52012DC0573

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Att dwar is-Suq Uniku II Flimkien għal tkabbir ġdid /* COM/2012/0573 final - 2012/ () */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Att dwar is-Suq Uniku II

Flimkien għal tkabbir ġdid

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Werrej

1..... INTRODUZZJONI 4

2..... FLIMKIEN GĦAL TKABBIR ĠDID.. 5

2.1.    L-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku. 6

Transport bil-ferrovija. 7

It-Trasport Marittimu. 7

Trasport bl-ajru. 8

Enerġija. 9

2.2.    It-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji; 9

Mobbiltà taċ-ċittadini 10

Aċċess għall-finanzi 10

L-ambjent tan-negozju. 11

2.3.    L-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa; 13

Is-settur tas-servizzi 13

Suq Uniku diġitali 14

Il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku. 15

2.4.    It-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur. 16

Konsumaturi 16

Il-koeżjoni soċjali u l-imprenditorjat soċjali 17

3..... KONKLUŻJONI 18

ANNESS I: LISTA TA' AZZJONIJIET EWLENIN TAL-ATT DWAR IS-SUQ UNIKU II 19

ANNESS II: Att dwar is-Suq Uniku I: Status tal-Azzjonijiet. 21

1.           INTRODUZZJONI

Din is-sena tikkommemora l-20 anniversarju tas-Suq Uniku. Kien hemm ħafna suċċessi: mill-1992 sal-2008, is-Suq Uniku ġġenera 2.77 miljun impjieg ieħor fl-UE u 2.13 % addizzjonali fil-PDG[1]. Għall-konsumaturi Ewropej, is-Suq Uniku jfisser iktar għażla bi prezzijiet irħas - 70% tnaqqis fil-prezzijiet tat-telefonija ċellulari huwa eżempju wieħed biss. Liċ-ċittadini, is-Suq Uniku tagħhom il-possibbiltà jivjaġġaw b’mod liberu, jissetiljaw u jaħdmu fejn jixtiequ. Liż-żgħażagħ fetħilhom l-opportunitajiet li jistudjaw barra minn pajjiżhom – iktar minn 2.5 miljun student ħatfu din l-opportunità fl-aħħar 25 sena. Lit-23 miljun kumpanija fl-UE, is-Suq Uniku fetħilhom l-aċċess għal 500 miljun konsumatur. Il-messaġġ huwa ċar, l-evidenza qiegħda hemm: Suq Uniku b’saħħtu, approfondit u integrat joħloq tkabbir, jiġġenera impjiegi u joffri opportunitajiet li 20 sena ilu ma kinux jeżistu għaċ-ċittadini Ewropej.

L-ikkompletar tas-Suq Uniku huwa eżerċizzju kontinwu. Is-Suq Uniku għandu jirreaġixxi għal dinja dejjem tinbidel fejn l-isfidi soċjali u demografiċi, teknoloġija ġdida u imperattivi, bħall-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u t-tibdil fil-klima, għandhom ikunu inkorporati fit-tfassil tal-politiki.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ġġenerat sfidi addizzjonali u enfasizzat il-bżonn għal riformi strutturali fundamentali. B’rata ta’ qgħad persistentement għolja, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u b’parti mill-popolazzjoni Ewropea tgħix fil-faqar, il-kriżi ekonomika hija wkoll kriżi soċjali. Jeħtieġ li nindirizzaw din il-kriżi b’urġenza, ambizzjoni u determinazzjoni. Jekk dan ma jsirx, jiżdied ir-riskju li l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jingħalqu fihom infushom u jista’ jkun ta' theddida għall-fiduċja fil-proġett Ewropew.

Is-Suq Uniku jikkostitwixxi għodda ewlenija biex niksbu l-viżjoni fit-tul tagħna ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. Huwa jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fis-suq globali. Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà bejn il-politiki interni u esterni se jrawmu l-kummerċ u t-tkabbir.

Iktar minn qatt qabel neħtieġu Suq Uniku li jappoġġja riformi għal iktar tkabbir u impjiegi, li jsaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji u li jwaslilhom benefiċċji konkreti fil-ħajja ta' kull jum. Se jirrikjedi l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni kontinwi tagħna.

L-Att dwar is-Suq Uniku[2] ppreżentat mill-Kummissjoni f’April 2011, stabbilixxa tnax-il xprun għall-iżvilupp ulterjuri tas-Suq Uniku, li jirriflettu approċċ komprensiv li kemm Mario Monti[3] kif ukoll il-Parlament Ewropew sostnew fir-rapporti rispettivi tagħhom dwar il-futur tas-Suq Uniku[4]. L-Att ħabbar sett ta’ tnax-il azzjoni ewlenija u 50 azzjoni kumplimentari biex jistimulaw it-tkabbir u jsaħħu l-kunfidenza. L-involviment konġunt tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u ħafna partijiet konċernati, wassal għal viżjoni politika kondiviża ħafna għall-iżvilupp ulterjuri tas-Suq Uniku u ppermetta li l-attenzjoni politika tkun iffukata. Madankollu, huwa meħtieġ progress b'urġenza sabiex it-tnax-il proposta ta’ prijorità tal-ewwel Att dwar is-Suq Uniku, isir ftehim dwarhom malajr kemm jista’ jkun u safejn possibbli sal-aħħar tas-sena, f’konformità mat-talba tal-Kunsill Ewropew[5]. Sal-lum, għad ma hemmx qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq ħdax mit-tnax-il azzjoni ewlenija proposti.

Minħabba l-urġenza tal-kriżi, għandna nieħdu azzjoni biex inħejju passi ulterjuri. Din il-Komunikazzjoni għaldaqstant tħabbar “l-Att dwar is-Suq Uniku II” bit-tieni sett ta’ azzjonijiet prijoritarji. Dawn l-azzjonijiet huma maħsuba biex jiġġeneraw effetti reali fil-prattika u jagħmlu liċ-ċittadini u n-negozji kunfidenti li jużaw is-Suq Uniku b’vantaġġ għalihom.

Peress li l-kriżi kurrenti qed tevolvi u qed jitfaċċaw sfidi ġodda, ma hemmx dubju li fil-futur se jkunu meħtieġa azzjonijiet ulterjuri biex jistimulaw lis-Suq Uniku bħala l-mutur għal tkabbir u iktar benessri.

Is-suċċess ta’ dan il-proġettt se jiddependi fuq jekk ir-regoli tas-Suq Uniku humiex applikati fil-prattika b’mod effiċjenti, prevedibbli u affidabbli. Għal dan l-għan, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kuljum tar-regoli tas-Suq Uniku mill-awtoritajiet fl-Istati Membri huma ta’ importanza kardinali. Il-Kummissjoni se tiddedika l-attenzjoni kollha tagħha għal din l-isfida kif stabbilit fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2012 dwar dan is-suġġett[6] B’mod partikolari hija titlob li jsiru sforzi addizzjonali f'setturi li għandhom l-ikbar potenzjal għat-tkabbir jiġifieri, is-servizzi u n-netwerks. Se ttejjeb ukoll il-monitoraġġ tal-funzjonament tas-Suq Uniku billi tagħmel użu mill-proċess tas-semestru Ewropew. L-għan huwa li tiżdied il-pressjoni bejn il-pari u tippreżenta azzjonijiet li jiġġieldu l-ostakli li fadal, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll nazzjonali.

Huwa importanti li, sabiex il-viżjoni tas-Suq Uniku ssir realità tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji, se jkun meħtieġ appoġġ politiku kontinwu mill-atturi kollha. L-ewwel Att dwar is-Suq Uniku diġà jibbenefika minn spirtu ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-istess spirtu ta’ sħubija se jkun meħtieġ għall-preżentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku II.

2.           FLIMKIEN GĦAL TKABBIR ĠDID

Mill-adozzjoni tal-ewwel Att dwar is-Suq Uniku f’April 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposti għat-tnax-il azzjoni ewlenija tagħha u għal 36 mill-50 azzjoni kumplimentari tagħha (ara l-Anness II). Din il-Komunikazzjoni tibni fuq l-ewwel Att dwar is-Suq Uniku u tidentifika erba’ muturi li fuqhom għandhom ikunu ffukati l-azzjonijiet ewlenin.

L-erba’ muturi għal tkabbir ġdid imressqa f’din il-Komunikazzjoni huma:

1. L-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku;

2. It-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji;

3. L-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

4. It-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur.

In-netwerks huma s-sisien tal-ekonomija u l-għan huwa li jinkiseb Suq Uniku fejn iċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn suq uniku tat-trasport u l-enerġija. Il-mobbiltà taċ-ċittadini u n-negozji bejn il-fruntieri hija fil-qalba tas-Suq Uniku; għandna nagħmlu minn kollox biex ninkoraġixxuha iktar. Is-settur diġitali huwa l-mutur ewlieni kemm għall-produttività kif ukoll għall-kreattività u għandna naħdmu bis-sħiħ għal Suq Uniku diġitali fejn iċ-ċittadini u n-negozji jkunu ħielsa li jagħmlu kummerċ transfruntier onlajn mingħajr restrizzjonijiet. L-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur jiżguraw tkabbir inklussiv li joffri opportunitajiet ibbażati fuq regoli ġusti, robusti u ekwi għaċ-ċittadini u n-negozji.

