KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija /* JOIN/2012/036 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar
mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija,
il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija I. Introduzzjoni 1. Il-popli tal-Magreb kienu fuq
quddiem tal-avvenimenti storiċi tal-2011. Aktar minn kwalunkwe reġjun
ieħor fid-dinja Għarbija, il-pajjiżi tal-Magreb bdew
proċess twil ta’ bidla u riforma. L-Unjoni Ewropea għandha interess
prinċipali fis-suċċess ta’ dan il-proċess ta’
demokratizzazzjoni u mmodernizzar. 2. Barra minn hekk, matul
l-aħħar sena, kien hemm rieda mġedda mill-pajjiżi
tal-Magreb lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom. Dan il-moviment – li
għadu tentattiv u li għadu jrid jissarraf f’passi komprensivi – hu
bbażat fuq ir-rikonoxximent li l-għanijiet ta’ tkattir
tal-prosperità, l-istabbiltà u t-trasformazzjoni demokratika fil-livell
nazzjonali ma jistgħux jinkisbu bis-sħiħ fin-nuqqas ta’
relazzjonijiet aktar profondi bejn il-pajjiżi tal-Magreb. 3. L-għan ewlieni ta’ din
il-Komunikazzjoni hu li tistabbilixxi modi ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’
tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi
tal-Magreb, billi tibbaża fuq l-esperjenza estensiva tagħha ta’
integrazzjoni u minħabba l-interess tagħha fir-reġjun bħala
ġar u msieħba ewlenija għall-ħames pajjiżi
kkonċernati. Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentat
Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
(“ir-Rappreżentat Għoli”) iridu jinkoraġġixxu l-isforzi li
qed isiru mill-imsieħba tal-Magreb biex tikber il-kooperazzjoni fil-livell
tal-Magreb u jakkumpanjawhom f’dan il-proċess. Magreb aktar
b’saħħtu u aktar magħqud se jgħin biex jiġu
indirizzati sfidi komuni, bħan-nuqqas ta’ stabbiltà fis-Saħel,
is-sigurtà tal-enerġija, il-ħtieġa li jinħolqu l-impjiegi u
l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dawn jirrappreżentaw
opportunitajiet storiċi sabiex napprofondixxu s-sħubija tagħna. 4. Din il-Komunikazzjoni hi
parti mir-rispons globali tal-UE għall-bidliet fil-viċinat
tan-nofsinhar. Il-proposti stipulati fiha huma maħsuba biex
jikkomplementaw, mhux jissostitwixxu, il-firxa ta’ miżuri li l-UE
żviluppat fil-Komunikazzjonijiet[1]
adottati mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli fl-2011 li
stabbilixxew Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni u
stipulaw approċċ imġedded għall-Politika Ewropea
tal-Viċinat. Dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet enfasizzaw
l-importanza ta’ integrazzjoni akbar bejn in-nofsinhar (u subreġjonali)
bħala komplimentari għal inizjattivi bilaterali u reġjonali
oħra. Il-Komunikazzjoni preżenti tibni wkoll fuq l-“Aġenda
għall-Bidla”, il-politika riveduta ta’ Kummissjoni għal użu
orjentat lejn ir-riżultati tal-fondi għall-assistenza esterna[2]. 5. Il-proposti huma konformi
mal-wegħdiet tal-UE biex twieġeb b’mod pożittiv
għall-inizjattivi għar-riforma mnedija mill-pajjiżi msieħba
tagħha fil-viċinat u ġew żviluppati b’konsultazzjoni
magħhom. Ħafna mill-miżuri stabbiliti hawn taħt huma
ġodda. F’xi każijiet issir referenza wkoll għal inizjattivi
reġjonali eżistenti fejn l-isforzi ta’ integrazzjoni jistgħu
jittejbu permezz tal-użu tal-għodod eżistenti għalkemm
mill-perspettiva tal-Magreb, kif ukoll attivitajiet bilaterali, fejn dawn
jikkontribwixxu għal koeżjoni akbar fir-reġjun. 6. Fl-istess ħin,
il-Komunikazzjoni timmira biex tirrifletti r-relazzjonijiet importanti
żviluppati bejn il-pajjiżi tal-Magreb u l-Afrika Sub-Saħarjana
fuq naħa u l-UE u l-Afrika Sub-Saħarjana fuq in-naħa
l-oħra. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tal-UE
għall-integrazzjoni fil-Magreb għandu jkun artikolat b’mod ċar
permezz tar-relazzjonijiet aktar wiesgħa tal-UE fil-kontinent Afrikan kif
stabbilit fl-Istrateġija Konġunta Afrika-UE[3]. Dan jinkludi b’mod partikolari
s-Sħubija għall-Paċi u s-Sigurtà tematika tagħha fejn
il-pajjiżi tal-Magreb qed jipparteċipaw direttament jew qed isegwu
mill-qrib. Il-Komunikazzjoni tikkunsidra wkoll il-karattru doppju partikolari
tal-Mawritanja, ikkonferit lilha mill-pożizzjoni ġeografika tagħha
bejn il-Magreb Għarbi u l-Afrika Sub-Saħarjana. 7. Ir-rieda għall-bidla u
d-deċiżjonijiet dwar kif l-aħjar tista’ tinkiseb l-integrazzjoni
huma biss tal-pajjiżi tal-Magreb infushom. Konsegwentement, l-offerta
stabbilita f’din il-Komunikazzjoni qed issir fi spirtu ta’ solidarjetà u
sħubija f’mument kritiku fid-dibattitu li għaddej fi ħdan
il-Magreb dwar ir-ritmu u l-profondità tal-integrazzjoni fil-livell
sub-reġjonali. Madankollu, filwaqt li dawn il-proposti jistgħu
jġibu benefiċċji għan-nies tar-reġjun tal-Magreb
kollu, huma jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju jekk jiġu
żviluppati fuq bażi bilaterali aktar limitata jew f’mod assimetriku
fost ir-reġjun. II. L-isfidi li qed jiffaċċja
l-Magreb 8. Il-Magreb hu reġjun
b’potenzjal ta’ żvilupp sinjur ħafna. Ippożizzjonat bejn l-Afrika
Sub-Saħarjana u l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Lvant
tal-Mediterran min-naħa l-oħra, hu għandu l-vantaġġi
ta’ aċċess kemm tal-kosti tal-Atlantiku u tal-Mediterran u kemm
tar-rotot potenzjali ta’ trasport fuq l-art ta’ bejn il-pajjiżi. Hu jgawdi
wkoll minn riżorsi naturali u umani konsiderevoli, kif ukoll minn rabtiet
komuni kulturali u lingwistiċi. 9. Madankollu, il-Magreb jibqa’
wieħed mir-reġjuni l-anqas integrati fid-dinja. Bħala
riżultat, il-potenzjal għall-iżvilupp tiegħu baqa’
ġeneralment maqful. Mill-lat ekonomiku l-ispiża tan-“non-Magreb”
ġiet varjament stmata bejn 1-2% tal-PDG. Madankollu l-ispiża reali
tan-nuqqas ta’ integrazzjoni tmur lil hinn mit-tkabbir ekonomiku biex tinkludi
s-sigurtà, u l-iżvilupp uman usa’ fir-reġjun. 10. L-isfidi li qed
jiffaċċja r-reġjun ġew iddokumentati sew. Dawn jinkludu: Ir-Riformi Demokratiċi (a)
Il-pajjiżi kollha tal-Magreb għaddejjin
minn proċessi ta’ riforma politika. Fl-isfera politika l-aspettattivi
tal-pubbliku huma għoljin fir-rigward tal-parteċipazzjoni
fil-ħajja pubblika, ir-responsabbiltà, l-aċċess
għall-informazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess
għall-ġustizzja. Is-soċjetà ċivili kibret fl-istatura u hi
aktar kapaċi taqdi r-rwol tagħha bħala sieħeb
leġittimu tal-gvern lokali fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet aktar
inklużivi. Titjib tal-proċessi elettorali żiedu r-responsabbiltà
fir-reġjun. Il-parlamenti għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw
bħala atturi prinċipali bħalma għandhom id-diversi partiti/movimenti
politiċi li ħarġu sa issa. Fl-istess ħin l-istituzzjonijiet
meħtieġa biex jipproteġu l-valuri demokratiċi, l-istat
tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma dgħajfa. F’dan
l-ambjent, il-kompitu biex jiġu kkonsolidati u ppromovuti r-riformi
demokratiċi li jirrispettaw bis-sħiħ in-normi internazzjonali
tad-drittijiet tal-bniedem jibqa’ sfida. Ir-Riformi Soċjoekonomiċi (b)
It-tkabbir fil-Magreb xorta jibqa’ dgħajjef
wisq biex jassorbi l-flussi kbar tal-popolazzjoni fis-suq tax-xogħol,
inaqqas il-faqar u l-qgħad (bejn 10% u 18% fl-Alġerija, il-Marokk u
t-Tuneżija u ’l fuq minn 30% fil-Mawritanja fl-2011). Ir-Rapport dwar
L-Isfidi għall-Iżvilupp Għarbi tal-2011 tal-UNDP jistima li anki
f’xenarju konservattiv (jiġifieri ż-żamma tar-rati
tal-qgħad u r-rati tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol
attwali), il-pajjiżi tal-Magreb jeħtieġu li joħolqu
1,8 miljun impjieg sal-2015, u 7,8 miljun sal-2030. Barra minn hekk
in-nuqqas li jiġu ġġenerati opportunitajiet ta’ impjieg
suffiċjenti jista’ fl-aħħar mill-aħħar iwassal
għal aktar tfaqqir jekk il-kapital uman irrappreżentat
miż-żgħażagħ jitħalla ma jiġix sfruttat.
