12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni)”

COM(2013) 162 final — 2013/0089 (COD)

2013/C 327/09

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-15 ta' April 2013 u nhar is-16 ta' April 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni)

COM(2013) 162 final – 2013/0089 (COD).

Nhar is-16 ta’ April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (sessjoni tal-11 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Hernández Bataller bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’116-il vot favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-valur ekonomiku inkontestabbli tat-trade marks u tal-impatt pożittiv tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern, jidher ċar li l-qafas leġislattiv attwali għall-protezzjoni sopranazzjonali mhuwiex suffiċjenti. Madankollu, il-Proposta għal Direttiva hi pass 'il quddiem mis-sitwazzjoni attwali fejn jeżistu differenzi regolatorji bejn it-trade mark Komunitarja u dawk nazzjonali.

1.2

Għaldaqstant, il-Kumitat hu favur it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbutin mal-użu leġittimu ta' trade mark kummerċjali, jappoġġja kemm jista' jkun ir-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trade marks, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) fir-rwol tiegħu li jimmonitorja r-rispett ta' dawn id-drittijiet.

1.3

F'dan ir-rigward, il-liġi tal-UE tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark kemm l-użu esklużiv tagħha bi skop ta' qligħ (ius utendi) kif ukoll il-possibbiltà li jimpedixxi li l-użu tagħha jiġi kompromess mill-azzjonijiet ta' partijiet terzi li jimitaw jew jużaw b'mod inadegwat is-sinjali distintivi tagħha (ius prohibendi). Il-Kumitat jitlob li jiġu adottati miżuri preventivi u kompensatorji fir-rigward tal-piraterija, li tnaqqas il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

1.4

Madankollu, il-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ ma tistabbilixxix b'mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta' trade mark jista' jieħu l-miżuri rilevanti biex jimpedixxi l-azzjonijiet imsemmijin.

1.5

B'mod ġenerali, fis-snin li ġejjin dan il-proċess kollu ta' armonizzazzjoni għandu jwassal għall-allinjament tal-liġijiet dwar it-trade marks, u għandu jiġi adottat kodiċi tat-trade marks tal-UE li jistabbilixxi, fost aspetti oħra, il-ħolqien ta' proċedura flessibbli, uniformi u ekonomika li tagħti l-possibbiltà lill-partijiet interessati li jagħżlu b'mod volontarju li jirreġistraw it-trade mark, u b'hekk jintemmu d-differenzi leġislattivi li jeżistu bħalissa.

1.6

Il-KESE għandu jaqdi rwol attiv fil-proċess leġislattiv tal-adozzjoni tal-atti kollha dwar il-proprjetà intellettwali; għaldaqstant jiddisipjaċih li ma ġiex ikkonsultat dwar il-proposta għall-emendar tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

1.7

Il-KESE jittama li fil-ġejjieni jkun hemm sistema li tiggarantixxi protezzjoni ugwali għat-trade marks, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-livell internazzjonali, il-liġi dwar it-trade marks hi regolata mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, li ġiet iffirmata f'Pariġi fl-20 ta' Marzu 1883, riveduta għall-aħħar darba fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni ta' Pariġi").

2.2

Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni jirriservaw id-dritt li jiftiehmu b'mod separat bejniethom dwar arranġamenti partikolari għall-proprjetà industrijali.

2.3

Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade Marks matul il-Konferenza Diplomatika ta' Nizza nhar il-15 ta' Ġunju 1957, rivedut għall-aħħar darba f'Ġinevra nhar it-13 ta' Mejju 1977 u emendat nhar it-28 ta' Settembru 1979 (2). Il-Klassifikazzjoni ta' Nizza tiġi riveduta kull ħames snin minn kumitat ta' esperti.

2.4

Skont il-bażi tad-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), minn fost l-Istati Membri tal-UE r-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta biss mhumiex partijiet fil-Ftehim ta' Nizza, però t-tnejn li huma jużaw il-Klassifikazzjoni ta' Nizza.

