19.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 115/1 |
Linji gwida li jakkumpanjaw ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta’ Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u l-elementi tal-bini
2012/C 115/01
WERREJ
1. |
OBJETTIVI U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI |
2. |
DEFINIZZJONIJIET |
3. |
STABBILIMENT TA’ BINJIET TA’ REFERENZA |
4. |
IDENTIFIKAZZJONI TAL-MIŻURI TA’ EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA, MIŻURI BBAŻATI FUQ SORSI TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI JEW PAKKETTI/VARJANTI TA’ DAWN IL-MIŻURI GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA |
4.1. |
Miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija possibbli u miżuri bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (u l-pakketti u l-varjanti tagħhom) li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni |
4.2. |
Metodi għat-tnaqqis ta’ kombinamenti u konsegwentement, ta’ kalkoli |
4.3. |
Kwalità tal-arja interna u kwistjonijiet oħrajn relatati mal-kumdità |
5. |
KALKOLU TAD-DOMANDA GĦALL-ENERĠIJA PRIMARJA LI TIRRIŻULTA MILL-APPLIKAZZJONI TAL-MIŻURI U TAL-PAKKETTI TA’ MIŻURI GĦAL BINJA TA’ REFERENZA |
6. |
KALKOLU TAL-KOST GLOBALI F’TERMINI TA’ VALUR PREŻENTI NETT GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA |
6.1. |
Il-kunċett tal-kostottimalità |
6.2. |
Kategorizzazzjoni tal-kostijiet |
6.3. |
Ġbir ta’ dejta dwar il-kostijiet |
6.4. |
Ir-rata ta’ skont |
6.5. |
Elenku bażiku tal-elementi tal-kost li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kostijiet tal-investiment inizjali tal-binjiet u tal-elementi tal-bini |
6.6. |
Kalkolu tal-kost tas-sostituzzjoni perjodika |
6.7. |
Perjodu tal-kalkolu kontra ċ-ċiklu tal-ħajja stmat |
6.8. |
Sena tal-bidu għall-kalkolu |
6.9. |
Kalkolu tal-valur residwu |
6.10. |
Evoluzzjoni tal-kostijiet maż-żmien |
6.11. |
Kalkolu tal-kostijiet ta’ sostituzzjoni |
6.12. |
Kalkolu tal-kost għall-enerġija |
6.13. |
Trattament ta’ tassazzjoni, sussidji u tariffi feed-in fil-kalkolu tal-kost |
6.14. |
Inklużjoni tal-qligħ mill-produzzjoni tal-enerġija |
6.15. |
Kalkolu tal-kostijiet tar-rimi |
7. |
DERIVAZZJONI TA’ LIVELL KOSTOTTIMALI TA’ RENDIMENT FL-UŻU TAL-ENERĠIJA GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA |
7.1. |
Identifikazzjoni tal-medda kostottimali |
7.2. |
Tqabbil mar-rekwiżiti attwali fil-livell tal-Istati Membri |
8. |
ANALIŻI TAS-SENSITTIVITÀ |
9. |
STIMA TAL-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET TAL-ENERĠIJA FIT-TUL |
1. OBJETTIVI U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Skont l-Artikolu 5 u l-Anness III tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 (2) jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini u tal-elementi tal-bini (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”).
Il-metodoloġija tispeċifika kif għandhom jitqabblu l-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-miżuri li jinkorporaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-pakketti ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tagħhom u n-nefqa attribwita għall-implimentazzjoni tagħhom u kif dawn jistgħu jiġu applikati għall-binjiet ta’ referenza magħżula bil-għan li jiġu identifikati l-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi linji gwida sabiex jakkumpanjaw il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva bil-għan li dan jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa.
Dan id-dokument jikkostitwixxi l-linji gwida kif maħsub mill-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE. Filwaqt li dawn il-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti, jipprovdu tagħrif addizzjonali għall-Istati Membri u jirriflettu l-prinċipji aċċettati għall-kalkoli tal-kostijiet meħtieġa fil-kuntest tar-Regolament. B’hekk, il-linji gwida huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-Regolament. It-test tar-Regolament huwa legalment vinkolanti u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri.
Sabiex jintuża faċilment mill-Istati Membri, dan id-dokument isegwi mill-qrib l-istruttura tal-qafas ta’ metodoloġija kif stabbilit fl-Anness I għar-Regolament. Il-linji gwida – għall-kuntrarju tar-Regolament innifsu – se jiġu riveduti perjodikament hekk kif tinkiseb l-esperjenza mill-applikazzjoni tal-qafas ta’ metodoloġija, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni.
2. DEFINIZZJONIJIET
Uħud mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament jistgħu jibbenefikaw minn kjarifika addizzjonali.
Għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ kostijiet globali, il-kost tal-art huwa eskluż. Madankollu, jekk Stat Membru jixtieq dan, il-kostijiet tal-investiment inizjali, u b’hekk ukoll l-kostijiet globali, jistgħu jieħdu f’kunsiderazzjoni l-kost tal-erja utli tal-art li hija meħtieġa sabiex tiġi implimentata ċerta miżura, u għalhekk tiġi introdotta klassifikazzjoni tal-miżuri skont l-ispazju li jieħdu.
Enerġija primarja għal binja partikolari hija l-enerġija użata sabiex tiġi prodotta l-enerġija mwassla għall-bini. Din hija kkalkolata mill-ammonti mwassla u esportati ta’ trasportaturi tal-enerġija, billi jintużaw fatturi ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja. L-enerġija primarja tinkludi enerġija mhux rinnovabbli u enerġija rinnovabbli. Jekk jittieħdu f’kunsiderazzjoni t-tnejn li huma, din tista’ tissejjaħ l-enerġija primarja totali.
Bħala parti mid-definizzjoni ta’ kostijiet globali, Stat Membru jista’ jagħżel li jintroduċi kostijiet esterni oħrajn (bħal spejjeż ambjentali u tas-saħħa) minbarra l-ipprezzar tal-karbonju fil-kalkolu tal-kost ottimu makroekonomiku.
Għall-finijiet ta’ kalkolu tal-kostijiet annwali, il-metodoloġija kif ippreżentata mill-Kummissjoni ma tinkludix kategorija speċifika sabiex tiġi koperta l-kost ta’ kapital hekk kif din tqieset bħala diġà koperta mir-rata ta’ skont. Jekk Stat Membru jixtieq b’mod speċifiku li jkopri l-ħlasijiet li jseħħu matul il-perjodu ta’ kalkolu sħiħ, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jinkludu l-kostijiet kapitali fi ħdan il-kategorija ta’ kostijiet annwali sabiex jiżguraw li jiġi applikat skont għal dawn ukoll.
Il-metodu għall-kalkolu tal-erja utli tal-art għandu jkun definit fil-livell nazzjonali. Għandu jkun irrapportat b’mod ċar lill-Kummissjoni.
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni kostottimali, tiġi kkunsidrata l-parti mhux rinnovabbli tal-enerġija primarja. Għandu jkun osservat li dan ma jmurx kontra d-definizzjoni ta’ enerġija primarja mogħtija fid-Direttiva — għar-rendiment kumplessiv tal-bini, għandhom jiġu rrapportati kemm il-parti mhux rinnovabbli kif ukoll il-kwantità totali ta’ enerġija primarja relatata mal-operazzjoni ta’ bini. Il-fatturi (ta’ konverżjoni) korrispondenti tal-enerġija primarja għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Anness II għad-Direttiva 2006/32/KE (3).
Miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija jistgħu jkunu miżura waħda inkella jikkostitwixxu pakkett ta’ miżuri. Fil-forma aħħarija tiegħu, pakkett ta’ miżuri jikkostitwixxi varjant ta’ bini (= sett sħiħ ta’ miżuri/pakketti meħtieġa għall-provvista effiċjenti fl-użu tal-enerġija ta’ binja u li jinkludi miżuri dwar l-involukru tal-bini, it-tekniki passivi, il-miżuri dwar is-sistemi ta’ bini u/jew miżuri li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli).
Kostijiet tal-enerġija jinkludu l-kostijiet kollha għall-użi tal-enerġija koperti mid-Direttiva 2010/31/UE assoċjati mal-użi tipiċi kollha f’binja. Għaldaqstant, l-enerġija użata għal apparati (u l-kost tagħhom) mhijiex inkluża, għad li l-Istati Membri huma ħielsa li jinkludu dawn ukoll fl-applikazzjoni nazzjonali tagħhom tar-Regolament.
3. STABBILIMENT TA’ BINJIET TA’ REFERENZA
Skont l-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE u l-Anness I(1) għar-Regolament, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddefinixxu bini ta’ referenza għall-iskop tal-metodoloġija kostottimali.
L-iskop ewlieni ta’ bini ta’ referenza huwa li jirrappreżenta l-istokk tipiku u medju tal-bini fi Stat Membru partikolari, minħabba li huwa impossibbli li tiġi kkalkolata s-sitwazzjoni kostottimali għal kull binja individwali. Għalhekk, il-binjiet ta’ referenza stabbiliti għandhom jirriflettu bl-akbar preċiżjoni possibbli l-istokk ta’ bini nazzjonali attwali sabiex il-metodoloġija tkun tista’ tipprovdi riżultati ta’ kalkolu rappreżentattivi.
Huwa rrakkomandat li l-binjiet ta’ referenza jiġu stabbiliti b’wieħed mill-modi li ġejjin:
(1) |
Għażla ta’ eżempju reali li jirrappreżenta l-bini l-iktar tipiku f’kategorija speċifika (tip ta’ użu bix-xejra ta’ okkupazzjoni ta’ referenza, erja tal-art, kumpattezza tal-bini mogħtija bħala erja ta’ involukru/fattur ta’ volum, struttura ta’ involukru ta’ bini b’valur-U korrispondenti, sistemi ta’ servizzi tekniċi u trasportaturi tal-enerġija flimkien mas-sehem ta’ enerġija li jużaw). |
(2) |
Ħolqien ta’ “bini virtwali” li, għal kull parametru rilevanti (ara 1) jinkludi l-materjali u s-sistemi użati bl-iktar mod komuni. |
L-għażla bejn dawn l-alternattivi għandha tittieħed fuq il-bażi tal-inkjesti ta’ esperti, id-disponibbiltà ta’ dejta statistika, eċċ. Huwa possibbli li jintużaw approċċi differenti għal kategoriji ta’ bini differenti. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kif intgħażel il-każ ta’ referenza għal kategorija ta’ bini (ara wkoll il-punt 1.4 tal-mudell ta’ rapportar kif mogħti fl-Anness III tar-Regolament).
L-Istati Membri huma ħielsa li jużaw u jaġġustaw il-katalgi u l-bażijiet tad-dejta ta’ binjiet ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkoli kostottimali. Barra minn hekk, il-ħidma mwettqa fil-programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa tista’ tintuża bħala input, b’mod partikolari:
— TABULA– Approċċ tat-tipoloġija għall-valutazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini: http://www.building-typology.eu/tabula/download.html
— Proġett ASIEPI– Sett ta’ bini ta’ referenza għall-istudji ta’ kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija: http://www.asiepi.eu/wp2-benchmarking/reports.html (4)
Ir-Regolament jitlob lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw tal-inqas bini ta’ referenza wieħed għal binjiet ġodda u tal-inqas tnejn għal binjiet eżistenti soġġetti għar-restawr kbira għal kull waħda mill-kategoriji li ġejjin:
— |
Binjiet għal familja waħda; |
— |
Blokok ta’ appartamenti/binjiet għal aktar minn familja waħda; |
— |
Binjiet ta’ uffiċċji; u |
— |
Il-kategoriji l-oħrajn mhux residenzjali elenkati fl-Anness I(5) tad-Direttiva 2010/31/UE li għalihom jeżistu rekwiżiti minimi speċifiċi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija. |
Ir-Regolament jagħti għażla lill-Istati Membri sabiex jew:
— |
Jistabbilixxu binjiet ta’ referenza (mill-ġdid, wieħed għall-bini ġdid, tnejn għall-bini eżistenti) għal kull kategorija ta’ bini mhux residenzjali b’mod separat, tal-inqas għal dawk li għalihom hemm fis-seħħ rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija: jew |
— |
Jiddefinixxu l-binjiet ta’ referenza għall-kategoriji mhux residenzjali l-oħrajn b’mod li bini ta’ referenza wieħed jirrappreżenta żewġ kategoriji jew iktar. B’dan il-mod, jista’ jinkiseb tnaqqis fil-kalkoli meħtieġa u b’hekk, ukoll fil-piż amministrattiv. Ikun possibbli wkoll li l-binjiet ta’ referenza kollha tas-settur mhux residenzjali jittieħdu minn bini ta’ referenza bażiku għall-uffiċċji. |
Dan ifisser li jekk Stat Membru jiddefinixxi binjiet ta’ uffiċċji b’mod li dawn il-binjiet ta’ referenza jistgħu jkunu applikabbli għall-kategoriji ta’ bini mhux residenzjali l-oħrajn kollha, dak l-Istat Membru jkun jeħtieġ li jiddefinixxi b’kollox 9 binjiet ta’ referenza. Jekk le, ovvjament, in-numru ta’ binjiet ta’ referenza jkun ogħla.
Stokks ta’ bini differenti jistgħu jirrikjedu kategorizzazzjoni differenti. F’pajjiż, tista’ tkun iktar xierqa differenzazzjoni bbażata fuq il-materjali tal-kostruzzjoni, filwaqt li f’pajjiż ieħor din tista’ tkun l-età tal-bini. Se tkun ħaġa importanti li fir-rapport lill-Kummissjoni jiġi indikat b’mod ċar għaliex il-kriterji magħżula jiggarantixxu rappreżentazzjoni realistika tal-istokk tal-bini. Fir-rigward tal-istokk tal-bini eżistenti, hija enfasizzata l-importanza tal-karatteristiċi medji.
