3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/16


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
It-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil

P7_TA(2012)0310

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil (2012/2032(INI))

2013/C 353 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 67(2), 78 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil - Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka (COM(2011)0835),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-Programm ta’ Stokkolma (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2005 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tistabbilixxi programm ta’ qafas dwar is-solidarjetà u l-ġestjoni tal-flussi migratorji għall-perjodu 2007-2013 (COM(2005)0123),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Ġustizzja u Intern" tat-8 ta’ Marzu 2012 dwar Qafas Komuni għal solidarjetà ġenwina u prattika lejn l-Istati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi tal-ażil tagħhom, inkluż minħabba flussi migratorji mħallta, waqt il-laqgħa numru 3151 tal-Kunsill "Ġustizzja u Intern",

wara li kkunsidra l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u Ewropej inkluż b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-KEDB), u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2007 dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil futura (COM(2007)0301),

wara li kkunsidra l-Programm ta’ Politika dwar l-Ażil tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008: Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE (COM(2008)0360),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (2),

wara li kkunsidra l-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2011, imħejji mill-Presidenzi tal-Polonja, tad-Danimarka u ta’ Ċipru,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-15 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2011)0751),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0248/2012),

A.

billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tlesti t-twaqqif ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) fl-2012;

B.

billi s-solidarjetà ġiet rikonoxxuta mill-bidu bħala komponent essenzjali u prinċipju ta’ gwida għas-SEKA, kif ukoll tikkostitwixxi prinċipju ewlieni fid-dritt tal-UE skont liema l-Istati Membri għandhom jaqsmu kemm il-vantaġġi kif ukoll il-piżijiet b’mod ugwali u ġust;

C.

billi s-solidarjetà trid timxi id f'id mar-responsabbiltà, u l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi tal-ażil tagħhom ikunu kapaċi jissodisfaw l-istandards stabbiliti fid-dritt internazzjonali u Ewropew, b'mod partikolari dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha tal-1967, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D.

billi l-għoti ta' appoġġ fit-twettiq tal-proċeduri tal-ażil fis-sens ta' solidarjetà effiċjenti u responsabbiltà kondiviża b'mod ġust għandhom jitqiesu bħala mezz biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jipprovdu protezzjoni lil dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u assistenza lil pajjiżi terzi li jospitaw l-akbar numri ta' rifuġjati, bl-għan li tissaħħaħ iż-żona komuni ta' protezzjoni kollha kemm hi;

E.

billi, minkejja l-obbligu li jiġu eżaminati t-talbiet individwali għal ażil fuq bażi ta' każ b'każ, jekk l-ipproċessar konġunt iwassal għal deċiżjonijiet komuni huwa neċessarju li jingħata r-rispett dovut lill-kunċetti komuni tal-UE tal-pajjiżi ta' oriġini bla periklu u pajjiżi terzi sikuri, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji inklużi fil-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament tas-6 ta' April 2011 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva riveduta dwar il-Proċeduri tal-Ażil;

Daħla

1.

Jilqa’ l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil, li titlob li s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà jiġu tradotti f’miżuri konkreti, u li l-Istati Membri jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom biex jiżguraw li s-sistemi ta’ ażil tagħhom jilħqu kemm l-istandards nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej;

2.

Jenfasizza r-rwol ċentrali u l-effett orizzontali tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fl-istabbiliment tas-SEKA; itenni l-ħtieġa biex tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-aquis tal-ażil tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni sabiex ikunu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni;

3.

Ifakkar li d-dritt għal protezzjoni internazzjonali huwa dritt fundamentali li jinsab fid-dritt internazzjonali u tal-Unjoni li jiġi kkumplimentat b’serje ta’ drittijiet u prinċipji addizzjonali, bħall-prinċipju tan-non-refoulement, id-dritt għad-dinjità, il-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament diżuman u degradanti, il-protezzjoni għan-nisa mill-vjolenza u mill-forom kollha tad-diskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal ħajja privata u familjari;

4.

Jenfasizza li l-prinċipju tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà huwa stabbilit fit-Trattati, u li mill-inqas, qafas effettiv ta’ solidarjetà jinkludi d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri li jikkooperaw sabiex isibu modi biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju; jiddikjara li s-solidarjetà mhijiex limitata għar-relazzjonijiet tal-Istati Membri ma’ xulxin, iżda hija mmirata wkoll lejn dawk li jfittxu l-ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali;

5.

