9.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/16


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

2012/C 35/03

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (2),

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD u l-għan tal-Opinjoni

1.

Fit-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (3) (minn hawn ’il quddiem: “il-ftehim”).

2.

Fid-9 ta’ Novembru 2011, il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali dwar l-abbozz tal-Proposta, fil-kuntest ta’ proċedura mgħaġġla. Fil-11 ta’ Novembru 2011, huwa ħareġ għadd ta’ kummenti ristretti. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tikkumplimenta dawn il-kummenti fid-dawl ta’ din l-Proposta u li tagħmel l-opinjonijiet tiegħu disponibbli għall-pubbliku. Din l-Opinjoni tibni wkoll fuq numru ta’ interventi preċedenti mill-KEPD u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 rigward il-PNR.

1.2.   Il-Kuntest tal-Propost

3.

Il-ftehim għandu l-għan li jipprovdi bażi legali soda għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mill-UE lill-Istati Uniti. Attwalment it-trasferiment huwa bbażat fuq il-ftehim tal-2007 (4) peress li l-Parlament iddeċieda li jipposponi l-vot tiegħu dwar il-kunsens sakemm jiġi sodisfatt it-tħassib tiegħu dwar il-protezzjoni tad-dejta. B’mod partikolari, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (5), il-Parlament irrefera għar-rekwiżiti li ġejjin:

konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta fuq livell nazzjonali u Ewropew;

valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe strument leġiżlattiv;

test ta’ proporzjonalità li juri li l-istrumenti legali eżistenti mhumiex biżżejjed;

limitazzjoni stretta tal-għan (6) u limitazzjoni tal-użu ta’ dejta tal-PNR għal reati jew theddid speċifiċi, fuq bażi ta’ każ b’każ;

limitazzjoni tal-ammont ta’ dejta li għandha tinġabar;

perjodi limitati ta’ żamma;

projbizzjoni tal-estrazzjoni jew tat-tħejjija tal-profili tad-dejta;

projbizzjoni ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati li jaffettwaw liċ-ċittadini b’mod sinifikanti (7);

mekkaniżmi xierqa għar-reviżjoni indipendenti, sorveljanza ġudizzjarja u kontroll demokratiku;

it-trasferimenti internazzjonali kollha għandhom ikunu konformi mal-istandards tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta u jkunu soġġetti għal mekkaniżmu li jiċċertifika l-livell xieraq.

4.

Dan il-ftehim għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-approċċ globali għall-PNR, li jinkludi negozjati ma’ pajjiżi terzi oħra (jiġifieri l-Awstralja (8) u l-Kanada (9)), u proposta għal skema tal-PNR fil-livell tal-UE (10). Huwa jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati attwali għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ dejta personali fil-qafas tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (11). F’kuntest usa’, il-ftehim ġie inizjalat ftit ġimgħat qabel l-adozzjoni mistennija tal-proposti għar-reviżjoni tal-qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-dejta (12).

5.

Il-KEPD jilqa’ dan l-approċċ globali bil-għan li jipprovdi qafas legali koerenti għall-ftehimiet tal-PNR b’mod konformi mar-rekwiżiti legali tal-UE. Madankollu, huwa jiddispjaċih li dan iż-żmien, fil-prattika, ma jippermettix li tiġi żgurata l-konsistenza ta’ dawn il-ftehimiet mar-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa jixtieq ifakkar ukoll li l-ftehim ġenerali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambji tad-dejta għandu jkun applikabbli għall-Ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti.

2.   RIMARKI ĠENERALI

6.

Skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun meħtieġa, proporzjonali u stabbilita bil-liġi. Kif intqal ripetutament mill-KEPD (13) u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (14), il-ħtieġa u proporzjonalità tal-iskemi tal-PNR u tat-trasferimenti kbar ta’ dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi s’issa għadhom ma ntwerewx. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali huma ta’ din il-fehma wkoll (15). Il-kummenti speċifiċi ta’ hawn taħt huma mingħajr preġudizzju għal din l-osservazzjoni preliminari u fundamentali.

7.

