12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/5


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja”

2013/C 327/02

Relatur: is-Sur SIBIAN

Korelatur: is-Sur LECHNER

F’ittra mill-Kummissarju Šefčovič tat-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat u l-Artikolu 9 tal-Protokoll ta’ Kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’171 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoniji waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-gvernijiet Serbi dawn l-aħħar għaxar snin biex jirriformaw l-ekonomija u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Huwa jara l-proċess tal-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea bħala opportunità biex ir-riformi li qed isiru jiġu konsolidati u implimentati b'mod effettiv. Huwa jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess li jġib il-liġijiet Serbi konformi ma' dawk tal-acquis tal-UE. Huwa jappella lill-Gvern tas-Serbja u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jinvolvuhom mill-viċin fil-passi li ġejjin li jwasslu għall-adeżjoni mal-UE.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja mhux aktar tard minn Jannar 2014. Il-KESE jawgura lil Belgrad u lil Prishtina għall-iffirmar ta' L-Ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jiggvernaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijet (Brussell, 19 ta' April 2013) u għall-Pjan ta' Implimentazzjoni adottat f'Mejju. Issa huwa jappella liż-żewġ partijiet biex jimplimentaw il-ftehim, bl-għajnuna tal-UE. Il-KESE jisħaq li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jiġu involuti fil-fażi tal-implimentazzjoni, peress li jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għar-rikonċiljazzjoni.

1.3

Il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi Serbi biex jorganizzaw aktar seduti pubbliċi u konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-fażijiet bikrija tat-tfassil tal-politiki kif ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza li huma jipparteċipaw f'oqsma ewlenin tal-proċess ta' riforma bħall-istat ta' dritt, il-kooperazzjoni reġjonali u ir-rikonċiljazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-ambjent, l-agrikoltura, id-drittijiet tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Gvern jagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Huwa jkompli billi jinsisti li s-sigurtà ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandha tiġi rikonoxxuta bħala bżonn u għandha tiġi garantita mill-Gvern.

1.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li, anke jekk sar progress sinifikanti fil-promozzjoni ta' soċjetà aktar inklużiva, hemm ħafna x'għad irid isir biex tinbena soċjetà li fiha kulħadd huwa indaqs, irrispettivament mill-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini, jew ir-reliġjon. Il-KESE jitlob lill-Gvern biex ma jitlifx ħin biex jimplimenta l-Istrateġija kontra d-diskriminazzjoni adottata f'Ġunju 2013). Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f'ħidma mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tuża r-rapport ta' progress annwali tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija.

1.6

Il-KESE jilqa’ b'sodisfazzjon l-inklużjoni tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili fil-Grupp ta’ Esperti tal-Prim Ministru tal-Korp ta’ Koordinazzjoni tal-Proċess ta’ Adeżjoni fl-UE. Il-KESE japprezza wkoll il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, fil-Kunsill tal-Prim Ministru għall-Integrazzjoni tal-UE. Din hija prattika tajba li għandha tiġi żviluppata billi tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, fit-tim futur tan-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja. Madankollu għandhom jiġu żgurati konsultazzjonijiet frekwenti u wiesgħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet komuni ewlenin. Huwa importanti li l-esperti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu mistiedna jissieħbu f'għadd ta' sottogruppi fi ħdan il-Grupp ta' Esperti tal-Korp ta' Koordinazzjoni.

1.7

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) biex tipprovdi appoġġ akbar għall-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (fosthom l-imsieħba soċjali) u biex tiffoka fuq żieda fl-appoġġ għas-sħubijiet, mhux biss bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda wkoll bejnhom u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-fondi disponibbli fil-qafas tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili għandhom jiżdiedu u jkunu mmirati aktar lejn proġetti mwettqa mill-imsieħba soċjali wkoll. Il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem b'mod ġenwin fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE għandu jinżamm bħala qasam ta' prijorità, billi jiġu promossi proċeduri semplifikati għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' proġetti u l-użu ta' għotjiet istituzzjonali u l-għoti mill-ġdid tagħhom (re-granting). Apparti l-appoġġ finanzjarju huwa mixtieq ukoll l-appoġġ għall-mekkaniżmi biex jittejjeb id-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE fis-Serbja biex tkompli tippermetti l-għoti mill-ġdid lil organizzazzjonijiet iżgħar tas-soċjetà ċivili permezz ta' organizzazzjonijiet ikbar tas-soċjetà ċivili bħala pass 'il quddiem biex dawn il-fondi jkunu disponibbli għall-komunità usa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.9

Iż-żieda tat-trasparenza fl-infiq pubbliku trid tinżamm bħala azzjoni ewlenija fl-istrateġija ta' żvilupp tas-soċjetà ċivili, filwaqt li l-mekkaniżmi għall-ippjanar u r-rimborż tal-kofinanzjar għall-proġetti tal-UE implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jittejbu u l-kofinanzjar jiżdied.

