8.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/9


Abbozz 2012 Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

“L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva”

2012/C 70/05

1.   L-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ FIL-KUNTEST TAL-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020

Fl-2009, il-Kunsill fassal il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (1). Minn dak iż-żmien 'il hawn, il-kuntest ekonomiku u politiku nbidel, billi ħoloq inċertezzi u limitazzjonijiet ġodda. L-Unjoni Ewropea kellha tieħu aktar azzjoni biex twaqqaf l-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika fl-istorja tagħha u, bi tweġiba għal dan, qablet dwar strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv: Ewropa 2020.

L-edukazzjoni u t-taħriġ jilagħbu rwol kruċjali f’din l-istrateġija, b’mod partikolari fi ħdan il-Linji gwida Integrati, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (RSP) maħruġa biex jiggwidaw ir-riformi tal-Istati Membri. Waħda mill-ħames miri ewlenin tal-Ewropa 2020 tirrigwardja t-tluq kmieni mill-iskola u l-kisba tal-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti.

L-Istħarriġ Annwali 2012 dwar it-Tkabbir (SAT) jenfasizza li: il-fowkus għal Ewropa 2020 jeħtieġ li jkun simultanju dwar: miżuri ta’ riformi li għandhom effett fuq medda qasira ta’ żmien fuq it-tkabbir; u dwar it-twaqqif tal-mudell it-tajjeb ta’ tkabbir għal terminu medju. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jiġu modernizzati biex isaħħu l-effiċjenza u l-kwalità tagħhom u biex jattrezzaw lin-nies bil-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol. Dan se jagħti spinta lill-fiduċja tan-nies biex ikunu jistgħu jifilħu għall-isfidi attwali u futuri. Dan se jgħin biex itejjeb il-kompetittività tal-Ewropa u jiġġenera tkabbir u impjiegi. Is-SAT 2012 jitlob ukoll għal fowkus partikolari fuq iż-żgħażagħ, li jinsabu fost il-gruppi li huma l-aktar milquta mill-kriżi.

Strument ewlieni biex jimmodernizza l-edukazzjoni u t-taħriġ, ET 2020 jista’ jagħmel kontribut kbir biex jinkisbu l-miri tal-Ewropa 2020. Iżda biex wieħed jagħmel dan, l-ET 2020 għandu jiġi aġġustat billi jaġġorna l-prijoritajiet, l-għodod u l-istruttura tat-tmexxija tax-xogħol tiegħu.

Dan l-abbozz ta’ Rapport Konġunt, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tal-progress li sar f’oqsma ewlenin tal-politika f’dawn l-aħħar tliet snin, jipproponi prijoritajiet ġodda ta’ xogħol għall-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2014 li huma mmirati biex jimmobilizzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jappoġġaw l-Ewropa 2020.

L-abbozz ta’ Rapport Konġunt jistipula wkoll għadd ta’ alternattivi biex wieħed jaġġusta t-tmexxija tal-ET 2020 biex jiżgura li din tikkontribwixxi għall-Ewropa 2020.

L-abbozz ta' Rapport Konġunt huwa akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2). Dawk evalwaw is-sitwazzjoni f’pajjiżi individwali u f’oqsma tematiċi ewlenin u bbażaw fuq Rapporti Nazzjonali provduti mill-Istati Membri kif ukoll tagħrif u data oħra.

2.   IL-PROGRESS U L-ISFIDI F’OQSMA TA’ PRIJORITÀ

2.1.   Investimenti u riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Bħalissa l-oqsma kollha tal-baġits pubbliċi jinsabu taħt skrutinju, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ. Ħafna mill-Istati Membri għandhom diffikultajiet biex iżommu l-livelli attwali tan-nefqa, u għaldaqstant tkun iktar diffiċli jekk din tiżdied.

Madankollu, ir-riċerka tissuġġerixxi li titjib fil-kisbiet edukattivi jista’ jiġġenera tkabbir u impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Jekk sal-2020 jintlaħaq il-valur ta' referenza, pereżempju, ta’ inqas minn 15 % ta’ dawk li jiksbu rati baxxi fil-ħiliet bażiċi, dan jista’ jiġġenera kisbiet ekonomiċi aggregati kbar fuq medda twila ta’ żmien għall-Unjoni Ewropea (3).

Dan jikkuntrastja mal-fatt li – anki qabel il-kriżi – in-nefqa f’ċerti Stati Membri kienet kemxejn baxxa, qrib jew taħt l-4 % tal-PDG filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ kważi 5 % tal-PDG – taħt il-livell ta’ 5,3 % tal-Istati Uniti.

Tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni joħloq riskju biex jimminimizzaw it-tkabbir potenzjali ekonomiku u l-kompetittività. Fis-SAT 2012, il-Kummissjoni kkonfermat il-konvinzjoni tagħha li, meta jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw in-nefqa fuq politiki li jtejbu t-tkabbir, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ.

Ma hemmx mudell ċar fil-mod ta’ kif l-Istati Membri indirizzaw il-baġits tal-edukazzjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-kriżi. Huma adottaw firxa wiesgħa ta’ miżuri biex inaqqsu n-nefqa: ħafna eliminaw l-ispejjeż tal-persunal (BE nl, BG, EL, ES, FR, HU, IE, LV, PT, RO, SI) jew dispożizzjonijiet għall-infrastruttura, manutenzjoni u tagħmir (BE nl, BG, IE, RO). Uħud naqsu d-dispożizzjoni edukattiva fil-klassijiet ta’ qabel il-primarja (għal tfal ta’ sentejn fi FR), ipposponew jew naqsu r-ritmu tal-implimentazzjoni tar-riformi (BG), jew ħadu miżuri oħra bħat-tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju għall-istudenti (BE nl, IE, PT).