Filwaqt li dan il-ftehim jinkludi xi titjib meta mqabbel mal-ftehim tal-2007, u jinkludi salvagwardji xierqa dwar is-sigurtà u s-sorveljanza tad-dejta, ma jidher li ġie sodisfatt l-ebda tħassib ewlieni espress fl-opinjonijiet imsemmija hawn fuq u lanqas il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Parlament Ewropew biex jipprovdi l-kunsens tiegħu (16).

3.   RIMARKI SPEĊIFIĊI

3.1.   L-għan għandu jiġi ċċarat

8.

L-Artikolu 4(1) tal-ftehim jiddikjara li l-Istati Uniti jipproċessaw dejta tal-PNR għall-finijiet ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ (a) reati terroristiċi u reati relatati u (b) reati li huma punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew aktar u li huma transnazzjonali fin-natura. Xi wħud minn dawn il-kunċetti huma definiti aktar.

9.

Għalkemm dawn id-definizzjonijiet huma aktar preċiżi milli fil-ftehim tal-2007, għad hemm xi kunċetti u eċċezzjonijiet vagi li jistgħu jinjoraw il-limitazzjoni tal-iskop u jħassru ċ-ċertezza legali. B’mod partikolari:

Fl-Artikolu 4(1)(a)(i), il-kliem “imġiba li (…) tidher li hi intiża biex tintimida jew tisforza” [jew] “tinfluwenza l-politika ta’ gvern” jistgħu jirreferu wkoll għal attivitajiet li ma jistgħux jitqiesu bħala reati terroristiċi skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (17). Il-kunċetti “tidher li”, “tintimida” u “tinfluwenza” għandhom jiġu ċċarati sabiex tiġi eskluża din il-possibbiltà.

L-Artikolu 4(1)(b) għandu jkun fih lista ta’ reati speċifiċi. Ir-referenza għal “reati oħra li huma kkastigati mis-sentenza ta’ priġunerija ta’ tlett snin jew aktar” mhix biżżejjed, peress li dan jinkludi reati differenti fl-UE u fl-Istati Uniti u fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati tal-Istati Uniti differenti.

Ir-reati minuri għandhom jiġu esklużi b’mod espliċitu mill-iskop tal-ftehim.

Fl-Artikolu 4(2), il-kunċett ta’ “theddida serja” għandu jiġi ddefinit u l-użu tad-dejta tal-PNR fejn “ordnat minn qorti” għandu jkun limitat għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1).

Bl-istess mod, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) għal skopijiet bħall-kontroll tal-fruntieri, għandu jiġi speċifikat li l-persuni li hemm suspett li ħadu sehem fi kwalunkwe mir-reati elenkati fl-Artikolu 4(1) biss jistgħu jkunu “suġġetti għal mistoqsijiet jew eżaminazzjonijiet ddettaljati.”

3.2.   Il-lista tad-dejta tal-PNR li għandha tiġi ttrasferita trid titnaqqas

10.

L-Anness I tal-ftehim fih 19-il tip ta’ dejta li sejra tintbagħat lill-Istati Uniti. Ħafna minnhom jinkludu wkoll kategoriji differenti ta’ dejta u huma identiċi għall-oqsma tad-dejta fil-ftehim tal-2007, li kienu diġà meqjusa sproporzjonati mill-KEPD u mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (18).

11.

Dan jirreferi b’mod partikolari għall-qasam “Rimarki ġenerali inkluż informazzjoni OSI (19), SSI (20) and SSR (21)”, li jista’ jiżvela dejta relatata ma’ twemmin reliġjuż (e.ż., il-preferenzi tal-ikel) jew mas-saħħa (e.ż. talba għal siġġu tar-roti). Dejta sensittiva bħal din għandha tiġi eskluża mil-lista b’mod espliċitu.

12.

Filwaqt li tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-lista, għandu jitqies li minħabba t-trasmissjoni avvanzata (l-Artikolu 15(3) tal-ftehim), dawn il-kategoriji sejrin jirreferu mhux biss għal passiġġieri attwali iżda wkoll għal dawk l-individwi li finalment ma jtirux (e.ż., minħabba kanċellazzjonijiet).

13.