Mingħajr żieda fit-tkabbir, u fin-nuqqas ta’ politiki effettivi favur
l-impjiegi (inkluż l-investiment fil-kapital uman u l-promozzjoni
tax-xogħol diċenti), il-livelli għoljin ta’ qgħad se jippersistu
fost iż-żgħażagħ u s-settur informali se jkompli
jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-ekonomija reali. Min-naħa
tagħhom dawn il-fatturi se jkomplu joħolqu riskji sinifikanti
għall-istabbiltà soċjali tal-ġejjieni u għall-proċess
ta’ tranżizzjoni lejn id-demokrazija. (c)
It-tkabbir fl-agrikoltura f’ħafna pajjiżi
tal-Magreb kien imfixkel minħabba problemi strutturali bħal
investiment limitat, id-disponibbiltà tal-ilma, id-degradazzjoni tal-art,
it-tibdil fil-klima u l-aċċess limitat għas-servizzi bażiċi.
Is-settur agrikolu qed jiffaċċja l-isfida ta’ aktar produzzjoni u
aħjar jiġifieri li tiżdied il-produttività agrikola, jimxi lejn
metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u jtejjeb il-kundizzjonijiet
tal-għajxien f’żoni rurali fuq il-bażi ta’ strateġiji fit-tul.
(d)
Sa issa, il-potenzjal għall-iżvilupp ta’
ekonomiji ġenwinament diversifikati bbażati fuq il-ħolqien ta’
settur privat attiv għadu ’l bogħod milli jinkiseb. Sa issa l-Magreb
għadu ma rnexxilux joħloq swieq reġjonali tal-konsumaturi,
jisfrutta l-ekonomiji ta’ skala u jisfrutta bis-sħiħ
il-viċinanza favorevoli tiegħu mal-Ewropa u ma’ rotot tal-baħar
interkontinentali maġġuri biex jiżviluppa r-rabtiet
tal-produzzjoni reġjonali, isir parti mill-katina tal-valur miżjud
globali u b’hekk ikun aktar attraenti għall-investiment. Ħafna drabi,
iż-żamma tal-ekonomiji magħluqa ppermetta lil ftit
intrapriżi domestiċi iffavoriti biex jistagħnew minn fuq
komportament ta’ tiftix ta’ renta, u biex jiġu stabbiliti setgħat ta’
monopolju. Barra minn hekk, il-korruzzjoni ġiet identifikata bħala
ostaklu ewlieni għall-investiment u n-negozju. (e)
Fil-kuntest tal-iżvilupp soċjali u uman,
minkejja l-kisbiet sinifikanti f’xi oqsma notevolment fl-edukazzjoni u
l-istennija tal-ħajja, parti sinifikanti tal-popolazzjoni għadha
mingħajr impjieg, ħarsien soċjali jew drittijiet soċjali
adegwati[4].
Barra minn hekk, f’ħafna pajjiżi tal-Magreb, għadhom jippersistu
differenzi soċjali interni konsiderevoli fejn il-ġid jiġi
kkonċentrat f’ċerti oqsma magħżula. Bħala
riżultat il-pajjiżi tal-Magreb jibqgħu pajjiżi
tal-emigrazzjoni l-aktar immirata lejn l-Ewropa, b’eċċezzjoni
ġenerali tal-Libja. Dawn huma ugwalment pajjiżi ta’ tranżitu
għall-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa. L-iżvilupp sostenibbli
jista’ jintlaħaq biss jekk il-ġenerazzjoni
żagħżugħa jkollha ċerta edukazzjoni u tkun tista’
tipparteċipa fil-ħajja soċjali u ekonomika f’pajjiżhom.
Popolazzjoni edukata sew hi bażi għall-istabbiltà u tista’
tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ soċjetà demokratika.
L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla huma atturi ewlenin
fit-tranżizzjoni demokratika billi huma responsabbli
għat-taħriġ ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja u
edukaturi. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ riforma tal-politika kulturali
kisbet importanza speċjali wara r-Rebbiegħa Għarbija. It-Theddid Globali (f)
Il-kwistjonijiet tat-terroriżmu u
l-kriminalità internazzjonali huma ta’ importanza kbira fir-reġjun u lil
hinn fil-viċinat tan-nofsinhar aktar wiesgħa kif ukoll
fis-Saħel. L-Al Qaida fil-Magreb Iżlamiku (AQMI) ġabet flimkien
netwerk ta’ terroriżmu notevolment fil-Magreb u fil-Mali. Is-sitwazzjoni
marret għall-agħar wara l-kunflitt fil-Libja, b’aktar ttraffikar ta’
armi, nies u drogi u l-preżenza ta’ ġellieda tal-ġiħad li
pparteċipaw fil-kunflitt, li tagħmel ir-reġjun
Saħelo-Saħarjan żona ta’ instabbiltà. Din wasslet ukoll
għar-rebelljoni tat-Touareg fit-Tramuntana ta’ Mali li ppermettiet
lill-AQMI biex testendi l-influwenza tagħha aktar. Sabiex jintlaħqu
l-għanijiet stipulati mill-UE fl-Istrateġija tagħha għas-Sigurtà
u l-Iżvilupp fis-Saħel[5]
(li tkopri l-Alġerija, il-Mawritanja, Mali u n-Niġer iżda li
l-implimentazzjoni tagħha hi ffukata fuq it-tliet pajjiżi
tal-aħħar) se jkun importanti li ssir ħidma b’kollaborazzjoni
mill-qrib mal-pajjiżi tal-Magreb, li nfushom huma affettwati direttament
minn, u wkoll atturi fir-rigward ta’, iż-żona
tas-Saħara-Saħel. L-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (g)
Il-Magreb hi żona li għandha quddiemha
bosta sfidi fl-isfera ambjentali u fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali.
Hija meħtieġa azzjoni nazzjonali u reġjonali biex jiġu
indirizzati kwistjonijiet ambjentali, anke fir-rigward tal-arja, l-ilma,
l-ambjent tal-baħar, il-ħamrija u l-bijodiversità. Il-pajjiżi
tal-Magreb huma wkoll ferm vulnerabbli għal, u diġà qed ikollhom
il-konsegwenzi, tat-tibdil fil-klima b’effetti potenzjalment qawwija fuq
setturi ewlenin tal-ekonomija (eż. l-agrikoltura, it-turiżmu,
il-prezzijiet tal-ikel). Fl-istess ħin, ir-reġjun joffri
opportunitajiet uniċi biex jibda l-iżvilupp b’karbonju baxx,
partikolarment permezz ta’ aktar enfasi fuq l-enerġija rinnovabbli u
l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż permezz ta’ proġetti u
politiki transkonfinali. Min-naħa tiegħu dan jikkontribwixxi
għall-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġu attirati l-investimenti
fir-reġjun. III. L-Unjoni tal-Magreb Għarbi, Unjoni
għall-Mediterran, 5+5 - Approċċ flessibbli u prammatiku. 11. L-UE hi impenjata favur
l-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiżi
tal-Magreb. Fl-istess ħin, hi temmen li hemm ħtieġa biex
id-diversi organizzazzjonijiet reġjonali u strutturi li jeżistu
diġà jiġu mogħtija spinta ’l quddiem mill-ġdid sabiex
jilħqu l-isfidi komuni. L-UE hi lesta li żżid l-appoġġ
tagħha kif ukoll tiżviluppa sinerġiji u ttejjeb
il-koordinazzjoni ma’ inizjattivi eżistenti fuq livell bilaterali. 12. Is-Samit propost li ġej
tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi (UMA) se jkun avveniment importanti biex
tingħata spinta ġdida lill-integrazzjoni tal-Magreb. Il-Kummissjoni
Ewropea u r-Rappreżentant Għoli jilqgħu d-djalogu żviluppat
sa issa mal-UMA u huma impenjati biex isaħħu dan u biex
jiżviluppaw oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni, li jibnu b’mod partikolari
fuq ix-xogħol tekniku li sar diġà mal-UMA. 13. Ċerti oqfsa
internazzjonali jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw
il-kooperazzjoni akbar u mtejba fost il-pajjiżi tal-Magreb kif ukoll mal-ġirien
tagħhom tat-tramuntana u tan-nofsinhar. L-Unjoni għall-Mediterran
(UaM) tista’ tuża l-flessibbiltà tagħha sabiex tippromwovi
l-proġetti ta’ koperazzjoni subreġjonali favur il-pajjiżi
tal-Magreb. Ir-raggruppament ta’ ħames pajjiżi tal-UE fin-Nofsinhar
tal-Mediterran u tal-Magreb, (l-hekk imsejħa “5+5”[6]) hu ta’ valur għax iwaqqaf
kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kkonċernati fuq il-bażi ta’
interessi u għanijiet komuni li f’xi każijiet it-twettiq tagħhom
jista’ jiġi appoġġat mill-UE, pereżempju permezz ta’ studji
dwar il-possibbiltà ta’ fondi jew it-tħejjija ta’ proġetti.