Jistgħu jsiru r-rimarki li ġejjin fuq il-kriterji għas-subkategorizzazzjoni ta’ kategoriji ta’ bini:
L-età |
Dan il-kriterju jista’ ma jkunx jagħmel sens f’pajjiż fejn sa issa, l-istokk ta’ bini eżistenti ma jkunx għadda minn rinnovazzjoni u għaldaqstant, l-età oriġinali tal-bini tkun għadha tikkostitwixxi element rappreżentattiv tajjeb għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini. F’pajjiżi fejn, fil-parti l-kbira tiegħu, l-istokk tal-bini diġà ġie rinnovat, il-gruppi ta’ etajiet saru wisq differenti minn xulxin sabiex jiġu koperti biss mill-età. |
Daqs |
Il-kategoriji tad-daqs huma interessanti safejn dawn ikunu kapaċi jirrappreżentaw subkategoriji kemm għall-karatteristiċi tal-enerġija kif ukoll għal dawk relatati mal-kostijiet. |
Kundizzjonijiet klimatiċi |
F’diversi Stati Membri, ir-rekwiżiti nazzjonali jagħmlu distinzjoni bejn żoni jew reġjuni klimatiċi differenti tal-pajjiż. Huwa rrakkomandat li jekk dan huwa l-każ, il-binjiet ta’ referenza għandhom ikunu rappreżentattivi taż-żoni jew tar-reġjuni klimatiċi speċifiċi u li l-konsum tal-enerġija tal-binjiet ta’ referenza għandu jiġi kkalkolat għal kull żona klimatika. Huwa rrakkomandat li l-kundizzjonijiet klimatiċi jiġu deskritti u użati skont l-EN ISO 15927- “Rendiment igrotermiku tal-bini - Kalkolu u preżentazzjoni tad-dejta klimatika”, applikati bħala medja ta’ pajjiż jew għal kull żona klimatika jekk issir din id-distinzjoni fir-regolament nazzjonali dawr il-bini. Il-jiem tal-grad ta’ tisħin (heating degree days) huma disponibbli mill-EUROSTAT. Huwa rrakkomandat li fejn dan ikun xieraq, il-jiem tal-grad ta’ tkessiħ (cooling degree days) għandhom jiġu inklużi wkoll (billi tiġi speċifikata t-temperatura bażi u l-istadju temporali użati għall-kalkolu). |
Orjentazzjoni u dell |
Skont il-ġeometriji tal-bini u d-daqs u d-distribuzzjoni/l-orjentazzjoni tat-twieqi, l-orjentazzjoni ta’ binja kif ukoll id-dell (minn bini jew siġar fil-qrib) jista’ jkollhom influwenza importanti fuq id-domanda għal enerġija. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed ifassal sitwazzjoni “medja” minn dan. Jista’ jkun li jagħmel sens li tiġi definita sitwazzjoni “probabbli” għal bini li jinsab fil-kampanja u sitwazzjoni probabbli għal wieħed li jinsab f’żona urbana jekk dan il-kriterju jiġi kkunsidrat fir-rekwiżiti minimi nazzjonali. Il-post tipiku ta’ binja/binjiet ta’ referenza għandu jiġi rifless ukoll fl-impatti tal-orjentazzjoni, fil-kisbiet tal-assorbiment tas-sħana mix-xemx, fid-dell, fid-domanda għal dawl artifiċjali, eċċ. |
Prodotti ta’ kostruzzjoni fil-ġarr ta’ tagħbija u strutturi oħrajn |
Il-prodotti ta’ kostruzzjoni fl-involukru jikkontribwixxu għar-rendiment termali u jħallu impatt fuq id-domanda għall-enerġija ta’ binja. Pereżempju, massa għolja ta’ bini tista’ tnaqqas id-domanda għall-enerġija għat-tkessiħ fis-sajf. Aktarx li hemm il-bżonn li ssir distinzjoni bejn tipi differenti ta’ binjiet fid-definizzjoni ta’ bini ta’ referenza (eż. binjiet enormi u kostruzzjonijiet ta’ piż ħfief jew faċċata kompletament miksija bil-ħġieġ vs. faċċata parzjalment miksija bil-ħġieġ) jekk jinstab sehem raġonevoli tat-tnejn f’pajjiż speċifiku.. |
Bini protett ta’ wirt storiku |
L-Istati Membri li ma eskludewx bini protett ta’ wirt storiku (l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2010/31/UE) jista’ jkun jaqblilhom jistabbilixxu subkategoriji li jirriflettu l-karatteristiċi ta’ bini tipikament protett. |
Bħala regola ġenerali, wieħed jista’ jassumi li l-istokk tal-bini jiġi rifless b’mod iktar realistiku b’numru ogħla ta’ bini ta’ referenza (u subkategoriji), iżda ovvjament, hemm għażla ta’ kompromess bejn il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-kalkolu u r-rappreżentattività tal-istokk tal-bini. Jekk l-istokk tal-bini jkun ivarja, aktarx li jkunu meħtieġa iktar binjiet ta’ referenza.
L-approċċ magħżul għall-istabbiliment ta’ binjiet ta’ referenza għal binjiet ġodda u eżistenti huwa bażikament l-istess wieħed, ħlief li għall-bini eżistenti, id-deskrizzjoni tal-bini ta’ referenza tipprovdi deskrizzjoni kwalitattiva sħiħa tal-bini tipiku u tas-sistemi ta’ bini tipiċi installati. Fir-rigward ta’ binjiet ġodda, il-bini ta’ referenza jistabbilixxi biss il-ġeometrija bażika ta’ bini, il-funzjonalità tipika u l-istruttura tipika tal-kost fl-Istat Membru, il-post ġeografiku u l-kundizzjonijiet klimatiċi fuq ġewwa u fuq barra.
4. IDENTIFIKAZZJONI TAL-MIŻURI TA’ EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA, MIŻURI BBAŻATI FUQ SORSI TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI JEW PAKKETTI/VARJANTI TA’ DAWN IL-MIŻURI GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA
Skont l-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE u l-Anness I(2) għar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija li għandhom jiġu applikati għall-binjiet ta’ referenza stabbiliti. Miżuri li huma sottomessi għall-kalkolu għandhom ikopru t-teknoloġiji elenkati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/31/UE u huma ripetuti fl-Artikolu 7 (l-aħħar paragrafu), b’mod partikolari l-provvista deċentralizzata, il-koġenerazzjoni, it-tisħin u tkessiħ distrettwali u l-pompi tas-sħana. Skont il-paragrafu 3 tal-Anness I(2) għar-Regolament, fl-eżerċizzju tal-kalkolu, l-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll miżuri bbażati fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għandu jiġi osservat li soluzzjonijiet ibbażati fuq l-RES jistgħu ma jkunux immirati biss sabiex tintlaħaq il-mira ta’ użu ta’ enerġija ta’ kważi żero.
Barra minn hekk, il-miżuri li jaġixxu fuq sistema waħda jistgħu jaffettwaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ sistema oħra. Pereżempju, il-livell ta’ iżolament ta’ involukru jaffettwa l-kapaċità u d-dimensjonijiet tas-sistemi ta’ bini. Din l-interazzjoni bejn miżuri differenti għandha tkun indirizzata meta jiġu definiti l-pakketti/il-varjanti.
Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li l-miżuri jiġu kkombinati f’pakketti ta’ miżuri u/jew ta’ varjanti, minħabba li fatt li t-taħlita ta’ miżuri bis-sens tista’ toħloq effetti ta’ sinerġija li jwasslu għal riżultati aħjar (fir-rigward tal-kostijiet u tar-rendiment fl-użu tal-enerġija) meta mqabbla ma’ miżuri waħedhom. Il-varjanti huma definiti għall-finijiet tal-att delegat bħala “riżultat u deskrizzjoni globali ta’ sett sħiħ ta’ miżuri/ta’ pakketti applikati għal binja li jistgħu jkunu ffurmati minn taħlita ta’ miżuri dwar l-involukru ta’ binja, tekniki passivi, miżuri dwar is-sistemi ta’ bini u/jew miżuri bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”.
Għaldaqstant, filwaqt li jista’ jkun diffiċli sabiex tinqata’ linja bejn pakkett ta’ miżuri u varjant, huwa ċar li l-varjant jirreferi għal settijiet sħaħ ta’ soluzzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati binjiet eżistenti b’rendiment għoli, eċċ. Il-varjanti li għandhom jiġu kkunsidrati jistgħu jinkludu kunċetti stabbiliti sew li jintużaw għall-kostruzzjoni, eż. bini ċertifikat bl-Ekotikketta, dar Passiva, dar ta’ 3 litri jew kwalunkwe sett ieħor ta’ miżuri li ġie stabbilit sabiex tinkiseb effiċjenza fl-enerġija għolja ferm. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-iskop tal-metodoloġija kostottimali huwa li tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn teknoloġiji differenti u mhijiex limitata għall-kalkolu tal-kost globali tal-pakketti/varjanti stabbiliti u pprovati.
Fi ħdan pakkett/varjant ta’ miżuri, il-miżuri ta’ effiċjenza li huma kosteffiċjenti jistgħu jippermettu l-inklużjoni ta’ miżuri oħrajn li għadhom mhumiex kosteffiċjenti, iżda li jistgħu jżidu b’mod sostanzjali l-użu tal-enerġija primarja u l-iffrankar tas-CO2 li huma assoċjati mal-kunċett ta’ bini totali – dejjem jekk il-pakkett kumplessiv ikun għadu jipprovdi iktar benefiċċji milli spejjeż tul il-ħajja tal-bini jew tal-element tal-bini.
Iktar ma jintużaw pakketti/varjanti (u l-varjazzjonijiet tal-miżuri inklużi fil-pakkett ivvalutat), iktar se jkun preċiż il-kalkolu tal-aħjar rendiment li jista’ jinkiseb.
Aktarx li d-determinazzjoni tal-pakketti/varjanti li għandhom jintgħażlu fl-aħħar se tkun proċess li jinvolvi r-repetizzjoni fejn l-ewwel kalkolu tal-pakketti/varjanti magħżula juri l-ħtieġa li jiżdiedu pakketti ulterjuri sabiex ikun jista’ jinstab fejn iseħħu eżattament il-“qabżiet” f’daqqa fil-kostijiet globali u għaliex dawn iseħħu. Għalhekk, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġi definit pakkett addizzjonali sabiex jinstab liema teknoloġija hija responsabbli għall-ogħla kost globali totali.
Id-deskrizzjoni ta’ kull pakkett/varjant, teħtieġ tagħrif dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija. It-Tabella 3 tal-mudell ta’ rapportar anness mar-Regolament tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sett bażiku ta’ parametri tekniċi meħtieġa għat-twettiq tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.
Huwa rrakkomandat li meta l-Istati Membri jistabbilixxu l-metodoloġija tal-kalkolu nazzjonali tagħhom, l-ordni li jidhru fiha l-miżuri/pakketti/varjanti definiti ma għandhiex tiddetermina minn qabel ir-riżultat finali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jevitaw milli jistabbilixxu regoli li bis-saħħa tagħhom tkun applikata dejjem l-ewwel miżura dwar l-involukru ta’ bini u mbagħad wara dan tkun awtorizzata miżura dwar sistema ta’ bini.
4.1. Miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija possibbli u miżuri bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (u l-pakketti u l-varjanti tagħhom) li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni
Ħafna miżuri jistgħu jitqiesu bħala l-punt tat-tluq għall-istabbiliment ta’ miżuri/pakketti/varjanti għall-eżerċizzju tal-kalkolu. Il-lista pprovduta hawn taħt mhijiex waħda komprensiva. Wieħed lanqas ma jista’ jassumi li l-miżuri kollha se jkunu xierqa b’mod ugwali fil-kuntesti nazzjonali u klimatiċi differenti.
Fl-isfond tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2010/31/UE u d-definizzjoni tiegħu ta’ bini b’użu ta’ enerġija ta’ kważi żero, li tkopri kemm l-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għall-eżerċizzju tal-kalkolu se jkun hemm il-bżonn li jiġu kkunsidrati wkoll il-miżuri bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, dawn il-miżuri se jkunu meħtieġa fil-ġejjieni sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ użu ta’ kważi żero enerġija kif stabbiliti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2010/31/UE, u jistgħu jikkostitwixxu diġà minn issa soluzzjonijiet kostottimali.
Il-lista ta’ hawn taħt għandha l-għan biss li tipprovdi indikazzjoni tal-miżuri possibbli li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni.
Struttura tal-bini:
— |
Kostruzzjoni totali tal-ħajt ta’ binjiet ġodda jew sistema ta’ iżolament addizzjonali ta’ ħitan eżistenti (5). |
— |
Kostruzzjoni totali tas-soqfa ta’ binjiet ġodda jew sistema ta’ iżolament addizzjonali ta’ soqfa eżistenti. |
— |
Il-partijiet kollha ta’ ċangaturi soġġetti għal sistema ta’ iżolament ta’ binjiet ġodda jew sistema ta’ iżolament addizzjonali ta’ ċangaturi eżistenti. |
— |
Il-partijiet kollha ta’ kostruzzjoni fil-livell tal-art u tal-pedamenti (billi huma differenti mill-kostruzzjoni tal-bini ta’ referenza), jew sistema ta’ iżolament addizzjonali ta’ kostruzzjoni eżistenti fil-livell tal-art. |
— |
Inerzja termali miżjuda bl-użu ta’ materjali ta’ bini massivi esposti fl-ispazju interjuri tal-binjiet (għal ċerti sitwazzjonijiet klimatiċi biss). |
— |
Oqfsa aħjar ta’ bibien u twieqi. |
— |
Sistemi li jipprovdu iktar dell (fissi jew mobbli, imħaddma b’mod manwali jew awtomatiku u films solari mwaħħlin mat-twieqi). |
— |
Issiġillar aħjar tal-arja (issiġillar massimu tal-arja li jikorrispondi għall-istat tat-teknoloġija). |
— |
Orjentazzjoni tal-bini u esponiment għax-xemx (dawn jistgħu jikkostitwixxu miżura għall-bini ġdid biss). |
— |
Bidla fil-proporzjon tas-superfiċji trasparenti/opak (ottimizzazzjoni tal-proporzjon tal-wiċċ tal-ħġieġ (glazed) mas-superfiċji tal-faċċata). |
— |
Fetħiet għall-ventilazzjoni matul il-lejl (trasversali jew ventilazzjoni biċ-ċumnija). |
Sistemi:
— |
Installazzjoni jew titjib tas-sistema ta’ tisħin (ibbażat fuq enerġija fossili jew rinnovabbli, b’bojler ta’ kondensazzjoni, pompi tat-tisħin, eċċ.) fis-siti kollha. |
— |
Strumenti ta’ monitoraġġ u ta’ metraġġ għall-kontroll tat-temperatura tal-ispazju u tal-ilma. |
— |
Installazzjoni u titjib tas-sistema tal-provvista tal-ilma sħun (ibbażat fuq enerġija fossili jew rinnovabbli). |
— |
Installazzjoni jew titjib tal-ventilazzjoni (mekkanika b’irkupru tas-sħana, estrazzjoni naturali, ibbilanċjata, mekkanika). |
— |
Installazzjoni jew titjib ta’ sistema ta’ tkessiħ attiva jew ibrida (eż. skambjatur tas-sħana tal-art, kessieħ). |
— |
Titjib fl-utilizzazzjoni tad-dawl mix-xemx. |
— |
Sistema tad-dawl attiva. |
— |
Installazzjoni jew titjib tas-sistemi PV. |
— |
Bidla fit-trasportatur tal-enerġija għal sistema. |
— |
Bdil ta’ pompi u ta’ fannijiet. |
— |
Iżolament tal-pajpijiet. |
— |
Apparat għat-tisħin tal-ilma dirett jew ħżin tal-ilma indirett imsaħħan minn trasportaturi differenti, li jista’ jiġi kkombinat mal-enerġija termali solari. |
— |
Installazzjonijiet ta’ tisħin (u ta’ tkessiħ) bl-enerġija solari (ta’ daqsijiet differenti). |
— |
Ventilazzjoni intensiva matul il-lejl (għall-bini mhux residenzjali bi strutturi massivi u għal ċerti sitwazzjonijiet klimatiċi biss). |
— |
Mikro CHP bi trasportaturi differenti. |
— |
Importanti: L-enerġija rinnovabbli prodotta fil-qrib (eż. permezz tas-sħana u l-enerġija kkombinati, tisħin distrettwali u tkessiħ distrettwali) tista’ tiġi kkunsidrata biss meta l-produzzjoni ta’ enerġija u l-konsum ta’ bini speċifiku jkunu marbutin ferm mill-qrib ma’ xulxin. |
— |
Sistemi alternattivi bħal dawk elenkati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/31/UE inklużi sistemi ta’ provvista deċentralizzati, tisħin u tħessiħ distrettwali, koġenerazzjoni eċċ. |
Varjanti stabbiliti:
— |
Pakketti/varjanti eżistenti bħal Ekotikketti nazzjonali u binjiet stabbiliti oħrajn b’użu baxx ta’ enerġija jew b’użu ta’ kważi żero enerġija bħal, pereżempju, dar passiva. |
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-varjanti eżistenti ma għandhomx jitqiesu bħala l-unika soluzzjoni kostottimali ukoll jekk sa issa dawn kienu kosteffiċjenti jew saħansitra kostottimali.