Barra minn hekk, il-preżenza ta’ oqsma tad-dejta miftuħ tista’ tħassar iċ-ċertezza legali. Kategoriji bħal “l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti”, “l-informazzjoni dwar il-bagalji kollha” u “rimarki ġenerali” għandhom jiġu definiti aħjar.

14.

Għalhekk, il-lista għandha titnaqqas. B’mod konformi mal-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (22), aħna nemmnu li d-dejta għandha tkun limitata għal din l-informazzjoni: kodiċi tal-lokalizzatur tar-reġistrazzjoni tal-PNR, data tal-prenotazzjoni, data(i) tal-ivvjaġġar previst, isem tal-passiġġieri, ismijiet oħra tal-PNR, itinerarju tal-vjaġġi kollha, identifikaturi għall-biljetti b’xejn, biljetti mingħajr ritorn, informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, dejta tal-ATFQ (Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett), numru tal-biljett, data tal-ħruġ tal-biljett, assenzi preżenza, numru ta’ bagalji, numri tat-tikketta tal-bagalji, passiġġieri mingħajr prenotazzjoni, numru ta’ bagalji fuq kull segment, promozzjonijiet volontarji/involontarji, il-bidliet storiċi kollha għad-dejta tal-PNR fir-rigward tal-punti msemmija hawn fuq.

3.3.   Id-DHS ma għandux jipproċessa dejta sensittiva

15.

L-Artikolu 6 tal-ftehim jiddikjara li d-DHS għandu juża sistemi awtormatizzati għall-filtrazzjoni u “l-protezzjoni” ta’ dejta sensittiva. Madankollu, id-dejta sensittiva għandha tiġi maħżuna għal mill-inqas 30 jum u tista’ tintuża f’każijiet speċifiċi (l-Artikolu 6(4)). Il-KEPD jenfasizza li, anki wara li jkun hemm “protezzjoni”, din id-dejta xorta tkun “sensittiva” u tirrigwarda persuni fiżiċi identifikabbli.

16.

Kif diġà ġie ddikjarat mill-KEPD, id-DHS m’għandux jipproċessa dejta sensittiva relatata maċ-ċittadini tal-UE, anki jekk ikun hemm “protezzjoni” taghha meta tasal. Il-KEPD jirrakkomanda li fit-test tal-ftehim jiġi speċifikat li t-trasportaturi bl-ajru m’għandhomx jittrasferixxu dejta sensittiva lid-DHS.

3.4.   Il-perjodu ta’ żamma huwa eċċessiv

17.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi li d-dejta tal-PNR għandha tinżamm sa 5 snin f’database attiva u mbagħad tiġi trasferita f’database inattiva u tiġi maħżuna sa 10 snin. Dan il-perjodu massimu ta’ żamma ta’ 15-il sena huwa spropozjonat b’mod ċar, irrispettivament minn jekk id-dejta tinżammx f’databases “attivi” jew “inattivi”, kif ġie diġà enfasizzat mill-KEPD u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29.

18.

L-Artikolu 8(1) jispeċifika li d-dejta sejra tkun “depersonalizzat[a] u protett[a]” sitt xhur wara li tasal fid-DHS. Madankollu, kemm dejta “protetta” u dejta maħżuna f’“database inattiva” huma dejta personali sakemm dawn ma jiġux anonimizzati. Id-dejta għandha għalhekk tiġi anonimizzata (b’mod irriversibbli) jew imħassra immedjatament wara l-analiżi jew wara massimu ta’ 6 xhur.

3.5.   Użu tal-metodu “push” u l-frekwenza tat-trasferimenti

19.

Il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 15(1), li jiddikjara li d-dejta sejra tiġi trasferita permezz tal-metodu “push”. Madankollu, l-Artikolu 15(5) jeħtieġ li t-trasportaturi “jipprovdu aċċess” għad-dejta tal-PNR f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Sabiex jiġi prekluż b’mod definittiv l-użu tas-sistema “pull”, u fid-dawl tat-tħassib li reċentement ġie enfasizzat għal darb’oħra mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (23), aħna nagħtu parir li l-ftehim jipprojbixxi b’mod espliċitu l-possibbiltà li uffiċjali tal-Istati Uniti jkollhom aċċess għad-dejta separatament permezz ta’ sistema “pull”.

