52012PC0471

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti miżuri tekniċi u ta' kontroll fi Skagerrak u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 /* COM/2012/0471 final - 2012/0232 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Kuntest ġenerali

Waqt il-konsultazzjonijiet dwar is-sajd li saru fl-2010 bejn l-UE u n-Norveġja[1] kien ġie miftiehem li jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma biex jittejbu l-miżuri ta' kontroll u infurzar għall-attivitajiet tas-sajd fi Skagerrak, u biex jirrakkomanda modi biex jiġu armonizzati r-regolamenti dwar il-miżuri tekniċi u ta' kontroll tal-UE u dawk Norveġiżi fiż-żona lil hinn minn 4 mili nawtiċi mill-valuri ta' riferiment. Dan il-Grupp ta’ Ħidma dwar Miżuri Tekniċi u Kontroll fi Skagerrak iltaqa' matul l-2011 u rrapporta f'Ottubru 2011. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma kienu inklużi fil-Minuti Maqbula bejn l-UE u n-Norveġja f'Bergen fit-2 ta' Diċembru 2011.

Dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[2].

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar[3].

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004[4]

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999[5].

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94[6] u r-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 201/2010 tal-10 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[7].

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-UE għas-sajd[8] jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ kontroll ġenerali għas-sajd kif ukoll rekwiżiti speċifiċi għall-pjanijiet multiannwali u r-Regoli ta' implimentazzjoni tiegħu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[9]

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti[10]

Riforma tal-PKS

Attwalment, qed tiġi diskussa Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd[11], inkluża l-implimentazzjoni ta' obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha fl-ambitu tas-sajd tal-UE. Skagerrak hija żona ġeografika żgħira b'għadd limitat ta' Stati Membri kkonċernati. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet stipulati fil-proposta preżenti huma speċifiċi għal Skagerrak u s-sajd li jsir f'dik iż-żona u għalhekk ma jikkostitwixxu l-ebda preċedent għal dibattitu dwar ir-riforma tal-PKS. Madankollu, l-esperjenzi fi Skagerrak jistgħu jipprovdu kontribut importanti għad-diskussjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni ta' obbligu ġenerali li jinħattu l-art il-qabdiet kollha mis-sajd tal-UE.

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Il-proposta u l-għanijiet tagħha huma konsistenti mal-politiki tal-Unjoni Ewropea, speċjalment politiki ambjentali, soċjali, tas-suq u dawk kummerċjali.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Grupp ta’ Ħidma stabbilit fil-kuntest ta' negozjati bejn l-UE u n-Norveġja deskritt fil-Punt 1 ingħata l-mandat biex jirrevedi l-miżuri tekniċi u ta' kontroll attwali fiż-żona u, fejn xieraq, jirrakkomanda, safejn l-aktar possibbli, miżuri tekniċi u ta' kontroll armonizzati għal Skagerrak. Il-Grupp ta' Ħidma kien jikkonsisti minn esperti tekniċi, ta' kontroll u xjentifiċi kif ukoll rappreżentanti tas-sajjieda, inklużi s-sidien ta' bastimenti żgħar. Il-Grupp ta’ Ħidma kellu bosta laqgħat fl-2011 u rrapporta s-sejbiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu f'Ottubru 2011.

F'April 2012 ir-rakkomandazzjonijiet ġew inklużi fil-minuti maqbula ffirmati mill-UE u n-Norveġja.

F'dan l-isfond u sabiex jiġi indirizzat l-għan tal-PKS li jiġi żgurat użu sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u biex tinqered il-prattika mhux sostenibbli tal-iskartar tal-ħut ikun tajjeb li jiddaħħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet, elenkati fil-Minuti Maqbula, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-regoli li għandhom jiġu adottati se jkunu applikabbli biss fi Skagerrak, u huma fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali bejn l-UE u n-Norveġja. Dan il-ftehim identifika l-miżuri tekniċi komuni u miżuri ta' kontroll inklużi fil-proposta, kif ukoll lista ta' speċijiet li għandhom jiġu koperti bl-obbligu li jinħattu l-art u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni progressiva tiegħu. Barra minn hekk, il-ftehim bejn l-UE u n-Norveġja kien ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tekniku, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, li eżamina fid-dettall l-alternattivi differenti disponibbli sabiex ikun jista' jissokta s-sajd tradizzjonali fi Skagerrak wara l-iskadenza tal-ftehim ta' viċinat ma' Skagerrak. Dan il-Grupp ta’ Ħidma huwa meqjus bħala li jirrappreżenta alternattiva suffiċjenti għall-valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha kienet ippreżentata fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li ġiet ippreparata flimkien mar-riforma proposta[12].