Ġew identifikati tnax-il xprun u azzjonijiet ewlenin stipulati taħt dawn l-erba’ muturi b’kunsiderazzjoni għall-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew[7], l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8] u l-partijiet interessati. Huma jirriflettu prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, ix-xogħol li sar fil-kuntest tal-Istudju dwar il-Kost li ma jkunx hemm Ewropa li qed isir f’isem il-Kummissjoni u l-20 kwistjoni ta' tħassib ewlenin enfasizzati miċ-ċittadini u n-negozji[9]. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu flimkien mal-analiżi li għaddejja tal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, speċjalment l-istrateġija dwar il-politika industrijali[10], l-aġenda diġitali[11], u l-inizjattiva tal-unjoni tal-innovazzjoni[12]. It-tnax-il azzjoni kollha se jagħtu kontribut għat-tkabbir, l-impjieg u l-kunfidenza fis-suq fis-Suq Uniku . Kollha jistgħu jkunu ppreżentati fil-perjodu tal-mandat ta' din il-Kummissjoni. Mhux l-azzjonijiet kollha huma leġiżlattivi fin-natura tagħhom, iżda kollha huma mistennija li jkollhom impatt konkret fir-realtà[13].

2.1.        L-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku

In-netwerks jipprovdu servizzi li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini u n-negozji jużaw kuljum, mhux l-inqas fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija. Madankollu, huwa preċiżament f’dawn iż-żewġ oqsma li s-Suq Uniku mhux komplut, minkejja l-progress li sar. Il-viżjoni tal-Kummissjoni hija ta’ Suq Uniku għat-trasport u l-enerġija, fejn il-konsumaturi, kemm jekk huma ċittadini kif ukoll jekk huma negozji għandhom għażla reali u l-operaturi huma ħielsa li joffru s-servizzi tagħhom kullimkien lil kwalunkwe konsumatur fuq bażi ugwali.

Netwerks effiċjenti, integrati u sostenibbli tal-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija huma prerekwiżit biex din il-viżjoni ssir realtà. Minbarra l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tan-netwerks eżistenti, l-UE se tkompli tiffinanzja l-iżvilupp tagħhom permezz tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni tagħha u n-netwerks trans-Ewropej tagħha. Il-proposti għall-baġit tal-UE wara l-2013, u b’mod partikolari l-Faċiltà Nikkollegaw l-Ewropa, jipprovdu sorsi importanti ta’ investiment fin-netwerks tat-trasport, l-enerġija u diġitali li jeħtieġ li jkunu mobilizzati sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fisSuq Uniku.

Sar progress konsiderevoli lejn din il-viżjoni f’ħafna modi ta' trasport u permezz tal-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija, li jwassal għal għażla aħjar ta' servizzi u ta' aktar benefiċċji għall-konsumaturi. Sabiex tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tat-trasport intern u l-enerġija, il-Kummissjoni se tkompli tinforza b’mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni tagħha u b’mod partikolari r-regoli tal-antitrust.

Madankollu, għandu jsir iktar b’mod partikolari fit-trasport bil-ferrovija, bl-ajru u bil-baħar kif ukoll fis-servizzi tal-elettriku u l-gass, peress li n-negozji u l-konsumaturi Ewropej għadhom qed iħallsu prezzijiet għoljin għalxejn li jirriżultaw minn swieq tat-trasport u tal-enerġija ineffiċjenti u frammentati. Il-Kummissjoni identifikat erba’ azzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu l-passi li jmiss lejn il-viżjoni komuni tagħna. Il-Kummissjoni se tkompli tirrifletti wkoll fuq oqsma li jistgħu jkollhom benefiċċji ekonomiċi, kif ukoll ambjentali u soċjali addizzjonali, pereżempju fil-ġarr tal-merkanzija bit-triq. Restrizzjonijiet eżistenti tal-kabotaġġ jikkontribwixxu biex għadd sinifikanti ta’ trakkijiet jivvjaġġaw vojta, għandhom imappt negattiv fuq il-kompetittività u l-kummerċ u jagħmluha diffiċli li tkun ikkontrollata l-konformità ma’ standards soċjali bażiċi.

              Transport bil-ferrovija

Azzjoni ewlenija 1:

Servizzi domestiċi miftuħa ta’ ġarr ta’ passiġġieri bil-ferrovija minn Stat Membru ieħor sabiex titjieb il-kwalità u l-kosteffiċjenza tas-servizzi tal-ġarr tal-passiġġieri bil-ferrovija.

Fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, l-operaturi minn Stat Membru wieħed għadhom mhux awtorizzati jġorru passiġġieri permezz ta’ linji domestiċi fi Stat Membru ieħor. Fl-istess ħin, il-kuntratti tas-servizz pubbliku jistgħu jingħataw direttament mingħajr proċeduri miftuħa. L-esperjenza fl-Istati Membri li introduċew il-ftuħ tas-suq għal servizzi domestiċi ta’ ġarr ta’ passiġġieri turi li l-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija wassal għal gwadann importanti fl-effiċjenza, b’mod partikolari f’impriżi ferrovjarji stabbiliti. Dan wassal għal iffrankar sostanzjali fil-fondi pubbliċi għal servizzi ferrovjarji b'kuntratti ta' servizz pubbliku, li jista’ jilħaq bejn 20 u 30 %.

Billi tibni fuq dawn l-esperjenzi pożittivi, il-Kummissjoni se tippreżenta r-raba’ pakkett dwar il-ferroviji. Il-pakkett se joffri liċ-ċittadini Ewropej servizzi domestiċi tat-trasport bil-ferrovija iktar kompetittivi u effiċjenti, ta' kwalità aħjar u irħas billi l-impriżi ferrovjarji liċenzjati kollha tal-UE jingħataw id-dritt joperaw servizzi domestiċi tal-passiġġieri b’aċċess miftuħ u d-dritt li jippreżentaw offerti għal kuntratti ta' servizz pubbliku. Dan se jattira iktar passiġġieri minn mezzi ta’ trasport oħra b’impatti ambjentali pożittivi.

Il-pakkett se jsaħħaħ ukoll il-governanza tal-immaniġġjar tal-infrastruttura sabiex jagħmel l-aħjar użu mill-infrastruttura eżistenti b’kapaċità aħjar ta’ allokazzjoni, pjanar tal-manutenzjoni u xogħlijiet ta' żvilupp. Dan, flimkien ma’ approċċ komuni ġdid għar-regoli tas-sikurezza u tal-interoperabbiltà, se jgħin biex ikun żgurat aċċess mhux diskriminatorju garantit sabiex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi ġenwini.

              It-Trasport Marittimu

Azzjoni ewlenija 2:

L-istabbiliment ta’ Suq Uniku reali għat-trasport marittimu billi l-merkanzija trasportata bejn il-portijiet tal-UE ma tibqax soġġetta għal formalitajiet amministrattivi u doganali li japplikaw għal merkanzija li tasal minn portijiet barranin.

Madwar 40 % tal-merkanzija tas-Suq Uniku hija trasportata bil-baħar permezz ta’ rotot qosra bejn il-portijiet tal-UE[14]. Illum, bastimenti li jbaħħru bejn il-portijiet tal-UE huma meqjusa li telqu mit-territorju doganali tal-UE. Bħala riżultat, taħt proċeduri normali, il-vapuri li jġorru merkanzija minn Stat Membru għal ieħor xorta għadhom iridu jgħaddu mill-istess formalitajiet amministrattivi kumplessi bħall-vapuri li jaslu minn portijiet barranin.

Għaldaqstant, għalkemm diġà ġew introdotti proċeduri amministrattivi simplifikati għat-trasport marittimu fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bastimenti li jbaħħru bejn portijiet tal-UE għadhom qed jaffaċċjaw għadd sinifikanti ta' proċeduri kumplessi li jiżvantaġġaw il-ġarr ta' merkanzija bil-baħar fl-UE stess meta mqabbel ma’ modi ta’ trasport oħra.

Sabiex ikun stabbilit suq verament intern għall-merkanzija li tinġarr bil-vapuri, fil-kuntest tal-isforzi usa’ tagħha biex ikun stimulat tkabbir tat-trasport bil-baħar u marittimu[15], il-Kummissjoni se tressaq il-pakkett “Blue Belt” b’inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex tnaqqas il-piż amministrattiv mit-trasport marittimu intra-UE għal livell li huwa komparabbli ma' dak ta' modi oħra ta' trasport (ajru, ferrovija, triq). Dan se jkun appoġġjat minn teknoloġiji moderni tal-ICT, li jippermettu li l-vapuri u l-merkanzija jkunu ttrekjati b’mod affidabbli u b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza meta l-ġarr tal-merkanzija bil-baħar isir fis-Suq Uniku.