L-inizjattiva tal-“pays du champ” (l-Alġerija, Mali, il-Mawritanja,
in-Niġer), bl-għan li tindirizza d-dimensjoni
tas-Saħara-Saħel flimkien mal-Istrateġija tal-UE
għas-Saħel jipprovdu wkoll oqsfa għal kollaborazzjoni mill-qrib
mal-Magreb. 14. Id-dimensjoni kontinentali
Afrikana għandha tiġi kkunsidrata wkoll: ir-reġjun tal-Magreb se
jkompli jkun assoċjat ma’ inizjattivi transreġjonali u kontinentali
fil-qafas tal-Istrateġija Konġunta tal-Afrika u l-UE, b’mod
partikolari bl-appoġġ tal-Programm Pan-Afrikan, jekk maħluqa. IV. Lejn aktar kooperazzjoni u integrazzjoni
fil-Magreb; Il-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni tal-UE. 15. Il-benefiċċji ta’
integrazzjoni aktar mill-qrib fil-Magreb jitgawdew mhux biss
miċ-ċittadini tal-ħames pajjiżi kkonċernati. Dawn
ikunu wkoll maqsuma mal-ġirien tagħhom inkluża l-Unjoni Ewropea.
Għall-UE l-iżvilupp ta’ żona ta’ stabbiltà u prosperità imsejsa
fuq ir-responsabbiltà demokratika u l-istat tad-dritt fil-Magreb hu għan
ewlieni tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna u jistgħu jiġu
mtejba biss permezz ta’ approċċ reġjonali.
Iż-żewġ naħat tal-Mediterran huma f’pożizzjoni li
jaħsdu l-benefiċċji ta’ żieda fl-istabbiltà, swieq iktar
integrati, aktar kuntatti bejn in-nies u skambji intellettwali, ekonomiċi
u kulturali aktar fil-fond. F’dan il-kuntest, l-UE tista’ tappoġġa
numru ta’ inizjattivi fl-oqsma elenkati hawn taħt, timmobilizza strumenti
differenti, li jvarjaw minn djalogu politiku mtejjeb għal assistenza
teknika u proġetti speċifiċi. A. Ir-Riformi Demokratiċi 16. L-UE diġà qiegħda
tappoġġa r-riformi demokratiċi fl-Istati tal-Magreb u qed tqis
l-iżviluppi speċifiċi f’kull pajjiż ikkonċernat.
Flimkien ma’ dawn l-azzjonijiet, l-UE tista’: Ø tappoġġa
inizjattivi reġjonali u sottoreġjonali mmirati li jsaħħu
l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-netwerks biex
tippromwovi aktar involoviment fil-governanza demokratika, responsabbiltà u
djalogu politiku[7].
Dan jistà jsir billi timmobilizza l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u
Sħubija inkluż il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili
fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u
d-Drittijiet tal-Bniedem u l-programm tal-Atturi Mhux Statali u l-Awtoritajiet
Lokali. Dan jista’ jinkludi l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta’ inizjattivi
sottoreġjonali bħall-Forum Soċjali tal-Magreb, il-Forum
Sindikali Magrebin, in-netwerks tas-soċjetà ċivili, eċċ... Ø tappoġġa
aktar kooperazzjoni u skambji bejn il-parlamenti tal-Magreb u dawk fl-Istati
Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew; Ø tkompli
tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi sħab tal-Magreb biex
jimmodernizzaw is-sistemi tal-ġustizzja tagħhom inkluż
l-aċċess aħjar għall-ġustizzja, l-indipendenza
tal-ġudikatura u r-rispett tal-istat tad-dritt; Ø issaħħaħ
il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali fil-governanza lokali u
t-teħid tad-deċiżjoni u fl-għoti tas-servizz notevolment
fir-rigward tat-trasparenza, r-riformi deċentralizzati u l-għoti ta’
servizzi ta’ kwalità lill-popolazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-pari
tal-awtoritajiet lokali tal-UE; Ø tniedi
programm ġdid biex issaħħaħ ir-rwol tal-midja u l-kultura
fil-Magreb bħala aspetti kruċjali għad-demokratizzazzjoni,
l-appoġġ għal-libertà tal-espressjoni, u r-riżoluzzjoni
tal-kunflitti. Fost l-attivitajiet tiegħu, dan il-programm ikun jiffavorixxi
l-kooperazzjoni peer-to-peer fil-livell subreġjonali biex
jappoġġa l-proċess ta’ trasformazzjoni tal-midja tal-istat
f’midja orjentata lejn is-servizz pubbliku. B. It-Theddid Globali 17. Il-pajjiżi tal-Magreb
għandhom ir-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra
t-terroriżmu u t-traffikar illegali. Is-suċċess f’dan il-qasam
jiddependi fuq il-koordinazzjoni mill-qrib u konsegwentement l-UE
tappoġġa l-isforzi kollha biex jippromwovu l-kooperazzjoni aktar b’saħħitha
bejn il-pajjiżi tal-Magreb kollha f’dan ir-rigward. Kunflitti mhux solvuti
li ilhom għaddejjin, kif ukoll tensjonijiet li għadhom
għaddejjin li rriżultaw minn kunflitti aktar riċenti
jirrappreżentaw aktar theddid potenzjali għas-sigurtà u ostakoli għal
aktar integrazzjoni. Mill-perspettiva tal-UE l-instabbiltà fir-reġjun
tas-Saħara-Saħel tista’ thedded ukoll is-sigurtà proprja tagħha
u għalhekk hi wkoll teħtieġ li tapprofondixxi d-djalogu
tagħha billi żżid l-isforzi tagħha ta’ kooperazzjoni
mal-pajjiżi tar-reġjun. Barra minn hekk, l-isforzi biex jiġi
indirizzat it-traffikar illeċitu ta’ materjal kimiku, bijoloġiku,
radjoattiv u nukleari (CBRN) għandhom jiżdiedu. 18. F’dan il-kuntest, l-UE tista’: Ø tistabbilixxi
kuntatti regolari bejn l-Istat Maġġur tal-UE, iċ-Ċentru ta’
Analiżi tal-Intelliġenza tal-UE, il-Europol u l-awtoritajiet
kompetenti fil-pajjiżi tal-Magreb sabiex tiżgura skambji mtejba
tal-informazzjoni; Ø kif
xieraq, tipprovdi pariri tekniċi lill-awtoritajiet kompetenti
fil-pajjiżi tal-Magreb u lill-istrutturi attivi fil-ġlieda kontra
t-terroriżmu u t-traffikar; Ø tipparteċipa
f’attivitajiet dwar is-sigurtà fil-qafas tal-“5+5”, kif ukoll
tappoġġa l-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari meta dawn
jinkludu kontribuzzjonijiet ċivili u militari għall-ġestjoni
tal-ajru, tal-baħar u tal-fruntieri; Ø tappoġġa
l-iskejjel/iċ-ċentri ta’ taħriġ militari, tal-pulizija u
l-ġudikatura fl-istati tal-Magreb meta tkun qed tiżviluppa programmi
ta’ taħriġ miftuħa għal parteċipanti reġjonali u Afrikani
billi tipprovdi, kif xieraq, pariri tekniċi; Ø tappoġġa
l-miżuri ta’ bini tal-kapaċità, l-iskambji tekniċi u l-qsim
tal-aħjar prattika mal-UE biex tindirizza l-kundizzjonijiet li jwasslu
biex jinfirex it-terroriżmu u trawwem ir-reżiljenza tas-soċjetà
kontra l-inċitament, ir-reklutaġġ u r-radikalizzazzjoni vjolenti,
partikolarment taż-żgħażagħ; Ø tħaffef
l-isforzi fil-qafas taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-UE
għall-Inizjattivi ta’ Mitigazzjoni tar-Riskju tas-CBRN; Ø f’konformità
mal-Komunikazzjonijiet Konġunti mill-2011[8]
tappoġġa l-isforzi fir-riżoluzzjoni u r-rikonċiljazzjoni
tal-kunflitti b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ bini ta’
fiduċja, jekk tiġi mistiedna biex tagħmel dan minn dawk
ikkonċernati. C. L-Appoġġ
tal-Iżvilupp Ekonomiku Inklusiv 19. Il-problemi strutturali
tal-qgħad għoli, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni,
tat-taħriġ u tas-suq tax-xogħol dgħajfa, is-settur privat
dgħajjef, u l-livelli baxxi tal-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika
huma interkonnessi. Mingħajr settur privat kompetittiv, ftit se
jinħolqu impjiegi deċenti. Mingħajr sforzi għar-riforma
tal-politika tal-edukazzjoni u tax-xogħol, is-settur privat mhux se jkun
jista’ jikber, u mingħajr ekonomiji miftuħa u integrati,
il-kompetizzjoni se tibqa’ limitata, is-swieq jibqgħu mhux sfruttati, u
