22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-agrikoltura u l-artiġjanat — għaqda rebbieħa għaż-żoni rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 143/07

Relatur: is-Sur KIENLE

Nhar it-22 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-agrikoltura u l-artiġjanat – għaqda rebbieħa għaż-żoni rurali (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Jannar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-23 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’184 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Permezz ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE jixtieq jagħti lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tħejjija tal-politiki tagħhom, b’mod partikolari fl-iżvilupp tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020. Din l-opinjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u tressaq proposti konkreti li jikkonċernaw il-finanzjament futur mill-FAEŻR u l-Fondi Strutturali tal-UE, kif ukoll politiki oħra Ewropej. F’għajnejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw is-setturi tal-agrikoltura u tal-artiġjanat, dan l-impenn ċar favur id-dimensjoni reġjonali u/jew il-katini ta’ valur reġjonali huwa sinjal importanti ta’ appoġġ għall-attivitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, il-KESE jittama li l-opinjoni tiegħu ser tagħti spinta ’l quddiem importanti lid-diskussjonijiet li jsiru fil-livell nazzjonali.

1.2   Fid-dawl tal-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 u t-12 ta’ Ottubru 2011 marbutin mal-finanzjament mill-FAEŻR u l-Fondi Strutturali għall-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020, il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

1.2.1

L-appoġġ għall-investiment offert lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fil-qafas tal-FAEŻR, kif imsemmi fil-proposta, għandu jitwessa’ u jiġi kkwalifikat skont dan, fil-perspettiva tal-kooperazzjoni reġjonali bejn in-negozji stabbiliti fil-livell rurali, b’mod partikolari fis-setturi tal-artiġjanat u tal-agrikoltura. Għaldaqstant, għandhom jitnedew u jiġu appoġġjati netwerks reġjonali ta’ komunikazzjoni u netwerks ta’ għoti ta’ pariri li jgħaqqdu flimkien lill-intraprendituri lokali.

1.2.2

L-inizjattivi lokali mmexxija mill-UE finanzjati fi ħdan il-FAEŻR u l-Fondi Strutturali huma mezz importanti kif jistgħu jiġu appoġġjati l-attivitajiet artiġjanali, agrikoli, turistiċi u kummerċjali ta’ reġjun. Madankollu, dawn l-inizjattivi ta’ appoġġ għandhom jagħtu prijorità lill-interessi tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi.

1.2.3

Għandu jingħata appoġġ sostnut lill-iskambju tal-għarfien xjentifiku, l-informazzjoni u l-innovazzjonijiet fost l-SMEs, sabiex jiġi mħeġġeġ u garantit l-impjieg fiż-żoni rurali, u biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ekonomiċi effikaċi f’dak li huma riżorsi u klima. Huwa importanti li l-ħiliet u l-esperjenza tradizzjonali ma jintesewx, iżda li, għall-kuntrarju, dawn jiġu mħarsa u użati bħala sors prezzjuż ta’ tagħlim.

1.2.4

Il-katini ta’ valur reġjonali joffru perspettivi sbieħ għall-ġejjieni tal-artiġjanat, tal-agrikoltura, tat-turiżmu, tal-kummerċ u tal-ekonomija rurali kollha. Dawn għandhom jingħataw attenzjoni partikolari, speċjalment fir-rigward tad-ditti reġjonali hekk imsejħa “umbrella”, kif ukoll tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni komuni.

1.2.5

In-negozji artiġjanali u agrikoli jistrieħu fuq infrastrutturi adegwati għan-negozji. Huma prinċipalment il-Fondi Strutturali li jridu joħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għal dan il-għan, pereżempju permezz ta’ baġits reġjonali flessibbli.

2.   Daħla

2.1   Is-setturi tal-agrikoltura u tal-artiġjanat, fejn tiddomina l-preżenza tal-SMEs, jagħġnu l-ekonomija rurali b’diversi modi u huma vitali għall-istrutturi ta’ provvediment u tal-ħajja soċjali tal-irħula u tal-ibliet żgħar tal-UE.

