52012DC0411

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika /* COM/2012/0411 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika

I. Il-Mekkaniżmu ta’ Koperazzjoni u Verifika: L-appoġġ għall-Bulgarija fir-Riforma tal-Ġustizzja, il-Ġlieda kontra l-Korruzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata

Fil-mixja lejn l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-UE fl-2007, kien maqbul li kien meħtieġ iktar xogħol f’oqsma ewlenin biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trattament tal-kriminalità organizzata. Dan wassal għall-istabbiliment ta’ qafas biex jappoġġa lill-Bulgarija u jimmonitorja l-progress f'dawn l-oqsma, il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika (MKV)[1]. Kienu stabbiliti sitt limiti referenzjarji, li jkopru l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja, it-trasparenza u l-effiċjenza tagħha; l-insegwiment ta' korruzzjoni ta' livell għoli, kif ukoll korruzzjoni mas-settur pubbliku kollu kemm hu; u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Id-Deċiżjoni waqqfet rapportar regolari mill-Kummissjoni, u pprovdiet sabiex il-mekkaniżmu se jkompli sakemm jintlaħqu l-objettivi tal-MKV u s-sitt limiti referenzjarji jkunu milħuqa b'mod sodisfaċenti[2].

Ħames snin wara, dan ir-rapport jivvaluta jekk l-objettivi tal-MKV intlaħqux. Din il-valutazzjoni hija l-frott ta' analiżi kif spjegat fir-rapport tekniku li jakkumpanja dan ir-rapport, li jagħmel inventarju ta' x'inkiseb sa issa u x’jonqos jinkiseb. Hija tagħti ħarsa lejn ix-xogħol tal-aħħar ħames snin, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti li daħlu fis-seħħ u r-riżultati li ħarġu minnhom. Matul dan il-perjodu, kien hemm waqtiet meta l-progress aċċelera; u oħrajn meta waqa’ lura. Il-koperazzjoni kienet attiva f’ċerti stadji, waqt li f’waqtiet oħra l-MKV kien mibgħud u kien hemm reżistenza għalih. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija konvinta li l-MKV kkontribwixxa sostanzjalment għar-riforma fil-Bulgarija. Dan ir-rapport jikkunsidra b’mod partikolari s-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tal-proċess ta' riforma, inkluż jekk is-sjieda hix suffiċjentament minsuġa biex iżżomm id-direzzjoni tar-riforma.

L-Unjoni Ewropea tal-lum hija interdipendenti ħafna. L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u hemm interess komuni qawwi fih li jirrifletti l-interess tal-opinjoni pubblika Bulgara f’dawn il-kwistjonijiet[3]. L-istaħrriġ tal-Eurobarometer wera li 96% tal-Bulgari jikkunsidraw il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata bħala kwistjoni importanti għal pajjiżhom, u 92% għandhom l-istess rispons għal nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja. L-istess stħarriġ ikkonkluda wkoll li 76% tal-Bulgari jikkunsidraw li l-UE għandha jkollha rwol biex titratta dawn il-kwistjonijiet[4].

Il-MKV ma jitlobx lill-Bulgarija tikseb standards ogħla minn dawk li jeżistu fi Stati Membri oħra. L-għan tiegħu huwa li jgħin lill-Bulgarija tikseb standards kumparabbli mal-Istati Membri l-oħra, objettiv appoġġat minn 78% tal-Bulgari[5]. Għall-għan tal-valutazzjoni ta’ x’kien miksub mill-Bulgarija mill-adeżjoni ‘l hawn, is-sitwazzjoni fi Stati Membri oħra hija fattur importanti. F’dan ir-rapport il-Kummissjoni tuża punti ta’ referenza u indikaturi kumparattivi fejn ikunu disponibbli[6]. Biex jitqabbel il-progress li sar fil-Bulgarija mas-suċċess fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni ħadet il-parir ta' esperti anzjani mill-professjonijiet ewlenin li jitrattaw dawn il-kwistjonijiet[7].