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Id-dispożizzjonijiet tal-proposta jikkonċernaw il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-miżuri proposti huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li l-ebda miżura inqas restrittiva oħra mhija disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa tal-politika.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

M'hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2012/0232 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ċerti miżuri tekniċi u ta' kontroll fi Skagerrak u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[13]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[14]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)       B'riżultat tal-Konsultazzjonijiet dwar is-Sajd għall-2012 li saru fit-2 ta' Diċembru 2011 bejn l-Unjoni u n-Norveġja ċerti miżuri tekniċi u ta' kontroll applikabbli għal Skagerrak għandhom jiġu emendati bil-ħsieb li jittejbu x-xejriet tal-isfruttar u fejn possibbli biex jiġu allinjati r-regolamenti tal-Unjoni u dawk Norveġiżi.

(2)       Waqt il-Konsultazzjonijiet dwar is-Sajd bejn l-Unjoni u n-Norveġja tat-28 ta' Ġunju 2012, ġew speċifikati miżuri tekniċi u ta' kontroll komuni li għandhom jiġu applikati fi Skagerrak, lista ta’ speċijiet li għandhom ikunu koperti minn obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha u l-iskeda li biha dawn l-ispeċijiet għandhom ikunu progressivament inklużi fl-obbligu dwar il-ħatt l-art.

(3)       Huma meħtieġa tibdiliet għall-miżuri tekniċi stabbliti fi Skagerrak sabiex jitnaqqas il-livell tal-qabdiet mhux mixtieqa u r-rimi tal-ħut peress li dawn jaffettwaw ħażin l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(4)       Jinħtieġ li jiġi stabblilit obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha tal-istokkijiet soġġetti għal-limiti tal-qbid, għajr għal speċijiet jew sajd fejn hemm evidenza xjentifika ta’ rati għoljin ta’ sopravvivenza ta' ħut skartat jew fejn il-piż għas-sajjieda biex ineħħu l-ispeċijiet mhux mixtieqa mill-qabda għal trattament separat huwa għoli f'livell mhux raġonevoli. [Art. 3]

(5)       Is-sistema tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha tesiġi tibdliet sostanzjali għas-sajd attwali u l-ġestjoni tas-sajd ikkonċernat. Għalhekk, l-obbligu ta' ħatt l-art għandu jiġi introdott progressivament. [Art. 4]

(6)       Għall-protezzjoni ta' ħut li għadu qed jikber, il-funzjonament tas-suq tas-sajd u biex jiġi żgurat li ma jkun jista’ jinkiseb l-ebda qligħ inġust minn qbid ta’ ħut taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, l-immaniġġar ta’ tali qabdiet għandu jkun limitat għal ħut mitħun, ikel għall-annimali domestiċi jew prodotti oħra mhux maħsuba għall-konsum mill-bnedmin, jew għal finijiet ta’ karità. [Art. 5]

(7)       Sabiex jiġi eliminat progressivament il-ħut skartat, is-selettività tal-irkapti tas-sajd għandha titjieb billi jiżdied ir-rekwiżit ġenerali tad-daqs minimu tal-malji għas-sajd għall-ħut demersali iżda b'derogi li jippermettu l-użu ta’ rkapti, inklużi apparati ta' selezzjoni li jkollhom l-istess selettività f'dawn l-attivitajiet tas-sajd. [Art. 6]

(8)       Għall-aħjar effett possibbli u monitoraġġ u kontroll xierqa tal-miżuri tekniċi ġodda li għandhom jiġu stabbiliti, jeħtieġ li jiġi ristrett l-użu ta’ rkapti tas-sajd fi Skagerrak. [Art. 7]

(9)       Sabiex jiġi indirizzat il-kunflitt tal-leġiżlazzjoni applikabbli fi Skagerrak u ż-żoni tal-viċinat tagħha u biex jiġi żgurat li jitħarsu r-regoli li jistabbilixxu l-miżuri tekniċi fi Skagerrak, jinħtieġ ukoll li jkunu stabbiliti ċerti miżuri li jirregolaw kwistjonijiet meta, fuq vjaġġ tas-sajd partikolari, bastimenti tas-sajd jikkombinaw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fi Skagerrak ma' sajd f'żoni fejn mhumiex applikati l-miżuri tekniċi ġodda adottati għal Skagerrak. [Art. 8]

(10)     Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ kontroll barra dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[15] [Art. 9].