2.2   Fid-dawl tat-tkabbir imminenti tal-politika Ewropea ta’ appoġġ għaż-żoni rurali għall-perjodu 2014-2020, din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tagħti kontribut biex jintuża potenzjal ġdid għall-ħolqien ta’ valur miżjud għall-agrikoltura u l-artiġjanat fiż-żoni rurali. Il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-PAK u l-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 jipprovdu l-kuntest adegwat biex dan jinbeda. Dawn iwessgħu l-fondi tal-FAEŻR biex jinkludu l-intrapriżi kollha fiż-żoni rurali, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar fiż-żoni rurali, li jirrappreżentaw bidla kbira. F’kuntest ta’ skambju ta’ għarfien u ħiliet, din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tixpruna d-dibattitu Ewropew dwar tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Kwistjoni oħra hija dik tat-titjib tal-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri inklużivi u transsettorjali li jkollhom impatt dewwiemi fuq il-kwalità tal-ħajja u l-potenzjal ekonomiku taż-żoni rurali u li jiggarantixxu l-istrutturi ta’ provvista meta jseħħ tnaqqis demografiku. Fl-istess ħin, l-opinjoni għandha l-għan li tħeġġeġ id-dibattitu pubbliku dwar il-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-tibdil demografiku u d-dibattiti nazzjonali dwar iż-żamma tal-kompetittività u tal-vitalità taż-żoni rurali.

3.   Sitwazzjoni attwali

3.1   In-negozji żgħar u ta’ daqs medju artiġjanali u agrikoli, stabbiliti u minquxa fiż-żoni rurali, kemm mil-lat ta’ attività ekonomika kif ukoll tal-impenn soċjali tagħhom, joffru potenzjal konsiderevoli għat-tisħiħ tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali eżistenti u biex jintlaqgħu l-isfidi għall-ġejjieni. Huma għandhom impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja, u permezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, jikkontribwixxu biex jissawru identitajiet reġjonali. Huma għassiesa tat-tradizzjonijiet ewlenin u mexxejja tal-innovazzjoni fl-istess ħin. L-artiġjanat u l-agrikoltura jirrappreżentaw il-modernità u s-sostenibbiltà, il-prodotti ta’ kwalità, il-garanzija tal-provvista tal-enerġija, il-ħarsien sostenibbli tal-ambjent u tan-natura, kif ukoll il-konservazzjoni tal-wirt kulturali. Il-ħaddiema tas-setturi artiġjanali u agrikoli huma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ kwalifiki, spirtu ta’ inizjattiva, u ħila kbira li jadattaw u jitgħallmu. Dawn il-kwalitajiet huma l-bażi ta’ għadd ta’ mudelli soċjoekonomiċi li kienu ta’ suċċess fi rħula u bliet żgħar rurali.

3.2   Kważi r-reġjuni rurali kollha tal-UE għad fadlilhom potenzjal kbir x’joffru fil-qasam tal-ħolqien komuni ta’ valur għall-agrikoltura u l-artiġjanat. Dan il-potenzjal jinsab fil-kooperazzjoni fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni fil-livelli reġjonali u interreġjonali, iżda wkoll fil-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u fl-ugwaljanza tas-sehem tan-nisa u tal-irġiel.

3.3   L-istruttura taż-żoni rurali tvarja konsiderevolment fi ħdan l-UE. Maġenb reġjuni għonja ħafna fejn ir-rata tal-qgħad hija baxxa u t-tkabbir huwa sod, jeżistu wkoll reġjuni fejn jingħaqdu problemi ekonomiċi, ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ jew temigra. Barra minn hekk, mhux dejjem ikun possibbli l-aċċess f’distanzi aċċettabbli għal korsijiet ta’ taħriġ jew ta’ edukazzjoni vokazzjonali. Hemm ukoll ir-riskju li d-differenzi fl-iżvilupp soċjoekonomiku u fl-istandards tal-infrastrutturi jiżdidu.

3.4   Il-persuni avvanzati fl-età b’mod partikolari huma dipendenti fuq vjaġġi fuq distanzi qosra u servizzi lokali li jkunu jistgħu jaċċessaw faċilment; iż-żgħażagħ jeħtieġu infrastruttura bażika li taħdem tajjeb, bħall-internet, kindergardens u skejjel primarji. It-tibdil demografiku joħloq il-bżonn urġenti għal aġġustament tal-infrastrutturi u l-faċilitajiet rurali. Bħalissa, l-għarfien espert tan-negozji stabbiliti f’dawn iż-żoni, b’mod partikolari tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju, rarament jintuża bis-sħiħ fil-ġestjoni ta’ dawn l-isfidi. In-negozji artiġjanali u agrikoli soċjalment responsabbli u impenjati fil-livell lokali jagħtu kontribut imdaqqas għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fi ħdan is-soċjetà.

3.5   Biex jirnexxu, individwalment jew flimkien, in-negozji artiġjanali u agrikoli u l-imsieħba ekonomiċi reġjonali l-oħra jiddependu mill-veloċità tal-konnessjonijiet lokali tal-internet. Iżda l-aċċess għall-broadband ta’ sikwit ma jkunx sodisfaċenti, b’mod partikolari fiż-żoni rurali periferiċi.