Mill-2007, il-baġit tal-UE poġġa EUR 41miljun disponibbli biex jappoġġa r-riforma ġudizzjarja fil-Bulgarija permezz tal-Fondi Strutturali. Sa nofs l-2012, 25 proġett b’baġit ta’ EUR 13.6 miljun kienu maqbula fl-oqsma ta' taħriġ, żvilupp tar-riżorsi umani, bini ta’ kapaċità u assistenza teknika. Fl-istess żmien, bosta Stati Membri appoġġaw lill-Bulgarija bi proġetti bilaterali fl-oqsma kollha tar-riforma ġudizzjarja inkluż ir-riforma tal-pulizija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[8].

II. Analiżi tal-progress taħt il-MKV tal-2007-2012

Il-valutazzjoni inġenerali tal-Kummissjoni tal-progress taħt il-MKV mill-adeżjoni tal-Bulgarija turi progress importanti fil-qafas bażiku leġiżlattiv. F’mumenti ewlenin, il-gvern Bulgaru wera rieda politika qawwija biex jikseb riforma profonda u dejjiema. L-isfida issa hi li jintlew xi lakuni starteġiċi ewlenin, u li tkun żgurata implimentazzjoni effettiva. Il-ħerqa tas-soċjetà Bulgara biex twassal għar-riformi taħt il-ħarsa tal-MKV kienet varjabbli: implimentazzjoni iktar konsistenti hija meħtieġa biex tgħaqqad flimkien l-azzjonijiet differenti. Din id-direzzjoni iktar konsistenti tar-riformi tkun l-aħjar indikatur tas-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tal-proċess.

Mill-2007, il-Bulgarija daħħlet fis-seħħ serje ta’ riformi legali u Kostituzzjonali importanti. Minkejja li mhux kompluti, dawn ir-riformi waqqfu strutturi importanti u xi kultant anki innovattivi, partikolarmentt biex jinkoraġġixxu speċjalizzazzjoni fit-trattament tal-problemi iffaċċjati. Istituzzjonijiet ewlenin bħall-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS) u l-ispettorat ħadu l-funzjonijiet tagħhom. Kien hemm investiment importanti fl-istrutturi biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata li twassal għall-ħolqien ta’ korpi speċjalizzati fil-livell tal-ġudikatura u tal-pulizija, kif ukoll passi maġġuri għat-titjib tal-qafas legali għall-konfiska tal-assi u koperazzjoni b’suċċess ma’ Stati Membri oħra.

Madanakollu, il-potenzjal ta’ dan il-qafas għadu ma kienx użat bis-sħiħ. Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem ingħata setgħat b’firxa wiesgħa biex jimmaniġġja u jmexxi l-ġudikatura. Dawn is-setgħat ma ntużawx biex tkun gvernata b’mod effikaċji l-professjoni ġuridika, abbażi tal-mertu u l-integrità, jew biex tkun xprunata l-konsistenza u l-indipendenza tal-ġustizzja li fuqhom tiddependi l-kunfidenza tal-pubbliku.

Għad baqa’ nuqqas ta’ direzzjoni fil-politika li żamm il-progress lura. Ħafna istituzzjonijiet ħadu passi utli. Iżda l-iskala limitata ta’ dawn il-miżuri f’tali istituzzjonijiet, u n-nuqqas ta’ approċċ kordinat, tissuġġerixxi li fadal mistoqsijiet rigward id-direzzjoni tar-riforma. Matul il-ħames snin tal-MKV, gvernijiet u Parlamenti differenti taw enfasi differenti lill-kwistjonijiet, u livelli varjabbli tal-impenn lejn l-ilħuq tar-riżultati. Pjan ta’ Azzjoni għar-riforma tal-ġudikatura kien adottat fl-2010. Prinċipji fundamentali bħall-indipendenza tal-ġudikatura mhux dejjem kienu rrispetatti kompletament. In-nuqqas ta’ bixra konsistenti jfisser li l-proċess ta’ riforma ma qabadx il-momentum meħtieġ biex isir parti aċċettata mill-iżvilupp tal-Bulgarija.

Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li bosta passi importanti jidher li ttieħdu primarjament b’riżultat ta’ pressjoni esterna. Il-MKV innifsu kien ċentrali għall-proċess – u huwa rikonoxxut bħala tali mill-opinjoni pubblika Bulgara[9]. Huwa għen biex iżomm id-direzzjoni tar-riforma f’mumenti ta’ pressjoni u biex jinkorġġixxi bidliet li jeħtieġu kuraġġ biex jisfidaw l-interessi personali. Il-fatt li pressjoni esterna għadha neċessarja jqajjem mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà u l-irreversibbiltà tal-bidla.

Sjieda u implimentazzjoni huma għalhekk l-elementi ewlenin biex jintlaħqu l-limiti referenzjarji tal-MKV. Huma jiddeterminaw is-sostenibbiltà u l-irreversibbiltà tar-riforma. Il-ħatra u x-xogħol tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem il-ġdid u tal-Prosekutur Ġenerali l-ġdid se jkunu wħud mill-indikaturi ta' sostenibbiltà tar-riformi.

II.1 Ir-Riforma Ġudizzjarja tal-2007-2012

Limitu referenzjarju 1: L-adozzjoni ta’ emendi kostituzzjonali li jneħħu kwalunkwe ambigwità rigward l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja Limitu referenzjarju 2: L-iżgurar ta’ proċess ġudizzjarju iktar trasparenti u effiċjenti bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ att ġdid tas-sistema ġudizzjarja u l-kodiċi l-ġdid tal-proċedura ċivili. L-irrapurtar fuq l-impatt ta’ dawn il-liġijiet il-ġodda u tal-kodiċi proċedurali penali u amministrattivi, notevolment fil-fażi ta’ qabel il-proċess. Limitu referenzjarju 3: It-tkomplija tar-riformi tal-ġudikatura sabiex jittejbu l-professjonaliżmu, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza. L-evalwazzjoni tal-impatt ta' din ir-riforma u l-pubblikazzjoni tar-riżultati annwali.

Mal-adeżjoni, il-Bulgarija impenjat ruħha li żżid l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tal-ġudikatura u li tiżgura proċess ġudizzjarju iktar effiċjenti, konsistenti u trasparenti. Tali objettivi komprensivi tar-riformi kienu jeħtieġu bidliet leġiżlattivi, riforma ta’ strutturi ġudizzjarji u persunal, u titjib fil-proċeduri u fil-prattiċi ġudizzjarji. Huma kienu ukoll jeħtieġu bidliet fl-attitudni fost il-maġistrati, u atturi oħra fis-sistema ġudizzjarja. Dan il-kombinament implika impenn mis-setgħat kollha tal-Istat: mill-Parlament, l-eżekuttiv u l-ġudikatura, bl-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

Mill-2007, il-Bulgarija daħħlet fis-seħħ għadd importanti ta’ elementi importanti biex tasal għall-impenji tagħha mal-UE. Immedjatament wara l-adeżjoni kien hemm serje importanti ta’ passi, li kienu jinkludu emendi Kostituzzjonali, Att ġdid dwar is-Sistema Ġudizzjarja (ASĠ), Kodiċi ġdid fuq il-Proċedura Ċivili, Kodiċi ġdid dwar il-Proċedura Amministrattiva u emendi għal-Kodiċi dwar il-Proċeduri Penali. L-ewwel sena tal-adeżjoni rat ukoll il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji ġodda. Spettorat Ġudizzjarju Indipendenti nħoloq u Kunsill Ġudizjarju Suprem(KĠS) ġdid daħal fil-kariga, b’responsabilitajiet b’firxa wiesgħa għall-ġestjoni tas-sistema ġudizzjarja[10]. Dawn ir-responsabbiltajiet kienu jinkludu l-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-ġudikatura, inkluż ħatriet, promozzjonijiet, evalwazzjonijiet u allokazzjoni tal-persunal. Il-Kunsill ingħata wkoll responsabbiltà dixxiplinarja u għalhekk il-kompitu li jissalvagwardja r-responsabbiltà u l-integrità tal-ġudikatura u li jiżgura li l-prattika ġudizzjarja tilħaq standards professjonali għoljin[11]. B’dawn l-attribuzzjonijiet, il-Kunsill sar l-attur prinċipali fl-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja.

