52012DC0743

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment /* COM/2012/0743 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

1.1........ L-isfond......................................................................................................................... 3

1.2........ Valutazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tar-Regolament...................................................... 4

2........... Il-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament........................................................................ 4

2.1........ Proċedimenti koperti mir-Regolament.............................................................................. 4

2.1.1..... Proċediment ta’ qabel il-falliment u proċedimenti ibridi..................................................... 4

2.1.2..... Il-falliment ta’ individwi privati u persuni li jaħdmu għal rashom......................................... 7

2.2........ Il-proċedimenti esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni, l-Artikolu 1(2)................................... 7

2.3........ Għarfien ta’ proċedimenti ta’ falliment miftuħa barra l-UE jew koordinazzjoni bejn il-proċeduri fl-UE u barra minnha............................................................................................................................ 8

3........... Ġuriżdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment.......................................................... 9

3.1........ Id-definizzjoni u d-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi ewlenin tad-debitur (COMI).... 9

3.2........ Qafas proċedurali għall-eżami ta’ ġuriżdizzjoni............................................................... 10

3.3........ Azzjonijiet li jirriżultaw minn falliment............................................................................. 11

4........... Liġi applikabbli............................................................................................................. 11

4.1........ Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali (Lex fori concursus)................................... 11

4.2........ L-eċċezzjonijiet tal-prinċipju lex fori.............................................................................. 12

5........... Rikonoxximent ta’ sentenzi li jiftħu proċedimenti ta’ falliment.......................................... 14

6........... Koordinazzjoni ta’ proċeduri ewlenin u sekondarji......................................................... 14

7........... Gruppi ta’ kumpaniji..................................................................................................... 15

8........... Il-pubblikazzjoni ta’ u l-informazzjoni dwar proċedimenti ta’ falliment............................. 16

9........... Tressiq ta’ pretensjonijiet.............................................................................................. 17

10......... Konklużjonijiet............................................................................................................. 18

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment

1.           Introduzzjoni

1.1.        L-isfond

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment[1] (ir-"Regolament" jew "REF") daħal fis-seħħ f’Mejju 2002. Ir-Regolament stabbilixxa qafas Ewropew għall-proċedimenti ta’ falliment f’livell transkonfinali. Dan japplika kull meta d-debitur ikollu l-assi jew kredituri f’aktar minn Stat Membru wieħed, irrispettivament minn jekk ikunx persuna fiżika jew legali. Ir-Regolament jiddetermina liema qorti jkollha ġuriżdizzjoni li tiftaħ proċedimenti ta’ falliment u tiżgura r-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni sussegwenti fl-Unjoni kollha. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli u jipprovdi għal koordinazzjoni tal-proċedimenti ewlenin u sekondarji.

Ir-Regolament japplika fl-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, li għandha sistema speċjali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament. Huwa għandu l-għan li jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament. Dan ir-rapport qies id-dokumenti li ġejjin:

· studju legali kumparattiv dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament f’26 Stat Membru li kien sar mill-Universitajiet ta’ Heidelberg u Vjenna bl-appoġġ ta’ netwerk ta’ relaturi nazzjonali[2];

· studju ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ emenda tar-Regolament li sar minn konsorzju magħmul minn GHK u Milieu[3];

· Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-internet li saret bejn Marzu u Ġunju 2012[4]. Il-Kummissjoni rċeviet total ta’ 134 tweġiba mill-Istati Membri kollha ħlief il-Bulgarija u Malta, bir-Renju Unit (21%), ir-Rumanija (20%) u l-Italja (12%) jirrappreżentaw iktar minn 50% ta’ dawk kollha li wieġbu. It-tweġibiet waslu mingħand firxa wiesgħa ta’ persuni interessati b'akkademiċi, professjonisti legali u awtoritajiet pubbliċi jagħtu l-akbar numru ta’ tweġibiet.

L-applikazzjoni tar-Regolament ġiet ukoll diskussa man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali.

1.2.        Valutazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tar-Regolament

Abbażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Regolament huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala strument siewi għall-koordinazzjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment f’livell transkonfinali fl-Unjoni. L-għażliet fundamentali tagħha u l-politiki sottostanti huma fil-biċċa l-kbira tagħhom appoġġati mill-partijiet interessati. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iċċarat l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar numru ta’ kwistjonijiet, u b’hekk ikkontribwiet għall-interpretazzjoni uniformi tar-Regolament mill-qrati nazzjonali. Din il-valutazzjoni hija appoġġjata mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, fejn il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jqisu li r-Regolament jaħdem b’mod effiċjenti, u l-professjonisti legali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-akkademiċi esprimew il-fehmiet l-aktar pożittivi.

Madankollu, ġew identifikati għadd ta’ nuqqasijiet tar-Regolament mill-istudju ta’ evalwazzjoni u mill-konsultazzjoni pubblika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn li tressaq l-adattamenti meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa għal ambjent modern u li jiffavorixxi n-negozju. Essenzjalment, ġew identifikati problemi fir-rigward tal-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-relazzjoni bejn proċedimenti ewlenin u sekondarji, il-pubbliċità ta’ deċiżjonijiet relatati mal-falliment u l-preżentazzjoni ta’ klejms. Barra minn hekk, ġie kkritikat in-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar l-falliment ta’ membri ta’ grupp ta’ kumpaniji. Dawn il-kwistjonijiet huma deskritti f’aktar dettall hawn taħt.

2.           Il-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament

2.1.        Proċedimenti koperti mir-Regolament

L-għan primarju tar-Regolament huwa li jassigura li d-deċiżjoni biex jinfetaħ proċediment ta’ falliment u l-effetti tiegħu, kemm fir-rigward ta’ persuni fiżiċi kif ukoll ta’ persuni ġuridiċi, ikunu rikonoxxuti madwar l-Unjoni. L-Artikolu 1(1), li jistabbilixxi l-kriterji li proċedimenti nazzjonali għandhom iwettqu biex jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament, jirrifletti l-kunċett tradizzjonali ta’ proċedimenti ta’ falliment, minħabba li jippresupponi l-falliment tad-debitur u jitlob iċ-ċessjoni tad-debitur u l-ħatra ta’ likwidatur. Madankollu, minħabba xejriet u metodi ġodda fl-Istati Membri, il-kamp tal-applikazzjoni attwali tar-Regolament ma għadux ikopri firxa wiesgħa ta’ proċedimenti nazzjonali li għandhom l-għan li jsolvu l-istat ta' dejn ta’ kumpaniji u individwi.

2.1.1.     Proċediment ta’ qabel il-falliment u proċedimenti ibridi

Bħalissa, bosta liġijiet nazzjonali dwar l-falliment fl-Ewropa jipprovdu għal proċedimenti ta’ qabel l-falliment u proċedimenti ibridi. Proċedimenti ta' qabel l-falliment jistgħu jiġu karatterizzati bħala proċedimenti kważi kollettivi taħt is-superviżjoni ta’ qorti jew awtorità amministrattiva li jagħtu lil debitur f’diffikultajiet finanzjarji l-opportunità biex jirristruttura fi stadju ta’ qabel l-falliment u biex jiġi evitat il-bidu ta’ proċedimenti ta’ falliment fis-sens tradizzjonali. Proċedimenti ibridi huma proċeduri fejn id-debitur iżomm ċertu kontroll fuq l-assi u l-affarijiet tiegħu, għalkemm dan ikun suġġett għal kontroll jew superviżjoni minn qorti jew professjonist fil-qasam tal-falliment.

L-istudju ta’ valutazzjoni jikkonkludi li 15-il Stat Membru għandhom proċedimenti ta’ qabel l-falliment jew ibridi li bħalissa mhumiex elenkati fl-Anness A tar-Regolament kif stipulat fit-tabella hawn isfel.