3.6   Id-dimensjoni reġjonali qed tiġi diskussa dejjem aktar fid-dibattiti soċjali. Hija l-espressjoni ta’ soċjetà responsabbli u li tirrispetta ċerti valuri u hija prerekwiżit għal attività ekonomika u koeżistenza sostenibbli. Madankollu, ta’ spiss jiġri li r-reġjuni ma jkollhomx l-enerġija neċessarja, jew l-inċentivi għall-użu tal-potenzjal reġjonali għall-ħolqien ta’ valur ikunu dgħajfa wisq. Ta’ sikwit l-interazzjoni bejn l-intraprendituri tal-istess reġjun tkun assenti jew mhux żviluppata biżżejjed.

3.7   L-artiġjanat u l-agrikoltura qed iħabbtu wiċċhom mal-istess sfida li qiegħda dejjem tikber - dik tal-protezzjoni tar-riżorsi u tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima b’mod effiċjenti. Kemm fl-artiġjanat kif ukoll fl-agrikoltura, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ħarsien tal-klima huma kunċetti ewlenin għall-istrateġiji tan-negozji li jħarsu ’l quddiem. Permezz ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ setturi, iż-żoni rurali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jingħelbu l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà kollha kemm hi.

4.   Għanijiet

4.1   Fil-fehma tal-KESE huwa indispensabbli li l-istituzzjonijiet Ewropej u gvernijiet u amministrazzjonijiet nazzjonali jagħrfu aħjar il-potenzjal tal-artiġjanat u tal-agrikoltura, billi jqisuhom fil-politiki tagħhom biex b’hekk jgħinu biex jinżammu l-perspettivi tal-ġejjieni tar-reġjuni rurali.

4.2   Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-użu ta’ potenzjal ġdid għall-ħolqien komuni ta’ valur mill-artiġjanat u l-agrikoltura.

Għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa l-katini ta’ valur reġjonali li jgħaqqdu l-agrikoltura u l-artiġjanat ma’ setturi oħra bħall-kummerċ, it-turiżmu, is-saħħa, jew il-forestrija; dan ifisser li għandhom jiġu garantiti regoli ġusti ta’ kompetizzjoni u jiġu żviluppati wkoll strutturi li permezz tagħhom ikun jista’ jintuża aħjar il-potenzjal ekonomiku tar-reġjuni bl-għajnuna tal-SMEs lokali.

Għandu jkun hemm appoġġ għaż-żamma, id-diversifikazzjoni, il-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs fiż-żoni rurali, kif ukoll kooperazzjonijiet ekonomiċi transsettorjali.

Hemm bżonn li jiġu żviluppati programmi aċċessibbli faċilment għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-innovazzjoni u tal-ħiliet sabiex jittejjeb l-appoġġ għan-negozji żgħar fiż-żoni rurali; fir-reġjuni kollha tal-Ewropa għandhom jinħolqu possibiltajiet adegwati ta’ aċċess għat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali u jiġi żgurat l-iskambju tal-għarfien dwar it-teknoloġiji avvanzati tal-ġejjieni b’rabta ma’ applikazzjonijiet prattiċi.

L-istudenti għandhom iqattgħu ħin mal-artiġjani u l-bdiewa lokali biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri tal-produzzjoni tradizzjonali u moderni u biex jitgħallmu dwar il-valuri tax-xogħol awtonomu u indipendenti.

Il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel u prodotti oħra reġjonali għandhom jiġu mmirati lejn ħtiġijiet u karatteristiċi reġjonali speċifiċi; għaldaqstant għandhom jitħeġġu sistemi biex tiġi ggarantita l-kwalità, għall-istrateġiji għall-iżvilupp ta’ ditti u l-kummerċjalizzazzjoni.

Għandhom jiġu appoġġjati prattiki ekonomiċi effikaċi fir-rigward tar-riżorsi u l-klima.

Għandhom jiġu ppriservati u msaħħa s-servizzi ta’ utilità pubblika, l-infrastrutturi u l-ħajja soċjali fiż-żoni rurali.

Għandha titjieb il-konnessjoni ma’ netwerks broadband peress li din hija kundizzjoni indispensabbli għall-użu ta’ potenzjal għall-ħolqien ta’ valur mill-SMEs fiż-żoni rurali.

Is-sistemi ta’ provvista enerġetika deċentralizzati u l-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandhom jitqiesu bħala opportunità kbira biex jinħoloq potenzjal ġdid għall-ħolqien ta’ valur.