Dawn ix-xejriet jeħtieġu attenzjoni mill-politika. L-ET 2020 għandu jintuża biex jiddiskuti kif inhu l-aħjar mod biex isir investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b’modi li jikkumbinaw l-effiċjenza u l-effettività ma’ impatt favur it-tkabbir. Investiment intelliġenti jimxi id f’id ma’ riformi intelliġenti tal-politika li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Tista' tintuża riflessjoni wiesgħa li tinvolvi l-partijiet interessati biex jidentifikaw modi effiċjenti biex jaqsmu l-piż finanzjarju u biex isibu sorsi ġodda ta’ finanzjament.

2.2.   Tluq Kmieni mill-Iskola

Il-kriżi qed taffettwa b’mod sever il-prospetti għaż-żgħażagħ. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied minn 15,5 % fl-2008 għal 20,9 % fl-2010, filwaqt li s-sehem ta’ dawk bejn il-15 u l-24 sena la fl-edukazzjoni, ix-xogħol jew it-taħriġ żdied b’żewġ punti ta’ perċentwal. 53 % ta’ dawk li telqu kmieni mill-iskola kienu qiegħda.

Meta mqabbla ma’ dan in-nuqqas, il-mira tal-Ewropa 2020 biex tnaqqas is-sehem ta’ dawk ta’ bejn it-18 u l-24 sena li ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien għal inqas minn 10 % sal-2020 hija partikolarment kritika. Jekk ix-xejriet attwali jkomplu, din il-mira mhux se tintlaħaq. Fl-2010, minkejja li kien sar xi progress, ir-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien kienet għadha b’medja ta’ 14,1 % madwar l-Unjoni Ewropea, b’differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi. L-evidenza turi l-s-subien jinsabu aktar f’riskju (16 %) ta’ tluq milli mill-bniet (12,6 %).

Biex ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola tiġi taħt l-10 % hija sfida diffiċli. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2011 (4) tal-Kunsill dwar il-politiki biex inaqqsu l-għadd ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola tappella għall-Istati Membri biex jimplimentaw strateġiji koerenti u komprensivi bbażati fuq l-evidenza, f'dawk l-Istati Membri partikolari li rċevew RSP f’dan il-qasam fl-2011 (AT, DK, ES, MT). Iżda pajjiżi li huma qrib il-mira (DK, IE, HU, NL, FI) għandhom iżidu l-isforzi biex jagħmlu aktar progress u/jew jegħlbu l-istaġnar. L-Istati Membri kollha għandhom jimplementaw miżuri mmirati li jilħqu żgħażagħ li qegħdin f’riskju li jitilqu kmieni mill-iskola.

B’xi eċċezzjonijiet notevoli, il-politiki tal-Istati Membri mhumiex ibbażati biżżejjed fuq data aġġornata u analiżi tal-kawżiet u inċidenzi ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola. Ftit pajjiżi biss jieħdu approċċ sistematiku biex jiġbru, jimmonitorjaw u janalizzaw data dwar dawk li jitilqu kmieni mill-iskola (EE, FR, HU, IT, LU, NL, UK).

Prevenzjoni u intervent bikrija huma s-soluzzjoni biex tiġi ttrattata din il-problema; madankollu, l-Istati Membri jagħtu ftit wisq attenzjoni għall-prevenzjoni. Miżuri parzjali kumpensatorji, bħal opportunità oħra għall-edukazzjoni, għalkemm huma importanti, mhumiex biżżejjed biex jittrattaw il-kawżi bażiċi tal-problema. Għandu jkun hemm aktar fowkus fuq miżuri preventivi u bikrin fil-kuntest tal-għalliema tal-edukazzjoni, il-kontinwità ta’ żvilupp professjonali u edukazzjoni u kura ta’ kwalità fil-bidu tat-tfulija.

Żieda fid-dispożizzjoni ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (ETV) inizjali ta’ kwalità għolja li huwa mfassla għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, inkluż tagħlim imħallat li jorbot mal-ETV u edukazzjoni sekondarja ġenerali, jistgħu jgħinu biex inaqsu l-għadd ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola. Dan jipprovdi mogħdija tal-edukazzjoni differenti, u huwa aktar motivanti għal uħud minn dawk li qed jitgħallmu. Madankollu, fl-istess waqt, hemm ħtieġa serja biex jitnaqqas il-livell ta’ tluq kmieni mill-iskola mid-dispożizzjoni tal-ETV.

Ħafna pajjiżi jużaw firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jittrattaw aspetti differenti tat-tluq kmieni mill-iskola, iżda dawn mhux bilfors iwasslu għal strateġija komprensiva. Il-partijiet interessati minn setturi differenti tal-edukazzjoni u oqsma tal-politika, bħall-politika dwar iż-żgħażagħ, is-servizzi soċjali u tax-xogħol, għandhom jaħdmu aktar mill-qrib flimkien. Għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-ġenituri u l-komunitajiet lokali. Il-kooperazzjoni bejn in-negozju u l-iskola, attivitajiet mhux parti mill-kurrikulu u barra mill-iskola u “garanziji liż-żgħażagħ” huma modi possibbli biex jiġu involuti atturi lokali differenti.

