20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/74


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra

P7_TA(2012)0028

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 fuq is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra (2011/2198(INI))

2013/C 239 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-10 ta' Diċembru 1948 u d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni, kif adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Ġunju 1993, b'mod partikolari l-paragrafi I 28-29 u II 38 fuq l-istrupru sistematiku, l-iskjavitù sesswali u t-tqala sfurzata f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993 (1);

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, ir-Riżoluzzjoni 1889 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU intiża sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ħolqot mekkaniżmu għall-ġbir tad-data fuq persuni li jwettqu vjolenza sesswali f'kunflitti armati u l-elenkar tagħhom,

wara li kkunsidra l-ħatra f'Marzu 2010 ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'Kunflitti Armati,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2000), Pekin +10 (2005) u Pekin +15 (2010),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 54/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Frar 2000, li stabbiliet il-25 ta' Novembru bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011 (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (SEC(2010)0265), li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-indikaturi tal-UE tal-2011 dwar l-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (3),

wara li kkunsidra l-indikaturi tal-2010 għall-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (4) u d-dokument ta' ħidma dwar "l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325, imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-PESD", adottati t-tnejn f'Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-immaniġġjar tal-kriżijiet,

wara li kkunsidra l-Istandards Ġeneriċi ta' Mġiba tal-Kunsill tal-2005 għall-operazzjonijiet tal-ESDP (5),

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kunflitti armati u l-irwol tagħhom fir-rikostruzzjoni u l-proċess demokratiku f'pajjiżi li ħerġin minn kunflitt (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0429/2011),

A.

billi l-progress li sar kien limitat f'dawn l-aħħar 10 snin mill-adozzjoni tal-UNSCR 1325; billi f'ċerti każijiet il-kwoti li ġew stabbiliti għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi gvernijiet u n-numru tan-nisa f'istituzzjonijiet rappreżentattivi żdiedu; billi minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm żieda fil-kuxjenza tad-differenzi bejn is-sessi; billi, minkejja l-isforzi li saru, il-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozjati għall-paċi tibqa', bi ftit eċċezzjonijiet, inqas minn 10 % ta' dawk involuti formalment (9);

B.

billi nħolqot il-kariga ta' Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati, attwalment imwettqa minn Margot Wallström;

C.

billi l-vjolenza sesswali fil-forma ta' stupru tal-massa, it-traffikar tal-bnedmin u forom oħra ta' abbuż sesswali għadha tintuża, b'mod inaċċettabbli, bħala tattika tal-gwerra f'reġjuni ta' kunflitt madwar id-dinja; billi l-vojt ta' poter li jinħoloq f'żoni li jkunu esperjenzaw il-kunflitt jista' jwassal għal deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet kif ġara fil-Libja u l-Eġittu;

D.

billi l-effetti tal-vjolenza sesswali waqt il-gwerra, kemm fiżiċi (riskji bħal pereżempju l-isterilità, l-inkontinenza u mard trażmess sesswalment) kif ukoll psikoloġiċi, huma devastanti għall-vittmi, peress li dawn tal-aħħar ħafna drabi jisfaw stigmatizzati, mwarrba, maltrattati u meqjusa diżonorati, u f'ħafna każijiet jiġu esklużi mill-komunitajiet tagħhom u xi drabi saħansitra maqtula;

E.

billi l-familji tal-vittmi jintlaqtu ħażin ħafna wkoll, peress li l-vjolenza sesswali titqies bħala umiljazzjoni; billi t-tfal li jirriżulaw mill-istupru jistgħu jitwarrbu; u billi dan it-twarrib jista' jkun brutali, fejn it-trabi jkunu abbandunati fil-mument ta' twelid jew saħansitra maqtula;

F.

billi d-dikjarazzjoni ta' Vjenna, adottata fil-25 ta' Ġunju 1993 mill-Konferenza Dinjija tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tiddikkjara li "Id-drittijet tal-bniedem tan-nisa u ta' tfalja/tifla huma parti inaljenabbli, integrali u inseparabbli tad-drittijiet universali tal-bniedem";

G.

huwa allarmat bil-fatt li, f'ħafna każijiet, dawk li jwettqu l-vjolenza sesswali ma jiġux ikkastigati kif muri mill-eżempju ta' Colombia, fejn f'sitwazzjoni ta' kunflitt armat, il-vjolenza sesswali fuq in-nisa hija prattika sistematika u moħbija li hija suġġeta għal kważi impunità totali, u billi din il-forma ta' vjolenza għandha titqies bħala delitt tal-gwerra;