Jenfasizza l-fatt li filwaqt li n-numru ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil żdied matul l-2011, l-aħħar deċennju ra tnaqqis ġenerali sinifikanti fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE; jenfasizza li ċerti Stati Membri, meta mqabbla ma' oħrajn, jaffaċċjaw numru sproporzjonat ta' talbiet għal ażil minħabba diversi fatturi inklużi l-karatteristiċi ġeografiċi tagħhom, u li l-applikazzjonijiet għal ażil huma mqassma b'mod mhux uniformi fl-UE; ifakkar li fl-2011, għaxar Stati Membri kienu responsabbli għal iktar minn 90 % tal-applikazzjonijiet tal-ażil, li sas-sajf tal-2011 ġew rilokati 227 benefiċjarju biss tal-protezzjoni internazzjoni fl-UE minn Malta, f’sitt Stati Membri oħra, u li fl-2011 fl-UE kollha, 4 125 rifuġjat biss ġie risistemat f’għaxar Stati Membri biss tal-UE, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 6,6 % tal-persuni kollha risistemati tul dik is-sena; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu identifikati dawn id-disparitajiet billi, inter alia, jitqabblu n-numri assoluti ma' indikaturi tal-kapaċità, u li l-Istati Membri l-aktar affettwati mill-applikazzjonijiet tal-ażil jingħataw aktar assistenza mill-UE, kemm f'livell amministrattiv kif ukoll finanzjarju;

6.

Jenfasizza li ma jistax jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni għal dawk li japplikaw għal ażil u għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet sodi fil-qasam tal-ażil, jekk id-diskrepanzi bejn il-proporzjon tal-applikazzjonijiet għal ażil u l-kapaċità ta' assorbiment ta' Stati Membri individwali f'termini tekniċi u amministrattivi ma jinstabx rimedju għalihom u jekk il-miżuri ta' appoġġ fis-seħħ fl-Istati Membri ma jkunux adattati sew biex jirreaġixxu għal flussi ta' ażil li jvarjaw;

7.

Itenni li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jibdew jitħaddmu sistemi ġusti u effiċjenti tal-ażil biex tingħata reazzjoni għal flussi ta' ażil li jvarjaw; huwa tal-fehma li għalkemm in-numru ta' applikazzjonijiet għal ażil mhuwiex kostanti, jeżistu provi ta' punti ta' dħul speċifiċi fil-fruntieri esterni tal-UE li huma "hot spots", u fejn jista' b'mod raġonevoli jitbassar li numru kbir ta' applikazzjonijiet għal ażil jistgħu jiġu depożitati; jitlob li jiddaħħlu miżuri biex tingħata spinta lill-istat ta' tħejjija tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri li jinsabu fil-punti ta' dħul ewlenin tal-UE, bħala sinjal ta' solidarjetà fil-prattika;

8.

Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ kemm id-dritt tal-UE kif ukoll l-obbligi internazzjonali tagħhom dwar l-ażil; jinnota li l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni jiffaċċjaw sfidi differenti fl-ambitu tas-SEKA minn Stati Membri mingħajr fruntieri esterni, u għalhekk għandhom bżonn ukoll forom differenti ta' appoġġ sabiex iwettqu b’mod adegwat il-kompiti rispettivi tagħhom; jirrimarka li l-Artikolu 80 tat-TFUE jirrikjedi l-attivazzjoni ta’ miżuri eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ miżuri ġodda sabiex jassistu dawk l-Istati Membri meta jkun meħtieġ;

9.

Jitlob l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-miżuri eżistenti, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ miżuri u għodod immirati ġodda sabiex jirrispondu għall-isfidi li dejjem jinbidlu b’mod flessibbli iżda effikaċi; ottimizzazzjoni bħal din hija f’waqtha b’mod partikolari minħabba l-kriżi finanzjarja akuta li għaddejja minnha l-UE, li qed tqiegħed pressjoni żejda fuq l-isforzi tal-Istati Membri biex ilaħħqu b’mod effiċjenti mal-proċeduri tal-ażil, b’mod partikolari fil-każ ta’ dawk li qed jirċievu numri sproporzjonati ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil;

10.

Jinnota li fid-dawl tal-ħtiġijiet li dejjem jikbru fir-rigward tar-rifuġjati fuq livell globali, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-politiki ambjentali u ta’ żvilupp jista’ jkollha rwol vitali fil-kostruzzjoni ta' relazzjonijiet iggwidati bis-solidarjetà;

11.

Jenfasizza l-importanza li tinġabar, tiġi analizzata u titqiegħed f’perspettiva data kwantittativa u kwalitattiva affidabbli, preċiża, komprensiva, kumparabbli u aġġornata, sabiex jiġu monitorjati u evalwati miżuri u jinkiseb għarfien sod tal-kwistjonijiet relatati mal-ażil; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex jipprovdu lill-EASO u lill-Kummissjoni b’data relevanti dwar kwistjonijiet ta’ ażil, minbarra d-data prevista mir-Regolament dwar l-istatistika fil-qasam tal-migrazzjoni u r-Regolament dwar l-EASO; fejn possibbli, id-data statistika kollha għandha titqassam skont is-sess;

12.

Jiddispjaċih biż-żieda tal-ksenofobija u r-razziżmu u ta’ suppożizzjonijiet negattivi u bbażati fuq informazzjoni ħażina dwar dawk li jfittxu ażil u r-refuġjati li jakkumpanjaw l-insikurezza soċjoekonomika fl-UE; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ dawk li jfittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali;

Il-kooperazzjoni prattika u l-assistenza teknika

13.