l-investiment meħtieġ biex jinħolqu l-impjiegi mhux se jkun
disponibbli[9]. L-isfida tal-impjiegi 20. L-edukazzjoni u
t-taħriġ huma fatturi ewlenin fil-kuntest tal-ħolqien
tal-impjiegi u l-impjegabbiltà. Fil-Magreb, is-sistemi edukattivi nazzjonali
jeħtieġu li jżidu aktar l-attenzjoni tagħhom fuq
l-impjegabbiltà, filwaqt li jippromwovu b’mod partikolari l-edukazzjoni u
t-taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja (ETV) u
ż-żieda fl-użu ta’ opportunitajiet bħal dawn. Fl-istess
waqt il-proċess ta’ modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni
ogħla jeħtieġ li jkompli jikkonċentra fuq it-titjib
tal-kwalità u r-rilevanza tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq
tax-xogħol. B’mod parallel, il-miżuri tas-suq tax-xogħol fuq
in-naħa tad-domanda għandhom jiġu kkumplimentati minn djalogu
soċjali effettiv. 21. Il-politiki tal-edukazzjoni u
l-impjiegi nazzjonali jistgħu jiġu kkomplimentati b’mod utli minn
inizjattivi reġjonali. F’dan ir-rigward l-UE tista’: Ø tappoġġa
l-ħolqien ta’ netwerks mifruxa mal-Magreb fost l-imsieħba rilevanti
tal-edukazzjoni/impjiegi (istituzzjonijiet edukattivi, u l-imsieħba
soċjali); Ø tassisti
fit-tisħiħ tal-iskambji tekniċi dwar kwistjonijiet tal-ETV u ta’
impjiegi fir-reġjun tal-Magreb, inklużi s-servizzi tal-impjiegi
pubbliċi; Ø tesplora
l-possibbiltà ta’ skambji tekniċi f’format tal-Magreb fuq it-temi
magħżula fi ħdan il-kuntest tal-Qafas tal-Marrakexx
għall-Azzjonijiet li jiffukaw fuq l-impjiegi, l-impjegabbiltà u
x-xogħol deċenti; Ø tkompli
tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja
fil-pajjiżi tal-Magreb permezz ta’ Tempus, Erasmus MUNDUS u l-programmi
suċċessuri tagħhom. Dawn l-għodod se jkomplu jintużaw
biex tiġi appoġġata l-konverġenza volontarja tas-sistemi
tal-edukazzjoni għolja tal-pajjiżi msieħba mal-iżviluppi
fl-UE skont il-qafas tal-proċess ta’ Bolonja. L-iżvilupp tas-settur privat 22. Rappreżentanti tas-settur
privat fil-Magreb identifikaw l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kwalità
tal-produzzjoni, l-aċċess għall-finanzi, l-aċċess
għas-swieq (kemm ġewwa u kemm barra r-reġjun), l-iżvilupp
rurali u l-iżvilupp tas-settur agroalimentari, u l-iktar importanti
t-trasparenza tar-regolamenti u sigurtà legali bħala rekwiżiti
prinċipali għall-iżvilupp tas-settur privat. 23. Il-gvernijiet
jeħtieġu li joħolqu spazju għall-iżvilupp
tal-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-SMEs, jiżguraw kundizzjonijiet indaqs
għall-operaturi kollha, u jnaqsu l-ineffiċjenza u l-korruzzjoni fi
ħdan l-amministrazzjoni pubblika. Aċċess ġust u
sempliċi għas-suq tal-akkwisti pubbliċi hu ta’ importanza
partikolari f’dan ir-rigward. Netwerks ta’ imprendituri, kmamar
tal-kummerċ, u partijiet oħra interessati jistgħu jipprovdu
opportunitajiet għall-appoġġ bejn il-pari iżda wkoll
mekkaniżmi biex jidentifikaw il-klijenti u l-fornituri. Żona li
ħaqqa attenzjoni partikolari hi l-promozzjoni tal-intraprenditorija
tan-nisa. 24. Il-pajjiżi tal-Magreb se
jkunu sħab tal-UE ewlenin fil-Programm Qafas għar-Riċerka
l-ġdid “Horizon 2020” li jinvolvi dimensjoni ta’ kooperazzjoni
internazzjonali b’saħħitha. Huma se jkunu involuti fl-elaborazzjoni
ta’ Aġenda Komuni tar-Riċerka u l-Innvovazzjoni bejn l-UE u
l-Pajjiżi Sħab tal-Mediterran. Il-pajjiżi tal-Magreb se
jiżviluppaw sħubiji mal-UE permezz tad-djalogi ta’ politika
tax-xjenza, inizjattivi konġunti tar-riċerka li jindirizzaw l-isfidi
soċjali komuni relatati mal-ilma, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa,
l-ambjent, l-enerġija, kif ukoll permezz tal-bini tal-kapaċità
għar-riċerka u l-innovazzjoni. 25. Billi tibni fuq l-isforzi ta’
assistenza eżistenti tagħha fir-reġjun
għall-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur privat l-UE tista’: Ø tappoġġa
n-netwerking bejn in-nies tan-negozju tal-Magreb inkluż permezz
tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u tal-ħolqien ta’ avvenimenti; Ø tappoġġa
l-istabbiliment ta’ netwerk li tipprovdi pariri lil intrapriżi tal-Magreb
li jkunu qed jippjanaw li jinvestu f’pajjiżi oħra tal-Magreb (l-iżvilupp
ta’ pjanijiet ta’ negozju, l-għarfien tal-leġiżlazzjoni lokali
eċċ.); Ø tappoġġa
b’mod tekniku lill-banek tal-Magreb li jixtiequ jestendu l-operazzjonijiet
tagħhom madwar ir-reġjun (eż. sistemi ta’ ħlas); Ø tappoġġa
lill-pajjiżi msieħba permezz tal-Programm Ewropew tal-Viċinat
il-ġdid għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (PEVAŻR),
fl-adozzjoni ta’ politiki għal tkabbir aktar b’saħħtu u inklusiv
fiż-żoni rurali u fis-settur agroalimentari; Ø tippromwovi
lill-intraprenditorjat femminili inkluż permezz ta’ mentoring,
faċilitar tal-aċċess għall-finanzi u l-appoġġ
tal-assistenza pubblika għal impriżi li jkunu għadhom qed
jibdew; Ø tipprovdi
taħriġ fuq il-post tax-xogħol f’intrapriżi żgħar
u ta’ daqs medju (SMEs) f’pajjiżi oħra sħab għal
professjonisti żgħażagħ/intraprendituri ġodda li
għandhom l-għan li jistabbilixxu l-kumpanija tagħhom, sabiex
tiffaċilita s-suċċess tal-intrapriżi li jkunu għadhom
qed jibdew u l-iżvilupp ta’ ideat kummerċjali, u tibni
l-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi ta’ appoġġ tan-negozju; Ø wara
d-deċiżjoni li żżid il-kapaċità ta’ self tal-Bank
Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u
l-Iżvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħra, iktar
għajnuna tista’ tkun disponibbli għall-appoġġ
tal-iżvilupp tal-SMEs. F’dan il-qasam tista’ ssir aktar kooperazzjoni
mal-Bank tal-Iżvilupp tal-Magreb futur; Ø testendi
n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, li hu diġà preżenti
fir-reġjun, biex jinkludi dawk il-pajjiżi msieħba li
għadhom mhumiex koperti minnha[10]
u jiġu integrati n-netwerks tal-intrapriżi l-oħra
fil-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni Ewropea; 26. Il-kultura għandha
kontribut partikolarment importanti x’tofri għall-iżvilupp
sostenibbli uman, soċjali u ekonomiku. Fir-reġjun tal-Magreb, l-UE tista’: Ø tappoġġa
l-iżvilupp tal-qasam kulturali bħala mezz għall-iżvilupp
sostenibbli tar-reġjun, permezz tar-riforma tal-politika kulturali u
t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-politika kulturali u
l-appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment, tas-settur privat u
tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tan-negozju tal-operaturi kulturali,
speċjalment fuq livell tal-Magreb. Il-kummerċ 27. L-integrazzjoni
tal-kummerċ reġjonali aktar b’saħħtu fost il-pajjiżi
tal-Magreb, flimkien mat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles
profondi u komprensivi bejn l-imsieħba tal-Magreb u l-UE, jkun ta’
ġid reċiproku. Il-kumpaniji u l-investituri tal-UE jistgħu
jibbenefikaw minn aktar żvilupp u integrazzjoni tas-suq, li jwasslu mhux
biss għall-ftuħ ta’ swieq tal-esportazzjoni akbar, iżda wkoll
jintegraw ir-reġjun fin-netwerks tal-produzzjoni tagħhom.
