11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri ġodda għas-Suq Uniku tal-UE tat-Telekomunikazzjonijiet” abbażi ta' dawn iż-żewġ dokumenti: il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012

COM(2013) 627 final – 2013/0309 (COD)

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet

COM(2013) 634 final

(2014/C 177/12)

Relatur: is-Sinjura NIETYKSZA

Nhar it-23 ta' Settembru 2013 u t-12 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Miżuri ġodda għas-Suq Uniku tal-UE tat-Telekomunikazzjonijiet abbażi ta' dawn iż-żewġ dokumenti:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012

COM(2013) 627 final – 2013/0309 (COD)

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet

COM(2013) 634 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Diċembru 2013.

Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tal-21 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'152 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament u l-miżuri speċifiċi biex jitħaffef il-ħolqien ta' suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika bħala bażi għat-tkabbir dinamiku u sostenibbli fis-setturi kollha tal-ekonomija u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda. Dan ser jiżgura wkoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi.

1.2

Il-KESE jqis li l-proposta għat-tnaqqis tal-ostakli għall-provvedituri Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika permezz:

tal-introduzzjoni ta' awtorizzazzjoni unika Ewropea li tkun valida fl-UE kollha,

tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet regolatorji u l-assenjazzjoni tal-ispettru,

ser tagħmilha iktar faċli biex il-provvedituri joffru servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kompetittivi u siguri għall-individwi, l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet fl-UE kollha.

1.3

Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni għandha terġa' tqis li tinkludi s-servizzi tal-broadband fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Provvista ta' Servizz Universali.

1.4

Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li t-tnaqqis tal-ostakli regolatorji ser jiftaħ swieq għall-provvedituri ż-żgħar tal-komunikazzjoni elettronika. L-ikbar xpruni għall-iżvilupp tal-provvedituri ser ikunu:

l-awtorizzazzjoni unika;

is-semplifikazzjoni tal-proċess ta' investiment fin-netwerks;

l-opportunità li jipprovdu servizzi transkonfinali f'kull pajjiż tal-UE;

l-inċentivi għall-investiment.

1.5

Il-KESE josserva li r-regolamenti u l-inċentivi ġenerali tal-Kummissjoni għandhom jipprevjenu l-frammentazzjoni addizzjonali tas-suq, peress li dawn ixekklu l-iżvilupp ta' servizzi transkonfinali u jdgħajfu l-UE fir-rigward tal-kompetituri internazzjonali.

1.6

Il-KESE jqis li aċċessibbiltà mtejba u t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-bini u t-tħaddim ta' netwerks b'links veloċi ser:

joħolqu impjiegi f'kumpaniji Ewropej, inklużi l-SMEs u l-istart-ups li jiżviluppaw u jipprovdu prodotti u servizzi innovattivi fis-suq globali,

iħaffu l-iżvilupp ta' servizzi moderni fil-kummerċ elettroniku u l-edukazzjoni elettronika kif ukoll servizzi pubbliċi avvanzati bħall-amministrazzjoni elettronika s-saħħa elettronika,

iħaffu l-iżvilupp ta' servizzi moderni Ewropej tal-cloud computing, kif tiddeskrivi l-Opinjoni tal-Kumitat “Lejn strateġija Ewropea tal-Cloud Computing” (TEN/494),

jippermettu l-opportunitajiet enormi għall-ħolqien ta' servizzi ġodda li jintużaw f'oqsma fejn l-iżvilupp rapidu huwa mistenni, bħall-Internet tal-Oġġetti u l-komunikazzjoni bejn magna u oħra (machine-to-machine).

1.7

Il-KESE jagħraf li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet regolatorji ser tistimola l-investimenti fil-provvedituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Ewropa.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-armonizzazzjoni proposta tal-garanziji tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-utenti, inkluż:

għażla eħfef ta' provveditur tas-servizzi u l-iffaċilitar ta' bidla bejn provvedituri,

it-tneħħija ta' spejjeż għoljin tat-telefonija roaming bil-mowbajl u tat-telefonija transkonfinali fl-UE b'linja fissa (Ara r-Rapport ta' informazzjoni tal-KESE “Inwaqqfu t-tariffi roaming minnufih”, CES5263-2013, relatur: is-Sur Hencks).