Jenfasizza li t-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO) għandu l-potenzjal li jippromwovi kooperazzjoni prattika iżjed mill-qrib bejn l-Istati Membri sabiex jgħin fit-tnaqqis ta’ diverġenzi sinifikanti fil-prattiki tal-ażil, bil-għan li jinħolqu sistemi aħjar u iżjed ġusti ta’ ażil fl-UE; ifakkar li din il-kooperazzjoni prattika u attiva għandha timxi id f’id ma’ armonizzazzjoni leġiżlattiva tal-politiki Ewropej tal-ażil;

14.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-EASO jipprovdi appoġġ tekniku u ħila esperta speċifika lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-ażil, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-UNHCR; jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni miġbura mill-EASO biex tidentifika nuqqasijiet potenzjali fis-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri; informazzjoni bħal din miġbura mill-EASO skont ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 hija rilevanti wkoll fil-qafas tal-mekkaniżmu għal twissija bikrija, l-istat ta' tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet li se jifforma parti mir-Regolament ta' Dublin emendat; jenfasizza l-importanza tal-preżentazzjoni ta’ rapporti regolari u tat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jiġu promossi soluzzjonijiet immirati u rakkomandazzjonijiet għat-titjib fis-SEKA u rimedju tan-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm; jinnota, b'mod partikolari, ir-rwol tal-aġenzija fil-koordinament u l-appoġġ tal-azzjoni komuni biex jiġu megħjuna l-Istati Membri li s-sistemi tal-ażil u l-faċilitajiet ta' akkoljenza tagħhom huma suġġetti għal pressjoni partikolari, permezz ta' miżuri inklużi l-issekondar ta' uffiċjali fl-Istat Membru kkonċernat u l-bgħit ta' timijiet ta' esperti tal-ażil u ta' social workers u interpreti li jistgħu jiġu mobilizzati malajr f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; ifakkar li l-impatt tal-EASO se jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tiegħu;

15.

Jistieden lill-EASO, waqt li jikkunsidra kemm id-dmirijiet tiegħu kif ukoll il-baġit, ir-riżorsi u l-esperjenza limitati tiegħu, sabiex jottimizza r-riżorsi disponibbli tiegħu billi jinvolvi ruħu fi djalogu u kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili bil-għan li jsir skambju ta’ informazzjoni u l-ġbir tal-għarfien fil-qasam tal-ażil, il-ġbir tad-data, l-iskambju tal-aħjar prattika, l-iżvilupp ta’ linji gwida komprensivi dwar kwistjonijiet tal-ażil li għandhom x’jaqsmu mas-sess, l-iżvilupp tat-taħriġ u l-ħolqien ta’ gruppi ta’ esperti, case workers u interpreti li jistgħu jiġu mobilizzati f’qasir żmien sabiex jipprovdu l-assistenza; jirrakkomanda wkoll li l-EASO jiżgura rappreżentanza wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet li qegħdin jipparteċipaw fil-forum konsultattiv;

16.

Jenfasizza li l-attivitajiet tal-EASO għandhom jiffukaw kemm fuq l-objettivi preventivi fit-tul u fuq il-miżuri reattivi għal żmien qasir, sabiex jirrispondu b’mod xieraq għal sitwazzjonijiet differenti; għalhekk jikkunsidra, li waqt l-EASO għandu jappoġġa l-miżuri tal-bini tal-kapaċità għas-sistemi tal-ażil sottożviluppati u li ma jiffunzjonawx sew, għandu jagħti prijorità lis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u lill-Istati Membri li qed jaffaċċjaw pressjonijiet partikolari jew sproporzjonati; f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol kruċjali tat-Timijiet Esperti tal-Ażil fl-għajnuna għal ammonti kbar ta każijiet u xogħol b’lura, l-għoti ta' taħriġ, it-twettiq tal-ġestjoni tal-proġetti, l-għoti ta' pariri u r-rakkomandazzjoni ta' miżuri konkreti, u s-sorveljanza u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta’ segwitu;

17.

Jieħu nota tal-pjan operattiv fis-seħħ sabiex jappoġġa s-sistema Griega tal-ażil u jtejjeb is-sitwazzjoni ta’ dawk li qed ifittxu ażil u benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fil-Greċja; jenfasizza li minkejja xi progress miksub, huma meħtieġa sforzi addizzjonali kemm mill-UE kif ukoll mill-awtoritajiet Griegi biex itejbu s-sistema tal-ażil u jiżguraw li d-drittijiet ta’ dawk li qed ifittxu ażil jiġu rispettati bis-sħiħ; ifakkar li l-miżuri biex jitnaqqas id-defiċit tal-baġit jipprekludu l-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali għar-reklutaġġ ta’ iktar uffiċjali, u jirrakkomanda li din il-problema tiġi indirizzata, peress li hija meħtieġa awtorità tal-ażil li tiffunzjona tajjeb sabiex tippermetti lill-Greċja tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali u tal-UE;

18.

Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-EASO u l-Frontex, u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Istrateġija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Frontex hija sine qua non għal kwalunkwe kooperazzjoni bħal din fil-kuntest tal-protezzjoni internazzjonali, inkluża l-ħatra ta’ Uffiċjal tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħolqien ta’ forum konsultattiv mas-soċjetà ċivili u l-istedina tal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha bħala osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni trid titqies fil-kuntest tad-difiża tal-istandards stabbiliti minn normi Ewropej u internazzjonali biex b'hekk tiżdied fil-prattika l-kwalità tal-protezzjoni provduta lil dawk li qed ifittxu ażil; jitlob għalhekk lill-EASO tappoġġa lill-Frontex fir-rigward tal-obbligi tiegħu relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari l-prinċipju tan-non-refoulement; jenfasizza li l-miżuri tal-fruntieri għandhom jiġu applikati b’mod li jkun sensittiv għal kwistjonijiet ta' protezzjoni;

19.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rieżaminat regolarment il-mandat tal-EASO, sabiex ikun żgurat rispons adegwat għall-isfidi different iffaċċjati mis-sistemi ta’ażil; filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-azzjonijiet kollha mwettqa mill-EASO jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri, jissuġġerixxi l-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ salvagwardji strutturali fi ħdan il-mandat tal-EASO sabiex jiżgura li l-kooperazzjoni prattika u l-assistenza teknika jkunu pprovduti fejn meħtieġa;

Solidarjetà finanzjarja

20.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet disponibbli fil-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (FER) f'termini tat-twettiq tal-azzjonijiet immirati għat-titjib fis-sistemi tal-ażil; jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw kwistjonijiet bħal proċedruri burokratiċi ineffiċjenti, dewmien fl-assorbiment u problemi fil-likwidità, sabiex tkun żgurata distribuzzjoni effettiva u mgħaġġla tal-fondi;

21.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir użu sħiħ tal-possibbiltajiet offruti mill-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u li l-approprjazzjonijiet kollha allokati jkunu jistgħu jiġu żburżati sabiex il-mexxejja tal-proġetti ma jaffaċċjawx problemi meta jimplimentaw il-proġetti ffinanzjati;

22.

Jilqa' l-ħolqien mill-2014 ta' Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (FMA) aktar sempliċi u flessibbli, li se jissostitwixxi l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond Ewropew għar-Ritorn, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex tiġi appoġġata l-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u dawk li qed ifittxu ażil; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jiġu inklużi salvagwardji fil-FMA, sabiex tiġi impedita allokazzjoni eċċessiva ta’ fondi lejn qasam ta’ politika wieħed biss askapitu tas-SEKA b’mod ġenerali; jikkunsidrah meħtieġ, fil-kuntest tar-riforma tal-allokazzjoni tal-fondi fil-qasam tal-intern għall-QFM 2014-2020, li jiġu allokati wkoll biżżejjed riżorsi għall-protezzjoni fuq il-fruntiera sabiex tinkiseb iżjed solidarjetà f’dan il-qasam ukoll; ifakkar li għandu dejjem ikun hemm biżżejjed riżorsi biex tiġi ffinanzjata l-protezzjoni internazzjonali u l-miżuri ta’ solidarjetà għall-Istati Membri;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil ikun biżżejjed flessibbli u faċli biex jiġi mobilizzat kif ukoll joffri aċċess rapidu, biex ikun jista' jirreaġixxi rapidament u b'mod xieraq għal pressjonijiet mhux previsti jew sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jaffettwaw Stat Membru wieħed jew aktar; f’dan ir-rigward jipproponi li jiġi riservat, fejn meħtieġ, ċertu perċentwal tal-ammont mill-FMA allokat fil-qafas tar-rieżami intermedju għal miżuri li jkollhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ l-acquis tal-ażil tal-UE u jaderixxu mal-obbligi internazzjonali kollha f’dan il-qasam;

24.

Jilqa’ d-djalogi dwar il-politika tal-intern mal-Istati Membri individwali dwar l-użu min-naħa tagħhom tal-fondi qabel il-programmazzjoni multiannwali; jenfasizza l-importanza ta' azzjoni parteċipattiva biex jinkisbu riżultati ottimali, u jirrakkomanda t-tisħiħ tal-prinċipju ta' sħubija billi jiġu inklużi s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet interessati rilevanti, peress li l-esperjenza tagħhom fil-prattika hija essenzjali biex jiġu stabbiliti prijoritajiet realistiċi u jiġu żviluppati programmi sostenibbli; il-kontribut tagħhom f'termini ta' żvilupp, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-objettivi u l-programmi għalhekk huwa importanti u għandu jitqies mill-Istati Membri;

25.

Jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà finanzjarja fil-qasam tal-ażil, u jirrakkomanda l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fornit tajjeb b’riżorsi biex jintlaqa' numru akbar ta’ dawk li jfittxu l-ażil u benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew proporzjonali, u għall-għajnuna ta’ dawk b’sistemi ta’ ażil inqas żviluppati; jikkunsidra li hija meħtieġa iżjed riċerka sabiex jiġu identifikati u kkwantifikati l-ispejjeż reali tal-akkoljenza u l-ipproċessar ta’ talbiet għal ażil; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sabiex tivvaluta l-fondi li għandhom jiġu allokati skont ir-responsabbiltà li għandu kull Stat Membru, fuq il-bażi ta' indikaturi bħal: in-numru tal-ewwel applikazzjonijiet tal-ażil, in-numru ta’ deċiżjonijiet pożittivi li jagħtu status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja, in-numru ta’ rifuġjati risistemati u rilokati, in-numru ta’ deċiżjonijiet u operazzjonijiet ta' ritorn, u n-numru ta’ migranti irregolari maqbuda;

26.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-inċentivi finanzjarji disponibbli permezz tal-FMA għall-attivitajiet ta’ rilokazzjoni, u jirrikonoxxi li l-assistenza finanzjarja permezz tal-fond u l-assistenza teknika mill-EASO huma importanti; jissuġġerixxi li jiddaħħlu oqsma prijoritarji sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet urġenti u jipprovdu assistenza finanzjarja iktar sostanzjali lill-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattivi tar-rilokazzjoni, sabiex ineħħu l-piż tal-ispiża finanzjarja relatata;

27.

Jemmen li t-twaqqif ta’ sistema iżjed ċara u effikaċi ta’ inċentivi finanzjarji għall-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ rilokazzjoni u strateġiji proattivi mmirati lejn it-titjib tal-infrastrutturi tas-sistemi nazzjonali ta’ ażil se jkollu effett pożittiv fuq perjodu twil fuq il-konverġenza tal-istandards fl-UE u l-kwalità tas-SEKA;

28.

Jilqa' l-possibilità li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni sa 90 % tal-infiq totali eliġibbli għal proġetti li nkella ma kinux jistgħu jiġu implimentati; jikkunsidra li valur miżjud ċar għandu jirriżulta minn proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-finanzjamenti tal-UE fl-ebda ċirkostanza m’għandhom jieħdu post il-baġits nazzjonali ddedikati għall-politiki tal-ażil;

29.

Jenfasizza l-problemi li attwalment huma konnessi mal-finanzjament ta’ attivitajiet f’termini ta’ ostakoli għall-aċċess għal informazzjoni preċiża u finanzjament, l-istabbiliment ta’ għanijiet realistiċi u mfassla apposta u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ segwitu effikaċi; jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' salvagwardji sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, l-allokazzjoni ċara ta’ finanzjament u l-eżami bir-reqqa tal-valur miżjud tal-attivitajiet u r-riżultati miksuba;

30.

Jenfasizza l-importanza ta’ superviżjoni stretta rigward l-użu u l-ġestjoni tal-fondi, abbażi ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi u ta’ kriterji speċifiċi, sabiex tiġi evitata l-allokazzjoni ħażina ta’ riżorsi umani u finanzjarji u tiġi garantita konformità mal-objettivi stabbiliti; f’dan ir-rigward jilqa’ bi pjaċir it-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ valutazzjoni u monitoraġġ;

31.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-assistenza tal-Kummissjoni, biex jiżguraw l-isfruttament sħiħ tal-kumplementarjetajiet eżistenti bejn strumenti ta’ finanzjament oħra disponibbli bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali oħra, sabiex jinkiseb approċċ ta’ finanzjament olistiku għall-politiki relatati mal-ażil;

Allokazzjoni tar-responsabilitajiet

32.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni komprensiva tas-sistema ta’ Dublin fl-2014, u li tanalizza l-effetti ġuridiċi, ekonomiċi, soċjali u dawk fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħha, inkluż l-effett fuq is-sitwazzjoni tan-nisa li qed ifittxu ażil; iqis li hija meħtieġa aktar riflessjoni dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu adegwat għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal ażil, ħaġa li tippermetti li jingħata appoġġ prattiku rapidu u effikaċi lil Stati Membri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li jaffaċċjaw piżijiet sproporzjonati;

33.

Jikkunsidra li r-Regolament ta’ Dublin, li jirregola l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għal ażil, jitfa’ piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri li jikkostitwixxu punti tad-dħul fl-UE, u ma jipprevedix distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltà għall-ażil fost l-Istati Membri; jinnota li s-sistema ta' Dublin kif ġiet applikata sa issa, f'kuntest ikkaratterizzat minn sistemi ta' ażil differenti ħafna u livelli insuffiċjenti ta' implimentazzjoni tal-acquis tal-ażil, wasslet għat-trattament inugwali ta' dawk li qed ifittxu ażil filwaqt li kellha impatt negattiv fuq ir-riunifikazzjoni tal-familji u l-integrazzjoni; jisħaq, barra dan, fuq in-nuqqasijiet tagħha f’termini ta’ effiċjenza u kosteffettività, billi iżjed min-nofs tat-trasferimenti miftiehma qatt ma jseħħu u xorta għad hemm numri sinifikanti ta’ applikazzjonijiet multipli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk li jfittxu ażil li jkunu rritornati fi Stat Membru abbażi tar-Regolament Dublin II ma jkunux iddiskriminati għall-unika raġuni li jkunu persuni trasferiti skont Dublin II;

34.