Hekk kif l-Ewropa mhijiex f’postha biex tikseb il-mira ewlenija, hemm ħtieġa urġenti biex jissaħħaħ l-approċċ għall-politika. Fis-snin li ġejjin, ix-xogħol fuq it-tluq kmieni mill-iskola, immexxi mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011, jeħtieġ li jkun wieħed mill-prijoritajiet ta’ quddiem taħt l-ET 2020.

Tluq Kmieni mill-Iskola: Rati tal-2010  (5) u miri nazzjonali

—   Prestazzjoni fl-2010 (%)

Image

—   Mira nazzjonali għall-2020 (%)

 

9,5

11

5,5

10

10

9,5

8

9,7

15

9,5

15

16

10

13,4

9

10

10

29

8

9,5

4,5

10

11,3

5

6

8

10

:

2.3.   Tintlaħaq l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti

Biex toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi, l-Ewropa teħtieġ tiġġenera tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. L-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti tista’ tkun mutur b’saħħtu f’dan ir-rigward. Din tipprovdi l-forza tax-xogħol l-aktar kwalifikata li l-Ewropa teħtieġ biex tavvanza fir-riċerka u l-iżvilupp u tagħti lin-nies il-ħiliet u l-kwalifiki li għandhom bżonn fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

Ewropa 2020 tistabbilixxi l-Mira Ewlenija biex iżżid is-sehem ta’ dawk bejn it-30 u l-34 sena bi grad terzjarju jew ekwivalenti lil 40 % sal-2020. Fl-2010 l-livell medju ta’ kisba ta’ edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti f’dan il-grupp ta’ età kien ta’ 33,6 %. Ir-rati ta’ lħuq, miri nazzjonali u livelli ta’ ambizzjoni jvarjaw konsiderevolment madwar il-pajjiżi.

Biex tintlaħaq il-mira, l-Istati Membri għandhom ikomplu l-isforzi tagħhom għar-riforma, kif maqbul fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (6) u f’konformità mar-RSP dwar din il-kwistjoni lil ħames pajjiżi (BG, CZ, MT, PL, SK).

Ir-riformi għandhom jindirizzaw l-isfida taż-żieda tal-gradwati filwaqt li jżommu u jsaħħu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni u r-riċerka.

Flimkien ma’ sforzi biex jottimizzaw il-finanzjament u t-tmexxija, il-parteċipazzjoni ta’ gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed għandha tikber fl-Istati Membri kollha, inkluż nies minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat jew postijiet ġeografiċi, gruppi etniċi u nies b’diżabilità.

Aċċess għal edukazzjoni għolja għal adulti li qed jitgħallmu għandha tkun iffaċilitata. Hemm potenzjal konsiderevoli biex jgħin lil dawk li diġà jinsabu fix-xogħol jidħlu jew jidħlu mill-ġdid għall-edukazzjoni terzjarja, jippromwovu t-tranżizzjoni minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għal edukazzjoni għolja u biex itejbu r-rikonoxximent ta’ tagħlim miksub minn qabel f’kuntesti informali.

Wisq studenti jitilqu mill-edukazzjoni għolja. Gwida u pariri fl-edukazzjoni u mogħdijiet dwar il-karrieri li jgħinu biex iżommu l-motivazzjoni biex itemmu l-istudji tagħhom huma kritiċi biex jipprevjenu jew inaqqsu r-riskju ta’ dawk li jitilqu mill-iskola.

Li wieħed jattira studenti barranin b’talent jista’ jkun mod ieħor kif tiżdied il-parteċipazzjoni u l-ilħuq.

L-immodernizzat ta' edukazzjoni għolja se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020. Għldaqstant jeħtieġ li tkun prijorità ewlenija oħra għal skambji fil-perjodu li jmiss taħt l-ET 2020, inkluż l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni 2011 ta' Edukazzjoni Għolja u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa.

Tintlaħaq l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti: il-livelli tal-2010 u l-miri nazzjonali  (7)

—   Prestazzjoni fl-2010 (%)

Image

—   Mira nazzjonali għall-2020 (%)

 

47

36

32

40

42

40

60

32

44

50

26

27

46

34

36

40

40

30,3

33

45

38

45

40

26,7

40

40

42

40

45

:

2.4.   Strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja

Għall-maġġoranza tal-Ewropej, it-tagħlim tul il-ħajja mhuwiex realtà. Filwaqt li żdiedet il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ fis-snin bikrin tal-ħajja, data reċenti dwar in-numru ta’ adulti li għandhom bejn 25 u 64 sena li jipparteċipaw f’tagħlim tul il-ħajja turi xejra li naqset ftit. Il-livell attwali ta’ 9,1 % (2010) huwa sew inqas mill-punt ta’ riferiment tal-ET 2020 ta’ 15 % li għandu jintlaħaq sal-2020.

Din il-prestazzjoni dgħajfa hija partikolarment serja meta wieħed jikkunsidra l-kriżi. Żgħażagħ qiegħda u adulti bi ftit ħiliet jeħtieġ li jkunu jistgħu jserrħu fuq edukazzjoni u taħriġ biex jagħtihom possibilità aħjar fis-suq tax-xogħol. Nuqqas ta’ investiment fil-kompetenzi tagħhom idgħajjef il-possibilitajiet tagħhom biex jerġgħu jmorru lura għax-xogħol u jillimita l-potenzjal tal-Ewropa biex toħloq tkabbir u impjiegi. Fl-istess waqt, għandna niffukaw ukoll fuq il-kontribut tal-edukazzjoni għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa permezz ta' titjib fil-kompetenzi tal-forza tax-xogħol u l-integrazzjoni tal-pjanijiet tat-tagħlim għall-adulti fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u l-innovazzjoni.