1.9

Il-KESE huwa favur l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti għall-utenti aħħarin tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Istati Membri kollha.

1.10

Il-KESE jqis li l-possibbiltà tal-aċċess miftuħ għan-netwerk u l-użu ta' servizzi avvanzati tal-komunikazzjoni elettronika fit-territorju sħiħ tal-UE ser iżidu l-mobbiltà tal-konsumaturi u l-intraprendituri, u jiffaċilitaw l-aċċess għall-wirt kulturali Ewropew u l-iżvilupp ta' industriji kreattivi.

1.11

Ir-regolament futur għandu jipprovdi iktar sigurtà finanzjarja u legali għall-operaturi. Bħala kumpens, il-KESE jirrakkomanda li jipprovdi wkoll lill-utenti b'iktar sigurtà legali billi jħares aħjar id-drittijiet tagħhom.

1.12

Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-dritt ta' protezzjoni tajba tad-data personali, id-dritt li wieħed jintesa u drittijiet oħra tal-utenti aħħarin tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li ġew notati f'opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1).

1.13

Il-KESE josserva li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huma sors ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli li jikkontribwixxu għal 50 % tat-tkabbir fil-produttività fis-setturi kollha tal-ekonomija fejn huma stabbiliti. Anke jekk l-użu tagħhom iwassal għat-telf ta' ċerti impjiegi, għal kull żewġ impjiegi li jintilfu, jinħolqu ħamsa ġodda (Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2013) 627 final 2013/0309 (COD), p. 2). Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu provduti l-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, b'implimentazzjoni ta' mekkaniżmi edukattivi ġodda.

1.14

Il-KESE jisħaq li hemm bżonn li jiġu rispettati r-regoli tal-kompetizzjoni u n-newtralità tan-netwerk, speċjalment rigward il-provvedituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fis-settur tal-SME – peress li t-tisħiħ tal-ikbar provvedituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u l-konsolidazzjoni tar-riżorsi tal-ispettru jistgħu jheddu l-kompetittività tas-swieq fl-Istati Membri.

1.15

Ir-regolazzjoni tal-prodotti tal-aċċess virtwali għall-broadband (tip ta' aċċess ġenerali għan-netwerk tal-broadband li jikkonsisti f'link ta' aċċess virtwali għal kwalunkwe arkittetura ta' netwerk fiss jew mingħajr fil, minbarra d-diżaggregazzjoni (unbundling) fiżiku taċ-ċirkwiti lokali, flimkien ma' servizz ta' trasmissjoni għal settijiet definiti ta' punti tat-trasferiment flimkien ma' elementi u funzjonalitajiet tan-netwerk u sistemi tal-IT relatati) tidher li hija prematura. Il-KESE jemmen li jkun aħjar li nistennew sakemm il-kundizzjonijiet għall-provvista ta' dawn is-servizzi u l-prezzijiet ikunu ġew regolati mis-suq. Madankollu, ir-rekwiżit li jiġi provdut prodott ta' konnettività b'servizz ta' kwalità żgurat (ASQ) għandu jiġi regolat b'tali mod li jiġi żgurat tqassim tal-piż bilanċjat bejn l-operaturi l-kbar u l-provvedituri ta' servizzi żgħar mis-settur tal-SME.

1.16

Il-KESE jinsab imħasseb sew dwar is-soluzzjonijiet dettaljati dwar l-aċċess għan-netwerks lokali tar-radju, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-utenti aħħarin jagħtu aċċess għan-netwerks tar-radju lil utenti oħra mhux magħrufa u anonimi.

