52012PC0377

PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta' aġenti temporanji mal-Unjoni Ewropea /* COM/2012/0377 final - 2012/0224 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-abbozz ta’ Regolament mehmuż jirrigwarda l-aspetti tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013 marbutin mar-reklutaġġ.

Fit-tkabbir tal-imgħoddi ġew adottati miżuri speċifiċi biex jiġu impjegati nies mill-pajjiżi li kienu se jissieħbu fl-Unjoni. Fil-kuntest ta' dan it-tkabbir, dan kien jirrikjedi Regolament tal-Kunsill li jidderoga b’mod temporanju mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal[1] li jikkonċernaw ir-reklutaġġ.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta huma:

1.           Hu propost li d-deroga mir-Regolamenti tal-Persunal iddum sat-30 ta’ Ġunju 2018.

2.           Ir-Regolament jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet għall-għażla ta’ uffiċjali mill-Kroazja fuq bażi nazzjonali.

3.           Il-kompetizzjonijiet għaċ-ċittadini Kroati jistgħu jsiru, u l-listi ta’ kandidati magħżula jistgħu jittellgħu, qabel l-adeżjoni ta’ dawn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, kull pajjiż irid ikun issieħeb mal-Unjoni qabel ma ċ-ċittadini tiegħu jkunu jistgħu jingħataw kariga ta' uffiċjal mal-Istituzzjonijiet Ewropej.

4.           Hemm il-possibilità li l-Istituzzjonijiet jidderogaw mir-rekwiżit biex jirreklamaw postijiet vakanti fl-Istituzzjonijiet. L-Istituzzjonijiet jistgħu, madankollu, jippubblikaw avviżi ta’ postijiet vakanti jekk jixtiequ.

Kull Istituzzjoni tiddetermina n-numru ta’ uffiċjali u aġenti temporanji mill-pajjiż kandidat li jridu jiġu impjegati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ta’ deroga.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Huwa propost li ssir deroga għall-Artikolu 4, subparagrafi (2) u (3), għall-Artikolu 7(1), għall-Artikolu 27 u għall-Artikolu 29(1), punti a) u b), tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea safejn dawn il-kondizzjonijiet jipprevedu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Istatut fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji.

2012/0224 (COD)

PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta' aġenti temporanji mal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ippreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, jaqbel li jiġu adottati miżuri partikolari u temporanji, li jidderogaw mir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Ir-Regolamenti tal-Persunal”) u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg”).

(2)       Minħabba d-daqs relattiv tal-Istat li se jissieħeb mal-Unjoni u n-numru ta' nies li huma potenzjalment involuti, huwa importanti li minkejja li dawn il-miżuri huma fuq bażi temporanja għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu sostanzjali. It-30 ta’ Ġunju 2018 tidher li hija l-aktar data ta’ skadenza xierqa għalihom.

(3)       Minħabba l-ħtieġa biex jitħallew isiru dawn ir-reklutaġġi mill-aktar fis possibbli wara l-adeżjoni, dan ir-Regolament għandu jiġi adottat qabel id-data effettiva tal-adeżjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.           Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, is-subparagrafi (2) u (3), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 29(1) il-punti a) u b) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-data effettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi kkonċernati sat-30 ta’ Ġunju 2018, jistgħu jimtlew il-postijiet vakanti, sal-limitu tan-numru allokat, wara li jiġu meqjusa d-diskussjonijiet baġitarji, permezz ta’ ħatra ta’ ċittadini Kroati.

2.           Il-ħatriet isiru mid-data effettiva tal-adeżjoni u, apparti fil-każ ta' uffiċjali għolja (Diretturi Ġenerali jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 16 jew AD 15 u Diretturi jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 15 jew AD 14), isiru wara l-kompetizzjonijiet ibbażati fuq il-kwalifiki jew fuq testijiet organizzati jew wara l-kompetizzjonijiet ibbażati kemm fuq kwalifiki kif ukoll fuq testijiet organizzati kif speċifikat fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 2

1.           Id-deroga msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament tapplika mutatis mutandis għar-reklutaġġ fil-kariga ta' aġenti temporanji ta’ ċittadini tal-Kroazja.

2.           Ir-reklutaġġi jsiru mid-data effettiva tal-adeżjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Għat-tkabbir tal-2004, ara ĠU L 67, 05.03.2004, p. 1.

                Għat-tkabbir tal-2007, ara ĠU L 335, 1.12.2006, p. 5.

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU C , , p. .