1.10

Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex iżid l-isforzi ħalli jimplimenta qafas istituzzjonali u leġislattiv li jippermetti l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' “liġi tal-perċentwali” li tippermetti liċ-ċittadini jallokaw parti mit-taxxa fuq l-introjtu tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi promossa l-filantropija individwali (abbażi tal-mudell eżistenti fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant), kif ukoll li jiddaħħlu inċentivi tat-taxxa għall-filantropija individwali u korporattiva.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi riveduta l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, li għadha kemm ġiet adottata u li ħolqot ostakli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkunu qed jikkompetu għal sejħiet għall-offerti pubbliċi. Il-liġi ddaħħal garanziji finanzjarji obbligatorji li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jistgħux ikollhom. Dan jista' jxekkilhom milli jikkompetu fil-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti pubbliċi mhux biss fil-qasam tas-servizzi soċjali iżda wkoll fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

1.12

Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex jistabbilixxi strateġija komprensiva biex l-ekonomija informali tiġi miġġielda u limitata. Dan itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, jipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta u b'hekk joħloq ambjent ekonomiku aħjar, filwaqt li jiġi garantit rispett akbar għad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema. Dan jista’ jgħin ukoll biex terġa’ titrawwem il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u jiġi promoss il-kunċett ta' stat tad-dritt.

1.13

Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jappella lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu l-aħjar użu mill-istituzzjonijiet attwali, speċjalment il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES). Huwa jappella lill-Gvern biex ikompli jippromovi l-KES u jikkonsulta miegħu b'mod aktar sistematiku dwar il-politiki kollha li fihom għandhom interess leġittimu l-ħaddiema u min iħaddem. Il-KESE jqis li d-djalogu soċjali għandu jkun regolari u strutturat u mhux ad hoc, u li għandu jkun aktar effettiv u mmirat lejn ir-riżultati.

1.14

Il-KESE jitlob li l-promozzjoni tad-djalogu soċjali tkun fost il-prijoritajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-Serbja u għalhekk għandha tiġi riflessa fil-programmi kollha tal-KE disponibbli għall-pajjiż. Dan jirrikjedi involviment akbar tal-KES li għandu wkoll jiġi involut u kkonsultat b’mod formali f’kull stadju tan-negozjati tal-adeżjoni u għandu jiġi involut fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja. Il-KES għandu jkun jista' jressaq kummenti u opinjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE huma u jivvalutaw il-progress tas-Serbja fl-adeżjoni mal-UE.

1.15

Il-KESE jqis li d-djalogu soċjali għandu jkompli jitħeġġeġ fil-livelli reġjonali u lokali, u għandu jibni fuq l-istrutturi reġjonali tal-KES. Għandu jiġi żviluppat ukoll aktar sistematikament fil-livell settorjali, b'mod partikolari fis-settur privat. L-iffirmar u l-infurzar tal-akbar ammont possibbli ta’ ftehimiet kollettivi settorjali jista’ jistabbilizza r-relazzjonijiet industrijali fis-Serbja. L-awtoritajiet lokali u nazzjonali għandhom jitfakkru b'mod kostanti fil-vantaġġi u l-importanza tad-djalogu soċjali.

1.16

Il-KESE jinnota li ġie stabbilit grupp ta' ħidma tripartitiku biex jirrevedi l-leġislazzjoni dwar ix-xogħol, inklużi l-liġi dwar l-istrajks, il-proċedura tar-reġistrazzjoni tat-trejdjunjins u l-liġi dwar ir-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jappella lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-KE ħalli jappoġġjaw din il-ħidma li għaddejja biex il-liġijiet u l-prassi Serbi jsiru konformi għalkollox mal-livelli internazzjonali u dawk Ewropej.

1.17

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali ħalli jipparteċipaw b'mod attiv fid-djalogu soċjali għandu jiddaħħal fil-prijoritajiet tal-programmi ta' assistenza tal-UE. L-assistenza hija meħtieġa biex jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom li jipparteċipaw b'mod effikaċi fil-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u legali kollha, inkluż fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE. L-istrutturi organizzattivi tagħhom, il-komunikazzjoni interna u l-kapaċità li jservu lill-membri għandhom jissaħħu.