Fid-dawl tat-tibdil demografiku qawwi, huwa indispensabbli li tinżamm forza tax-xogħol ikkwalifikata fir-reġjuni rurali u li dawn jitressqu lejn l-attivitajiet li ser ikunu importanti fil-ġejjieni fi ħdan negozji artiġjanali u agrikoli.

Huwa assolutament neċessarju li l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u n-negozji taż-żoni rurali, b’mod partikolari dawk li fl-agrikoltura u l-artiġjanat, jitħeġġu jniedu djalogu mas-soċjetà ċivili u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam ekonomiku, kif ukoll li jinsiltu tagħlimiet mill-prattiki tajbin eżistenti.

4.3   Il-KESE jixtieq jinsisti fuq tliet objettivi li huma partikolarment importanti għall-promozzjoni aħjar ta’ dan il-potenzjal għall-ġejjieni għall-ġid tal-ekonomiji reġjonali u fi sħubija:

4.3.1   Dimensjoni reġjonali u ħolqien ta’ valur

Vantaġġ importanti tal-agrikultura u tal-artiġjanat huwa li dawn għandhom għeruq lokali u reġjonali. F’kuntest ta’ ekonomija globalizzata, il-prodotti lokali u reġjonali jassumu importanza partikolari. Ta’ sikwit permezz tal-miżuri li jittieħdu fil-livell lokali jkunu jistgħu jissolvew il-problemi attwali. Għaldaqstant, l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur reġjonali jikseb importanza akbar. Fis-settur tal-ikel b’mod partikolari, tradizzjonalment hemm rabtiet u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-agrikoltura u l-artiġjanat li, f’għadd kbir ta’ reġjuni, jirrappreżentaw valur miżjud sinifikanti għall-konsumatur. Jeżistu ħafna eżempji pożittivi ta’ dan u jkun tajjeb li jiġu żviluppati aktar u li jinfirxu ma’ reġjuni oħra. Dan għandu jservi wkoll bħala mudell għal setturi oħra ta’ prodotti u servizzi, bħalma huma l-ipproċessar tal-injam u t-turiżmu rurali. Fl-istess ħin, din il-kooperazzjoni tista’ tgħin biex jitħarsu l-istrutturi tal-provvista lokali, biex jitnaqqas it-traffiku u b’hekk isir kontribut għall-protezzjoni tal-klima.

Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi rurali ewlenin fis-sura ta’ katini ta’ valur tippermetti wkoll li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel jiġu orjentati lejn il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni u li tinħoloq identità lokali unika. L-iżvilupp ta’ ditti reġjonali hekk imsejħa “umbrella” għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni komuni twieġeb għall-bżonnijiet li qed jikbru tal-konsumaturi dwar il-kwalità u l-oriġini tal-prodotti. Għandhom jiġu introdotti tikketti ta’ kwalità u ta’ oriġini għal prodotti artiġjanali, l-istess bħalma hemm għall-prodotti tal-ikel.

4.3.2   Enerġija u materja prima

It-twaqqif ta’ sistemi ta’ provvista enerġetika deċentralizzati u ta’ miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fiż-żoni rurali fil-ġejjieni ser jikseb importanza akbar u sinifikanti fl-Ewropa u dawn ser joffru opportunità ideali għall-kooperazzjoni bejn is-settur tal-artiġjanat u dak tal-agrikoltura. Il-benefiċċji ambjentali tal-enerġiji u l-materji primi rinnovabbli jistgħu jintużaw b’mod sħiħ biss jekk dawn jiġu pproċessati fir-reġjuni fejn jiġu prodotti. Għal dan, hemm bżonn ta’ esperti lokali.

Is-settur tat-tkabbir, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materja prima u tal-materjali rinnovabbli huma oqsma oħra ta’ azzjoni fejn hemm prospetti tajbin għall-kooperazzjoni reġjonali.