Jenfasizza li l-ġurisprudenza rilevanti diġà hija fil-proċess li ddgħajjef il-motivazzjoni tas-sistema ta' Dublin; iqis li filwaqt li tipprovdi tweġiba għal każijiet individwali, il-ġurisprudenza tonqos milli tegħleb in-nuqqasijiet li jeżistu fl-implimentazzjoni tal-acquis fil-qasam tal-ażil; filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi tal-ażil tagħhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali, jilqa', għalhekk, l-isforzi sabiex jiġu inklużi kriterji addizzjonali f'Dublin II biex jittaffew l-effetti negattivi mhux mixtieqa tas-sistema; jemmen li d-diskussjonijiet għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jridu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-fatt li xi Stati Membri diġà qed jaffaċċjaw pressjonijiet sproporzjonati u xi sistemi tal-ażil qegħdin jiffunzjonaw ħażin parzjalment jew għalkollox;

Ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil

35.

Jidhirlu li huwa essenzjali li wieħed jidħol fi djalogu ulterjuri rigward il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà lejn dawk li jfittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, inkluż dwar l-użu ta’ għodod bħall-ipproċessar konġunt ta’ applikazzjonijiet għall-ażil (minn hawn ’il quddiem "ipproċessar konġunt") u skemi ta’ rilokazzjoni;

36.

Jikkunsidra li l-ipproċessar konġunt jista’ jikkostitwixxi għodda prezzjuża għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà f’każijiet varji, b’mod partikolari fejn l-Istati Membri jaffaċċjaw influssi sinifikanti jew għal għarrieda ta’ dawk li qed ifittxu ażil jew ikun hemm applikazzjonijiet sostanzjali b’lura li jittardjaw u jdgħajfu l-proċedura tal-ażil askapitu tal-applikanti tal-ażil; l-ipproċessar konġunt jista’ jipprevjeni jew jirrettifika problemi tal-kapaċità, inaqqas il-piżijiet u l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar tal-ażil, iħaffef il-ħin li jieħu l-ipproċessar tat-talbiet u jiżgura kondiviżjoni iżjed ekwa tar-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil; jenfasizza li l-ipproċessar konġunt jirrikjedi allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri involuti biex jiġi evitat l-ispostament tar-responsabbiltà, u li t-teħid tad-deċiżjonijiet għadu r-responsabbiltà tal-Istat Membru; jinnota li dan għandu bżonn jiġi kkumplimentat b’sistema sabiex tkun żgurata kondiviżjoni tar-responsabbiltà iktar ġusta ladarba l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati;

37.

Jilqa’ l-istudju ta’ fattibbiltà mniedi mill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-implikazzjonijiet ġuridiċi u prattiċi tal-ipproċessar konġunt fit-territorju tal-Unjoni, billi hija meħtieġa kjarifika rigward serje ta’ kwistjonijiet;

38.

Jinnota li l-ipproċessar konġunt mhux neċessarjament jimplika deċiżjoni komuni, iżda jista’ jinvolvi sostenn u pproċessar komuni rigward aspetti oħra tal-proċedura tal-ażil, bħall-identifikazzjoni, il-preparazzjoni tal-proċeduri fl-ewwel istanza, l-intervisti, jew il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż tal-oriġini;

39.

Jenfasizza li l-ipproċessar konġunt għandu joffri valur miżjud fir-rigward tal-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jiżgura u jiffaċilita proċeduri ġusti, effiċjenti u rapidi; jenfasizza l-fatt li meta l-proċeduri tal-ażil jiġu mtejba mill-bidu (frontloading), dan jista’ jnaqqas it-tul u l-ispiża tal-proċedura, u b'hekk jibbenefikaw kemm dawk li qed ifittxu l-ażil kif ukoll l-Istati Membri;

40.

Jisħaq li skema ta' pproċessar konġunt għandha tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-applikanti u tinkludi garanziji sodi għal dak il-fini; jinsisti li l-ipproċessar konġunt fl-ebda ċirkostanza ma għandu jintuża sabiex iħaffef il-proċedura tal-ażil askapitu tal-kwalità tagħha; jidhirlu li l-ipproċessar konġunt jista' jwassal għal proċeduri ta' ażil aktar effiċjenti, li jibbenefikaw minnhom ukoll dawk l-individwi li qed ifittxu ażil, peress li b'kapaċitajiet amministrattivi akbar, il-ħtiġijiet ta' protezzjoni tagħhom jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar malajr;

41.

Jikkunsidra li r-rwol tal-EASO jista’ jkun ta’ valur fl-istabbiliment ta' timijiet ta’ appoġġ tal-ażil li jipprovdu assistenza, konsulenza, u rakkomandazzjonijiet għall-proċeduri fl-ewwel istanza, kif ukoll fit-taħriġ u fil-koordinament tagħhom;

42.

Jirakkomanda li l-iskemi previsti fir-rigward tal-ipproċessar konġunt għandhom jipprijoritizzaw għażliet li jinvolvu l-isfruttament u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti, aktar milli t-trasferiment ta’ dawk li qed ifittxu ażil;

43.