20.

In-numru u l-perjodiċità tat-trasferimenti minn trasportaturi bl-ajru lid-DHS għandu jiġi definit fil-ftehim. Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali, il-kundizzjonijiet li fihom ikunu awtorizzati trasferimenti addizzjonali għandhom ikunu aktar dettaljati.

3.6.   Sigurtà tad-dejta

21.

Il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 5 tal-ftehim dwar is-sigurtà u l-integrità tad-dejta u, b’mod partikolari, l-obbligu li l-individwi affettwati jiġu notifikati rigward inċident relatat mal-privatezza. Madankollu, l-elementi li ġejjin ta’ notifika tal-ksur tad-dejta għandhom jiġu ċċarati:

Ir-riċevituri tan-notifika: għandu jiġi speċifikat liema “awtoritajiet Ewropej rilevanti” għandhom jiġu nnotifikati. Fi kwalunkwe każ, dawn għandhom jinkludu Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta. Għandha tiġi notifikata wkoll awtorità kompetenti tal-Istati Uniti.

Il-limitu tan-notifika lil dawn l-awtoritajiet: għandha tingħata definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “inċident sinifikanti relatat mal-privatezza”.

Il-kontenut tan-notifika lill-individwi u lill-awtoritajiet għandu jiġi speċifikat.

22.

Il-KEPD jappoġġa l-obbligu li kull aċċess u pproċessar tal-PNR jiġi rreġistrat jew dokumentat, peress li dan sejjer jippermetti verifika dwar jekk id-DHS ikunx uża d-dejta tal-PNR b’mod xieraq u jekk kienx hemm xi aċċess mhux awtorizzat għas-sistema.

3.7.   Superviżjoni u infurzar

23.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-konformità mas-salvagwardji tal-privatezza fil-ftehim sejra tkun soġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza mill-Uffiċjali dwar il-Privatezza tad-Dipartiment bħall-Kap Uffiċjal tal-Privatezza tad-DHS, kif iddikjarat fl-Artikolu 14(1). Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, il-KEPD u l-Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jaħdmu mad-DHS fuq il-proċeduri u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (24). Il-KEPD jilqa’ referenza għal din il-kooperazzjoni fil-ftehim.

24.

Il-KEPD jappoġġja bis-sħiħ id-dritt għal rimedju “irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza” stabbilit fl-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu. Madankollu, huwa jiddispjaċih li l-Artikolu 21 jiddikjara b’mod espliċitu li l-ftehim “m’għandux joħloq jew jagħti, skont il-liġi tal-Istati Uniti, xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna”. Anki jekk jingħata d-dritt għal “stħarriġ ġudizzjarju” fl-Istati Uniti skont il-ftehim, dan id-dritt ma jistax ikun ekwivalenti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fl-UE, b’mod partikolari fid-dawl tar-restrizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 21.

3.8.   Trasferimenti nazzjonali u internazzjonali ’l quddiem

25.

L-Artikolu 16 tal-ftehim jipprojbixxi t-trasferiment tad-dejta lill-awtoritajiet domestiċi li ma jipprovdux lill-PNR salvagwardji “ekwivalenti jew paragunabbli” għal dawk stabbiliti f’dan il-ftehim. Il-KEPD jilqa’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-lista ta’ awtoritajiet li jistgħu jirċievu dejta tal-PNR, għandha tiġi speċifikata aħjar. F’dak li jirrigwarda trasferimenti internazzjonali, il-ftehim jipprevedi li dawn għandhom iseħħu biss jekk l-użu maħsub tar-riċevitur ikun konsistenti ma’ dan il-ftehim u jipprovdi salvagwardji tal-privatezza “paragunabbli” ma’ dawk previsti fil-ftehim, ħlief f’ċirkostanzi ta’ emerġenza.

26.