4.3.3   L-iżgurar tas-snajja’

Minħabba t-tibdil demografiku u, fir-reġjuni rurali periferiċi, minħabba emigrazzjoni mdaqqsa tal-popolazzjoni lejn ċentri urbani, in-negozji agrikoli u artiġjanali qed isibuha dejjem aktar diffiċli jirreklutaw nies tas-sengħa bi kwalifiki għoljin (1). Kif ingħad diġà f’opinjoni oħra tal-KESE, l-impjieg tan-nisa jistħoqqlu attenzjoni partikolari (2). Biex tiġi żgurata l-vijabbiltà lokali fuq tul ta’ żmien, hemm bżonn jittejbu l-fatturi ta’ lokalità indiretti bħall-kwalità tal-ħajja, id-disponibbiltà tad-djar, l-edukazzjoni, l-offerta kulturali u ta’ divertiment u fuq kollox il-faċilitajiet għall-familji żgħażagħ. L-isforzi tal-imsieħba ekonomiċi biex tiġi pprovduta informazzjoni bikrija dwar il-professjonijiet tal-ġejjieni offerti mill-artiġjanat u l-agrikoltura għal studenti u żgħażagħ, għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri politiċi maħsuba mill-uffiċċji tax-xogħol u l-iskejjel pubbliċi. Il-ħaddiema mħarrġa għal dawn il-professjonijiet ikunu lesti għax-xogħol, u bil-kapaċità importanti li jadattaw għall-isfidi l-ġodda fis-suq tax-xogħol (3).

5.   Miżuri

5.1   Biex jinkisbu l-għanijiet imniżżlin hawn fuq, il-KESE jqis li hemm bżonn li nibnu fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, li l-appoġġ għaż-żoni rurali fi ħdan il-FAEŻR, u s-sitt prijoritajiet ta’ finanzjament tiegħu, u l-Fondi Strutturali, jitqiesu b’mod adegwat, kif ukoll li jinkiseb impatt dewwiemi fuq il-kwalità tal-ħajja u l-potenzjal ekonomiku f’żoni rurali permezz ta’ approċċi politiċi integrati. Approċċ transsettorjali u li juża fondi differenti jgħin konsiderevolment l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur komuni, it-tnaqqis tal-emigrazzjoni u l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ provvista f’żoni rurali, u minn dan igawdu l-oqsma tal-ekonomija kollha u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha li jkunu stabbiliti fiż-żona.

5.2   Fil-fehma tal-KESE, l-elementi ta’ azzjoni konkreti li jridu jitqiesu fit-tfassil tal-politika strutturali futura tal-UE dwar iż-żoni rurali huma b’mod partikolari:

l-investimenti favur id-diversifikazzjoni, il-ħolqien, l-iskambju ta’ attivitajiet u ta’ żvilupp tal-SMEs fiż-żoni rurali;

il-promozzjoni u t-tnedija ta’ kooperazzjonijiet u ta’ pjattaformi transsettorjali (billi pereżempju jiġu organizzati “round tables” fuq bażi regolari);

il-promozzjoni ta’ attività ekonomika reġjonali (tradizzjonali) fuq distanzi ta’ trasport qosra;

il-promozzjoni ta’ ditti reġjonali hekk imsejħa “umbrella” għal finijiet ta’ ipproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni komuni ta’ prodotti u servizzi reġjonali;

il-promozzjoni tal-kwalità u tas-sistemi għall-garanzija tal-kwalità, li huma essenzjali biex jinbiegħu l-prodotti;

il-promozzjoni ta’ prattiki ekonomiċi effikaċi fir-rigward tar-riżorsi u l-klima;

l-appoġġ tal-iskambju mmirat ta’ għarfien u ħiliet lin-negozji artiġjanali, agrikoli, kif ukoll ta’ imsieħba ekonomiċi oħra fiż-żoni rurali;

il-promozzjoni ta’ sħubijiet ta’ innovazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-innovazzjonijiet orjentati lejn l-applikazzjonijiet u l-proċessi għall-SMEs;

iż-żamma u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi għan-negozji fil-viċinanza fiż-żoni rurali (b’mod partikolari l-broadband);

appoġġ għall-miżuri mill-imsieħba soċjali u ekonomiċi sabiex jintlaqgħu l-ħtiġijiet futuri tal-forza tax-xogħol;

ħidma biex tixxerred l-informazzjoni permezz ta’ żjajjar fi skejjel u fost iċ-ċittadini;

l-estensjoni tal-inizjattiva “LEADER” attwali biex jiġu inklużi ħafna aktar l-intraprendituri u biex jingħata spinta ’l quddiem il-potenzjal ekonomiku fiż-żoni rurali;

il-promozzjoni tan-netwerks ta’ għoti ta’ pariri minn negozjanti li għandhom SME, speċjalment biex dawn jiggwidaw il-kooperazzjoni;

il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ pjattaformi għall-ġbir u t-tixrid tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp reġjonali u l-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjoekonomiċi rurali;

l-appoġġ għar-reġjuni rurali permezz ta’ baġit reġjonali flessibbli.

Brussell, 23 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE 1704/2007, ĠU C 120, 16.5.2008, p.47

(2)  CESE 1175/2011, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 43

(3)  ibidem