(11)     Filwaqt li jirrikonoxxu li Skagerrak hija żona tas-sajd pjuttost żgħira fejn, fil-biċċa l-kbira, bastimenti iżgħar iwettqu vjaġġi qosra tas-sajd, l-użu ta' notifika minn qabel kif mitlub mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu jiġi estiż biex ikopri l-bastimenti kollha b’tul kumplessiv ta’ 10 m jew aktar u n-notifiki minn qabel għandhom jitressqu sagħtejn bil-quddiem biex jadattaw għas-sajd [Art. 10].

(12)     Għall-monitoraġġ xieraq tal-attivitajiet tas-sajd b'attenzjoni speċjali lejn li jiġi vverifikat li fuq il-baħar jitħares l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha ta’ stokkijiet soġġetti għal-limitazzjonijiet ta' qbid, jinħtieġ li titħaddem sistema ta' Monitoraġġ Elettroniku mill-Bogħod ('Remote Electronic Monitoring’ - REM) għall-bastimenti operati fi Skagerrak. [Art. 11]

(13)     Biex jiġi żgurat li jitħarsu l-miżuri tekniċi ġodda, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddefinixxu miżuri ta' kontroll u spezzjoni għal Skagerrak u jinkorporaw dawn il-miżuri fil-programmi nazzjonali ta’ azzjoni ta’ kontroll rispettivi tagħhom. [Art. 12]

(14)     Jinħtieġ li jiġu pprovduti regoli għal bastimenti li jgħaddu fi tranżitu minn Skagerrak sabiex jiġi żgurat li l-miżuri tekniċi ġodda huma rispettati. [Art. 13]

(15)     Għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni perjodika mill-Kummissjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri tekniċi. Huwa xieraq li tali valutazzjoni hija bbażata fuq rapporti tal-Istati Membri kkonċernati. [Art. 14 u 15]

(16)     Sabiex jiġi ffaċilitat sajd aktar selettiv taħt obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha, huwa xieraq li jiġu eżentati bastimenti li joperaw fi Skagerrak mir-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004[16] [Art. 20].

(17)     Jinħtieġ li jiġi pprovdut livell ta’ flessibilità għas-sajjieda biex jadattaw għar-reġim il-ġdid fi Skagerrak. Għaldaqstant, il-flessibbiltà permessa fl-użu tal-kwota minn sena għall-oħra stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti[17] ma għandhiex titqies bħala sajd żejjed. [Art. 20]

(18)     Sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku u xjentifiku f’waqtu u b’mod proporzjonat u biex tkun żgurata l-flessibilità u tkun permessa l-evoluzzjoni ta' ċerti miżuri, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness I fir-rigward tal-iskeda ta' żmien u l-istokkijiet soġġetti għall-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha u fir-rigward tal-emendar tal-Anness II li jikkonċerna id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(19)     Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(20)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi u reazzjoni f'waqtha għar-realtà tas-sajd u l-informazzjoni xjentifika disponibbli, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' natura teknika dwar id-determinazzjoni ta' livelli ta' selettività tal-irkapti u r-rekwiżiti minimi għall-REM. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[18].

(21)     Minħabba l-projbizzjoni taż-żamma abbord ta' ċerti speċijiet f'ċerti żminijiet fi Skagerrak u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jinħtieġu ċerti emendi għar-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008.