1.17

Il-KESE jwissi li r-regolament propost jistabbilixxi għanijiet ferm ambizzjużi. Il-perjodu ta' żmien qasir għall-introduzzjoni tiegħu (mill-1 ta' Lulju 2014), ser jeħtieġ sforz kbir mill-partijiet interessati ewlenin, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea, ir-regolaturi nazzjonali tal-komunikazzjoni elettronika, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-provvedituri Ewropej tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

1.18

Peress li hemm bżonn li jiġu koordinati l-ambiti u l-proċeduri għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet Ewropej u r-riservazzjonijiet għall-użu tal-ispettru tar-radju u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tal-BEREC sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' regolatur uniku Ewropew.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

L-operaturi l-kbar fl-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel għamlu investimenti enormi fl-infrastruttura tal-konnessjonijiet b'veloċità għolja tal-broadband, kemm fissi kif ukoll mingħajr fil. Għall-Unjoni Ewropea huwa tal-ikbar importanza li żżomm il-kompetittività globali fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika.

2.2

L-aċċess b'veloċità għolja affidabbli u rapida huwa partikolarment kruċjali għall-provvista ta' servizzi ta' informazzjoni innovattivi, inkluż il-cloud computing. Għalhekk, il-fatt li l-UE għandha settur tal-komunikazzjoni elettronika b'saħħtu u l-kapaċitajiet proprji biex tipprovdi lill-konsumaturi b'servizzi moderni, u li għandha kapaċità sostanzjali li tipproduċi tagħmir, soluzzjonijiet u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, iservi l-interessi strateġiċi tagħha.

2.3

L-ekonomija diġitali u l-prodotti li tipprovdi jirrappreżentaw sehem dejjem ikbar tal-PGD u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika huma essenzjali għat-tkabbir tal-produttività fis-setturi kollha tal-ekonomija, mill-kura tas-saħħa u s-servizzi pubbliċi sal-enerġija. Fattur ieħor kruċjali fl-iżvilupp huwa l-possibbiltà ta' investiment fin-netwerks tal-komunikazzjoni mingħajr fil (jiġifieri r-raba' ġenerazzjoni ta' teknoloġija u teknoloġiji sussegwenti tal-komunikazzjoni ċellulari li jipprovdu aċċess għall-internet mobbli b'veloċità għolja) u n-netwerks fissi b'veloċità għolja (pereżempju netwerks fibrottiċi FTTH – fiber-to-the-home).

2.4

Sabiex jiġi żgurat li n-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jrendu sew jeħtieġ li jkunu jistgħu joperaw fuq skala kbira biżżejjed. Madankollu, is-suq tal-komunikazzjoni elettronika tal-Istati Membri tal-UE huwa frammentat sew: hemm iktar minn 1 000 operatur ta' netwerks fissi u mijiet ta' operaturi ta' netwerks tal-mowbajl. Anke l-ikbar gruppi ta' operaturi jipprovdu servizzi f'pajjiżi individwali mingħajr ma joffru servizzi transkonfinali lill-konsumaturi u lill-utenti aħħarin żgħar (l-ikbar klijenti korporattivi biss jibbenefikaw minn dawn is-servizzi transkonfinali). L-ebda operatur m'għandu attività f'iktar minn nofs l-Istati Membri. Is-suq tan-netwerks tat-televiżjoni bil-cable huwa frammentat ukoll: hemm iktar minn 1 500 operatur attiv fih.

2.5

Il-frammentazzjoni tas-suq tissarraf fi prezzijiet għoljin, speċjalment għat-telefonija bejn pajjiżi individwali tal-UE (roaming fin-netwerks tal-mowbajl u t-telefonija b'linji fissi internazzjonali).

2.6

L-ispettru tar-radju huwa riżorsa limitata. Il-livell ta' effikaċja li bih jintuża għandu impatt konsiderevoli fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ADE) u l-kundizzjonijiet operattivi tal-provvedituri tas-servizzi. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-ispettru (bħar-regoli ta' assenjazzjoni, it-tul tar-riservazzjonijiet, il-possibbiltajiet għat-tqassim mill-ġdid (refarming) – it-tibdil fl-assenjazzjoni tal-ispettru kellu l-għan, fost oħrajn, li jindirizza l-ħtiġiet tas-suq jew li jżid l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru) u l-qsim tal-ispettru) ivarjaw sew bejn l-Istati Membri individwali. Hemm differenzi fil-kundizzjonijiet tal-assenjazzjoni, il-perjodu ta' skadenza u l-possibbiltà tat-tiġdid tar-riservazzjonijiet tal-ispettru. Dawn id-differenzi jagħmluha diffiċli li jsir investiment u li jinħolqu netwerks mingħajr fil integrati transkonfinali.