1.18

Il-KESE jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema għadhom jinkisru b'mod regolari fis-Serbja u li l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni tal-ksur mhumiex effettivi biżżejjed. Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex jirrevedi t-tħaddim tal-Aġenzija għar-Riżoluzzjoni Paċifika tat-Tilwim Industrijali. Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti qrati speċjalizzati biex jindirizzaw it-tilwim industrijali. Barra minn hekk il-KESE jitlob lill-KE li fir-rapporti annwali tagħha ddaħħal kapitolu dwar id-drittijiet tat-trejdjunjins u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema b'konsultazzjoni mill-qrib mat-trejdjunjins nazzjonali u dawk Ewropej u mal-ILO.

1.19

L-intraprendituri nisa Serbi għandhom rwol importanti madwar ir-reġjun tal-Balkani u għandhom netwerks effikaċi. Bħalissa għaddejja ħidma fuq approċċ reġjonali koeżiv biex tkompli tiġi żviluppata l-intraprenditorija tan-nisa fil-livell lokali. Il-KESE jirrakkomanda li l-appoġġ mil-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali jiżdied biex jitħaffef b'mod sinifikanti l-akkwist tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa assoluta ekonomika u soċjali li tiġi appoġġjata l-intraprenditorija tan-nisa fis-Serbja.

1.20

Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Serbja bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serbi. Il-korp konġunt tas-soċjetà ċivili għandu jiġi stabbilit meta n-negozjati dwar l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE jkunu nfetħu formalment. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żewġ naħat li jieħdu sehem fi djalogu aktar fil-fond u li jipprovdu kontribut lill-awtoritajiet politiċi dwar il-kapitoli tan-negozjati tal-adeżjoni.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-Serbja għamlet sforz enormi biex tirriforma l-istituzzjonijiet, il-qafas legali u r-regolamenti ekonomiċi tagħha bil-għan li tkun konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali u biex tippromovi ekonomija tas-suq trasparenti u effiċjenti.

2.2

Fl-2008, l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mis-Serbja u l-UE esprima biċ-ċar l-għażla tal-Gvern Serb favur l-adeżjoni mal-UE u ta spinta ġdida lill-proċess ta’ riforma. Fl-2010, daħal fis-seħħ Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (parti mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni).

2.3

Il-Gvern il-ġdid, li beda l-mandat tiegħu fl-2012, ikkonferma l-impenn tas-Serbja fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE. Ħa passi prattiċi biex iwettaq ir-riformi li saru s’issa, b’enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u l-irkupru ekonomiku. Huwa kompla wkoll bl-isforzi biex itejjeb il-kooperazzjoni reġjonali.

2.4

F’Diċembru 2012, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni Ewropea tabbozza rapport sar-Rebbiegħa 2013 biex tivvaluta l-progress li sar mis-Serbja fid-djalogu tagħha ma’ Prishtina u fir-riformi tagħha diretti lejn l-UE. Abbażi ta’ dan ir-rapport, li ħareġ b'rakkomandazzjoni pożittiva, fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-kundizzjonijiet ġew sodisfatti biex jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE.

2.5

Fid-19 ta' April 2013, Belgrad u Prishtina fl-aħħar ftiehmu dwar il-ġejjieni tal-Kosovo ta' Fuq, immexxi mis-Serbja, fl-għaxar edizzjoni ta' diskussjonijiet mmexxija mill-UE huma u jiffirmaw L-Ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jiggvernaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet. F'Mejju, ġie adottat Pjan ta' Implimentazzjoni miż-żewġ naħat. Ġie stabbilit kumitat ta' implimentazzjoni miż-żewġ naħat, megħjun mill-UE.

3.   Żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali

3.1

Is-Serbja għadu pajjiż fi tranżizzjoni. Kien hemm xi privatizzazzjoni iżda parti kbira mill-ekonomija għadha magħmula minn kumpaniji pubbliċi, li sikwit ikunu fi bżonn kbir ta' ristrutturar. Il-qgħad żdied b'mod sinifikanti (24 % tal-forza tax-xogħol fl-2012). Iż-żgħażagħ qed jippruvaw jemigraw. Il-popolazzjoni qed tixjieħ. Għad hemm parti kbira tal-popolazzjoni li taħdem fl-agrikoltura u tgħix f’żoni rurali fejn in-nuqqas ta’ investiment ixekkel l-iżvilupp effettiv. L-ekonomija informali hija mifruxa sew, iddgħajjef l-ekonomija b’mod ġenerali u l-baġit tal-istat u tħalli lill-ħaddiema mingħajr protezzjoni soċjali. Il-korruzzjoni, li xi kultant tkun relatata mal-kriminalità organizzata, mhux biss tfixkel l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, hemm assolutament bżonn ta' riforma fil-ġudikatura biex din tiggarantixxi rispett ġenwin għad-drittijiet tal-individwi u l-organizzazzjonijiet.