Tabella: Proċedimenti ta’ qabel l-falliment u ibridi mhux inklużi fl-Anness A ta' dan ir-Regolament

L-Awstrija || - proċedimenti taħt l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju tal-1997 (Reorganisationsverfahren)

Il-Belġju || - Investigazzjoni kummerċjali (Handelsonderzoek / enquête commercial; Artikolu 8 et seq. LCE (Loi relative à la continuation des entreprises) - Il-ħatra ta' medjatur (Aanstelling ondernemingsbemiddelaar / Désignation d’un médiateur d’entreprise) Art. 13 LCE) - Il-ħatra ta' medjatur tal-qorti (Aanstelling gerechtsmandataris / Désignation d’un mandataire de justice; Art. 14 LCE) - Ftehim barra l-qorti (Minnelijk akkoord / Accord amiable; Art. 15 LCE) - Riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta' ftehim individwali (Gerechtelijke reorganisatie door een minnelijk akkoord / Réorganisation judiciaire par accord amiable; Art. 43 LCE) - Il-ħatra ta' amministratur proviżorju (Aanstelling voorlopig bestuurder / Désignation d’un administrateur provisoire) Art. 28 LCE)

L-Estonja || - Proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni għal entitajiet legali (L-Att Estonjan dwar ir-Rijoganizzazzjoni) - proċedimenti ta’ aġġustament tad-dejn għal persuni fiżiċi (l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn u dwar il-Protezzjoni tad-Dejn)

Franza || - mandat ad hoc (L 611-3 Code de commerce) - proċeduri ta’ konċiljazzjoni (L 611-4 et seq. Code de commerce) - sauvegarde financière accélérée (SFA)

Il-Ġermanja || - proċedimenti ta’ lqugħ protettiv (Schutzschirmverfahren, Taqsima 270b InsO) [5]

Il-Greċja || - Il-Proċedura ta’ rijorganizzazzjoni (diadikasia eksigiansis, διαδικασία εξυγίανσης; Artikolu 99 et seq. tal-Kodiċi tal-Greċja dwar il-Falliment, kif emendat mill-Artikolu 234 tal-liġi reċenti Nru 4072/2012)

L-Italja || - accordo di ristrutturazzjoni dei debiti (Art. 182 bis tal-Att Taljan dwar l-Falliment) - piano di risanamento attestato

Il-Latvja || - proċeduri ta’ ħarsien legali barra mill-qorti (ipprovdut fil-Liġi dwar l-falliment tas-26 ta’ Lulju 2010)

Malta || - Skema statutarja ta’ kompromess jew arranġament (Rikostruzzjonijiet ta’ Kumpaniji) - Il-Proċedura ta’ Rkupru għal Kumpanija

Il-Pajjiżi l-baxxi || - Schuldsaneringsregeling, li tapplika għal persuni fiżiċi, l-Artikolu 287a tal-Att Olandiż dwar l-Falliment

Il-Polonja || - proċediment ta’ rijabilitazzjoni (Postępowanie naprawcze; Art. 492-521 tal-Liġi dwar l-Falliment u r-Rijabilitazzjoni)

Ir-Rumanija || - mandat ad-hoc (mandatul ad-hoc; Art. 7 et seq. Law No. 381/2009) - concordat préventif (concordatul preventiv; Art. 13 et seq. Liġi Nru 381/2009)

Spanja || - homologación de los acuerdos de refinanciación (ir-4 dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Nru 38/2011 li temenda l-Att Spanjol dwar l-Falliment)

L-Isvezja || - Proċediment ta’ solliev mid-dejn (skuldsanering; Taqsima 4 tal-Liġi dwar is-solliev għad-dejn) applikabbli għal individwi privati

Ir-Renju Unit || - skemi ta’ arranġament (Parti 26 tal-Att tal-Kumpaniji 2006)

Il-problema ewlenija li tirriżulta mill-fatt li għadd sostanzjali ta’ proċedimenti ta’ qabel l-falliment u ibridi bħalissa mhumiex koperti b’dan ir-Regolament hija li l-effetti tagħhom mhumiex rikonoxxuti madwar l-UE kollha. Bħala konsegwenza, kredituri li ma jaqblux jistgħu jfittxu li jinfurzaw it-talbiet tagħhom kontra l-assi tad-debitur li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, u dan jista’ jfixkel l-isforzi biex tiġi salvata kumpanija (l-hekk imsejħa problema tal-"holding-out"). Barra minn hekk, opportunitajiet biex jiġu salvati kumpaniji jistgħu jintilfu minħabba li l-partijiet ma jkunux lesti jinvolvu ruħhom fil-proċeduri rilevanti jekk ir-rikonoxximent transkonfinali tagħhom ma jkunx żgurat. Għalhekk, ġie rrakkomandat li dawn il-problemi jiġu indirizzati fir-reviżjoni tar-Regolament. Dan il-ħsieb huwa kondiviż mill-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (59%), li kienu tal-fehma li r-Regolament għandu jkopri l-proċedimenti ta’ qabel l-falliment u ibridi. Il-fehmiet kienu mħallta, madankollu, dwar eżattament liema proċeduri għandhom jiġu koperti u, partikolarment, fejn is-sorveljanza tal-qorti għandha tkun meħtieġa.

Barra minn hekk, l-istudju ta’ evalwazzjoni identifika problemi rigward id-diskrepanzi bejn il-proċeduri mniżżla fl-Annessi u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1). Dawn il-problemi huma murija b’żewġ referenzi għal deċiżjoni preliminari li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel każ iqajjem il-mistoqsija dwar jekk ir-Regolament japplikax għal proċedura nazzjonali ta’ falliment li mhijiex elenkata fl-Annessi, iżda li tikkorrispondi għad-definizzjoni tal-Artikolu 1(1)[6]. It-tieni każ jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament japplikax għal proċeduri nazzjonali li huma elenkati fl-Anness, iżda li ma jikkorrispondux għad-definizzjoni tal-Artikolu 1(1)[7]. Dawn il-każijiet juru li attwalment hemm xi inċertezza legali rigward liema proċeduri huma fil-fatt koperti mill-ambitu.

It-tielet problema identifikata tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn proċeduri nazzjonali li huma elenkati fl-Annessi jinbidlu mill-Istati Membri mingħajr l-ebda notifika tal-modifiki lill-Kummissjoni. F’dawn is-sitwazzjonijiet mhuwiex ċar jekk il-proċeduri emendati jew il-proċeduri l-ġodda tal-Istati Membri jikkorrispondux għad-definizzjoni tal-Artikolu 1(1).

2.1.2.     Il-falliment ta’ individwi privati u persuni li jaħdmu għal rashom

Ir-Regolament japplika għal proċedimenti nazzjonali, irrispettivament minn jekk dawn jikkonċernawx persuna fiżika jew legali, negozjant jew individwu[8]. L-istudju ta’ evalwazzjoni żvela li filwaqt li ħafna Stati Membri nnotifikaw il-proċeduri ta’ falliment personali tagħhom biex jiġu inklużi fl-Annessi[9], numru konsiderevoli ta’ proċeduri ta’ falliment personali bħalissa mhumiex koperti b’dan ir-Regolament[10]. Din is-sitwazzjoni hija parzjalment minħabba li l-proċedimenti ma jaqblux mad-definizzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament, iddaħħlu biss dan l-aħħar jew mhumiex meqjusa li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament mill-Istat Membru rispettiv[11]. Dan tal-aħħar jikkuntrasta mar-riżultati mill-konsultazzjoni pubblika, fejn il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (59%) qablu li r-Regolament għandu japplika għal individwi privati u dawk li jaħdmu għal rashom.

Id-diversità ta’ liġijiet nazzjonali żżid mal-kumplessità: Xi Stati Membri ma għandhom l-ebda skema ta’ falliment personali. Stati Membri oħra għandhom skemi ta’ falliment personali li japplikaw kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll għal dawk li huma kummerċjanti uniċi u konsumaturi. It-tielet grupp għandu skemi speċjali għall-konsumaturi biss u jinkludi lil dawk li jaħdmu għal rashom u kummerċjanti uniċi f’falliment tal-kumpaniji, filwaqt li r-raba’ grupp għandu skemi separati għall-konsumaturi, persuni li jaħdmu għal rashom u kummerċjanti uniċi.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istatus quo huwa problema għaliex dan jista’ jirriżulta f’debituri li jibqgħu responsabbli lejn kredituri barranin. B’mod partikolari, intraprenditur onest, li jkun ġie rrilaxxat mid-djun tiegħu fi Stat Membru wieħed, jista’ jiġi pprojbit milli jibda negozju ġdid jew milli jikkummerċja ma' Stat Membru ieħor. Il-problema tista’ tiskoraġġixxi wkoll lil debituri li jkunu bbenefikaw minn kwittanza ta’ dejn fl-Istat Membru tagħhom jew li jkunu qed ifittzu impjieg fi Stat Membru ieħor.