It-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ, il-ftuħ
tal-fruntieri (inkluż il-fruntiera ta’ bejn l-Alġerija u l-Marokk) u
l-integrazzjoni tar-reġjun fil-katini tal-forniment globali u n-netwerks
tal-produzzjoni, jistgħu jirrilaxxaw potenzjal ekonomiku konsiderevoli.
Madankollu, dawn l-iżviluppi jiddependu fuq ir-rieda politika
tal-pajjiżi msieħba. 28. Sabiex tinkoraġġixxi
kummerċ u integrazzjoni ekonomika aktar fil-fond fil-Magreb, l-UE iffokat
l-appoġġ tagħha fuq integrazzjoni kummerċjali
nofsinhar-nofsinhar diversifikata u msaħħa kif ukoll fuq
il-promozzjoni tal-investiment. Fuq il-livell bilaterali, l-UE sa issa ffokat
l-isforzi fuq dawk il-pajjiżi li għad iridu jaderixxu mad-WTO
(l-Alġerija u l-Libja), u fuq it-tmexxija lejn l-istabbiliment ta’
żoni ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi (il-Marokk u
t-Tuneżija). Finalment, it-twaqqif ta’ netwerk ta’ ftehimiet bħal
dawn bejn l-UE u l-Magreb, u wkoll fost is-sħab infushom tal-Magreb, ikun
jikkontribwixxi għat-twettiq tal-viżjoni ta’ komunità ekonomika bejn
l-UE u l-imsieħba tagħha tal-PEV. 29. Billi tibni fuq
ir-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti bejn l-UE u l-pajjizi
tal-Magreb, l-UE tista’: Ø tappoġġa
aktar l-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ produzzjoni reġjonali billi tisfrutta,
u bis-sensibilizzazzjoni, tal-possibbiltajiet għal akkumulazzjoni ta’
oriġini fost il-membri taż-Żona Pan-Ewro-Mediterranja flimkien
mal-promozzjoni ta’ regoli ġodda mistennija adattati
għall-esportaturi (ta’ importanza partikolari għall-industriji tat-tessuti,
iżda wkoll rilevanti għal industriji ta’ valur miżjud
ogħla); Ø tkompli
l-għoti ta’ appoġġ u għarfien espert tagħha biex
takkumpanja l-proċessi ta’ integrazzjoni kummerċjali u ekonomika
fil-qafas tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi u l-Ftehim ta’ Agadir; Ø tappoġġa
inizjattivi fost l-imsieħba tal-Magreb biex titqajjem kuxjenza
tal-kundizzjonijiet kummerċjali u tal-investiment, pereżempju permezz
tal-Mekkaniżmu ta’ Faċilità ta’ Kummerċ u Investiment
Ewro-Mediterranju, biex jonqsu l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ,
u biex jitjiebu u jiġu aġġornati l-proċeduri u
l-faċilitajiet doganali biex jitrawwem il-kummerċ
intrareġjonali; Ø tiffaċilita
l-kummerċ ta’ prodotti industrijali billi tiffinalizza preparazzjonijiet
għall-bidu ta’ negozjati ta’ Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u
l-Aċċettazzjoni (FVKA) ma’ kull wieħed mill-pajjiżi
tal-Magreb; Ø ittejjeb
il-kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju tal-Magreb sabiex tippermetti
lin-negozju jwassal aħjar l-interessi u t-tħassib tiegħu
fir-rigward tal-inizjattivi kummerċjali u tal-investiment fir-reġjun.
L-istabbiliment ta’ forum tan-negozju tal-Magreb u tal-UE jista’ jkun l-ewwel
pass f’dan ir-rigward. D. Is-Setturi tal-Infrastruttura
u tan-Netwerk 30. Sabiex l-integrazzjoni
kummerċjali u ekonomika reġjonali tkun effettiva, rabtiet
infrastrutturali reġjonali u loġistika huma meħtieġa, kif
ukoll ambjent favorevoli għall-kummerċjanti. L-inizjattivi
infrastrutturali jeħtieġu li jsiru flimkien ma’ riformi mmirati li
jippromovu l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, sistema regolatorja
aħjar u aktar ġusta kif ukoll il-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni
tas-setturi tas-servizzi reġjonali (is-servizzi tat-trasport u
tat-telekomunikazzjoni, eċċ …). It-trasport 31. Fil-qasam tat-trasport,
l-iżvilupp tan-netwerk Trans-Magreb jibqa’ prijorità. Dan in-netwerk se
jagħmel parti min-Netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju tal-futur
żviluppat fi ħdan il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (EuroMed). Dan
se jikkostitwixxi l-istruttura ewlenija meħtieġa għall-iżvilupp
tal-kummerċ intra-reġjonali u se jipprovdi lill-operaturi
ekonomiċi u liċ-ċittadini fuq iż-żewġt ixtut
tal-Mediterran b’konnessjonijiet multipli. Il-ftuħ tal-fruntiera tal-art
bejn l-Alġerija u l-Marokk tkun kruċjali biex jitlestew it-toroq
Trans-Magreb u b’hekk jiġu żviluppati l-kummerċ u l-kuntatti
bejn in-nies. 32. Sabiex jitħaffef
il-progress fl-iżvilupp tan-netwerks tat-trasport, sforzi kkoordinati ta’
netwerks u strutturi reġjonali u subreġjonali bħall-EuroMed,
il-Grupp tal-Ministri tat-Trasport tal-Mediterran tal-Punent (GTMO 5+5), l-UMA,
l-UaM kif ukoll tal-istituzzjonijiet finanzjarji huma indispensabbli. 33. Fis-settur tal-avjazzjoni,
l-integrazzjoni akbar mal-ġirien tal-UE qed tiġi żviluppata
bl-għan li jinħoloq Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni.