Il-Bulgarija kisbet riżultati fl-implimentazzjoni ta' dan il-qafas legali u istituzzjonali ġdid. Għall-ewwel darba, saru kontrolli indipendenti tal-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi, ħarġu rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-qorti u l-prattika ġudizzjarja u ttieħed approċċ iktar robust għall-attività dixxiplinari. Addizzjonalment il-Bulgarija tejbet il-kodiċi proċedurali tagħha fit-tliet fergħat tal-liġi u bdiet ittejjeb il-prattika ġudizzjarja.

Madanakollu, dawn l-isforzi għadhom ma wasslux għal titjib sinifikanti fir-responsabbiltà ġudizzjarja u l-effiċjenza. Proċedimenti legali huma ta’ spiss ta’ durata eċċessiva[12]. Il-prattika dixxiplinarja turi inkonsistenzi, u f’bosta każijiet importanti jew ma rnexxiliex tikkonkludi, jew ma waslitx għal riżultati dissważivi. Evalwazzjonijiet, promozzjonijiet u ħatriet ġudizzjarji għadhom mhux trasparenti u ma jsegwux kriterji oġġettivi u bbażati fuq il-mertu. Sa issa ma hemm l-ebda politika komprensiva tar-riżorsi umani li tista’ tibbilanċja l-ħtiġijiet ta’ persunal u l-ammont ta’ xogħol. Miżuri biex itejbu l-prattika ġudizzjarja ta’ spiss jidhru superfiċjali u għad ma kellhomx effett konkret fuq ir-riżultati f’każijiet importanti. Baqa’ mistoqsijiet dwar l-indipendenza ġudizzjarja.

Uħud minn dawn id-dgħufijiet jistgħu jkunu ttraċċati għal nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-liġi, iżda jirriflettu wkoll dgħufijiet importanti strutturali, proċedurali u organizzazzjonali fi ħdan il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u l-prosekuzzjoni. L-elezzjonijiet għall-Kunsill li se jsiru din il-ħarifa, u l-elezzjoni tal-Prosekutur Ġenerali l-ġdid u ta’ President ġdid għall-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, huma kruċjali għall-Bulgarija biex juru r-rieda tagħha li tibqa’ fit-triq tar-riforma ġudizzjarja.

Jeżisti l-potenzjal li jintużaw l-istrutturi li twaqqfu għas-sistema ġudizzjarja biex jixprunaw ir-riforma, biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ kunfidenza li l-pubbliku għandu fil-ġudikatura u biex jistabbilixxu sistema bbażata fuq governanza effettiva u responsabbli. Dan jista’ jwassal għal sistema bil-bilanċ ġust bejn l-effiċjenza, r-responsabbiltà, l-integrità u l-indipendenza. Madankollu, hija teħtieġ livell ogħla ta’ impenn mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u mill-prosekuzzjoni, impenn b’saħħtu biżżejjed biex jisfida l-interessi personali li rabbew għeruq fondi.

L-impenn tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-maġistrati għar-riforma ġudizzjarja huwa kisba importanti mill-2007. L-awtoritajiet Bulgari għandhom jagħmlu użu aħjar minn dawn ir-riżorsi, jidħlu għal koperazzjoni iktar intensa mal-imsieħba barranin u jlaqqgħu l-atturi ewlenin kollha flimkien f'impenn komuni għar-riforma.

Indipendenza, responsabbiltà u integrità tal-ġudikatura

L-emendi kostituzzjonali ta’ Frar 2007 jistabbilixxu l-qafas għall-indipendenza ġudizzjarja fil-Bulgarija. Il-Kostituzzjoni tagħti lis-sistema ġudizzjarja awtonomija maniġerjali konsiderevoli. Madanakollu tagħti ukoll rwol b’saħħtu lill-istituzzjonijeit politiċi – nofs il-membri eletti tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS), u l-ispetturi ġudizzjarji kollha, huma eletti mill-Parlament[13] – sors ta’ kritika mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa[14]. Imħallfin popolari jista’ jkollhom influwenza deċisiva fuq deċiżjonijiet fil-qorti, iżda huma nnominati mill-forzi tal-pulizija lokali[15]. Rapporti tal-MKV ippuntaw ukoll għall-kwistjoni tal-ħatriet u l-evalwazzjonijiet ibbażati fuq il-mertu[16].