It-tagħlim tul il-ħajja huwa proċess kontinwu li jista’ jibqa’ għaddej tul il-ħajja kollha ta’ persuna, mill-kwalità tal-edukazzjoni fil-bidu tat-tfulija għall-età ta’ wara x-xogħol. Barra minn hekk, it-tagħlim iseħħ ukoll barra l-kuntesti formali tat-tagħlim, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Riċentament, sar xi progress dwar il-punti ta’ riferiment Ewropej ta’ tnaqqis tas-sehem ta’ dawk li kisbu ftit fil-ħiliet bażiċi (20 % fl-2009 kontra punt ta’ riferiment ta’ inqas minn 15 % sal-2020) u żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni fil-bidu tat-tfulija (92 % fl-2009 kontra punt ta’ riferiment ta’ 95 % sal-2020); madankollu, jeħtieġ li jkomplu l-isforzi dwar iż-żewġ kwistjonijiet.

L-ostakli għat-tagħlim tul il-ħajja jippersistu, bħal opportunitjiet għat-tagħlim li mhumiex imfassla b'mod adegwat għat-tagħlim li mhumiex imfassla sew għall-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti fil-mira; nuqqas ta’ aċċessibilità għal tagħrif u sistemi ta’ appoġġ; u mogħdijiet ta’ tagħlim li mhumiex flessibbli biżżejjed (eż. bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja). Il-problemi spiss ma jispiċċaw qatt mill-fatt li dawk li għandhom potenzjal biex jitgħallmu għandhom status soċjoekonomiku baxx u ta’ qabel l-edukazzjoni.

Biex wieħed jegħleb dawn l-ostakli jinħtieġu aktar minn riformi parzjali f’setturi speċifiċi tal-edukazzjoni. Għalkemm l-Istati Membri għarfu din il-ħtieġa deċennju ilu, il-problema ta’ segmentazzjoni tkompli. Illum ftit pajjiżi biss għandhom strateġija komprensiva, li tappoġġa kontinwazzjoni edukattiva tajba, fis-seħħ (AT, CY, DK, SI, UK SC).

Min-naħa pożittiva, l-użu ta’ għodod bħall-oqsfa Ewropej u kwalifiki nazzjonali (BE nl, CZ, DK, EE, FI, FR, IE, LT, LV, LU, MT, NL, PT, UK); mekkaniżmi biex jivvalidaw tagħlim informali u formali (DE, DK, ES, FI, FR, LU, NL, PT, RO, SE, UK) u politiki ta’ gwida tul il-ħajja (AT, DK, DE, EE, ES, FI, FR, HU, IE, LT, LU, LV, NL) juru li l-ostakli għal kooperazzjoni bejn is-setturi tal-edukazzjoni jistgħu jingħelbu.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. L-Istati Membri għandhom jiskrinjaw is-sistemi tagħhom biex isibu l-ostakli għat-tagħlim tul il-ħajja. B’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u partijiet interessati ewlenin oħrajn, dawn għandhom jagħmlu fis-seħħ strateġiji komprensivi u jieħdu miżuri li jippromwovu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, f’konformità mal-impenji Ewropej u jfasslu għodod ta’ trasparenza u oqfsa (il-Qafas Ewropew ta’ Kwalifiki (8), ECVET/ECTS (9), EQAVET, il-Qafas dwar il-Kompetenzi Ewlenin (10)). L-enfasi għandha tkun dwar l-iżgurar ta’ ħiliet bażiċi għal kulħadd u dwar integrazzjoni aħjar tad-dispożizzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari biex tistimula l-parteċipazzjoni ta’ adulti bi ftit ħiliet.

2.5.   Mobilità tat-tagħlim

Il-mobilità ssaħħaħ il-bażi tal-Ewropa għal tkabbir futur ibbażat fuq l-għarfien u l-abilità biex tkun innovattiva u tikkompeti fuq livell internazzjonali (11). Din issaħħaħ l-impjegabilità tan-nies u l-iżvilupp personali u hija kkunsidrata bħala valur minn min iħaddem. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozju jibbenefikaw bl-istess mod mill-esperjenza ta’ tagħlim, kuntatti personali u netwerks li jirriżultaw mill-mobilità. Il-promozzjoni tal-mobilità transnazzjonali tat-tagħlim hija eżempju eċċellenti ta’ valur miżjud Ewropew.

Madankollu, il-livelli attwali ta’ mobilità ma jirriflettux il-valur tiegħu. Madwar 10 % sa 15 % ta’ gradwati ta’ edukazzjoni għolja jgħaddu proporzjon mill-istudji tagħhom f’pajjiż ieħor fejn il-valur miżjud ta’ mobilità huwa l-aktar rikonoxxut; iżda madwar 3 % biss tal-gradwati mill-ETV inizjali jagħmlu dan. Jeħtieġ isir aktar xogħol biex tiġi promossa l-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Riżorsi finanzjarji limitati u għarfien inadegwat tal-lingwa jwaqqfu l-mobilità tat-tagħlim. Il-mobilità mhijiex dejjem rikonoxxuta jew validata. Spiss hemm nuqqas ta’ tagħrif dwar opportunitajiet disponibbli. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni speċifika ta’ dawk li jitgħallmu bi bżonnijiet speċjali (eż. diżabilitajiet) mhijiex indirizzata biżżejjed.

