52012DC0740

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva - qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli /* COM/2012/0740 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva - qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Ewropa 2020’[1] titlob li jkun hemm titjib fl-ambjent tan-negozju fl-Ewropa. Dritt soċjetarju u qafas ta’ governanza korporattiva moderni u effiċjenti għall-impriżi, l-investituri u l-impjegati Ewropej jridu jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u għall-ambjent ekonomiku li qiegħed jinbidel. L-aħħar reviżjoni komprensiva f’dan il-qasam ta’ politika ħarġet mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2003 dwar l-Immodernizzar tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Titjib tat-Tmexxija Korporattiva fl-Unjoni Ewropea[2] u l-konsultazzjoni suċċessiva li saret fl-2005 u fl-2006 dwar il-prijoritajiet futuri għal dan il-Pjan ta’ Azzjoni[3]. Kienu adottati numru kbir ta’ inizjattivi mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2003. B’mod partikolari ddaħħlu regoli dwar id-dikjarazzjonijiet tal-governanza korporattiva fid-Direttiva dwar il-Kontabilità[4], kienu adottati Direttiva dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti[5] u l-Għaxar Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar mergers transfruntiera[6]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat żewġ Rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol ta’ diretturi mhux eżekuttivi indipendenti u r-remunerazzjoni[7]. Barra dan, ġew simplifikati t-Tieni Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji fir-rigward tal-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom[8] u t-Tielet u s-Sitt Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar għaqdiet u diviżjonijiet[9]. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn seħħew żviluppi ġodda li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jeħtieġu aktar azzjoni.

Il-governanza korporattiva tiddefinixxi r-relazzjonijiet bejn il-maniġment ta’ kumpanija, il-bord tagħha, l-azzjonisti tagħha u l-partijiet interessati l-oħra tagħha[10]. Hija tiddetermina l-mod kif ikunu mmaniġġati u kkontrollati l-kumpaniji. Qafas effettiv ta’ governanza korporattiva huwa ta’ importanza kruċjali minħabba li kumpaniji mmexxija tajjeb x’aktarx li jkunu iżjed kompetittivi u aktar sostenibbli fuq perjodu fit-tul. Il-governanza korporattiva tajba hija qabel xejn ir-responsabbiltà tal-kumpaniji kkonċernati, u hemm fis-seħħ regoli fuq livell Ewropew u nazzjonali sabiex jiżguraw li ċerti standards jiġu rrispettati. Il-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE huwa taħlita ta’ leġiżlazzjoni u liġi mhux vinkolanti, jiġifieri kodiċijiet nazzjonali ta’ governanza korporattiva applikati fuq bażi ta’ 'konformità jew spjegazzjoni'[11] li tagħti lill-kumpaniji u lill-azzjonisti tagħhom grad importanti ta’ flessibilità. L-azzjonisti għandhom rwol kruċjali biex jippromwovu governanza aħjar tal-kumpaniji. Billi jagħmlu dan huma jaġixxu kemm fl-interess tal-kumpanija kif ukoll fl-interess tagħhom.

Madankollu, l-aħħar ftit snin enfasizzaw nuqqasijiet f’dan il-qasam. Il-kriżi finanzjarja wriet li n-nuqqasijiet sinifikanti fil-governanza korporattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji kellhom rwol fil-kriżi. Sabiex tirrispondi malajr għall-problema ta’ teħid ta’ riskju eċċessiv fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu u fl-aħħar mill-aħħar l-akkumulazzjoni ta’ riskju eċċessiv fis-sistema finanzjarja, il-Kummissjoni fl-2010 nediet Green Paper dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji[12] u, fl-2011, hija pproponiet regoli aktar stretti dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-pakkett tas-CRD IV[13]. Għalkemm il-governanza korporattiva f’kumpaniji elenkati barra mis-settur finanzjarju ma wasslitx għall-istess tħassib, kienu osservati wkoll ċerti nuqqasijiet. B’mod partikolari, hemm il-perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ interess min-naħa tal-azzjonisti sabiex iżommu lill-maniġment responsabbli għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu, aggravat mill-fatt li bosta azzjonisti jidhru li jżommu l-ishma tagħhom għal perjodu qasir ta’ żmienbiss. Hemm ukoll evidenza ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva fir-rappurtar fuq bażi ta’ ‘konformità jew spjegazzjoni’. F’dan l-isfond il-Kummissjoni adottat il-Green Paper tagħha dwar il-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE (minn hawn ’il quddiem ‘il-Green Paper tal-2011’)[14], li nediet diskussjoni dwar kif tista’ tittejjeb l-effikaċja tar-regoli preżenti. Filwaqt li r-rispondenti kienu maqsuma rigward il-ħtieġa ta’ aktar regolamentazzjoni fil-livell tal-UE, kien hemm appoġġ qawwi għal miżuri tal-UE f’xi oqsma speċifiċi[15]. Il-Parlament Ewropew esprima wkoll l-opinjoni tiegħu dwar il-mistoqsijiet imqajma mill-Green Paper tal-2011 f’Riżoluzzjoni adottata fid-29 ta' Marzu 2012[16] li enfasizzat l-importanza tal-governanza korporattiva għas-soċjetà inġenerali.

Id-dritt soċjetarju Ewropew huwa wieħed mis-sisien tas-suq intern[17]. Huwa jiffaċilita l-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji filwaqt li jżid it-trasparenza, iċ-ċertezza legali u l-kontroll tal-operazzjonijiet tagħhom. F’dawn l-aħħar żminijiet, madankollu, sar aktar diffiċli jintlaħaq qbil fil-livell tal-UE dwar l-adozzjoni ta’ inizjattivi relatati mad-dritt soċjetarju. Dawn id-diffikultajiet, pereżempju, huma murija min-nuqqas ta’ progress fuq xi inizjattivi ta’ simplifikazzjoni[18] u fuq l-istatut propost tal-Kumpannija Privata Ewropea (SPE). Fl-istess ħin, madankollu, id-dimensjoni transfruntiera tan-negozju kibret ħafna kemm mill-perspettiva tal-kumpaniji kif ukoll tal-konsumaturi. Is-servizzi tal-Kummissjoni għalhekk nidew proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew, li beda bil-pubblikazzjoni ta’ rapport imħejji minn grupp ta’ riflessjoni ad hoc[19] u konferenza pubblika li saret fi Brussell fis-16 u s-17 ta' Mejju 2011[20]. Sabiex jinġabru fehmiet minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, fl-20 ta' Frar 2012 tnediet konsultazzjoni online (minn hawn ’il quddiem "il-konsultazzjoni pubblika tal-2012")[21]. Il-Parlament Ewropew esprima wkoll l-opinjoni tiegħu dwar it-triq ’il quddiem għad-dritt soċjetarju Ewropew f’Riżoluzzjoni adottata fl-14 ta' Ġunju 2012[22]. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-2012 kienu favur miżuri ġodda sabiex jiġi modernizzat il-qafas eżistenti tad-dritt soċjetarju[23].

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi l-inizjattivi li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex timmodernizza d-dritt soċjetarju u l-qafas ta’ governanza korporattiva. Huwa jidentifika tliet linji ta’ azzjoni prinċipali:

· Żieda fit-trasparenza – il-kumpaniji jridu jipprovdu informazzjoni aħjar dwar il-governanza korporattiva tagħhom lill-investituri tagħhom u lis-soċjetà inġenerali. Fl-istess ħin il-kumpaniji għandhom ikunu permessi li jikunu jafu min huma l-azzjonisti tagħhom u l-investituri istituzzjonali għandhom ikunu iżjed trasparenti dwar il-politiki tal-vot tagħhom sabiex ikun jista’ jkun hemm djalogu iżjed produttiv dwar kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva.