2.2.        Il-proċedimenti esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni, l-Artikolu 1(2)

Ir-Regolament ma japplikax għal impriżi ta’ assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-impriżi ta’ investiment, li jipprovdu servizzi li jinvolvu ż-żamma ta’ fondi jew sigurtajiet għal partijiet terzi, jew għal intrapriżi ta’ investiment kollettiv. Dawn id-debituri huma esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni minħabba li huma suġġetti għal arranġamenti speċjali u, sa ċertu punt, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom poteri vasti ferm ta’ intervent[12]. Il-proċeduri ta’ falliment transfruntiera li jikkonċernaw intrapriżi ta’ assigurazzjoni u istituzzjonijiet ta’ kreditu huma rregolati minn strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni[13]. Bħar-Regolament, dawn l-istrumenti jipprovdu għal regoli dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rijorganizzazzjoni jew il-bidu ta’ proċeduri ta’ stralċ, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent tal-proċedimenti.

Ġie nnotat, f’kitbiet akkademiċi, li n-nuqqas ta’ strument tal-Unjoni li jirregola l-falliment transfruntiera għal impriżi u ditti ta’ investiment kollettiv tħalli lakuna mhux mixtieqa fil-liġi tal-Unjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ ditti tal-investiment, dan id-distakk x’aktarx jingħalaq dalwaqt għall-parti l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji meta l-emendi tad-Direttiva 2001/24/KE previsti fil-proposta riċenti għal Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek[14] jiġu adottati. Fir-rigward ta’ intrapriżi ta’ investiment kollettiv, il-partijiet interessati rrappurtaw li s-sitwazzjoni attwali ma kinitx ħolqot problemi fil-prattika minħabba li insolvenzi ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv huma pjuttost rari.

2.3.        Għarfien ta’ proċedimenti ta’ falliment miftuħa barra l-UE jew koordinazzjoni bejn il-proċeduri fl-UE u barra minnha

Ir-Regolament japplika għal proċedimenti ta’ falliment ta’ debituri biċ-ċentru ta’ interess ewlieni tagħhom (COMI) fi Stat Membru. Proċedimenti ta’ falliment li fihom il-COMI tad-debitur ikun jinsab barra mill-UE huma barra mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu. Anke meta l-COMI jkun fl-UE, jeżistu l-limitazzjonijiet tal-kamp tal-applikazzjoni fir-rigward tal-assi, kredituri jew stabbilimenti li jkunu jinsabu barra mill-pajjiż. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ir-Regolament japplika biss parzjalment, għall-atturi u l-assi li jkunu jinsabu fi Stat Membru. Kwistjonijiet barra mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament huma koperti mil-liġi nazzjonali.

L-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt jinnota li bosta Stati Membri daħħlu fis-seħħ liġijiet li jirregolaw aspetti ta’ falliment transfruntiera li jinvolvu Stati barra l-UE wara li r-Regolament ġie adottat. Ir-Rumanija, il-Polonja, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Greċja adottaw liġijiet abbażi tal-Mudell tal-Liġi UNCITRAL tal-1997. Il-Belġju, il-Ġermanja u Spanja introduċew liġijiet dwar falliment internazzjonali li ma jsegwux l-approċċ UNCITRAL, iżda li b’mod ġenerali jkopru temi simili. Franza u l-Italja m’għandhom l-ebda liġijiet speċifiċi f’dan il-qasam iżda l-qrati tagħhom japplikaw il-prinċipji ġenerali tad-Dritt internazzjonali privat.

Filwaqt li l-effetti tad-dimensjoni internazzjonali tal-falliment, għalhekk, ivarjaw skont liema Stati Membri jkunu kkonċernati, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-istudju ta’ valutazzjoni, tikkonkludi li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet armonizzati għar-rikonoxximent ta’ proċedimenti ta’ falliment mhux tal-UE jew il-koordinazzjoni bejn il-proċedimenti fl-UE u barra minnha ma kkawża l-ebda problemi sinifikanti fil-prattika. L-opinjonijiet ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika kienu maqsuma dwar jekk in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent jew il-koordinazzjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment extra-UE ħoloqx problemi, b’44% jaqblu u 37% ma jablux. Ġew irrappurtati xi problemi bl-għarfien tas-sentenzi tal-UE jew bil-poteri ta’ likwidatur tal-UE fi Stati mhux Membri bħall-Isvizzera. Dawn il-problemi, madankollu, ma jistgħux jiġu solvuti bi strument tal-Unjoni iżda biss bi trattat internazzjonali. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Isvizzera esprimiet, informalment, interess li telabora ftehim bilaterali mal-UE dwar l-falliment.

3.           Ġuriżdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment

3.1.        Id-definizzjoni u d-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi ewlenin tad-debitur (COMI)

Il-kunċett tal-COMI huwa ta’ importanza kbira għall-applikazzjoni tar-Regolament. Il-Kummissjoni tinnota li hemm appoġġ ġenerali għall-kunċett tal-COMI kif interpretat mill-QĠUE. Dan huwa skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, fejn il-maġġoranza sinifikanti ta’ dawk li wieġbu (77%) approvaw l-użu tal-COMI biex jiġu llokalizzati l-proċedimenti prinċipali. Madankollu, 51% kienu tal-fehma li l-interpretazzjoni tat-terminu COMI kkawżat problemi prattiċi. Madankollu, xi wħud ħassew li l-kjarifiċi mogħtija mill-QĠUE kienu utli ħafna biex tinkiseb applikazzjoni aktar uniformi tat-terminu.

Il-ġurisprudenza tal-QĠUE ċċarat il-kunċett ta’ COMI fid-Deċiżjoni tagħha Eurofood[15] u Interedil[16]. Id-determinazzjoni tal-COMI teħtieġ valutazzjoni komprensiva taċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali; skont l-approċċ oġġettiv tal-QĠUE, il-COMI jrid jiġi identifikat b’referenza għal kriterji aċċertabbli minn partijiet terzi. B’mod ġenerali, dawn il-kriterji jiġu ssodisfati fil-post fejn id-debitur ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu ta’ kummerċ jew fejn tkun tinsab l-amministrazzjoni prinċipali tiegħu.

Għal kumpaniji u persuni legali oħra, l-Artikolu 3(1) jipprovdi preżunzjoni konfutabbli favur il-post ta’ reġistrazzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat iċ-ċirkostanzi li taħthom din il-preżjunzjoni tista’ tiġi kkonfutata b’mod li huwa ġeneralment ikkunsidrat li jkun xieraq. Madankollu, ġie rrappurtat li f’ħafna Stati Membri (AT, BE, CZ, FR, DE, GR, IT, LU, NL, PL, RO, ES, SE, UK) il-preżjunzjoni kultant ġiet ikkonfutata mingħajr ma twettqet l-analiżi komprensiva mitluba mill-QĠUE. Mhuwiex ċar jekk dan huwiex dovut għal nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġurisprudenza tal-QĠUE jew minħabba d-diffikultajiet ta’ approċċ fattwali li teħtieġ.

Għalkemm ir-Regolament ikopri falliment ta’ persuni fiżiċi irrispettivament minn jekk ikunux kummerċjant jew konsumatur, il-kliem preżenti tal-Artikolu 3(1) ma jindirizzax espressament il-COMI ta’ individwi. F’dan ir-rigward, l-istudju tal-evalwazzjoni żvela inkonsistenzi fil-prattika tal-Istati Membri. Uħud mill-qrati applikaw preżunzjoni favur id-domiċilju tad-debitur filwaqt li qrati oħra sempliċiment applikaw kunċetti nazzjonali għall-COMI ta’ individwi.