H.

jirrikonoxxi l-fatt li n-nisa fl-armata u/jew f'organizzazzjonijiet ċivili involuti fiż-żamma tal-paċi għandhom rwol importanti bħala mudelli ta' riferiment, bħala medjaturi interkulturali u jirrappreżentaw inizjattivi ta' emanċipazzjoni għan-nisa lokali u jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta' sterjotipi għall-irġiel lokali, u li huma jikkomunikaw aħjar man-nisa lokali;

I.

billi f'ħafna pajjiżi, azzjonijiet relatati mas-sessi mhumiex meqjusa ta' prijorità għolja, fejn il-ġeneru huwa meqjus bħala kwistjoni sussidjarja, u prattiki kulturali, reliġjużi u soċjo-ekonomiċi huma użati bħala skuża biex jiġi ostakolat il-progress fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa;

J.

billi għandu jsir enfasi fuq is-sessi mill-ewwel fażi tal-ippjanar tal-missjonijiet ċivili u ta' sigurtà; billi ntwera li l-missjonijiet taż-żamma tal-paċi huma kruċjali għall-introduzzjoni tal-perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-prevenzjoni, id-demobilizzazzjoni u l-kostruzzjoni mill-ġdid wara l-kunflitt;

K.

billi l-istorja turi li gwerra tidher attività ddominata fil-biċċa l-kbira tagħha mill-irġiel u li għalhekk hemm raġuni li wieħed jistenna li l-ħiliet partikolari tan-nisa fir-rigward tad-djalogu u tan-nonvjolenza jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv ħafna għall-prevenzjoni u l-ġestjoni paċifika tal-kunflitti;

L.

billi l-importanza tal-involviment tan-nisa u ta' perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi hija enfasizzata mill-fatt li meta jkun hemm aktar nisa involuti fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċessi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u n-negozjati għall-paċi, jiġu indirizzati aktar oqsma għall-kostruzzjoni mill-ġdid u l-konsolidazzjoni tal-paċi: l-infrastruttura tas-suq, toroq rurali, ċentri tas-saħħa, skejjel u kindergartens aċċessibbli, eċċ.;

M.

billi fl-2010 ġew adottati 17-il indikatur għall-approċċ komprensiv (10) u saru sforzi li rnexxew sabiex jiġi ppreżentat l-ewwel rapport ta' monitoraġġ ibbażat fuq dawn l-indikaturi fl-2011 (11); billi hemm bżonn ta' rapporti ta' monitoraġġ tal-UE komprensivi bbażati fuq metodoloġija ċara u indikaturi adegwati;

N.

billi Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali li jirrigwardaw in-nisa, il-paċi u s-sigurtà huma essenzjali u għandhom ikunu bbażati fuq standards Ewropej minimi u uniformi fir-rigward tal-objettivi, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom fl-UE,

O.

billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tipprovdi, fil-31 ta' Awwissu 2011, EUR 300 miljun aktar għall-paċi u s-sigurtà fl-Afrika; billi fl-2011 minn tal-inqas 12-il pajjiż Afrikan, b'popolazzjoni stmata ta' 386.6 miljun ruħ, se jitieqsu bħala reġjuni ta' kunflitt attwali;

P.

billi f'sitwazzjonijiet li jkunu għaddew minn kunflitt u li għaddejjin minn proċessi ta' rikostruzzjoni u ta' integrazzjoni mill-ġdid, il-mekkaniżmi istituzzjonali u l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi huma passi inizjali effettivi lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; billi l-involviment tal-atturi kollha rilevanti, bħall-gvernijiet u r-rappreżentanti politiċi, s-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, kif ukoll il-parteċipazzjoni diretta ta' organizzazzjonijiet, gruppi u netwerks tan-nisa – li għandhom jingħataw sostenn politiku, finanzjarju u legali għall-programmi ta' żvilupp, inkluż għall-membri l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħall-migranti, dawk spostati internament, ir-rifuġjati nisa u n-nisa mobgħuta lura – huma l-prekundizzjoni essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-paċi, għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli u għat-tiswir ta' soċjetà demokratika li tirrispetta d-drittijiet tan-nisa kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Q.

billi l-kawżi sottostanti tal-vulnerabilità tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' spiss jirriżulta mill-aċċess limitat tagħhom, inter alia, għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u billi l-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa fuq bażi ugwali hija għalhekk prekundizzjoni neċessarja għall-ġlieda kontra l-vjolenza speċifika għall-ġeneru f'kunflitti armati; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-governanza, kemm fuq il-mejda tan-negozjar kif ukoll fir-rwoli attivi f'tranżizzjonijiet paċifiċi, tibqa' limitata, iżda tibqa' prijorità ewlenija u element kritiku għall-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

In-nisa fit-tmexxija għall-paċi u s-sigurtà

1.