Fir-rigward tal-kliem “paragunabbli” jew “ekwivalenti” użat fil-ftehim, il-KEPD jixtieq jenfasizza li m’għandu jsir l-ebda trasferiment domestiku jew internazzjonali ’l quddiem mid-DHS sakemm il-benefiċjarju ma jipprovdix salvagwardji li mhumiex inqas strinġenti minn dawk stabbiliti f’dan il-ftehim. Fil-ftehim għandu jiġi ċċarat ukoll li t-trasferiment ta’ dejta tal-PNR għandu jsir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jiġi żgurat li d-dejta meħtieġa biss tiġi ttrasferita lir-riċevituri rilevanti, u ma għandha tiġi permessa l-ebda eċċezzjoni. Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda li t-trasferimenti ta’ dejta lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

27.

L-Artikolu 17(4) jistabbilixxi li meta d-dejta ta’ residenti ta’ Stat Membru tal-UE tiġi trasferiti lejn pajjiż terz, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu infurmati fil-każijiet fejn id-DHS ikun konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Din il-kundizzjoni għandha tiġi mħassra, peress li d-DHS għandu dejjem ikun konxju ta’ trasferimenti ’l quddiem lejn pajjiżi terzi.

3.9.   Forma u reviżjoni tal-ftehim

28.

Mhuwiex ċar liema forma legali hija magħżula mill-Istati Uniti għad-dħul f’dan il-ftehim u kif dan il-ftehim sejjer isir legalment vinkolanti fl-Istati Uniti. Dan għandu jiġi ċċarat.

29.

L-Artikolu 20(2) jindirizza l-koerenza mal-iskema possibbli tal-PNR tal-UE. Il-KEPD josserva li l-konsultazzjonijiet dwar l-aġġustament ta’ dan il-ftehim għandhom jeżaminaw b’mod partikolari “jekk kwalunkwe sistema futura tal-PNR tal-UE tapplikax standards ta’ protezzjoni tad-dejta inqas stretti minn dawk previsti f’dan il-ftehim”. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, kull aġġustament għandu wkoll (u partikolarment) jikkunsidra salvagwardji aktar b’saħħithom fi kwalunkwe skema tal-PNR fil-futur.

30.

Il-ftehim għandu jiġi rivedut ukoll fid-dawl tal-qafas il-ġdid għall-protezzjoni tad-dejta u tal-konklużjoni possibbli ta’ ftehim ġenerali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Tista’ tiġi miżjuda dispożizzjoni ġdida simili għall-Artikolu 20(2) li tistabbilixxi li “jekk u meta jiġi adottat qafas ġdid għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE jew jiġi konkluż ftehim ġdid dwar l-iskambju ta’ dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw jekk il-Ftehim preżenti għandux jiġi aġġustat skont dan. Konsultazzjonijiet bħal dawn għandhom jeżaminaw b’mod partikolari jekk kwalunkwe modifika futura tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE jew kwalunkwe ftehim dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-futur bejn l-UE u l-Istati Uniti għandux japplika salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta aktar stretti minn dawk previsti f’dan il-ftehim”.

31.

F’dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-ftehim (l-Artikolu 23), il-KEPD iqis li l-Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jiġu inklużi espliċitament fit-tim ta’ reviżjoni. Ir-reviżjoni għandha tikkonċentra wkoll fuq valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri, dwar l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, u jinkludu verifika tal-mod li bih it-talbiet tas-suġġetti tad-dejta qegħdin jiġu pproċessati fil-prattika, speċjalment meta ma jkun awtorizzat l-ebda aċċess dirett. Il-frekwenza tar-reviżjonijiet għandha tkun speċifikata.

4.   KONKLUŻJONI

32.

Il-KEPD jilqa’ s-salvagwardji dwar is-sigurtà u s-sorveljanza tad-dejta previsti fil-ftehim u t-titjib meta mqabbla mal-ftehim tal-2007. Madankollu, jibqa’ ħafna tħassib speċjalment rigward il-koerenza tal-approċċ globali għall-PNR, il-limitazzjoni tal-iskop, il-kategoriji tad-dejta li għandha tiġi trasferita lid-DHS, l-ipproċessar ta’ dejta sensittiva, il-perjodu ta’ żamma, l-eċċezzjonijiet għall-metodu “push”, id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u t-trasferimenti ’l quddiem.

33.