Id-determinazzjoni tal-COMI hija l-aktar diffiċli f’każijiet fejn id-debitur ikun biddel id-domiċilju tiegħu qabel l-applikazzjoni għal falliment. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[17], il-mument deċiżiv biex tkun stabbilita l-eżistenza tal-COMI hija l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali. Jekk id-debitur ibiddel il-COMI tiegħu għal Stat Membru ieħor wara, il-qorti rikjesta żżomm il-ġuriżdizzjoni. Din il-ġurisprudenza hija fil-biċċa l-kbira rispettata mill-qrati. Jista’ jkun hemm problemi jekk id-debitur jittrasferixxi l-COMI tiegħu għal Stat Membru ieħor qabel l-applikazzjoni. L-istudju ta’ evalwazzjoni żvela każijiet ta’ rilokazzjoni (temporanja) abbużiva evidenti tal-COMI ta’ individwi għall-iskop uniku li tinkiseb kwittanza ta’ djun residwi. Il-kwistjoni li xi drabi tissejjaħ "turiżmu tal-falliment” hija limitata għal ftit reġjuni fl-Unjoni bil-Lvant ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Latvja jattiraw debituri minn pajjiżi oħra. B’mod speċjali, debituri Ġermaniżi u Irlandiżi ppruvaw japprofittaw mill-opportunitajiet ta’ kwittanza tal-liġi Ingliża, li tipprovdi għal kwittanza tad-dejn fi żmien sena waħda biss.

Kien hemm ukoll każijiet fejn il-kumpaniji rrilokaw lejn Stat Membru ieħor li mhux dak tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom sabiex jibbenefikaw minn mekkaniżmi iktar sofistikati ta' ristrutturar hemmhekk. Madankollu, tali rilokazzjonijiet ma jistgħux fihom infushom jiġu meqjusa bħala abbużivi jew illeġittimi. L-ewwel, il-bidla tal-COMI ta’ kumpaniji ġiet aċċettata mill-QĠUE bħala eżerċizzju leġittimu tal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, il-Qorti ċċarat, fid-Deċiżjoni Centros tagħha, li negozju fi Stat Membru permezz ta’ kumpanija inkorporata fi Stat Membru ieħor huwa kopert mil-libertà tal-istabbiliment anke jekk is-sede reġistrat tal-kumpanija jkun intgħażel biex jiġi evitat ir-rekwiżit kapitali minimu tal-Istat Membru tas-sede reali tal-kumpanija. Barra minn hekk, ir-rilokazzjoni tal-COMI spiss tipprovdi benefiċċji lill-kredituri iktar milli ma toħloqilhom żvantaġġ. Spiss, ir-rilokazzjonijiet ikunu saħansitra xprunati mill-kredituri (prijoritarji) f’tentattiv ta’ salvataġġ jew ristrutturar tal-kumpanija. Hemm diversi każijiet fejn rilokazzjoni tal-COMI lejn ir-Renju Unit ippermettiet ir-ristrutturar b’suċċess ta’ kumpanija minħabba l-flessibbiltà li l-liġi l-Ingliża tal-falliment tagħti lill-kumpaniji f’dan ir-rigward.

3.2.        Qafas proċedurali għall-eżami ta’ ġuriżdizzjoni

L-istudju ta’ evalwazzjoni jenfasizza wkoll li hemm diversi problemi sinifikanti rigward il-qafas proċedurali biex tiħi eżaminata l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-preżent, ir-Regolament ma jindirizzax espressament lil din il-kwistjoni, li hija ttrattata mill-liġijiet proċedurali tal-Istati Membri u mill-prinċipji ġenerali ta’ effiċjenza u nondiskriminazzjoni. Madankollu, l-approċċi tal-qrati nazzjonali fid-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni taħt l-Artikolu 3 jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar l-Unjoni. Ma jidhirx li huwa ċar għall-qrati kollha li huma taħt obbligu li jeżaminaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom ex officio u li jinnotaw espressament il-bażi ġuriżdizzjonali tad-deċiżjoni tagħhom li jiftħu l-proċeduri fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċeduri. Dan huwa problematiku minħabba li billi l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri huwa l-qofol tar-Regolament, jeħtieġ li l-qrati tal-Istati Membri jevalwaw b’attenzjoni l-COMI tad-debitur minħabba li d-deċiżjonijiet li jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment huma rikonoxxuti fi Stati Membri oħra mingħajr l-ebda setgħa li jiflu d-deċiżjoni tal-qorti.

Fir-rigward tal-qafas proċedurali, ġie kkritikat il-fatt li l-kredituri barranin mhux dejjem ikollhom id-dritt li jikkontestaw id-deċiżjoni li jinbfetħu l-proċedimenti ta’ falliment u li, anke fejn huma formalment intitolati li jagħmlu dan, ma jiġux infurmati bid-deċiżjoni fi żmien biżżejjed biex jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom li jikkontestawha.

3.3.        Azzjonijiet li jirriżultaw minn falliment

Id-delimitazzjoni bejn ir-Regolament Brussell I[18] u r-Regolament hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali relatati ma’ insolvenzi transkonfinali. It-tilwima tikkonċerna l-ġuriżdizzjoni internazzjonali (Artikolu 3) u r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet barranin (Artikolu 25).

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, sentenzi dwar azzjonijiet ċivili għandhom ikunu kkwalifikati bħala speċifiċi għall-falliment meta dawn joħorġu direttament minn proċeduri ta’ falliment u huma marbuta mill-qrib magħhom (vis attractiva concursus). Madankollu, dan il-prinċipju huwa kodifikat biss f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent (Artikolu 25 REF). Id-delimitazzjoni tal-formula ġiet stabbilita mill-QĠUE fl-1979[19] b'relazzjoni mal-Konvenzjoni ta' Brussell[20] u ġiet imtennija mill-QĠUE f'Dekomarty[21] fir-rigward ta' ġuriżdizzjoni skont ir-Regolament. Il-QĠUE ddeċidiet li l-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment ikollha l-ġuriżdizzjoni għal azzjonijiet ta’ annullament miġjuba mil-likwidatur kontra parti terza bħal azzjoni li tfittex li tinvalida trasferiment ta’ ishma effettwati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment[22] u li tali azzjonijiet ġew esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament I ta’ Brussell[23]. B’kuntrast ma' dan, il-Qorti sostniet li azzjoni minn bejjiegħ fuq il-bażi ta’ titolu ta’ riserva kontra xerrej insolventi[24] u actio Pauliana bbażat fuq pretensjoni kontra partijiet terzi assenjati mill-likwidatur mal-kreditur uniku[25] ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala marbuta mill-qrib mal-proċeduri ta’ falliment.

44% ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika ma rrappurtaw l-ebda problemi fl-interazzjoni bejn ir-Regolament u r-Regolament Brussell I li ma ġewx solvuti b’mod sodisfaċenti mill-ġurisprudenza. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ regola expressa dwar il-ġuriżdizzjoni għal azzjoni derivata minn falliment tagħti lok għal inċertezzi għall-prattikanti legali li mhumiex imħarrġa sew fil-ġurisprudenza tal-QĠUE. Barra minn hekk, ġie kkritikat il-fatt li likwidatur ma jistax jakkumula azzjoni relatata mal-falliment ma' azzjoni koperta mir-Regolament Brussell I.

4.           Liġi applikabbli

4.1.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali (Lex fori concursus)

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (55%) qablu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-liġi applikabbli huma sodisfaċenti, filwaqt li 32% ma qablux.

Skont l-istudju ta’ valutazzjoni, l-għażla ġenerali dwar id-dispożizzjoni tal-liġi (lex fori concursus) fl-Artikolu 4 (1) tar-Regolament hija konformi ma' prinċipji ġenerali u rikonoxxuti sew tad-Dritt internazzjonali privat, li jgħidu li l-proċeduri tal-falliment huma rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ. Il-Kummissjoni tikkonkludi li m’hemm ħtieġa għall-ebda tibdil jew emendi fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni.