Jitlob li l-appoġġ tal-UE għall-proċess tal-paċi ikun suġġett għall-parteċipazzjoni tan-nisa fit-timijiet internazzjonali li qed imexxu n-negozjati għall-paċi; jitlob li jsir progress fir-rigward tal-inklużjoni permanenti tal-mexxejja nisa, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa lokali u/jew gruppi tas-soċjetà ċivili fuq il-mejda tan-negozjati matul il-proċess tal-paċi;

2.

Jenfasizza l-importanza tad-djalogu politiku għall-emanċipazzjoni tan-nisa u jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jinkludu l-kwistjonijiet li jirrigwardaw in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-djalogu tagħhom fuq kwistjonijiet politiċi u dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem mal-gvern ospitanti; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu u jappoġġaw l-emanċipazzjoni tan-nisa li jipparteċipaw fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet barra mill-UE;

3.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneri u l-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ikun provdut taħriġ adegwat u effettiv lill-membri tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE dwar approċċ sensittiv għall-ġeneri fiż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li tkun provduta assistenza teknika u finanzjarja adegwata għal programmi li jippermettu lin-nisa jipparteċipaw b’mod sħiħ fin-negozjati għall-paċi u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà ċivili kollha kemm hi;

4.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv żieda fin-numru ta' nisa fil-forzi armati u fl-operazzjonijiet ċivili li jinvolvu ż-żamma tal-paċi, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija, u għal dan l-għan jitlob:

kampanji nazzjonali li jippromwovu l-forzi armati u l-pulizija bħala għażla vjabbli għan-nisa kif inhi għall-irġiel, sabiex jiġu eliminati sterjotipi possibbli; dawn il-kampanji għandhom jinkludu avvenimenti ta' informazzjoni u ġranet miftuħa, li jipprovdu informazzjoni fattwali dwar it-taħriġ u l-opportunitajiet ta' impjieg fil-forzi armati;

rieżami tal-politika ta' promozzjoni fil-militar, sabiex jiġi eżaminat jekk in-nisa kinux żvantaġġati rigward il-promozzjonijiet, minkejja li, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom, kienu fuq l-istess livell tal-kollegi rġiel tagħhom;

l-inklużjoni ta' politiki favur in-nisa fi ħdan il-forzi armati, pereżempju l-possibilità ta' lif tal-maternità;

l-promozzjoni ta' mudelli ta' riferiment – nisa li wrew kuraġġ kbir u li kkontribixxew għall-bidla;

l-inklużjoni ta' aktar nisa, speċjalment fl-operazzjonijiet ċivili, f'pożizzjonijiet ta' grad għoli u fl-interazzjonijiet mal-komunità lokali;

taħriġ fil-fond ta' rġiel u nisa involuti fl-interazzjoni ċivili dwar aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, dwar il-protezzjoni, il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, u wkoll dwar il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti, abiex titjieb il-protezzjoni għal dawk li qegħdin jieħdu sehem u sabiex jiġi żgurat li ma hemmx differenzi fil-provediment ta' taħriġ għan-nisa u l-irġiel;

5.

Jitlob finanzjament tal-UE adegwat, inkluż taħt l-Istrument għall-Istabiltà, għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fl-istituzzjonijiet rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u lokali u fil-livelli kollha, u l-kontribut tagħhom għalihom, għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, in-negozjati għall-paċi, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-ippjanar wara l-kunflitt;

6.

