12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess tas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet”

COM(2013) 296 final — 2013/0157 (COD)

2013/C 327/19

Relatur ġenerali: is-Sur SIMONS

Nhar id-19 ta’ Ġunju u l-10 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

COM(2013) 296 final – 2013/0157 (COD).

Nhar il-21 ta' Mejju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fl-10 u l-11 ta’ Lulju 2013 (laqgħa tal-11 ta' Lulju), li jaħtar lis-Sur Simons bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’81 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaqbel mat-taħlita ta' approċċ mhux vinkolanti ("soft law") flimkien ma' leġislazzjoni, fejn m'hemmx alternattiva oħra.

1.2

Il-Kumitat jappoġja l-approċċ tal-Kummissjoni li tapplika l-proposti għal kull wieħed mit-319-il port tat-TEN-T, fejn l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għal portijiet oħra.

1.3

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li t-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi ta' mmaniġġjar tal-merkanzija jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, fid-dawl tal-impatt limitat li għandu bħalissa f'dawn l-oqsma. Madankollu, f'termini ta' implimentazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lill-pilotaġġ, l-irmiġġ u l-irmunkar, filwaqt li jitqiesu l-impatti differenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jitwettqu b'mod indipendenti, ħielsa minn kwalunkwe pressjoni kummerċjali li tista' tkun ta' preġudizzju għas-sigurtà, is-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali tal-komunità portwarja u l-pubbliku ġenerali.

1.4

Il-Kumitat jinsab kuntent li r-Regolament jinkludi salvagwardji għad-drittijiet tal-impjegati iżda jistaqsi għala l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE hija fakultattiva. Fir-rigward tal-aspetti soċjali li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni dwar l-akkwist minn entitajiet fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi tal-posta li ġiet adottata fis-26 ta' April 2012 (1). Ix-xewqa tal-Kumitat – li ilha teżisti – li jkun hemm djalogu soċjali indipendenti fis-settur tal-portijiet dal-aħħar saret realtà wkoll.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja l-idea fundamentali tal-Kummissjoni li tiżdied it-trasparenza finanzjarja fis-settur tal-portijiet, għax ser tipprovdi l-informazzjoni rilevanti għall-għajnuna potenzjali mill-Istat iktar malajr.

1.6

Il-libertà kummerċjali tal-entità tal-ġestjoni tal-port fl-iffissar tat-tariffi portwarji ġiet imfixkla minn diversi tipi ta' kriterji u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati. Soluzzjoni għal dan tingħata fil-punt 5.5.

1.7

Il-Kumitat iqis li huwa żejjed li jiddaħħal korp ta' sorveljanza indipendenti fl-Artikolu 17, li għandu jimmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-liġi tal-kompetizzjoni hija suffiċjenti, u fejn mhijiex, għandu jkun hemm soluzzjoni speċifika.

1.8

Il-Kummissjoni tixtieq li fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tkun diġà għamlet valutazzjoni u potenzjalment tkun ukoll ipproponiet miżuri ġodda. Il-Kumitat iqis li dan il-perjodu huwa qasir wisq u jipproponi li fi żmien tliet snin issir valutazzjoni interim li tinkludi biss osservazzjonijiet u li l-valutazzjoni definittiva li minnha jistgħu jinsiltu konklużjonijiet issir fi żmien sitt snin.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fuq tlieta toqgħod il-borma! (Third time lucky) Għat-tielet darba l-Kummissjoni qed tressaq proposti dwar il-portijiet marittimi tal-Unjoni; din id-darba minn perspettiva ġdida u b'mod differenti.

2.2

Xi affarijiet ġodda huma l-inklużjoni ta' 319-il port marittimu fin-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew (TEN-T) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bil-għan li jittejbu l-prestazzjoni tal-portijiet u l-konnessjonijiet bejnhom u l-intern tal-pajjiż ikkonċernat. Minħabba f'hekk, dawn il-portijiet marittimi, fihom infushom, saru interess Ewropew imma anke kompetituri ma' xulxin, tal-inqas potenzjalment.

2.3

Il-miżuri mhux vinkolanti tal-passat li kkonċernaw l-aċċess leġittimu għas-suq u t-trasparenza ma kellhom kważi l-ebda effett. Għalhekk issa, flimkien ma' għadd ta' azzjonijiet, saret proposta għal miżura vinkolanti – regolament – dwar iż-żewġ suġġetti msemmija hawn fuq, biex il-portijiet tal-UE jsiru mutur għat-tkabbir u t-trasport multimodali.