Dawn l-osservazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ ħtieġa u proporzjonalità għal kwalunkwe skema leġittima tal-PNR u ftehim li jipprovdi għat-trasferiment kbir ta’ dejta tal-PNR mill-UE lejn pajjiżi terzi. Kif tenna l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju, “in-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin mingħajr liema l-ġlieda kontra t-terroriżmu qatt ma tista’ tkun effettiva”.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2011.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2011) 807 finali.

(4)  Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18).

(5)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-l-Kanada (ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70). Ara wkoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta’ data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 381), tad-9 ta’ Ottubru 2003 dwar it-trasferiment ta’ data mil-linji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet transatlantiċi: stat ta’ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105), tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni pprovdut mid-data personali misjuba fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn l-Uffiċċju tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665), ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-użu ta’ data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, inkluża l-krminalità organizzata (ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250), riżoluzzjoni tal-14 ta’ Frar 2007 dwar SWIFT, il-ftehim tal-PNR u d-djaloġu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet (ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 349), u r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-Ftehim tal-PNR mal-Istati Uniti tal-Amerika (Testi adottati, P6_TA(2007)0347). Dawn huma kollha disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu

(6)  Limitata għall-infurzar tal-liġi u l-finijiet tas-sigurtà fil-każijiet ta’ kriminalità serja organizzata u transnazzjonali jew terroriżmu ta’ natura transkonfinali, fuq il-bażi tad-definizzjonijiet legali stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3) u fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(7)  “L-ebda deċiżjoni biex passiġġier ma jtirx jew deċiżjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni ma tista’ tittieħed unikament fuq ir-riżultati ta’ tfittxijiet awtomatizzati bħal dawn jew tfittxijiet fil-bażijiet tad-data”.

(8)  Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, iffirmat fid-29 ta’ Settembru 2011.

(9)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropew u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u r-rekord ta’ Data tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15).

(10)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (COM/2011/0032 finali).

(11)  Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta tiġi trasferita u pproċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni fuq http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1661

(12)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea, 4 ta’ Novembru 2010, COM(2010) 609 finali, u s-segwitu tagħha.

(13)  Opinjoni tal-KEPD tal- 25 ta’ Marzu 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji; Opinjoni tal-KEPD tal-15 ta’ Lulju 2011 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-UE u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntiera; Opinjoni tal-KEPD tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lil pajjiżi terzi; u Opinjoni tal-KEPD tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Kollha disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu

(14)  Opinjoni 10/2011 tad-WP29 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tad-data fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-intraċċar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serj; Opinjoni 7/2010 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi; Opinjoni 5/2007 dwar il-ftehim ta’ segwitu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data fir-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti konkluż f’Lulju 2007 u Opinjoni 4/2003 dwar il-Livell ta’ Protezzjoni żgurat fl-Istati Uniti għat-Trasferiment tad-Data tal-Passiġġieri. Dawn huma kollha disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/wpdocs/2011_en.htm

(15)  Opinjoni tal-FRA tal-14 ta’ Ġunju 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (disponibbli fuq http://fra.europa.eu/fraWebsite/attachments/FRA-PNR-Opinion-June2011.pdf) u Opinjoni tal-KESE tal-5 ta’ Mejju 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (disponibbli fuq http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.15579).

(16)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 5.

(17)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(18)  Ara l-Opinjonijiet tal-KEPD u tad-WP29 imsemmija hawn fuq.

(19)  Informazzjoni oħra relatata mas-Servizzi.

(20)  Informazzjoni dwar Servizzi Speċjali.

(21)  Talbiet dwar Servizzi Speċjali.

(22)  Ara l-Opinjoni 4/2003 tad-WP29, imsemmija hawn fuq.

(23)  Ara l-Ittra tad-19 ta’ Jannar 2011 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 lill-Kummissarju Malmström rigward il-Ftehim tal-PNR tal-UE mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.

(24)  Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 pereżempju diġà pprovda gwida dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-passiġġieri (ara l-Opinjoni 2/2007 tad-WP29 tal-15 ta’ Frar 2007 (riveduta u aġġornata fl-24 ta’ Ġunju 2008) dwar informazzjoni lill-passiġġieri dwar it-trasferiment ta’ dejta fil-PNR lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2008/wp151_mt.pdf)