(22)     Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tekniċi u ta’ kontroll ġodda fi Skagerrak.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti kollha tas-sajd li joperaw fi Skagerrak.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 850/98 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2371/2002 għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) Nases u kavetti tfisser nases żgħar iddisinjati biex jaqbdu krustaċej jew ħut, fil-forma ta’ gaġeġ jew qfief b'diversi materjali li jitqiegħdu fuq qiegħ il-baħar jew waħedhom jew f'ringieli; konnessi bi ħbula (ħbula tal-gavitelli) sa gavitelli fuq il-wiċċ li juru l-pożizzjoni tagħhom u li għandhom fetħa waħda jew punt ta' dħul wieħed jew aktar;

(b) Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tfisser id-daqs għal speċi partikolari li taħtu l-bejgħ tal-qabdiet ikun ristett għal dak bħala ħut mitħun, ikel għall-annimali domestiċi jew prodotti oħra mhux maħsuba għall-konsum mill-bnedmin biss;

(c) Daqs tal-malji ta' kwalunkwe xibka tat-tkarkir, tartarun Daniż jew xibka rmunkata simili tfisser id-daqs tal-malji ta' kwalunkwe manka jew biċċa tal-estensjoni li jinstabu abbord bastiment tas-sajd;

(d) manka tfisser manka sensu stricto;

(e) biċċa tal-estensjoni tfisser il-parti tawwalija kif iddefinita fl-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 3440/84[19];

(f) Xibka tat-tkarkir għall-ħut demersali tfisser irkaptu li huwa rmunkat b'mod attiv minn bastiment tas-sajd wieħed jew aktar ma' qiegħ il-baħar u li jikkonsisti f'xibka li jkollha struttura f'forma ta' kon jew ta' piramida (bħala struttura tax-xibka tat-tkarkir) magħluqa b’manka fuq wara li tinfetaħ orizzontalment minn diriġenti f'kuntatt mal-qiegħ jew fil-każ ta' żewġ bastimenti permezz tad-distanza bejn il-bastimenti;

(g) Tartarun Daniż tfisser irkaptu ċirkondanti u rmunkat, imħaddem minn bastiment wieħed jew aktar permezz ta' żewġt iħbula twal (ħbula tat-tartarun) imfassal sabiex jidderiġi l-ħut lejn il-fetħa tat-tartarun. L-irkaptu magħmul minn xbiek, simili għal xibka tat-tkarkir tal-qiegħ fid-disinn u d-daqs, jinkludi żewġ ġwienaħ twal, korp u manka.

(h) Xibka tat-tkarkir bit-travu tfisser rkaptu b'xibka tat-tkarkir miftuħa orizzontalment b'tubu tal-azzar jew tal-injam, mgħammra bi travu, u bi xbieki b'katini tal-art, twapet tal-ktajjen jew "tickler chains" rmunkata b'mod attiv fil-qiegħ mill-magna tal-bastiment;

(i) Xibka tat-tkarkir għall-ħut pelaġiku tfisser irkaptu li jkun irmunkat minn bastiment tas-sajd wieħed jew aktar li jikkonsisti f'xibka b'malji kbar fis-sezzjoni ta' quddiem li tidderieġi l-qabdiet lejn is-sezzjonijiet ta' wara tax-xibka li huma mibnija b'malji żgħar, li l-fond tas-sajd tagħhom huwa kkontrollat permezz ta’ skandaljar bil-lett u l-fetħa orizzontali hija kkontrollata minn diriġenti li normalment ma jmissux ma' qiegħ il-baħar.

(j) Speċijiet pelaġiċi u industrijali tfisser l-aringa, il-kavall, il-laċċa kaħla, l-istokkafixx, in-Norway pout, iċ-ċiċċirell jew is-sawrell.

KAPITOLU II

MIŻURI TEKNIĊI TA’ KONSERVAZZJONI

Artikolu 3

Obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha

1. B'deroga mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 850/98 il-qabdiet kollha tal-istokkijiet tal-ħut elenkati fl-Anness I għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd u jinħattu l-art skont l-iskeda taż-żmien stipulat f'dak l-Anness, ħlief jekk il-ħut skartat ta’ tali stokkijiet għandu rata ta’ sopravvivenza għolja jew fejn il-piż għas-sajjieda biex ineħħu l-ispeċijiet mhux mixtieqa mill-qabda għal trattament separat huwa għoli f'livell mhux raġonevoli.

2. Minkejja l-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 850/98, meta jsir sajd bi rkaptu li jkollu daqs tal-malji ugwali għal 32 mm jew inqas, il-qabdiet kollha tal-istokkijiet, inklużi l-istokkijiet li għalihom ma japplikax l-obbligu tal-ħatt l-art, għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd u jinħattu l-art.

3. Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għal sajd b'nases u kavetti.

4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness I abbażi tal-progress fl-informazzjoni xjentifika jew fejn il-piż għas-sajjieda jidher li huwa sproporzjonat mal-vantaġġi. Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 16.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet speċjali għall-ġestjoni tal-kwota

1. Il-qabdiet kollha tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 3 imwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġu attribwiti għall-kwoti applikabbli għall-Istat Membru tal-bandiera għall-istokk jew grupp ta’ stokkijiet ikkonċernati, irrispettivament mill-post tal-ħatt l-art.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwota hija disponibbli għal bastimenti tas-sajd li joperaw fi Skagerrak għal kwalunkwe stokk soġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art ta' dak li jistgħu jaqbdu, filwaqt li titqies l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid tal-bastimenti.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jirritornaw lejn il-port il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u li jżommu abbord ħut li l-Istat Membru ma jkollu l-ebda kwota għalih..

Artikolu 5

Immaniġġar tal-ħut li għad irid jikber

1. Fejn id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni huwa stabbilit għal stokk soġġett għall-Artikolu 3, il-bejgħ ta' qabdiet ta' dak l-istokk taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu jiġi limitat biss għall-ħut mitħun, ikel tal-annimali domestiċi, jew prodotti oħra mhux maħsuba għall-konsum mill-bnedmin, jew għal finijiet ta’ karità.

2. Id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal stokkijiet fi Skagerrak huma elenkati fl-Anness II.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness II abbażi tal-progress fl-informazzjoni xjentifika. Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 16.

Artikolu 6

Speċifikazzjonijiet ta' rkaptu tas-sajd

1. Il-ġarr abbord jew l-użu ta' xi xibka tat-tkarkir għall-ħut demersali, tartarun Daniż, xibka tat-tkarkir bit-travu jew xbieki rmunkati simili li għandhom daqs tal-malja ta' inqas minn 120 mm huwa pprojbit.

2. B’deroga mill-paragrafu 1:

(a) Jistgħu jintużaw irkapti li jkollhom l-istess karatteristiċi ta' selettività bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ikkonfermati minn vjaġġi tas-sajd sperimentali jew minn valutazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

(b) Xbieki tat-tkarkir b'daqsijiet minimi tal-malji ta’ inqas minn 32 mm jistgħu jintużaw sakemm il-qabda abbord fiha aktar minn 50 % ta' speċi pelaġika jew industrijali waħda jew aktar.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu dwar l-irkapti, inklużi l-apparati ta' selezzjoni mwaħħla ma' dawk l-irkapti, li jistgħu jintużaw billi għandhom karatteristiċi ta’ selettività ekwivalenti għall-irkapti imsemmijin fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 17.

Artikolu 7

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta' rkaptu

1. Bastimenti tas-sajd li joperaw fi Skagerrak għandhom jużaw biss irkaptu wieħed tas-sajd waqt kwalunkwe vjaġġ tas-sajd.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, bastimenti tas-sajd jistgħu jużaw kwalunkwe kombinazzjoni ta' rkapti tas-sajd speċifikati fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2)(a).

3. Bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu iżommu abbord aktar minn irkaptu wieħed bil-kundizzjoni li jistivaw ix-xbieki mhux użati skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 8

Vjaġġi tas-sajd imwettqa fi Skagerrak u żoni oħra

1. B'deroga mill-Artikoli 4, 15, 19(1), 35, 36, 37 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għal żoni oħra minbarra Skagerrak għall-vjaġġ kollu tas-sajd ta' bastiment.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal żoni oħra biss fejn dak il-bastiment jistad fi Skagerrak u fiż-żona l-oħra fi kwalunkwe ħin waqt l-istess vjaġġ tas-sajd.

KAPITOLU III

MIŻURI TA’ KONTROLL

Artikolu 9

Relazzjoni ma' Regolamenti oħra

Il-miżuri ta' kontroll previsti f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008, ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 u r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għajr fejn previst mod ieħor fl-Artikoli ta’ dan il-Kapitolu.

Artikolu 10

Notifika minn qabel

1. B'deroga mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jżommu abbord stokkijiet tal-ħut soġġetti għall-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, sagħtejn qabel id-dħul fil-port.