3.2

Il-KESE enfasizza dawn il-problemi differenti fl-Opinjoni tiegħu dwar "Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja: ir-rwol tas-soċjetà ċivili" (29 ta' Mejju 2008), u enfasizza wkoll l-isforzi li saru mill-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu r-riformi meħtieġa. Iddaħħlu ħafna regolamenti ġodda; twaqqfu istituzzjonijiet ġodda, b'mod partikolari għall-organizzazzjoni tad-djalogu mal-partijiet soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; u d-drittijiet tal-minoranzi issa huma rikonoxxuti uffiċjalment. Għalkemm dan il-proċess għadu mhux komplut, il-problema ewlenija hija biex dawn il-bidliet isituzzjonali u legali jissarrfu fi prattiki.

3.3

Is-Serbja rratifikat 77 trattat u konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom uħud ewlenin bħall-Konvenzjonijiet għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Prevenzjoni tat-Tortura, il-Ħarsien tat-Tfal, l-Azzjoni kontra l-Korruzzjoni u l-Karta Soċjali Ewropea. Ġew iffirmati tmien konvenzjonijiet addizzjonali iżda dawn għad iridu jiġu ratifikati, fosthom il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika. Fil-livell internazzjonali, is-Serbja rratifikat 75 konvenzjoni tal-ILO (73 minnhom issa huma fis-seħħ).

3.4

Bħalma enfasizza l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (1), ħafna minn dawn il-konvenzjonijiet għad jeħtieġu aktar azzjoni biex jiġu infurzati tajjeb. Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa enfasizza l-problema tal-persuni neqsin u l-persuni li ġew spostati b'mod furzat fil-gwerra; id-diskriminazzjoni rampanti kontra r-Roma; il-vjolenza kontra n-nisa u l-omofobija mifruxa.

3.5

Għalkemm il-gvern adotta Strateġija dwar il-Mezzi tax-Xandir f’Ottubru 2011, għad hemm vjolenza u theddid kontra l-ġurnalisti. L-interferenza ekonomika u politika fil-mezza tax-xandir hija realtà, li thedded l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir u l-kapaċità li l-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom. Barra minn hekk, it-trejdjunjonisti għadhom jiġu fastidjati jew imkeċċija għaliex huma membri ta’ organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins.

3.6

Il-KESE jqis li l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-proċess ta' riforma, ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-infurzar tad-drittijiet ċivili, soċjali u tal-bniedem huma prijorità ċara għas-Serbja. Ir-relazzjonijiet tal-UE mas-Serbja għandhom jiffokaw b'mod ċar fuq dawn l-aspetti. Din hija wkoll kwistjoni ewlenija għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għalhekk il-parteċipazzjoni attiva tagħhom għandha titħeġġeġ b’kull mod possibbli.

4.   L-istat u r-rwol attwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

4.1

Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni hija garantita kostituzzjonalment u ġeneralment tiġi rispettata. Iżda l-libertà ta' assoċjazzjoni hija pperikolata minħabba żieda fit-theddid minn gruppi nazzjonalisti vjolenti.

4.2

Is-soċjetà ċivili Serba hija prinċipalment ibbażata fil-bliet u mhijiex irrappreżentata b’mod ugwali fir-reġjuni. Is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali hija limitata ħafna u l-kapaċitajiet tagħha mhumiex żviluppati tajjeb. Jinħtieġ aktar appoġġ biex jitħeġġu movimenti assoċjattivi, tinbena l-kapaċità u jiġi appoġġjat in-netwerking tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati f’żoni rurali u/jew bliet żgħar.