Ħafna mill-pajjiżi jippromwovu primarjament il-mobilità ta’ dawk li jitgħalmu. Filwaqt li xi pajjiżi (BG, IE, MT, SE, BE nl, DE, EE, EL, ES, FI, NL, RO, LT, FR) jinkludu wkoll gruppi oħra, bħall-għalliema jew apprendisti, hemm kamp ta’ applikazzjoni li jista’ jsir ħafna aktar fih kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll f'dak Ewropew.

Programmi Ewropej ta’ finanzjament għandhom irwol importanti x’jilagħbu. Bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid għas-snin 2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet biex kważi tirdoppja n-numru ta’ benefiċjarji fil-futur tal-programm ta' edukazzjoni u taħriġ, minn 400 000 għal kważi 700 000 kull sena.

Madankollu, il-programmi finanzjarji jeħtieġ li jimxu id f’id mar-riformi tal-politika. Il-Kunsill adotta punti ġodda ta’ riferiment dwar il-mobilità tat-tagħlim f’Novembru 2011 (20 % għal edukazzjoni għolja, 6 % għal ETV inizjali sal-2020). Dan l-impenn politiku għandu jimxi 'l quddiem billi tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Żgħażagħ f’moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ” u billi jsir użu sħuħ tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza, bħall-EQF, ECTS/ECVET u Europass (12).

2.6.   Ħiliet u impjiegi ġodda

Il-kriżi tħeġġeġ bidliet fid-domanda għall-ħiliet. Id-domanda għal impjiegi li jirrikjedu ftit kwalifiki qed tonqos, u l-industriji ta’ għada bbażati fuq l-għarfien jeħtieġu livelli li qed jiżdiedu ta’ kwalifiki. Previżjoni reċenti (13) tistenna s-sehem ta’ impjiegi kwalifikati ħafna biex jiżdiedu sa kważi 16-il miljun, minn 29 % (fl-2010) għal 35 % tal-impjiegi kollha kwalifikati fl-2020. Għall-kuntrarju, is-sehem tal-impjiegi li jitolbu livell baxx ta’ ħiliet mistenni li jonqos b’madwar 12-il miljun, minn 20 % għal inqas minn 15 %. Uħud mill-pajjiżi diġà jiffaċċjaw restrizzjonijiet għal impjiegi kwalifikati ħafna. Dan se jkompli jmur għall-agħar bl-impatt tat-tixjiħ demografiku meta l-forza tax-xogħol tibda tonqos wara l-2012. Ir-RSP dwar titjib fil-ħiliet għas-suq tax-xogħol u dwar appoġġ speċifiku għal ħaddiema bi ftit ħiliet kienu ġew indirizzati lil numru ta’ Stati Membri (BG, CY, CZ, EE, PL, SI, SK, UK).

L-Istati Membri kienu għamlu progress fil-metodi ta’ implimentazzjoni, għodod u approċċi biex jantiċipaw u jivvalutaw id-domanda għal ħiliet, nuqqas ta’ taqbil u impjegabilità tal-gradwati. Ħafna jiffukaw fuq setturi ewlenin bħall-ICT jew is-saħħa.

Madankollu, ftit pajjiżi biss (AT, DE, FR, IE, PL, UK) għandhom approċċ ikkoordinat biex jifirxu r-riżultati mal-atturi ewlenin. Il-mekkaniżmi istituzzjonali spiss huma żviluppati f’livelli reġjonali jew settorjali, iżda għandhom tendenza li jirrifletti jew jirripproduċu s-segmentazzjoni tal-edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ.

Il-pajjiżi jindirizzaw ir-reazzjoni tal-edukazzjoni u tad-dispożizzjonijiet tat-taħriġ għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol permezz ta’ sħubiji ma’ partijiet interessati ewlenin (EE, FI, SE); mekkaniżmi li jassiguraw il-kwalità; u inizjattivi li jimmiraw lejn il-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-litteriżmu, il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija (AT, BE nl, DE, FR, PL, LT, IE), il-lingwi, il-kompetenzi diġitali u s-sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija (ES, EE, BG, LT, FR).

Jekk wieħed iħeġġeġ lis-subien u lill-bniet biex jagħżlu karrieri fis-setturi fejn mhumiex rappreżentati biżżejjed, inaqqas is-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol u jista' jgħin biex jonqsu n-nuqqasijiet ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol.

L-ET 2020 għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva ta' Prominenza “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”. Il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-żgħażagħ” (14), li tissottolinja l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-prevenzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, u aktar tard fl-2012 ser tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-ħsieb mill-ġdid dwar il-ħiliet, billi tipproponi azzjoni biex ittejjeb il-kompetenzi ewlenin u biex tippromwovi rabtiet eqreb bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Ix-xogħol taħt l-ET 2020 ser ikompli jippromwovi l-kompetenzi ewlenin għaċ-ċittadini kollha, biex itejjeb il-monitoraġġ billi jiġi żviluppat punt ta’ riferiment ġdid Ewropew dwar l-impjegabilità, biex jippromwovi l-aġġornament reġolari ta' ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, u biex jantiċipa d-domanda tas-suq tax-xogħol tal-futur għall-ħiliet, b’mod partikolari permezz tal-Panorama tal-Ħiliet Ewropej.