L-istudju ta’ evalwazzjoni jirreferi għal kwistjonijiet li jirriżultaw rigward il-kwalifikazzjoni jew il-karatterizzazzjoni iżda jikkonkludi li t-tweġib ta’ mistoqsijiet bħal dawn huwa parti mir-responsabbiltajiet tas-sistemi nazzjonali tal-qrati jew, jekk meħtieġ, tal-QĠUE.

4.2.        L-eċċezzjonijiet tal-prinċipju lex fori

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (56%) qablu li l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli huma ġustifikati sabiex jipproteġu l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali.

L-Artikolu 5 jipprevedi li drittijiet ta’ terzi in rem mhumiex "affettwati" bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Kważi nofs dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika (49%) iddikjaraw li d-dispożizzjoni dwar drittijiet in rem topera b’mod sodisfaċenti fil-prattika, filwaqt li 26% ħassew li ma taħdimx sew. L-istudju ta’ evalwazzjoni jiddikjara li l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 7 wasslet għal ftit li xejn ġuriżdizzjoni, iżda jidentifika l-problemi li ġejjin:

· Il-kwistjoni ewlenija f’dan il-kuntest hija l-għarfien bażiku tal-Artikolu 5. Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, dawn id-dispożizzjonijiet huma interpretati bħala “regoli ta’ restrizzjoni sostantivi”, li jfisser li d-drittijiet ikkonċernati in rem jew riserva ta’ titolu ma jistgħux jiġu affettwati minn dispożizzjonijiet ta’ falliment la mill-Istat tal-ftuħ u lanqas mill-Istat fejn ikunu jinstabu l-assi sakemm ma jinfetħux proċedimenti sekondarji fl-Istat Membru tal-aħħar. Din il-problema teżisti wkoll fir-rigward tal-Artikolu 7 (riserva ta’ titolu). Fir-rigward tal-Artikolu 5, inqalgħu problemi prattiċi fejn il-pretensjonijiet żgurati bi drittijiet in rem jiġu aġġustati fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni. Huwa dubjuż jekk tali aġġustament tal-pretensjoni protetta “jaffettwax” is-sigurtà aċċessorja u għalhekk hu pprojbit fil-kuntest tal-Artikolu 5 REF.

· Il-lokalizzazzjoni ta’ assi intanġibbli bħal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u kontijiet bankarji ħolqu xi diffikultajiet fil-prattika. Speċjalment rigward il-kontijiet bankarji fil-fergħa lokali ta’ bank barrani, huwa dubjuż jekk dawn ikunux jinsabu fl-Istat Membru tal-fergħa tal-bank jew fl-Istat Membru fejn il-bank ikollu l-uffiċċju ċentrali tiegħu u l-COMI tiegħu (Artikolu 2 (g)).

· Il-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 4 (2) (i) huma inċerti rigward id-distribuzzjoni tar-rikavat f’każijiet fejn assi sottostanti għal drittijiet in rem jiġu ttrasferiti jew fejn il-likwidatur, minħabba negliġenza, jkun kiser id-drittijiet ta’ kreditur assigurat. F’dan il-kuntest, lanqas il-liġi applikabbli għal talba eventwali għal danni kontra l-likwidatur mhi ċara.

Fir-rigward tal-Artikolu 6 (tpaċija), mhuwiex ċar jekk din id-dispożizzjoni tapplikax ukoll jekk il-"liġi applikabbli għal talba tad-debitur insolventi” hijiex il-liġi ta’ Stat mhux Membru. Il-maġġoranza tar-Rapporti Nazzjonali fil-kuntest tal-istudju ta’ evalwazzjoni kkonfermaw l-applikabilità tal-Artikolu 6 għal każijiet bħal dawn, imma din il-kwistjoni mhijiex ċara f’numru sinifikanti ta’ Stati Membri. Ġie wkoll ikkritikat il-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 għal ftehimiet ta’ netting mhijiex ċara u li l-protezzjoni tal-ftehimiet ta’ netting skont il-liġi tal-Unjoni bħalissa tvarja skont jekk l-falliment tad-debitur tkunx irregolata mir-Regolament jew mid-Direttivi fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi tal-assigurazzjoni.

L-istudju ta’ evalwazzjoni ma jidentifika l-ebda problemi speċifiċi fir-rigward tal-Artikolu 9 (sistema ta’ pagamenti u swieq finanzjarji).

Dwar l-Artikolu 10 (kuntratti ta’ impjieg), kien hemm xi lmenti dwar l-interazzjoni bejn il-liġi tax-xogħol u l-liġi dwar l-falliment, partikolarment dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni għat-terminazzjoni jew il-modifika ta’ kuntratti ta’ impjieg. Barra minn hekk, l-istudju ta’ evalwazzjoni jiddikjara li l-istandards differenti tal-liġi tax-xogħol jistgħu jfixklu lil amministratur tal-falliment milli jieħu l-istess azzjonijiet fir-rigward tal-impjegati li jkunu jinsabu f’diversi Stati Membri u li din is-sitwazzjoni tista’ tikkumplika r-ristrutturar ta’ kumpanija. Madankollu, din is-sitwazzjoni hija inerenti fl-għażla tal-politika sottostanti tal-Artikolu 10 li dwarha l-istudju ta’ evalwazzjoni ma jitfax dubju. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġi tax-xogħol tista’ ttaffi din il-problema iżda jkun diffiċli biex issir billi l-liġi tax-xogħol hija parti intrinsika mit-tradizzjonijiet nazzjonali u, fi kwalunkwe każ, tmur lil hinn mill-ambitu tar-reviżjoni tar-Regolament. L-istudju jindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ interazzjoni bejn il-liġi tal-falliment u l-istituzzjonijiet ta’ garanzija skont id-Direttiva 2008/94/KE[26] u jikkonkludi li kwalunkwe problema li tinqala' f’dan il-kuntest l-aħjar li tiġi indirizzata permezz ta’ bidliet fil-liġijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-istituzzjonijiet jew fil-liġijiet nazzjonali dwar l-falliment.

L-istudju ta’ evalwazzjoni ma sab ħtieġa urġenti għall-ebda emendi għall-Artikolu 12 (Privattivi u marki reġistrati Ewropej) li jidher li hu ta’ użu prattiku limitat jew li qed jaħdem b’mod sodisfaċenti.

Rigward l-Artikolu 13 (atti ta’ detriment), xi amministraturi lmentaw dwar il-kumplessità biex jitqiesu diversi sistemi legali sabiex jiġi determinat jekk pretensjoni tistax titwarrab. Madankollu, l-istudju ta’ valutazzjoni jikkonkludi li din il-kumplessità hija meħtieġa sabiex jinkisbu r-riżultati xierqa fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi tal-partijiet. Soluzzjonijiet alternattivi proposti fil-letteratura legali, bħal sempliċi ħarsien kontra bidla fil-COMI, ma jindirizzawx il-kwistjoni b’mod sodisfaċenti. Opinjonijiet rigward id-dispożizzjoni dwar atti ta’ detriment kienu maqsuma pjuttost f’partijiet ugwali. Terz minn dawk li wieġbu ddikjaraw li joperaw b’mod sodisfaċenti, filwaqt li 37% qalu li le.

L-Artikolu 15 (l-effetti ta’ proċedimenti ta’ falliment fuq kawżi pendenti), ma jikkawża l-ebda problemi serji. Jidher li l-parti l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri, jew kollha, għandhom regola jew tendenza li jipprovdu għal prijorità ta’ proċedimenti ta’ falliment fuq kawżi individwali jew proċeduri. Madankollu, hemm xi inċertezza dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 15 għall-proċedimenti ta’ arbitraġġ.

Filwaqt li l-Kummissjoni tieħu nota tas-sejbiet tal-istudju ta’ evalwazzjoni rigward l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju lex fori, hija tal-fehma li r-regoli legali applikabbli ewlenin tar-Regolament japplikaw b’mod sodisfaċenti u ma jirrikjedux tibdil f’dan l-istadju.

