52012PC0463

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali mwaqqaf mill-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-twaqqif tiegħu u l-adozzjoni tar-regoli tal-proċeduri tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali /* COM/2012/0463 final - 2012/0226 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") ġie ffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010, u beda japplika provviżorjament mill-1 ta' Lulju 2011.

L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Protokoll") jipprevedi l-ħolqien ta' Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Kumitat") u jistipula l-kompiti u l-funzjonijiet ewlenin tal-Kumitat. Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Protokoll jiġi implimentat malajr, il-Kumitat għandu jinħoloq u r-Regoli ta' Proċedura tiegħu għandhom jiġu adottati fl-ewwel laqgħa tiegħu. B'konformità mal-Artikolu 3.2 tal-Protokoll, l-ewwel tali laqgħa għandha ssir matul l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-proposta għal strument legali li japprova l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-kwistjoni msemmija hawn fuq.

2012/0226 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali mwaqqaf mill-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-twaqqif tiegħu u l-adozzjoni tar-regoli tal-proċeduri tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 167(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[1],

Billi:

(1)       Fit-23 ta’ April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mar-Repubblika tal-Korea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(2)       Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, ("il-Ftehim")[2] ġie ffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010.

(3)       B'konformità mal-Artikolu 15.10.5 tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat provviżorjament mill-1 ta' Lulju 2011 suġġett għall-konklużjoni tiegħu iżjed tard.

(4)       L-Artikolu 3 tal-Protokoll tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Protokoll") jistipula l-ħolqien ta' Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali li għandu, fost il-kompiti tiegħu, il-kompitu li jiżgura li l-Protokoll jopera sew.

(5)       L-Unjoni għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-ħolqien tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali u l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura ta' tali Kumitat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali fir-rigward tat-twaqqif u l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura ta' tali Kumitat għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.           Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.           Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

ID-DEĊIŻJONI Nru […] TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI KULTURALI TAL-UE U L-KOREA

ta’ […]

dwar it-twaqqif u l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali

IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI KULTURALI,          

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Protokoll") tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, ("il-Ftehim"), iffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Ottubru 2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)          L-Artikolu 3 tal-Protokoll jipprevedi t-twaqqif ta' Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali.

(2)          Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali jista' jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess u għandu jeżerċita l-funzjonijiet kollha tal-Kumitat dwar il-Kummerċ fir-rigward tal-Protokoll, b'konformità mal-Artikolu 3.3 tal-Protokoll tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.           Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali qiegħed b'dan jiġi stabbilit.

2.           Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali huma stabbiliti kif imniżżel fl-Anness.

3.           Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …

Magħmul fi…   nhar …

Għall-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali

L-Ewwel Viċi Ministru Il-Ministeru għall-Kultura, l-Isport u t-Turiżmu tar-Repubblika tal-Korea XXX [Għandha timtelà min-naħa tal-Korea] || Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġeneral għall-Edukazzjoni u l-Kultura Il-Kummissjoni Ewropea Jan TRUSZCZYŃSKI

Anness

IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI KULTURALI

Artikolu 1

Il-Kompożizzjoni u l-President

1.           Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Kumitat") previst fl-Artikolu 3.1 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali ("il-Protokoll") tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont l-Artikolu 3.3 tal-Protokoll u jassumi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ġenerali tal-Protokoll.

2.           Kif stipulat fl-Artikolu 3.1 tal-Protokoll, il-Kumitat għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Grupp tal-UE, minn naħa u r-rappreżentanti tal-Korea, min-naħa l-oħra.

3.           Il-Kumitat għandu jkun kopresedut mid-Direttur Ġenerali għall-Bureau tal-Politika dwar il-Kontenut tal-Ministru tal-Kultura, l-Isport u t-Turiżmu tal-Korea u d-Direttur għall-Kultura u l-Midja tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Presidenti jistgħu jirranġaw biex ikunu rappreżentati minn persuni magħżula rispettivi.

Artikolu 2

Ir-Rappreżentazzjoni

1.           Kull Parti għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra bil-lista tal-membri tagħha li jkunu fil-Kumitat. Il-lista se tiġi amministrata mis-Segretarjat tal-Kumitat.

2.           Membru li jixtieq jiġi rrappreżentat minn rappreżentant sostitut għandu jgħarraf lill-Presidenti tal-Kumitat bl-isem tar-rappreżentant sostitut tiegħu jew tagħha qabel il-laqgħa fejn hu jew hi għandhom jiġu rrappreżentati. Ir-rappreżentant sostitut ta’ membru tal-Kumitat għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

Artikolu 3

Il-laqgħat

1.           Il-Kumitat għandu jiltaqa' minn tal-inqas darba fis-sena, u kif meħtieġ fuq talba ta' wieħed mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell jew f’Seoul b’mod alternattiv, sakemm ma jiftehmux mod ieħor il-Partijiet. Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat jistgħu jsiru permezz ta’ konferenza bil-vidjo jew telekonferenza.