2.5

Il-protezzjoni tat-trade marks hija essenzjalment territorjali. Dan għaliex trade mark hi dritt tal-proprjetà li jipproteġi sinjal f'territorju definit.

2.5.1

Fil-liġi primarja tal-UE, l-Artikolu 17(2) tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

2.5.2

Barra minn hekk, l-Artikolu 118 tat-TFUE jistipula li fil-qafas tal-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, il-miżuri għall-ħolqien ta' titoli Ewropej li jiggarantixxu protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali fl-UE u għall-ħolqien ta' sistemi ta' awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u kontroll ċentralizzati fil-livell tal-UE.

2.6

Fl-Unjoni Ewropea teżisti l-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali u tat-trade mark Komunitarja fl-istess ħin. Il-proprjetarju ta' trade mark nazzjonali jista' jeżerċita d-drittijiet assoċjati ma' din it-trade mark fit-territorju tal-Istat Membru li t-trade mark tkun protetta permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Il-proprjetarju ta' trade mark Komunitarja jista' jagħmel l-istess fit-territorju tat-28 Stat Membru, għaliex it-trade mark għandha effett f'dan it-territorju kollu.

2.7

Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks kienu parzjalment armonizzati mid-Direttiva 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, ikkodifikata sussegwentement bħala d-Direttiva 2008/95/KE.

2.8

Fl-istess ħin u b'rabta mas-sistemi nazzjonali tat-trade marks, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, ikkodifikat bħala r-Regolament (KE) Nru 207/2009, stabbilixxa sistema unika għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet unitarji li għandhom effett ugwali fl-UE kollha. F'dak il-kuntest, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) twaqqaf biex ikun responsabbli mir-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tat-trade marks Komunitarji.

2.9

Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni fetħet dibattiti pubbliċi dwar il-proprjetà intellettwali, li ħa sehem fihom il-KESE, u fl-2011 ħabbret reviżjoni tas-sistema tat-trade marks fl-Ewropa bil-għan li timmodernizzaha, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, billi tagħmilha aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti globalment.

2.10

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, il-Kunsill talab reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (3). Il-KESE jittama li jittejjeb il-qafas legali sabiex isaħħaħ il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali min-naħa tal-awtoritajiet doganali u jiggarantixxi ċertezza legali adegwata.

2.11

Is-sistema Ewropea tat-trade marks hi bbażata fuq il-prinċipju tal-koeżistenza u l-komplementarjetà bejn il-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali u dik Komunitarja.

2.12

Ir-Regolament dwar it-trade mark Ewropea jistabbilixxi sistema globali li tindirizza l-aspetti kollha tal-liġi sostantiva u proċedurali. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva hi limitata għall-approssimazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet biss tal-liġi sostantiva, u għalhekk il-Proposta tassumi li r-regoli sostantivi huma essenzjalment simili u li għall-inqas id-dispożizzjonijiet proċedurali prinċipali huma kompatibbli.

2.13

L-għan tal-Proposta hu li trawwem l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku billi tagħmel is-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-trade marks fl-UE kollha aktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji permezz ta' tnaqqis tal-ispejjeż u l-kumplessità, żieda fir-rapidità, fil-prevedibbiltà u fiċ-ċertezza legali.

2.14

Din l-inizjattiva ta' riformulazzjoni għandha l-għanijiet konkreti li ġejjin:

l-immodernizzar u t-titjib tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva, billi jiġu emendati d-dispożizzjonijiet skaduti, tiżdied iċ-ċertezza legali u jiġu ċċarati l-kamp ta' applikazzjoni u l-limitazzjonijiet tad-drittijiet tat-trade marks;

il-ksib ta' aktar approssimazzjoni tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar it-trade marks bil-għan li jkunu aktar konsistenti mas-sistema Komunitarja, billi:

a)

ikun hemm aktar regoli sostantivi, u

b)

jiġu introdotti r-regoli proċedurali prinċipali fid-Direttiva, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament, b'mod partikolari dawk fejn id-differenza eżistenti toħloq problemi importanti mill-perspettiva tal-utenti, u fejn tali allinjament jitqies bħala indispensabbli għall-ħolqien ta' sistema armonizzata li tikkomplementa l-protezzjoni tat-trade marks fl-Ewropa;

tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-Istati Membri u l-UASI sabiex jippromovu l-konverġenza tal-prattiki u l-iżvilupp ta' għodod komuni, billi tiġi stabbilita bażi legali adatta għal din il-kooperazzjoni.