5.           Rikonoxximent ta’ sentenzi li jiftħu proċedimenti ta’ falliment

L-istudju ta’ evalwazzjoni jikkonkludi li, f’bosta każijiet, il-qrati tal-Istati Membri rrispettaw il-ftuħ minn qabel tal-proċedimenti prinċipali fi Stat Membru ieħor. Hemm, madankollu, ftit eżempji fejn il-qrati ma kkonformawx ma' dan l-obbligu. Mhuwiex dejjem ċar meta l-ftuħ tal-proċedimenti jkun “sar effettiv”; b’mod partikolari, dan huwa veru rigward il-ħatra ta’ “vorläufiger Insolvenzverwalter” Ġermaniż li l-parti l-kbira tal-qrati tal-Istati Membri, iżda mhux kollha, aċċettaw bħala “ftuħ” ta’ proċedimenti ta’ falliment skont ir-Regolament.

L-applikazzjoni tar-riżerva tal-politika pubblika taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament ma ħolqitx problemi kbar; madankollu, hemm xi ftit każijiet fejn qrati ta’ Stati Membri rreferew għall-politika pubblika li ma tirrikonoxxix proċedimenti prinċipali barranin.

Nofs dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika (51%) qablu li d-definizzjoni tad-deċiżjoni “ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment” għandha tiġi emendata sabiex tqis lis-sistemi legali nazzjonali meta ma jkunx hemm qorti reali li tiftaħ il-proċedimenti.

6.           Koordinazzjoni ta’ proċeduri ewlenin u sekondarji

Mill-istudju ta’ valutazzjoni rriżulta li proċedimenti sekondarji ma kinux l-għodda tal-likwidatur ewlieni deskritt fil-premessa 19 tar-Regolament – jiġifieri f’każi "fejn l-assi tad-debitur huma kumplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati huma tant kbar li jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi tal-Istat tal-ftuħ". Jidher li hemm numru relattivament żgħir biss ta’ każijiet fejn kien il-likwidatur ewlieni li fil-fatt applika għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji. Pjuttost, dawn intużaw (u ġew abbużati) għal raġunijiet differenti, b’mod partikolari bħala għodda għall-protezzjoni tal-interessi lokali u bħala strument f’kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni fejn il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji kien meqjus bħala t-tieni l-aħjar soluzzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti prinċipali fi Stat Membru speċifiku. L-istudju ta’ evalwazzjoni jistma li l-iżvantaġġi tal-proċedimenti sekondarji huma iktar sinifikanti mill-vantaġġi tagħhom. Dan diġà jgħodd meta l-likwidatur sekondarja jaġixxi b’mod kooperattiv, iżda huwa saħansitra aktar ovvju fejn dan ma jkunx il-każ. L-opinjonijiet ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-benefiċċji tal-proċedimenti sekondarji kienu maqsuma. b’36% jħossu li d-diviżjoni bejn proċedimenti prinċipali u sekondarji kien utli u 37% ma jaqblux.

Il-problemi li ġejjin ġew innotati fl-istudju ta’ valutazzjoni:

Il-fatt li proċedimenti sekondarji jridu jkunu proċeduri tal-istralċ huwa ostakolu għal miżuri flessibbli u effettivi ta’ ristrutturar.

In-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar il-proċedura għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji huwa problematiku. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tippermetti lill-qorti kompetenti tirrifjuta l-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji f’ċirkostanzi fejn dan il-ftuħ ma jkunx fl-interess ta’ kredituri lokali. Lanqas ma hemm xi dispożizzjoni espressa li titlob li l-likwidatur jinstema’ qabel ma jinfetħu l-proċedimenti.

Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk il-likwidaturi fl-Istati Membri kollha jistgħux jidħlu f’impriżi li jiggarantixxu lill-kredituri li jistgħu japplikaw għal proċedimenti sekondarji li huma jkunu se jirrispettaw id-drittijiet preferenzjali kollha li jistgħu jibbenefikaw minnhom dawn il-kredituri fi proċedimenti sekondarji sabiex iżommuhom milli fil-fatt japplikaw għal tali proċedimenti sekondarji (jew biex iwaqqfu lill-qorti milli tiftaħhom). Il-qrati u l-professjonisti legali Ingliżi żviluppaw approċċ bħal dan, iżda mhuwiex ċar jekk il-likwidaturi fl-Istati Membri l-oħra kollha jkollhomx is-setgħa li jagħmlu offerti bħal dawn taħt il-liġi nazzjonali tal-falliment rispettiva tagħhom.

Id-dmirijiet li jikkooperaw u jikkomunikaw informazzjoni taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament huma pjuttost vagi. Ir-Regolament ma jipprovdix għal dmir ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati jew bejn il-likwidaturi u l-qrati. Hemm eżempji fejn qrati jew likwidaturi ma aġixxewx b’mod kooperattiv biżżejjed. Dawn is-sejbiet huma kkonfermati mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, fejn 48% ta’ dawk li wieġbu ma kinux sodisfatti bil-koordinazzjoni bejn il-proċedimenti prinċipali u dawk sekondarji.

L-Artikolu 33(1), li jippermetti lil-likwidatur ewlieni jitlob żamma ta’ likwidazzjoni fil-proċedimenti sekondarji, mhuwiex suffiċjentement ċar u wiesa’ rigward il-firxa ta’ miżuri li l-applikazzjoni mressqa mil-likwidatur ewlieni tista’ tirreferi għalihom. L-istandard tal-Artikolu 33(2) dwar it-tmiem taż-żamma mhuwiex konsistenti ma’ dak taħt l-Artikolu 33(1).

7.           Gruppi ta’ kumpaniji

Għalkemm numru kbir ta’ każijiet ta’ falliment transkonfinali jinvolvi gruppi ta’ kumpaniji, ir-Regolament ma fihx regoli speċifiċi li jittrattaw l-falliment ta’ gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali. Il-premessa bażika tar-Regolament attwali hi li proċedimenti ta’ falliment huma relatati ma' entità legali waħda u li, fil-prinċipju, għandhom jinfetħu proċedimenti separati għal kull membru individwali tal-grupp. Ma hemmx koordinazzjoni obbligatorja tal-proċedimenti indipendenti miftuħa għal kumpanija possedenti u s-sussidjarji tagħha bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata r-riorganizzazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji jew – fejn dan ma jkunx possibbli – biex tiġi koordinata l-likwidazzjoni tagħhom. La l-likwidaturi u lanqas il-qrati involuti fil-proċedimenti differenti dwar il-membri tal-istess grupp ta’ kumpaniji ma huma fid-dmir li jikkooperaw u jikkomunikaw. Filwaqt li l-likwidaturi jistgħu jikkooperaw fuq bażi volontarja, l-imħallfin huma, f’ħafna Stati Membri, imwaqqfin milli jikkooperaw ma' xulxin fin-nuqqas ta’ bażi legali li tawtorizzahom espressament li jagħmlu dan.

Il-ġurisprudenza ppruvat modi differenti biex jingħeleb in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-falliment ta’ grupp fil-prattika:

Fl-ewwel snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, xi qrati nazzjonali interpretaw ir-regoli tar-Regolament dwar il-ġuriżdizzjoni b’mod ġenerali sabiex iġibu proċedimenti ta’ falliment għall-membri kollha tal-grupp, inklużi dawk li jinsabu fi Stat Membru ieħor, quddiem il-Qorti fejn ikun hemm l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija prinċipali. Il-qrati kkonċernati ġeneralment iġġustifikaw tali konsolidazzjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment fuq il-bażi li d-deċiżjonijiet kummerċjali tas-sussidjarji kienu kkontrollati mill-kumpanija possedenti[27].