Barra minn hekk, biex ikun attraenti t-trasport marittimu jiddependi fuq id-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-affidabbiltà ta' servizzi portwarji. F’dinja globalizzata, jeħtieġ li jkun hemm approċċ integrat fil-katina tal-valur. Għaldaqstant, l-aċċess għall-portijiet għandu jkun organizzat b’mod integrat. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet portwarji għandhom irwol kruċjali. Id-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-servizzi portwarji se jikkontribwixxu sabiex it-trasport bil-baħar isir aktar attraenti. Il-Kummissjoni għaldaqstant qed taħdem ukoll biex jitjiebu l-effiċjenza u l-kwalità kumplessiva tas-servizzi portwarji, biex ikunu indirizzati l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ippjanar tajjeb tal-konnessjonijiet portwali u fl-intern tal-pajjiż, it-trasparenza tal-fondi pubbliċi u t-tariffi portwarji, l-isforzi għas-simplifikazzjoni amministrattiva fil-portijiet u r-reviżjoni tar-restrizzjonijiet dwar il-provvediment ta’ servizzi fil-portijiet.

              Trasport bl-ajru

Azzjoni ewlenija 3:

L-implimentazzjoni aċċellerata tal-Ajru Uniku Ewropew biex jissaħħu s-sikurezza, il-kapaċità, l-effiċjenza u l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni.

In-nuqqas ta’ mmaniġġjar ta’ spazju tal-ajru Ewropew integrat għandu riperkussjonijiet sinifikanti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru. Huwa jirriżulta f’li l-inġenji tal-ajru jtawlu r-rotot mingħajr ħtieġa minn flok jieħdu rotot diretti u jsofru ttardjar tat-traffiku tal-ajru, li jagħmel ħsara ekonomika u ambjentali sinifikanti. Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew jikkawża spejjeż addizzjonali għoljin għal-linji tal-ajru stmati madwar EUR 5 biljuni kull sena[16]. Fl-aħħar mill-aħħar, il-passiġġieri tal-ajru u l-ekonomija Ewropea jġarrbu dawn l-ispejjeż. Peress li t-traffiku tal-ajru qed ikompli jikber, is-sistema eżistenti tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru ma għadhix sostenibbli minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, kapaċità u spejjeż.

L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz ta’ pakkett ġdid ta’ azzjonijiet, inklużi azzjonijiet leġiżlattivi (bħall-kjarifika tal-istruttura istituzzjonali, it-tisħiħ tal-prinċipji tas-suq għall-provvediment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni fl-ajru, l-aċċellerazzjoni tat-tnedija tas-SESAR, id-definizzjoni mill-ġdid tal-iskema tal-prestazzjoni u l-forniment lill-Kummissjoni b’għodod ċari għall-infurzar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali), se tindirizza l-ostakli persistenti u se twassal għal benefiċċji kbar fil-prestazzjoni u l-effiċjenza. Se ttejjeb aktar is-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Ewropa, se tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport għaċ-ċittadini u n-negozji u se tbaxxi l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-titjiriet individwali permezz ta’ rotot iktar diretti.

              Enerġija

Azzjoni ewlenija 4:

Titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tat-tielet pakkett tal-enerġija u r-realizzazzjoni tas-swieq transfruntieri għall-benefiċċju tal-konsumaturi

Suq integrat tal-enerġija jikkontribwixxi għal prezzijiet orħos tal-enerġija u jiffaċilita l-investimenti. Kien stmat li l-konsumaturi fl-UE kollha jistgħu jifrankaw sa EUR 13-il biljun kull sena jekk jaqilbu għall-orħos tariffa tal-elettriku disponibbli[17]. Suq integrat tal-enerġija jipprovdi wkoll iktar enerġija sikura lill-UE milli jistgħu jipprovdu 27 suq tal-enerġija fuq skala iżgħar u jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-enerġija b'livell baxx tal-karbonju bl-inqas kost possibbli.

L-enerġija għandha tkun kapaċi tiċċirkola fejn hija meħtieġa, mingħajr ostakli fiżiċi fuq il-fruntieri nazzjonali. Minkejja l-adozzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija, għadu ma nkiseb ebda suq tal-enerġija intern Ewropew integrat b’mod sħiħ, għad-detriment tal-utenti kollha tal-enerġija, inklużi l-unitajiet domestiċi privati. Sabiex jintlaħaq l-objettiv miftiehem ta’ suq tal-enerġija intern komplut sal-2014, għandhom ikunu implimentati b’mod ambizzjuż r-regoli stabbiliti fl-Istati Membri u għandhom ikunu infurzati minn awtoritajiet indipendenti u b'saħħithom nazzjonali u tal-UE. Barra minn hekk, f’dan id-deċennju huma meħtieġa investimenti kbar fis-sistemi tal-enerġija tagħna biex jiġu mmodernizzati n-netwerks tal-UE, is-sistemi tad-dekarbonizzazzjoni u sabiex dawn isiru aktar effiċjenti fl-enerġija[18].

Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni biex tagħti rendikont tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u biex tipproponi azzjonijiet li jistgħu jiżguraw li s-suq tal-enerġija tal-UE jissodisfa l-potenzjal sħiħ tiegħu u jaqdi l-bżonnijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini u n-negozji tal-UE.

2.2.        It-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji;

Il-mobilità taċ-ċittadini u n-negozji hija fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea u tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem lejn il-viżjoni tagħha ta’ Suq Uniku fejn iċ-ċittadini, il-ħaddiema u n-negozji huma ħielsa li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri meta u fejn iridu u mingħajr restrizzjonijiet mhux iġġustifikati imposti minn regoli u regolamenti nazzjonali diverġenti. Il-mobilità hija prekundizzjoni għas-Suq Uniku biex irendi l-potenzjal tiegħu sew jekk hu soċjali, kulturali, politiku jew ekonomku.

Il-prezz tal-mobilità baxxa huwa għoli. Minkejja l-fatt li mit-tieni nofs tal-2009 l-impjiegi vakanti mhux mimlija żdiedu, l-Ewropa qed tesperjenza livelli ta’ qgħad rekord f’ħafna Stati Membri. Fl-istess ħin, il-mobbiltà transfruntiera tan-negozji hija mxekkla minn diffikultajiet għall-finanzjament ta’ proġetti ġodda ta’ negozju jew mill-piż amministrattiv. Filwaqt li l-aġenda tal-UE dwar regolamentazzjoni aħjar waslet għal titjib fl-ambjent tan-negozju, għandu jinżamm fokus kostanti fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u regolatorju mhux meħtieġ. Għaldaqstant, il-passi li jmiss lejn il-viżjoni komuni tagħna huma li jitqabblu d-domanda u l-provvista tax-xogħol fuq livell transfruntier, jitjieb l-aċċess għall-finanzjament u jsir progress fl-ambjent tan-negozju fl-Ewropa.

              Mobbiltà taċ-ċittadini

Azzjoni ewlenija 5:

L-iżvilupp tal-portal tal-EURES f’għodda verament Ewropea għall-kollokament f’impjieg u reklutaġġ.

L-UE ħadet miżuri importanti biex tiffaċilita l-mobilità taċ-ċittadini. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti t-trasferiment tad-drittijiet statutorji tas-sigurtà soċjali tagħhom għall-Istat Membru fejn qed ifittxu x-xogħol. Hija tipprovdi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom akkwistati fi Stat Membru ieħor. In-netwerk EURES u l-portal tiegħu jikkollega s-servizzi pubbliċi nazzjonali għall-impjiegi u joffri informazzjoni u pariri dwar postijiet vakanti u kundizzjonijiet tax-xogħol fi Stati Membri oħra.

Madankollu, l-għodod u l-kejl biex jitqabblu l-offerti ta’ impjiegi ma’ dawk li qed ifittxu x-xogħol madwar l-Istati Membri jistgħu jitjiebu iktar biex jikkontribwixxu għal suq tax-xogħol verament Ewropew. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tittrasforma l-EURES f’għodda intra-UE għar-reklutaġġ, il-kollokament u t-tfittxija ta’ impjieg aktar effettiva. Flimkien ma’ strumenti onlajn li jżidu t-trasparenza u l-interoperabbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki, bħall-Europass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, id-disponibbiltà ta’ iktar servizzi permezz tal-EURES se tiffaċilita iktar il-mobbiltà transfruntiera tal-ħaddiema. Dan se jgħin biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tax-xogħol b’effetti pożittivi fuq il-livelli tal-impjiegi u l-output ekonomiku. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltà għall-EURES biex tkopri wkoll apprentistati u skemi ta’ taħriġ.

Għandu jsir iktar biex tissaħħaħ il-mobbiltà għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE, speċjalment permezz tal-adozzjoni malajr mill-Kunsill u l-Parlament tat-trasferiment bejn il-korporazzjonijiet (intra-corporate transfer - ICT) u l-proposti dwar il-ħaddiema staġjonali.

Il-portabbiltà tad-drittijiet supplimentari tas-sigurtà soċjali, inklużi l-pensjonijiet, jikkostitwixxi fattur determinanti importanti addizzjonali għall-mobbiltà tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri. Kif diġà ġie enfasizzat fl-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 201, sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà, iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu u jżommu d-drittijiet tal-pensjoni tax-xogħol tagħhom meta jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni hija ssodisfata li l-Kunsill qabel li jerġa’ jibda n-negozjati dwar il-proposta leġiżlattiva emendata tal-Kummissjoni tal-2007 fir-rigward ta’ dan l-għan.

              Aċċess għall-finanzi

Azzjoni ewlenija 6:

Ikun xprunat l-investiment fit-tul fl-ekonomija reali billi jkun iffaċilitat l-aċċess għall-fondi ta’ investiment fit-tul.