3.   IL-KONTRIBUT TAL-ET 2020 GĦALL-EWROPA 2020

Il-valutazzjoni ta’ hawn fuq taċ-ċiklu tal-2009-2011, li jinkludi l-progress bil-mod lejn mira ewlenija tal-edukazzjoni u l-punti ta’ riferiment tal-ET 2020, tenfasizza l-importanza li jsir investiment effettiv f’edukazzjoni u taħriġ riformulati sabiex tappoġġa t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, kif ukoll tippromwovi l-inklużjoni soċjali.

Is-SAT 2012 tenfasizza l-ħtieġa għal segwitu bi prova mill-Istati Membri tal-gwida tal-politika fil-livell tal-UE. L-ET 2020 jista’ jintuża biex jappoġġa lill-Istati Membri biex iwieġbu għall-isfidi identifikati fir-RSP differenti: dwar it-tluq kmieni mill-iskola (AT, DK, ES, MT) u l-ilħuq terzjarju (BG, CZ, MT, PL, SK); li jirrigwardjaw tagħlim tul il-ħajja, l-ETV u ħiliet għas-suq tax-xogħol (AT, CY, DK, EE, ES, FI, FR, LU, MT, PL, SI, SK, UK); u dwar edukazzjoni ta’ qabel l-iskola u tal-iskola u kwistjonijiet ta’ ugwaljanza (BG, DE, EE).

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u l-konsultazzjoni tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-Partijiet interessati, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonfermaw li l-erba’ miri strateġiċi tal-ET 2020 stabbiliti fl-2009 jibqgħu validi. Il-lista ta’ oqsma ta’ prijorità ta’ nofs it-terminu li kienu qablu dwarhom fl-2009 hi sostitwita b’waħda ġdida li hija mmirata biex timmobilizza l-edukazzjoni u t-taħriġ biex tappoġġa tkabbir u impjiegi (ippreżentata fl-anness).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ssir reviżjoni tal-arranġamenti tax-xogħol skont l-ET 2020 li kienu ppjanati qabel ma kienu qablu dwar l-Ewropa 2020 u s-Simestru Ewropew. L-ET 2020 għandu jkun allinjat aħjar mal-Ewropa 2020; dan għandu jkun il-mekkaniżmu biex jimmobilizza l-partijiet interessati tal-ET 2020, iżid is-sjieda tagħhom u juża l-esperjenza tagħhom b’appoġġ għall-Ewropa 2020, u juża wkoll l-evidenza u d-data mill-aġenziji u netwerks Ewropej rilevanti (15).

Biex jiżdied il-kontribut tal-ET 2020 għall-Ewropa 2020, it-tmexxija tal-ET 2020 u l-għodod tagħha ta’ tħaddim jistgħu jiġu aġġustati kif ġej:

(1)

Il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EJCS) jista’ jindirizza d-dimensjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropa 2020 kemm matul is-simestru Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Il-Kunsill jista' jikkunsidra s-SAT u jirrapporta lill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu, jista' jeżamina l-kwistjonijiet komuni li ġejjin mill-gwida mogħtija mill-Kunsill Ewropew u l-implimentazzjoni tiegħu permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, kif ukoll jikkunsidra s-segwitu tal-eżiti tas-Semestru Ewropew.

(2)

Meta wieħed iqis in-natura integrata tal-Ewropa 2020, hemm kamp ta’ applikazzjoni biex titwaqqaf kooperazzjoni bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Politika Ekonomika, il-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Kumitat dwar il-Protezzjoni Soċjali. Il-kooperazzjoni tiżgura li l-ET 2020 jidħol fil-proċess tal-Ewropa 2020, inkluż f’termini tal-użu indikaturi ta’ monitoraġġ.

(3)

L-istrument ta’ tagħlim ta’ bejn il-pari jista’ jintuża aħjar u jkun marbut aktar mill-qrib mal-Ewropa 2020. L-ewwel, biex jipprepara u jinforma lid-dibattitu fil-livell tal-Kunsill, reviżjoni annwali ta’ bejn il-pari tista’ ssir kull Settembru/Ottubru u tiġi organizzata b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza tal-Kunsill. Dan l-approċċ multilaterali jista’ jiffoka fuq kwistjonijiet ewlenin tal-politika li joħorġu matul is-Simestru Ewropew preċedenti li jagħti lok għal numru kbir ta’ RSP. It-tieni, l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan jistgħu jistiednu nies fl-istess livell għal diskussjoni profonda dwar kwistjonijiet speċifiċi f’pajjiżhom. Il-Kummissjoni tuża l-istrumenti finanzjarji rilevanti biex tappoġġa din l-attività, inkluż billi tappoġġa l-parteċipazzjoni ta’ esperti magħrufa internazzjonalment.

(4)

Biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-Ewropa 2020 u l-ET 2020, il-Kummissjoni kull sena tista’ torganizza skambju ta’ opinjonijiet bejn il-partijiet interessati fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan il-Forum ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jista’, fil-bidu ta’ Ottubru, jiddiskuti l-progress fl-immodernizzar tal-edukazzjoni u s-sistemi tat-taħriġ li jkompli mid-diskussjoni ta’ kwistjonijiet tal-edukazzjoni fis-Simestru Ewropew.