2.15

Il-Proposta għal Direttiva, minn banda, taġġorna u ttejjeb id-dispożizzjonijiet attwali rigward:

id-definizzjoni ta' trade mark, billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġu reġistrati trade marks li jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta' mezzi teknoloġiċi li joffru garanziji sodisfaċenti;

id-drittijiet mogħtija minn trade mark kummerċjali, kif stabbilit fl-Artikoli 10 u 11 li jirrigwardaw id-drittijiet mogħtija bla ħsara għal drittijiet preċedenti; il-każijiet ta' identità doppja; l-użu ta' isem tal-kummerċ jew ta' kumpanija; l-użu ta' reklamar komparattiv; il-kunsinni minn fornituri kummerċjali; il-beni mdaħħla fit-territorju doganali; l-atti preparatorji u l-limitazzjoni tal-effetti ta' trade mark.

2.16

Mill-banda l-oħra, il-Proposta tipprova tilħaq approssimazzjoni akbar tal-liġi sostantiva permezz tal-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali; il-protezzjoni ta' trade marks b'reputazzjoni; l-enfasi fuq it-trade marks bħala proprjetà, peress li jistgħu jkunu soġġetti għal ċessjoni tad-drittijiet reali, u r-regolazzjoni tat-trade marks kollettivi.

2.17

Fir-rigward tal-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali prinċipali, il-Proposta tindirizza l-ħatra u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi; l-eżami ex officio; il-miżati; il-proċedura ta' oppożizzjoni; in-nuqqas ta' użu bħala difiża fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni; il-proċedura għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità; u n-nuqqas ta' użu bħala difiża fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

2.18

Il-Proposta timmira wkoll li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji. B'mod komplementari mal-qafas legali tal-kooperazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament, l-Artikolu 52 jistabbilixxi l-bażi legali għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali tal-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea, li hi partikolarment f'waqtha f'kuntest ekonomiku globali li hu kompetittiv ħafna u fi żmien meta l-ekonomija fl-Ewropa battiet.

3.1.1

F'dan il-kuntest, it-trade mark tikkontribwixxi, minn naħa, għall-ħolqien ta' valur intraprenditorjali u l-fiduċja tal-klijenti, u min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

3.1.2

Dan l-aħħar aspett huwa importanti ħafna hawnhekk għal diversi raġunijiet:

l-ewwel nett, għax il-protezzjoni tat-trade marks tnaqqas l-ispejjeż tat-tfittix tal-konsumaturi;

it-tieni, għax tiggarantilhom livell ta' kwalità konsistenti li jobbliga lill-produttur jieħu ħsieb il-kontenut tal-prodott jew tas-servizz;

it-tielet, għax tirrikjedi investiment fit-titjib u l-innovazzjoni li jsaħħaħ il-fiduċja kummerċjali tal-konsumaturi.

3.2

Il-Proposta għal Direttiva ser ittejjeb b'mod sinifikanti l-qafas legali attwali tal-liġijiet tal-Istati Membri bi tliet modi:

ser tissemplifika s-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-trade marks fl-UE kollha, u b'hekk jonqsu l-ispejjeż u jitħaffu l-proċeduri;

ser ikun hemm ċertezza legali li tirriżulta mit-titjib tal-komplementarjetà bejn ir-regoli interni u dawk sopranazzjonali f'dan il-qasam, u mill-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti; u fl-aħħar nett,

ser iżżid il-livelli ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-aktar permezz tal-kjarifika tas-sistema għall-merkanzija fi tranżitu, l-inklużjoni ta' kriterji ġodda għar-reġistrazzjoni, bħal ngħidu aħna l-marki bil-ħoss, u ċerti speċifikazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-lingwi mhux tal-UE, u oħrajn.