L-offerta biex jinħoloq spazju tal-ajru Mediterranju komuni hi indirizzata
wkoll lejn il-pajjiżi tal-Maghreb. 34. L-UE tista’: Ø tappoġġa
t-tħejjija ta’ studji u proġetti bankabbli kif ukoll ta’ programmi
ta’ assistenza teknika u tippromwovi l-koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn
l-atturi rilevanti rigward l-iżvilupp tan-Netwerk Trans-Magreb, ir-rabtiet
marittimi UE-Magreb u l-ispazju tal-ajru Mediterranju komuni; Ø tippromwovi
l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet bil-baħar skont il-kunċett
tal-“Awtostradi tal-Baħar” sabiex ittejjeb aktar il-konnessjonijiet
tat-trasport bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb u fi ħdan
ir-reġjun tal-Magreb innifsu permezz ta’ konnessjoni aħjar
tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew u n-netwerks Trans-Magreb; Ø tiżviluppa
l-ECAA permezz ta’ negozjati ta’ ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru ma’ xi
pajjiżi tal-Magreb kif diġà kien il-każ mal-Marokk; Ø tkompli
tuża l-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat biex timmobilizza
finanzjament addizzjonali biex jiġu koperti l-bżonnijiet ta’
investiment reġjonali relatati mal-infrastruttura tat-trasport b’mod
partikolari billi timmobilizza l-assistenza teknika u l-finanzjament biex
jitlestew il-konnessjonijiet neqsin tal-awtostradi Trans-Magreb, notevolment
il-punti tal-qsim tal-fruntiera; Ø tkompli
tappoġġa l-użu, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ Sistemi
Intelliġenti tat-Trasport interoperabbli; Ø tinkoraġġixxi
l-aġenziji Ewropej involuti fit-trasport, kif diġà hu l-każ
għall-avjazzjoni, fi ħdan il-mandati tagħhom, biex tipprovdi
appoġġ tekniku, inkluż permezz ta’ aktar skambju ta’ esperjenza
bejn il-pajjiżi tal-Magreb. Is-setturi tas-Soċjetà
tal-Informazzjoni/tan-Netwerk 35. Minkejja l-użu mifrux ta’
għodod ta’ informazzjoni popolari matul ir-revoluzzjonijiet Għarbin,
il-Magreb hu reġjun fejn l-aċċess għall-internet xorta
għadu jvarja minn 5.5% għal 34% fil-Libja/it-Tuneżija (li
għadu baxx skont standards internazzjonali). Nuqqas fl-infrastrutturi
tal-ICT u l-oqfsa regolatorji jfixkel lill-pajjiżi milli jaħsdu
bis-sħiħ il-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni u
l-potenzjal tal-produttività tal-ICT. Barra minn hekk, dewmien
fil-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni jista’ joħloq
ostakli serji għal aktar integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali. 36. L-UE tista’: Ø tipprovdi
assistenza teknika mmirata lejn il-ħtiġijiet speċifiċi
tal-Magreb fil-qasam tal-approssimazzjoni regolatorja permezz ta’ skambji
tal-aħjar prattiki; Ø tappoġġa
l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-UE u tal-Magreb; Ø tappoġġa
studji dwar l-impatt ekonomiku u legali tar-reviżjoni tal-qafas regolatorju
minn perspettiva nazzjonali u reġjonali għall-komunikazzjonijiet
elettroniċi u n-negozju elettroniku; Ø tikkunsidra azzjonijiet immirati għat-titjib tal-konnettività
reġjonali u ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċità
tal-komunità tar-riċerka u l-iżvilupp u l-użu ta’ infrastruttura
elettronika reġjonali. L-enerġija 37. L-UE u l-Magreb huma
msieħba antiki fis-settur tal-enerġija (il-kummerċ u l-pajpijiet
taż-żejt u tal-gass, l-iżvilupp ta’ idrokarburi pereżempju
fl-Alġerija u l-Libja, l-interkonnessjoni sinkronika tal-elettriku,
il-flussi tal-elettriku lejn il-Marokk). Permezz ta’ ħolqien ibbażat
fuq din il-kooperazzjoni, issa hemm prospett reali biex tiġi
żviluppata żona tal-enerġija integrata permezz ta’ sħubija
aktar fil-fond li tibda bl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza
tal-enerġija mtejba u l-iżvilupp ta’ suq tal-elettriku integrat, li
tibbenefika kemm lill-Magreb u kemm lill-UE. Żona bħal din tista’
tikkontribwixxi lejn l-għanijiet ġenerali ta’ għoti ta’ spinta
lill-kummerċ intra-Magreb u UE-Magreb/Mediterran. Din tista’ wkoll
tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE stess f’termini ta’
żvilupp tal-enerġija rinnovabbli wara l-2020[11]. Investimenti fuq skala kbira
fl-enerġija rinnovabbli inkluż fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’
riżerva tal-elettriku mifruxa mal-Magreb iżżid ukoll is-sigurtà
tal-enerġija. B’riżultat, investimenti bħal dawn jgħinu
għall-ħolqien ta’ aktar xogħol ġdid, fost oħrajn billi
jiżviluppaw industriji lokali dwar l-enerġija rinnovabbli,
ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kompetittività internazzjonali, il-kwalità
tal-arja u s-saħħa. Dawn jikkontribwixxu wkoll għall-isforzi
biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u l-implimentazzjoni ta’
strateġiji għall-iżvilupp b'emmissjonijiet baxxi. Suq tal-enerġija
tal-Magreb, dejjem aktar fornit minn sorsi li jiġġeddu, jkun
jirriżulta b’mod progressiv fi tnaqqis tal-prezz tal-importazzjoni
għall-importaturi tal-enerġija u joħloq flessibbiltà
addizzjonali għall-produtturi tal-idrokarburi biex jagħmlu użu
mir-riservi tagħhom. 38. Il-Magreb bħala
subreġjun jista’ jirriżulta bħala minn ta’ quddiem
fiż-żona tal-Mediterran filwaqt li tinżamm konsitenza
mal-approċi usa’ (eż. l-Unjoni għall-Mediterran, il-Pjan Solari
Mediterranju eċċ…). F’dan il-kuntest, jistgħu jkunu previsti
għadd ta’ passi konkreti lejn l-iżvilupp ta’ żona tal-elettriku
fil-Mediterran tal-Punent sal-2020-2025: Ø fuq
il-bażi ta’ sett ta’ regoli tekniċi komuni, strutturi ta’
kooperazzjoni reġjonali (MEDREG għar-regolaturi u MED-TSO
għall-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni) huma lesti biex jassistu
iktar fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-netwerk komuni li jistgħu
jintużaw bħala proġett pilota fil-Magreb; Ø għandhom
jiġu definiti passi gradwali lejn l-integrazzjoni tas-suq – ibbażati
b’mod partikolari fuq il-pjan direzzjonali tal-Algiers. Dan jinkludi elementi
bħal: l-allokazzjoni ta’ kapaċità bilaterali bbażata fuq
prinċipji komuni sal-2014, l-allokazzjoni kkoordinata ta’ kapaċità
sal-2016, l-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-kummerċ reġjonali
tal-elettriku sal-2016-2020, eċċ...; Ø jista’
jiġi pprovdut appoġġ imsaħħaħ għar-riformi
fis-settur tal-enerġija, inkluż għall-kooperazzjoni
reġjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali (eż. it-twaqqif ta’
regolaturi tal-enerġija fil-Marokk u fit-Tuneżija sal-2014, fil-Libja
sal-2016 u Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni funzjonali u
indipendenti fil-pajjiżi tal-Magreb sal-2015, eċċ.); Ø għandha
tiżdied il-kooperazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli u
l-effiċjenza tal-enerġija inkluż permezz tal-involviment aktar
mill-qrib ta’ pajjiżi sħab fid-diskussjonijiet ta’ politika u
l-istrumenti dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-UE. Dan għandu jkompli
fuq operazzjonijiet ta’ appoġġ eżistenti permezz
tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (FIV) u l-istituzzjonijiet
tal-finanzi u l-iżvilupp Ewropej permezz tal-għoti tal-fondi, l-assistenza
teknika u l-operazzjonijiet tal-kapital tar-riskju. Jistgħu jiġu
mnedija sejħiet konġunti għall-proġetti ta’ innovazzjoni.