4.2. Metodi għat-tnaqqis ta’ kombinamenti u konsegwentement, ta’ kalkoli
Waħda mill-isfidi ewlenin tal-metodoloġija tal-kalkolu hija li jkun żgurat li minn naħa, jiġu kkunsidrati l-miżuri kollha li jistgħu jħallu impatt fuq l-użu primarju jew finali tal-enerġija ta’ binja, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-kalkolu jibqa’ kontrollabbli u proporzjonat. L-applikazzjoni ta’ diversi varjanti għal diversi binjiet ta’ referenza kapaċi li tirriżulta malajr f’eluf ta’ kalkoli. Madankollu, il-provi mwettqa għall-Kummissjoni wrew li n-numru kkalkolat u applikat ta’ kull bini ta’ referenza żgur li ma għandux ikun inqas minn 10 pakketti/varjanti flimkien mal-każ ta’ referenza.
Jistgħu jintużaw tekniki varji sabiex jillimitaw l-għadd ta’ kalkoli. Waħda minnhom hija li titfassal il-bażi ta’ dejta ta’ miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija bħala matriċi ta’ miżuri li telimina t-teknoloġiji li jeskudu 'l xulxin b’mod reċiproku b’tali mod li jiġi minimizzat l-għadd ta’ kalkoli. Pereżempju, pompa tas-sħana għat-tisħin tal-ispazju ma tridx tiġi vvalutata bilfors flimkien ma’ bojler b’effiċjenza għolja għat-tisħin tal-ispazju minħabba li l-għażliet huma jeskudu 'l xulxin b’mod reċiproku u ma jikkomplementawx lil xulxin. Il-miżuri possibbli għall-effiċjenza fl-enerġija u l-miżuri bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (u l-pakketti/il-varjanti tagħhom) jistgħu jiġu ppreżentati f’matriċi u jiġu eliminati l-kombinamenti li mhumiex fattibbli.
Ġeneralment, l-iktar teknoloġiji rappreżentattivi f’pajjiż partikolari għal bini ta’ referenza partikolari jkunu elenkati l-ewwel. Hawnhekk, il-varjanti pprovati dwar il-livell kumplessiv tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jitqiesu bħala pakkett ta’ soluzzjonijiet li jissodisfa l-mira mistennija, mogħti f’sett ta’ kriterji li għandhom ikunu ssodisfati, inkluża l-enerġija primarja minn sorsi mhux rinnovabbli.
Metodi stokastiċi għall-kalkolu tar-rendiment tal-enerġija jistgħu jintużaw b’mod effettiv sabiex jiġu ppreżentati l-effetti ta’ miżuri partikolari u l-kombinamenti tagħhom. Minn dan, jista’ jitnissel għadd limitat ta’ kombinamenti tal-iktar miżuri promettenti.
4.3. Kwalità tal-arja interna u kwistjonijiet oħrajn relatati mal-kumdità
Kif stipulat fil-paragrafu 6 tal-Anness I(2) għar-Regolament, il-miżuri użati għall-eżerċizzju tal-kalkolu għandhom jissodisfaw rekwiżiti bażiċi għall-prodotti ta’ kostruzzjoni (ir-Regolament (UE) Nru 305/2011) u għall-kumdità tal-arja interna f’konformità mar-rekwiżiti eżistenti nazzjonali u tal-UE. Barra minn hekk, l-eżerċizzju tal-kalkolu kostottimali għandu jitfassal b’tali mod li d-differenzi fil-kwalità tal-arja u fil-kumdità jidhru biċ-ċar. F’każ ta’ ksur serju tal-aspett tal-kwalità tal-arja interna jew ta’ aspetti oħrajn, miżura tista’ wkoll tkun eskluża mill-eżerċizzju tal-kalkolu nazzjonali u mit-tfassil ta’ rekwiżiti.
Rigward il-kwalità tal-arja interna, ġeneralment titfassal rata minima tal-iskambju tal-arja. Ir-rata ta’ ventilazzjoni mfassla tista’ tiddependi fuq, u tvarja skont, it-tip ta’ ventilazzjoni (estrazzjoni naturali jew ventilazzjoni bbilanċjata).
Rigward il-livell ta’ kumdità fis-sajf, jista’ jkun irrakkomandat, b’mod partikolari għall-klima tan-Nofsinhar, li jittieħed f’kunsiderazzjoni b’mod deliberat it-tkessiħ passiv li jista’ jinkiseb permezz ta’ disinn xieraq ta’ bini. Imbagħad, il-metodoloġija tal-kalkolu titfassal b’tali mod li għal kull miżura/pakkett/varjant, din tinkludi r-riskju tat-tisħin żejjed u tal-ħtieġa għal sistema ta’ tkessiħ attiva.
5. KALKOLU TAD-DOMANDA GĦALL-ENERĠIJA PRIMARJA LI TIRRIŻULTA MILL-APPLIKAZZJONI TAL-MIŻURI U TAL-PAKKETTI TA’ MIŻURI GĦAL BINJA TA’ REFERENZA
L-għan tal-proċedura tal-kalkolu huwa li jkun stabbilit l-użu tal-enerġija annwali globali f’termini ta’ enerġija primarja, li tinkludi l-użu ta’ enerġija għat-tisħin, tkessiħ, ventilazzjoni, ilma sħun u dawl. Ir-referenza ewlenija għal dan hija l-Anness I tad-Direttiva 2010/31/UE li japplika bis-sħiħ ukoll għall-metodoloġija ta’ qafas kostottimali.
Skont id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2010/31/UE, jista’ jiddaħħal l-elettriku għall-apparat tad-dar u għall-apparat li jieħu l-elettriku mill-plakek, iżda dan mhuwiex obbligatorju.
Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw l-istandards tas-CEN għall-kalkoli tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tagħhom. Ir-rapport tekniku tas-CEN TR 15615 (Dokument Ġeneriku) jagħti r-relazzjoni ġenerali bejn id-Direttiva EPBD u l-istandards Ewropej dwar l-Enerġija. Barra minn hekk, l-istandard EN 15603:2008 jipprovdi l-iskema globali għall-kalkolu tal-enerġija u d-definizzjonijiet li ġejjin:
Definizzjoni relatata mar-rendiment fl-użu tal-enerġija kif użata fl-EN 15603:2008:
— Sors tal-enerġija: sors li minnu tista’ tiġi estratta jew irkuprata enerġija utli direttament jew inkella permezz ta’ proċess ta’ konverżjoni jew ta’ trasformazzjoni.
— Trasportatur tal-enerġija: sustanza jew fenomenu li jistgħu jintużaw sabiex isir xogħol mekkaniku jew sabiex jitħaddmu proċessi kimiċi jew fiżiċi.
— Limitu tas-sistema: limitu li jinkludi fi ħdanu kull erja assoċjata mal-bini (kemm ġewwa kif ukoll barra l-bini) fejn l-enerġija tiġi kkunsmata jew prodotta.
— Ħtieġa ta’ enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ: sħana li trid titwassal ġewwa jew tiġi estratta minn spazju kkondizzjonat sabiex jinżammu l-kundizzjonijiet tat-temperatura intenzjonati matul perjodu ta’ żmien partikolari.
— Ħtieġa ta’ enerġija għall-ilma sħun domestiku: sħana li trid titwassal fl-ammont meħtieġ ta’ ilma sħun domestiku sabiex tgħolli t-temperatura tal-ilma mit-temperatura tal-ilma kiesaħ tan-netwerk għat-temperatura tat-twassil stabbilita minn qabel fil-punt tat-twassil.
— Użu ta’ enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ ta’ spazji jew għall-produzzjoni tal-ilma sħun domestiku: input ta’ enerġija għat-tisħin, għat-tkessiħ jew għas-sistema ta’ ilma sħun sabiex tkun sssodisfata l-ħtieġa ta’ enerġija għat-tisħin, għat-tkessiħ jew għall-ilma sħun rispettivament.
— Użu ta’ enerġija għall-ventilazzjoni: input ta’ enerġija elettrika għas-sistema ta’ ventilazzjoni għat-trasportazzjoni tal-arja u għall-irkupru tas-sħana (mhux inkluż l-input tal-enerġija għat-tisħin tal-arja minn qabel).
— Użu ta’ enerġija għad-dawl: input tal-enerġija elettrika għas-sistema ta’ dawl.
— Enerġija rinnovabbli: enerġija minn sorsi li titnaqqasx bl-estrazzjoni, bħall-enerġija solari (termali u fotovoltajka), ir-riħ, l-enerġija mill-ilma, il-bijomassa rinnovata. (definizzjoni differenti minn dik użata fid-Direttiva 2010/31/UE).
— Enerġija mwassla: enerġija, mogħtija għal kull trasportatur tal-enerġija, imwassla lis-sistemi tekniċi ta’ bini permezz tal-limitu tas-sistema, sabiex jiġu sodisfatti l-użi meħuda f’kunsiderazzjoni (tisħin, tkessiħ, ventilazzjoni, ilma sħun domestiku, dawl, tagħmir, eċċ.).
— Enerġija esportata: enerġija, mogħtija għal kull trasportatur tal-enerġija, imwassla mis-sistemi tekniċi ta’ bini permezz tal-limitu tas-sistema u użata barra l-limitu tas-sistema.
— Enerġija primarja: enerġija li ma kinitx soġġetta għal xi proċess ta’ konverżjoni jew ta’ trasformazzjoni.
Skont l-Anness I(3) għar-Regolament, il-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jinvolvi l-ewwel nett, il-kalkolu tal-ħtiġijiet ta’ enerġija finali għat-tisħin u għat-tkessiħ, sussegwentement il-ħtiġijiet ta’ enerġija finali għall-użu kollu tal-enerġija, u t-tielet, l-użu tal-enerġija primarja. Dan ifisser li d-“direzzjoni” tal-kalkolu hija mill-ħtiġijiet lejn is-sors (jiġifieri, mill-ħtiġijiet ta’ enerġija tal-bini għall-enerġija primarja). Is-sistemi tal-elettriku (bħad-dawl, il-ventilazzjoni, l-awżiljarji) u s-sistemi termiċi (it-tisħin, it-tkessiħ, l-ilma sħun domestiku) huma kkunsidrati b’mod separat ġewwa l-limiti tal-bini.
Għall-finijiet tal-metodoloġija kostottimali, il-produzzjoni tal-enerġija fuq il-post li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma disponibbli lokalment mhijiex meqjusa bħala parti mill-enerġija mwassla, u dan jimplika l-ħtieġa għal modifika fil-limitu tas-sistema propost fl-istandard EN 15603:2008.
Bil-metodoloġija kostottimali, il-limitu tas-sistema modifikat jippermetti l-espressjoni tal-użi kollha tal-enerġija permezz ta’ indikatur wieħed bis tal-enerġija primarja. Bir-riżultat ta’ dan, it-teknoloġiji attivi bbażati fuq l-RES jidħlu f’kompetizzjoni diretta mas-soluzzjonijiet li jxaqilbu fuq in-naħa tad-domanda, li huwa f’konformità mal-iskop u l-intenzjoni tal-kalkolu kostottimali li tiġi identifikata s-soluzzjoni li tirrappreżenta l-kosti globali l-aktar baxxi mingħajr ma ssir diskriminazzjoni kontra jew favur ċerta teknoloġija.
Dan għandu jwassal għal sitwazzjoni fejn ċerti miżuri bbażati fuq l-RES ikunu akar kosteffiċjenti minn ċerti miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija, filwaqt li l-istampa ġenerali xorta waħda għandha tibqa’ li l-miżuri li jnaqqsu d-domanda għall-enerġija se jkunu iktar kosteffiċjenti mill-miżuri li jżidu l-provvista bbażata fuq l-RES. B’hekk l-ispirtu ġenerali tal-EPBD (jiġifieri l-ewwel, it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija) ma jiġix ipperikolat u tibqa’ tinżamm il-konformità mad-definizzjoni ta’ kważi żero enerġija (jiġifieri bini b’rendiment ferm għoli fl-użu tal-enerġija u l-ammont kważi żero jew ferm baxx ta’ enerġija li fil-parti l-kbira tiegħu li jkun għad irid jiġi kopert minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli).
Fil-każ li Stat Membru jkun irid jevita b’mod ċar ir-riskju li installazzjonijiet ta’ RES attivi jissostitwixxu l-miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda għall-enerġija, il-kalkolu tal-kostottimalità jista’ jsir fi stadji billi gradwalment jespandu l-limitu tas-sistema għall-erba’ livelli mogħtija fl-istampa 1 hawn taħt: ħtieġa ta’ enerġija, użu ta’ enerġija, enerġija mwassla u enerġija primarja. B’hekk, joħroġ biċ-ċar kif kull miżura/pakkett ta’ miżuri t/jikkontribwixxi għall-provvista tal-enerġija għall-binjiet f’termini ta’ kostijiet u ta’ enerġija.
L-enerġija mwassla tinkludi, pereżempju, enerġija elettrika meħuda mill-grid, gass mill-grid, żejt jew pelits (kollha kemm huma bil-fatturi ta’ konverżjoni tal-enerġija primarja rispettivi tagħhom) trasportati lejn il-binja għall-forniment tas-sistema teknika tal-bini.