2.7

Għalkemm fis-snin disgħin l-Ewropa kienet il-mexxejja dinjija fit-telefonija tal-mowbajl, bħalissa għadha lura meta mqabbla mal-pajjiżi msemmija hawn fuq fl-implimentazzjoni tal-aħħar teknoloġiji ta' trasmissjoni tal-mowbajl.

2.8

F'dawn l-aħħar snin ir-rata tal-iżvilupp tas-settur tal-ICT fl-Ewropa kienet baxxa ħafna, (0,3 % fis-sena) speċjalment meta mqabbla mal-Istati Uniti (15 %) u pajjiżi ewlenin tal-Asja (26 %).

2.9

Il-bidliet proposti jolqtu oqsma li huma regolati minn atti li jirfdu r-regolazzjoni tal-komunikazzjoni elettronika fl-UE: id-Direttiva tal-UE 2002/20/KE (direttiva dwar l-awtorizzazzjoni), 2002/21/KE (direttiva qafas), 2002/22/KE (direttiva dwar is-servizzi universali u d-drittijiet tal-utenti), 2002/58/KE (direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), id-Direttiva (KE) nru 1211/2009 (twaqqif tal-BEREC – Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-komunikazzjonijiet elettroniċi), id-Direttiva (UE) nru 531/2012 (dwar ir-roaming) u d-Deċiżjoni 243/2012/UE (programm politiku dwar l-ispettru tar-radju) (2).

3.   Għan ġenerali tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

L-għan fundamentali tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea hu li jiġi stabbilit suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fejn:

iċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji jista' jkollhom aċċess għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fit-territorju kollu tal-UE, b'kundizzjonijiet indaqs, mingħajr restrizzjonijiet jew spejjeż addizzjonali,

l-operaturi u l-provvedituri tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jistgħu jipprovdu servizzi b'kundizzjonijiet kompetittivi barra l-konfini tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti biex jilħqu konsumaturi fl-UE kollha,

tiġi żviluppata t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, li għandha tirriżulta fi tkabbir ekonomiku mill-ġdid u ż-żamma tiegħu, kompetittività globali msaħħa fil-pajjiżi tal-UE, u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-ekonomija diġitali, l-industriji kreattivi u l-oqsma kollha tal-ekonomija fejn il-komunikazzjoni elettronika taqdi rwol importanti.

3.2

Fl-abbozz ta' regolament il-Kummissjoni Ewropea tipproponi dawn is-soluzzjonijiet:

awtorizzazzjoni unika tal-UE għall-provvedituri tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi, ibbażata fuq sistema ta' notifikazzjoni unika fl-Istat Membru tas-sede prinċipali tal-provveditur;

l-armonizzazzjoni tar-regoli tad-disponibbiltà, il-kundizzjonijiet tal-assenjazzjoni u t-tul ta' żmien għall-użu tal-ispettru;

l-introduzzjoni ta' prodotti tal-aċċess virtwali għall-broadband u prodotti tal-komunikazzjoni elettronika armonizzati b'servizz ta' kwalità żgurat (ASQ);

l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-utenti/konsumaturi aħħarin (trasparenza tal-informazzjoni u l-kuntratti, kundizzjonijiet definiti b'mod ċar għall-bidu u t-tmiem ta' kuntratti, newtralità tan-netwerk, kwalità ta' servizz garantit, tibdil faċilitat u portabbiltà tan-numri);

setgħat ta' sanzjonar tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u regoli dwar is-setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u atti ta' implimentazzjoni;

regoli dwar it-telefonija roaming fin-netwerks tal-mowbajl;

limitazzjoni tal-prezzijiet għat-telefonija b'linji fissi fl-UE, biex ma jaqbżux it-tariffa nazzjonali tal-komunikazzjoni fuq distanza twila (national long distance);

iktar stabbiltà għall-BEREC bħala korp konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea għat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi.