3.   Id-dokumenti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni twila u dettaljata, kif intwera mill-valutazzjonijiet tal-impatt, fil-Komunikazzjoni "Portijiet: magna għat-tkabbir" tipproponi sensiela ta' tmien hekk imsejħa azzjonijiet mhux vinkolanti li fil-fehma tagħha huma meħtieġa biex fis-snin li ġejjin jiġu żviluppati l-opportunitajiet ta' 319-il port, li fosthom hemm 83 fin-netwerk ċentrali tat-TEN-T.

3.2

Il-Kummissjoni tindika li l-prinċipju bażiku tal-istrateġija tal-UE huwa li m'għandu jkun hemm l-ebda indħil mhux meħtieġ fil-portijiet bi prestazzjoni tajba, imma li għandha tingħata għajnuna lill-portijiet li għadhom lura fil-prestazzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-"aħjar prattiki" u approċċ ta' ġestjoni soda, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rispettati d-diversità u ċ-ċirkostanzi partikolari tal-portijiet differenti.

3.3

L-attivitajiet tal-port għandhom impatt dirett fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Bħalissa, 2 200 operatur tal-port joffru impjieg dirett lil 110 000 ħaddiem tal-port, filwaqt li l-portijiet fit-22 Stat Membru marittimu jagħtu xogħol, direttament jew indirettament, lil 3 miljun ħaddiem. Dawn huma sors importanti ta' dħul mit-taxxi għall-gvernijiet.

3.4

Il-Proposta għal Regolament li jiġi stabbilit qafas fuq l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet tapplika b'mod espliċitu l-prinċpju tal-libertà tal-forniment tas-servizzi għal kull tip ta' servizz fil-portijiet kollha tat-TEN-T.

3.5

It-taqsima dwar l-aċċess tas-suq (Kapitolu II) u dik dwar il-miżuri tranżitorji (Artikolu 24) tal-abbozz ta' regolament madankollu mhumiex applikabbli għas-servizzi tal-passiġġieri u l-immaniġġjar tal-merkanzija.

3.6

Dan jagħti lill-entità tal-ġestjoni tal-port il-flessibbiltà li timponi rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi dwar il-kwalità u d-disponibbiltà; f'dan il-każ, l-entità tal-ġestjoni tal-port tista' tillimita l-għadd ta' fornituri ta' servizz partikolari minħabba nuqqas ta' spazju, jekk dan ikun stabbilit b'mod ċar fi pjan formali ta' żvilupp tal-port, jew jekk ikun magħruf b'mod pubbliku li obbligu ta' servizz pubbliku ġie impost fuq il-fornitur.

3.7

Il-Kummissjoni tindika li d-drittijiet tal-impjegati għandhom jiġu garantiti u li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jsaħħu dawn id-drittijiet iżjed f'każ li l-impriża u l-persunal involut jittieħdu minn impriża oħra.

3.8

Il-proposta tgħid li r-relazzjoni finanzjarja bejn l-entità tal-ġestjoni tal-port, minn naħa, u l-gvern min-naħa l-oħra għandha tkun trasparenti, iktar u iktar meta l-entità tal-ġestjoni tal-port tkun qed tirċievi flus mill-gvern.

3.9

L-entità tal-ġestjoni tal-port tista' tiddefinixxi n-nollijiet b'mod indipendenti u abbażi tal-istrateġija kummerċjali u tal-investiment tagħha; in-nollijiet jistgħu jvarjaw skont kemm jintuża l-port u/jew biex jiġi promoss użu iktar effiċjenti tal-infrastruttura tal-port, it-trasport marittimu fuq distanzi qosra jew l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jew l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew tal-karbonju fit-trasport.