Huwa rrakkomandat li l-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jsir kif ġej:
Kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija mill-ħtiġijiet netti tal-enerġija sal-użu tal-enerġija primarja:
(1) |
Kalkolu tal-ħtiġijiet netti tal-enerġija termali tal-bini sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-utent. Il-ħtieġa ta’ enerġija fix-xitwa hija kkalkolata bħala t-telf tal-enerġija permezz tal-pakkett u l-ventilazzjoni mingħajr iż-żidiet interni (mill-apparat tad-dar, mis-sistemi tad-dwal u mill-okkupazzjoni) kif ukoll il-gwadanni minn enerġija “naturali” (tisħin solari passiv, tkessiħ passiv, ventilazzjoni naturali, eċċ.); |
(2) |
Tnaqqis minn (1) tal-enerġija termali minn RES iġġenerata u użata fuq il-post (eż. minn kolletturi solari); (6) |
(3) |
Kalkolu tal-użi tal-enerġija għal kull użu finali (tisħin u tkessiħ tal-ispazju, ilma sħun, dwal, ventilazzjoni) u għal kull trasportatur tal-enerġija (elettriku, fjuwil) filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi (effiċjenzi staġjonali) tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni, ta’ distribuzzjoni, ta’ emissjoni u ta’ kontroll; |
(4) |
Tnaqqis mill-użu elettriku tal-elettriku minn RES, iġġenerat u użat fuq il-post (eż. minn pannelli fotovoltajiċi); |
(5) |
Kalkolu tal-enerġija mwassla għal kull trasportatur tal-enerġija bħala s-somma totali tal-użi tal-enerġija (mhux koperti minn RES); |
(6) |
Kalkolu tal-enerġija primarja assoċjata mal-enerġija mwassla, billi jintużaw fatturi ta’ konverżjoni nazzjonali; |
(7) |
Kalkolu tal-enerġija primarja assoċjata mal-enerġija esportata lis-suq (eż. iġġenerata minn RES jew minn koġeneraturi fuq il-post); |
(8) |
Kalkolu tal-enerġija primarja bħala d-differenza bejn iż-żewġ ammonti kkalkolati minn qabel: (6) - (7). |
Stampa 1
Illustrazzjoni skematika tal-iskema tal-kalkolu
Sabiex jinkisbu riżultati affidabbli, huwa rrakkomandat li:
— |
Tkun definita b’mod ċar il-metodoloġija tal-kalkolu, ukoll fir-rigward tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali; |
— |
Ikunu definiti b’mod ċar il-limiti għas-sistema stabbilita għall-valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija; |
— |
Jitwettqu l-kalkoli billi s-sena tinqasam f’għadd ta’ stadji għall-kalkolu (eż. xhur, sigħat, eċċ.): jitwettqu l-kalkoli għal kull stadju billi jintużaw valuri dipendenti mill-istadju u billi jingħadd it-total tal-konsum tal-enerġija għall-istadji kollha matul is-sena; |
— |
Tkun stmata l-ħtieġa ta’ enerġija għall-ilma sħun billi jiġi segwit l-approċċ tal-istandard EN 15316-3-1:2007; |
— |
Ikun stmat l-użu ta’ enerġija għad-dawl bil-metodu ta’ malajr propost mill-istandard EN 15193:2007 jew bil-metodi tal-kalkolu iktar dettaljati; |
— |
Jintuża l-istandard EN 15241:2007 bħala r-referenza għall-kalkolu tal-użu ta’ enerġija għall-ventilazzjoni; |
— |
Jittieħed f’kunsiderazzjoni, fejn dan ikun rilevanti, l-impatt tal-kontrolli integrati, billi jiġi kkombinat il-kontroll ta’ diversi sistemi, skont l-istandard EN 15232. |
Fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ, il-bilanċ tal-enerġija tal-bini u tas-sistemi tiegħu huwa l-bażi tal-proċedura. Skont l-istandard EN ISO 13790, il-proċedura tal-kalkolu ewlenija tikkonsisti mill-istadji li ġejjin:
— |
Għażla tat-tip ta’ metodu tal-kalkolu; |
— |
Definizzjoni tal-limiti u taż-żoni termali tal-bini; |
— |
Definizzjoni tal-kundizzjonijiet interni u tad-dejta tal-input esterna (it-temp); |
— |
Kalkolu tal-ħtieġa ta’ enerġija għal kull mument u żona; |
— |
Tnaqqis mill-ħtiġijiet ta’ enerġija tat-telf irkuprat tas-sistema; |
— |
Kunsiderazzjoni tal-interazzjonijiet bejn iż-żoni u/jew is-sistemi. |
Għall-ewwel u l-aħħar stadju, fl-istandards tas-CEN hija ssuġġerita għażla ta’ metodi differenti, b’mod partikolari:
— |
Tliet metodi ta’ kalkolu differenti
|
— |
Żewġ modi differenti kif jiġu indirizzati l-interazzjonijiet bejn bini u s-sistemi tiegħu:
|
Għall-finijiet tal-kalkolu kostottimali, sabiex jinkisbu riżultati affidabbli, huwa rrakkomandat li:
— |
Il-kalkoli jitwettqu billi jitħaddem metodu dinamiku; |
— |
Ikunu ddefiniti l-kundizzjonijiet tal-limiti u l-mudelli ta’ użu ta’ referenza b’konformità mal-proċeduri tal-kalkolu, miġburin flimkien għas-serje kollha tal-kalkoli għal bini ta’ referenza partikolari; |
— |
Jingħata s-sors tad-dejta meteoroloġika li ntużat; |
— |
Tkun definita l-kumdità termali f’termini ta’ temperatura operattiva fuq ġewwa (eż. 20 °C fix-xitwa u 26 °C fis-sajf) u l-miri, mogħtija għal kull serje ta’ kalkoli għall-bini ta’ referenza partikolari. |
Barra minn hekk, huwa ssuġġerit li:
— |
Jiġu kkunsidrati l-interazzjonijiet bejn il-bini u s-sistemi tiegħu billi jitħaddem l-approċċ olistiku; |
— |
Ikun ivverifikat b’simulazzjonijiet dinamiċi l-impatt tal-istrateġiji tad-dawl ta’ matul il-jum (bl-użu tad-dawl naturali); |
— |
Jintwera l-użu ta’ enerġija elettrika għall-apparat.; |
Għall-kalkolu tal-użu ta’ enerġija għat-tisħin tal-ispazju, l-ilma sħun u t-tkessiħ tal-ispazju, kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija (termali u elettrika) minn RES, huwa neċessarju li jiġu kkaratterizzati l-effiċjenzi staġjonali tas-sistema jew li tintuża simulazzjoni dinamika. L-istandards tas-CEN li ġejjin jistgħu jintużaw bħala referenza:
— |
Tisħin tal-ispazju: EN 15316-1, EN 15316-2-1, EN 15316-4-1, EN 15316-4-2; |
— |
Ilma sħun: EN 15316-3-2, EN 15316-3-3; |
— |
Sistemi ta’ arja kkundizzjonata: EN 15243; |
— |
Enerġija termali minn RES: EN 15316-4-3; |
— |
Enerġija elettrika minn RES: EN 15316-4-6; |
— |
Sistema ta’ koġenerazzjoni: EN 15316-4-4; |
— |
Tisħin distrettwali u sistemi ta’ volumi kbar: EN 15316-4-5; |
— |
Sistemi ta’ kombustjoni tal-bijomassa: EN 15316-4-7. |
It-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-provvista tal-enerġija deċentralizzata jistgħu jiġu indirizzati b’mod simili bħall-elettriku pprovdut minn barra l-limitu tas-sistema, li mbagħad jingħata fattur ta’ enerġija primarja speċifiku. L-istabbiliment ta’ dawn il-fatturi tal-enerġija primarja jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokument ta’ gwida attwali dwar il-kost ottimali u jkunu jridu jiġu stabbiliti separatament.
Sabiex tiġi kkalkolata l-enerġija primarja, għandhom jintużaw il-fatturi ta’ konverżjoni nazzjonali l-iktar riċenti, filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni wkoll l-Anness II għad-Direttiva 2006/32/KE (7). Dawn ikollhom jiġu rrapportati lill-Kummissjoni bħala parti mir-rapportar imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/31/UE u l-Artikolu 6 tar-Regolament.
Eżempju ta’ kalkolu:
Nieħdu bini ta’ uffiċċji li jinsab fi Brussell bil-ħtiġijiet ta’ enerġija annwali li ġejjin::
— |
20 kWh/(m2 a) għat-tisħin tal-ispazju; |
— |
5 kWh/(m2 a) għall-ilma sħun; |
— |
35 kWh/(m2 a) għat-tkessiħ tal-ispazju; |
u bl-użi tal-enerġija annwali li ġejjin:
— |
7 kWh/(m2 a) ta’ elettriku għal ventilazzjoni; |
— |
10 kWh/(m2 a) ta’ elettriku għad-dwal. |
Il-bini għandu bojler tal-gass għat-tisħin (tisħin tal-ispazju u ilma sħun) b’effiċjenza staġjonali totali ta’ 80 %. Fis-sajf, tintuża sistema tat-tkessiħ mekkanika: l-effiċjenza staġjonali tas-sistema sħiħa ta’ tkessiħ (ġenerazzjoni, distribuzzjoni, emissjoni, kontroll) hija ta’ 175 %. Il-kolletturi solari installati jipprovdu enerġija termali għall-ilma sħun ta’ 3 kWh/(m2 a) u sistema fotovoltajka tipprovdi 15 kWh/(m2 a), li 6 minnhom jintużaw fil-bini u 9 huma esportati għall-grid. Għall-elettriku, wieħed għandu jassumi fattur ta’ konverżjoni ta’ enerġija mwassla/f’enerġija primarja ta’ 0,4 (primarju/imwassal = 2,5).
Riżultati tal-kalkolu ta’ enerġija:
— |
l-użu ta’ enerġija minn fjuwils għat-tisħin tal-ispazju huwa ta’ 25 kWh/(m2 a): 20/0,80; |
— |
l-użu ta’ enerġija minn fjuwils għall-ilma sħun huwa ta’ 2,5 kWh/(m2 a): (5 - 3)/0,80; |
— |
l-użu ta’ enerġija elettrika għat-tkessiħ tal-ispazju jirriżulta f’20 kWh/(m2 a): 35/1,75; |
— |
l-enerġija minn fjuwils imwassla hija ta’ 27,5 kWh/(m2 a): 25 + 2,5; |
— |
l-enerġija elettrika mwassla hija ta’ 31 kWh/(m2 a): 7 + 10 + 20 - 6; |
— |
l-enerġija primarja hija ta’ 105 kWh/(m2 a): 27,5 + (31/0,4); |
— |
l-enerġija primarja assoċjata mal-enerġija esportata lis-suq hija ta’ 22,5 kWh/(m2 a): 9/0,4; |
— |
l-enerġija primarja netta hija ta’ 82,5 kWh/(m2 a): 105 – 22,5. |
6. KALKOLU TAL-KOST GLOBALI F’TERMINI TA’ VALUR PREŻENTI NETT GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA
Skont l-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE u l-Anness I (4) għar-Regolament, il-metodoloġija ta’ qafas kostottimali hija bbażata fuq il-metodoloġija tal-valur preżenti nett (kostijiet globali).
Il-kalkolu tal-kost globali jieħu f’kunsiderazzjoni l-investiment inizjali, it-total tal-kostijiet annwali għal kull sena u l-valur aħħari kif ukoll il-kostijiet tal-eliminazzjoni, jekk applikabbli, kollha kemm huma b’referenza għas-sena tal-bidu. Għall-kalkolu tal-kost optimum makroekonomiku, il-kategorija tal-kostijiet globali hemm il-bżon li tiżdied kategorija ġdida, il-kost tal-emissjonijiet ta’ gass serra definita bħala l-valur monetarju tal-ħsara ambjentali kkawżati mill-emissjonijiet ta’ CO2 relatati mal-konsum tal-enerġija f’bini.
Il-kalkoli tal-kostijiet globali jirriżultaw f’valur preżenti nett tal-ispejjeż imġarrba matul perjodu ta’ kalkolu definit, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-valuri residwi tal-apparat b’ħajja itwal. Il-previżjonijiet għall-kostijiet fuq l-enerġija u r-rati tal-imgħax jistgħu jkunu limitati għall-perjodu ta’ kalkolu.
Il-vantaġġ tal-metodu tal-kost globali huwa li dan jippermetti l-użu ta’ perjodu ta’ kalkolu uniformi (bl-apparat b’ħajja twila meħud f’kunsiderazzjoni permezz tal-valur residwu tiegħu) – meta mqabbel mal-metodu ta’ annwità – u li jista’ jagħmel użu mill-metodu ta’ kalkolu tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja (LCC) li wkoll huwa bbażat fuq il-kalkoli tal-valur preżenti nett.
It-terminu “kostijiet globali” huwa meħud mill-istandard EN 15459 u jikkorrispondi għal dik li fil-kitba ġeneralment tissejjaħ “analiżi tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja”.
Għandu jkun osservat li l-metodoloġija ta’ kost globali kif stabbilit mir-Regolament ma tinkludix spejjeż li mhumiex fuq l-enerġija (eż. għall-ilma) għaliex il-metodoloġija ssegwi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ kost globali mhuwiex kompletament konformi ma’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) li tkun tieħu f’kunsiderazzjoni l-impatti ambjentali kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluża ’l hekk imsejħa enerġija “griża”. Madankollu, l-Istati Membri huma ħielsa li jestendu l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ u jistgħu jikkunsidraw ukoll l-istandards EN ISO 14040, 14044 u 14025 għal dan il-għan.
6.1. Il-kunċett tal-kostottimalità
B’konformità mad-Direttiva 2010/31/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-metodoloġija hija indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali (mhux lill-investituri) u l-livell kostottimali mhuwiex ikkalkolat għal kull każ, iżda sabiex jiġu żviluppati regolamenti applikabbli b’mod ġenerali fil-livell nazzjonali. Fil-verità, se jkun hemm ammont kbir ta’ livelli kostottimali għall-investituri differenti skont il-bini individwali u l-perspettiva u l-aspettattivi tal-investituri stess dwar x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet ta’ investiment aċċettabbli. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-livelli kostottimali identifikati mhux neċessarjament se jkunu kostottimali għal kull kombinazzjoni ta’ bini/investitur individwali. Madankollu, bis-saħħa ta’ approċċ solidu għad-determinazzjoni tal-binjiet ta’ referenza, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li r-rekwiżiti fis-seħħ huma adattati għall-parti l-kbira tal-binjiet.
Filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu s-sitwazzjoni speċifika tal-binjiet mikrija, pereżempju rigward il-problema ta’ inċentivi kondiviżi jew sitwazzjonijiet fejn il-kera tkun fissa u ma tistax togħla lil hinn minn ċertu limitu (eż. minħabba raġunijiet ta’ politika soċjali), ma jkunx tajjeb li jkun hemm rekwiżiti differenti għall-bini li jiddependu fuq jekk bini jkunx mikri jew le, għaliex l-istatus tal-okkupant huwa indipendenti mill-bini, li huwa l-punt ċentrali tal-kalkolu.
Madankollu, jista’ jkun hemm ċerti gruppi ta’ investituri li mhumiex sejrin ikunu jistgħu jieħdu l-vantaġġi kollha minn investiment kostottimali sħiħ. Din il-problema, ħafna drabi msejħa d-“dilemma bejn is-sid u l-kerrej”, jeħtieġ li tiġi indirizzata mill-Istati Membri bħala parti minn għanijiet usa’ tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-politika soċjali u mhux fi ħdan il-metodoloġija kostottimali. Madankollu, l-eżerċizzju tal-kalkolu jista’ jipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri bit-tagħrif dwar id-diskrepanza finanzjarja li teżisti għal ċerti gruppi ta’ investituri u għalhekk, jista’ jkun ta’ informazzjoni għat-tfassil tal-politika. Pereżempju, id-differenza bejn l-aħjar kost fil-livell makroekonomiku u l-aħjar kost fil-livell finanzjarju tista’ tindika l-finanzjament u l-appoġġ finanzjarju neċessarju li għad jistgħu jkunu meħtieġa sabiex l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija jsiru interessanti mil-lat ekonomiku għall-investitur.
Minbarra l-fatt li jeżistu diversi, possibbilment ħafna, perspettivi u aspettattivi individwali dwar l-investimenti, hemm ukoll dubju dwar il-firxa tal-kostijiet u l-benefiċċji meħuda f’kunsiderazzjoni. Għandu wieħed jikkunsidra biss il-kostijiet u l-benefiċċji immedjati tad-deċiżjoni ta’ investiment (jiġifieri, perspettiva finanzjarja), jew għandu wkoll iħares lejn l-ispejjeż u l-benefiċċji indiretti oħrajn (ħafna drabi msejħa esternalitajiet) li jirriżultaw minn investiment fl-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija u li japplikaw għal atturi oħrajn fis-suq u mhux biss għall-investitur (perspettiva makroekonomika)? Dawn iż-żewġ perspettivi għandhom ġustifikazzjoni speċifika u jagħtu tagħrif fuq kwistjonijiet differenti.