· Impenn tal-azzjonisti – l-azzjonisti għandhom jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw aktar fil-governanza korporattiva. Huma għandhom jiġu offruti aktar possibilitajiet sabiex jissorveljaw il-politika tar-remunerazzjoni u t-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, u l-kooperazzjoni tal-azzjonisti għal dan il-għan għandha ssir aktar faċli. Barra minn hekk, iridu jiġu imposti numru limitat ta’ obbligi fuq l-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-konsulenti delegati sabiex ikun hemm impenn effettiv.

· Appoġġ għat-tkabbir tal-kumpaniji u l-kompetittività tagħhom – jeħtieġ li jiġu simplifikati l-operazzjonijiet transfruntiera tan-negozji Ewropej, b’mod partikolari fil-każ tal-impriżi żgħar u medji.

Minbarra li tappoġġja dawn it-tliet objettivi prinċipali, il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju ġenerali ta’ kodifikazzjoni biex tagħmel il-qafas regolatorju aktar faċli għall-utent.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika tal-2012, ta’ diversi diskussjonijiet ma’ bosta partijiet interessati u tal-analiżi li għamlet il-Kummissjoni nnifisha. Huwa jiddeskrivi l-inizjattivi li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni fl-oqsma tad-dritt soċjetarju u tal-governanza korporattiva. Il-miżuri differenti fil-Pjan ta’ Azzoni mhux se jkollhom l-istess għan. Ir-regoli ta’ governanza korporattiva tal-UE japplikaw biss għal kumpaniji elenkati fil-borża. Min-naħa l-oħra, il-liġi tal-UE dwar il-kumpaniji fil-prinċipju tapplika għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata kollha tal-UE. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattivi mhux se joħolqu piż mhux neċessarju għall-kumpaniji, u b’mod partikolari se tikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika tal-SMEs

L-inizjattivi kollha se jkunu s-suġġett ta’ valuzzjonijiet ex-ante tal-impatt. Il-Pjan ta’ Azzjoni ma jistax jantiċipa r-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-Kummissjoni għalhekk jista’ jkollha bżonn timmodifika l-ippjanar tagħha, fir-rigward jew tal-kontenut jew tat-twaqqit tiegħu, jekk ikun meħtieġ. Jistgħu suċċessivament jinqalgħu kwistjonijiet ġodda li jridu jiġu segwiti flimkien mal-inizjattivi stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Jistgħu joħorġu elementi ġodda mit-tweġibiet għall-konsultazzjoni ppjanata dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Il-Green Paper li jmiss dwar din il-kwistjoni se tniedi dibattitu wiesa’ dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kapaċità tas-settur finanzjarju fl-UE sabiex jipprovdi finanzjament fit-tul għall-investiment produttiv meħtieġ sabiex jimbotta t-tkabbir sostenibbli. Hija se tindirizza kwistjonijiet bħall-bżonn li jkun assigurat aċċess għal sorsi differenti ta’ finanzjament; l-importanza li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva fuq orizzonti qosra biss; u l-bżonn li tiżdied il-kapaċità u li jiġu żviluppati prodotti ġodda li jiffavorixxu l-finanzjament fit-tul. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Green Paper għalhekk huwa aktar wiesa’ mill-kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva; iżda hija tista’ tipprovdi wkoll aktar input dwar kif jista’ jiġi inkoraġġit l-impenn fit-tul tal-azzjonisti u kif arranġamenti xierqa ta’ governanza korporattiva jistgħu jappoġġjaw il-finanzjament fit-tul.

2.           Żieda fit-trasparenza

2.1.        Divulgazzjoni tal-politika dwar id-diversità tal-bordijiet u l-ġestjoni ta’ riskji mhux finanzjarji

Fl-Ewropa, jeżistu flimkien strutturi differenti ta’ bordijiet. Skont il-pajjiż, il-kumpaniji elenkati jistgħu jistabbilixxu jew sistema ta’ ‘bord wieħed’ (imsejħa wkoll sistema ‘monistika’ jew sistema ta’ ‘bord unitarju’), sistema b’żewġ saffi (jew ‘bord binarju’) jew xi forma ta’ struttura mħallta. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-koeżistenza ta’ dawn l-istrutturi ta’ bordijiet, li ħafna drabi jkunu stabbiliti sewwa fis-sistema ġenerali tal-governanza ekonomika tal-pajjiż, u m’għandha l-ebda ħsieb li tisfida jew timmodifika dan l-arranġament.

Irrispettivament mill-istruttura tal-bord, il-kompożizzjoni tal-bord għandha rwol importanti fis-suċċess ta’ kumpanija. Is-superviżjoni effettiva tad-diretturi eżekuttivi jew tal-bord ta’ tmexxija mid-diretturi mhux eżekuttivi jew mill-bordijiet superviżorji[24] twassal għal governanza b’suċċess tal-kumpanija. F’dan ir-rigward, id-diversità tal-kompetenzi u tal-opinjonijiet fost il-membri tal-bord hija importanti ħafna. Hija tiffaċilita l-fehim tal-organizzazzjoni u l-affarijiet tan-negozju u b’hekk tippermetti lill-bord li jisfida d-deċiżjonijiet tal-maniġment b’mod oġġettiv u kostruttiv. Mill-banda l-oħra, in-nuqqas ta’ diversità jista’ jwassal għall-hekk imsejjaħ proċess ta’ ħsieb fi grupp (group-think), li jittraduċi ruħu f’inqas dibattitu, inqas ideat u sfidi fil-kamra tal-bord u potenzjalment superviżjoni inqas effettiva tal-bord ta’ tmexxija jew tad-diretturi eżekuttivi. Il-Kummissjoni, inkoraġġita mir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-Green Paper tal-2011[25], tħoss li żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-politika dwar id-diversità fil-bordijiet tista’ twassal biex il-kumpaniji jirriflettu aktar dwar il-kwistjoni u jikkunsidraw aħjar il-ħtieġa ta’ diversità akbar fil-bordijiet tagħhom. Din l-inizjattiva se tkun kumplimentari wkoll għall-proposta speċifika dwar it-titjib fil-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati[26].

Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-bordijiet (superviżorji) għandhom jagħtu konsiderazzjoni aktar wiesgħa lill-firxa sħiħa tar-riskji ffaċċjati mill-kumpanija tagħhom. L-estensjoni tal-obbligi ta’ rappurtar fir-rigward ta’ parametri mhux finanzjarji tgħin sabiex jiġi stabbilit profil aktar komprensiv tar-riskji tal-kumpanija, li jippermetti tfassil aktar effettiv ta’ strateġiji sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji. Dan il-fokus addizzjonali fuq aspetti mhux finanzjarji għandu jinkoraġġixxi lill-kumpaniji sabiex jadottaw approċċ strateġiku sostenibbli u fit-tul għan-negozju tagħhom.

Sabiex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji jżidu d-diversità fil-bordijiet u jagħtu konsiderazzjoni akbar lir-riskji mhux finanzjarji, il-Kummissjoni fl-2013 se tagħmel proposta sabiex issaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tal-politika tagħhom dwar id-diversità fil-bordijiet u l-ġestjoni tar-riskji permezz ta’ emenda fid-Direttiva dwar il-kontabilità[27].