2. B'deroga mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009[20], il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li jżommu abbord stokkijiet tal-ħut soġġetti għall-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port li jixtiequ jużaw l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, sagħtejn qabel id-dħul fil-port.

Artikolu 11

Monitoraġġ Elettroniku mill-Bogħod

1. L-Istati Membri għandhom joperaw sistema ta' Monitoraġġ Elettroniku mill-Bogħod (REM) għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u li joperaw fi Skagerrak.

2. Bastiment tas-sajd b’tul kumplessiv ta’ 12-il metru jew aktar għandu jkollu installat abbord sistema REM li tiffunzjona bis-sħiħ li tikkonsisti f'għadd suffiċjenti ta' kameras ta' televiżjonijiet ta' ċirkwit magħluq (CCTV) abbord, GPS u sensers biex jingħata permess li jħalli l-port.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

(a)        mill-1 ta’ Jannar 2014 għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul kumplessiv ta’ 15-il metru jew aktar;

(b)        mill-1 ta’ Lulju 2015 għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul kumplessiv ta’ 12-il metru jew aktar.

4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin tal-REM: l-affidabilità tas-sistema, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema, id-dejta li għandha tiġi rreġistrata u pproċessata, il-monitoraġġ tal-użu tal-REM, jew xi elementi oħra meħtieġa għall-funzjonalità tas-sistema.

Dawk l-atti ta' adozzjoni għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 17.

Artikolu 12

Pjan ta' kontroll u spezzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' kontroll u spezzjoni skont l-Anness III sabiex jiżguraw konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2. Miżuri ta’ kontroll u ta’ spezzjoni għandhom jiġu inklużi fi programm nazzjonali ta’ azzjoni ta’ kontroll kif previst fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li huwa applikabbli għall-pjan multiannwali għall-istokkijiet tal-merluzz stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1342/2008[21].

Artikolu 13

Tranżitu

Bastimenti tas-sajd li jgħaddu fi tranżitu minn Skagerrak b'ħut miżmum abbord maqbud f'żoni minbarra Skagerrak għandhom jorbtu u jistivaw ix-xbieki skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

KAPITOLU IV

EVALWAZZJONI

Artikolu 14

Rappurtar mill-Istati Membri

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fit-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u u kull tliet snin wara dan

Artikolu 15

Evalwazzjoni tal-pjan

Il-Kummissjoni, abbażi tar-rapporti mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 14 u flimkien ma' pariri xjentifiċi, għandha tevalwa l-impatt tal-miżuri fuq l-istokkijiet u s-sajd ikkonċernati fis-sena ta' wara dik li fiha tirċievi r-rapporti.

KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET TA’ PROĊEDURA

Artikolu 16

Eżerċitar tas-setgħat iddelegati

1.           Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Is-setgħat li jiġu adottati atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(3) għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Proċedura tal-kumitat

1.         Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru. 182/2011.

2.         Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

EMENDI

Artikolu 18

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 850/98

Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 huwa emendat kif ġej:

1. Il-kelma "Skagerrak" hija mħassra mill-Artikolu 4(a)(ii), l-Artikolu 35 u mill-intestatura tal-Anness IV.

2. Jitħassar l-Artikolu 38.

3. L-intestatura tal-Anness X.B tinbidel b’dan li ġej:

"B. KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TA' ĊERTI KOMBINAZZJONIJIET TA' DAQSIJIET TAL-MALJI F'KATTEGAT"

Artikolu 19

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1342/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 11(1), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

"Ir-reġim tal-isforz tas-sajd msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal Skagerrak mill-1 ta’ Jannar 2013."

2. Fl-Artikolu 12(5), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

"Fejn Skagerrak hija eskluża mir-reġim tal-isforz tas-sajd skont l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, l-isforz tas-sajd li jista’ jiġi assoċjat ma' Skagerrak, u li kkontribwixxa għall-istabbiliment ta’ sforz ta' referenza, ma għandux jitqies aktar għall-fini tal-istabbiliment tal-isforz massimu permess tas-sajd."

