52012DC0684

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għal kaxxi tad-dekowder kumplessi /* COM/2012/0684 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għal kaxxi tad-dekowder kumplessi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni u l-qafas legali

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn)[1] tipprovdi qafas legali għall-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal gruppi ta’ prodotti prijoritarji magħżula.

Skont l-Artikolu 15(2)(a) sa (c) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, grupp ta’ prodotti prijoritarji għandu jiġi kopert minn miżura implimentattiva obbligatorja (i.e. Regolament tal-Kummissjoni) jew b’miżura ta’ awtoregolamentazzjoni (pereżempju ftehim volontarju konkluż mill-industrija), sakemm jissodisfa tliet kundizzjonijiet: (i) jirrappreżenta volumi sinifikanti ta’ bejgħ, (ii) għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent u (iii) għandu potenzjal sinifikanti għall-progress (titjib).

Barra minn hekk, il-premessa 18 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn tistipula li l-gruppi ta’ prodotti prijoritarji għandhom ikunu suġġetti għal modi alternattivi ta’ azzjoni bħall-awtoregolamentazzjoni min-naħa tal-industrija jew ftehimiet volontarji aktar milli miżuri implimentattivi obbligatorji, fil-każ li azzjonijiet bħal dawn x’aktarx jilħqu l-għanijiet politiċi b’mod aktar malajr jew b’anqas spejjeż minn dawk ir-rekwiżiti obbligatorji.

Ftehimiet volontarji jew miżuri oħra ta’ awtoregolmentazzjoni jistgħu jitqiesu bħala alternattivi għall-miżuri implimentattivi fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, sakemm dawn jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

2.           Skema volontarja kif proposta mill-industrija għas-CSTBs

L-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn jistipula li l-Kummissjoni għandha tintroduċi miżuri implimentattivi għal gruppi ta’ prodotti tal-elettronika għall-konsumatur li joffru potenzjal għoli għat-tnaqqis effettiv meta mqabbel man-nefqa fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Il-Kummissjoni kkummissjonat studji preparatorji għal gruppi ta’ prodotti elettroniċi għall-konsumatur, inklużi kaxxi tad-dekowder kumplessi (complex set-top boxes - CSTBs), jiġifieri riċevituri tat-TV bil-ħlas[2].

L-istudju preparatorju dwar kaxxi tad-dekowder kumplessi (CSTBs)[3] ikkonferma li dan il-grupp ta’ prodotti jissodisfa l-kriterji elenkati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn. B’mod partikolari, dan jirrappreżenta volumi sinifikanti ta’ bejgħ, għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent u għandu potenzjal sinifikanti għall-progress (titjib). B’konsegwenza, is-CSTBs għandhom ikunu koperti minn miżura implimentattiva jew minn awtoregolamentazzjoni.

Il-kumpaniji attivi fis-suq tas-CSTBs ipproponew skema volontarja għall-grupp ta’ prodotti tas-CSTBs fl-UE u, għal dan il-għan, ikkonkludew ftehim volontarju li jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għal CSTBs imqiegħda u/jew użati għall-ewwel darba fis-suq tal-UE. L-iskema volontarja ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2010.

Skont din l-iskema, kull firmatarju għall-ftehim jimpenja ruħu li jiżgura li tal-anqas 90 % tal-mudelli kollha tas-CSTBs li jqiegħed fis-suq u/jew għall-ewwel użu jikkonformaw mal-miri tal-konsum tal-enerġija miftiehma għall-perjodu relevanti ta’ żmien kif iddefinit skont il-ftehim volontarju. L-aspett ambjentali tas-CSTBs li kien ġie identifikat bħala sinifikanti għall-iffissar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-CSTBs fil-ftehim volontarju kien il-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu. L-impenji li ttieħdu minn firmatarji għall-ftehim volontarju se jnaqqsu l-konsum tal-elettriku (bejn l-2011 u l-2020) għal 115 TWh b’iffrankar ta’ 44 TWh, li jikkorrispondi għal 21 Mt ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