L-iskop tal-eżerċizzju tal-kalkolu fil-livell makroekonomiku huwa li jħejji u li jagħti tagħrif għat-tfassil ta’ rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija li huma applikabbli b’mod ġenerali, u jiġbor fih perspettiva usa’ tal-beni pubbliċi li permezz tiegħu l-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-kostijiet u l-benefiċċji assoċjati miegħu jiġu vvalutati fl-isfond ta’ alternattivi politiċi u jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-esternalitajiet. Fil-fatt, l-investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’bini jitqabbel ma’ miżuri ta’ politika oħrajn li jnaqqsu l-użu tal-enerġija, id-dipendenza fuq l-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2. Perspettiva tal-investiment usa’ bħalma hija din, tmur relattivament tajjeb ukoll mal-enerġija primarja bħala l-“munita” tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, filwaqt li perspettiva purament mil-lat tal-investiment privat tista’ tkun allinjata mal-enerġija primarja jew mal-enerġija mwassla.
Madankollu, fil-prattika, mhuwiex se jkun possibbli li jiġu koperti l-benefiċċji diretti u indiretti soċjali kollha, minħabba li wħud minnhom huma mhumiex tanġibbli jew kwantifikabbli, jew ma jistgħux jissarrfu fi flus. Minkejja dan, uħud mill-benefiċċji u l-kostijiet esterni għandhom approċċi ta’ kwantifikazzjoni u ta’ kalkolu tal-kostijiet magħrufa li jippermettulhom li jiġu koperti.
Min-naħa l-oħra, il-perspettiva mikroekonomika se turi l-limitazzjonijiet għall-investitur meta, pereżempju, ikunu mixtieqa mill-perspettiva tas-soċjetà rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija iktar stretti, iżda li ma jkunux kosteffiċjenti għall-investitur.
Ir-Regolament jesiġi li l-Istati Membri jikkalkolaw il-kostottimalità darba fil-livell makroekonomiku (mingħajr it-taxxi applikabbli kollha (bħall-VAT), u s-sussidji u l-inċentivi applikabbli kollha, iżda inklużi l-kostijiet tal-karbonju) u darba fil-livell finanzjarju (jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-prezzijiet kif imħallsa mill-konsumatur finali, inklużi t-taxxi u jekk applikabbli, is-sussidji, iżda esklużi l-kostijiet addizzjonali għat-tnaqqis tal-gass serra).
Rigward il-kalkolu tal-kost optimum fil-livell makroekonomiku, ir-Regolament jesiġi l-kunsiderazzjoni tal-kostijiet tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra billi jittieħed it-total tal-emissjonijiet tal-gass serra annwali immultiplikat bil-prezzijiet mistennija għal kull tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gass serra maħruġa f’kull sena, billi bħala l-limitu inizjalment jintuża minimu ta’ mill-inqas Eur 20 għal kull tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti sal-2025, EUR 35 sal-2030 u Eur 50 wara l-2030 b’konformità max-xenarji tal-prezz tal-karbonju tal-ETS mbassra bħalissa mill-Kummissjoni fi prezzijiet reali u kostanti għall-2008, li għandhom jiġu adattati għad-dati u l-metodoloġija tal-kalkolu magħżula.
Ix-xenarji aġġornati għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni kull darba li titwettaq reviżjoni tal-kalkoli kostottimali. L-Istati Membri huma ħielsa biex jassumu spejjeż għall-karbonju ogħla minn dawn il-livelli minimi, bħas-suġġeriment ta’ Eur 0,03-0,04 għal kull kg mogħti fit-Tabella 2 tal-Anness tad-Direttiva 2009/33/KE (8).
Fl-aħħar nett, l-Istati Membri huma ħielsa li jespandu l-kategorija tal-kostijiet tal-emissjonijiet tal-gass serra minn sempliċi kopertura tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kopertura ta’ firxa usa’ ta’ sustanzi li jniġġsu l-ambjent għal darb’oħra f’konformità mat-Tabella 2 tal-Anness tad-Direttiva 2009/33/KE, kif stipulat hawn taħt:
Il-valur preżenti tal-kostijiet minimi ambjentali għal kull unità ta’ emissjonijiet li għandu jintuża fil-kalkolu tal-kostijiet ambjentali:
NOx |
NMHC |
PM |
EUR 0,0044/g |
EUR 0,001/g |
EUR 0,087/g |
Għandu jkun osservat li, għall-kalkolu tal-perspettiva finanzjarja, ġeneralment l-inklużjoni ta’ skemi ta’ appoġġ disponibbli (flimkien mat-taxxi u s-sussidji disponibbli kollha) tkun meħtieġa sabiex tirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja reali. Madankollu, minħabba li dawn l-iskemi ħafna drabi jinbidlu malajr, Stat Membru jista’ wkoll jagħmel il-kalkolu mingħajr sussidji għall-perspettiva tal-investitur privat.
Barra minn hekk, fil-livell finanzjarju, il-kalkolu jista’ jiġi ssimplifikat billi l-VAT tiġi eskluża għalkollox mill-kategoriji kollha tal-kostijiet tal-kalkolu tal-kost globali, jekk f’dak l-Istat Membru ma jkun jeżisti l-ebda sussidju u miżura ta’ appoġġ ibbażat/a fuq il-VAT. Stat Membru li diġà jkollu jew li jkun beħsiebu jkollu fis-seħħ miżuri ta’ appoġġ ibbażati fuq il-VAT, għandu jinkludi l-VAT bħala element fil-kategoriji kollha tal-kostijiet sabiex ikun jista’ jinkludi l-miżuri ta’ appoġġ fil-kalkolu.
6.2. Kategorizzazzjoni tal-kostijiet
Skont l-Anness I(4) għar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kategoriji tal-kostijiet bażiċi li ġejjin: kostijiet tal-investiment inizjali, kostijiet amministrattivi (inklużi spejjeż tal-enerġija u spejjeż ta’ sostituzzjoni perjodika) u, jekk applikabbli, kostijiet ta’ rimi [eliminazzjoni]. Barra minn hekk, il-kost tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra huwa inkluż għall-kalkolu fil-livell makroekonomiku.
Minħabba l-importanza tagħhom fil-kuntest partikolari, il-kostijiet tal-enerġija huma elenkati bħala kategorija separata ta’ kostijiet għad li dawn ġeneralment jidhru bħala parti mill-kost operattiv. Barra minn hekk, il-kost ta’ sostituzzjoni ma jidhirx bħala parti mill-kost tal-manutenzjoni (kif hu l-każ kultant fi strutturi oħrajn ta’ kostijiet), iżda bħala kategorija ta’ kostijiet separata.
Din il-kategorizzazzjoni tal-kostijiet għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi hija bbażata fuq l-istanadard EN 15459. Hija tvarja ftit mis-sistemi ta’ kategorizzazzjoni tal-kostijiet li jintużaw is-soltu għall-valutazzjoni tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (qabbel mal-istandard ISO 15686-5:2008 dwar il-Binjiet u l-assi kkostruiti – Previżjoni tat-tul ta’ ħajja - Parti 5 Kalkolu tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja). L-illustrazzjoni li ġejja tiġbor fil-qosor il-kategoriji ta’ kostijiet li għandhom jiġu applikati.
Stampa 2
Kategorizzazzjoni tal-kost skont il-metodoloġija ta’ qafas
Għandu jkun enfasizzat li n-numerazzjoni tal-kategoriji tal-kostijiet ipprovduta fir-Regolament hija komprensiva. Madankollu, jekk kategoriji oħrajn tal-kostijiet jitqiesu importanti fil-kuntest tal-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi (bħall-kostijiet relatati ma’ sustanzi oħrajn li jniġġsu l-ambjent), dawn ukoll jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni (għal iktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-Kapitolu 6.1).
Barra minn hekk, il-kost tal-kapital meħtieġ sabiex jiġu ffinanzjati l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mhuwiex inkluż bħala kategorija separata fir-Regolament. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jinkluduh, pereżempju, fil-kategorija tal-kostijiet annwali sabiex jiżguraw li jiġi applikat skont fuq dan ukoll.
Il-kostijiet tal-enerġija huma bbażati fuq il-konsum, id-daqs tal-bini, ir-rati attwali u t-tbassir tal-prezzijiet, u huma direttament marbuta mar-riżultat tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dan ifisser li l-kostijiet tal-enerġija jiddependu fuq il-karatteristiċi tas-sistema tal-bini. Ħafna mill-elementi l-oħrajn tal-kostijiet bħall-kost tal-investiment, il-kost ta’ manutenzjoni, il-kost ta’ sostituzzjoni, eċċ. huma allokati fil-parti l-kbira tagħhom għal elementi tal-bini speċifiċi. Għaldaqstant, il-kostijiet globali għandhom jiġu kkalkolati ma’ bini diżaggregati biżżejjed f’elementi ta’ bini separati, sabiex id-differenzi fil-miżuri/pakketti/varjanti jiġu riflessi fir-riżultat tal-kalkolu tal-kost globali.
Kostijiet operattivi u ta’ manutenzjoni li mhumiex relatati mal-fjuwil ta’ spiss huma iktar diffiċli biex jiġu stmati milli kostijietoħrajn minħabba li l-iskedi operattivi jvarjaw minn bini għal ieħor. Hemm varjazzjoni kbira wkoll bejn il-binjiet tal-istess kategorija. Għaldaqstant, jista’ jkunu meħtieġa ġbir u analiżi tad-dejta sabiex ikun stabbilit il-kost medju raġonevoli għal kull metru kwadru għal ċerti kategoriji u subkategoriji.
Fil-prinċipju, ir-Regolament jistabbilixxi approċċ tal-kost sħiħ għal kostruzzjoni ġdida kif ukoll għal rinnovazzjonijiet kbar. Dan ifisser li għal kull miżura/pakkett/varjant ivvalutat applikat għal bini ta’ referenza, għandi jiġi kkalkolat il-kost sħiħ tal-kostruzzjoni (jew tar-rinnovazzjoni kbira) u l-użu sussegwenti tal-bini. Madankollu, minħabba li l-enfasi tal-eżerċizzju huwa t-tqabbil tal-miżuri/pakketti/varjanti (u mhux il-valutazzjoni tal-kostijiet totali għall-investitur u l-utent tal-bini), l-elementi tal-kost li ġejjin jistgħu jitneħħew mill-kalkolu:
— |
Kostijiet relatati mal-elementi tal-bini li ma għandhomx influwenza fuq ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini, pereżempju: il-kost tal-kisi tal-art, il-kost għat-tibjid tal-ħitan, eċċ. (jekk mill-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma toħroġ l-ebda differenza f’dan ir-rigward); |
— |
Kostijiet li huma l-istess għall-miżuri/pakketti/varjanti kollha vvalutati għal ċertu bini ta’ referenza (ukoll jekk l-elementi tal-bini relatati għandhom jew jista’ jkollhom influwenza fuq ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini). Minħabba li dawn l-elementi tal-kost ma jagħmlux differenza fit-tqabbil tal-miżuri/pakketti/varjanti, m’hemmx bżonn li jittieħdu f’kunsidrazzjoni. Eżempji jistgħu jkunu:
|
Għandu jkun osservat li r-Regolament ma jippermettix għall-hekk imsejjaħ approċċ tal-kalkolu tal-“kost addizzjonali” (9). Għall-kalkolu tal-kostottimalità tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-approċċ tal-kalkolu tal-kost addizzjonali mhuwiex xieraq għar-raġunijiet li ġejjin:
— |
Il-karatteristiċi tal-bini standard għandhom impatt fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kostottimalità; |
— |
L-approċċ tal-kalkolu tal-kost addizzjonali ma jistax jirrifletti bis-sħiħ il-firxa tal-miżuri/pakketti/varjanti vvalutati: Ħafna mill-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija għandhom jitqiesu bħala parti integrali mid-disinn tal-bini. Dan huwa partikolarment minnu għall-miżuri relatati mal-approċċi ta’ ‘tkessiħ passiv’, bħall-għażla tal-proporzjon ta’ qsim tal-erjas għat-twieqi u għat-tqegħid tat-twieqi skont l-orjentazzjoni tal-bini, l-attivazzjoni tal-massa termali, il-pakkett ta’ miżuri relatati mat-tkessiħ matul il-lejl, eċċ. L-approċċ tal-kalkolu tal-kost addizzjonali jagħmilha diffiċli sabiex jintwerew ir-rabtiet reċiproċi bejn ċerti karatteristiċi ta’ bini, eż. l-għażla ta’ ċertu tip ta’ faċċata jeħtieġ ċerti prekondizzjonijiet statiċi; is-sistemi ta’ bini termoattivi għat-tisħin u għat-tkessiħ jeħtieġu ċertu livell ta’ domanda għall-enerġija netta, eċċ. Jekk wieħed jipprova jagħmel tajjeb ukoll għal dawn ir-rabtiet reċiproki potenzjali kollha f’approċċ tal-kalkolu tal-kost addizzjonali, il-kalkolu jsir wieħed ikkumplikat u mhux trasparenti; |
— |
L-approċċ tal-kalkolu tal-kost addizzjonali jeħtieġ attribuzzjoni tal-kost dettaljata bejn l-kostijiet għal rinnovazzjoni standard u l-kostijiet li huma assoċjati mal-miżuri addizzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija. Kultant, din is-separazzjoni ma tkunx tista’ ssir faċilment. |
6.3. Ġbir ta’ dejta dwar il-kostijiet
Ir-Regolament jistipula li d-dejta dwar il-kost trid tkun ibbażata fuq is-suq (eż. miksuba permezz ta’ analiżi tas-suq) għall-kostijiet tal-investiment, il-kostijiet amministrattivi, il-kostijiet tal-enerġija u jekk ikunu applikabbli, il-kostijiet tar-rimi kif ukoll għandha tkun koerenti mill-perspettiva tal-post u l-ħin. Dan ifisser li d-dejta dwar il-kostijiet għandha tinġabar permezz ta’ wieħed minn dawn is-sorsi:
— |
Evalwazzjoni ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni riċenti; |
— |
Analiżi tal-offerti standard ta’ kumpaniji ta’ kostruzzjoni (mhux neċessarjament relatati mal-proġetti ta’ kostruzzjoni implimentati); |
— |
Użu tal-bażijiet ta’ dejta tal-kost eżistenti li nkisbu minn ġbir ta’ dejta fuq il-bażi tas-suq. |
Huwa importanti li s-sorsi tad-dejta jirriflettu l-livell ta’ diżaggregazzjoni li huwa meħtieġ sabiex jitqabblu miżuri/pakketti/varjanti differenti għal bini ta’ referenza partikolari. Għaldaqstant, il-bażijiet tad-dejta ta’ riferiment l-hekk imsejħa “minn fuq għal isfel” bħal BKI (10) jew OSCAR (11), li spiss jintużaw sabiex jiġu stmati bejn wieħed u ieħor il-kostijiet operattivi u tal-investiment tal-binjiet, ma jistgħux jintużaw għall-finijiet tal-kalkoli kostottimali minħabba li d-dejta tagħhom mhijiex relatata biżżejjed mar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini. Il-livell ta’ diżaggregazzjoni huwa baxx wisq sabiex ikunu jistgħu jinħarġu differenzazzjonijiet fil-kostijiet ta’ miżuri/pakketti/varjanti differenti.
6.4. Ir-rata ta’ skont
Ir-rata ta’ skont tingħata f’termini reali, għalhekk l-inflazzjoni hija eskluża.
Ir-rata ta’ skont użata fil-kalkolu makroekonomiku u finanzjarju għandha tkun stabbilita mill-Istat Membru wara li titwettaq analiżi tas-sensittività fuq tal-inqas żewġ rati għal kull kalkolu. L-analiżi tas-sensittività għall-kalkolu makroekonomiku għandha tuża rata waħda ta’ 4 % mogħtija f’termini reali. Dan huwa konformi mal-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2009 tal-Kummissjoni, li jissuġġerixxu 4 % bħala rata ta’ skont għas-soċjetà (12).