Jinnota l-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta għall-persunal tal-UE li jservu fil-missjonijiet militari u ċivili li tagħmilha ċara li l-isfruttament sesswali jikkostitwixxi mġiba mhux ġustifikabbli u kriminali, u jeħtieġ li tkun infurzata b'mod strett f'każijiet ta' vjolenza sessswali mwettqa mill-persunal umanitarju, rappreżentanti ta' istituzzjonijiet internazzjonali, forzi għaż-żamma tal-paċi u diplomatiċi permezz ta' sanzjonijiet kriminali u amministrattivi severi; jitlob li jkun ma jkun hemm l-ebda tolleranza fil-konfront tal-isfruttament sesswali tat-tfal, u tan-nisa waqt kunflutti armati u f'kampijiet tar-rifuġjati u, għal dan il-fini, jilqa' l-investigazzjonijiet reċenti tan-NU f'allegazzjonijiet ta' sfruttament sesswali li jinvolvu l-persunal għaż-żamma tal-paċi tagħha fl-Operazzjoni tan-NU fil-Côte d’Ivoire;

L-impatt ta' kunflitti armati fuq in-nisa

7.

Jikkundanna b'mod qawwi l-użu kontinwu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa bħala tattika tal-gwerra li għandu jitqies bħala reat tal-gwerra; Jirrikonoxxi li l-ġrieħi fiżiċi u psikoloġiċi profondi li tali abbużi jħallu fuq il-vittmi, flimkien mal-konsegwenzi drammatiċi għall-familji tagħhom u jenfasizza li dan il-fenomenu għandu jiġi indirizzat permezz ta' programmi għall-appoġġ tal-vittmi u jħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tat-tmexxija politika bil-ħsieb li titfassal ġabra kkoordinata ta' miżuri għall-prevenzjoni u t-taffija tal-użu tal-vjolenza sesswali; josserva, f'dan ir-rigward, is-sitwazzjoni li tibqa' drammatika fil-Kongo; ifakkar li stupru tal-massa mwettaq minn gaj u li sar mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu 2010 fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li fl-2009 ġew rapportati minn tal-inqas 8 300 każ ta' stupru fil-Lvant tal-Kongo u li ġie rapportat li minn tal-inqas 1 244 mara ġiet stuprata fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li jfisser medju ta' 14-il każ ta' stupru kuljum; jenfasizza li din is-sitwazzjoni għadha l-istess fl-2011; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – EUPOL RD Kongo u EUSEC RD Kongo – sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa l-prijoritajiet ewlenin fl-isforz favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà Kongoliż;

8.

Jenfasizza li, peress li l-vjolenza sesswali, fil-biċċa l-kbira huma n-nisa u tfal li jaqgħu vittmi tagħha, hija aggravata minħabba, fost oħrajn, id-differenza tal-ġeneru, il-firxa tal-vjolenza – kemm b'mod ġenerali kif ukoll b'mod partikolari permezz tal-militarizzazzjoni tas-soċjetà – u d-deterjorament tal-istruttura tas-soċjetà, il-prevenzjoni ta' tali delitt tal-gwerra għandha tingħata attenzjoni partikolari u għandhom jiġu mobilizzati riżorsi għaliha;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-introduzzjoni ta' miżuri mfassla biex irażżnu l-effetti negattivi tal-kunflitti armati fuq l-ħajja tal-familja;

10.

Jitlob aktar kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tan-nisa lokali sabiex tiġi stabbilita sistema ta' allarm bikri li tippermetilhom jipprevjenu l-abbużi jew inaqqsu l-frekwenza tagħhom huma stess;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali, b’mod partikolari l-gruppi tan-nisa u dawk b'aġenda sensittiva għall-ġeneru, permezz ta’ finanzjament aċċessibbli u l-bini ta' kapaċità biex dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom ta’ għassiesa, b’mod speċjali fil-kuntest ta’ stati li ma jiffunzjonawx;

12.

Jinsab diżappuntat ħafna li l-awturi tal-vjolenza sesswali jkomplu jaħarbu milli jiġu kkastigati; jitlob bil-qawwa li din l-impunità titwaqqaf għal dawk li jwettqu vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-liġijiet dwar l-impunità jkunu rispettati, u jitlob it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja permezz tat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi fl-investigazzjoni u l-kastig ta' każijiet ta' vjolenza sesswali; jitlob, għalhekk, li l-każijiet ta' prosekuzzjoni jkunu viżibbli ħafna u ppubbliċizzati sew, bħala mezz biex tinxtered il-kelma li prattik bħal dawn huma intollerabbli;

13.