3.3

Tinkludi wkoll, fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi, kummerċjali u legali, innovazzjonijiet importanti bħad-definizzjoni ta' trade mark, li tippermetti rappreżentazzjoni minn mezzi grafiċi oħra, li tippermetti identifikazzjoni aktar preċiża tat-trade mark, u l-possibbiltà li jiġu reġistrati trade marks li jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta' mezzi teknoloġiċi li joffru garanziji sodisfaċenti.

3.4

Huwa pożittiv li l-Proposta tipprova tilħaq approssimazzjoni akbar tal-liġi sostantiva, pereżempju billi jiġu miżjuda l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali; il-protezzjoni ta' trade marks b'reputazzjoni; it-trattament tat-trade marks bħala proprjetà, bħalma huma ċ-ċessjoni tad-drittijiet reali u l-aspetti essenzjali tal-użu kummerċjali. L-introduzzjoni tat-trade marks kollettivi u l-marki ta' garanzija fil-Proposta għal Direttiva hi importanti ħafna sew għall-intrapriżi u sew għall-konsumaturi.

3.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa' l-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali prinċipali għaliex b'hekk jinħolqu regoli komuni għall-ħatra u l-klassifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, b'konformità mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u l-eżami ex officio, il-proċedura ta' oppożizzjoni u l-proċedura għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità.

3.6

Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kumitat huwa pożittiv li l-proċedura tat-tħejjija tal-Proposta għal Direttiva saret b'livell għoli ta' pubbliċità u ta' parteċipazzjoni tas-setturi kkonċernati tas-soċjetà ċivili.

3.7

Madankollu, il-Kumitat għandu xi oġġezzjonijiet għall-għan u l-kontenut tal-Proposta, mingħajr ħsara għall-emenda proposta tar-Regolament attwali (KE) Nru 207/2009, li stabbilixxa sistema unika għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet unitarji, u li jsawwar il-pakkett leġislattiv flimkien mal-Proposta għal Direttiva.

3.8

F'dan il-kuntest, il-Kumitat huwa sorpriż li ntalbitx l-opinjoni konsultattiva tiegħu dwar il-Proposta COM(2013) 161 final tas-27.3.2013 li temenda r-Regolament imsemmi hawn fuq dwar il-marka kummerċjali Komunitarja.

3.9

Peress li dan l-att għandu impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (Artikolu 118 tat-TFUE) u jaffettwa l-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 169 tat-TFUE), interpretazzjoni kuntestwali u konsistenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, li jagħtu b'mod espliċitu lill-Kumitat rwol konsultattiv f'dawn l-oqsma, titlob il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Kumitat fil-proċess leġislattiv tal-adozzjoni ta' dan l-att.

3.10

F'dan ir-rigward, il-liġi tal-UE tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark kemm l-użu esklużiv tagħha bi skop ta' qligħ (ius utendi) kif ukoll il-possibbiltà li jimpedixxi li l-użu tagħha jiġi kompromess mill-azzjonijiet ta' partijiet terzi li jimitaw jew jużaw b'mod inadegwat is-sinjali distintivi tagħha (ius prohibendi), Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

3.11

Madankollu, il-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ ma tistabbilixxix b'mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta' trade mark jista' jieħu l-miżuri rilevanti biex jimpedixxi l-azzjonijiet imsemmijin.

3.11.1

Għalkemm il-Proposta għal Direttiva żżid b'mod sinifikanti n-numru ta' sitwazzjonijiet meta l-proprjetarju tat-trade mark jista' jimpedixxi l-użu tagħha minn partijiet terzi (Artikolu 10), u tistabbilixxi dispożizzjoni ġdida f'dan ir-rigward, jiġifieri l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju permezz tal-użu ta' preżentazzjoni, imballaġġ jew mezzi oħra (Artikolu 11) jew tal-użu ta' trade mark reġistrata f'isem ta' aġent jew rappreżentant (Artikolu 13), huwa l-imħallef kompetenti li jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni eżatt ta' dan id-dritt f'każ li tinbeda proċedura ġudizzjarja mill-parti kkonċernata.