2.2.        Titjib tar-rappurtar dwar il-governanza korporattiva

Il-kwalità tar-rapporti dwar il-governanza korporattiva prodotti mill-kumpaniji elenkati kienet soġġetta għal kritika. Il-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva fl-UE huma applikati fuq bażi ta’ ‘konformità jew spjegazzjoni’. Dan l-approċċ jippermetti lill-kumpaniji li jiddevjaw mir-rakkomandazzjonijiet partikolari tal-kodiċi applikabbli, bil-kundizzjoni li jispjegaw ir-raġunijiet għal dan. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpaniji ħafna drabi ma jkunux suffiċjenti. Huma jew jiddikjaraw sempliċement li ddevjaw minn rakkomandazzjoni mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, jew jipprovdu biss spjegazzjoni ġenerali jew limitata[28]. Billi dawn l-ispjegazzjonijiet jintużaw mill-investituri sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar investiment u jivvalutaw il-valur ta’ kumpanija, tali nuqqasijiet jillimitaw is-siwi u l-vijabilità tas-sistema. Maġġoranza kbira tar-rispondenti għall-Green Paper tal-2011 kienu favur li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jipprovdu spjegazzjonijiet aħjar f’każ ta’ devjazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet tal-kodiċijiet.

Wara l-Green Paper tal-2011, xi Stati Membri bdew diskussjonijiet jew ħarġu linji gwida dwar il-kwalità tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpaniji. Pereżempju, fil-Finlandja, l-Assoċjazzjoni tas-Swieq tat-Titoli fl-20 ta' Jannar 2012 ħarġet linji gwida dwar l-ispjegazzjonijiet li jridu jipprovdu l-kumpaniji. Il-Kumitat Belġjan tal-Governanza Korporattiva kkummissjona studju indipendenti dwar il-kwalità tal-ispjegazzjoni u, fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ dan l-istudju, ħareġ numru ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi fl-2012. Fir-Renju Unit, il-Kunsill dwar ir-Rappurtar Finanzjarju, f’Diċembru 2011 nieda diskussjoni bejn il-kumpaniji u l-investituri dwar x’jikkostitwixxi spjegazzjoni xierqa u, konsegwentement, introduċa linji gwida dwar l-'approċċ ta’ konformità jew spjegazzjoni' fil-Kodiċi ta’ Governanza Korporattiva. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon dawn l-inizjattivi. Hija beħsiebha tinkoraġġixxi wkoll aktar kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki żviluppati fi Stati Membri differenti.

Il-Kummissjoni fl-2013 se tieħu inizjattiva, possibbilment fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni, sabiex tittejjeb il-kwalità tar-rapporti dwar il-governanza korporattiva, u b’mod partikolari l-kwalità tal-ispjegazzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-kumpaniji li jiddevjaw mill-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva.

2.3.        Identifikazzjoni tal-azzjonisti

Il-Green Paper tal-2011 staqsiet jekk il-partijiet interessati kinux jaraw il-ħtieġa għal mekkaniżmu Ewropew biex jgħin lill-emittenti jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom biex jiffaċilitaw id-djalogu dwar kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva. Barra minn hekk, il-Green Paper staqsiet jekk din l-informazzjoni għandhiex issir disponibbli wkoll għal investituri oħra. Maġġoranza ċara tar-rispondenti kienu favur tali mekkaniżmu[29]. Appoġġ partikolarment b’saħħtu ġie kemm min-negozji kif ukoll mill-investituri.

Madankollu l-opinjonijiet dwar xi tkun l-aħjar triq ’il quddiem kienu maqsuma ħafna. Xi rispondenti ħassew li r-rekwiżit li l-emittenti joffru forum għall-azzjonisti fuq is-siti elettroniċi tal-kumpanija tagħhom kien biżżejjed. Oħrajn, mill-banda l-oħra, tkellmu favur mekkaniżmu żviluppat tal-UE għall-identifikazzjoni tal-azzjonisti. Numru mhux ħażin ta’ rispondenti ssuġġerew li jitbaxxew l-limiti għan-notifika ta’ azjendi maġġuri fid-Direttiva dwar it-Trasparenza. Fl-aħħar nett, grupp sostanzjali sostnew li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu rikonoxximent reċiproku għall-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti ta’ identifikazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandhom ikunu obbligati jdaħħlu għodda nazzjonali ta’ trasparenza li tirrispetta xi rekwiżiti minimi.

Il-Parlament Ewropew jappoġġja l-idea li l-kumpaniji li joħorġu name shares għandhom ikollhom id-dritt li jkunu jafu l-identità tas-sidien tagħhom, iżda li s-sidien ta’ bearer shares għandhom ikollhom id-dritt li ma jarawx l-identità tagħhom żvelata. Dan jikkonferma t-tħassib espress aktar qabel dwar il-privatezza tal-investituri fil-livell tal-konsum.

Il-Kummissjoni tħoss li informazzjoni addizzjonali dwar min ikollu ishma f’kumpanija elenkata tista’ ttejjeb id-djalogu dwar il-governanza korporattiva bejn il-kumpanija u l-azzjonisti tagħha. L-għodod eżistenti jew mhumiex dettaljati biżżejjed jew m’għandhomx id-dimensjoni transfruntiera neċessarja.

Fl-2013, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva sabiex ittejjeb il-viżibilità tal-pussess ta’ ishma fl-Ewropa bħala parti mill-programm ta’ ħidma leġislattiv tagħha fil-qasam tal-liġi dwar it-titoli.

2.4.        Tisħiħ tar-regoli tat-trasparenza għall-investituri istituzzjonali

Ir-riċerka mwettqa bi preparazzjoni għall-Green Papers tal-Kummissjoni tal-2010 u tal-2011 u t-tweġibiet għalihom jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ titjib fit-trasparenza tal-politiki tal-votazzjoni adottati mill-investituri istituzzjonali, inklużi l-kumpaniji tal-immaniġġar tal-assi, u l-eżerċitar ta’ dawn il-politiki[30]. Fil-preżent, il-UK Stewardship Code[31] u l-aħjar prattiki għal sjieda impenjata tal-ishma tal-Eumedion Olandiż[32] kif ukoll il-Kodiċi għall-governanza esterna tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġestjoni tal-Fondi u l-Assi[33] u l-Prinċipji Globali ta’ Governanza Korporattiva tan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Governanza Korporattiva[34] diġà jirrakkomandaw lill-investituri istituzzjonali sabiex ikunu trasparenti dwar il-mod kif jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ sjieda/qadi tal-interessi tal-azzjonisti, li jinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-votazzjoni u l-impenn.

Id-divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni jista’ jkollha impatt pożittiv fuq l-għarfien tal-investituri, tippermetti lill-investituri finali li jottimizzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment, tiffaċilita d-djalogu bejn l-investituri u l-kumpaniji, u tinkoraġġixxi l-impenn tal-azzjonisti u tista’ ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-kumpaniji lejn is-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, din l-informazzjoni tista’ tkun utli għall-investituri qabel ma jidħlu f’kuntratt dwar immaniġġjar ta’ portafolji jew għall-benefiċjarji ta’ investituri istituzzjonali li jaġixxu f’isem jew għall-benefiċċju ta’ oħrajn. Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tagħha li timpenja lill-azzjonisti, il-Kummissjoni tħoss li din hija t-triq it-tajba ’l quddiem.

Il-Kummissjoni fl-2013 se toħroġ b’inizjattiva, possibbilment permezz ta’ modifika tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti[35], dwar id-divulgazzjoni tal-politiki dwar il-votazzjoni u l-impenn kif ukoll ir-rekords tal-votazzjoni mill-investituri istituzzjonali.