Jitlob li l-kwistjoni tal-impunità tkun fattur importanti fin-negozjati għall-paċi, peress li ma jistax ikun hemm il-paċi mingħajr ġustizzja, u r-responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-qorti u jaffaċċjaw il-konsegwenzi penali tal-azzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-impunità ma għandhiex tkun negozjabbli; jiddeplora l-fatt li proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi tal-vjolenza fuq in-nisa fil-gwerra spiss għandhom ritmu baxx wisq u joħolqu tbatija ulerjuri għall-vittmi, u għalhekk jappella għall-ġustizzja affidabbli u ekwa li għandha ssir fi żmien raġonevoli u b'rispett għad-dinjità tan-nisa li huma vittmi tal-gwerra;

14.

Jenfasizza li l-edukazzjoni għandha rwol ewlieni, mhux biss fl-emanċipazzjoni tan-nisa u tfajliet, iżda wkoll fil-ġlieda kontra l-isterjotipi u fl-iżvilupp tal-mentalità tan-nies; jilob li jkunu introdotti u/jew li jiżdiedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni bħala parti minn programmi edukattivi, li jġibu r-rispett għad-dinjità tan-nisa fuq quddiem;

15.

Jitlob li l-forzi armati jkollhom kliniki għan-nisa biex jittrattaw il-vjolenza sesswali u psikoloġika fiż-żoni tal-gwerra;

16.

Jitlob li nisa vittmi ta' maltrattament u vjolenza matul kunflitti jkunu jistgħu jressqu lmenti quddiem il-qrati internazzjonali f'kundizzjonijiet kompatibbli mad-dinjità tagħhom u taħt il-protezzjoni ta' dawk il-qrati kontra attakki fiżiċi u trawma minħabba interrogatorji f'sitwazzjonijiet li juru insensitività fil-konfront tat-trawma; jitlob li f'każijiet bħal dawn in-nisa kkonċernati jingħataw kumpens kemm f'termini ċivili kif ukoll kriminali, u li l-programmi ta' assistenza jiġu implimentati biex jgħinuhom jerġgħu jiksbu l-integrazzjoni ekonomika, soċjali u psikoloġika;

17.

Jitlob l-UE u l-Istati Membri jappoġġaw b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq n-nisa u l-bniet, permezz ta' miżuri speċifiċi bħal:

l-istabbiliment ta' sistema effikaċi ta' monitoraġġ tal-proċeduri legali kollha relatati ma' każijiet ta' vjolenza bħal din u s-segwitu tagħhom;

l-adozzjoni ta' miżuri, strateġiji u programmi li jiffukaw mhux biss fuq il-protezzjoni u l-elementi tal-prosekuzzjoni, iżda, aktar importanti minn hekk, fuq il-prevenzjoni;

programmi li jipprovdu konsulenza psikoloġika u fuq is-saħħa b'xejn għall-vittmi ta' vjolenza fil-lingwa nattiva tagħhom u skont il-kultura u d-drawwiet tagħhom, fejn possibbli, minn konsulenti nisa;

programmi li jipprovdu korsijiet dwar is-saħħa u letteratura li hija aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari dwar is-saħħa riproduttiva u sesswali, intiża għan-nisa u l-irġiel u kampanji ta' sensibilizzazzjoni jkunu mfassla biex ikunu adattati għall-kulturi tal-persuni li għalihom huma maħsuba;

passi speċifiċi li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li n-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt ikollhom aċċess ġust għal sistemi ta' saħħa pubblika (12), fil-kura primarja partikolari, inklużi l-protezzjoni tal-omm u tat-tifel kif definiti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (13), u kura ġinekoloġika u ostetrika,

l-iżvilupp ta' programmi ta' protezzjoni tax-xhieda sabiex jiġu protetti l-vittmi u jinkoraġġuhom, taħt il-garanzija tal-protezzjoni, iressqu l-ilment tagħhom u jixhdu kontra l-aggressuri tagħhom;

18.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li jkun żgurat li n-nisa jkunu atturi ugwali fil-proċessi relatati mar-riforma tal-ġustizzja u jew il-ġustizzja tranżnazzjonali biex ikun jistgħu jinsistu b’mod effiċjenti fuq l-infurzar ta’ drittijiet ugwali fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali;

19.

Jitlob lill-Kumissjoni, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-Parlament isibu mezzi biex jippromwovu l-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma tal-1998 (għall-Qorti Kriminali Internazzjonali) mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għadhom ma għamlux dan, bħala pass meħtieġ lejn il-ħarsien tad-drittijiet sesswali tan-nisa waqt żminijiet ta’ gwerra u sabiex tkun evitata l-impunità ta’ min iwettaq id-delitti;

20.