3.3

Kif enfasizza l-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013, it-tegħlib tal-frammentazzjoni tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika, il-promozzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u l-ġbid ta' investiment privat permezz ta' qafas legali affidabbli u stabbli, filwaqt li jiġu mħarsa l-konsumaturi, u anke l-armonizzazzjoni tal-assenjazzjoni tal-ispettru huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Istati Membri (Dokument tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2013 (EUCO 169/13, CO EUR 13 CONCL 7), punti 5 u 9).

3.4

Iż-żieda fl-aċċess u t-tnaqqis fl-ispejjeż fil-komunikazzjonijiet veloċi ser jippermettu lill-provvedituri kollha tas-servizzi, inkluż l-SMEs Ewropej, biex joħolqu u joffru prodotti u servizzi innovattivi fis-suq globali.

4.   Kummenti speċifiċi dwar ir-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea

4.1   Awtorizzazzjoni unika tal-UE

4.1.1

Il-KESE jqis li l-provvista ta' servizzi transkonfinali bħalissa qed tixxekkel minn burokrazija minħabba l-frammentazzjoni ta' sistemi nazzjonali għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet, l-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju, ir-regolazzjoni tal-prodotti għall-aċċess u r-regoli dwar id-drittijiet tal-konsumatur.

4.1.2

L-operaturi qed jisfruttaw il-frammentazzjoni tas-suq askapitu tal-utenti aħħarin, billi jipprovdu servizzi transkonfinali bi prezz ogħla.

4.1.3

Il-KESE jinnota li l-Proposta għal Regolament ser tippromovi l-konsolidazzjoni tal-operaturi u l-ħolqien ta' provvedituri pan-Ewropej ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dan il-proċess huwa ta' benefiċċju mil-lat tal-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri fis-swieq globali.

4.1.4

It-tisħiħ tal-provvedituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u l-kundizzjonijiet legali armonizzati jagħmlu lill-provvedituri iktar attraenti għall-investituri istituzzjonali, inklużi l-fondi tal-ekwità privata. Il-provvista ta' kapital addizzjonali għall-operaturi ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom għall-investiment.

4.1.5

Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni ta' awtorizzazzjoni unika tal-UE bħala kundizzjoni essenzjali biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistema. Il-proċeduri u l-prinċipji tal-kooperazzjoni għandhom jiġu definiti b'mod ċar.

4.1.6

Il-KESE kien jilqa' l-proposta li kieku ħadet pożizzjoni favur regolatur Ewropew uniku, kif ġie propost u difiż mill-Kumitat f'ħafna mill-opinjonijiet tiegħu.

4.2   Koordinazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju

4.2.1

L-armonizzazzjoni tal-assenzjazzjoni tal-ispettru abbażi ta' kundizzjonijiet uniformi għall-użu tal-ispettru (regoli għall-assenjazzjoni, tul ta' żmien għar-riservazzjonijiet, possibbiltajiet ta' tqassim mill-ġdid (refarming) u qsim tal-ispettru) ser tiffaċilita l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda mingħajr fil b'aċċess għall-broadband (4G u teknoloġiji sussegwenti).

4.2.2

Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament jantiċipa l-eżami ppjanat għall-2016 dwar l-effikaċja tar-regoli eżistenti tar-roaming u d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet tal-bandi ta' frekwenza, li huma mistennija jittieħdu matul il-Konferenza Dinjija tal-ITU-R (ITU-R – (ITU Radiocommunication Sector) – wieħed mit-tliet setturi (unitajiet) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (International Telecommunication Union (ITU)), responsabbli għall-komunikazzjoni tar-radju) dwar ir-Radjukomunikazzjoni fl-2015 (WRC-2015).