Jirrakkommanda li l-EASO jħeġġeġ, jiffaċilita u jikkoordina l-iskambji ta’ informazzjoni u l-attivitajiet l-oħra b’rabta mal-ipproċessar konġunt;

Rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u ta’ dawk li jfittxu ażil

44.

Jenfasizza li l-iskemi ta’ risistemazzjoni u ta’ rilokazzjoni ġewwa l-UE huma miżuri kumplimentari maħsuba biex isaħħu l-protezzjoni ta’ dawk li qed ifittxu ażil u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali filwaqt li juru solidarjetà fl-UE u barra minnha;

45.

Jisħaq fuq il-fatt li, f'ċerti kundizzjonijiet, ir-rilokazzjoni fiżika tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u dawk li jfittxu l-ażil hija waħda mill-forom l-iżjed konkreti ta’ solidarjetà u tista’ tagħti kontribut sinifikanti għal SEKA iżjed ekwa; jenfasizza li għalkemm tirrappreżenta wkoll espressjoni solida ta’ impenn fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sa issa ftit Stati Membri involvew ruħhom f’inizjattivi ta’ rilokazzjoni;

46.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħall-Proġett ta' Rilokazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal Malta (Eurema) u l-estensjoni tiegħu, fejn il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kienu u qed jiġu rilokati minn Malta lejn Stati Membri oħra, u jippromwovi l-iżvilupp ta’ iżjed inizjattivi ta’ dan it-tip; jiddispjaċih li dan il-proġett ma kellux daqstant suċċess kif kien mistenni minħabba li l-Istati Membri ma kinux ħerqana jipparteċipaw; jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod iktar attiv fil-proġett Eurema fi spirtu ta' solidarjetà u kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-proġett Eurema u tissottometti proposta għal Mekkaniżmu ta’ Rilokazzjoni tal-UE permanenti;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-proposta leġiżlattiva tagħha għal Mekkaniżmu permanenti u effikaċi ta' Rilokazzjoni ġewwa l-UE, l-użu ta' Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE għar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, abbażi ta' indikaturi xierqa relatati mal-kapaċitajiet ta' akkoljenza u integrazzjoni tal-Istati Membri, bħall-PDG, il-popolazzjoni u s-superfiċje tal-Istati Membri kif ukoll l-aħjar interess u l-prospetti ta' integrazzjoni tal-benefiċjarji; dan il-Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE jista' jiġi kkunsidrat għal Stati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati fuq is-sistemi tal-ażil nazzjonali tagħhom jew matul sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jenfasizza li r-rilokazzjoni dejjem se tiddependi fuq il-kunsens tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u li l-introduzzjoni ta' Koeffiċjent ta' Distribuzzjoni tal-UE jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' kull Stat Membru li jimplimenta u japplika l-acquis eżistenti tal-UE fil-qasam tal-ażil f'termini ta' kwalifikazzjoni għall-protezzjoni, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u l-garanziji proċedurali, u li jaderixxi mal-obbligi internazzjonali kollha f'dan il-qasam;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha salvagwardji proċedurali sodi u kriterji ċari għal skema permanenti ta’ rilokazzjoni tal-UE, sabiex jiġu garantiti l-aħjar interessi tal-benefiċjarji potenzjali, kif ukoll biex tittaffa l-pressjoni migratorja tal-Istati Membri partikolarment esposti għall-flussi ta' migrazzjoni; jirrakkomanda l-involviment tal-komunità ospitanti, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali mill-bidu f’inizjattivi ta’ rilokazzjoni;

49.

Jenfasizza li waqt li r-rilokazzjoni tista’ toffri kemm soluzzjonijiet għal perjodu twil għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll tneħħi l-piż minn fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, m’għandhiex tirriżulta fl-ispostament tar-responsabbiltà; jinsisti li r-rilokazzjoni għandha tinkludi impenji sodi min-naħa tal-Istati Membri li jibbenefikaw minnha sabiex jindirizzaw b'mod effikaċi n-nuqqasijiet relatati mal-protezzjoni fis-sistemi tal-ażil tagħhom u sabiex jiggarantixxu livelli għolja ta’ protezzjoni għal dawk li jibqgħu fl-Istati Membri spedituri fit-termini tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proċeduri tal-ażil u l-integrazzjoni;

50.

Jilqa’ l-possibilitajiet ta’ finanzjament ipprovduti mill-FMA għar-rilokazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvolvu ruħhom f’inizjattivi volontarji, waqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-ħtieġa tal-kunsens tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-fattibbiltà li tiġi żviluppata sistema tal-UE għar-rilokazzjoni ta' dawk li jfittxu ażil, filwaqt li tiġi eżaminata, inter alia, il-fattibbiltà li tkun ibbażata fuq koeffiċjent ta' distribuzzjoni tal-UE li jikkunsidra kriterji oġġettivament verifikabbli bħall-PDG, il-popolazzjoni u s-superfiċje tal-Istati Membri kif ukoll l-aħjar interess u l-prospetti ta' integrazzjoni tal-benefiċjarji; programm bħal dan jista' jkun applikat bħala miżura ta' solidarjetà f'sitwazzjonijiet fejn in-numru ta' dawk li jfittxu ażil ikun sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-kapaċità tas-sistema tal-ażil tal-Istat Membru, jew f'emerġenzi;

51.