(5)

Il-Kunsill ser jirrevedi l-lista ta’ indikaturi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (16), biex jiżgura li dawk li intużaw taħt ET 2020 huma konsistenti mal-miri tagħha. Meta tissostitwixxi r-Rapport ta’ Progress eżistenti (17), il-Kummissjoni se tippreżenta kull ħarifa, Moniter ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, li jistabbilixxi, f’dokument qasir, il-progress dwar il-punti ta’ riferiment tal-ET 2020 u l-indikaturi ewlenin, inkluża l-Mira Ewlenija tal-Ewropa 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan id-dokument jista’ jgħin biex jinforma lid-dibattitu fil-livell tal-Kunsill.

Finalment, l-istrumenti kollha jeħtieġu jiġu mobilizzati biex jinkisbu l-miri stabbiliti fl-Ewropa 2020 u ET 2020, inkluż il-programmi attwali u futuri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-fondi strutturali u Horizon 2020.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  Dok. 18577/11 ADD 1 (SEC(2011) 1607 final) u dok. 18577/11 ADD 2 (SEC(2011) 1608 final).

(3)  Netwerk Ewropew ta’ Esperti dwar l-Ekonomija tal-Edukazzjoni (EENEE), EENEE Policy Brief 1/2011: L-ispiża tal-kisba ta' livell baxx ta' edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

(4)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(5)  Sors għad-data tal-2010: Eurostat (LFS).

(6)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.

(7)  Sors għad-data tal-2010: Eurostat (LFS) (ISCED levels) 5-6. Għad-DE, il-mira tinkludi wkoll ISCED 4, ta' AT ISCED 4A.

(8)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(9)  European Credit System for VET, European Credit Transfer and Accumulation System, cf. http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc48_en.htm

(10)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(11)  COM(2009) 329 finali.

(12)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(13)  http://www.cedefop.europa.eu/en/Files/3052_en.pdf

(14)  Dok. 5166/12 (COM(2011) 933 finali).

(15)  B'mod partikolari, Cedefop, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u n-netwerk Euridyce.

(16)  ĠU C 311, 21.12.2007, p. 13.

(17)  L-aħħar edizzjoni: SEC(2011) 526.


ANNESS (1)

Oqsma ewlenin għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-2012-2014

Bil-ħsieb li jinkisbu l-erba' objettivi strateġiċi taħt il-qafas “ET 2020”, l-identifikazzjoni ta' oqsma prijoritarji għal ċiklu ta' ħidma speċifiku għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll tirrifletti l-ħtiġijiet individwali tal-Istati Membri, speċjalment hekk kif jinħolqu ċirkostanzi u sfidi ġodda.

F'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħżlu dawk l-oqsma ta' ħidma u kooperazzjoni li huma jixtiequ jipparteċipaw fihom f'ħidma ta' segwitu konġunta. Jekk l-Istati Membri jqisuha meħtieġa, il-ħidma dwar oqsma prijoritarji speċifiċi tista' titkompla f'ċikli ta' ħidma sussegwenti.

1.   Li jsiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità

Strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja

Naħdmu flimkien biex intemmu l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jkopru l-livelli kollha mill-edukazzjoni fit-tfulija bikrija sat-tagħlim għall-adulti, u niffukaw fuq sħubiji ma’ partijiet interessati, l-iżvilupp tal-kompetenza ta’ adulti bi ftit ħiliet, miżuri biex jestendu l-aċċess għal tagħlim tul il-ħajja u jintegraw servizzi ta’ tagħlim tul il-ħajja (gwida, validazzjoni, eċċ.). B'mod partikolari, nimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (2).

Punti ta' referenza Ewropej

Naħdmu flimkien biex norbtu l-oqsfa ta’ kwalifiki nazzjonali mal-EQF, nistabbilixxu arranġamenti nazzjonali komprensivi biex nivvalidaw ir-riżultati tat-tagħlim; noħolqu rabtiet bejn oqsfa ta’ kwalifiki, arranġamenti ta’ validazzjoni, assigurazzjoni tal-kwalità u sistemi għall-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ krediti (EQAVET, ECVET, ECTS); nikkooperaw fit-tbassir tad-domanda għall-ħiliet u tqabbil aħjar ta’ din id-domanda u l-provvediment tal-opportunitajiet tat-tagħlim (Panorama tal-Ħiliet, Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet/Kompetenzi, Kwalifiki u Xogħlijiet- ESCO); intejbu l-viżibilità, it-tixrid u l-użu ta’ punti ta’ referenza Ewropej sabiex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tagħhom.

Mobilità tat-Tagħlim

Nippromwovu l-mobilità tat-tagħlim għal dawk kollha li jitgħallmu, fl-Ewropa u mad-dinja kollha, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi jiffukaw fuq tagħrif u gwida, il-kwalità tal-mobilità tat-tagħlim, it-tneħħija ta’ ostakli għall-mobilità u l-promozzjoni tal-mobilità tal-għalliema. B'mod partikolari, tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Żgħażagħ f’moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ” (3).

2.   Titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Ħiliet bażiċi (litteriżmu, matematika, xjenza u teknoloġija), lingwi

Kapitalizzazzjoni fuq evidenza dwar il-litteriżmu tal-qari, inkluż ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Litteriżmu, biex tgħolli l-livelli ta’ litteriżmu fost l-istudenti tal-iskola u l-adulti u biex tnaqqas il-proporzjon ta’ prestazzjoni baxxa fil-qari minn dawk li għandhom 15-il sena. Jiġu indirizzati l-isfidi tal-litteriżmu li jużaw varjetà ta’ midja, inkluża dik diġitali, għal kulħadd. Jiġu sfruttati u żviluppati r-riżultati ta’ kooperazzjoni biex jindirizzaw prestazzjoni baxxa fil-matematika u x-xjenza fl-iskejjel; ikompli x-xogħol biex jitjiebu l-kompetenzi tal-lingwa, b’mod partikolari biex jappoġġaw il-mobilità tat-tagħlim u l-impjegabilità.