4.3

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-agrikoltura, l-iżvilupp ta' gruppi b'interess agrikolu, u l-parteċipazzjoni ta' dan il-qasam fid-djalogu soċjali. L-agrikoltura għad għandha rwol ewlieni fis-Serbja, madwar kwart tal-popolazzjoni attiva hija impjegata fil-biedja, u s-settur agrikolu huwa settur ekonomiku ewlieni wkoll. L-agrikoltura u l-politika agrikola ser ikollhom importanza kbira fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE fil-ġejjieni; fl-istess waqt il-konformità mal-liġijiet tal-UE ser tkun sfida partikolari għas-settur agrikolu Serb.

4.4

Gruppi ta' interess organizzati u strutturati tajjeb jistgħu mhux biss jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-interessi agrikoli, iżda fuq kollox huma jistgħu jipprovdu appoġġ utli għall-proċess futur ta' integrazzjoni, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' qafas għall-programmi speċifiċi ta' appoġġ għall-agrikoltura, iż-żoni rurali u n-nies li jgħixu hemmhekk, kif ukoll bl-implimentazzjoni tagħhom.

4.5

Hemm diversi sħubijiet u koalizzjonijiet attivi fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda dawn m'għandhomx biżżejjed riżorsi u appoġġ biex isiru aktar attivi u influwenti. Fir-rigward tas-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, il-mekkaniżmi stabbiliti tas-SECO (2) u l-KOCDS (3) huma eżempji li jistgħu jsiru prattika tajba sakemm jiġi kkunsidrat il-kontribut tagħhom u jekk jiġu provduti finanzjament u appoġġ sistematiku u kontinwu.

4.6

L-akbar ostakli għas-sostenibbiltà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-fatt li l-appoġġ mill-Istat la mhu biżżejjed u lanqas mhu bbażata fuq prijoritajiet definiti tajjeb, l-isponsorizzazzjoni dgħajfa tal-intrapriżi, in-nuqqas ta' għotjiet individwali, l-irtirar ta' donaturi internazzjonali, kooperazzjoni mhux żviluppata biżżejjed mal-awtoritajiet lokali u t-trasparenza limitata min-naħa ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod ġenerali. Għandhom isiru sforzi u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-kostitwenzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-għadd limitat ta' membri huwa ta' ħsara għall-immaġni u r-rikonoxximent tagħhom, filwaqt li l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għadu mhux irregolat b'mod adegwat fil-livelli kollha. Il-kapaċità tagħhom biex jinfluwenzaw l-aġenda soċjali u l-politika hija ġeneralment dgħajfa ħlief għal tużżana organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'saħħithom, li fil-biċċa l-kbira huma bbażati f'Belgrad.

4.7

Il-KESE jilqa' l-isforzi għat-titjib tal-qafas legali tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, inklużi l-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Ottubru 2009), il-liġi dwar id-dotazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (Novembru 2010), il-liġi dwar il-volontarjat (Mejju 2010) u l-proċeduri ta' kontabbiltà semplifikati għall-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet żgħar (li għadha ma ġietx adottata). Madankollu, ġew adottati liġijiet oħra importanti iżda li għadhom mhux implimentati, bħal-liġi dwar il-ħarsien soċjali (2011). Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ qafas, kif previst mil-liġi, biex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom aċċess ġust għar-riżorsi pubbliċi intiżi biex jappoġġjaw il-provvediment tas-servizzi soċjali.

4.8

Il-KESE jilqa’ l-bidliet li saru fl-Artikolu 41 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Gvern dwar is-seduti pubbliċi li jispeċifika l-kriterji għal seduti pubbliċi obbligatorji, fejn dan it-tip ta' seduti saru r-regola u mhux l-eċċezzjoni u ġew stabbiliti perjodi ta’ żmien raġonevoli għal kemm idumu. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li ssir implimentazzjoni tajba tal-mekkaniżmu. Għandha tingħata prijorità lis-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fl-istadji bikrin tat-tfassil tal-politiki pubbliċi kif ukoll fi stadji aktar tard meta jiġu implimentati. Barra minn hekk, il-proċeduri dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'diversi korpi pubbliċi fil-livell nazzjonali u lokali għandhom jiġu kkunsidrati, billi jitqiesu xi wħud mill-aħjar prattiki fil-pajjiżi ġirien u l-proposti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.9

L-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili sar operattiv fl-2011. Il-Pjan Operattiv għall-perjodu 2013-2014 jinkludi għanijiet ewlenin li jridu jinkisbu:

l-iżvilupp ta’ strateġija għall-ħolqien ta’ ambjent propizju għall-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili u l-istabbiliment ta' Kunsill Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili;

il-promozzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament bħala prerekwiżit għall-vijabbiltà: sovvenzjonijiet istituzzjonali; attivitajiet soċjali korporattivi; il-filantropija korporattiva; l-intraprenditorija soċjali; l-iżvilupp ta’ kriterji għall-użu ta' spazji pubbliċi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, etc.;

li jkompli jiġi żviluppat qafas istituzzjonali propizju għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, jiġifieri li jinħolqu kompiti jew unitajiet speċifiċi fil-ministeri rilevanti tal-gvern; li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi stabbilit Fond ta’ Żvilupp tas-Soċjetà Ċivili u jissaħħu l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja.