3.11.2

Għalhekk ser ikun f'idejn kull korp ġudizzjarju li jistabbilixxi jekk jeżistix ir-riskju ta' konfużjoni jew sjieda inadegwata tat-trade mark protetta minn parti terza, u f'każ li jkun jeżisti, hu jiddetermina wkoll il-kumpens li għandu jingħata lill-proprjetarju skont it-talba mressqa.

3.11.3

Konsegwentement, il-Proposta għal Direttiva ma toffrix protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-użu t-trade mark mill-proprjetarju, u lanqas tad-drittijiet tal-konsumaturi meta dawn jistgħu jkunu affettwati mill-użu inadegwat jew qarrieqi ta' trade mark kummerċjali.

3.12

Għalhekk, il-komplementarjetà bejn is-sistema sopranazzjonali u s-sistemi interni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju ta' trade mark tinvolvi riskju ċar fir-rigward tal-aħjar effiċjenza u prontezza possibbli tal-protezzjoni, b'konformità mal-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva.

3.12.1

B'hekk, pereżempju, ma jiġix garantit li ser jingħelbu d-differenzi interni li jirriżultaw mit-traspożizzjoni skorretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48/KE (fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) rigward il-miżuri biex tiġi żgurata azzjoni ta':

inibizzjoni, inkluża l-possibbiltà li tinqered il-merkanzija u l-mezzi użati għall-manifattura tagħha, jew l-impożizzjoni ta' multi;

kumpens għad-danni u l-ħsara, jew il-possibbiltà li tiġi ppubblikata s-sentenza rilevanti.

3.12.2

Din l-inċertezza legali tkun aktar gravi jekk id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark jinkisru f'diversi Stati Membri.

3.13

Aktar u aktar għaliex il-Proposta għal Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jagħmlu din il-protezzjoni aktar kumplessa.

3.13.1

Pereżempju, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 (Raġunijiet assoluti għal rifjut jew nullità) jistabbilixxi li "[t]rade mark għandha tkun suxxettibbli li tiġi dikjarata invalida meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tkun saret in mala fede mill-applikant" u li "[k]walunkwe Stat Membru jista' jipprovdi wkoll li tali trade mark ma tiġix reġistrata".

3.14

Billi skont l-UASI l-kunċett ta' mala fede jeskludi n-nuqqas ta' intenzjoni ta' użu, liema awtorità ser tistabbilixxi kriterji uniformi biex l-evalwaturi kompetenti jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk jeżistux aspetti oħra li jindikaw mala fede?

3.15

Dan in-nuqqas leġislattiv huwa paradossali jekk titqies id-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 10(5) tal-Proposta għal Direttiva, li tintitola lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata li jevita li partijiet terzi jġibu merkanzija minn territorji li ma jagħmlux parti mit-territorju tal-unjoni doganali mingħajr ma tkun rilaxxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera. Għalhekk, hawnhekk il-Proposta ma ssegwix il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-merkanzija fi tranżitu (Kawżi C-446/09 u C-495/09, Philips/Nokia), u tinvalida kull preżunzjoni jew prova dwar il-bona fede tal-partijiet terzi kkonċernati (4).

3.16

Mill-banda l-oħra, m'hemmx dubju li l-prevenzjoni u t-trażżin ta' dan it-tip ta' prattiki kummerċjali illeċiti jissaħħu jekk il-Proposta għal Direttiva tistabbilixxi bażi legali speċifika li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li żżid l-azzjoni tagħha permezz tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati terzi li l-intrapriżi tagħhom iwettqu dawn il-prattiki b'mod ġeneralizzat u sistematiku.