3.           Impenn tal-azzjonisti

L-impenn sostenibbli u effettiv tal-azzjonisti huwa wieħed mis-sisien tal-mudell ta’ governanza korporattiva tal-kumpaniji elenkati, li jiddependi fost l-oħrajn fuq kontrolli u bilanċi bejn l-organi differenti u azzjonisti differenti. Jekk pereżempju l-maġġoranza tal-azzjonisti jibqgħu passivi, ma jfittxux interazzjoni mal-kumpanija u ma jivvutawx, il-funzjonament tas-sistema ta’ governanza korporattiva preżenti jkun anqas effettiv. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma tista’ tkun mistennija l-ebda azzjoni korrettiva min-naħa tal-azzjonisti u r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-maniġment hija kompletament f’idejn il-bord (superviżorju).

3.1.        Superviżjoni aħjar tal-politika ta’ remunerazzjoni mill-azzjonisti

Ir-remunerazzjoni eżekuttiva kienet is-suġġett ta’ ħafna diskussjoni f’dawn l-aħħar snin[36]. Il-Kummissjoni temmen li l-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn politiki ta’ remunerazzjoni li jistimulaw ħolqien tal-valur aktar fit-tul u ġenwinament jorbtu l-ħlas mal-prestazzjoni. Politiki ta’ remunerazzjoni u/jew strutturi ta’ inċentivi ħżiena jwasslu għal trasferimenti mhux ġustifikati tal-valur mill-kumpaniji, l-azzjonisti tagħhom u partijiet interessati oħra lill-uffiċjali eżekuttivi. Għalhekk, u b’kunsiderazzjoni għall-possibbiltajiet ta’ sorveljanza eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpaniji bi strutturat ta’ bord fuq żewġ livell, l-azzjonisti għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw superviżjoni aħjar tal-politiki ta’ remunerazzjoni li japplikaw għad-diretturi tal-kumpaniji elenkati u tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki.

Għalhekk, u kif jidher mir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-Green Paper tal-2011[37], l-azzjonisti jeħtieġu informazzjoni ċara, komprensiva u komparabbli dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjoni individwali tad-diretturi. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ armonizzazzjoni bażiċi tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni. Barra minn hekk, l-azzjonisti għandhom ikunu kapaċi jesprimu l-veduti tagħhom dwar il-materja, permezz ta’ vot obbligatorju tal-azzjonisti dwar il-politika ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija u r-rapport dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-mod kif tkun ġiet implimentata l-politika ta’ remunerazzjoni. Attwalment, mhux l-Istati Membri kollha jagħtu lill-azzjonisti d-dritt li jivvutaw dwar il-politika ta’ remunerazzjoni u/jew dwar ir-rapport, u l-informazzjoni divulgata mill-kumpaniji fi Stati Membri differenti mhijiex faċilment paragunabbli[38].

Il-Kummissjoni fl-2013 se tipproponi inizjattiva, possibbilment permezz ta’ modifika tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti, sabiex ittejjeb it-trasparenza dwar il-politiki ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjoni individwali tad-diretturi, kif ukoll biex tagħti lill-azzjonisti d-dritt li jivvutaw dwar il-politika ta’ remunerazzjoni u r-rapport dwar ir-remunerazzjoni.

3.2.        Superviżjoni aħjar mill-azzjonisti tat-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

It-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, jiġifieri tranżazzjonijiet fejn il-kuntratti tal-kumpanija mad-diretturi jew l-azzjonisti li jkollhom il-kontroll tagħha, jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-kumpanija u lill-azzjonisti minoritarji tagħha, billi jagħtu lill-parti relatata l-opportunità li tapproprja valur li jappartjeni lill-kumpanija. Għalhekk, huma importanti ħafna salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti.

Ir-regoli kurrenti tal-UE jitolbu li fil-kontijiet annwali tagħhom, il-kumpaniji jinkludu nota dwar it-tranżazzjonijiet li jkunu għamlu ma’ partijiet relatati, li fiha jagħtu l-ammont u n-natura tat-tranżazzjoni u informazzjoni oħra neċessarja[39]. Madankollu, billi dan ir-rekwiżit għandu tendenza li jitqies bħala mhux suffiċjenti, il-Forum Ewropew dwar it-Tmexxija Korporattiva ħareġ stqarrija dwar it-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati fejn irrakkomanda l-introduzzjoni ta’ prinċipji komuni madwar l-Ewropa kollha[40]. Il-Forum b’mod partikolari ppropona li t-tranżazzjonijiet ’il fuq minn ċertu limitu għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni minn konsulent indipendenti u li t-tranżazzjonijiet l-aktar sostanzjali għandhom ikunu approvati mill-azzjonisti. Il-Green Paper tal-2011 qajmet il-kwistjoni tal-għoti ta’ aktar protezzjoni kontra t-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati. Proporzjon konsiderevoli ta’ rispondenti talbu għal salvagwardji aktar b’saħħithom. Wara li kkunsidrat dan ir-rispons u l-linji gwida kontenuti fid-dikjarazzjoni tal-Forum Ewropew dwar it-Tmexxija Korporattiva, il-Kummissjoni tħoss li l-kontroll tal-azzjonisti fuq it-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati għandu jiġi msaħħaħ.

Il-Kummissjoni fl-2013 se tipproponi inizjattiva mmirata sabiex ittejjeb il-kontroll tal-azzjonisti fuq it-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, possibbilment permezz ta’ emenda fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti.

3.3.        Regolazzjoni tal-konsulenti delegati

L-investituri istituzzjonali b’portafolji tal-ekwità diversifikati ħafna jiffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu sabiex jivvalutaw sewwa kif għandhom jivvutaw dwar il-punti tal-aġenda tal-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji li jsiru l-investimenti fihom. Għaldaqstant, huma spiss jagħmlu użu mis-servizzi ta’ konsulenti delegati, bħal pariri dwar il-votazzjoni, votazzjoni bi prokura u gradazzjonijiet tal-governanza korporattiva. B’riżultat ta’ dan, l-influwenza tal-konsulenti delegati fir-rigward tal-votazzjoni hija sostanzjali. Barra minn hekk, kien argumentat li l-investituri istituzzjonali jibbażaw ferm aktar fuq il-parir dwar il-votazzjoni għall-investimenti tagħhom f’kumpaniji barranin milli għall-investimenti fis-swieq domestiċi tagħhom. Għalhekk, l-influwenza tal-konsulenti delegati x’aktarx li tkun akbar fis-swieq b’perċentwal għoli ta’ investituri internazzjonali. Fil-preżent, madankollu, il-konsulenti delegati mhumiex regolati fil-livell tal-UE.

L-influwenza tal-konsulenti delegati tqajjem xi tħassib. Matul it-tħejjija tal-Green Paper tal-2011, l-investituri u l-kumpaniji li jsiru l-investimenti fihom esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-metodi użati mill-konsulenti delegati għat-tħejjija tal-pariri tagħhom. B’mod aktar speċifiku, jintqal li l-metodoloġija analitika użata mill-konsulenti delegati tonqos milli tikkunsidra karatteristiċi speċifiċi għall-kumpanija u/jew elementi tal-leġislazzjoni nazzjonali u l-aħjar prattika fil-governanza korporattiva. Tħassib ieħor huwa li l-konsulenti delegati huma suġġetti għal kunflitti tal-interessi, bħal meta jaġixxu wkoll bħala konsulenti tal-governanza korporattiva għal kumpaniji li jsiru investimenti fihom. Jinħolqu kunflitti tal-interessi wkoll meta konsulent delegat jagħti parir lill-investituri dwar riżoluzzjonijiet tal-azzjonisti li jkunu proposti minn xi wieħed mill-klijenti tiegħu. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-settur iqajjem tħassib, parzjalment dwar il-kwalità tal-parir u dwar jekk dan jissodisfax il-ħtiġijiet tal-investituri.