L-iskema volontarja proposta mill-industrija kienet suġġetta għal valutazzjoni tal-impatt sħiħa mill-Kummissjoni[4] u għal konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati waqt li kien għaddej il-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn[5] stabbilit skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn. Barra minn hekk, f’Marzu 2012 l-industrija pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni aġġornata dwar il-kopertura tas-suq tal-iskema[6] li kienet meħtieġa għall-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-iskema mill-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-iskema volontarja proposta għandha tikseb l-għanijiet ta’ politika aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji. Il-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li, kif meħtieġ bl-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, l-iskema proposta kienet tikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat (b’mod partikolari is-suq intern u r-regoli ta’ kompetizzjoni), kif ukoll ma’ impenji internazzjonali tal-UE, inklużi regoli multilaterali ta’ kummerċ, l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u l-kriterji speċifiċi dwar il-valutazzjoni, jiġifieri (i) il-ftuħ għall-parteċipazzjoni, (ii) il-valur miżjud, (iii) ir-rappreżentattività, (iv) l-għanijiet kwantifikati u mqassma fi stadji, (v) l-involviment tas-soċjetà ċivili, (vi) il-monitoraġġ u r-rapportar, (vii) l-effettività tan-nefqa fl-amministrazzjoni ta’ inizjattiva awtoregolatorja, (viii) is-sostenibbiltà, u (ix) il-kompatibbiltà tal-inċentivi.

3.           Elementi fil-ftehim volontarju

Il-ftehim volontarju konkluż mill-industrija jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi dwar l-ekodisinn għall-CSTBs imqiegħda u/jew użati għall-ewwel darba fis-suq. Kull firmatarju għall-ftehim ħa l-impenn li tal-anqas 90 % tas-CSTBs tiegħu imqiegħda fis-suq tal-UE (tkun xi tkun l-oriġini tagħhom) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza skont it-termini tal-Konsum Totali tal-Enerġija (TEC - total energy consumption).

Minbarra l-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-ekodisinn, il-ftehim iwaqqaf żewġ korpi amministrattivi:

· il-Kumitat tat-Tmexxija, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-firmatarji għall-ftehim u mill-Kummissjoni Ewropea, li jmexxi l-ftehim[7], u

· l-Ispettur Indipendenti, li jivvaluta l-konformità tal-firmatarji individwali mal-impenji stipulati fil-Ftehim u li jipprovdi r-rapporti tal-konformità lill-Kummissjoni [8].

Il-ftehim jiddefinixxi wkoll:

· l-obbligi ta’ rapportar, billi jispeċifika li kull firmatarju għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-Ispettur Indipendenti u meta kumpanija tonqos milli tagħmel dan tirriskja li titlef l-istatus tagħha ta’ firmatarja, u

· regoli ta’ monitoraġġ, li jispeċifikaw li l-effettività tal-ftehim se tiġi vvalutata regolarment mill-Kummissjoni u mill-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn (li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-industrija u tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi).

Barra minn hekk, il-ftehim jipprovdi għal proċedura li tippermetti lill-Kumitat tat-Tmexxija jimmodifika d-dispożizzjonijiet tal-ftehim, b’mod partikolari li jemenda r-rekwiżiti stretti skont il-qagħda fis-suq. Approċċ flessibbli f’termini tad-definizzjoni tal-parametri relevanti u l-isabbiliment ta’ rekwiżiti applikabbli huwa partikolarment importanti fil-każ tas-CSTBs, għaliex il-funzjonijiet tagħhom jevolvu malajr.

Sabiex il-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-firmatarji potenzjali jingħataw informazzjoni korretta u aġġornata dwar ir-rekwiżiti li japplikaw għas-CSTBs f’waqtha, il-verżjoni l-aktar reċenti tal-ftehim volontarju se jkun ippubblikat dejjem flimkien mal-valutazzjoni tal-impatt u ma’ dan ir-Rapport fuq is-sit elettroniku Europa tal-Kummissjoni iddedikat għall-politika dwar l-ekodisinn[9].