Rata ta’ skont ogħla – tipikament ogħla minn 4 % eskluża l-inflazzjoni u possibbilment differenzjata għal bini mhux residenzjali u residenzjali – se tirrifletti approċċ purament ekonomiku għal terminu qasir għall-valutazzjoni tal-investimenti. Rata iktar baxxa – li normalment tvarja minn 2 % sa 4 % eskluża l-inflazzjoni – se tirrifletti iktar mill-qrib il-benefiċċji li l-investimenti fl-effiċjenza flużu tal-enerġija jġibu għall-okkupanti matul il-ħajja kollha tal-investiment. Ir-rata ta’ skont se tkun differenti bejn Stat Membru u ieħor minħabba li sa ċertu punt ma tirriflettix biss il-prijoritajiet politiċi (għall-kalkolu makroekonomiku), iżda wkoll s-sitwazzjonijiet differenti ta’ finanzjament u tal-kundizzjonijiet tal-ipoteki.
Sabiex ir-rata ta’ skont tkun applikabbli, normalment, għandu jinħareġ fattur ta’ skont sabiex ikun jista’ jintuża fil-kalkolu tal-kost globali. Rd(i), il-fattur ta’ skont għas-sena i bbażat fuq ir-rata ta’ skont r, jista’ jiġi kkalkolat bħala:
Fejn
p |
hija n-numru ta’ snin mill-perjodu ta’ bidu; u |
r |
hija r-rata ta’ skont reali. |
Għandu jkun osservat li bħala effett tal-prinċipju tal-kalkolu finanzjarju, l-ammont ta’ kostijiet globali huwa ogħla meta jiġu applikati rati ta’ skont iktar baxxi, għaliex il-kostijiet futuri (l-iktar, il-kostijiet tal-enerġija) huma mnaqqsa b’rati ta’ skont iktar baxxi, u dan iwassal biex il-valur preżenti tal-kostijiet globali jkun ogħla.
6.5. Elenku bażiku tal-elementi tal-kost li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kostijiet tal-investiment inizjali tal-binjiet u tal-elementi tal-bini
L-elenku hawn taħt mhux neċessarjament huwa komprensiv jew aġġornat u huwa intenzjonat biss bħala indikazzjoni tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati:
Għall-involukru tal-bini |
|||||||||||||||||||||||
Iżolament tal-involukru tal-bini:
Il-prodotti u s-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 88 – Materjali u prodotti ta’ iżolament termali u f’CEN/TC 89 – Rendiment termali tal-binjiet u tal-elementi tal-bini. |
Twieqi u bibien:
Is-sistemi tekniċi, il-prodotti u l-elementi tal-bini huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 33 - Bibien, twieqi, xaters, oġġetti tal-ħadid għall-bini u l-bini ta’ ħitan u f’CEN/TC 89 (ara iktar ’il fuq). |
||||||||||||||||||||||
Għas-sistemi ta’ bini |
|||||||||||||||||||||||
Tisħin tal-ispazju:
Is-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 228 - Sistemi ta’ tisħin f’binjiet u f’CEN/TC 57 - bojlers ta’ tisħin ċentrali, eż. EN 15316-2-1 CEN/TC 247, EN 12098, EN 15500, EN 215, EN 15232 Għall-kundizzjonijiet tal-kumdità ta’ referenza, għandu jiġi kkunsidrat EN15251 “Parametri tal-input ambjentali ta’ ġewwa għad-disinn u l-valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini li jindirizzaw il-kwalità tal-arja interna, l-ambjent termali, id-dawl jew l-akustika” jew ekwivalenti tiegħu. |
Ilma sħun domestiku:
Is-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 228 - Sistemi ta’ tisħin f’binjiet, CEN/TC 57 - Bojlers ta’ tisħin ċentrali u CEN/TC 48 - Apparat domestiku ta’ tisħin tal-ilma li jaħdem bil-gass. |
||||||||||||||||||||||
Sistemi ta’ ventilazzjoni: Fir-rigward tal-investimenti, għandhom jiġu vvalutati l-kostijiet tas-sistemi ta’ ventilazzjoni mekkaniċi. Il-possibbiltajiet għal ventilazzjoni naturali huma koperti mid-definizzjoni ta’ bini ta’ referenza. Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu:
Is-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 156 - Ventilazzjoni għall-bini. EN15251 jew ekwivalenti għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ kumdità ta’ referenza u għar-rekwiżiti ta’ ventilazzjoni. |
Tkessiħ: Minħabba li trid tiġi żgurata temperatura komda fuq ġewwa, iridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni miżuri attivi jew passivi ta’ tkessiħ jew taħlita tagħhom it-tnejn (li jfornu d-domanda għat-tkessiħ li jifdal), jiddependi mill-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi. F’din il-kategorija, issir referenza għall-kostijiet tas-sistemi attivi ta’ tkessiħ. Il-miżuri passivi ta’ tkessiħ huma jew koperti bl-għażla ta’ binjiet ta’ referenza (eż. massa ta’ bini) jew inkella koperti fil-kategorija “iżolament termali” (eż. iżolament fuq soqfa għat-tnaqqis tad-domanda tat-tkessiħ) jew il-kategorija “Miżuri oħrajn relatati mal-bini b’impatt fuq ir-rendiment termali” (eż. dell estern). Il-kostijiet ta’ investiment tas-sistemi attivi ta’ tkessiħ jinkludu:
Is-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 113 - Pompi tas-sħana u unitajiet ta’ arja kkundizzjonata tal-arja. EN15251 għandu jiġi kkunsidrat għall-kundizzjonijiet ta’ kumdità ta’ referenza. |
||||||||||||||||||||||
Dawl: Rigward l-investimenti, iridu jiġu vvalutati s-sistemi attivi għad-dwal artifiċjali jew l-applikazzjonijiet sabiex jiżdied l-użu tad-dawl tal-jum. Miżuri li jirreferu għad-disinn u l-ġeometrija tal-involukru tal-bini (daqs u pożizzjoni tat-twieqi) qegħdin jiġu koperti mill-għażla tal-binjiet ta’ referenza. Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu:
EN 12464 “Dawl u sistemi ta’ dwal - sistemi ta’ dwal fil-postijiet tax-xogħol – Parti 1 postijiet ta’ xogħol fuq ġewwa” għandu jiġi kkunsidrat għall-kundizzjonijiet tal-kumdità ta’ referenza u l-livelli ta’ rekwiżiti. Ir-rekwiżiti tal-enerġija għas-sistemi ta’ dwal huma spjegati f’EN 15193. |
Awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini: Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu:
Is-sistemi tekniċi huma spjegati, pereżempju, f’diversi standards f’CEN/TC 247 - Awtomatizzazzjoni tal-Bini, Ġestjoni tal-Kontrolli u l-Bini |
||||||||||||||||||||||
Konnessjoni mal-provvisti tal-enerġija (grid jew ħażna): Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu:
|
Sistemi tal-provvista tal-enerġija deċentralizzata bbażati fuq l-enerġija minn sorsi rinnovabbli: Il-kostijiet tal-investiment għandhom jinkludu:
|
6.6. Kalkolu tal-kost tas-sostituzzjoni perjodika
Minbarra l-kostijiet tal-investiment inizjali u l-kostijiet amministrattivi, il-kostijiet tas-sostituzzjoni perjodika huma t-tielet fattur tal-kostijiet. Filwaqt li xogħlijiet tat-tiswija iżgħar u oġġetti tal-konsum jingħaddu mal-kostijiet ta’ manutenzjoni, is-sostituzzjoni perjodika tirreferi għas-sostituzzjoni meħtieġa ta’ element tal-bini sħiħ minħabba li jiqdiem, u għaldaqstant, għandha titqies bħala kategorija tal-kostijiet separata.
Il-mument tas-sostituzzjoni perjodika jiddependi mill-ħajja tal-elementi tal-bini. Fi tmiem dik il-ħajja, għandha tkun prevista sostituzzjoni fil-kalkolu tal-kost globali.
Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-ħajja ekonomika stmata tal-elementi tal-bini kif ukoll tal-bini sħiħ, iżda jista’ jkun jaqblilhom jużaw il-gwida mogħtija fl-istandard EN 15459 (għas-sistemi tal-enerġija fil-binjiet) u standards oħrajn. Fi kwalunkwe każ, it-tul ta’ ħajja tal-elementi tal-bini użat għall-kalkolu għandu ikun fattibbli. B’mod ġenerali, il-kost ta’ sostituzzjoni se tkun l-istess bħall-kost tal-investiment inizjali (f’termini reali). Madankollu, fejn jistgħu jkunu mistennija żviluppi kbar fil-prezzijiet matul l-10-15-il sena li jmiss, ir-Regolament jippermetti u jħeġġeġ ukoll l-adattament tal-livell tal-kost ta’ sostituzzjoni sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-iżviluppi mistennija fil-prezzijiet meta t-teknoloġiji jkunu avvanzati.
6.7. Perjodu tal-kalkolu kontra ċ-ċiklu tal-ħajja stmat
L-użu ta’ perjodu tal-kalkolu bħala parti minn approċċ ta’ valur preżenti nett ma jipprevjenix l-għażla tal-Istati Membri ta’ ċikli ta’ ħajja ekonomiċi stmati għall-bini u għall-elementi tal-bini. Iċ-ċiklu tal-ħajja stmat jista’ jew ikun itwal jew iqsar mill-perjodu tal-kalkolu.
Li kieku kellha tkun stabbilita kategorija ta’ bini ta’ referenza għall-bini eżistenti b’mod li ċ-ċiklu tal-ħajja li jifdal tal-bini ta’ referenza jkun iqsar mill-perjodu tal-kalkolu, f’dan il-każ, il-ħajja massima li jifdal tista’ ssir il-perjodu ta’ kalkolu.
Fil-fatt, it-tul tal-ħajja tekniku tal-elementi tal-bini għandu influwenza limitata biss fuq il-perjodu tal-kalkolu. Għaldaqstant, il-perjodu tal-kalkolu huwa stabbilit aktar mill-hekk imsejjaħ ċiklu ta’ rinnovazzjoni tal-bini, li huwa l-perjodu ta’ żmien li wara li jgħaddi, il-bini jkollu bżonn ta’ rinnovazzjoni kbira, inkluż titjib tal-bini sħiħ u adattament għal rekwiżiti mibdula tal-utenti (b’kuntrast ma’ sostituzzjoni sempliċi). Is-soltu, ir-raġunijiet għal rinnovazzjoni kbira jkunu differenti, fil-fatt, il-qdim tal-elementi importanti tal-bini (eż. il-faċċata) huwa biss wieħed minnhom. Iċ-ċikli ta’ rinnovazzjoni jvarjaw sew skont it-tip ta’ bini (u din hija r-raġuni għaliex fl-att delegat tfasslu perjodi tal-kalkolu differenti għall-bini residenzjali/pubbliku u għal dak li mhuwiex residenzjali/kummerċjali) u l-Istati Membri, iżda kważi qatt ma jkunu taħt l-20 sena.
L-istampa nru 3 turi l-approċċ għal element tal-bini li għandu ħajja itwal mill-perjodu tal-kalkolu (eż. il-faċċata jew l-istruttura li ssostni l-bini). B’tul ta’ ħajja preżunta ta’ 40 sena u deprezzament f’linja dritta, il-valur residwu wara 30 sena (tmiem il-perjodu tal-kalkolu) huwa 25 % tal-kost tal-investiment inizjali. Għal dan il-valur għandu jiġi applikat skont lura għall-bidu tal-perjodu tal-kalkolu.
Stampa 3
Kalkolu tal-valur residwu ta’ element tal-bini li għandu ħajja itwal mill-perjodu tal-kalkolu
L-istampa nru 4 turi kif il-valur residwu għandu jiġi kkalkolat għal element tal-bini li jkollu ħajja iqsar mill-perjodu tal-kalkolu (eż. bojler tat-tisħin). B’tul ta’ ħajja preżunta ta’ 20 sena, l-element għandu jiġi sostitwit wara dak il-perjodu ta’ żmien. Ladarba l-element ikun ġie mġedded, jibda perjodu ta’ deprezzament ġdid. F’dan il-każ, wara 30 sena (tmiem il-perjodu tal-kalkolu), il-valur residwu tal-element huwa 50 % tal-kost ta’ sostituzzjoni. Għal darb’oħra, dan il-valur għandu jiġi skontat lura għall-bidu tal-perjodu ta’ kalkolu.
Stampa 4
Kalkolu tal-valur residwu ta’ element tal-bini li għandu ħajja iqsar mill-perjodu tal-kalkolu
6.8. Sena tal-bidu għall-kalkolu
Ir-Regolament jesiġi li l-Istati Membri jużaw is-sena li fiha jitwettaq il-kalkolu bħala l-punt ta’ bidu għall-kalkolu. L-iskop ewlieni ta’ dan huwa li jiġi żgurat li l-prezz attwali u l-livelli ta’ kostijiet jiġu riflessi meta l-kostottimalità tad-diversi miżuri/pakketti/varjanti tiġi identifikata (safejn din id-dejta hija diġà disponibbli). Madankollu, huwa possibbli li l-Istati Membri jibbażaw il-kalkolu fuq is-sena tal-bidu (sena tal-kalkolu, pereżempju l-2012 għall-ewwel eżerċizzju), iżda bħala referenza għar-rekwiżit minimu għar-rendiment fl-użu tal-enerġija jużaw dawk ir-rekwiżiti li diġà huma stabbiliti u previsti għall-futur qarib, pereżempju dawk li jkunu jsiru applikabbli fl-2013.
6.9. Kalkolu tal-valur residwu
Ir-Regolament jesiġi li l-valur residwu jiddaħħal fil-kalkolu tal-kost globali. Il-valur residwu ta’ bini fi tmiem il-perjodu tal-kalkolu huwa s-somma tal-valuri residwi tal-elementi tal-bini kollha. Il-valur residwu ta’ ċertu element tal-bini jiddependi mill-kost tal-investiment inizjali, il-perjodu ta’ deprezzament (li jirrifletti t-tul tal-ħajja ta’ dan l-element ta’ bini) u, jekk tkun xierqa, kwalunkwe kost għat-tneħħija ta’ element tal-bini.
6.10. Evoluzzjoni tal-kostijiet maż-żmien
Ħlief għall-kost tal-enerġija u l-kost ta’ sostituzzjoni, ir-Regolament ma jinkludi l-ebda żidiet jew tnaqqis fil-kost oħrajn f’termini reali. Dan ifisser li għall-kategoriji l-oħrajn tal-kostijiet (jiġifieri l-kost operattiv u l-kost ta’ manutenzjoni) l-evoluzzjoni tal-prezz hija preżunta ugwali għar-rata ta’ inflazzjoni ġenerali.
L-esperjenzi wrew li l-prezzijiet ta’ teknoloġiji ġodda malajr jistgħu jonqsu meta s-suq jimplimentahom, kif ġara fil-każ ta’ bojlers ġodda u iktar effiċjenti jew ħġieġ doppju. Minħabba li ħafna mill-investimenti jseħħu biss fis-sena 1, it-tnaqqis futur fil-prezzijiet tat-teknoloġija mhux se jħallu impatt kbir wisq fuq il-kalkoli tal-kost. Minkejja dan, se jkun ferm importanti li dan it-tnaqqis jiġi kkunsidrat fil-prezz matul reviżjoni u aġġornament tad-dejta tal-input għall-eżerċizzju ta’ kalkolu li jkun imiss. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkludu fattur ta’ innovazzjoni jew ta’ adattament fil-kalkolu tagħhom li jiżgura li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni dinamika tal-kostijiet matul iż-żmien.