Fl-2012 l-AETS ħarġet dokument ta’ diskussjoni dwar il-konsulenti delegati li fih talbet opinjonijiet dwar opzjonijiet regolatorji possibbli għall-konsulenti delegati, li jvarjaw minn ebda azzjoni u miżuri volontarji għal strumenti kważi vinkolanti jew strumenti vinkolanti tal-UE.[41] Il-Kummissjoni tista’ tislet ir-riżultati tad-diskussjoni biex tiżgura qafas operattiv koerenti u effettiv għall-konsulenti delegati.

Il-Kummissjoni fl-2013 se tikkunsidra inizjattiva, possibbilment fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti, bil-għan li ttejjeb l-oqfsa tat-trasparenza u l-kunflitt tal-interessi applikabbli għall-konsulenti delegati.

3.4.        Kjarifika tar-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni tal-investituri fuq kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva u l-kunċett ta’ ‘azzjoni koordinata’

Numru kbir ta’ rispondenti għall-Green Paper tal-2011 talbu kjarifika tal-kunċett ta’ ‘azzjoni koordinata’. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ċertezza legali pprovduta mir-regoli preżenti kontenuti fid-Direttiva dwar Offerti ta’ Xiri u d-Direttiva dwar it-Trasparenza u t-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali hija perċepita bħala ostakolu għall-kooperazzjoni effettiva tal-azzjonisti. L-azzjonisti jridu jkunu jafu meta jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw ma’ xulxin mingħajr ir-riskju li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jwasslu għal konsegwenzi legali mhux mistennija.

Jekk ma tiġix ipprovduta tali kjarifika, l-azzjonisti jistgħu jevitaw il-kooperazzjoni, li min-naħa tagħha tista’ timmina l-potenzjal għal sjieda impenjata fit-tul tal-ishma li biha l-azzjonisti effettivament iżommu lill-bord responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ gwida sabiex jiġu ċċarati l-limiti kunċettwali u tiġi pprovduta aktar ċertezza legali dwar din il-kwistjoni sabiex il-kooperazzjoni tal-azzjonisti ssir aktar faċli.

Matul l-2013, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-AETS bil-għan li tiżviluppa gwida sabiex iżżid iċ-ċertezza legali dwar ir-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni tal-investituri fuq kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva u r-regoli dwar l-azzjoni koordinata.

3.5.        Sjieda ta’ ishma għall-impjegati

Il-Kummissjoni temmen li l-interess tal-impjegati fis-sostenibbiltà tal-kumpanija tagħhom huwa element li għandu jiġi kkunsidrat fit-tfassil ta’ kwalunkwe qafas ta’ governanza li jiffunzjona tajjeb. L-involviment tal-impjegati fl-affarijiet ta’ kumpanija jista’ jieħu l-forma ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-bord. Iżda jista’ jirrigwarda wkoll forom ta’ involviment finanzjarju, b’mod partikolari billi l-impjegati jsiru azzjonisti.

L-iskemi ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati diġà għandhom tradizzjoni u rekord ta’ suċċess f’bosta Stati Membri. Ir-riċerka mwettqa bi preparazzjoni għall-Green Paper tal-2011 u t-tweġibiet għaliha jindikaw li l-iskemi ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati jistgħu jilagħbu rwol importanti sabiex jiżdied il-proporzjon ta’ azzjonisti orjentati fuq perjodu fit-tul. Billi hemm ħafna lati għal din il-kwistjoni (pereżempju t-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol), il-Kummissjoni tħoss li huwa importanti li tanalizza dan is-suġġett f’aktar dettall, b’mod partikolari fir-rigward tad-dimensjoni tas-suq intern tagħha. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, se tidentifika liema inizjattivi jistgħu jkunu xierqa biex jinkoraġixxu l-iżvilupp ta’ skemi ta' sjieda ta' ishma mill-impjegati transnazzjonali fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni se tidentifika u tinvestiga l-ostakoli potenzjali għal skemi ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati transnazzjonali , u sussegwentement se tieħu azzjoni xierqa sabiex tinkoraġġixxi s-sjieda ta’ ishma għall-impjegati fl-Ewropa kollha.

4.           Titjib tal-qafas għal attivitajiet transfruntiera ta' kumpaniji tal-UE

Id-dritt soċjetarju Ewropew huwa parti integrali tas-suq intern. Huwa jiffaċilita l-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji filwaqt li jżid iċ-ċertezza legali għall-operazzjonijiet tagħhom. Għalhekk jista’ jappoġġja t-tkabbir u l-kompetittività tal-kumpaniji.

4.1.        Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat

Apparti mir-regoli kontenuti fl-Istatuti għall-Kumpanija Ewropea (SE), għas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) u għall-Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku (GEIE), m’hemmx regoli tal-UE li jippermettu lill-kumpaniji jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom bejn il-fruntieri b’mod li jippreserva l-personalità ġuridika tal-kumpanija. Attwalment, ftit Stati Membri biss jippermettu trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat mingħajr stralċ u riinkorporazzjoni sussegwenti. Il-kumpaniji jistgħu jużaw ukoll id-Direttiva mergers transfruntiera jew l-SE bħala għodda biex ibiddlu l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-2012 kixfu interess konsiderevoli fir-regoli tal-UE dwar it-trasferimenti transfruntiera tal-uffiċċji rreġistrati[42]. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza ta’ din il-kwistjoni. Madanakollu, tqis li kwalunkwe inizjattiva f’din il-kwistjoni jeħtieġ li tkun imsaħħa b’dejta ekonomika robusta u valutazzjoni fid-dettall tal-ħtieġa prattika u ġenwina u tal-użu tar-regoli Ewropej dwar it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat. Dan anke fl-isfond tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[43], kif ukoll żviluppi fl-oqfsa ġuridiċi tal-Istati Membri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati dwar l-eżitu li se tirrapporta dwaru..

Matul l-2013, il-Kummissjoni se twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati biex taġġorna l-valutazzjoni tal-impatt tagħha dwar inizjattiva potenzjali ta’ trasferiment transfruntiera ta’ uffiċċju rreġistrat. Sussegwentement, il-Kummissjoni se tqis l-idoneità ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

4.2.        Titjib tal-mekkaniżmu għal fużjonijiet transfruntiera

Id-Direttiva 2005/56/KE dwar mergers transfruntiera ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata kienet pass kbir ’il quddiem għall-mobilità transfruntiera tal-kumpaniji fl-UE. Il-qafas maħluq issa għandu jiġi aġġustat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se tanalizza l-konklużjonijiet ta’ studju ġejjieni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva li se jkun disponibbli fit-tieni nofs tal-2013, u li se jikkunsidra kemm l-esperjenza miksuba kif ukoll il-ħtiġijiet futuri f’dan il-qasam. Jidher li hemm każ partikolari għal titjib fir-regoli proċedurali, minħabba li numru ta’ kwistjonijiet kienu identifikati bħala sors potenzjali ta’ inċertezza u kumplessità, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fir-rigward ta’ metodi għall-valutazzjoni tal-assi, it-tul tal-perjodu ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-kredituri, u l-konsegwenzi għad-drittijiet tal-kredituri mat-tlestija tal-fużjoni. Il-konsultazzjoni pubblika tal-2012 turi appoġġ qawwi għal titjib fid-direttiva dwar mergers transfruntiera[44]. L-istudju li qiegħed jitwettaq se jgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-passi ta’ segwitu neċessarji.

Fl-2013, il-Kummissjoni għandha l-għan li tirrapporta dwar l-eżitu tal-istudju u suċċessivament se tikkunsidra l-adegwatezza tal-emendi għad-Direttiva dwar mergers transfruntiera.