Is-sentenza tal-2006 tal-QĠUE, Eurofood, naqqset konsiderevolment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għoti tal-possibilità għal tali konsolidazzjoni proċedurali u saħħet ir-regola li kull entità legali għandha tiġi ttrattata separatament[28]. Skont il-Qorti, il-kontroll tal-amministrazzjoni korporattiva waħdu ma jkunx biżżejjed biex iċ-ċentru ta’ interess ekonomiku ta’ sussidjarja jiġi ddikjarat fil-post fejn ikun hemm il-kumpanija possedenti tagħha, minflok fl-indirizz reġistrat tagħha stess. Wara Eurofood – u d-deċiżjoni sussegwenti fil-każ Interedil, li tirrifletti approċċ aktar flessibbli – għadu possibbli li jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fuq sussidjarja fl-Istat Membru fejn il-kumpanija prinċipali jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, iżda biss jekk il-fatturi li juru li l-COMI tal-kumpanija sussidjarja jkun jinsab fis-sede tal-kumpanija possedenti jkunu oġġettivi u aċċertabbli minn partijiet terzi. Dan ifisser, fil-prattika, li l-qrati jkollhom jeżaminaw massa kumplessa ta’ fatturi, inkluż jekk il-finanzjament ta’ sussidjarja jkunx f’idejn il-kumpanija holding, jekk il-kumpanija holding tkunx tikkontrolla n-negozju operattiv (eż. billi tapprova xiri ta’ 'l fuq minn ċertu limitu) u l-kiri ta’ persunal, ukoll jekk ċerti funzjonijiet (pereżempju l-ġestjoni tal-prodotti ta’ tagħmir tal-IT jew l-identità viżwali/tan-negozju) kienux ċentralizzati[29]. Essenzjalment, dawn il-kundizzjonijiet se jiġu sodisfatti biss fil-każ ta’ kumpaniji integrati ħafna.

Approċċ ieħor meħud fil-prattika huwa l-ħatra tal-istess prattikant ta’ falliment fil-proċedimenti tal-membri kollha tal-grupp involut, jew ta’ prattikanti ta’ falliment li qabel kienu jaħdmu flimkien b’suċċess fuq fallimenti ta’ grupp[30]. Madankollu, din il-possibbiltà attwalment tiddependi fuq ir-rieda tal-imħallfin u l-professjonisti tal-falliment rispettivi biex jikkooperaw.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni taqsam is-sejba tal-istudju ta’ evalwazzjoni li n-nuqqas ta’ qafas speċifiku għal falliment ta’ grupp jikkostitwixxi f’ċerti każijiet ostaklu għall-amministrazzjoni effiċjenti tal-falliment tal-membri ta’ grupp ta’ kumpaniji[31]. Din il-valutazzjoni hija appoġġjata mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: Kważi nofs ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika kkunsidraw li r-Regolament ma jaħdimx b’mod effiċjenti għal falliment ta’ grupp multinazzjonali b’aktar minn żewġ terzi ta’ mħallfin u akkademiċi li kellhom dik l-opinjoni.

8.           Il-pubblikazzjoni ta’ u l-informazzjoni dwar proċedimenti ta’ falliment

Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet biex jgħinu jiżguraw il-pubbliċità u l-għarfien dwar proċedimenti ta’ falliment. L-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament jipprevedu li l-likwidatur jista’ jitlob li d-deċiżjonijiet li jiftħu l-proċedimenti ta’ falliment u li jaħtruh jiġu ppubblikati fi Stat Membru ieħor u rreġistrati fir-reġistri pubbliċi ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din il-pubblikazzjoni u r-reġistrazzjoni mandatorja iżda dawn jibqgħu essenzjalment miżuri diskrezzjonali.

Hemm appoġġ mifrux għall-konklużjoni li n-nuqqas li jiġu ppubblikati l-bidu tal-proċeduri f’reġistru pubbliku jnaqqas konsiderevolment il-kapaċità tal-kredituri li jkunu jafu dwar il-proċedimenti ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar proċedimenti eżistenti irriżulta wkoll f’proċedimenti simultanji bla bżonn jiġu varati fi Stati Membri differenti. Tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (75%) iqisu li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni mandatorja u reġistrazzjoni tad-deċiżjoni li tiftaħ il-falliment hija problema.

L-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt jinnota li firxa ta’ problemi jeżistu anki jekk il-pubblikazzjoni u r-reġistrazzjoni saru mandatorji. Filwaqt li proċedimenti ta’ falliment ta’ entitajiet legali huma rreġistrati f’kull Stat Membru, il-fallimenti ta’ individwi huma rreġistrati biss f’xi wħud minnhom. 14-il Stat Membru biss jippubblikaw deċiżjonijiet f’reġistru ta’ falliment aċċessibli għall-pubbliku online[32]. F’9 Stati Membri oħra, xi informazzjoni dwar il-falliment huwa disponibbli f’bażi ta' dejta elettronika, eż. reġistru tal-kumpanija jew verżjoni elettronika tal-bullettin uffiċjali. Erba' Stati Membri m’għandhom l-ebda informazzjoni dwar proċedimenti ta’ falliment disponibbli f’forma elettronika, li jfisser li l-aċċess għal dik l-informazzjoni minn barra hija partikolarment diffiċli. Anke meta jeżistu reġistri elettroniċi, mhuwiex fattibbli għal kredituri u l-qrati barranin biex jiċċekkjaw kull reġistru tal-Istati Membri fuq bażi regolari. Bħala waħda mill-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal- "e-Justice" 2009, il-Kummissjoni waqqfet proġett pilota għall-interkonnessjoni ta’ reġistri ta’ falliment elettroniċi. Madankollu, dan il-proġett pilota sal-lum ikopri seba' Stati Membri biss. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika kkunsidraw li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirreġistraw il-ftuħ ta’ sentenza f’reġistru ta’ falliment u li r-reġistri nazzjonali ta’ falliment għandhom ikunu interkonnessi.

9.           Tressiq ta’ pretensjonijiet

L-istudju ta’ valutazzjoni jinnota problemi prattiċi li jirrigwardaw ċerti aspetti tat-tressiq ta’ pretensjonijiet f’sitwazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari l-ostakoli tal-lingwa, l-ispejjeż, il-limiti taż-żmien biex jitressqu t-talbiet u nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-likwidatur u l-formalitajiet tal-lex fori concursus għat-tressiq tal-pretensjonijiet. L-Artikoli 39 sa 42 tar-Regolament jipprovdu biss għal regoli minimi li jippermettu kredituri barranin biex iressqu t-talbiet tagħhom, iżda ma jistabbilixxux qafas proċedurali komprensiv.

Skont l-Artikolu 42 (2) tar-Regolament, il-kreditur jista jintalab traduzzjoni fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. L-istudju ta’ evalwazzjoni żvela li f’xi Stati Membri l-ħtieġa ta’ traduzzjoni saret ir-regola aktar milli l-eċċezzjoni, u b’hekk dan jinvolvi spejjeż u dewmien addizzjonali.

Din il-kwistjoni hija relatata mal-problema ta’ spejjeż proċedurali. Korrispondenti nazzjonali ġeneralment ikkritikaw l-ispejjeż għolha ta’ traduzzjoni għat-tressiq ta’ pretensjoni. Barra minn hekk, xi Stati Membri jeħtieġu ż-żamma ta’ avukat lokali biex titressaq il-pretensjoni. L-ispiża medja ta’ tressiq ta’ pretensjoni għal kreditur barrani ġie stmat għal madwar €2000 f’sitwazzjoni transkonfinali. Minħabba l-ispejjeż kbar, il-kredituri jistgħu jagħżlu li jirrinunzjaw għal dejn, speċjalment meta jinvolvi ammont żgħir ta’ flus. Din il-problema taffettwa l-iktar in-negozji żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll individwi privati.

L-istudju ta’ Valutazzjoni jinnota wkoll diffikultajiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-liġi tal-ftuħ tal-proċedimenti, b’mod partikolari rigward l-iskadenzi, il-prova ta’ pretensjonijiet, il-proċeduri speċifiċi ta’ tressiq ta’ pretensjonijiet. Ġew irrapurtati każijiet fejn kredituri barranin kienu preskritti milli jressqu pretensjoni minħabba li skadenzi skont il-liġi lokali huma komparattivament qosra u l-likwidatur ma kienx informa l-kredituri qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

Kważi nofs ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika (46%) esprimew il-fehma li kien hemm problemi fit-tressiq ta’ talbiet skont ir-Regolament. Din il-kwistjoni hija ta’ tħassib partikolari għall-SMEs.

10.         Konklużjonijiet

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, b’mod ġenerali, ir-Regolament jaħdem b’mod tajjeb u sodisfaċenti. Ir-Regolament implimenta sew il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal proċeduri ta’ falliment transkonfinali, u tejjeb il-koordinazzjoni ta’ dawn il-każijiet.