3.17

Lanqas mhu biżżejjed dak li hu previst fl-Artikolu 45(1) tal-Prospota għal Direttiva, jiġifieri li b'mod ġenerali "[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu proċedura amministrattiva effiċjenti u bil-ħeffa quddiem l-uffiċċji tagħhom għal oppożizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ta' trade mark għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 5". Hemm bżonn li tiġi konkretizzata aktar in-natura ta' din il-proċedura, u għandu jiġi stabbilit bil-liġi perjodu raġonevoli li fih iridu jaġixxu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'konformità mal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Id-dritt għal amministrazzjoni tajba).

3.18

B'mod simili, l-effiċjenza u l-prevedibbiltà marbutin mal-protezzjoni sopranazzjonali tal-proprjetarji ta' trade mark jirrikjedu li jiġi rivedut il-kontenut ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Proposta għal Direttiva, bħall-Artikolu 44 u l-Artikolu 52. Fir-rigward tal-Artikolu 44, li jistabbilixxi miżata (ġenerika) addizzjonali għal kull klassi ta' merkanzija u servizzi lil hinn mill-ewwel klassi li għandha tiġi inkluża fit-talba għall-ewwel reġistrazzjoni, għandu jiġi stabbilit massimu għal din il-miżata.

3.19

Min-naħa l-oħra, b'rabta mal-Artikolu 52, li jistabbilixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UASI sabiex jippromovu l-konverġenza tal-prattiki u l-għodod u jiksbu riżultati koerenti fl-analiżi u r-reġistrazzjoni tat-trade marks, għandu jkun hemm dispożizzjoni speċifika li b'konformità mal-Artikolu 291(2) tat-TFUE tagħti l-kompetenzi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' "kodiċi tal-kondotta" vinkolanti.

3.20

Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali rispettivi għandha titqies bħala kwistjoni ta' interess komuni, b'konformità mal-Artikolu 197 tat-TFUE. F'dan il-qasam ikun tajjeb li jiġu skambjati l-informazzjoni u l-persunal u li jiġu appoġġjati programmi ta' taħriġ, billi jiġi stabbilit baġit pubbliku għal dan il-għan.

3.21

B'mod ġenerali, fis-snin li ġejjin dan il-proċess kollu ta' armonizzazzjoni għandu jwassal għall-allinjament tal-liġijiet dwar it-trade marks, u għandu jiġi adottat kodiċi tat-trade marks tal-UE li jistabbilixxi, fost aspetti oħra, il-ħolqien ta' proċedura flessibbli, uniformi u ekonomika li tagħti l-possibbiltà lill-partijiet interessati li jagħżlu b'mod volontarju li jirreġistraw it-trade mark.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Recueil des traités des Nations unies [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti], Vol. 828, Nru 11851, p. 305.

(2)  Recueil des traités des Nations unies [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti], Vol. 818, nru I-11849.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:196:0007:0014:mt:PDF ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

(4)  L-Artikolu 10(5) tal-Proposta għal Direttiva jgħid hekk: "Il-proprjetarju ta' trade mark reġistrata għandu jkun intitolat ukoll jipprevjeni lill-partijiet terzi kollha milli jġibu merkanzija, fil-kuntest ta' attività kummerċjali, fit-territorju doganali tal-Istati Membri fejn it-trade mark hija reġistrata mingħajr ma tkun rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera meta, tali merkanzija, inkluż l-imballaġġ, tiġi minn pajjiżi terzi u jkollha mingħajr awtorizzazzjoni trade mark li hija identika għat-trade mark reġistrata fir-rigward ta' tali merkanzija, jew li ma tistax issir distinzjoni fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trade mark." Fil-qosor, b'dan il-mod jinħoloq mekkaniżmu deċiżiv li jindirizza l-falsifikazzjoni tal-merkanzija prodotta barra mill-UE u ma jippermettix li l-partijiet interessati jibbenefikaw mill-fizzjoni legali li l-merkanzija fi tranżitu ma tidħolx fit-territorju doganali tal-UE.