KAPITOLU VII

DEROGI

Artikolu 20

Derogi mir-Regolament (KE) Nru 847/96

1. Permezz ta' deroga minn:

(a) L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 847/1996, meta aktar minn 75 % ta' kwota għal stokk soġġett għall-Artikolu 3 tintuża qabel il-31 ta' Ottubru tas-sena tal-applikazzjoni tagħha, l-Istat Membru li tkun ġiet allokata lilu tali kwota jista' jitlob il-permess tal-Kummissjoni biex jinħattu l-art kwantitajiet addizzjonali tal-ħut tal-istess stokk biex jitnaqqsu mill-kwota ta' dak l-istokk fis-sena ta’ wara filwaqt li tiġi indikata l-kwantità addizzjonali meħtieġa (self), u

(b) L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 847/1996, Stat Membru li tkun ġiet allokata lilu kwota rilevanti jista' jitlob lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta' Ottubru tas-sena ta' applikazzjoni tal-kwota, biex iżomm parti tal-kwota tiegħu sabiex tiġi trasferita għas-sena ta’ wara (ibbankjar).

Il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafi (a) u (b) ma għandhomx jaqbżu

(i)       fl-2013, 20 % tal-kwota xierqa

(ii)      fl-2014, 15 % tal-kwota xierqa u

(iii)     u mill-2015, 10 % tal-kwota xierqa.

2. Il-kwantità addizzjonali mislufa skont il-paragrafu 1 ma għandhiex titqies bħala li taqbeż il-ħatt l-art permess stabbilit fl-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009.

KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I

Lista ta' speċijiet li għandhom jiġu progressivament inklużi fl-obbligu ta' ħatt l-art

Isem || Isem xjentifiku || Data minn meta tibda l-applikazzjoni

Merluzz || Gadus morhua || L-1 ta' Jannar 2013

Haddock || Melanogrammus aeglefinus || L-1 ta' Jannar 2013

Aringa || Clupea harengus || L-1 ta' Jannar 2013

Kavalli || Scomber scombrus || L-1 ta' Jannar 2013

Gamblu tat-Tramuntana || Pandalus borealis || L-1 ta' Jannar 2013

Pollakkju (Saithe) || Pollachius virens || L-1 ta' Jannar 2013

Laċċa kaħla || Sprattus sprattus || L-1 ta' Jannar 2013

Merlangu || Merlangius merlangus || L-1 ta' Jannar 2013

Marlozz || Merluccius merluccius || L-1 ta' Jannar 2013

Ling || Molva molva || L-1 ta' Jannar 2013

Xkatlu komuni || Lophius piscatorius. || L-1 ta' Jannar 2013

Pollakkju || Pollachius pollachius || L-1 ta' Jannar 2013

Grenadieri || Coryphaenoides rupestris || L-1 ta' Jannar 2013

Linarda || Molva dypterygia || L-1 ta' Jannar 2013

Tusk || Brosme brosme || L-1 ta' Jannar 2013

Barbun tat-tbajja’ || Pleuronectes platessa || L-1 ta' Jannar 2015

Witch || Glyptocephalus cynoglossus || L-1 ta' Jannar 2015

Barbun tat-tbajja' Amerikan || Hippoglossoides platessoides || L-1 ta' Jannar 2015

Stokkafixx || Micromesistius poutassou || L-1 ta' Jannar 2015

Norway pout || Trisopterus esmarkii || L-1 ta' Jannar 2015

Arġentina || Argentina spp. || L-1 ta' Jannar 2015

Lingwata || Solea solea || L-1 ta' Jannar 2015

Ksampu || Nephrops norvegicus || L-1 ta' Jannar 2015

Barbun lixx || Scophthalmus rhombus || L-1 ta' Jannar 2015

Dab || Limanda limanda || L-1 ta' Jannar 2015

Barbun imperjali || Scophthalmus maximus || L-1 ta' Jannar 2015

Lemon Sole || Microstomus kitt || L-1 ta' Jannar 2015

Ċiċċirell || Ammodytidae || L-1 ta' Jannar 2015

Sawrell || Trachurus trachurus || L-1 ta' Jannar 2015

Rajja (għajr dawk elenkati fir-Regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd bħala li għandhom jiġu rilaxxati) || Raja spp. || L-1 ta' Jannar 2015