Jistgħu jiġu miftiehma prinċipji għall-investiment u
l-kummerċ fl-enerġija rinnovabbli; Ø fil-każ
tal-Mawritanja, bħal fil-każ tal-pajjiżi Sub-Saħarjani
l-oħra, l-Inizjattiva Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd (SE4ALL)
tista’ tintuża biex tappoġġa l-kooperazzjoni dwar
l-enerġija permezz tal-istrumenti finanzjarji xierqa. 39 Il-prospetti tal-elettriku
fir-reġjun għall-2020 jeħtieġu investimenti sinifikanti
fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni (prinċipalment konvenzjonali
iżda b’sehem dejjem akbar tal-enerġiji rinnovabbli) u
l-infrastrutturi tan-netwerk. Billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għal
flussi tal-elettriku fir-reġjun il-każ għat-tlestija
taċ-ċirkwit tal-elettriku fil-Mediterran tal-Punent fuq
żewġ passaġġi (l-Alġerija-il-Marokk-Spanja-Franza u
l-Alġerija/il-Libja-it-Tuneżija-l-Italja) hu msaħħaħ. 40 Filwaqt li jeżistu
diġà studji tekniċi dwar il-vijabbiltà, il-mudell regolatorju u
finanzjarju għal interkonnessjonijiet ġodda jkun jirrikjedi
attenzjoni speċifika u probabbilment qafas legali speċifiku (ftehim
intergovernattiv). Approċċ tal-passaġġi hu
bżonjuż u se jkunu meħtieġa attivitajiet konsiderevoli ta’
koordinazzjoni. Konsegwentement l-UE tipproponi li taħtar Koordinatur
Speċjali bi ftehim komuni mal-pajjiżi kkonċernati. 41. Barra minn hekk: Ø sabiex
tinżamm l-ispinta l-ġdida pprovduta mil-laqgħa Ministerjali dwar
l-Enerġija fl-Algiers ta’ Ġunju 2010, hu propost li jissejjaħ Kunsill
dwar l-Enerġija UE-Magreb annwali, fejn li jmiss iseħħ fl-ewwel
semestru tal-2013; Ø l-UE
tipproponi li tniedi djalogu tekniku fil-fond mal-partijiet interessati kollha
biex jiġu diskussi l-passi suċċessivi kollha lejn
l-integrazzjoni tas-suq. Forum dwar l-Elettriku, simili għall-Forum ta’
Firenze fl-UE, jista’ jiġi organizzat fl-2013; Ø xogħol
tekniku dwar l-integrazzjoni reġjonali qed iseħħ minn
istituzzjonijiet reġjonali bħall-MEDREG u l-MED-TSO. Dan jista’
jiġi kkomplementat u appoġġat minn proġett tal-assistenza
teknika speċifiku li jibda fl-2013 (organizzazzjoni u preparazzjoni ta’
inputs għall-forum tal-elettriku, is-sostenn għax-xogħol
tekniku, kompiti speċifiċi għall-MEDREG u l-MED-TSO dwar
il-Magreb, appoġġ loġistiku għal laqgħat Ministerjali annwali,
eċċ).
E. L-Ambjent, it-Tibdil
fil-Klima, il-Protezzjoni Ċivili, L-ambjent u t-tibdil fil-klima 42. L-UE diġà qiegħda
tappoġġa l-pajjiżi tal-Magreb u l-imsieħba l-oħra
tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex tissaħħaħ il-protezzjoni
tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ numru ta’
miżuri bilaterali kif ukoll permezz tal-inizjattiva Horizon 2020 dwar
it-tnaqqis tat-tniġġis fil-Baħar Mediterran. 43. Fuq livell tal-Magreb, l-UE
tista’: Ø skont
is-Samit Rio+20, tiżviluppa aktar attivitajiet dwar l-Ekonomija
Ekoloġika mal-Magreb, pereżempju bit-tisħiħ ta’ komponent
subreġjonali jew transnazzjonali tal-proġett iffinanzjat mill-UE
eżistenti dwar mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli; Ø tkompli
tuża l-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat sabiex jiġi
mmobilizzat finanzjament addizzjonali biex jiġu koperti l-bżonnijiet
ta’ investiment tar-reġjun biex jindirizza t-tibdil fil-klima u
jiżviluppa proġetti ta’ infrastruttura relatati mal-ambjent; Ø bl-appoġġ
tas-Segretarjat tal-UaM, IFIs rilevanti u l-involviment ta’ pajjiżi
tal-Magreb, timpenja ruħha aktar fl-implimentazzjoni ta’ proġetti
tal-investiment transnazzjonali jew subreġjonali, jew proġetti
nazzjonali li jaqgħu fi ħdan l-oqfsa jew l-inizjattivi miftiehma,
b’mod partikolari l-Inizjattiva Horizon 2020 għat-tnaqqis
tat-tniġġis tal-Mediterran; Ø fil-qafas
tal-Politika Marittima Integrata fil-Mediterran, il-pajjiżi tal-Magreb
jistgħu jkomplu jiġu mħeġġa jiżviluppaw
inizjattivi subreġjonali jew transnazzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet
transversali relatati mal-baħar bħas-sorveljanza u s-sigurtà
marittimi, l-awtostradi marittimi, l-għarfien dwar l-ibħra jew
l-ippjanar spazjali biex tisfrutta l-potenzjal għat-“tkabbir blu”; Ø issaħħaħ
il-kooperazzjoni fil-preservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar
bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb b’mod partikolari fi ħdan il-qafas
tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-Kummissjoni
Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku. Din
il-kooperazzjoni tista’ tiffaċilita l-użu ta’ mezzi xjentifiċi
sabiex issir evalwazzjoni aħjar tal-ammonti u jkunu ġestiti
r-riżorsi b’mod sostenibbli; Ø tappoġġa
lis-sħab tal-Magreb biex issaħħu l-kapaċità li jfasslu u
jimplimentaw il-politiki u l-istrateġiji dwar it-tibdil fil-klima,
jiġi appoġġat l-iżvilupp b’emissjonijiet baxxi
tal-karbonju, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-klima u jittejjeb
l-aċċess għall-informazzjoni; Ø fil-kuntest
tat-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn l-UE u n-Nofsinhar
tal-Mediterran dwar it-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi
l-iżvilupp ta’ proġetti pilota f’pajjiżi interessati li
jittestjaw l-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ Mekkaniżmu Ġdid
tas-Suq kif miftiehem fil-kuntest tan-negozjati tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU
dwar it-Tibdil fil-Klima f’Durban. Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha
permezz tas-Sħubija tal-Bank Dinji għad-Disponibbiltà tas-Suq u
l-Faċilità ta’ Sħubija għall-Karbonju biex tgħin
fit-tħejjija għal dan. Dawn u inizjattivi simili jistgħu, basta
li l-kondizzjonijiet ikunu tajbin, iwasslu għal ftehimiet bilaterali
mal-pajjiżi tal-Magreb li jippermettu l-użu ta’ krediti settorjali
maqlugħa minn fuq “azzjoni proprja” sostanzjali fis-settur
tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-għan ikun li jiġi
appoġġat l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u
l-effiċjenza tal-enerġija, u biex jittaffa l-impatt tal-karbonju
fis-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tibda konsultazzjonijiet ma’
pajjiżi terzi msieħba dwar prospetti bħal dawn. Jekk
il-kundizzjonijiet ikunu tajbin, ikun hemm kapaċità ta’ assorbiment
biżżejjed għall-krediti u l-imsieħba tagħna jkunu
interessati, f’dak il-każ il-Kummissjoni tħejji t-talbiet għal
mandati ta’ negozjar.
Il-Protezzjoni Ċivili 44. Ir-reġjun tal-Magreb hu
partikolarment vulnerabbli għal diżastri naturali u dawk
ikkawżati mill-bniedem li jistgħu jimminaw b’mod sejru l-isforzi
tar-reġjun lejn l-iżvilupp sostenibbli. Minħabba
l-viċinanza tagħhom, u l-vulnerabbiltà komuni għall-impatti
relatati mal-klima, il-pajjiżi tal-Magreb għandhom ħafna x’jiggwadanjaw
minn strateġiji ta’ żvilupp reżiljenti għall-klima u minn
kooperazzjoni mill-qrib fil-livell reġjonali u mal-UE billi
d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem ma jiqfux
fil-fruntieri. Il-protezzjoni ċivili hi strument ewlieni biex tinbena
l-kooperazzjoni tajba u tiġi promossa s-solidarjetà bejn il-pajjiżi. 45. Filwaqt li Atlas tar-Riskji u
netwerk effettiv ta’ korrispondenti nazzjonali għall-protezzjoni
ċivili jeżistu għar-reġjun tal-Mediterran, il-Magreb jista’
jibbenefika minn kooperazzjoni msaħħa biex iżid il-kapaċità
tiegħu għall-prevenzjoni, l-adattament, it-tħejjija u r-rispons
għad-diżastri u jikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika,
soċjali u politika fir-reġjun.