Għal ħafna kumpaniji fl-UE, l-aċċess għall-finanzi sar konsiderevolment iktra diffiċli minħabba l-kriżi finanzjarja għalkemm kienet evitata kriżi tal-kreditu, anke minħabba l-forniment eċċezzjonali ta' likwidità mill-Eurosistema fl-aħħar tal-2011. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament baqgħu stretti speċjalment għal impriżi li qed jibdew u l-iSMEs u f’pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi. Wara l-kriżi, tnaqqis ta’ 45 % fil-ġbir ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju qed jillimita b’mod sinifikanti l-fondi disponibbli għal kumpaniji innovattivi[19].

Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv jiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà ta’ finanzjament fuq perjodu ta’ żmien estiż. Diġà ttieħdet azzjoni fuq livell tal-UE biex jitrawwem l-investiment għal tul ta’ żmien twil fl-ekonomija reali, speċjalment il-provvediment ta’ finanzjament permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-UE[20] u l-Bank Ewropew tal-Investiment[21], l-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti Ewropa 2020[22] u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u li jikkombina l-miżuri finanzjarji u regolatorji. Bħala kontribut għad-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew dwar it-tkabbir u l-impjiegi, il-Kummissjoni wettqet programm immirat ta’ programmazzjoni mill-ġdid mal-Istati Membri biex tuża fondi strutturali għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li huwa wkoll element ewlieni għall-perjodu ta' finanzjament li jmiss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħabbret ukoll reviżjoni tal-impatt ta’ rekwiżiti kapitali bankarji ġodda li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istandards ġodda ta’ Basel III, f’ċertu oqsma ewlenin bħall-finanzjament tal-SMEs.

Madankollu, dan it-tip ta’ ‘investiment fit-tul’ fl-ekonomija reali jibqa’ limitat. Opzjonijiet politiċi konkreti li jindirizzaw din il-kwistjoni se jkunu valutati fil-kuntest tal-Green paper li jmiss dwar il-finanzjament ta’ investiment fit-tul fl-ekonomija tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq proposti dwar forom possibbli ta’ fondi ta’ investiment fit-tul. Fondi ta’ investimenti jistgħu jiftħu sorsi ġodda ta’ finanzjament għal proġetti fit-tul u għal kumpaniji privati. Huma jistgħu jikkostitwixxu offerta attraenti għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li jixtiequ jinvestu fit-tul, jiddeversifikaw ir-riskju u jippreferu redditi stabbli u kontinwi b’inqas volatilità, sakemm ikun żgurat il-livell neċessarju ta’ protezzjoni tal-investitur.

Il-kapital tar-riskju huwa element kruċjali għall-finanzjament mill-banek meta jiġu biex jipprovdu finanzjament għal kumpanji żgħar b'potenzjal ta’ tkabbir. Skont l-SMA I, il-Kummissjoni pproponiet Regolament biex tiffaċilita l-ġbir ta’ kapital u l-investiment tiegħu fuq livell transfruntier b'fondi ta’ kapital tar-riskju. Għal dan il-għan, fl-2012 il-Kummissjoni se ttemm l-eżaminazzjoni tagħha tal-ostakoli fiskali possibbli għall-investiment transfruntier ta’ kapital tar-riskju, li abbażi tiegħu se tqis il-passi li jmiss bl-għan li tippreżenta soluzzjonijiet fl-2013, filwaqt li fl-istess ħin tipprevjeni l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa[23].

              L-ambjent tan-negozju

Azzjoni ewlenija 7:

L-immodernizzar tar-regoli tal-insolvenza tal-UE biex tkun iffaċilitata s-sopravivenza tan-negozji u biex joffru tieni ċans lill-imprendituri

Negozji li joperaw fl-Ewropa jibbenefikaw minn ambjent tan-negozju kumplessivament pożittiv, li l-UE qed ittejjeb iktar permezz tal-aġenda tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, hemm aktar x'jista' jsir. L-Ewropa teħtieġ liġijiet tal-insolvenza moderni li jgħinu lill-kumpaniji bażikament sodi jissopravivu, jinkoraġġixxu lill-imprendituri jieħdu riskji raġonevoli u jippermettu lill-kredituri jsellfu b’termini iktar favorevoli. Liġi moderna tal-insolvenza tippermetti lill-imprendituri jkollhom it-tieni ċans u tiżgura proċeduri rapidi ta’ kwalità għolja fl-interess kemm tad-debituri kif ukoll tal-kredituri. Għaldaqstant jeħtieġ li nistabbilixxu kundizzjonijiet għar-rikonoxximent fl-UE kollha tal-iskemi nazzjonali ta’ insolvenza u l-maħfra ta’ dejn, filwaqt li nippermettu lill-impriżi li għandhom problemi finanzjarji biex jerġgħu jsiru parteċipanti kompetittivi fl-ekonomija. Jeħtieġ li niżguraw proċeduri ta’ insolvenza sempliċi u effiċjenti, kull fejn hemm assi jew debiti f’diversi Stati Membri. Huma meħtieġa regoli għall-insolvenza ta’ gruppi ta’ kumpaniji li jimmassimizzaw iċ-ċansijiet tagħhom ta’ sopravivenza. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva li timmodernizza r-Regolament Ewropew dwar l-Insolvenza.

Madankollu jeħtieġ li mmorru oltre minn hekk. Bħalissa, f’ħafna mill-Istati Membri ftit hemm tolleranza għal fallimenti u r-regoli attwali ma jippermettux li innovaturi onesti jfallu ‘malajr u bl-irħis’. Jeħtieġ li nibdew inħarsu lejn miżuri u inċentivi għall-Istati Membri biex ineħħu l-istigma ta’ falliment assoċjata ma’ insolvenza u li nnaqqsu perjodi twal iżżejjed tal-maħfra tad-dejn. Jeħtieġ li nikkunsidraw ukoll kif l-effiċjenza tal-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza jistgħu jkunu mtejba iktar bl-għan li noħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji, l-imprendituri u l-persuni privati fis-suq intern. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni flimkien mar-reviżjoni tar-Regolament Ewropew dwar l-Insolvenza.

Huma meħtieġa azzjonijiet addizjonali li jtejbu iktar l-ambjent tan-negozju. Sistemi fiskali nazzjonali diverġenti jikkawżaw piż amministrattiv lill-kumpaniji li joperaw bejn il-fruntieri tal-UE. Il-fatt li kull Stat Membru japplika regoli u proċeduri tal-VAT differenti, jikkawża problemi partikolari[24], mhux l-inqas għall-SMEs li jixtiequ li joperaw fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni għaldaqstant ħabbret li se tipproponi l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet tal-VAT standard biex tippermetti lin-negozji, fuq bażi fakultattiva, jimlew dikjarazzjoni tal-VAT standard minflok formola tal-VAT differenti f’kull Stat Membru[25].

Il-mutur tat-tkabbir ekonomiku qed dejjem iktar ikun l-investimenti f’assi mhux tanġibbli, bħar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D), il-privattivi u l-għarfien espert. Dan jirrikjedi titjib fl-ambjent tan-negozju biex ikun żgurat li jippromwovi u jipproteġi b’mod effettiv il-kreattività u l-innovazzjoni. Apparti l-ftehim milħuq fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ privattivi unitarji fl-UE, akkumpanjata b'ġurisdizzjoni speċjalizzata unika, azzjoni ewlenija skont l-Att dwar is-Suq Uniku ta' April 2011, tkun pass fundamentali f'dik id-direzzjoni. Dan għandu jippermetti l-ewwel reġistrazzjoni ta’ effett unitarju ta’ privattiva Ewropea sar-rebbiegħa 2014, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-privattivi fl-Unjoni Ewropea u dawk assoċjati ma’ litigazzjoni dwar privattivi. Sabiex ikun inkoraġġit l-investiment f’assi mhux tanġibbli fuq naħa waħda, u biex kumpaniji innovattivi jkunu mgħejuna jsarrfu l-isforzi tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp f’benefiċċji kompetittivi fuq in-naħa l-oħra, is-servizzi tal-Kummissjoni se jeżaminaw il-kwistjoni tal-metodi ta’ valwazzjoni tal-proprjetà intellettwali u se jikkunsidraw li jindirizzaw il-qafas legali frammentat ħafna għall-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali bil-għan li jkun iktar sikur u irħas għan-negozji u l-korpi tar-riċerka biex joħorġu liċenzji, jitrasferixxu u jaqsmu għarfien u informazzjoni ta’ valur fis-suq intern kollu.

2.3.        L-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

L-ekonomija diġitali qed tibdel drastikament is-Suq Uniku. Permezz tal-innovazzjoni, il-veloċità u l-kopertura transfruntiera tagħha, għandha potenzjal li tpoġġi l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fuq livell ġdid. Il-viżjoni tal-Kummissjoni hija ekonomija diġitali li trendi benefiċċji soċjali u ekonomiċi sostenibbli bbażati fuq servizzi onlajn moderni u konnessjonijiet veloċi tal-internet. Iċ-ċittadini u n-negozji kollha għandu jkollhom l-opportunità li jkunu parti mill-ekonomija diġitali, filwaqt li fl-istess ħin ikunu protetti mill-kummerċ illegali. F’xi wħud mill-ekonomiji ewlenin, l-ekonomika tal-internet diġà ammontat għal 21 % tat-tkabbir tal-PDG fil-perjodu 2006-2011[26]. L-ekonomija diġitali għandha effetti ta’ kontaġju addizzjonali qawwija, li jtejbu l-produttività u li jipprovdu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċjetali bħat-tixjiħ demografiku, l-inklużjoni u l-edukazzjoni.

Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jintlaħqu malajr l-objettivi stipulati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[27] u l-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ elettroniku u s-Servizzi Onlajn[28]. Il-progress fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-servizzi onlajn tul il-fruntieri nazzjonali, l-indirizzar tal-isfida tal-investiment fin-netwerk b’veloċità qawwija u t-teħid ta’ benefiċċji mill-amministrazzjoni pubblika mingħajr karti huma l-passi importanti li jmiss.

              Is-settur tas-servizzi

Azzjoni ewlenija 8:

Appoġġ għas-servizzi online billi s-servizzi tal-ħlasijiet isiru aktar effiċjenti fl-UE.

Fis-settur tas-servizzi, is-servizzi online joffru opportunitajiet partikolari. It-twettiq ta’ dawn il-vantaġġi se jirrikjedi l-kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa, speċjalment transfruntieri. Kif diġà kien enfasizzat fl-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011, is-servizzi ta’ ħlasijiet u s-servizzi ta’ kunsinna għal oġġetti ordnati online jirrikjedu attenzjoni partikolari. B’35 % tal-utenti tal-internet ma jixtrux online minħabba li jiddubitaw il-metodi ta’ ħlas u minħabba l-ostakli li baqa’ għad-dħul fis-suq[29], it-titjib tal-ħlasijiet huwa l-ewwel prijorità. Għandhom ikunu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet bħall-armonizzazzjoni insuffiċjenti, il-kompetizzjoni ineffettiva f’xi oqsma ta’ ħlasijiet bil-kards u bl-internet u n-nuqqas ta’ inċentivi għall-istandardizzazzjoni teknika, pereżemju fil-qasam tal-ħlasijiet bil-mowbajl. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas. Se tressaq ukoll proposta leġiżlattiva dwar tariffi ta’ interkambju multilaterali għal ħlasijiet bil-kards.

Servizzi effiċjenti, affidabbli u affordabbli ta’ kunsinna ta’ pakketti għal oġġetti ordnati onlajn jikkostitwixxu prijorità addizzjonali u fl-2013, il-Kummissjoni se tieħu deċiżjonijiet dwar il-passi li jmiss wara konsultazzjoni pubblika.

Kif tħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011, sabiex tisfrutta l-potenzjal għat-tkabbir tad-Direttiva dwar is-Servizzi sal-2015, f’Ġunju ta’ din is-sena, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni[30]. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jimplimentaw b’mod immedjat l-azzjonijiet tiegħu, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew. Għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-konformità sħiħa mad-Direttiva dwar is-Servizzi u sabiex jiġi massimizzat l-effett ekonomiku tagħha, il-Karta ppjanata għall-Punti ta’ Kuntatt Uniċi totalment elettroniċi u l-evalwazzjoni reċiproka tar-regoli li jikkontrollaw il-professjonijiet regolati. Għandhom jiżguraw ukoll l-applikazzjoni sħiħa tal-klawsola ta’ ‘nondiskriminazzjoni’ tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tgħid li l-fornituri tas-servizzi ma jistgħux jagħmlu differenza bejn il-konsumaturi tagħhom abbażi tan-nazzjonalità tagħhom jew tal-post ta' residenza tagħhom sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-Livell tal-Konsumatur Ewropew, il-Kummissjoni se żżid il-ħidma tagħha biex tidentifika u tiġġieled il-prattiki kummerċjali inġusti, f’konformità mal-impenn tagħha fl-Att dwar is-Suq Uniku ta' April 2011. Tali prattiki huma partikolarment ta’ detriment għall-SMEs. Fin-nuqqas ta’ progress sodisfaċenti biex ikunu eliminati prattiki kummerċjali inġusti, inkluż fil-kuntest tal-Forum ta’ Livell Għoli għall-Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-passi xierqa li jmiss fl-2013.

              Suq Uniku diġitali

Azzjoni ewlenija 9:

Jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effiċjenza fit-tnedija u l-użu ta’ infrastruttura ta' komunikazzjoni b'veloċità qawwija.

L-aċċess għall-broadband b’veloċità qawwija huwa fattur kruċjali għall-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjieg. Żieda ta’ 10 % fil-penetrazzjoni tal-broadband, tista’ tirriżulta f’żieda ta’ bejn 1 % u 1.5 % tal-PDG kull sena[31] u 1.5 % gwadann mill-produttività tax-xogħol[32]. Innovazzjoni indotta mill-broadband fil-kumpaniji toħloq l-impjiegi u għandha l-potenzjal li sal-2020 tiġġenera 2 miljun impjieg ieħor[33].

Madankollu, minkejja l-progress li sar, l-UE għadha qed tbati minn nuqqas ta’ investiment fit-tnedija u l-użu ta’ netwerks tal-broadband b’veloċità qawwija fis-Suq Uniku kollu u għadha lura biex tilħaq il-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Internet b'veloċità qawwija[34]. Is-Suq Uniku jista’ jgħin biex ikun aċċellerat sostanzjalment il-progress billi jindirizza kawża sottostanti ewlenija ta’ dan in-‘nuqqas’ ta’ investiment, jiġifieri spejjeż għoljin tal-inġinerija ċivili li jistgħu jammontaw sa 80 % tal-ispejjeż totali f’dan il-qasam u li jistgħu jitnaqqsu b'sa kwart sempliċiment permezz tal-użu mill-ġdid tal-infrastruttura eżistenti minn servizzi differenti[35]. Il-Kummissjoni se tipproponi regoli komuni li jippermettu lill-operaturi jisfruttaw b’mod sħiħ il-potenzjal tat-tnaqqis tal-ispejjeż jekk jużaw il-broadband.

L-adozzjoni rapida mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni tal-Faċilità Nikollegaw l-Ewropa se tgħin l-introduzzjoni effiċjenti ta’ broadband b’veloċità qawwija u infrastrutturi tas-servizz diġitali billi l-baġit tal-UE jintuża b’mod effiċjenti għall-ingranaġġ tal-investiment privat f’settur ewlieni tal-ekonomija.

Sabiex nilħqu l-viżjoni tagħna ta’ Suq Uniku Diġitali, l-UE trid tindirizza malajr għadd ta’ kwistjonijiet ulterjuri, inkluż l-aħjar użu tal-ispettru fis-Suq Uniku u għandha tkompli tirrifletti fuq il-ħtieġa li tadatta iktar il-liġi tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet u l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni qed tippjana li tipproċedi dwar din il-kwistjoni tal-aħħar, billi tibda bis-segwitu tal-Green Paper dwar id-distribuzzjoni onlajn tax-xogħlijiet awdjoviżwali u l-konklużjoni rapida tal-analiżi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-2001.

              Il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku

Azzjoni ewlenija 10:

Il-fatturazzjoni elettronika ssir il-mod standard tal-fatturazzjoni għall-akkwist pubbliku.

Bidla lejn amministrazzjoni pubblika mingħajr karti, b’mod partikolari fil-livell transfruntier, għandha tkun objettiv fuq perjodu ta' żmien medju għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[36] tinkludi talba għal żieda fl-użu tas-servizzi elettroniċi tal-Gvern b'50 % taċ-ċittadini tal-UE u b'80 % tan-negozji tal-UE sal-2015. Qasam partikolarment promettenti huwa l-fatturazzjoni elettronika li l-Kummissjoni talbet li ssir il-mod tal-fatturazzjoni predominanti fl-UE sal-2020[37].

L-introduzzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi li jagħmlu l-fatturazzjoni elettronika prattika standard fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, se tpoġġi l-akkwist pubbliku “fuq quddiem nett” għall-fatturazzjoni elettronika u se jkun il-pijunier tal-użu wiesa’ tagħha. Azzjoni f’dan il-qasam se tagħmel il-proċeduri wara l-għoti fl-akkwist pubbliku iktar effiċjenti u irħas għall-partijiet involuti kif ukoll għall-kontribwenti. Se tikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqas id-dewmien fil-ħlasijiet mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Fil-każ tas-settur pubbliku, stima preliminari tindika li fil-ftit snin li ġejjin, jista’ jkun hemm iffrankar potenzjali ta’ EUR 1 biljun kull sena jekk il-fatturi kollha jkunu ppreżentati f’format elettroniku[38].

Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex tkun evitata frammentazzjoni ulterjuri tas-Suq Uniku, minħabba l-istabbiliment li għaddej ta’ sistemi nazzjonali ta' fatturazzjoni elettronika li jaħdmu abbażi ta’ standards differenti, ħafna drabi nazzjonali. Dan iżid il-kumplessità u l-ispejjeż għad-ditti li jidħlu f'kuntratti transfruntieri mal-awtoritajiet pubbliċi fl-UE. Għaldaqstant, fl-2013 il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet konkreti biex tilħaq dawn l-objettivi.