4.10

Il-KESE huwa sodisfatt bl-isforzi tal-Uffiċċju Governattiv għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili biex jirrendi l-iffinanzjar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-baġit tal-Istat aktar trasparenti billi jinħareġ Rapport annwali fil-qosor dwar l-allokazzjoni tal-fondi lill-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili mill-baġit tal-Istat tar-Republika tas-Serbja. Madankollu, l-Uffiċċju għandu jingħata aktar setgħat biex tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni mill-korpi governattivi fil-livelli kollha bil-għan li jiġi żgurat li l-ġbir tad-data jiġi komplut u ppubblikat kull sena. Għaldaqastant, il-KESE jilqa' l-appoġġ provdut mid-Delegazzjoni tal-UE lill-Uffiċċju Governattiv għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili permezz ta' programm ta' assistenza teknika ta' tliet snin li beda f'Diċembru 2012 (4).

4.11

Iċ-ċifri tal-2011 juru li ftit fondi ġew allokati u fil-fatt rimborżati għall-kofinanzjament tal-programmi u l-proġetti, anke meta l-appoġġ għad-donaturi kien assigurat, minkejja l-fatt li dawn il-fondi huma meħtieġa ferm mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.   Id-djalogu soċjali

5.1

Id-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u biex jiżgura l-koeżjoni soċjali li s-Serbja teħtieġ. Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv Ġenerali fl-2008. F’April 2011, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika tas-Serbja (KES) adotta Ftehim Ekonomiku u Soċjali ġdid iffirmat mill-mexxejja tal-imsieħba soċjali u l-Prim Ministru, li stabbilixxa impenji importanti għall-partijiet firmatarji. Il-ftehim ikkonferma li d-djalogu soċjali huwa prerekwiżit għall-ksib tal-għanijiet kondiviżi tal-iżvilupp, biex jingħelbu b’suċċess il-problemi marbuta mal-kriżi ekonomika u biex jiġi żgurat il-progress ekonomiku u soċjali fis-Serbja. Fl-2012, ġie ffirmat ftehim mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali dwar il-paga minima. Fil-livell settorjali, ġew iffirmati erba’ ftehimiet kollettivi settorjali fl-2011 u l-2012 fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni, u l-industriji tal-kimiċi u tal-metall. Il-Ministru tax-Xogħol estenda dawn il-ftehimiet kollettivi għall-impjegati kollha tal-Istat. Il-ftehimiet kollettivi japplikaw ukoll għall-biċċa l-kbira tas-settur pubbliku u jkopru l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-gvern lokali u nazzjonali, il-kultura, l-edukazzjoni u l-pulizija.

5.2

Il-KES ġie stabbilit legalment fl-2005 u huwa l-pjattaforma istituzzjonali għan-negozjati tripartitiċi. Barra minn hekk, issa hemm 18-il kunsill ekonomiku u soċjali fil-livell lokali, iżda inqas minn nofs dan in-numru huma kompletament operattivi minħabba fin-nuqqas ta' impenn mill-awtoritajiet reġjonali. Il-KES għadu qed jiffaċċja għadd ta’ problemi li jfixklu l-attivitajiet tiegħu, l-aktar problema sinifikanti hija n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani. Madankollu, xorta waħda rnexxielu jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma permanenti dwar kwistjonijiet ekonomiċi, il-leġislazzjoni, il-ftehimiet kollettivi u s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali issa jipparteċipaw b'mod regolari fil-laqgħat tal-KES, b'mod kuntrastanti mal-Gvern li sikwit ikun irrappreżentat minn uffiċjali. L-involviment tagħhom żdied minn mindu l-Kunsill reġa’ ġie stabbilit f’Settembru 2012. Anke l-Prim Ministru issa sar membru tal-KES; madankollu, il-KES għadu qed jiffaċċja problemi huwa u jorganizza s-sessjonijiet tiegħu.