Jikkundanna t-teħid tal-ostaġġi u jitlob li jkun hemm pieni eħrex għal min juża l-bnedmin bħala tarka f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

21.

Jitlob li l-priġunieri nisa jkunu akkomadati f'akkomodazzjonijiet separati minn dawk tal-irġiel, b’mod partikolari biex ikun evitat l-abbuż sesswali;

22.

Jenfasizza l-importanza tad-dritt li l-qraba jkunu jafu x'sar mill-qraba li jkunu ġew irrappurtati nieqsa, u jitlob lill-partijiet involuti f'kunflitti armati biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jagħtu rendikont dwar il-persuni rapportata nieqsa;

23.

Jitlob li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprovdu ħarsien addizzjonali għan-nisa kontra l-istupru, il-prostituzzjoni furzata u kwalunkwe forma oħra ta’ attentat għall-pudur, kif ukoll il-kura partikolari għan-nisa tqal u għall-ommijiet ta’ tfal żgħar fir-rigward il-provvista ta’ ikel, ħwejjeġ, evakwazzjoni u trasport u faċilitajiet mediċi sabiex ikunu evitati każijiet ta’ tqala mhux mixtieqa u mard trażmess sesswalment, bħala oqsma prijoritarji fil-qafas tal-Istrument ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp għall-perjodu 2014-2020;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tistabbilixxi unitajiet ta’ rispons rapidu magħmula minn persunal imħarreġ (bħal tobba, psikologi, soċjologi, konsulenti legali eċċ.) bil-ħsieb li jipprovdu appoġġ immedjat u in situ għall-vittmi ta’ delitti fuq bażi ta’ ġeneru;

25.

Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1960 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li teħtieġ informazzjoni dettaljata dwar dawk li allegatament ikkommettew vjolenza sesswali waqt kunflitti armati; jistieden lill-Istati Membri jżiedu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1960;

26.

Jitlob analiżi tal-possibilità ta' kumpens adegwat għall-vittmi, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riperkussjonijiet psikoloġiċi fuq il-familji u t-tfal tal-vittmi, b'mod konformi mal-liġi internazzjonali u nazzjonali applikabbli;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jemanċipaw lin-nisa fir-rigward tad-drittijiet tagħhom u aċċess għall-art, l-wirt, l-kreditu u t-tfaddil f'sitwazzjonijiet wara l-kunflitti, speċjalment f'pajjiżi fejn id-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa mhumiex legalment infurzabbli jew soċjalment rikonoxxuti;

28.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-immaġni tan-nisa bħala vittmi vulnerabbli tiġi kkumplimentata bl-immaġni tan-nisa bħala grupp differenzjat ferm ta' atturi soċjali, li għandhom riżorsi u ħiliet ta' valur u li għandhom l-aġendi proprji tagħhom; huwa tal-fehma li n-nisa jinfluwenzaw l-iżvolġiment tal-avvenimenti u għandhom isawru l-iżvilupp tal-proċess; huwa tal-fehma li n-nisa li sfaw vittmi ta' gwerra, ma għandhomx jibqgħu jkunu kkunsidrati bħala vittmi tal-gwerra biss iżda aktar bħala atturi fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza li n-nisa b'mod ġenerali jistgħu jwettqu dan ir-rwol biss ladarba huma jkunu rappreżentati b'mod ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi;

29.

Jenfasizza li l-fehim tan-nies rigward ir-rwol tan-nisa fis-soċjetajiet wara gwerra u tal-kontribut tagħhom għar-rikostruzzjoni wara l-gwerra, għandu jmur lil hinn min-narrattiva universalistika ta' "l-esperjenza tan-nisa fil-gwerra" u li l-ispeċifiċità u d-diversità tal-esperjenzi tan-nisa għandhom jiġu rikonoxxuti;

Rakkomandazzjonijiet

30.

Jitlob il-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fi ħdan is-SEAS, sabiex jissemplifika l-perspettiva tal-ġeneru u jikkoordina b'mod aktar effiċjenti mas-servizzi korrispondenti tiegħu fin-NU; jitlob li l-politiki tal-EU relevanti kollha, il-gruppi ta' azzjoni u l-unitajiet/il-punti fokali li jittrattaw l-ugwaljanza tas-sessi u s-sigurtà jkunu taħt il-koordinazzjoni ta', jew marbuta ma', dan ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-effiċjenza, kif ukoll l-implimentazzjoni sistematika, konsistenti u komprensiva tal-istrateġiji li għandhom jiġu adottati u l-azzjoni li għandha tittieħed;

31.