It-tranżizzjoni lejn fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku se tikkumplimenta l-modernizzazzjoni li għaddejja tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku[39], azzjoni ewlenija skont l-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011. L-awtoritajiet pubbliċi li diġà jiddependu fuq mezzi elettroniċi għall-akkwist ta’ oġġetti, servizzi u xogħlijiet irrappurtaw iffrankar ta’ bejn 5 % u 20 %. L-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku fl-UE kollha tista’ tiffranka lill-baġits pubbliċ fl-UE, tal-anqas EUR 100 biljun kull sena[40]. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni pproponiet it-tranżizzjoni sħiħa għall-akkwist elettroniku qabel l-għoti sa nofs l-2016[41]. Il-Kunsill u l-Parlament għandhom jadottaw il-proposta mingħajr dewmien.

2.4.        It-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur.

Peress li l-kriżi ekonomika qed tolqot l-agħar lill-iktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetajiet u t-territorji tagħna, hija l-viżjoni tal-Kummissjoni li l-politiki tas-Suq Uniku jrendu tkabbir inklussiv mingħajr diskriminazzjoni, jippermettu parteċipazzjoni ekonomika u soċjali u jixprunaw il-koeżjoni territorjali. F’Lulju 2012, ir-rata medja tal-qgħad fl-UE kienet 10.4 %[42] u madwar 81 miljun ċittadin Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar[43], fatturi li jenfasizzaw l-urġenza li tittieħed azzjoni. Il-politiki tas-Suq Uniku għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-esklużjoni fis-soċjetajiet tagħna.

L-ekonomija soċjali u l-impriżi soċjali huma atturi ewlenin li jrendu innovazzjoni soċjali, inklussività u fiduċja. Il-Kultivazzjoni tal-kunfidenza fis-Suq Uniku u t-tisħiħ tal-ekonomija soċjali tas-suq jirrikjedu li jkun hemm kumpaniji innovattivi u b’responsabbiltà għolja li jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà u l-ambjent. Il-kunfidenza hija importanti wkoll għall-konsumaturi biex jagħmlu użu sħiħ mis-Suq Uniku u jħossuhom sikuri li jikkunsmaw oġġetti u servizzi li jixtru domestikament jew minn Stat Membru ieħor.

              Konsumaturi

Azzjoni ewlenija 11:

Titjib tas-sikurezza tal-prodotti li jiċċirkulaw fl-UE permezz ta’ koerenza aħjar u infurzar tar-regoli tas-sikurezza tal-prodotti u tas-sorveljanza tas-suq

L-UE għandha netwerk veloċi, effiċjenti u affidabbli biex tiżgura konformità mar-regoli tas-sikurezza. Madankollu, l-koerenza u l-infurzar tal-mekkaniżmi eżistenti jistgħu jitjiebu iktar. F’Suq Uniku li fih il-prodotti jiċċirkolaw liberament fis-27 territorju nazzjonali, is-sorveljanza tas-suq jeħtieġ li tkun ikkoordinata ħafna biex tippermetti intervent malajr f’żona kbira, Is-sorveljanza tas-suq għandha tippermetti li prodotti mhux sikuri jew b’xi mod perikolużi jkunu identifikati, jinżammu jew jitneħħew mis-suq u biex operaturi diżonesti u kriminali jkunu kkastigati. Għandha taġixxi wkoll bħala deterrent b’saħħtu.

Il-Kummissjoni se tipproponi pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li se jipprovdi lill-konsumaturi b’Suq Uniku iktar omoġenu għal prodotti sikuri u konformi u protezzjoni aħjar tas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent. Fl-istess ħin se jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għan-negozji u se jgħin biex tiġi eliminata kompetizzjoni minn operaturi diżonesti, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tat-testijiet dwar is-sikurezza tal-prodott fuq il-fruntieri esterni tal-UE.

Barra minn hekk, il-konsumaturi qed jitolbu ammont ikbar ta’ informazzjoni dwar l-oġġetti li jixtru. It-trasparenza u l-komparabbiltà ta’ informazzjoni huma fatturi ewlenin li jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet intelliġenti. Kif imħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011, il-Kummissjoni se tipproponi metodoloġija li tikkalkula l-impatt ambjentali (inklużi gassijiet b’effett ta’ serra) ta’ prodotti u kif din tista’ tkun ippreżentata lill-konsumaturi.

              Il-koeżjoni soċjali u l-imprenditorjat soċjali

Azzjoni ewlenija 12:

Iċ-ċittadini kollha tal-UE jingħataw aċċess għal kont bażiku ta’ ħlasijiet, ikun żgurat li t-tariffi tal-kontijiet bankarji huma trasparenti u komparabbli, u jkun iffaċilitat il-bdil tal-kontijiet bankarji

L-aċċess għall-kontijiet ta’ ħlasijiet u servizzi bankarji oħra saru essenzjali għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali, iżda għadha sseħħ diskriminazzjoni, pereżempju abbażi ta’ residenza, nazzjonalità jew livell baxx ta’ riżorsi. Bis-saħħa ta’ firxa ta’ servizzi marbuta miegħu, kont ta’ ħlasijiet għandu rwol importanti fl-integrazzjoni taċ-ċittadini fil-komunità soċjali u ekonomika usa’. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata għajnuna liċ-ċittadini li jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet biex jiftħu kont tal-bank sabiex ikunu ffaċilitati l-mobbiltà u l-koeżjoni soċjali u territorjali. Barra minn hekk, l-evidenza ta’ problemi persistenti fir-rigward taċ-ċarezza tal-informazzjoni dwar it-tariffi bankarji, tagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini tal-UE biex jagħmlu għażliet infurmati. Konsegwentement, il-konsumaturi għandhom it-tendenza li joqgħodu lura milli jibdlu l-kontijiet peress li l-offerti huma diffiċli li jiġu pparagunati. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti leġiżlattivi biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

Fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali ta’ Ottubru 2011[44], il-Kummissjoni stabbilixxiet pjan ta’ azzjoni biex isaħħaħ ir-rwol tan-negozji soċjali fis-Suq Uniku, kif imħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku ta’ April 2011. Il-pjan ta’ azzjoni bħalissa qed jiġi implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ esperti dwar in-negozju soċjali u l-partijiet interessati rilevanti. Fil-bidu tal-2014, il-Kummissjoni se tagħti rendikont tal-progress li sar u se tiddiskuti x’hemm bżonn isir iktar biex tippromwovi l-imprenditorjat soċjali. Fl-1 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni nidiet il-Premju għall-Innovazzjoni Soċjal Diogo Vasconcelos.

Fil-qasam tal-imprenditorjat soċjali, l-iktar kwistjoni urġenti bħalissa hija l-iżvilupp ta’ għodod li jsaħħu l-fiduċja fl-impriżi soċjali u l-viżibbiltà tagħhom. Jeħtieġ li jsir ftehim fuq għodod ġodda li juru lill-konsumaturi, lill-bankiera, lill-investituri u l-awtoritajiet pubbliċi r-redditu pożittiv tal-impriżi soċjali. Il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel il-benefiċċji soċjoekonomiċi maħluqa mill-impriżi soċjali. L-iżvilupp ta’ strumenti rigorużi u sistematiċi tal-impatt tal-impriżi soċjali fuq il-komunità, filwaqt li ma tifgahomx bil-burokrazija, hija essenzjali biex turi li l-flus investiti fl-impriżi soċjali jrendu ħafna dħul u tfaddil (pereżempju taxxi jew ħolqien ta’ impjiegi). Fost l-oħrajn, se jkunu meħtieġa metodoloġiji li jkejlu l-impatti soċjali għall-implimentazzjoni tal-proposta ta’ Fondi Ewropej għall-Imprenditorjat Soċjali jew għall-istrument finanzjarju dwar l-appoġġ għall-imprenditorjat soċjali taħt il-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni, li bħalissa qed ikun innegozjat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Peress li l-involviment proattiv tal-ħaddiema fil-kumpaniji tagħhom għandu impatt qawwi fuq ir-responsabbiltà soċjetali u l-produttività tagħhom, il-Kummissjoni se tiffoka wkoll l-attenzjoni tagħha fuq il-kwistjoni tal-kooperattivi u s-sjieda ta’ ishma mill-impjegati.

Fl-aħħar nett, id-diżabbiltà, inkluża d-diżabbiltà assoċjata max-xjuħija, ma għandhiex tipprevjeni individwi u gruppi milli jibbenefikaw mis-Suq Uniku. Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq inizjattiva li ssaħħaħ l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għal oġġetti u servizzi fis-Suq Uniku.

3.           KONKLUŻJONI

L-Att dwar is-Suq Uniku II jistabbilixxi tnax-il prijorità immedjata, li l-Kummissjoni se tiffoka fuqhom biex tappoġġja t-tkabbir, l-impjieg u l-kunfidenza fis-Suq Uniku. Huma jikkostitwixxu l-passi li jmiss lejn il-viżjoni tagħna tal-ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni flimkien, b’mod partikolari fost l-istituzzjonijiet Ewropej flimkien mal-Istati Membri, biex jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta l-proposti leġiżlattivi kollha tagħha sar-rebbiegħa 2013 u l-azzjonijiet mhux leġiżlattivi ewlenin kollha mhux aktar tard mill-aħħar ta’ dik is-sena. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jgħaġġlu l-azzjonijiet leġiżlattivi ewlenin kollha u jadottahom bħala prijorità sar-rebbiegħa 2014.