4.3   Prodotti Ewropej tal-aċċess virtwali

4.3.1

Il-KESE jqis li r-regoli dwar l-aċċess virtwali għall-broadband qed jiġu proposti f'kuntest ta' inċertezza kbira dwar ir-regoli tan-netwerks NGN/NGA (Next Generation Networks/Next Generation Access – netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' veloċità għolja) u differenzi fil-prattiki regolatorji fl-Istati Membri individwali. Prinċipji regolatorji stabbli li jħeġġu lill-operaturi jinvestu f'infrastruttura tal-NGN/NGA li tqum il-flus għandha tiddaħħal b'kawtela kbira, peress li l-prattiki regolatorji għal dawn il-kwistjonijiet għadhom qed jibdew jissawru. Il-prodotti għall-bejgħ bl-ingrossa għandhom jiġu żviluppati b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti fis-swieq nazzjonali individwali, u m'għandhomx jitfasslu għall-“pajjiż medju Ewropew” (“average European country”).

4.4   Prodott ta' konnettività b'Servizz ta' Kwalità Żgurat (ASQ)

4.4.1

L-introduzzjoni ta' prodotti ta' konnettività b'Servizz ta' Kwalità Żgurat (ASQ) tista' tkun ferm utli għall-ħolqien u l-provvista ta' servizzi diġitali speċjalizzati avvanzati.

4.4.2

Fil-fehma tal-KESE, l-obbligu tal-provvista ta' prodott ASQ għandu jiġi regolat b'tali mod li jiġi żgurat tqassim tal-piż bilanċjat bejn l-operaturi l-kbar u l-provvedituri ż-żgħar tas-servizzi fis-settur tal-SME.

4.5   Drittijiet armonizzati tal-utenti aħħarin

4.5.1

Fil-fehma tal-KESE l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-utenti aħħarin, l-obbligi dwar it-trasparenza u l-informazzjoni ċara għall-konsumatur dwar il-kundizzjonijiet, il-kwalità, id-drittijiet, it-tariffi u r-regoli biex jiġi faċilitat it-tibdil minn provveditur għal ieħor ser iġibu magħhom benefiċċji konsiderevoli għall-konsumaturi tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-provvedituri tas-servizzi u t-tnaqqis tal-asimetrija tal-informazzjoni.

4.5.2

Il-KESE japprova l-għoti ta' informazzjoni speċifika u obbligi kuntrattwali li jkopru:

il-provvista ta' servizzi għall-utenti aħħarin b'diżabbiltà, dettalji ta' prodotti u servizzi,

it-tip ta' azzjoni li jista' jieħu l-provveditur b'reazzjoni għal inċidenti ta' sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet,

il-kontroll mill-utenti aħħarin tal-konsum tagħhom tas-servizzi elettroniċi.

4.5.3

Il-KESE japprova l-obbligu propost li l-provvedituri tas-servizzi elettroniċi jiddistribwixxu informazzjoni ta' interess pubbliku dwar:

l-iktar użijiet komuni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għal attivitajiet illegali jew it-tixrid ta' kontenut dannuż u l-konsegwenzi legali tagħhom;

il-mezzi ta' protezzjoni mir-riskji għas-sigurtà personali u mill-aċċess illegali għad-dejta personali meta jintużaw is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

4.5.4

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih għall-mod ambigwu kif tfasslu l-Kapitoli IV u V tar-Regolament propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-fatturi soġġettivi li ċerti drittijiet tal-konsumatur għadhom jiddependu fuqhom; kien ittamat li dawn isiru garanziji vinkolanti, u dan jirrigwarda b'mod partikolari l-Artikoli 23(3), 27, 28 u 30 tal-Proposta.

4.6   Roaming u telefonija internazzjonali

4.6.1

Għad li l-għan aħħari stabbilit fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hu li tiġi eliminata d-differenza bejn it-tariffi nazzjonali u t-tariffi tar-roaming sabiex jiġi stabbilit suq intern tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet mobbli, il-prezzijiet iċċarġjati għall-komunikazzjonijiet mobbli tar-roaming fl-Ewropa għadhom għoljin wisq u ogħla b'mod konsiderevoli mir-rati ċċarġjati għall-istess servizz nazzjonali.

