l-prattiki tan-negozju se tinġabar permezz ta’ studji, sondaġġi u u konsultazzjonijiet. Teknoloġija xierqa tal-informatika se titqiegħed fis-seħħ biex tiġbor u taħżen l-informazzjoni b’mod li tista’ tiġi rkuprata faċilment. Id-diverġenzi, id-disparitajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi se jkunu identifikati u se jiġi offrut taħriġ, assistenza teknika u gwida.

(2) Id-dettalji tas-sorveljanza tas-suq huma l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju. Se jiġu żviluppati u segwiti prattiki komuni mal-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi metodi effettivi ta' komunikazzjoni, tħejji gwida u tfassal approċċ komuni għat-twettiq ta’ verifiki dokumentarji u fil-laboratorju fiżiċi tal-prodotti.

(3) Koordinazzjoni ċentralizzata aktar ta’ programmi u azzjonijiet konġunti se timmassimizza l-kamp ta' applikazzjoni utli tagħhom, tiżgura l-kwalità għolja tal-kontenut tagħhom u b'hekk ittejjeb l-effettività tagħhom.

(4) Il-kondiviżjoni tar-riżorsi fejn hu possibbli tgħin biex titneħħa d-duplikazzjoni tal-kompiti u tiffaċilità l-iskambji tal-esperjenza u l-informazzjoni. Kwantità kbira ta’ informazzjoni dwar il-valutazzjoni ta-riskju, metodi tal-ittestjar, miżuri korrettivi meħuda u l-bqija, miġbura mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq mal-Unjoni kollha, qed tingħaqad u tinħażen fil-bażi tad-dejta tal-ICSMS, immexxi mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed se jkunu kapaċi jaraw malajr u b’mod ċar jekk (u jekk hekk, kif) problema partikulari ġietx indirizzata f'oħra. Ir-riżultati tal-ittestjar fil-laboratorju se jkunu disponibbli, u b’hekk jeliminaw il-ħtieġa għal ittestjar ripetut li jwassal għall-iffrankar u t-tnaqqas fil-piż amministrattiv. L-utilità ta’ din l-għodda tiddependi kompletament fuq id-dħul rapidu, preċiż u diliġenti tal-informazzjoni fil-bażi tad-dejta u l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri se jkunu mħeġġa jagħmlu l-parti tagħhom. Kwalunkwe taħriġ jew gwida neċessarja se tkun disponibbli biex tiżgura li l-potenzjal kbir ta’ din ir-riżorsa li qed tikber jiġi realizzat kompletament.

(5) L-iskambju kontinwu tal-opinjonijiet bejn il-Kummissjoni, il-konsumaturi, il-partijiet interessati tan-negozju u l-awtoritajiet nazzjonali huwa meħtieġ biex jissostanzjaw il-kooperazzjoin pan-Ewropea. Dan se jinkiseb mingħajr iż-żieda ta’ abbundanza żejda ta’ interfaċċji tan-negozju taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(6) It-titjib tal-effiċjenza tal-kontrolli tas-sigurtà tal-fruntieri teħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq kif ukoll l-użu ta’ għodod moderni biex il-verifiki li għandhom jitwettqu jiġu indirizzati aħjar fir-rigward tal-prodotti li deħlin fis-suq tal-Unjoni.

Il-pjan pluriennali tas-sorveljanza tas-suq se jġib miegħu benefiċċji tanġibbli u reali għat-twettiq ta’ attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fuq l-art, iwieġeb għad-domandi konsiderevoli ta’ suq intern, modern u funzjonali ħafna għall-oġġetti.

5.           Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008

Ir-rapport, imfassal mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 36(2) u 40 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, ilesti l-Pakkett tas-Sorveljanza tas-Suq u s-Sikurezza tal-Prodotti. B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament u dwar ir-relevanza tal-valutazzjoni tal-konformità, l-akkreditament u l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq li jirċievu finanzjament mill-Unjoni. Is-sejbiet tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni għenu biex jidentifikaw kif tista’ twettaq il-ħidma tagħha aħjar u għalhekk wieħed jista' jarahom fis-sett propost ta' regoli ġodda.

6.           Konklużjoni

L-għan ta' dan il-pakkett ta' proposti huwa li jindirizza t-tliet għanijiet ewlenin: aktar sikurezza għall-konsumaturi; anqas piż għan-negozji; aktar kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. Fl-aħħar mill-aħħar permezz ta’ regoli aħjar li huma adattati għal dan il-għan il-pakkett ifittex li jibni aktar kunfidenza fis-suq uniku u għalhekk jistimula t-tkabbir

Ladarba dawn il-proposti jiġu adottati u implimentati, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jiddependu fuq suq għall-prodotti għall-konsumatur aktar sigur u jibbenefikaw minn informazzjoni trasparenti u komparabbli, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur. L-implimentazzjoni tal-pakkett se jkollha wkoll vantaġġi sinifikanti għall-operaturi ekonomiċi, partikolarment l-SMEs, li se jkunu jistgħu jiddependu fuq regoli ċari u jiżguraw kompetizzjoni aħjar fis-Suq Uniku. Fl-aħħar mill-aħħar l-awtoritajiet pubbliċi mal-Ewropa kollha se jibbenefikaw minn razzjonalizzazjoni tal-qafas tas-sorveljanza tas-suq u minn żieda fis-sinerġiji, li se jwasslu għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u l-infiq u infurzar aħjar.

Il-koleġiżlaturi huma mistiedna jadottaw żewġ proposti leġiżlattivi sabiex jiżguraw li din l-azzjoni ewlenija tal-Att II dwar is-Suq Uniku, bħall-azzjonijiet ewlenin kollha l-oħra, se jintlaħaq qbil dwarha fil-livell tal-UE bħala prijorità sar-rebbiegħa tal-2014.

B’dan il-pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-Kummissjoni tistinka biex tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji li jaħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku għall-prodotti industrijali u tal-konsumatur, u b'hekk tikkontribwixxi għal aktar tkabbir u impjiegi fl-Ewropa.