5.3

Madankollu, jekk id-djalogu soċjali rnexxielu jikseb xi riżultati, għad għandu bżonn jiġi konsolidat u estiż. L-imsieħba soċjali huma dgħajfa, b'mod partikolari fis-settur privat. Meta jiġu ffirmati l-ftehimiet kollettivi, dawn mhux bilfors jiġu infurzati; u hemm oqsma vasti li sempliċement mhumiex koperti mid-djalogu soċjali. Fil-livell nazzjonali, il-KES ma jiġix ikkonsultat b'mod sistematiku dwar il-kwistjonijiet kollha li jidħlu fil-kompitu tiegħu, jew il-konsultazzjoni tkun purament formali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu spiss injorati mill-Gvern. Eċċezzjoni waħda pożittiva hija tal-Ministeru tax-Xogħol, li jressaq l-abbozzi kollha tal-liġijiet u l-strateġiji quddiem il-Kunsill għall-opinjoni tiegħu. Barra minn hekk, reċentement huwa ppropona li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma tripartitiku biex jabbozza bidliet fil-liġi dwar ix-xogħol. Sar xi titjib ukoll fil-leġislazzjoni dwar l-edukazzjoni, fejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza ressaq tliet abbozzi ta' liġijiet għall-opinjoni tal-Kunsill. Minkejja dawn is-sinjali pożittivi, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali għadu jiġi injorat fil-parti l-kbira, dwar politiki u miżuri ekonomiċi ġenerali li madankollu għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet tal-intrapriżi u l-ħaddiema.

5.4

L-Aġenzija għar-Riżoluzzjoni Paċifika tat-Tilwim Industrijali ġiet stabbilita fl-2005 biex issolvi kemm tilwim industrijali individwali kif ukoll dak kollettiv. L-enfasi ewlenija tagħha hija fuq każijiet individwali fejn arbitru jista’ jieħu deċiżjoni vinkolanti u għandu l-istess mezzi legali bħall-qorti. Madankollu, fil-prattika, jidher li l-Aġenzija ma rnexxilhiex verament tistabbilixxi lilha nfisha bħala alternattiva u ħafna mill-kunflitti xorta għadhom jitressqu quddiem il-qrati, li huwa magħruf sew kemm għandhom xogħol żejjed. Fir-riżoluzzjoni tat-tilwim industrijali l-Aġenzija tassumi r-rwol ta' medjatur u b'hekk ma tistax tisforza lill-partijiet fil-kawża biex jilħqu ftehim iżda tipprova twassal liż-żewġ partijiet biex jaċċettaw b'mod volontarju riżoluzzjoni paċifika.

5.5

Fl-2013 il-Gvern iffirma "Programm dwar ix-Xogħol Diċenti" mal-ILO. Dan il-programm għandu jgħin fir-reviżjoni tal-aspetti differenti tal-leġislazzjoni soċjali u l-proċeduri biex iġibuhom għalkollox konformi mal-livelli internazzjonali u biex jibnu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali biex jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-djalogu soċjali, b'appoġġ mill-fondi u l-programmi tal-UE.

5.6

Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu integrati aktar fil-politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg tal-Gvern, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE. Għandhom jiġu involuti wkoll fit-tħejjijiet għall-eliġibbiltà tas-Serbja għall-Fond Soċjali Ewropew u għal fondi oħra tal-UE. Huwa biss ladarba dan jinkiseb li l-imsieħba soċjali Serbi jkunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ ir-rwol futur tagħhom fil-fora ta’ demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE.

6.   Imsieħba soċjali - is-sitwazzjoni attwali

6.1

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja hija l-grupp ta’ interess nazzjonali ewlieni ta’ min iħaddem. Tirrappreżenta lill-intraprendituri Serbi fil-KES. Madankollu, il-fatt li l-parti l-kbira mill-ikbar negozji li joperaw fis-Serbja, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra bħall-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri Żgħar u ta’ Daqs Medju, mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja jdgħajjef il-leġittimità tagħha bħala parteċipant fid-djalogu soċjali.

6.2

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tas-Serbja, li hija l-akbar assoċjazzjoni tan-negozji, ma kinitx involuta fil-ħidma tal-KES fil-passat, minħabba f'sistema ta' sħubija obbligatorja. Madankollu, fl-1 ta' Jannar 2013, ġiet adottata s-sistema ta' sħubija volontarja fis-Serbja u l-Kamra ħadet impenn sod li tikkontribwixxi għad-djalogu soċjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-kummerċ barrani u l-iżvilupp reġjonali. Hija tappoġġja t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja fil-KES, sakemm tkun tista' twassal l-akbar firxa ta' interessi ta' min iħaddem permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni effiċjenti li fih jipparteċipaw l-assoċjazzjonijiet kollha ta' min iħaddem.