Jitlob li l-grupp ta' azzjoni informali "In-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà" jingħata sostenn u jkun rikonoxxut

32.

Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru fil-kuntest tar-riċerka tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom, l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta’ wara l-kunflitti u l-komponent tal-integrazzjoni tal-ġeneru fid-Dokumenti ta’ Strateġija għall-Pajjiż;

33.

Jinkoraġġixxi bis-saħħa lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw kwistjonijiet ta' żvilupp – b'mod partikolari r-rikonoxximent tad-dritt tal-ommijiet li jirċievu l-ħarsien u l-appoġġ u li jindukraw u jrabbu lil uliedhom, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ekonomika tan-nisa, b’attenzjoni speċjali għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, partikolarment fir-rigward tas-sjieda u tal-kultivazzjoni tal-art – fl-azzjonijiet tagħhom li jolqtu lin-nisa fiż-żoni ta' kunflitt;

34.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tadotta lista ta' 17-il indikatur implimentattiv sabiex ikun evalwat ir-rendiment proprju tagħha dwar kwistjonijiet tal-ġeneru fil-pajjiżi fraġli, f'kunflitt u wara kunflitt; jenfasizza li dwan l-indikaturi, li għandhom jinkludu wkoll kejl kwalitattiv, jeħtieġu jittejbu. jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE iqisu l-konklużjonijiet ta' dan il-proċess ta' evalwazzjoni matul il-fażijiet tal-ipprogrammar u tal-implimentazzjoni;

35.

Jistieden lis-SEAE, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010, sabiex jiżgura li l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-inizjattivi tal-pajjiżi favur il-promozzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fis-sitwazzjonijiet qabel il-kunflitt, matul il-kunflitt u wara l-kunflitt ikunu ġestiti fil-livell ta' delegazzjoni sabiex jolqtu aktar l-elementi speċifiċi ta' kull kuntest u l-probabilità ta’ dimensjoni reġjonali eżistenti;

36.

Jistieden l-Istati Membri jadottaw, jimplimentaw u jimmonitarjaw l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw fil-pjanijiet u l-istrateġiji tagħhom għadd ta' standards minimi li jinkludu objettivi realistiċi bl-indikaturi speċifiċi, il-punti ta’ riferiment, il-perjodi stabbiliti ta' żmien, il-baġit allokat u mekkaniżmu ta' monitoraġġ effikaċi; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-NGOs fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta' azzjoni;

37.

Jistieden lill-UE tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet u tippromwovi aktar nisa għal-livell ta' tmexxija, pereżempju bħala Kapijiet ta' Delegazzjoni tal-UE lejn pajjiżi terzi u Kapijiet ta' Missjoni tal-UE;

38.

Jenfasizza l-appell tal-Kummissjoni biex l-UE ssostni lill-pajjiżi terzi fil-konformità mal-obbligi internazzjonali u fl-implimentazzjoni tagħhom, bħall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr, il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, u d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-NU;

39.

Jappoġġa bis-sħiħ l-inklużjoni ta' Konsulenti dwar is-Sessi jew Punti Fokali dwar is-Sessi fi ħdan il-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK) u d-delegazzjonijiet tal-UE u jistieden lill-RGħ/VP tipprevjeni l-mandat doppju tagħhom u tipprovdihom b'riżorsi u awtorità adegwati;

40.

Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi, id-diskriminazzjoni (ibbażata fuq il-ġeneru, kulturali jew ibbażata fuq ir-reliġjon) u l-vjolenza domestika, flimkien mal-importanza tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali; jinnota li dawn il-kampanji għandhom jiġu kkumplimentati mill-promozzjoni ta' dehra pożittiva tan-nisa permezz ta' referenza għal personaġġi eżemplari nisa fil-kuntest tal-midja u r-reklamar, il-materjali edukattivi u l-internet;

41.

Jitlob l-istabbiliment ta' proċeduri adegwati għat-tressiq tal-ilmenti tal-pubbliku fil-kuntest ta' missjonijiet tal-PSDK, li b'mod partikolari se jgħinu r-rappurtar ta' vjolenza sesswali u dik bbażata fuq il-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rapport dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalazzjoni ta' kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK; ifakkar li l-missjonijiet tal-PSDK huma fost l-aktar għodda importanti tal-EU sabiex juru l-impenn tagħha favur l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kriżijiet;

42.