Fir-rigward tal-iżvilupp tal-kostijiet għat-trasportaturi tal-enerġija u l-kostijiet tal-karbonju maż-żmien, l-Anness II għar-Regolament jipprovdi tagħrif li l-Istati Membri jistgħu jużaw għall-kalkoli tagħhom, għalkemm l-Istati Membri huma ħielsa li jużaw tbassir ieħor. Abbażi ta’ dan u ta’ sorsi ta’ tagħrif oħrajn, l-Istati Membri jeħtieġu jiżviluppaw ix-xenarji tagħhom stess għall-iżvilupp tal-kost maż-żmien. L-iżviluppi fil-kost għall-enerġija għandhom jiġu preżunti għat-trasportaturi tal-enerġija kollha użati b’mod sinifikanti fi Stat Membru u jistgħu jinkludu, pereżempju, il-bijoenerġija fl-aggregazzjonijiet kollha tagħha, l-LPG, it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali.
Huwa importanti li jkun osservat li x-xenarji għal sorsi ta’ fjuwil differenti għandhom korrelazzjoni plawsibbli. Barra minn hekk, ix-xejriet tal-prezz tal-elettriku għal Stat Membru għandhom ikunu kkorrelatati b’mod plawsibbli max-xejriet ġenerali, jiġifieri max-xejriet sottostanti għall-fjuwils ewlenin użati fil-livell nazzjonali għall-produzzjoni tal-elettriku. L-iżviluppi fil-prezz jistgħu jiġu preżunti wkoll, jekk dan ikun xieraq, għal tariffi għall-iktar ħinijiet intensivi.
6.11. Kalkolu tal-kostijiet ta’ sostituzzjoni
Għall-kostijiet ta’ sostituzzjoni, hemm il-possibbiltà li l-kost tal-investiment inizjali ikun adattat (li jservi bħala bażi għall-iffissar tal-kost ta’ sostituzzjoni) għal elementi tal-bini magħżula jekk ikun mistenni żvilupp teknoloġiku kbir fis-snin segwenti.
6.12. Kalkolu tal-kost għall-enerġija
Il-kostijiet tal-enerġija għandhom jirriflettu kemm il-kost tal-kapaċità meħtieġa kif ukoll l-enerġija meħtieġa. Barra minn hekk, jekk ikun possibbli, il-kostijiet għall-enerġija għandhom ikunu bbażati fuq medja ppeżata tat-tariffi tal-ħinijiet bażiċi (kost varjabbli) u dawk intensivi (kost fiss normali) imħallsa mill-klijent aħħari inklużi l-kostijiet, it-taxxi u l-marġnijiet ta’ profitti kollha tal-fornitur. Għandhom jiġu kkunsidrati l-użi tal-enerġija kollha koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2010/31/UE.
6.13. Trattament ta’ tassazzjoni, sussidji u tariffi feed-in fil-kalkolu tal-kost
L-inklużjoni tat-taxxi applikabbli kollha (il-VAT u oħrajn), tal-iskemi ta’ appoġġ u ta’ inċentivi hija meħtieġa għall-kalkolu tal-aħjar kost fil-livell finanzjarju, filwaqt li mhumiex ikkunsidrati għall-kalkolu fil-livell makroekonomiku. B’mod partikolari, iżda mhux esklussivament, dan jirreferi għal:
— |
It-tassazzjoni tal-enerġija u/jew tas-CO2 applikabbli għat-trasportaturi tal-enerġija; |
— |
Is-sussidji tal-investiment għal (jew b’rabta ma’) l-użu ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; |
— |
Tariffi feed-in minimi regolati jew enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. |
Filwaqt li r-Regolament jobbliga lill-Istati Membri sabiex iqisu t-taxxi mħallsa mill-klijenti għall-kalkolu tal-kost tal-livell finanzjarju, dan jippermetti lill-Istati Membri sabiex jeskludu sussidji u inċentivi, peress li dawn jistgħu jinbidlu malajr. Minħabba dan, l-inċentivi u s-sussidji applikabbli ma jistgħux jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-perjodu sħiħ li għalih il-kalkolu kostottimali suppost li jkun il-punt ta’ riferiment nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li ssir reviżjoni tal-punti ta’ riferiment kull darba li sseħħ bidla fis-sussidji jew inċentivi. Sabiex tiġi evitata l-kontinwazzjoni tal-iskema ta’ sussidji li tkun attwalment fis-seħħ, tkun ħaġa utli li Stat Membru jikkalkola l-kostijiet privati reali mingħajr sussidji sabiex jidentifika d-differenza u b’hekk, iwitti t-triq għall-politiki ta’ sussidji tal-ġejjieni.
Meta l-Istati Membri jħallu barra s-sussidji mill-kalkolu fil-livell finanzjarju, għandhom jiżguraw li ma jitneħħewx biss is-sussidji u l-iskemi ta’ appoġġ għat-teknoloġiji, iżda wkoll is-sussidji possibbilment eżistenti għall-prezzijiet tal-enerġija.
6.14. Inklużjoni tal-qligħ mill-produzzjoni tal-enerġija
Fil-każ li Stat Membru jkun jixtieq jinkludi fil-kalkolu l-qligħ minn enerġija rinnovabbli prodotta “fejn applikabbli” (skont l-Anness III għad-Direttiva 2010/31/UE), dan għandu jieħu l-impenn li jinkludi kull sussidju u skema ta’ appoġġ disponibbli (kemm għall-enerġija elettrika kif ukoll għal dik termali, iżda wkoll għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija). Jekk, pereżempju, fl-ekwazzjoni tiġi kkunsidrata biss tariffa feed-in għall-elettriku prodott, sussidji u skemi ta’ appoġġ oħrajn, u t-teknoloġiji li jibbenefikaw minnhom, ikunu żvantaġġati u r-riżultati jkunu jimplikaw preġudizzju inerenti favur is-sussidji kkunsidrati. B’mod partikolari, għandu jiġi evitat preġudizzju favur il-produzzjoni tal-elettriku a skapitu tat-tnaqqis fid-domanda għat-tisħin u tkessiħ.
Il-qligħ minn enerġija prodotta jista’ jitnaqqas mill-kategorija tal-kostijiet annwali. L-għażla li jiddaħħal il-qligħ minn enerġija prodotta għandha tirriżulta b’mod naturali fl-inklużjoni tat-taxxi, l-imposti u s-sussidji l-oħra kollha sabiex tinkiseb il-perspettiva finanzjarja kompluta u l-iktar waħda xierqa.
6.15. Kalkolu tal-kostijiet tar-rimi
Skont ir-Regolament, l-inklużjoni tal-kostijiet tar-rimi fil-kalkolu tal-kost globali mhijiex rekwiżit. L-Istati Membri jistgħu jinkludu l-kostijiet tar-rimi jekk huma jaħsbu li huma rilevanti u jekk ikunu jistgħu jagħmlu estimi plawsibbli tal-ammont tagħhom. Il-kostijiet tar-rimi għandhom jiġu skontati lura lejn tmiem il-perjodu ta’ kalkolu. Fil-prinċipju, hemm żewġ postijiet fejn il-kostijiet tar-rimi jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kost globali:
— |
L-ewwel nett, u l-iktar wieħed komuni, permezz tal-kost ta’ tmiem il-ħajja tal-bini, jiġifieri, il-kost għad-demolizzjoni u r-rimi ta’ materjal inkluża l-kost ta’ smantellar (ara l-istandard ISO 15686 għal definizzjoni iktar preċiża tal-elementi tal-kost ta’ tmiem il-ħajja). L-influwenza tan-nefqa ta’ tmiem il-ħajja tiddependi fuq żewġ fatturi: l-ammont assolut tal-ispejjeż u – iktar importanti – il-mument meta jiġi preżunt li seħħew. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi osservat li l-kostijiet ta’ tmiem il-ħajja ma jseħħux fi tmiem il-perjodu ta’ kalkolu iżda fi tmiem il-ħajja tal-bini. Għaldaqstant, hija meħtieġa stima tat-tul tal-ħajja tal-bini sħiħ (u mhux ta’ elementi tal-bini individwali). Minn naħa, dan jista’ jiddependi fuq it-tip ta’ kostruzzjoni (eż. dar prefabbrikata versus kostruzzjoni solida) u min-naħa l-oħra, fuq it-tip ta’ użu (eż. postijiet ta’ negozju ġeneralment ikollhom ħajja iqsar minn bini residenzjali). L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu t-tul tal-ħajja għall-bini, iżda t-tul tal-ħajja għandu juri relazzjonijiet plawsibbli meta jitqabblu l-kategoriji differenti tal-bini. |
— |
It-tieni nett, jistgħu jiġu introdotti kostijiet tar-rimi b’rabta mal-kostijiet ta’ sostituzzjoni, minħabba li ż-żarmar u d-demolizzjoni ta’ element qadim ta’ bini joħloq ċerti kost. Ġeneralment, dan il-kost ma jkunx inkluż meta jkun stabbilit il-kost ta’ sostituzzjoni fl-istess livell bħall-investiment inizjali (l-ebda żieda/tnaqqis fil-kost f’termini reali). Għal din ir-raġuni, fil-kalkolu tal-kost globali jistgħu jinżdiedu xi kostijiet tar-rimi addizzjonali relatati mal-attivitajiet ta’ sostituzzjoni. |
L-isfida ewlenija fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-kostijiet tar-rimi hija l-kisba ta’ dejta dwar il-kost affidabbli u bbażata fuq is-suq. Ġeneralment, il-kostijiet tar-rimi fis-settur tal-kostruzzjoni jittieħdu f’kunsiderazzjoni biss bis-saħħa ta’ approssimazzjoni bbażata fuq il-volum tal-bini, differenzjati (f’ċerti każijiet) skont it-tip ta’ kostruzzjoni.
7. DERIVAZZJONI TA’ LIVELL KOSTOTTIMALI TA’ RENDIMENT FL-UŻU TAL-ENERĠIJA GĦAL KULL BINI TA’ REFERENZA
7.1. Identifikazzjoni tal-medda kostottimali
Abbażi tal-kalkoli tal-użu tal-enerġija primarja (stadju 3) u l-kostijiet globali (stadju 4) assoċjati mal-miżuri/pakketti/varjanti differenti (stadju 2) ivvalutati għall-binjiet ta’ referenza definiti (stadju 1), jistgħu jitfasslu dijagrammi għal kull bini ta’ referenza li jispjegaw l-użu tal-enerġija primarja (assi-x: kWh ta’ enerġija primarja/(m2 ta’ erja utli tal-art u s-sena) u l-kostijiet globali (assi-y: EURO/m2 ta’ erja utli tal-art) tas-soluzzjonijiet differenti. Mill-għadd ta’ miżuri/pakketti/varjanti vvalutati, tista’ tiġi żviluppata kurva tal-kost speċifiku (= il-linja baxxa taż-żona mmarkata mill-punti tad-dejta tal-varjanti differenti).
Stampa 5
Il-varjanti differenti fid-dijagramma u l-pożizzjoni tal-medda kostottimali (13)
It-taħlita ta’ pakketti bl-inqas kost tikkorispondi għall-punt l-iktar baxx tal-kurva (fl-illustrazzjoni mogħtija iktar ’il fuq, il-pakkett “3”). Il-pożizzjoni tagħha tal-assi-x awtomatikament tagħti l-livell kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Kif stipulat fil-paragrafu 2 tal-Anness I(6) għar-Regolament, meta l-pakketti jkollhom kostijiet identiċi jew ferm simili, il-pakkett bl-inqas użu tal-enerġija primarja (= linja tax-xellug tal-medda kostottimali) għandu, jekk ikun possibbli, jiggwida d-definizzjoni tal-livell kostottimali.
Għall-elementi tal-bini, il-livelli kostottimali huma vvalutati billi jiġu stabbiliti l-parametri kollha (l-għażla 1: tibda mill-varjant li ġie identifikat bħala kostottimali; l-għażla 2: tibda minn varjanti differenti u billi tintuża medja tal-valuri li jirriżultaw) u billi r-rendiment ta’ element tal-bini speċifiku jkun varjat. Imbagħad ikunu jistgħu jiġu żviluppati dijagrammi sabiex jintwera r-rendiment (assi-x, eż. fi W/(m2K) għal elementi tal-bini bħas-saqaf ta’ bini) u l-kostijiet globali (assi-y, f’EURO/m2 ta’ erja utli tal-art). Il-karatteristiċi tal-element tal-bini bl-inqas kost se jipprovdu l-livell kostottimali. Jekk karatteristiċi differenti ta’ element tal-bini jkollhom l-istess spejjeż jew oħrajn simili, il-karatteristika tal-element tal-bini bl-inqas użu tal-enerġija primarja (= il-linja tax-xellug tal-medda kostottimali) għandha tiggwida d-definizzjoni tal-livell kostottimali (wieħed għandu jqis il-fatt li jkun hemm ħtiġijiet ogħla ta’ investiment inizjali).
Wieħed għandu jinnota li r-rekwiżiti minimi għar-rendiment għall-bojlers u għat-tagħmir u l-apparat installat oħrajn qed ikunu stabbiliti skont il-qafas tad-Direttiva tal-Ekodisinn (14).
7.2. Tqabbil mar-rekwiżiti attwali fil-livell tal-Istati Membri
Ir-rekwiżiti attwali fil-livell tal-Istati Membri għandhom jitqabblu mal-livell kostottimali kkalkolat. Għaldaqstant, ir-regolamenti attwali għandhom jiġu applikati għall-bini ta’ referenza, li jwasslu għal kalkolu tal-konsum ta’ enerġija primarja tal-bini skont ir-regoli stabbiliti fl-istadju 3.
F’tieni pass, id-differenza bejn il-livell attwali u l-livell kostottimali identifikat hija kkalkolata skont l-ekwazzjoni fil-kaxxa ta’ hawn taħt.
Identifikazzjoni tad-diskrepanza
Diskrepanza% (livell tal-bini ta’ referenza) = (livell kostottimali [kWh/m2a] – rekwiżiti minimi attwali tar-rendiment [kWh/m2a]) / livell kostottimali [kWh/m2a]) x 100 %
Għal elementi tal-bini, id-diskrepanza hija kkalkolata skont l-ekwazzjoni li ġejja:
Diskrepanza% (għal elementi tal-bini) = (livell kostottimali [unità ta’ indikatur tar-rendiment (15)] – rekwiżiti minimi attwali tar-rendiment [unità ta’ indikatur tar-rendiment]) / livell kostottimali [unità ta’ indikatur tar-rendiment]) x 100 %
Id-differenza bejn il-liveli kostottimali kkalkolati tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija u dawk li huma fis-seħħ għandha tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn il-medja ta’ kull rekwiżit minimu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ u l-medja ta’ kull livell kostottimali kkalkolat li jirriżulta mill-varjanti applikati għal kull binja ta’ referenza komparabbli u għat-tipi kollha ta’ bini użati. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jintroduċu fattur ta’ ppeżar li jirrappreżenta l-importanza relattiva ta’ bini ta’ referenza partikolari (u r-rekwiżit tiegħu) fi Stat Membru wieħed u mhux f’ieħor. Madankollu, approċċ bħal dan għandu jidher b’mod trasparenti fir-rapportar lill-Kummissjoni.