Jekk jiġi implimentat malajr, l-Att dwar is-Suq Uniku II, flimkien mal-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku I, se jiftaħ perkorsi ġodda lejn it-tkabbir, l-impjieg u l-koezjoni soċjali għal 500 miljun ċittadin Ewropew. Se juri d-determinazzjoni tal-Ewropa li toħloq tkabbir ġdid permezz ta’ aġenda komuni biex tingħeleb il-kriżi. Jeħtieġ li flimkien nieħdu azzjoni malajr u b’ambizzjoni. Ma għandniex ħin x’nitilfu.

              ANNESS I: LISTA TA' AZZJONIJIET EWLENIN TAL-ATT DWAR IS-SUQ UNIKU II

|| Xprun || Azzjoni Ewlenija || Proposta mill-Kummissjoni

L-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku

1 || Transport bil-ferrovija || Adozzjoni tar-raba’ pakkett dwar it-trasport ferrovjarju biex titjieb il-kwalità u l-kosteffiċjenza tas-servizzi għall-passiġġieri ferrovjarji || Proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ippreżentata fir-raba’ kwart tal-2012

2 || It-Trasport Marittimu || Adozzjoni tal-pakkett “Blue Belt” għall-istabbiliment ta’ Suq Uniku ta' veru għat-trasport marittimu || Pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ppreżentat fit-tieni kwart tal-2012

3 || Trasport bl-ajru || Aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz ta’ pakkett ġdid ta’ azzjonijiet. || Pjan ta’ Azzjoni b’miżuri leġiżlattivi li għandu jiġi ppreżentat fit-tieni kwart tal-2013

4 || Enerġija || Implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex ikunu mtejba l-implimentazzjoni u l-infurzar tat-tielet pakkett tal-enerġija || Pjan ta’ azzjoni li għandu jiġi ppreżentat fir-raba’ kwart tal-2012

It-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji;

5 || Mobbiltà taċ-ċittadini || L-iżvilupp tal-portal tal-EURES f’għodda verament Ewropea għall-kollokament f’impjieg u reklutaġġ. || Deċiżjoni leġiżlattiva li għandha tittieħed mill-Kummissjoni fir-raba' kwart tal-2012

6 || Aċċess għall-finanzi || Ikun xprunat l-investiment fit-tul fl-ekonomija reali billi jkun iffaċilitat l-aċċess għall-fondi ta’ investiment fit-tul. || Proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata fit-tieni kwart tal-2013

7 || L-ambjent tan-negozju || L-immodernizzar tar-regoli tal-insolvenza tal-UE biex tkun iffaċilitata s-sopravivenza tan-negozji u biex joffru t-tieni ċans lill-imprendituri || Proposta leġiżlattiva u Kommunikazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati fir-raba’ kwart tal-2012

L-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

8 || Is-settur tas-servizzi || Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Ħlasijiet u t-tfassil ta’ proposta dwar tariffi ta’ interkambju multilaterali sabiex is-servizzi ta’ ħlasijiet fl-UE jsiru aktar effiċjenti || Proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-tieni kwart tal-2013

9 || Suq diġitali uniku: || Adozzjoni ta’ regoli biex jonqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effiċjenza fil-mobilitazzjoni ta’ broadband b’veloċità għolja || Proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-ewwel kwart tal-2012

10 || L-akkwist pubbliku u l-fatturazzjoni elettronika || Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tagħmel il-fatturazzjoni elettronika l-mod standard tal-fatturazzjoni għall-akkwist pubbliku. || Proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata fit-tieni kwart tal-2013

It-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur.

11 || Konsumaturi || Titjib tas-sikurezza tal-prodotti li jiċċirkulaw fl-UE permezz ta’ Direttiva riveduta dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti; Regolament uniku ġdid dwar is-Sorveljanza tas-Suq u pjan ta’ azzjoni marbut miegħu || Pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li għandu jkun ippreżentat fir-raba’ kwart tal-2012

12 || Il-koeżjoni soċjali u l-imprenditorjat soċjali || Adozzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva li tagħti liċ-ċittadini kollha tal-UE aċċess għal kont bażiku ta’ ħlasijiet, ikun żgurat li t-tariffi tal-kontijiet bankarji huma trasparenti u komparabbli, u jkun iffaċilitat il-bdil tal-kontijiet bankarji || Proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata fir-raba’ kwart tal-2012

              ANNESS II: Att dwar is-Suq Uniku I: Status tal-Azzjonijiet

Xprun || Azzjoni || Riżultat/Status

L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs || AZZJONI EWLENIJA Introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar fondi ta’ kapital ta’ riskju || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fis-7 ta’ Diċembru 2011.

Adozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Aċċess tal-SMEs għall-Finanzjament || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta’ Azzjoni fis-7 ta’ Diċembru 2011

Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-25 ta’ Ottubru 2011.

Reviżjoni tar-Regolament li jimplimenta d-Direttiva dwar il-Prospett || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fit-30 ta’ Marzu 2012.

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-20 ta’ Ottubru 2011.

Reviżjoni tad-Direttiva MiFID || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-20 ta’ Ottubru 2011.

Il-mobilità taċ-ċittadini || AZZJONI EWLENIJA Reviżjoni tas-sistema għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fid-19 ta' Diċembru 2011.

Tkun ippubblikata White Paper dwar il-Pensjonijiet: || Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat White Paper fis-16 ta’ Frar 2012.

Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar drittijiet supplimentari tal-pensjoni (portabbiltà) || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fid-9 ta’ Ottubru 2007.

Reviżjoni tad-Direttiva IORPs   || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva

Jinħoloq Passaport tal-Ħiliet Ewropej || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji Passaport.

Adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar tagħlim mhux formali u informali || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-5 ta’ Settembru 2012.

Drittijiet tal-proprjetà intelletwali || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi protezzjoni ta’ privattivi unitarji || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti leġiżlattivi fit-13 ta’ April 2011.

Esplorazzjoni tal-iżvilupp tal-istrument ta’ valorizzazzjoni tal-IPR || Il-Kummissjoni Ewropea qed tesplora l-opzjonijiet għall-iżvilupp ta’ tali strument

Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar immaniġġjar kollettiv ta’ drittijiet || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-11 ta’ Lulju 2012.

Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar xogħlijiet orfni || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-24 ta’ Mejju 2011

Tisħiħ tar-rwol tal-Osservatorju tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija || Regolament adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fid-19 ta’ April 2012, wara proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl-24 ta’ Mejju 2011

Mitigazzjoni iktar effettiva tal-piraterija u l-falsifikazzjoni || Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel konsultazzjonijiet dwar il-passi li jmiss.

Preżentazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva sabiex jiġi emendat ir-regolament eżistenti dwar id-dwana || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-24 ta’ Mejju 2011.

Immodernizzar tas-sistema Ewropea tal-marka kummerċjali || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva

Konsumaturi || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet dwar soluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim/ soluzzjonijiet onlajn tat-tilwim || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fid-29 ta’ Novembru 2011.

Isir xogħol fuq l-approċċ Ewropew dwar rimedju kollettiv || Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra opzjonijiet politiċi

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva.

Jitħejja Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji Pjan ta’ Azzjoni.

Proposta għal inizjattiva dwar l-impronta ambjentali tal-prodotti || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji inizjattiva.

Pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2011

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ivjaġġar b’Kollox Inkluż || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva.

Tkun żgurata t-trasparenza tat-tariffi bankarji || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva.

Tiġi ppreżentata leġiżlazzjoni biex ikunu protetti mutwatarji fis-swieq ipotekarji || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-31 ta’ Marzu 2011.

Is-settur tas-servizzi || AZZJONI EWLENIJA Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-1 ta’ Ġunju 2011.

Tkun żgurata l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fit-8 ta’ Ġunju 2012.

Issir verifika tal-prestazzjoni sabiex tkun iċċekjata l-applikazzjoni konġunta abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kif implimentata u applikata mill-Istati Membri f’setturi ewlenin (kostruzzjoni, turiżmu, servizzi tan-negozju) || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fit-8 ta’ Ġunju 2012.

Titnieda inizjattiva sabiex ikunu miġġielda prattiki kummerċjali inġusti || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji Komunikazzjoni.

Jitwaqqaf Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji biex twaqqaf Grupp ta' Livell Għoli

Netwerks || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u t-trasport biex ikunu introdotti proġetti strateġiċi || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti leġiżlattivi fid-19 ta’ Ottubru 2011.

Adozzjoni tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi programm ta' politika tal-ispettru tar-radju || Deċiżjoni adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-15 ta’ Frar 2012, wara proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl-20 ta’ Settembru 2010.

Suq diġitali uniku: || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-firem elettroniċi, l-identifikazzjoni elettronika u l-awtentifikazzjoni elettronika || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-4 ta’ Ġunju 2012.

Jiġu ppreżentati proposti dwar it-tariffi tar-roaming || Kien adottat Regolament mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-30 ta’ Mejju 2012, wara proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fis-6 ta’ Lulju 2011.

Jiġi ppreżentat pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta’ Azzjoni fil-11 ta’ Jannar 2012.