Billi tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti f’dan il-qasam (inkluż
il-Programm għall-Prevenzjoni, it-Tħejjija u r-Rispons
għad-Diżastri Naturali u dawk Ikkawżati mill-Bniedem
fin-Nofsinhar) l-UE tista’: Ø tippromwovi
l-iżvilupp ta’ approċċ reġjonali għall-ġestjoni
tad-diżastri bbażata fuq il-prevenzjoni u t-tħejjija aktar milli
fuq ir-rispons, mal-partijiet interessati ewlenin kollha; Ø tippromwovi
kooperazzjoni interreġjonali msaħħa fil-Magreb permezz
tan-netwerk tal-korrispondenti nazzjonali għall-protezzjoni ċivili
sabiex tiżgura rispons ikkoordinat għad-diżastri; Ø tgħin
fl-iżvilupp tal-Atlas tar-Riskji għal riskji mhux koperti fl-ewwel
verżjoni u li jistgħu jaffettwaw lir-reġjun tal-Magreb b’mod
partikolari; Ø tassisti
fl-analiżi taż-żieda ta’ riskji kkawżati mill-klima u
f’azzjonijiet rispettivi ta’ prevenzjoni u adattament; Ø tassisti
fil-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni u
t-tħejjija għad-diżastri u tipprovdi assistenza teknika
għall-iżvilupp ta’ inizjattivi bħall-istabbiliment ta’
pjattaformi nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri u ta’
strateġiji għall-protezzjoni ċivili biex isaħħu l-kapaċitajiet
fil-pajjiż u l-istrutturi għall-prevenzjoni ad hoc. F. Il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà 46. Il-migrazzjoni u l-mobbiltà
għandhom rwol ewlieni fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi
tal-Magreb. Iż-żewġ naħat qed jiffaċċjaw sfidi
sinifikanti u, sa ċertu punt, simili f’dan il-qasam. It-tnejn li huma
għandhom interess komuni fil-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni
legali, fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari inkluż
it-traffikar tal-bnedmin, il-promozzjoni aħjar tal-protezzjoni
internazzjonali fir-reġjun u li jiġi mmassimizzat l-impatt
tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp. 47. Fi ħdan il-qafas
tal-Approċċ Globali tagħha għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà
l-UE hi impenjata li ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet
ta’ migrazzjoni, u ttejjeb il-mobbiltà taċ-ċittadini f’ambjent sigur.
Fuq dik il-bażi, l-UE offriet li tidħol fi djalogi dwar
il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u s-Sigurtà ma wħud mill-pajjiżi
tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 2011[12], bl-intenzjoni li
ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ kull wieħed
minnhom skont il-bżonnijiet, ir-rieda u l-kapaċità tagħhom li
jidħlu għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Bħala riżultat,
djalogi bħal dawn ġew uffiċjalment imnedija mal-Marokk u
t-Tuneżija bil-għan li jiġu konklużi Sħubiji
għall-Mobbiltà fil-ġejjieni qrib. 48. Minbarra dan, hemm ukoll lok
konsiderevoli biex jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE
għall-kooperazzjoni tal-Magreb intrareġjonali u l-kooperazzjoni
Magreb-Afrika Sub-Saħarjana fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobbiltà. Aktar
speċifikament l-UE tista’: Ø tagħmel
aktar sforzi lejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet
ministerjali eżistenti u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni
u l-iżvilupp bejn l-atturi rilevanti kollha, notevolment il-Proċess
ta’ Migrazzjoni u Żvilupp Ewro-Afrikan (il-“Proċess ta’ Rabat”) u
s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u
l-Impjiegi; Ø tappoġġa
l-iskemi tal-migrazzjoni legali fost il-pajjiżi tal-Magreb kif ukoll bejn
dawn tal-aħħar u l-istati Sub-Saħarjani; Ø tagħmel
użu aktar sistematiku tal-opportunitajiet biex tittejjeb il-mobbiltà
offruti mill-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi, inkluż għal
kategoriji bħaż-żgħażagħ, l-istudenti jew
is-soċjetà ċivili; iżżid l-għarfien permezz ta’
skambji ta’ informazzjoni dwar ir-reġimi tal-viżi eżistenti; Ø issir
promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sorveljanza
tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni rregolari fir-reġjun
tal-Magreb u tas-Sub-Saħara inkluż permezz tal-qsim tal-informazzjoni
fil-livell reġjonali, l-analiżi tar-riskju komuni, il-ġestjoni u
s-sorveljanza konġunti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni tal-pulizija
inkluż dwar it-traffikar tal-bnedmin u d-drogi; Ø tippromwovi
l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun fi kwistjonijiet ta’
riammissjoni, kemm dwar ir-riammissjoni fost il-pajjiżi tal-Magreb kif
ukoll minn pajjiżi tal-Magreb lejn il-pajjiżi tas-Sub-Saħara
fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-migranti; Ø tkompli
tassisti lill-pajjiżi tal-Magreb fil-qasam tal-ażil u l-protezzjoni
internazzjonali, permezz ta’ miżuri ta’ bini tal-kapaċità skont
il-Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali tal-Afrika tat-Tramuntana, jew billi
tikkunsidra l-għażliet possibbli ta’ risistemazzjoni; Ø kif
xieraq, tipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-assistenza u l-protezzjoni
konsulari tal-UE, kif ukoll tiżviluppa għarfien komuni f’dan il-qasam
li hu dejjem iktar importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE u kemm
għall-pajjizi tal-Magreb.
Konklużjoni 49. Il-proposti stipulati hawn fuq
juru l-appoġġ tal-UE għal, kif ukoll l-interess dirett
fl-integrazzjoni aktar mill-qrib fil-Magreb. Il-progress fl-integrazzjoni jkun
jiddependi l-ewwel u qabel kollox fuq l-isforzi domestiċi tal-pajjiżi
msieħba. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u
l-pajjiżi tal-Magreb jista’ jappoġġa dan l-għan – anke jekk
indirettament – permezz ta’ konverġenza akbar tan-normi, regolamenti u
politiki. Madankollu hemm bżonn ta’ sforzi fuq livell tal-Magreb biex
tinħoloq spinta reali f’dan il-qasam. 50. Il-Kummissjoni Ewropea u
r-Rappreżentant Għoli huma ħerqana biex jiddiskutu dawn
il-proposti mal-Istati Membri tal-UE u istituzzjonijiet oħra tal-UE sabiex
jiżguraw approċċ konġunt. Huma se jikkonsultaw dwarhom
ukoll ma’ dawk interessati Ewropej u tal-Magreb, inkluż
ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. 51. Il-Kummissjoni Ewropea u
r-Rappreżentant Għoli jipproponu t-tnedija ta’ djalogu ta’ livell
għoli bejn l-UE u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi dwar dawn il-proposti.
Huma jistiednu l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, bħall-Parlament
Ewropew, biex jissieħbu f’dan id-djalogu mal-imsieħba tal-Magreb.
Huma jipproponu wkoll li jkun żgurat li dawn il-kwistjonijiet jiġu
indirizzati f’djalogi politiċi regolari li jsiru mal-pajjiżi
tal-Magreb. Huma se javviċinaw ukoll lill-partijiet interessati mhux governamentali
bħar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u n-negozji. Permezz
ta’ dawn l-iskambji l-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed
jittamaw li jagħmlu kontribuzzjoni kontinwa importanti lejn id-dibattitu
li qed jiżviluppa dwar l-integrazzjoni fil-Magreb. [1] “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità
Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (8.3.11) u “Risposti Ġodda għal
Viċinat fi Trasformazzjoni: Rieżami tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat” (25.5.11). [2] “Inżidu l-impatt tal-politiki tal-iżvilupp
tal-UE: Aġenda għall-Bidla” (13.10.2011) [3] “Is-Sħubija Strateġika UE-Afrika.
Strateġija Konġunta Afrika-UE”, is-Samit UE-Afrika f’Lisbona, 2007,
referenza 16344/07. [4] Ara
UNDP: Ir-Rapport dwar l-Isfidi għall-Iżvilupp Għarbi tal-2011. [5] L-Istrateġija
tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel,
tal-31 ta’ Marzu 2011 [6] Il-Forum tal-Mediterran tal-Punent jikkonsisti
mill-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, Malta, il-Marokk,
il-Mawritanja, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija. [7] F’konformità mal-Komunikazzjoni “L-għeruq ta’
Demokrazija u Żvilupp Sostenibbli: il-Kooperazzjoni tal-Ewropa
mas-Soċjetà Ċivili fir-Relazzjonijiet Esterni”, Brussell,
it-12.9.2012, COM(2012) 492 finali, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE
tal-15 ta’ Ottubru 2012. [8] Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1. [9] Ara wkoll: l-Istudju dwar l-Infrastruttura u
l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ Reġjonali għall-Pajjiżi
tal-Magreb, tal-20 ta’ Ġunju 2012, tal-Bank Dinji. [10] It-Tuneżija hi l-uniku pajjiż diġà kopert
min-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi fi ħdan il-Magreb. [11] “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-Suq
Ewropew tal-Enerġija” COM (2012) 271, is-6 ta’ Ġunju 2012. [12] “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà
mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”, 24.5.2011, COM (2011) 292 Finali.