B’konformità mal-premessa 14 tad-Direttiva 2010/31/UE, tkun teżisti diskrepanza sinifikanti bejn ir-riżultat tal-kalkolu tal-kost kostottimali u r-rekwiżiti minimi attwalment fis-seħħ fi Stat Membru jekk dawn tal-aħħar ikunu 15 % inqas mill-kost optimum.
8. ANALIŻI TAS-SENSITTIVITÀ
L-analiżi tas-sensittività hija prassi standard fil-valutazzjonijiet ex-ante meta r-riżultati jiddependu fuq is-suppożizzjonijiet dwar il-parametri ewlenin li fuqhom l-iżvilupp tal-futur jista’ jħalli impatt importanti fuq ir-riżultati finali.
Għaldaqstant, ir-Regolament jirrikjedi li jsiru ċerti analiżijiet ta’ sensittività mill-Istati Membri. Ir-Regolament jobbliga lill-Istati Membri li jwettqu tal-inqas analiżi tas-sensittività f’xenarji tal-prezz differenti għal kull trasportatur tal-enerġija ta’ rilevanza f’kuntest nazzjonali, kif ukoll tal-inqas żewġ xenarji għal kull waħda mir-rati ta’ skont li għandha tintuża għall-kalkoli tal-kost optimum makroekonomiku u finanzjarju.
Għall-analiżi tas-sensittività fuq ir-rata ta’ skont għall-kalkolu makroekonomiku, waħda mir-rati ta’ skont għandha tiġi stabbilita għal 3 % imfissra f’termini reali (16). L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rata ta’ skont l-iktar xierqa għal kull kalkolu ladarba titwettaq il-valutazzjoni tas-sensittività. Din hija dik li għandha tintuża għall-kalkolu kostottimali.
L-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu tali analiżijiet ukoll fuq fatturi ta’ input oħrajn bħax-xejriet previsti fil-kostijiet ta’ investiment futuri għat-teknoloġiji tal-bini u l-elementi tal-bini jew fuq kwalunkwe fattur ta’ input ieħor li wieħed iqies li għandu influwenza sinifikanti fuq ir-riżultat (eż. il-fatturi tal-enerġija primarja, eċċ.).
Minkejja l-verità fil-fatt li żvilupp fil-prezz fil-futur mhuwiex se jħalli impatt fuq il-kostijiet tal-investiment inizjali fil-bidu tal-perjodu tal-kalkolu, il-valutazzjoni dwar kif l-użu tas-suq tat-teknoloġiji jista’ jinfluwenza l-livell tal-prezz tagħhom tikkostitwixxi tagħrif ferm utli għal dawk li jfasslu l-politika. Fi kwalunkwe każ, żviluppi fil-prezz tat-teknoloġija bħal dawn huma kruċjali sabiex jipprovdu tagħrif għar-reviżjoni tal-kalkoli kostottimali.
Minbarra li titwettaq analiżi tas-sensittività għal dawn iż-żewġ parametri ewlenin, l-Istati Membri huma ħielsa li jwettqu analiżijiet tas-sensittività addizzjonali għall-muturi ewlenin tal-kostijiet kif identifikati fil-kalkolu, bħall-kost tal-investiment inizjali ta’ elementi tal-bini ewlenin jew spejjeż relatati mal-manutenzjoni u s-sostituzzjoni tas-sistemi tal-enerġija fil-bini.
9. STIMA TAL-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET TAL-ENERĠIJA FIT-TUL
Ix-xejriet tal-iżvilupp tal-prezz tal-enerġija mogħtija fl-Anness II għar-Regolament jagħtu tagħrif dwar l-estimi tal-iżviluppi tal-prezz fit-tul għaż-żejt, għall-gass u għall-faħam, kif ukoll għall-elettriku. L-Istati Membri għandhom jieħdu dan it-tagħrif f’kunsiderazzjoni meta jiddeterminaw l-kostijiet għat-trasportaturi tal-enerġija għall-iskop tal-kalkoli kostottimali tagħhom.
It-tagħrif ipprovdut fl-Anness II għar-Regolament huwa meħud mix-xenarji tax-xejriet tal-enerġija żviluppati bil-mudell PRIMES (sistema ta’ mmudellar li tissimula soluzzjoni ta’ ekwilibriju tas-suq għall-provvista u d-domanda tal-enerġija fl-UE 27 u l-Istati Membri tagħha). Il-Kummissjoni Ewropea kull sentejn tippubblika aġġornamenti ta’ dawn ix-xejriet u l-aħħar verżjoni tinsab fuq dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/energy/observatory/trends_2030/index_en.htm.
L-aħħar aġġornament (17) jimplika żieda annwali ta’ 2,8 % fil-prezzijiet tal-gass, żieda annwali ta’ 2,8 % fil-prezzijiet taż-żejt u żieda annwali ta’ 2 % fil-prezzijiet tal-faħam. Dawn ix-xejriet jistgħu jiġu estrapolati għal wara l-2030 sakemm ikunu disponibbli projezzjonijiet aktar fit-tul.
Dawn il-projezzjonijiet huma bbażati fil-kuntest tal-prezz taż-żejt relattivament ogħla meta mqabbla mal-projezzjonijiet preċedenti u huma simili għall-projezzjonijiet ta’ referenza minn sorsi oħrajn. Is-suppożizzjonijiet tal-prezz tax-xenarju bażi għall-UE27 huma r-riżultat ta’ mmudellar tal-enerġija dinjija (billi jintuża l-mudell stokastiku tal-enerġija dinjija PROMETHEUS) li joħroġ trajettorji tal-prezzijiet għaż-żejt, għall-gass u għall-faħam f’perspettiva ta’ għarfien konvenzjonali tal-iżvilupp tas-sistema tal-enerġija dinjija.
Il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt huma previsti li se jiżdiedu matul il-perjodu tal-projezzjoni, billi l-prezzijiet taż-żejt jilħqu t-USD 88 (l-2008) għal kull barmil [kb] (EUR 73 (2008)/kb) fl-2020 u USD 106 (2008)/kb (EUR 91 (2008)/kb) fl-2030. Il-prezzijiet tal-gass isegwu trajettorja simili għall-prezzijiet taż-żejt, billi jilħqu t-USD 62 (2008) ekwivalenti għal barmil żejt [ebż] (EUR 51 (2008)/ebż) fl-2020 u USD 77 (2008)/ebż (EUR 66 (2008)/ebż) fl-2030, filwaqt li ż-żieda fil-prezz tal-faħam matul il-perjodu ta’ rkupru ekonomiku jilħaq kważi USD 26 (2008)/ebż (EUR 21 (2008)/kbż) fl-2020 iżda mbagħad jistabbilizza għal USD 29 (2008)/ebż (EUR 25 (2008)/ebż) fl-2030.
Rigward l-elettriku, il-bidliet previsti fis-settur tal-enerġija tal-UE27 se jħallu impatti importanti fuq il-kostijiet tal-enerġija u l-prezzijiet tal-elettriku. In-nefqa tal-investiment kumulattiva totali għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-perjodu 2006-2030 mistennija li tilħaq il-EUR 1,1 triljun (2008) bil-prezzijiet tal-elettriku jiżdiedu b’mod sostanzjali kemm fir-rigward tal-livelli preżenti kif ukoll meta mqabbel mas-sena ta’ referenza l-2007. Il-ħlasijiet b’irkant u l-prezzijiet tal-fjuwil li jiżdiedu u l-kostijiet kapitali ogħla (għall-enerġija rinnovabbli u s-CCS) huma wħud mill-fatturi li jispjegaw iż-żieda fil-prezz tal-elettriku.
Il-prezz medju tal-elettriku, nett mill-ħlasijiet b’irkant, jiżdied għal EUR 108,4 għal kull MWh fl-2020 u EUR 112,1 kull MWh fl-2030 (f’termini reali, jiġifieri fi flus fl-2005), żieda konsistenti meta mqabbla mal-valuri attwali dovuti għal kost tal-kapital u tal-O&M ogħla, u l-ispejjeż tal-fjuwil u spejjeż varjabbli ogħla. Il-ħlasijiet tal-irkant jammontaw għal 9,4 % tal-prezz medju tal-elettriku qabel it-taxxa.
Tabella 1
Stima tal-iżviluppi fil-prezz tal-elettriku wara t-taxxa fit-tul f’EUR/MWh (sena ta’ referenza 2009)
|
2000 |
2005 |
2010 |
2015 |
2020 |
2025 |
2030 |
Medja |
96 |
104 |
110 |
127 |
140 |
146 |
144 |
Industrija |
59 |
71 |
77 |
92 |
101 |
104 |
98 |
Servizzi |
123 |
124 |
124 |
139 |
152 |
159 |
159 |
Unitajiet domestiċi |
127 |
133 |
144 |
164 |
180 |
191 |
192 |
Huwa rrakkomandat li għal bini residenzjali jintuża t-tbassir tal-prezz tal-unitajiet domestiċi, billi għal bini mhux residenzjali jistgħu jkunu iktar xierqa l-prezzijiet kummerċjali.
L-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw ukoll il-prezzijiet tal-enerġija preżunti għall-perjodu ta’ kalkolu mil-livelli tal-kostijiet attwali, kif, pereżempju, ipprovduti mill-EUROSTAT. It-tagħrif mill-EUROSTAT jagħmel differenza bejn il-prezzijiet għall-użu domestiku u industrijali, skont il-volum ipprovdut. Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati livelli ta’ prezzijiet differenti għall-binjiet ta’ referenza spjegati fil-Kapitolu 3.
Trasportaturi tal-enerġija oħrajn jistgħu jingħaqdu ma’ dawn l-iżviluppi preżunti (eż. gass naturali li jintrabat mal-prezz taż-żejt) jew jistgħu jinġiebu minn previżjonijiet nazzjonali jew internazzjonali oħrajn. Minħabba li l-prezzijiet ta’ ħafna mit-trasportaturi tal-enerġija huma soġġetti għal influwenzi qawwija nazzjonali, reġjonali jew ukoll lokali, bħall-bijomassa, it-tisħin distrettwali u l-ġeotermali, dawn il-previżjonijiet għandhom iqisu l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi iktar fit-tul. Pereżempju, rigward it-tisħin distrettwali, għandhom iqisu l-effetti possibbli li jistgħu joħorġu minn bidliet meħtieġa fl-infrastruttura (id-daqs tas-sistemi ta’ tisħin distrettwali, l-enerġija mogħtija għal kull metru ta’ grid, eċċ.).
Żejt għat-tisħin:
Iż-żejt għat-tisħin huwa likwidu b’viskożità baxxa li jieħu n-nar, użat fil-bini ta’ fran u bojlers. Minħabba li huwa prodott distillat taż-żejt mhux maħdum, il-prezz tiegħu huwa intrinsikament marbut mal-prezz taż-żejt mhux maħdum. Barra minn hekk, fatturi oħrajn, bħall-provvista u d-domanda, l-influwenzi staġjonali, ir-rata tal-kambju bejn id-dollaru u l-euro u l-kostijiet loġistiċi jinfluwenzaw il-prezz taż-żejt għat-tisħin.
L-effiċjenza tal-produzzjoni tal-elettriku tiddependi fuq it-tipi ta’ fjuwils primarji kkunsmati u t-tagħmir speċifiku użat. Dawn il-karatteristiċi huma uniċi għal impjanti tal-enerġija speċifiċi u jvarjaw fost l-Istati Membri. Pereżempju, uħud mill-pajjiżi għandhom perċentwal ogħla ta’ enerġija idroelettrika, filwaqt li oħrajn jikkunsmaw kwantitajiet akbar ta’ faħam jew jużaw ammonti sinifikanti ta’ enerġija nukleari. L-Istati Membri se jkollhom jadottaw fatturi ta’ konverżjoni sabiex jikkonvertu l-elettriku użat fil-binjiet ta’ referenza tagħhom f’enerġija.
(1) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(2) ĠU L 81, 21.3.2012, p. 18.
(3) Id-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64).
(4) Il-proġett ASIEPI jiddefinixxi biss il-ġeometrija tal-bini u ma jkunx biżżejjed għall-iskopijiet tal-kalkolu.
(5) Ġeneralment, il-ħxuna tal-iżolament hij varjata fi stadji jew b’mod gradwali. Is-soltu jkun hemm ħxuna applikabbli massima għal kull element tal-bini. Għandu jiġu kkunsidrat il-valur-U korrispondenti meħtieġ u rakkomandat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali/fl-istandards tekniċi nazzjonali. L-iżolament jista’ jiġi applikat internament jew esternament jew fuq iż-żewġ naħat f’diversi pożizzjonijiet ġewwa l-ħitan (dan għandu jsir bir-reqqa minħabba r-riskju ta’ kondensazzjoni interstizjali jew tas-superfiċji).
(6) Għandu jkun osservat li l-Kummissjoni dalwaqt se tagħmel disponibbli metodoloġija dwar il-kontabbiltà tal-enerġija minn pompi tas-sħana skont il-qafas tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).
(7) Proposta għal Direttiva riveduta dwar l-ESD ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Ġunju 2011 (COM 2011(370) finali. Il-fatturi ta’ konverżjoni jinsabu fl-Anness IV tal-proposta.
(8) Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).
(9) Approċċ ta’ kalkolu tal-kost addizzjonali jibda minn bini standard (eż. bini li huwa konformi mar-rekwiżiti minimi attwali), li għalih jiżdiedu miżuri addizzjonali (eż. iżolament aħjar, dell, sistema ta’ ventilazzjoni b’irkupru tas-sħana, eċċ). It-tqabbil tal-kostijiet huwa bbażat fuq kostijiet tal-investiment addizzjonali u differenzi fil-kostijiet amministrattivi.
(10) Baukosteninformationszentrum Deutscher Architekten (BKI): Statistische Kostenkennwerte für Gebäude, 2010, www.baukosten.de.
(11) Jones Lang Lassalle: Büronebenkostenanalyse OSCAR 2008, Berlin, 2009. Jista’ jiġi ordnat minn fuq is-sit elettroniku www.joneslanglasalle.de.
(12) http://ec.europa.eu/governance/impact/commission_guidelines/docs/ia_guidelines_annexes_en.pdf. L-edizzjoni tal-2010 tal-Programm Federali ta’ Ġestjoni tal-Enerġija tad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti dwar l-indiċi tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fatturi ta’ skont għat-twettiq tal-analiżi tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja li tissuġġerixxi 3 %. http://www1.eere.energy.gov/femp/pdfs/ashb10.pdf.
Sors: Boermans, Bettgenhäuser et al., 2011: Cost-optimal building performance requirements - Calculation methodology for reporting on national energy performance requirements on the basis of cost optimality within the framework of the EPBD, ECEEE [Rekwiżiti kostottimali għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini - Metodoloġija ta’ kalkolu għar-rapportar dwar ir-rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija nazzjonali fuq il-bażi tal-kostottimalità fi ħdan il-qafas tal-EPBD, ECEEE].
(14) Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.)
(15) Eż. il-valur-U ta’ saqaf [W/m2K]
(16) Din ir-rata tintuża fil-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2009 tal-Kummissjoni u tikkorrispondi b’mod ġenerali għar-rendita reali medja fuq id-dejn pubbliku fuq terminu ta’ żmien itwal fl-UE matul perjodu mill-bidu tas-snin tmenin.
Sors: EU Energy Trends to 2030; update 2009. European Union, 2010 [Xejriet tal-Enerġija tal-UE sal-2030; aġġornament tal-2009. L-Unjoni Ewropea, 2010]. Ara: http://ec.europa.eu/energy/observatory/trends_2030/doc/trends_to_2030_update_2009.pdf.
(18) Ara http://heating-oil.blogs-uk.co.uk/