Il-ftehim volontarju se jkun ikkomplementat b’inizjattivi eżistenti oħrajn, l-aktar il-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba għas-Servizzi Televiżivi Diġitali żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea[10], li jfittex soluzzjonijiet tat-teknoloġija innovattiva u jistabbilixxi standards ta’ effiċjenza ambizzjużi għas-CSTBs.

4.           Aċċettazzjoni tal-iskema volontarja

Minħabba l-fatt li l-iskema volontarja proposta mill-industrija għas-CSTBs se tikseb l-għanijiet ta’ politika aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji, u minħabba li tikkonforma mal-kriterji kollha speċifikati fl-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-Kummmissjoni tirrikonoxxi li l-CSTBs imqiegħda/użati għall-ewwel darba fis-suq tal-UE huma suġġetti għall-iskema volontarja tal-ekodisinn stabbilita mill-industrija għall-CSTBs. Il-kundizzjonijiet għall-iskema huma stipulati fil-ftehim volontarju konkluż mill-industrija.

Il-Kummissjoni tqis din l-iskema volontarja bħala alternattiva valida għal-miżura implimentattiva tal-ekodisinn. B’konsegwenza, il-Kummissjoni se tastjeni milli tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn għas-CSTBs imqiegħda fis-suq tal-UE sakemm il-ftehim volontarju u kull verżjoni tiegħu li ssegwi konkluż skont l-iskema volontarja proposta, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, se jissodisfa l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali iddefiniti fid-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

B’mod partikolari, l-iskema volontarja għandha tkompli, matul il-perjodu kollu tal-applikazzjoni tagħha, skont il-prinċipji ġenerali ddefiniti fid-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inkluż: kontribut għall-għanijiet ta’ politika tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn; aċċessibbiltà għal parteċipazzjoni mill-kumpaniji kollha attivi fis-suq tas-CSTB; kopertura tal-biċċa l-kbira tas-settur ekonomiku rilevanti[11]; ċarezza u nuqqas ta’ ambigwità fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħha; trasparenza; sistema ta’ monitoraġġ imfassla b’mod tajjeb; u l-ebda piż amministrattiv sproporzjonat. Barra minn hekk, kull rekwiżit speċifiku ta’ monitoraġġ għas-CSTBs imqiegħda u/jew użati għall-ewwel darba fis-suq tal-UE li huwa ddefinit fl-iskema volontarja u l-verżjonijiet sussegwenti kollha konklużi skont l-iskema volontarja għandhom iwasslu għal valur miżjud f’termini tal-prestazzjoni ambjentali mtejba tal-prodotti koperti.

Barra minn hekk, il-firmatarji għall-iskema volontarja huma meħtieġa li:

· jivvalutaw il-progress li sar fl-applikazzjoni tal-iskema,

· jikkooperaw mas-servizzi tal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati biex huma kontinwament itejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-CSTBs, b’mod partikolari billi kontinwament inaqqsu l-miri tal-konsum fl-enerġija ddefiniti fil-ftehim volontarju, u biex jinkludu kull aspett ambjentali ieħor fejn xieraq,

· jikkooperaw mas-servizzi tal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati biex itejbu l-mekkaniżmu tar-rapportar u r-regoli dwar il-monitoraġġ,

· jipprovdu, sal-iskadenzi stipulati fil-ftehim volontarju, id-dejta rilevanti li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati jissorveljaw il-kisba tal-għanijiet tal-ftehim, billi kull firmatarju jieħu l-impenn li jipprovdi l-informazzjoni dwar il-mudelli CSTB kollha li huwa jkun qiegħed u/jew li jintużaw għall-ewwel darba fis-suq tal-UE kif ukoll l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija ta’ kull mudell CSTB suġġett għall-ftehim volontarju, u

· jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw l-involviment attiv tal-firmatarji potenzjali fl-iskema.

5.           Monitoraġġ tal-iskema volontarja

Kif meħtieġ skont il-punt 6 tal-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni megħjuna mill-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn u mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, se timmonitorja l-applikazzjoni tal-iskema volontarja, b’mod partikolari l-konformità tagħha mal-prinċipji ġenerali, kif ukoll l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-ekodisinn speċifikati fil-ftehim volontarju u kull verżjoni sussegwenti.

Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lill-obbligi tar-rapportar u lir-regoli dwar il-monitoraġġ stipulati fid-Direttiva dwar l-Ekodisinn, fil-linji gwida eżistenti tal-Kummissjoni u fil-ftehim innifsu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkontrolla jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim u l-applikazzjoni tagħhom mill-firmatarji jippermettux lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali) jimmonitorjaw b’mod effettiv l-effettività tal-ftehim u kemm dan jissodisfa l-għanijiet tiegħu.

Fil-każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, kif riflessi fl-iskema volontarja, mhumiex se jiġu ssodisfati u/jew li l-firmatarji għall-iskema volontarja mhumiex se jnaqqsu kontinwament tul iż-żmien il-miri tal-konsum tal-enerġija speċifikati fil-ftehim volontarju jew mhumiex se jinkludu, fejn xieraq, aspetti ambjentali oħrajn fil-verżjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni se tadotta r-rekwiżiti tal-Ekodisinn għas-CSTBs pemezz ta’ miżura implimentattiva obbligatorja.

6.           Konklużjonijiet

L-iskema volontarja tal-ekodisinn proposta mill-industrija għas-CSTBs tikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, mal-impenji internazzjonali tal-UE u mal-kriterji speċifiċi tal-valutazzjoni, u għalhekk hija kkunsidrata bħala valida skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni żvelat li din l-iskema volontarja tal-ekodisinn se tikseb l-għanijiet ta’ politika aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-CSTBs imqiegħda u/użati għall-ewwel darba fis-suq tal-UE għandhom ikunu suġġetti għall-iskema volontarja tal-ekodisinn. Il-kundizzjonijiet għall-iskema huma stipulati fil-ftehim volontarju konkluż mill-industrija.

Il-Kummissjoni tqis din l-iskema volontarja bħal alternattiva valida għal miżura implimentattiva tal-ekodisinn, u għalhekk għalissa, se tastjeni milli tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn għas-CSTBs imqiegħda u/jew li jintużaw għall-ewwel darba fis-suq tal-UE.

Il-Kummissjoni se timmonitorja kontinwament l-applikazzjoni tal-iskema volontarja. Fil-każ li dan jiżvela li l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn mhumiex qed jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għas-CSTBs f’miżura implimentattiva obbligatorja.

[1]               ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

[2]               Ir-riċevituri tat-tipi li ġejjin ta' sinjali tat-TV diġitali: kejbil, satellita, Protokoll tal-Internet, terrestri.

[3]               EuP Preparatory study ‘Lot 18 — Complex set-top boxes’, Bio Intelligence Service S.A.S, France, rapport finali ta’ Diċembru 2008. Dokumentazzjoni disponibbli fuq is-sit elettroniku dwar l-ekodisinn tad-DĠ ENER http://ec.europa.eu/energy/efficiency/ecodesign/eco_design_en.htm

[4]               Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ta opinjoni favorevoli dwar il-valutazzjoni tal-impatt fl-1 ta’ Diċembru 2010.

[5]               Il-laqgħa tal-Forum għall-Konsultazzjoini dwar l-Ekodisinn fit-12 ta’ Ottubru 2009.

[6]               Skont ir-riżultati ta’ studju dwar il-penetrazzjoni tas-suq f’Jannar 2012, is-suq tal-UE għandu jikkonsenja total ta’ 23,5 miljun CSTBs fl-2012, li 18,2 miljun minnhom għandhom ikunu minn firmatarji għall-ftehim volontarju u 19,6 miljun minn firmatarji u minn firmatarji potenzjali.

[7]               Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, tal-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE u tal-NGOs għandhom status ta’ osservaturi.

[8]               Rapporti tal-konformità jkunu disponibbli għall-partijiet interessati u jiġu diskussi magħhom.

[9]               http://ec.europa.eu/energy/efficiency/labelling/agreements_en.htm.

[10]             http://re.jrc.ec.europa.eu/energyefficiency/html/standby_initiative_main.htm.

[11]             Tal-anqas 70 % tal-prodotti mqiegħda fis-suq