Ifakkar fil-mandat tal-EASO fir-rigward tal-promozzjoni tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri, u jistieden lill-Aġenzija tibni l-kapaċità tagħha biex tappoġġa b’mod attiv il-programmi u l-attivitajiet ta’ rilokazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u attivitajiet ta’ koordinament u kooperazzjoni;

52.

Jinnota li l-Kummissjoni indikat li hija dejjem se tikkunsidra l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tad-Direttiva ta’ Protezzjoni Temporanja meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet adegwati, b’mod partikolari fil-każ ta’ influss ta' massa jew influss ta' massa imminenti ta’ persuni spostati li ma jistgħux jiġu rimpatrijati f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha possibbli li din id-Direttiva tiġi attivata anke f’każijiet fejn l-influss rilevanti jikkostitwixxi influss ta’ massa għal mill-inqas Stat Membru wieħed u mhux biss meta jikkostitwixxi influss bħal dan għall-UE kollha kemm hi;

Fiduċja reċiproka fil-qalba ta’ sistema ta’ governenza ġdida

53.

Jinsisti li l-fiduċja reċiproka hija bbażata fuq fehim komuni tar-responsabbiltajiet; Jenfasizza li l-konformità mad-dritt tal-UE hija element indispensabbli għall-fiduċja fost l-Istati Membri;

54.

Jenfasizza li jekk l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u tad-drittijiet fundamentali, dan isaħħaħ kemm il-fiduċja kif ukoll is-solidarjetà;

55.

Jisħaq dwar l-importanza li jiġu stabbiliti pedamenti sodi għall-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, billi dan huwa kwintessenzjalment konness mal-iżvilupp tas-SEKA u ma’ solidarjetà ġenwina u prattika;

56.

Jirrikonoxxi li waqt li l-konformità mal-obbligi internazzjonali ta’ protezzjoni ttejjeb il-fiduċja reċiproka, dan mhux bilfors jirriżulta fl-applikazzjoni uniformi tar-regoli, billi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u tal-UE dwar l-ażil għadha tvarja ħafna fost l-Istati Membri, kif jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-QEDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mar-Regolament ta’ Dublin; jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-qrati li jissorveljaw u jevalwaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-ażil f’konformità mad-dritt internazzjonali tal-UE;

57.

Jemmen li l-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija introdotti biex jiskopru u jindirizzaw il-problemi li jitfaċċaw qabel iwasslu għall-kriżijiet jistgħu jikkostitwixxu għodda siewja; jikkunsidra, madankollu, li soluzzjonijiet kumplimentari għandhom ukoll jiġu previsti, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet fundamentali u jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistemi tal-ażil;

58.

Jisħaq fuq il-fatt li waqt li l-proċeduri tal-ksur għandhom jintużaw iktar ta' spiss sabiex tinġibed l-attenzjoni għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u n-nuqqas tagħhom li jaderixxu mal-acquis tal-ażil eżistenti, għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri preventivi, pjanijiet operattivi u mekkaniżmi ta’ superviżjoni, sabiex jipproduċu riżultati; jenfasizza l-importanza ta’ evalwazzjonijiet regolari, djalogu kostruttiv, u l-iskambju tal-aħjar prattika, bħala elementi kruċjali li huma aktar suxxettibbli li jipproduċu żviluppi pożittivi fis-sistemi tal-ażil fejn huma identifikati nuqqasijiet; għalhekk għandhom jingħataw forom differenti ta’ assistenza finanzjarja u prattika sabiex tintlaħaq l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ażil;

59.

Jinnota li s-sistema ta’ Dublin hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka u li l-implimentazzjoni tagħha tammonta għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut fost l-Istati Membri, billi talba għal ażil tista’ tiġi kkunsidrata darba biss fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil sal-2014, b’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma;

60.

Jenfasizza li l-ġestjoni tal-migrazzjoni tista’ żżid il-fiduċja reċiproka u l-miżuri ta’ solidarjetà biss jekk tiġi akkumpanjata minn approċċ li jkun sensibbli għall-protezzjoni li fih il-miżuri tal-fruntieri jitwettqu mingħajr ħsara għad-drittijiet tar-rifuġjati u l-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali;

61.

Jenfasizza li r-reġimi tal-viża jirregolaw numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ u li dawk ir-regoli tad-dħul u l-ħruġ ma jirrestrinġux l-obbligi ġuridiċi dwar li jingħata aċċess għall-ażil;

62.

Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-wasla ordinata fl-UE ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni, u jistedinha teżamina approċċi ġodda rigward l-aċċess għall-proċeduri ta' ażil; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta "Komunikazzjoni dwar approċċi ġodda rigward l-aċċes għal proċeduri ta' ażil li jiffukaw fuq il-pajjiżi ewlenin ta' transitu" sal-2013;

*

* *

63.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.

(2)  ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.