Jitlob baġit speċifiku allokat għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tad-data miġbura fuq il-bażi ta' indikaturi żviluppati fil-livell tal-UE; jitlob linji baġitarji speċifiċi għall-għarfien dwar is-sessi, u proġetti u attivitajiet dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-missjonijiet tal-PSDK;

43.

Jistieden lill-awtorità baġitarja tal-UE żżid ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa fl-Istrumenti ta' Finanzjament għall-Iżvilupp futuri għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020;

44.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri neċessarji biex itejbu l-kumplimentarità u l-mobilizzazzjoni f'waqtha tal-istrumenti finanzjarji kollha għall-azzjoni esterna tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, l-Istrument għall-Għajnuna Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istrument għall-Istabilità, sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni tar-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra;

45.

Jitlob għall-appoġġ speċifiku mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) fir-rigward tal-ġbir, l-ipproċessar u t-tqassim ta' prassi effikaċi fir-rigward tal-integrazzjoni ta' ugwaljanza tas-sessi fl-implimentazzjoni tal-indikaturi ta' Pekin fil-qasam tan-nisa u l-kunflitti armati;

46.

Jenfasizza r-rwol importanti tas-Sħubija KE/NU dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-Iżvilupp u l-Paċi li hija intiża biex tidentifika approċċi għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa f'modalitajiet ta' għajnuna ġodda, u biex jipprovdi appoġġ għall-isforzi tas-sħab nazzjonali biex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex l-impenn tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi jkun rifless permezz ta' allokazzjonijiet finanzjarji adegwati fil-programmi nazzjonali għall-iżvilupp u l-baġits; jenfasizza li dan il-proġett jiffoka b'mod partikolari fuq ir-rwol tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara l-kunflitt, u speċjalment fuq l-implimentazzjoni xierqa tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

47.

Jistieden lill-Unjoni, meta tkun qiegħda tipproponi għajnuna għal rikostruzzjoni wara kunflitt, tiffoka fuq it-twaqqif ta' skejjel bil-ħsieb li tittejjeb l-edukazzjoni għas-subien u l-bniet;

48.

Jilqa' l-inizjattivi varji biex jinħolqu indikaturi speċifiċi għas-sessi ta' twissija bikrija u ta' sorveljanza tal-kunflitti, bħal dawk meħuda mill-NU għan-Nisa, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Fondazzjoni Svizzera għall-Paċi, it-Twissija Internazzjonali u l-Forum dwar Twissija Bikrija u Rispons Bikri;

49.

Jenfasizza l-importanza li n-nisa jitpoġġew fiċ-ċentru tal-provvista tal-ilma, tas-sanità u tal-politika dwar l-iġjene f'żoni ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitti u jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiżdied l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità adegwata u l-ilma għal skopijiet ta' produzzjoni;

*

* *

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  A/RES/48/104..

(2)  Anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-7 ta' Marzu 2011.

(3)  Dokument tal-Kunsill 09990/2011 tal-11 ta' Mejju 2011

(4)  Dokument tal-Kunsill 15671/1/2008 tal-1 ta’ Diċembru 2008.

(5)  Dokument tal-Kunsill 08373/3/2005 tat-18 ta' Mejju 2005.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0439.

(7)  ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 32.

(8)  ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 287.

(9)  Studju tal-impatt fuq għaxar snin dwar l-Inplimentazzjoni tal-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fiż-Żamma tal-Paċi, Rapport Finali lid-Dipartiment għall-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi, id-Dipartiment tas-Sostenn għall-Missjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, 2010

(10)  Dok. tal-Kunsill 11948/2010 tal-14 ta' Lulju 2010.

(11)  Dok. tal-Kunsill 09990/2011 tal-11 ta' Mejju 2011.

(12)  Kif stabbilit fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Kunsill tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Ewropa (riveduta), Parti I, Prinċipju 11.

(13)  Il-56 Assemblea Dinjija tas-Saħħa A56/27, punt 14.18 tal-abbozz ta' aġenda, tal-24 ta' April 2003, Konferenza Internazzjonali dwar Kura tas-Saħħa Primarja, f'Alma-Ata: 25 anniversarju, Rapport mis-Segretarjat