4.3.        Faċilitar tad-diviżjonijiet transfruntiera

Id-diviżjonijiet fil-livell nazzjonali kienu għal xi żmien armonizzati mid-Direttiva 82/891/KEE. Madankollu, dan għadu ma ġiex rifless fil-leġislazzjoni tal-UE dwar it-tranżazzjonijiet transfruntiera, li biha l-fużjonijiet transfruntiera biss kienu faċilitati b’mod espliċitu. Attwalment, il-kumpaniji li jkunu jixtiequ jagħmlu diviżjoni transfruntiera jridu jwettqu diversi operazzjonijiet, bħall-ħolqien ta’ sussidjarja u t-trasferiment sussegwenti tal-assi jew diviżjoni domestika segwita minn trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat. Barra minn hekk, qafas legali ċar li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jsiru direttament diviżjonijiet transfruntiera jgħin sabiex il-kostijiet jitnaqqsu b’mod sinifikanti. Fil-fatt hemm domanda konsiderevoli għal qafas legali ċar għad-diviżjonijiet transfruntiera, kif jidher mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-2012[45].

Fl-2013, wara r-riżultati tal-istudju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar mergers transfruntiera, il-Kummissjoni se li tikkunsidra inizjattiva sabiex tipprovdi qafas għad-diviżjonijiet transfruntiera, possibbilment permezz ta’ emenda fid-Direttiva dwar mergers transfruntiera, billi din tal-aħħar hija magħrufa sewwa mal-partijiet interessati u tipprovdi qafas ittestjat għar-ristrutturar transfruntiera.

4.4.        Forom legali intelliġenti għal SMEs Ewropej

L-SMEs (impriżi żgħar u medji) Ewropej għandhom rwol essenzjali fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-UE, b'mod speċjali quddiem il-kriżi ekonomika. Diġà sar ħafna xogħol sabiex jiġu ffaċilitati l-affarijiet għall-SMEs f'għadd ta' oqsma li fihom, huma jidhru li għandhom problemi, inkluż azzjonijet wara l-evalwazzjoni tal-2011 tas-Small Business Act (Att dwar in-Negozji ż-Żgħar)[46]. Fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji b'mod partikolari, il-Kummissjoni temmen li l-SMEs għandhom bżonn ta' kundizzjonijiet li huma inqas ta' piż għalihom sabiex iwettqu negozju madwar l-UE u tibqa' prijorità ċara għall-Kummissjoni li tieħu miżuri konkreti f'dan ir-rigward.

Fl-isfond tan-nuqqas ta’ progress li sar fin-negozjati dwar il-proposta għal Statut għal Kumpanija Privata Ewropea (SPE), il-konsultazzjoni pubblika tal-2012 uriet l-eżitazzjoni tal-azzjonisti milli jkomplu n-negozjati dwar din il-proposta. Fl-istess ħin, l-azzjonisti kienu ħerqana li jesploraw miżuri alternattivi[47]. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora kwalunkwe mezz alternattiv vijabbli sabiex ittejjeb il-qafas amministrattiv u regolatorju li fih joperaw l-SMEs sabiex tiffaċilita l-attivitajiet transfruntiera tal-SMEs, tipprovdilhom regoli sempliċi, flessibbli u magħrufin sew madwar l-UE u tnaqqas l-ispejjeż li huma qegħdin jiffaċċjaw bħalissa.

Il-Kummissjoni sejra tkompli taħdem fuq is-segwiment tal-proposta tal-SPE bil-għan li ttejjeb l-opportunitajiet transfruntiera għall-SMEs.

4.5.        Il-promozzjoni u t-titjib tal-għarfien dwar l-Istatut tal-Kumpannija (SE) u l-Istatut tal-Kooperattiva Ewropea (SCE)

L-Istatut tal-SE ġab miegħu għadd ta' vantaġġi għall-kumpaniji b'dimensjoni Ewropea u, b'1 426 SEs irreġistrati f'Ottubru 2012[48], l-interess f'din il-forma legali qiegħed ikompli jikber. Skont ir-rapport tal-2010 dwar l-applikazzjoni tal-Istatut[49], kumpaniji għażlu din il-forma legali minħabba x-xbieha Ewropea tagħha u l-possibbiltà li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u li jirristrutturaw b'mod aktar effettiv fuq bażi transfruntiera. Fl-istess ħin, dawk b'interess jilmentaw fuq l-ispejjeż għoljin għall-istabbiliment, proċeduri kumplessi u inċertezza legali, li spiss joriġinaw mill-bosta referenzi għal-liġi nazzjonali, nuqqas ta' għarfien biżżejjed u esperjenza prattika bl-Istatut, u xi rekwiżiti fl-Istatut li apparentament huma ibsin u li jridu jiġu ssodisfati biex tinħoloq SE. Bl-istess mod, fir-rigward tal-SCE, il-Kummissjoni tinnota l-fatt li, wara konsultazzjoni estiża[50], il-kumplessità tar-Regolament huwa meqjus li huwa fattur wieħed li jispjega l-użu dgħajjef ta' dan l-istrument (25 SCEs biss ġew inkorporati sa Lulju 2012), l-oħrajn ikunu n-nuqqas ta' għarfien tal-eżistenza ta' dan l-istrument u tal-għarfien tal-benefiċċji tiegħu għall-SMEs.

Dawk li wieġbu l-konsultazzjoni tal-2012 appoġġaw ir-reviżjoni tal-forom legali tal-UE b'mod ġenerali[51]. Madankollu, minħabba li l-benefiċċji mistennija ta' reviżjoni, f'termini ta' simplifikazzjoni u titjib taż-żewġ Statuti, ma jegħlbux l-isfidi potenzjali involuti fil-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex il-ħsieb li tirrevedihom dalwaqt. Minflok, il-Kummissjoni sejra tiffoka fuq it-titjib tal-għarfien tal-kumpaniji u tal-konsulenti legali tagħhom dwar l-Istatuti tal-SE u tal-SCE (inkluż l-aspetti relatati mal-involviment tal-impjegati) sabiex dawn jitħeġġu jagħżlu dawn il-forom legali aktar ta' spiss.

Fl-2013, il-Kummissjoni sejra tniedi kampanja ta' informazzjoni sabiex iżżid l-għarfien dwar l-Istatut tal-Kumpannija Ewropea (SE) permezz ta' sit elettroniku komprensiv li jiġbor fih kemm parir prattiku kif ukoll dokumenti relevanti għall-promozzjoni tal-Istatut tal-Kooperattiva Ewropea (SCE).

4.6.        Gruppi ta' kumpaniji

Il-konsultazzjoni pubblika tal-2012 uriet li l-pubbliku huwa favur inizjattivi tal-UE li jkunu mmirati sew fuq gruppi ta' kumpaniji[52]. B'mod partikolari, żewġ punti li ġew identifikati preċedentament fuq il-bażi tar-rapport tal-grupp ta' riflessjoni[53] u materjal ieħor ippreżentat lill-Kummissjoni qabel jew matul il-konsultazzjoni. Komunikazzjoni ssimplifikata ta' struttura ta' grupp għall-investituri u mossa mifruxa madwar l-UE kollha favur ir-rikonoxximent tal-kunċett ta' 'intess ta' grupp' tkun milqugħa minn dawk b'interess. Min-naħa l-oħra, l-idea ta' qafas legali komprensiv tal-UE li jkopri gruppi ta' kumpaniji intlaqgħet b'kawtela.

Fl-2014, il-Kummissjoni sejra ttejjeb kemm l-informazzjoni disponibbli dwar gruppi kif ukoll il-kunċett ta' 'interess ta' grupp'.