2.           Kull laqgħa tal-Kumitat għandha titlaqqa’ mis-Segretarju tal-Kumitat fi żmien u f’post li jkun hemm qbil dwarhom miż-żewġ Partijiet. Is-sejħa għal-laqgħa għandha tinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat lill-membri tal-Kumitat mhux aktar tard minn 28 jum qabel il-bidu tas-seduta, sakemm ma jiftehmux mod ieħor il-Partijiet.

Artikolu 4

Id-Delegazzjoni

Il-membri tal-Kumitat jistgħu jiġu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-Presidenti tal-Kumitat għandhom jiġu mgħarrfa dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li se jattendu l-laqgħat.

Artikolu 5

L-Osservaturi

Il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jistieden xi osservaturi u esperti fuq bażi ad hoc.

Artikolu 6

Is-Segretarjat

Il-punti ta' kuntatt maħtura mill-Partijiet għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-Segretarjat tal-Kumitat.

Artikolu 7

Id-Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ikunu bbażati fuq dokumenti ta’ sostenn miktubin, dawn id-dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kumitat bħala dokumenti tal-Kumitat.

Artikolu 8

Il-Korrispondenza

1.           Il-korrispondenza indirizzata lill-Presidenti tal-Kumitat għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat biex tiġi ċċirkolata mal-membri tal-Kumitat.

2.           Il-korrispondenza mingħand il-Presidenti tal-Kumitat għandha tintbagħat lil min tkun indirizzata mis-Segretarjat tal-Kumitat u għandha tiġi nnumerata u ċċirkolata, fejn xieraq, fost il-membri l-oħra tal-Kumitat.

Artikolu 9

L-Aġenda għal-Laqgħat

1.           Għandha titħejja aġenda provviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat tal-Kumitat. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-membri tal-Kumitat kif ukoll lill-Presidenti tal-Kumitat sa mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.           L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti oħra li ma jkunux fuq l-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

3.           Il-Presidenti tal-Kumitat jistgħu, bi qbil, jistiednu lill-esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi.

4.           Il-Presidenti tal-Kumitat jistgħu, bi qbil, iqassru l-perjodi ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 biex jitqiesu r-rekwiżiti ta' xi każ partikolari.

Artikolu 10

Il-Minuti

1.           Is-Segretarjat tal-Kumitat għandu jikteb abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa, normalment fi żmien 21 jum minn mindu tispiċċa l-laqgħa.

2.           Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jagħtu fil-qosor kull punt fl-aġenda, u jispeċifikaw, fejn ikun applikabbli:

(a)     id-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat;

(b)     kull dikjarazzjoni li xi membru tal-Kumitat ikun talab li tiddaħħal; u

(c)     id-deċiżjonijiet adottati, ir-rakkommandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet miftiehma u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3.           Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista tal-membri tal-Kumitat jew tar-rappreżentanti sostitut tagħhom li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa, lista tal-membri tad-delegazzjonijiet li jakkumpanjawhom u lista ta’ kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa.

4.           Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien 28 jum mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Ladarba l-minuti jkunu approvati, is-Segretarjat tal-Kumitat irid jiffirma żewġ kopji tagħhom u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta’ dawn id-dokumenti awtentiċi. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti ffirmati lill-membri tal-Kumitat.

Artikolu 11

Id-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet

1.           Il-Kumitat għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet1 bi qbil bejn il-Partijiet. Talli atti għandhom ikunu intitolati "Deċiżjoni" jew "Rakkomandazzjoni" rispettivament.

2.           Fil-perjodu ta' bejn il-laqgħat, il-Kumitat jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk ikun hemm qbil bejn iż-żewġ Partijiet. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti fi skambju ta’ noti bejn il-Presidenti tal-Kumitat.

3.           Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tingħata numru serjali, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha, mis-Segretarjat tal-Kumitat. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

4.           Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ kopji awtentiċi ffirmati mill-Presidenti tal-Kumitat.

Artikolu 12

Il-Pubbliċità u l-Kunfidenzjalità

1.           Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2.           Meta Parti tressaq informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-Kumitat, il-Parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

3.           Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 13

L-Infiq

1.           Kull Parti għandha tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.           In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

[1]               ĠU C xx, xx.xx.xxxx, p. x.

[2]               ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6

1               Il-Kumitat għandu, għall-iskop tal-kisba tal-objettiv tal-Protokoll, ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fil-każijiet ipprovduti mill-Protokoll. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jorbtu liż-żewġ Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kumitat jista’ wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.