Tiġi ppreżentata gwida lill-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata tal-konsumaturi abbażi ta’ nazzjonalità/pajjiż ta’ residenza || Il-Kummissjoni ppreżentat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal bħala parti mill-pakkett tas-servizzi fit-8 ta’ Ġunju 2012.

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fit-12 ta’ Diċembru 2011.

Imprenditorjat soċjali || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ fondi ta’ investiment soċjali || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fis-7 ta’ Diċembru 2011.

Introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Istatut tal-Fondazzjoni Ewropea || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fit-8 ta’ Frar 2012.

Titnieda l-Inizjattiva Negozju Soċjali || Il-Kummissjoni Ewropea nidiet l-inizjattiva fil-25 ta’ Ottubru 2011

Tiġi adottata Komunikazzjoni dwar CSR || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fil-25 ta’ Ottubru 2011.

Proposta leġiżlattiva dwar rappurtar finanzjarju mill-kumpaniji || Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposta leġiżlattiva.

Tassazzjoni || AZZJONI EWLENIJA Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fit-13 ta’ April 2011.

Introduzzjoni tas-BKKTK || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fis-16 ta’ Marzu 2011.

Jiġu identifikati elementi tal-Istrateġija tal-VAT || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fis-6 ta’ Diċembru 2011.

Jiġu solvuti problemi ta’ tassazzjoni transfruntiera għaċ-ċittadini || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar modi kif tiġi indirizzata t-tassazzjoni doppja fil-11 ta' Novembru 2011 u Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni dwar it-taxxa tas-suċċessjoni fil-15 ta' Diċembru 2011.

Il-koeżjoni soċjali || AZZJONI EWLENIJA Introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u dwar il-kjarifika tal-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment/servizzi biswit id-drittijiet soċjali fundamentali || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti leġiżlattivi fil-21 ta’ Marzu 2012 iżda sussegwentement irtirat il-proposta dwar il-kjarifika tal-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment/servizzi biswit drittijiet soċjali fundamentali.

Preżentazzjoni ta’ Komunikazzjoni dwar SGEIs || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fl-20 ta’ Diċembru 2011.

Reviżjoni tal-pakkett post-Altmark || Deċiżjoni leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea adottata fl-20 ta’ Diċembru 2011.

Preżentazzjoni ta’ inizjattiva dwar aċċess għal kont bażiku ta’ ħlasijiet || Il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni fit-18 ta’ Lulju 2011.

L-ambjent tan-negozju || AZZJONI EWLENIJA Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tissimplifika d-Direttiva tal-Kontabbiltà || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-25 ta’ Ottubru 2011.

Adozzjoni ta’ Direttiva li tissimplifika l-obbligi tar-rappurtar finanzjarju speċifikament tal-mikroentitajiet || Kienet adottata Direttiva mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2012, wara proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fis-26 ta’ Frar 2009.

Adozzjoni tal-Istatut Ewropew tal-Kumpaniji Privati || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-25 ta’ Ġunju 2008.

Introduzzjoni ta’ strument ġuridiku Ewropew fakultattiv għall-kuntratti || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-11 ta’ Ottubru 2011.

Adozzjoni ta’ Regolament li jissimplifika l-irkupru transfruntier ta’ dejn || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-20 ta’Lulju 2011.

Akkwist Pubbliku || AZZJONI EWLENIJA Reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-20 ta’ Diċembru 2011.

Introduzzjoni ta’ direttiva (ta’ emenda) dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fl-20 ta’ Ottubru 2011.

Introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-akkwist minn pajjiżi terzi || Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva fil-21 ta’ Marzu 2012.

[1] Kalkoli tal-Kummissjoni Ewropea li saru permezz tal-mudell makroekonomiku QUEST II. Għal aktar dettalji dwar il-mudell, jekk jogħġbok ikkonsulta

[2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Att dwar is-Suq Uniku It-tnax-il xprun biex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Flimkien għal tkabbir ġdid”, COM(2011) 206 finali.

[3] Mario Monti “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”; Rapport għall-President tal-Kummissjoni Ewropea; 9 ta’ Mejju 2010

[4] Il-Parlament Ewropew: “Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini (ir-Rapport Grech) A7-0132/2010

[5] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew; 23 ta’ Ottubru 2011; EUCO 52/11

[6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Governanza aqwa tas-Suq Uniku”, COM(2012) 259.

[7] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku: Il-Passi li Jmiss għat-Tkabbir’ (2012/2663 (RSP))

[8] Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Azzjonijiet Ewlenin lejn Att dwar is-Suq Uniku II; CESE 1575/2012

[9] Kummissjoni Ewropea: ‘Is-Suq Uniku mil-lenti taċ-ċittadini;’  http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/docs/20concerns/publication_en.pdf

[10] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni”; COM (2010)614

[11] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" COM (2010)245

[12] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: "Unjoni tal-Innovazzjoni" COM (2010)546

[13] L-azzjonijiet kollha proposti li l-Kummisjoni għandha titratta f’dan id-dokument, huma konsistenti u kompatibbli mal-QFM attwali (2007-2013) u l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid 2014-2020.

[14] Espressi f’termini ta’ tunnellati/km abbażi ta’ dejta tal-EUROSTAT.

[15] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Opportunitajiet ta’ Tkabbir Blu għal tkabbir sostenibbli tat-trasport bil-baħar u marittimu" [traduzzjoni mhux uffiċjali] COM(2012) 494.

[16] Abbażi ta' estimi dokumentati f’rapporti mill-Korp tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u l-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni.

[17] Studju dwar il-funzjonament tas-suq tal-elettriku fil-livell tal-konsumatur għall-konsumaturi tal-UE;

[18] Sal-2020, is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa tirrikjedi investimenti ta’ madwar EUR 1 triljun, li minnhom EUR 200 biljun huma meħtieġa għan-netwerks tal-elettriku u tal-gass biss; http://ec.europa.eu/energy/publications/doc/2011_energy2020_en.pdf

[19] Rapport tal-President tal-grupp ta’ esperti dwar it-tlaqqigħ transfruntier ta’ ditti innovattivi ma’investituri adattati Kummissjoni Ewropea 2012;

[20] B’mod partikolari taħt il-politika ta’ koeżjoni.

[21] Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008, il-Bank Ewropew għall-Investiment ipprovda EUR 40 biljun f’finanzjament għal iktar minn 210 000 SMEs. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”; COM(2011) 870 finali.

[22] L-għan tal-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti tal-Ewropa 2020 huwa li jattira investituri istituzzjonali lejn il-finanzjament mis-suq kapitali ta’ proġetti ta’ infrastruttura. F’Lulju 2012, l-UE nidiet fażi pilota tal-Inizjattiva tal-UE-BEI dwar Bonds li jiffinanzjaw proġetti.

[23] Il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni pubblika Ara: http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/consultations/tax/2012_venture_capital_en.htm

[24] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE - Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijiet tal-2009” COM(2009)544, kif ukoll: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/documents/ab_studies_2009_en.htm.

[25] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Dwar il-futur tal-VAT”; COM (2011)851

[26] McKinsey Global Institute, "Internet matters, the net's sweeping impact on growth, jobs and prosperity", Mejju 2011.

[27] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” − COM(2010) 245 finali.

[28] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online”, COM(2011) 942.

[29] Stħarriġ Komunitarju tal-Eurostat dwar l-użu tal-ICT mill-Unitajiet Domestiċi u l-Individwi (2009).

[30] L-applikazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha tiġġenera tkabbir ekonomiku ta’ 2.6 % tal-PGD. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015”, COM(2012) 261. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-kuntest tal-Istħarriġ tal-2013 dwar it-Tkabbir Annwali.

[31] Czernich, N., Falck, O., Kretschmer, T., and Woessman, L. (2009) Broadband infrastructure and economic growth (CESinfo Working Paper no. 2861

[32] Booz & Company (2012) Maximising the impact of Digitalisation http://www.booz.com/media/uploads/BoozCo_Maximizing-the-Impact-of-Digitization.pdf

[33] Stima tal-Kummissjoni bbażata fuq studji nazzjonali ((Liebenau, J., Atkinson, R., Karrberg, P., Castro, D. and Ezell, S., 2009, The UK Digital Road to Recovery; Katz R.L. et al , 2009, The Impact of Broadband on Jobs and the German Economy)

[34] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, COM (2010) 245

[35] Analysys Mason (2008), The costs of deploying fibre-based next-generation broadband infrastructuret

[36] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, COM (2010) 245

[37] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa”, COM (2010)712

[38] Din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-istimi proprji tal-Kummissjoni bbażati fuq dejta disponibbli pubblikament. L-impatt reali ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni f’dan il-qasam jista’ jkun differenti minn din iċ-ċifra.

[39] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku, COM/2011/896 finali, u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, COM(2011) 895 finali, azzjoni ewlenija tal-Att dwar is-Suq Uniku I

[40] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Strateġija għall-akkwist elettroniku” − COM(2012) 179 finali.

[41] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Strateġija għall-akkwist elettroniku” − COM(2012) 179 finali.

[42] Eurostat.

[43]Eurostat EU-SILC, sena ta’ referenza 2010

[44] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali”, COM(2011) 682.