5.           Kodifikazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji tal-ue

Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kumpaniji Ewropea huma mifruxin f'bosta atti legali differenti. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-utenti sabiex ikollhom ħarsa ġenerali tal-liġi applikabbli f'dan il-qasam ta' politika. In-numru kbir ta' Direttivi li jindirizzaw il-liġi tal-kumpaniji fih ukoll ir-riskju ta' diskrepanzi u trikkib mhux intenzjonati. Il-konsultazzjoni pubblika tal-2012 turi li hemm appoġġ kbir għall-idea ta' fużjoni tad-Direttivi eżistenti dwar il-liġi tal-kumpaniji[54]. Aktar minn 75 % ta' dawk li wieġbu[55] talbu jew għall-ħolqien ta' strument wieħed tal-liġi tal-kumpanji tal-UE li jassorbi d-Direttivi eżistenti jew bosta fużjonijiet ta' gruppi ta' Direttivi b'ambitu simili. Il-Parlament Ewropew jappoġġa wkoll dan l-approċċ[56].

Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li l-liġi tal-kumpaniji tal-UE tkun magħmula aktar faċli għall-utent u li jitnaqqas ir-riskju ta' inkonsistenzi futuri. Għaldaqstant sejra tħejji l-kodifikazzjoni ta' Direttivi maġġuri dwar il-liġi tal-kumpaniji u l-fużjoni tagħhom fi strument waħdieni. Dan l-eżerċitar sejjer jinkludi d-Direttivi kollha li jkorpu l-fużjonijiet u d-diviżjonijiet, il-formazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u t-tibdil u ż-żamma tal-kapital tagħhom, kumpaniji b'responsabbiltà limitata privati ta' membru wieħed, fergħat barranin u ċerti regoli dwar l-iżvelar, il-validità u n-nullità[57]. Sejjer jinkludi wkoll it-tibdiliet introdotti mid-Direttiva reċenti dwar l-interkonnessjoni ta' reġistri kummerċjali[58]. Il-progress fuq ix-xogħol sejjer b'xi mod jiddependi fuq il-konklużjoni ta' inizjattivi paralleli bħall-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet, li jinvolvi emendi minuri għad-Direttivi tal-liġi tal-kumpaniji eżistenti.

Fl-2013, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tadotta proposta li tikkodifika u li tgħaqqad Direttivi maġġuri dwar il-liġijiet tal-kumpaniji.

6.           Konklużjoni

F'dan il-Pjan ta' Azzjoni, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' linji ta' azzjoni konkreti fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u tal-governanza korporattiva sabiex tiżgura aktar titjib f'dawn l-oqsma. Dawn jinkludu inizjattivi partikolari li jżidu l-livell ta' trasparenza bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, inizjattivi immirati lejn it-tħeġġiġ u l-iffaċilitar ta' involviment tal-azzjonisti fuq perjodu ta' żmien twil u inizjattivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji li jappoġġaw in-negozji Ewropej u t-tkabbir u l-kompetittività tagħhom. L-inizjattivi fil-qasam tal-governanza korporattiva ma jimmirawx lejn it-tibdil tal-approċċ attwali, iżda jiżguraw, billi jħeġġu interazzjoni xierqa bejn il-kumpaniji, l-azzjonisti tagħhom u dawk b'interess oħrajn, li dan l-approċċ isir aktar effiċjenti. Fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji, l-inizjattivi proposti jiffokaw b'mod partikolari fuq li jipprovdu lill-kumpaniji b'aktar ċertezza legali, b'mod partikolari fir-rigward ta' operazzjonijiet transfruntiera. Il-Kummissjoni sejra tkompli tesplora ma' dawk b'interess aktar azzjonijiet futuri possibbli sabiex jiġi żgurat li l-qafas tal-UE għal-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva jikkontribwixxi għall-għan ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Sinteżi ta' dawn l-inizjattivi hija pprovduta fl-Anness. Dawk b'interess li huma interessati jsegwu l-iżviluppi f'aktar dettall huma mistiedna jikkonsultaw is-sit elettroniku tal-Kummissjoni b'mod regolari:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/index_mt.htm

ANNESS : Sintesi tal-inizjattivi ewlenin ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni

Inizjattiva || Strument u twaqqit mistenni

Żvelar tal-politika tad-diversità tal-bord u tal-arranġamenti ta' ġestjoni tar-riskji || Emenda tad-Direttiva dwar il-kontabilità, 2013

Titjib tal-viżibilità tal-ishma f'kumpaniji elenkati fl-Ewropa || Leġiżlazzjoni dwar it-titoli, 2013

Titjib tal-kwalità tar-rapporti tal-governanza korporattiva u b'mod partikolari l-kwalità tal-ispjegazzjonijiet li għandhom jingħataw minn kumpaniji elenkati li jitilqu mid-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-governanza korporattiva || Possibbilment Inizjattiva mhux leġislattiva, 2013

Żvelar tal-politiki tal-votazzjoni u tal-involviment kif ukoll tar-rekords tal-votazzjoni minn investituri istituzzjonali || Possibbilment Direttiva dwar id-drittijiet tal-Azzjonisiti, 2013

Titjib tat-trasparenza dwar il-politiki tar-remunerazzjoni u r-remunerazzjoni individwali tad-diretturi, u l-għoti tad-dritt tal-vot lill-azzjonisti fir-rigward tal-politika tar-remunerazzjoni

Titjib tal-kontroll tal-azzjonisti fuq it-transazzjonijiet ta' parti relatata

Oqfsa tat-titjib tat-trasparenza u tal-kunflitt ta' interess applikabbli għal konsulenti li jidhru f'isem ħaddieħor

Ħidma mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali komptenti u mal-ESMA bil-għan li tiġi żviluppata gwida sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni tal-investitur fuq kwistjonijiet ta' governanza korporattiva u r-regoli dwar azzjoni flimkien || Gwida, 2013

Ħidma sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) (inkluż l-involviment tal-impjegati) u possibbilment tal-Istatut għal Kooperattiva Ewropea (SCE). || Kampanja ta' Informazzjoni, 2013

Il-Kummissjoni sejra tkompli taħdem fuq il-follow-up tal-proposta għall-SPE bil-għan li ttejjeb l-opportunitajiet transfruntiera għall-SMEs || Aktar esplorazzjoni

Identifikazzjoni tas-sjieda tas-sehem tal-impjegat fl-Istati Membri || Analiżi kontinwa

Regoli dwar trasferimenti transfruntiera ta' uffiċċju rreġistrat || Aktar investigazzjoni, 2013 u possibbliment inizjattiva

Reviżjoni tar-regoli dwar fużjonijiet transfruntiera                                 || Studju, 2013 u possibilment emendar tad-Direttiva tal-fużjonijiet transfruntiera

Regoli dwar diviżjonijiet transfruntiera

Kodifikazzjoni ta' Direttivi maġġuri dwar il-liġijiet tal-kumpaniji || Proposta għal Direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji emendata, 2013

Titjib tal-informazzjoni disponibbli fuq il-gruppi u rikonoxximent tal-kunċett ta' 'interess ta' grupp' || Inizjattiva li għad trid tiġi stabbilita, 2014

[1]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali, p. 16-17.

[2]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew L-Immodernizzar tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Titjib tat-Tmexxija Korporattiva fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex Nimxu ’l Quddiem, [traduzzjoni mhux uffiċjali]COM(2003) 284 finali.

[3]               Dokument disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/consultation/consultation_en.pdf.