3.10

Skont il-Proposta, l-Istati Membri ser ikunu obbligati jkollhom korp ta' sorveljanza nazzjonali indipendenti, li jimmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.11

Dan għandu jkun korp awtonomu li jiffunzjona b'mod indipendenti mill-entità tal-ġestjoni tal-port u l-fornituri tas-servizzi portwarji. Dan il-korp jilqa' lmenti dwar l-immaniġġjar, ikollu d-dritt jobbliga lill-entità tal-ġestjoni tal-port, lill-fornituri tas-servizzi u lill-utenti tal-port jipprovdu kull informazzjoni li jqis neċessarju għal monitoraġġ tajjeb u jieħu deċiżjonijiet vinkolanti, li jista' jsir rikors kontrihom biss fil-qorti.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, bil-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u l-Proposta għal Regolament, ħadet pass lejn il-ftuħ tal-aċċess għas-suq għas-servizzi portwarji u iktar trasparenza finanzjarja tal-portijiet. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li titjieb il-kwalità tas-servizzi u li jiżdied l-investiment fil-portijiet, żewġ elementi importanti ħafna għal funzjonament tajjeb tas-suq. Is-sigurtà, is-sikurezza, l-ambjent u l-kompitu ta' koordinazzjoni tal-Unjoni ngħataw ukoll attenzjoni xierqa.

4.2

Il-proposti pubblikati jinkludu kemm approċċ mhux vinkolanti ("soft law"), it-tmien azzjonijiet li ġew stabbiliti fil-Komunikazzjoni u approċċ vinkolanti fil-forma ta' Proposta għal Regolament. B'mod ġenerali, il-Kumitat huwa tal-fehma li fejn huwa possibbli għandu jintuża l-approċċ mhux vinkolanti, u fejn m'hemmx alternattiva tintuża l-leġislazzjoni. Il-Kumitat diġà esprima din l-idea fl-Opinjoni tiegħu dwar politika Ewropea għall-portijiet (2).

4.3

Il-Proposta għal Regolament tapplika għal kull wieħed mit-319-il port tat-TEN-T peress li, min-natura tagħhom, jaqdu rwol importanti fis-sistema Ewropea tat-trasport. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Proposta għal Regolament għal portijiet oħra. Il-Kumitat jaqbel mal-approċċ prammatiku – skont hu – tal-Kummissjoni.

4.4

Il-Kumitat jinnota li s-servizzi ta’ tagħbija u ħatt ta’ merkanzija u ta' passiġġieri tħallew barra mid-dispożizzjonijiet tranżitorji u dwar l-aċċess għas-suq (Artikolu 11). L-argument tal-Kummissjoni biex jiġġustifika din id-deroga huwa li fis-servizzi tal-passiġġieri u tal-immaniġġjar tal-merkanzija fir-rigward tal-cruiseliners ingħataw ħafna konċessjonijiet, filwaqt li t-trasport tal-passiġġieri bil-ferry huwa servizz pubbliku obbligatorju. Il-Kumitat jista' jaċċetta l-argument tal-Kummissjoni.

4.5

Il-prinċipju tal-libertà tal-forniment tas-servizzi fil-portijiet marittimi huwa element prinċipali f'dan ir-Regolament, li jipprevedi erba' possibbiltajiet biex tiġi limitata din il-libertà:

l-applikazzjoni ta' rekwiżiti minimi għall-forniment tas-servizzi portwarji;

il-limitazzjoni tal-għadd ta' fornituri ta' servizzi portwarji;

l-obbligi tas-servizz pubbliku;

ir-rikors għal operatur intern.

Il-Kumitat jista' jaċċetta din ix-xorta ta' implimentazzjoni tal-prinċipju tal-libertà tal-forniment tas-servizzi li tinkludi l-possibbiltà li jiġu inklużi xi restrizzjonijiet speċifiċi adatti għall-portijiet marittimi. Madankollu, f'termini ta' implimentazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lill-pilotaġġ, l-irmiġġ u l-irmunkar, filwaqt li jitqiesu l-impatti differenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jitwettqu b'mod indipendenti, ħielsa minn kwalunkwe pressjoni kummerċjali li tista' tkun ta' preġudizzju għas-sigurtà, is-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali tal-komunità portwarja u l-pubbliku ġenerali.

4.5.1

Mhuwiex ċar għalfejn l-"operatur intern" (Artikolu 9) biss huwa marbut bl-obbligu ta' servizz pubbliku. Wara kollox jista' jkun hemm raġunijiet purament kummerċjali, bħall-garanzija tal-kontinwità u d-disponibbiltà ta' servizz, għalfejn l-operatur tal-port ikun irid joffri servizz hu stess mingħajr ma jiġi dikjarat bħala servizz pubbliku u/jew użu skars jew riżervat tal-ispazju disponibbli jwassal għal għadd limitat ta' fornituri. Din il-possibbiltà tal-aħħar għandha tiġi prevista wkoll.