Żvilupp professjonali ta’ għalliema, dawk li jħarrġu u kapijiet tal-iskejjel

Titjib il-kwalità ta’ persunal tal-għalliema minħabba li din hija determinant ewlieni ta’ riżultati ta’ kwalità, ikun hemm fowkus fuq il-kwalità tal-għalliema, jattiraw u jingħażlu l-aħjar kandidati biex jgħallmu, kwalità fil-kontinwità tal-iżvilupp professjonali, żvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema u infurzar tat-tmexxija tal-iskejjel.

L-immodernizzar ta’ edukazzjoni għolja u żieda fl-ilħuq ta’ livelli terzjarji

Ħidma f’daqqa biex jiżdiedu n-numru ta’ gradwati, inkluża l-estensjoni ta’ mogħdijiet alternattivi u l-iżvilupp tal-ETV terzjarji; it-titjib fil-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja; iż-żieda fl-kwalità ta' edukazzjoni għolja permezz ta' mobilità u kooperazzjoni transkonfinali; it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jippromwovu l-eċċellenza u l-iżvilupp reġjonali; it-titjib fit-tmexxija u l-finanzjament

L-attrattività u r-rilevanza tal-ETV

Issir ħidma f’daqqa, f’konformità mal- Bruges Communiqué dwar Kooperazzjoni Ewropea aħjar fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu ta’ bejn l-2011 u l-2020, b’mod partikolari biex l-ETV inizjali jkun aktar attraenti, jippromwovi l-eċċellenza u rilevanza tal-ETV għas-suq tax-xogħol, jiġu implimentati mekkaniżmi li jassiguraw il-kwalità u jtejbu l-kwalità tal-għalliema, ta’ dawk li jħarrġu u ETV professjonali oħra.

Finanzjament u evalwazzjoni effiċjenti

Isir eżami tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament u sistemi ta’ evalwazzjoni, bil-għan li titjieb il-kwalità, inkluż appoġġ immirat lejn ċittadini żvantaġġati u l-iżvilupp ta’ għodod effiċjenti u ekwi li għandhom l-għan li jimmobilizzaw investiment privat fl-edukazzjoni postsekondarja u t-taħriġ.

3.   Promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-cittadinanza attiva

Tluq Kmieni mill-Iskola

Għajnuna lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar politiki biex inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskola (4), u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar tluq kmieni mill-iskola fl-edukazzjoni ġenerali u l-ETV.

Kura u edukazzjoni ta' tfal ta' età bikrija (ECEC).

Ħidma f’daqqa, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2011 dwar edukazzjoni u l-kura ta’ tfal ta’ età bikrija (5), biex tipprovdi aċċess ekwu u mifrux għall-ECEC filwaqt li tgħolli l-kwalità tal-provvediment; il-promozzjoni ta’ approċċi integrati, l-iżvilupp professjonali tal-persunal tal-ECEC u l-appoġġ għall-ġenituri; żvilupp ta’ kurrikula xierqa u programmi u mudelli ta’ finanzjament.

Ekwità u diversità

Infurzar ta’ tagħlim reċiproku dwar modi effettivi biex ikabbru l-kisba edukattiva f’soċjetà li kull ma jmur issir dejjem aktar differenti, b’mod partikolari billi timplimenta approċċi inklussivi tal-edukazzjoni li jippermettu lil dawk li jitgħallmu minn firxa wiesgħa ta’ sfond u ħtiġijiet edukattivi, inkluż migranti, Roma u studenti bi bżonnijiet speċjali, biex jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom; itejbu l-opportunitajiet ta’ tagħlim għal adulti li huma akbar fl-età u tagħlim bejn il-ġenerazzjonijiet.

4.   It-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Sħubiji mas-soċjetà ċivili tan-negozju u r-riċerka

Jiġu żviluppari forom effettivi u innovattivi ta’ netwerking, kooperazzjoni u sħubija bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tan-negozju, istituzzjonijiet tar-riċerka u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Networks ta’ appoġġ għall-iskejjel, l-universitajiet u fornituri oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jippromwovu metodi ġodda ta’ kif jiġi organizzat it-tagħlim (inklużi Riżorsi Edukattivi Miftuħa), il-bini u l-iżvilupp ta’ kapaċità bħala organizzazzjonijiet tat-tagħlim.

Kompetenzi trasversali ewlenin, edukazzjoni intraprenditorjali, litteriżmu elettroniku, litteriżmu tal-midja, ambjenti innovattivi tat-tagħlim

Ħidma f’daqqa biex tiġi promossa l-kisba tal-kompetenzi ewlenin identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għal tagħlim tul il-ħajja, inkluż kompetenzi diġitali dwar kif l-ICT u l-intraprenditorija jistgħu jtejbu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jippromwovu ambjent kreattiv għat-tagħlim u jkabbru l-kuxjenza kulturali, l-espressjoni u l-litteriżmu tal-midja.


(1)  NL: riżerva dwar dak li hi tqis bħala n-numru eċċessiv ta' oqsma prijoritarji għal perijodu ta' tliet snin. Id-delegazzjoni tikkunsidra li għandu jiġi ddedikat aktar ħin għad-diskussjoni dwar il-kontenut tal-Anness.

(2)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.

(4)  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(5)  ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8.