9.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/42


Estratt mid-Deċiżjoni tal-Qorti rigward Akcinė bendrovė bankas SNORAS skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”)

2012/C 35/08

STEDINA GĦAL PREŻENTAZZJONI TA' TALBA. LIMITI TAŻ-ŻMIEN LI GĦANDHOM JIĠU OSSERVATI

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Regjonali ta’ Vilnius adottat Deċiżjoni biex tibda proċeduri ta’ falliment fir-rigward tal-bank ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata SNORAS (Akcinė bendrovė bankas SNORAS, kodiċi tal-entità legali: 112025973, numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT: LT120259716, uffiċċju rreġistrat: A. Vivulskio g. 7, Vilnius, Lithuania, irreġistrat fir-Reġistru ta’ Entitajiet Legali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “AB bankas SNORAS”)) fil-każ ċivili Nru B2-7791-611/2011, proċeduri ġudizjarji Nru 2-55-3-03098-2011-9. Il-Qorti ħatret lis-Sur Neil Cooper bħala amministratur tal-AB bankas SNORAS. Il-parti tad-Deċiżjoni li għandha x’taqsam mal-bidu ta’ proċeduri ta’ falliment daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2011 u AB bankas SNORAS akkwista l-istatus ta’ kumpanija li tinsab f’falliment. Il-proċeduri ta’ falliment rigward AB bankas SNORAS jikkostitwixxu proċeduri ta’ stralċ skont it-tifsira tad-Direttiva.

Skont id-Deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius tas-7 ta’ Diċembru 2011, il-kredituri huma intitolati li jressqu applikazzjonijiet ta’ talbiet finanzjarji li seħħew qabel id-data tal-bidu ta’ proċeduri ta’ falliment fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni sabiex jinbdew proċeduri ta’ falliment. Bid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta' Jannar 2012, il-Qorti Reġjonali ta' Vilnius estendiet il-limitu ta' żmien sal-10 ta' Frar 2012 (din id-data inkluża) biex il-kredituri tal-AB bankas SNORAS iressqu t-talbiet ta' talbiet finanzjarji tagħhom li seħħew qabel id-data tal-bidu tal-proċeduri ta' falliment. Dan ifisser li l-kredituri għandhom iressqu t-talbiet lill-amministratur tal-falliment sal-10 ta’ Frar 2012 (din id-data inkluża). Sabiex jitressqu l-applikazzjonijiet ta’ talbiet, huwa rrakkomandat li tintuża l-formola tal-applikazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-bank http://www.snoras.com

It-talbiet, flimkien mad-dokumenti kollha mehmuża, għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

Bankrutuojanti AB bankas SNORAS

A. Vivulskio g. 7

LT-03221 Vilnius

LIETUVA/LITHUANIA

Kwalunkwe kreditur li għandu l-indirizz tiegħu jew tal-uffiċċju tiegħu rreġistrat fil-Litwanja għandu jressaq l-applikazzjoni ta’ talbiet finanzjarji tiegħu/tagħha bil-Litwan. Kwalunkwe kreditur tal-bank li għandu l-indirizz tiegħu jew tal-uffiċċju tiegħu rreġistrat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jista’ jressaq applikazzjoni ta’ talbiet finanzjarji fil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat. Madankollu, għandha tinhemeż mal-applikazzjoni traduzzjoni għal-Litwan, f’liema każ it-talba għandu jkollha t-titlu “Reikalavimo pateikimas” bil-Litwan. Il-formola trid tiġi ffirmata minn persuna awtorizzata. Il-kredituri għandhom jispeċifikaw ukoll in-natura tal-applikazzjoni ta’ talbiet, id-data ta’ meta seħħet u l-ammont tat-talba, u jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe titoli li jkollhom.

Jekk il-kredituri ma jressqux applikazzjoni ta’ talbiet u/jew iressquhom wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi hawn fuq, jew jekk ma tingħatax l-informazzjoni kollha meħtieġa, dawk l-applikazzjonijiet ta' talbiet finanzjarji jistgħu jiġu miċħuda. Madankollu, il-Qorti tista’ taċċetta applikazzjonijiet ta’ kredituri mibgħuta wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien speċifikata jekk jidrilha li hemm raġunijiet biżżejjed talli ma nżammitx id-data tal-iskadenza.

Aktar tagħrif dwar it-tressiq ta’ applikazzjonijiet ta’ talbiet jista’ jinkiseb mis-sit tal-internet http://www.snoras.com

Vilnius, il-Litwanja, is-17 ta’ Jannar 2012.

Amministratur ta’ Akcinė bendrovė bankas SNORAS (f’falliment) (li qed jaġixxi bħal l-aġent tagħha mingħajr responsabbiltà personali)

Neil COOPER