4.6

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li t-test tar-Regolament jinkludi l-Artikolu 10, li għandu l-għan li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema portwarji. Madankollu, huwa jistaqsi għalfejn l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE hija fakultattiva. Fir-rigward tal-aspetti soċjali li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni dwar l-akkwist minn entitajiet fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi tal-posta li ġiet adottata fis-26 ta' April 2012 (3).

4.7

Il-Kummissjoni inkludiet għadd ta' artikoli fir-Regolament (l-Artikolu 12 u dawk sussegwenti) li għandhom l-għan li jippromovu t-trasparenza finanzjarja u l-awtonomija. Fost oħrajn, l-awtoritajiet tal-port għandhom l-obbligu tat-trasparenza f'dak li jirrigwarda l-iskala tal-fondi pubbliċi li jibbenefikaw minnhom u huma obbligati jallokawhom f'kontijiet separati jekk l-entità tal-ġestjoni tal-port tkun ukoll fornitur ta' servizzi portwarji. Il-Kumitat huwa favur li jkun hemm l-ikbar trasparenza possibbli u jaqbel ma' dawn il-proposti.

4.8

Il-Kumitat iqis li huwa żejjed li jiddaħħal korp ta' sorveljanza indipendenti fl-Artikolu 17, li għandu jimmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għax m'hemmx bżonnu u jmur kontra t-tendenza li bħala atturi kummerċjali l-portijiet żviluppati għandhom jipprovdu kwalità orjentata lejn il-ħtiġijiet tas-suq. Il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropea attwali hija biżżejjed u fejn ma tiġix applikata, il-Kummissjoni għandha titlob b'mod speċifiku lill-Istati Membru kkonċernati biex jieħu azzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-bżonn li jiġi stabbilit djalogu settorjali soċjali fil-portijiet huwa iktar ċar meta jitqies li fis-sena 2030 ser ikun hemm bżonn 15 % ħaddiema tal-port iktar milli hemm issa. Fil-fehma tal-Kumitat, waħda mill-iktar kundizzjonijiet importanti għat-tħaddim tajjeb tal-portijiet hija klima soċjali tajba u r-rieda li l-partijiet kollha jiddiskutu.

5.2

Għalhekk, il-Kumitat bi pjaċir jinnota li, fid-19 ta' Ġunju 2013, twaqqaf "kumitat tal-UE għad-djalogu soċjali", li fi ħdanu l-imsieħba soċjali, b'awtonomija sħiħa, ser jaħdmu b'mod partikolari fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

5.3

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta li n-nollijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-portijiet jiġu stabbiliti abbażi ta' konsultazzjoni mal-utenti tal-port. Il-Kumitat jaħseb li huwa tajjeb li n-nollijiet tal-infrastruttura tal-portijiet jiġu stabbiliti b'dan il-mod.

5.4

Fil-fehma tiegħu, vantaġġ tar-Regolament huwa l-obbligu ta' trasparenza min-naħa tal-awtoritajiet tal-port rigward il-fondi pubbliċi li jirċievu u l-mod kif dawn il-fondi huma integrati fl-ispejjeż tagħhom. B'hekk l-għajnuna mill-Istat toħroġ iżjed fid-dieher u dan jaġevola t-trasparenza finanzjarja.

5.5

Aspett li l-Kumitat iqis li huwa ferm importanti, il-libertà kummerċjali tal-entità tal-ġestjoni tal-port li tistabbilixxi t-tariffi portwarji (Artikolu 14(1), (2), (3)), prattikament inġab fix-xejn fil-paragrafi sussegwenti li jelenkaw sensiela sħiħa ta' kriterji u jagħtu s-setgħat lill-Kummissjoni. Bit-tneħħija ta' dawn il-paragrafi u billi fl-aħħar tal-Artikolu 14(3), jiġifieri wara "skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat" jiżdiedu "u tal-kompetizzjoni", il-libertà tibqa' inkluża.

5.6

Il-Kummissjoni beħsiebha li fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament toħroġ rapport dwar l-impatt ta' din il-leġislazzjoni. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dan ir-rapport għandu jitqies bħala wieħed interim, għax il-perjodu huwa qasir wisq għal valutazzjoni finali. Wara 6 snin dan ikun iktar raġonevoli.

5.7

Fl-aħħar nett il-Kumitat ifakkar li jridu jittieħdu iktar passi biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-portijiet tal-UE u dawk fil-pajjiżi ġirien li mhumiex imsieħba fl-UE.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 84.

(2)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 45.

(3)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 84.