[4]               Direttiva 78/660/KEE

[5]               Direttiva 2007/36/KE

[6]               Direttiva 2005/56/KE

[7]               Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 2005/162/KE u 2004/913/KE

[8]               Ara d-Direttiva 2006/68/KE li temenda d-Direttiva 77/91/KEE

[9]               Ara d-Direttivi 2007/63/KE u 2009/109/KE li jemendaw id-Direttivi 78/855/KEE u 82/891/KEE

[10]             Ara l-Prinċipji tal-Governanza Korporattiva tal-OECD, 2004, p. 11, aċċessibbli fuq is-sit elettroniku http://www.oecd.org/dataoecd/32/18/31557724.pdf. Il-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE jinkludi leġislazzjoni f’oqsma bħalma huma d-dikjarazzjonijiet tal-governanza korporattiva, it-trasparenza tal-kumpaniji elenkati, id-drittijiet tal-azzjonisti u l-offerti ta’ xiri kif ukoll il-‘liġi mhux vinkolanti’, jiġifieri r-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol u dwar ir-remunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji.

[11]             Ara infra, punt 2.2

[12]             COM(2010) 284 finali.

[13]             COM(2011) 453 finali u KUMM(2011) 452finali.

[14]             COM(2011) 164 finali, disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/modern/com2011-164_en.pdf#page=2.

[15]             Ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni tal-15 ta' Novembru 2011 u t-tweġibiet li waslu fuq is-sit elettroniku http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate-governance-framework_en.htm, minn hawn ’il quddiem ‘id-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni għall-Green Paper tal-2011’.

[16]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar qafas ta’ governanza korporattiva għall-kumpaniji Ewropej, ara l-punt 41, P7_TA(2012)0118: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0118+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN.

[17]             Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt soċjetarju tal-UE jkopri l-ħarsien tal-interessi tal-azzjonisti u oħrajn, il-kostituzzjoni u ż-żamma tal-kapital, id-divulgazzjoni tal-fergħat, l-għaqdiet u d-diviżjonijiet ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, ir-regoli minimi għal kumpaniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata u d-drittijiet tal-azzjonisti kif ukoll forom legali bħall-Kumpanija Ewropea (SE), il-Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku (GEIE) u s-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE).

[18]             Ara, pereżempju, COM(2008) 194 tas-17 ta' April 2008.

[19]             Disponibbli fuq is-sit elettoniku http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/modern/reflectiongroup_report_en.pdf.

[20]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm#conference.

[21]             It-test tal-konsultazzjoni huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2012/company_law_en.htm.

[22]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew, P7_TA(2012)0259: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0259+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN.

[23]             Ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni tas-17 ta' Lulju 2012 u t-tweġibiet li waslu fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm#consultation2012.

[24]             Kif applikabbli, skont l-istruttura (waħdiena, mħallta jew b’żewġ saffi) tal-bord.

[25]             Ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni għall-Green Paper tal-2011.

[26]             Ara XXXX

[27]             Direttiva 78/660/KEE.

[28]             Ara l-Istudju dwar il-Prattiċi ta’ Monitoraġġ u Infurzar fil-Governanza Korporattiva fl-Istati Membri, disponibbli fuq is-sit elettroniku http://ec.europa.eu/internal_market/company/ecgforum/studies_en.htm.

[29]             Ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni għall-Green Paper tal-2011.

[30]             Ir-regoli preżenti tar-rappurtar għall-impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) jeħtieġu biss li l-investituri jingħataw informazzjoni dwar l-għanijiet u l-politika tal-investiment, inkluż b’mod partikolari l-profil tar-riskju, il-prestazzjoni fl-imgħoddi u dik mistennija u kostijiet differenti, ara d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE.

[31]             Ara http://www.frc.org.uk/getattachment/e2db042e-120b-4e4e-bdc7-d540923533a6/UK-Stewardship-Code-September-2012.aspx, speċjalment il-prinċipji 1 u 6

[32]             Ara http://www.eumedion.nl/en/public/knowledgenetwork/best-practices/best_practices-engaged-share-ownership.pdf, speċjalment l-aħjar prattika 6

[33]             Ara http://www.efama.org/Publications/Public/Corporate_Governance/11-4035%20EFAMA%20ECG_final_6%20April%202011%20v2.pdf, speċjalment il-prinċipji 1, 5 u 6

[34]             Ara https://www.icgn.org/images/ICGN/Best%20Practice%20Guidance%20PDFS/short_version_-_icgn_global_corporate_governance_principles-_revised_2009.pdf, speċjalment il-punt 9.5. Ara wkoll https://www.icgn.org/files/icgn_main/pdfs/best_practice/inst_share_responsibilities/2007_principles_on_institutional_shareholder_responsibilities.pdf, speċjalment p. 12.

[35]             Direttiva 2007/36/KE.

[36]             Diġà ġew adottati regoli speċifiċi rigward ir-remunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-pakkett CRD III, u ilhom fis-seħħ minn Jannar 2011. Billi l-immaniġġar inadegwat tar-riskju l-perspettiva eċċessiva għal żmien qasir jistgħu joħolqu riskju sistemiku u jaffettwaw l-ekonomija b’mod ġenerali, huwa importanti li jkun hemm politiki ta’ remunerazzjoni tajba li ma jinkoraġġux jew jippremjaw teħid ta’ riskju eċċessiv.

[37]             Ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni dwar il-Green Paper tal-2011.

[38]             Ara r-Rapport tal-Kummissjoni KUMM(2010) 285 finali, p. 5 u 8. Disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/directors-remun/com-2010-285-2_en.pdf.

[39]             Ara l-Artikolu 43(1)(7b) tad-Direttiva 78/660/KEE u l-Artikolu 34(7b) tad-Direttiva 83/349/KEE.

[40]             Dikjarazzjoni tal-Forum Ewropew dwar it-Tmexxija Korporattiva dwar it-Tranżazzjonijiet ma’ Partijiet Relatati għal Entitajiet Elenkati, tal-10 ta' Marzu 2011, disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/ecgforum/ecgf_related_party_transactions_en.pdf.

[41]             Ara: http://www.esma.europa.eu/content/Discussion-Paper-Overview-Proxy-Advisory-Industry-Considerations-Possible-Policy-Options. Is-sinteżi tat-tweġibiet u l-pożizzjoni tal-AETS se jiġu ppubblikati dalwaqt.

[42]             373 minn total ta’ 496 tweġiba (337 favur direttiva, 36 favur miżuri oħra), ara d-dikjarazzjoni ta’ reazzjoni tas-17 ta' Lulju 2012 u t-tweġibiet li waslu fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm#consultation2012.

[43]             Kawża C-378/10, VALE, punt 34

[44]             331 minn total ta’ 496 tweġiba.

[45]             318 minn total ta’ 496 tweġiba.

[46]             COM(2011) 78, 23.2.2011.

[47]             251 minn total ta' 496 tweġiba.

[48]             Ara http://ecdb.worker-participation.eu/

[49]             Disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0676:FIN:MT:PDF.

[50]             Ara http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation/past-consultations/index_mt.htm

[51]             61 % (307 minn 496) favur.

[52]             Ara d-dikjarazzjoni tal-feedback tas-17 ta' Lulju 2012 u t-tweġibiet irċevuti minn: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_mt.htm#consultation2012.

[53]             Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara r-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni, paġni 59-75, http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/modern/reflectiongroup_report_en.pdf.

[54]             Ara d-dikjarazzjoni tal-feedback tas-17 ta' Lulju 2012 u t-tweġibiet irċevuti minn: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm#consultation2012.

[55]             376 minn total ta' 496 tweġiba.

[56]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew, ara punt 10, P7_TA(2012)0259: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0259+0+DOC+XML+V0//MT&language=MT.

[57]             Id-Direttivi 1977/91/KEE, 1982/891/KEE, 1989/666/KEE, 2005/56/KE, 2009/101/KE, 2009/102/KE u 2011/35/UE.

[58]             Direttiva 2012/17/UE.