Madankollu, hemm ċerti kwistjonijiet li se jibbenefikaw minn adattamenti għar-Regolament: L-emendi ewlenin li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni jikkonċernaw, l-ewwel, l-ambitu ta’ applikazzjoni. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-estensjoni tal-ambitu tar-Regolament b’reviżjoni tad-definizzjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment sabiex tinkludi proċedimenti ibridi u proċedimenti ta’ qabel il-falliment għal individwi, li bħalissa huma esklużi.

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni, ir-Regolament għandu jżomm il-kunċett ta’ COMI kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iżda l-Kummissjoni tipproponi reviżjoni li żżid il-lingwa biex tiġi ċċarata t-tifsira tagħha. Tikkjarifika wkoll l-applikazzjoni ta’ regola COMI għall-individwi. Ir-reviżjoni proposta ddaħħal regola dwar il-ġuriżdizzjoni għal azzjonijiet relatati u l-qafas proċedurali biex teżamina l-ġuriżdizzjoni għandha tittejjeb biex jiġi limitat il-potenzjal ta’ tiftix żbaljat fil-fora.

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb l-pubblikazzjoni ta’ proċedimenti ta’ falliment f’żewġ modi: billi tagħmel pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet fi Stat Membru ieħor obbligatorja; u billi teħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-ftuħ u l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment u ċerti deċiżjonijiet oħra jiġu ppubblikati f’reġistru elettroniku, aċċessibbli pubblikament fuq l-Internet. Ir-reġistri ta’ falliment elettroniċi għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ falliment f’livell transkonfinali iżda ovvjament se jservu wkoll lill-utenti domestiċi.

Il-proposta ddaħħal formoli standard ġodda għall-avviż ta’ proċedimenti u t-tressiq ta’ pretensjonijiet se jagħmilha eħfef għal kredituri barranin biex jagħmlu pretensjonijiet. Barra minn hekk, l-iskadenzi għat-tressiq ta’ pretensjonijiet għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jippermettulhom it-tressiq ta’ klejms effettivi.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-falliment ta’ grupp: il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi regoli speċifiċi fir-Regolament biex tagħmal il-ġestjoni tal-falliment tal-membri ta’ grupp ta’ kumpaniji multinazzjonali aktar effiċjenti. Kooperazzjoni bla xkiel bejn likwidaturi fl-Istati Membri differenti għandhom jgħinu fis-salvataġġ tal-kumpaniji u jimmassimizzaw il-valur tal-assi tagħhom.

Aktar kwistjonijiet li għalihom ċerti problemi ġew identifikati fl-evalwazzjoni, bħall-kwistjonijiet ta’ estensjoni tal-ambitu barra mill-UE u tal-liġi applikabbli, kienu wkoll ikkunsidrati. Madankollu, il-Kummissjoni ma sabitx li hija mixtieqa l-introduzzjoni fir-Regolament ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rikonoxximent u l-koordinazzjoni ma' proċedimenti ta’ falliment miftuħa barra l-UE. Kif imsemmi hawn fuq, ir-raġuni ewlenija hija li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jorbtu biss fit-territorju tal-Istati Membri u mhux f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ elaborazzjoni tal-abbozz ta’ konvenzjoni internazzjonali jirnexxielha tikseb aħjar dawn l-għanijiet, u tiżgura wkoll l-interessi tal-Unjoni f’negozjati reċiproki mal-pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tipproponix emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-liġi applikabbli. Il-Kummissjoni ssib li d-dispożizzjonijiet eżistenti japplikaw suffiċjentement bla xkiel fi ħdan l-UE u fl-oqsma rispettivi tal-lex fori u l-lex situ jilħqu bilanċ tajjeb. Għalhekk huwa meqjus preferibbli li tinżamm is-sistema attwali ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet, sakemm l-effetti ta’ bidliet possibbli tal-liġi domestika dwar il-falliment, il-liġi tal-kumpaniji u l-liġi soċjali jiġu eżaminati ulterjorament.

[1]               ĠU L 160, 30.6.2000, p.1.

[2]               Hess/Oberhammer/Pfeiffer, Study for an evaluation of Regulation (EC) No 1346/2000 on Insolvency Proceedings; ippubblikat fuq is-sit Europa tad-DĠ ĠUSTIZZJA fuq http://ec.europa.eu/justice/civil/document/index_en.htm

[3]               Dan l-istudju huwa ppubblikat fuq is-sit Europa tad-DĠ ĠUSTIZZJA fuq http://ec.europa.eu/justice/civil/document/index_en.htm.

[4]               Ħarsa ġenerali lejn l-istatistika tat-tweġibiet riċevuti permezz tal-għodda IPM ġiet ippubblikata http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?userstate=DisplayPublishedResults&form=Insolvency. Analiżi tat-tweġibiet kollha tħejjiet minn GHK/Milieu u tifforma parti mill-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt imsemmi hawn fuq.

[5]               Is-sitwazzjoni attwali mhijiex ċara: Minħabba li l-Anness A ġeneralment jirreferi għall-proċedimenti tal-Att dwar l-falliment, jidher li l-proċedimenti ta’ lqugħ protettiv huma inklużi. Madankollu, għad hemm inċertezza dwar jekk dawn il-proċedimenti jikkorrispondux għad-definizzjoni tal-Artikolu 1(1) REF.

[6]               QĠUE, il-kawża C-461/11, Ulf Kaziemierz Radziejewski.

[7]               QĠUE, il-kawża C-116/11, Bank Handlowy.

[8]               Premessa 9 tar-Regolament.

[9]               AT, BE, CZ, CY, DE, LV, ML, NL, PL u – parzjalment – FR, SI u UK. Fi Franza tal-Lvant (Bas-Rhin, Haut Rhin, Moselle), il-liġi ġenerali tal-falliment tapplika wkoll għal individwi privati li huma mdejnin iżżejjed. Fir-Renju Unit, uħud mill-proċeduri miftuħa għal persuni fiżiċi mdejnin iżżejjed huma koperti mir-Regolament (falliment, arranġament volontarju individwali, kuntratti tal-fiduċja, sekwestru), filwaqt li oħrajn (ordnijiet għal għajnuna għall-ħlas tad-dejn, pjanijiet għall-ġestjoni tad-dejn) mhumiex.

[10]             EE, EL, FI, FR, LT, LU, SI, SE, UK.

[11]             FR, LU.

[12]             Ara l-premessa 9.

[13]             Id-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II), ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1; Id-Direttiva 2001/24/KE dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, ĠU L 125, 05.05.2001, p. 15.

[14]             Proposta tas-6 ta' Ġunju 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KE, 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/KE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, COM (2012) 280 finali.

[15]             QĠUE, il-każ C-341/04, Eurofood.

[16]             QĠUE il-każ C-396/09, Interedil.

[17]             QĠUE, il-kawża C-1/04 , Staubitz-Schreiber.

[18]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[19]             QĠUE, il-kawża 133/78, Gourdain V. nadler.

[20]             Il-Konvenzjoni ta' Brussell tal-1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Verżjoni Konsolidata fil-ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).

[21]             Il-kawża C-339/07, Deko Marty.

[22]             Il-kawża C-111/08, SCT Industri.

[23]             Il-kawża C-111/08, SCT Industri.

[24]             Il-Kawża C-292/08, German Graphics.

[25]             Il-Kawża C-213/10, F-tex.

[26]             Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ falliment ta’ min iħaddimhom, ĠU 283, 28.10.2008, p. 36.

[27]             Dan l-approċċ beda fl-Ingilterra u ġie adottat minn qrati fi Stati Membri bħal Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Italja.

[28]             Kawża C-341/04 Eurofood, fil-punt 30.

[29]             Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Qorti Għolja f’Daisytek, 16.05.2003.

[30]             Eż. Nortel.

[31]             Għad-dettalji ara l-Evalwazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament dwar il-Falliment.

[32]             AT, CZ, FI, DE, HU, LV, NL, PL, PT, RO, SI, SK, SE u – parzjalment – ir-Renju Unit.