Barbun || Platichthys flesus || L-1 ta' Jannar 2015

Lupi tal-baħar || Anarhichas lupus || L-1 ta' Jannar 2015

Lipp Abjad || Phycis blennoides || L-1 ta' Jannar 2015

Lumpsucker || Cyclopterus lumpus || L-1 ta' Jannar 2015

Redfish spp || Sebastes spp. || L-1 ta' Jannar 2015

ANNESS II

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

Speċi || Daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni

Merluzz (Gadus morhua) || 30 ċm

Haddock ((Melanogrammus aeglefinus) || 27 ċm

Merlangu (Merlangus merlangus) || 23 ċm

Polakkju (Saithe) (polachius virensis) || 30 ċm

Aringa (Clupea harengus) || 18 ċm

Kavalli (Scomber spp.) || 20 ċm

Marlozz (Merluccius merluccius) || 30 ċm

Ling (Molva molva) || 63 ċm

Linarda (Molva dipterygia) || 70 ċm

Pollakkju (Pollachius pollachius) || 30 ċm

Barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) || 27 ċm

Lingwata (Solea spp.) || 24 ċm

Sawrell (Trachurus spp.) || 15 ċm

ANNESS III

Miżuri ta' kontroll u spezzjoni

1.         Għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni biex jiġi vverifikat il-livell ta' konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 5, il-miżuri nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni għandu jinkludi referenza għallinqas għal dan li ġej:

(a) rekwiżiti ta' ġbir ta' kampjuni ta' qabda sħiħa fuq il-baħar u fil-port;

(b) analiżi tad-dejta kollha elenkata fl-Artikolu 109(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c) użu ta' sensers imwaħħla mal-irkapti;

(d) użu ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM) li jikkonsisti minn televiżjonijiet ta' ċirkwit magħluq (CCTV), GPS u sensers;

(e) flotta ta' referenza għall-attivitajiet ewlenin tas-sajd fi Skagerrak, jew bl-użu ta' REM inkella bl-osservaturi;

(f) programm xjentifiku ta' ġbir ta' kampjuni dwar il-ħut skartat li jkopri l-attivitajiet ewlenin tas-sajd fi Skagerrak.

2.         Għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni biex jiġi vverifikat il-livell ta' konformità mal-Artikolu 6, l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, il-miżuri nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni għandu jinkludi referenza għallinqas għal dan li ġej:

(a) il-mezzi umani u tekniċi allokati;

(b) l-istrateġija ta’ spezzjoni, inkluż il-livell ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar u fuq l-art u tas-sorveljanza.

3.         Linji ta' referenza għal spezzjoni

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jassenjaw l-ogħla livell ta’ riskju għal sajd li jsir fi Skagerrak fis-sistema tagħhom għall-ġestjoni tar-riskju stabbilita skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Fattur separat tar-riskju għandu jiġi stabbilit għal bastimenti li jistadu fi Skagerrak u ilmijiet oħra tal-Unjoni matul l-istess vjaġġ tas-sajd u għandhom jiġu assenjati ukoll għall-ogħla livell ta’ riskju.

[1]               Minuti Maqbula bil-Konklużjonijiet tal-Konsultazzjonijiet dwar is-Sajd bejn l-UE u n-Norveġja dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Sajd fi Skagerrak u Kattegat għall-2011 iffirmat f’Bergen fl-4 ta’ Diċembru 2010

[2]               ĠU L 358, 31.12.2002, p.59.

[3]               ĠU L 125, 27.4.1998, p.1.

[4]               ĠU L 348, 24.12.2008, p.20.

[5]               ĠU L 286, 29.10.2008, p.1

[6]               ĠU L 286, 29.10.2008, p.33.

[7]               ĠU L 61, 11.3.2010, p.1.

[8]               ĠU L 343, 22.12.2009, p.1.

[9]               ĠU L 112, 30.4.2011, p.1.

[10]             ĠU L 115, 9.5.1996, p.3.

[11]             COM (2011) 425 finali, tat-13.7.2011

[12]             http://ec.europa.eu/fisheries/reform/index_mt.htm

[13]             ĠU C , , p. .

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

[16]             ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.

[17]             ĠU L 115, 9.5.1996, p.3.

[18]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[19]             ĠU L 318, 7.12.1984, p. 23.

[20]             ĠU L 280, 27.10.2009, p. 5.

[21]             ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.