6.3

Fid-dawl tar-rata għolja ta' qgħad, dawk li jħaddmu għandhom ikollhom influwenza aktar qawwija fuq l-iżvilupp ta' ambjent tajjeb għan-negozji. Dan għandu jinkoraġġixxi l-intraprenditorjat u t-twaqqif aktar mgħaġġel ta' intrapriżi ġodda, speċjalment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, wieħed mill-aħjar sorsi ta' impjiegi ġodda fl-Ewropa. Fost l-ostakli ewlenin għal klima li tiffavvorixxi aktar in-negozji hemm: in-nuqqas ta' trasparenza u prevedibbiltà tal-qafas leġislattiv, sistema tat-tassazzjoni li mhijiex attraenti li tinkludi xi tibdil parafiskali, l-aċċess għall-finanzi, proċeduri għar-reġistrazzjoni tan-negozji, l-amministrazzjoni marbuta mal-kummerċ barrani, eċċ. Il-valutazzjoni globali tal-komunità tan-negozjanti fis-Serbja hi li ma tipparteċipax biżżejjed fil-proċess leġislattiv u l-valutazzjonijiet ta' impatt tiegħu, b'mod partikolari rigward l-impatt fuq l-SMEs.

6.4

It-trejdjunjins huma dgħajfa u frammentati. Ħafna minnhom huma membri f’waħda mill-akbar żewġ konfederazzjonijiet fis-Serbja: il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Awtonomi tas-Serbja (SSSS) u l-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins tal-“Indipendenza” (Nezavisnost). Hemm ukoll żewġ konfederazzjonijiet oħra, l-Assoċjazzjoni tat-Trejdjunjins Ħielsa u Indipendenti tas-Serbja (ASNS) u l-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ħielsa (KSSS) li jiddikjaraw li huma rappreżentattivi. B'konformità mal-liġi l-ġdida li qed tiġi diskussa bħalissa, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi verifikata. Barra minn hekk, skont il-Ministeru tax-Xogħol, hemm madwar 2 000 organizzazzjoni tal-junjins fil-kumpaniji li mhumiex membri ta' konfederazzjoni nazzjonali. Jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha tal-ħaddiema jiġu involuti aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sħubija soċjali mil-lat tal-ħaddiema. Ir-rwol tat-trejdjunjins fis-Serbja huwa essenzjali għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali.

6.5

Id-diffikultajiet tat-tranżizzjoni u l-kriżi ekonomika ħarġu aktar fid-dieher il-frammentazzjoni u d-dgħufija tat-trejdjunjins. Il-proċeduri twal għar-reġistrazzjoni tat-trejdjunjins, l-oppożizzjoni u l-fastidju, xi drabi mill-amministraturi li mhumiex lesti li jaċċettaw id-djalogu soċjali fil-livell tal-intrapriża, kollha jfixklu l-iżvilupp normali tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema u jfixklu d-djalogu soċjali. Madankollu il-kooperazzjoni ġenwina li żviluppat f'dawn l-aħħar snin bejn iż-żewġ konfederazzjonijiet rappreżentattivi, l-SSSS u n-Nezavisnost, għandha tiġi apprezzata f'dan l-isfond.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Thomas Hammarbergh. Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa. Rapport li jsegwi ż-żjara tiegħu fis-Serbja fil-12-15 ta' Ġunju 2011. CommDH(2011)29.

(2)  Is-SECO (Sectoral Civil Society Organisations – organizzazzjonijiet settorjali tas-soċjetà ċivili) jirrappreżentaw in-netwerking u l-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-integrazzjoni tal-UE u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' programmar tal-IPA.

(3)  Il-KOCDS (Contact Civil Society Organisations Network – netwerk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' kuntatt) huma netwerks ta' organizzazzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni soċjali għall-gruppi marġinalizzati li flimkien jindirizzaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dan il-qasam.

(4)  Il-baġit tal-programm ta' assistenza teknika huwa ta' EUR 1,2 miljun u jiffoka fuq l-appoġġ għal aktar emendi għall-qafas legali relatat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-introduzzjoni ta' qafas għal finanzjament mill-Istat trasparenti u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.