4.6.2

Peress li t-tariffi medji ċċarġjati mill-operaturi ftit li xejn jitbiegħdu mil-limiti tariffarji regolati u b'hekk ifixklu l-kompetizzjoni b'saħħitha, minkejja li ġew stabbiliti limiti tariffarji fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni tgħid li kienet obbligata tintroduċi pakkett leġislattiv ġdid li jipproponi li jiġu eliminati l-ispejjeż addizzjonali fuq is-sejħiet li jiġu riċevuti bir-roaming barra filwaqt li l-ispejjeż l-oħra tar-roaming suppost jgħibu gradwalment billi titħeġġeġ il-kompetizzjoni bejn l-operaturi, jew tal-anqas bejn l-alleanzi ta' operaturi.

4.6.3

Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel mat-tneħħija tat-tariffi kollha tar-roaming (sejħiet, SMS, data) u mhux biss tat-tariffi tas-sejħiet riċevuti. Barra minn hekk, iqis li biex jinħoloq suq intern Ewropew ġenwin tal-komunikazzjoni elettronika mobbli jeħtieġ li jiġu riveduti wkoll it-tariffi ċċarġjati fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet mobbli fi tranżitu fl-UE.

4.6.4

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-riformi strutturali mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel Lulju 2014, il-KESE jqis li d-data tat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming għandha tiġi stabbilita skont ir-riżultat tar-riformi strutturali previsti fir-Regolament tal-2012, wara li dawn ikunu ġew implimentati bis-sħiħ.

4.6.5

Din l-iskeda għandha tippermetti lill-awtoritajiet regolatorji jieħdu miżuri preventivi biex jiġi evitat li l-operaturi jikkumpensaw it-tnaqqis fid-dħul, minħabba l-eliminazzjoni tat-tariffi tar-roaming, billi jżidu t-tariffi nazzjonali. Kumpens bħal dan jista' jippenalizza lill-konsumaturi kollha, speċjalment dawk in-nies li, għal raġunijiet personali, ma joħorġux mill-pajjiż ta' residenza tagħhom jew li meta jsiefru ma jużawx is-servizz tal-komunikazzjonijiet bir-roaming.

4.6.6

Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li, sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-prezzijiet u speċjalment fl-offerti fissi, l-awtoritajiet regolatorji jfasslu, b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, tip ta' informazzjoni standardizzata dwar il-kompożizzjoni tat-tariffi sabiex l-offerti jkunu jistgħu jitqabblu u tiġi ffaċilitata t-tfittxija tal-aħjar offerta.

4.6.7

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tiżgura b'mod rigoruż ferm li s-sħubijiet bejn l-operaturi, li hija tirrakkomanda bis-sħiħ, ma jwasslux għal ftehimiet jew oligopolji li jirriżultaw f'abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq.

4.7   Tibdil fl-istatus tal-BEREC

4.7.1

Fil-fehma tal-KESE, il-bidliet proposti dwar l-istatus tal-BEREC, pereżempju l-pożizzjoni ta' President full-time tal-Bord tar-Regolaturi, jistgħu ma jkunux biżżejjed fid-dawl tal-isfidi tal-kompetittività u l-bżonn li jinħolqu inċentivi għall-investiment, b'mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni broadband u n-netwerk NGN/NGA.

Brussell, 21 ta' Jannar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 271 – 19.09.2013, pp. 133-137, ĠU C 229 – 31.07.2012, pp. 1-6 , ĠU C 351 – 15.11.2012, pp. 31-35.

(2)  ĠU C 123, 25.4.2001, pp. 55-56 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 123, 25.4.2001, pp. 56-61 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 123, 25.4.2001, pp. 53-54 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU 24, 28.1.2012, pp. 131-133; ĠU C 133, 9.5.2013, pp. 22-26.