Dan it-tħassib kien ikkonfermat, hekk kif għadd ta’ ħatriet ġudizzjarji ewlenin mill-Parlament u mill-KĠS kienu neqsin mit-trasparenza u l-oġġettività u kienu mċappsa b’allegazzjonijiet ta’ influwenza politika[17]. L-indipendenza kienet ukoll iddubitata wara serje ta’ kritika politika diretta ta’ mħallfin individwali – it-tkeċċija mill-ġudikatura tal-President tal-Unjoni tal-Imħallfin mill-KĠS tqajjem tħassib f’dan il-kuntest[18]. Il-Kunsill ma ħax azzjoni ċara biex jipproteġi l-indipendenza ġudizzjarja f’dawn il-każijiet. L-impressjoni ġenerali hija ta’ nuqqas ta’ rispett tas-separazzjoni tas-setgħat tal-Istat li għandu konsegwenzi diretti fuq il-kunnfidenza li l-pubbliku jkollu fil-ġudikatura.

L-istess emendi Kostituzzjonali tal-2007 u l-adozzjoni tal-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja fl-istess sena ħolqu wkoll il-bażi għal politika xierqa ta’ integrità u responsabbiltà għas-sistema ġudizzjarja. L-immunità tal-maġistrati kienet ristretta għall-eżekuzzjoni tal-kompiti professjonali u nħoloq spettorat ġudizzjarju indipendenti. Fl-2009, il-Bulgarija adottat kodiċi etika għall-maġistratura u ħolqot kumitat ċentrali tal-integrità fi ħdan tal-KĠS[19]. Emendi legali fl-2010 għamlu l-valutazzjoni tal-integrità pass obbligatorju fl-iżvilupp tal-karriera u l-promozzjoni fil-ġudikatura u waqqfu strutturi lokali għall-integrità u l-valutazzjoni. Ir-riżultat kien l-ewwel attività dixxiplinarja fil-ġudikatura Bulgara[20].

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet dixxiplinari nbdew minn kontrolli li saru mill-ispettorat, li beda l-attivitajiet operazzjonali tiegħu fl-2008. L-ispettorat preżenta wkoll b’mod attiv l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet dixxiplinari fil-KĠS u ngħata d-dritt biex jappella deċiżjonijiet dixxiplinari fl-2009. Huwa jagħmel rakkomandazzjonijeit dettaljati lill-presidenti tal-qorti. L-attività ta’ kontroll tal-ispettorat tirrapreżenta kontribuzzjoni pożitttiva għat-titjib tad-dixxiplina u r-responsabbiltà ġudizzjarja minħabba li tali attivitajiet ma kienux jeżistu qabel[21]. Fl-istess waqt, ix-xogħol tal-ispettorat ma kienx indirizzat biex jippromwovi soluzzjonijiet għan-nuqqasijiet sistematiċi fir-responsabbiltà u l-prattiċi ġudizzjarji. Eżempji jinkludu, in-nuqqas ta’ rakkomandazzjonijiet mill-ispettorat f’oqsma bħas-sistema alleatorja ta’ allokazzjonijiet, jew il-korrezzjoni ta’ nuqqasijiet importanti u sistematiċi fil-prattiċ ġudizzjari[22].

Attività dixxiplinari mill-2007 turi ċerta klemenza u retiċenza biex ikunu indirizzati każijiet serji, partikolarment relatati ma’ integrità. Żewġ każijiet emblematiċi ta’ kummerċ allegat fl-influwenza fost il-ġudikatura kienu segwiti biss wara pressjoni pubblika kbira[23]. Sfidi ta’ suċċess għal sentenzi dixxiplinari fil-Qorti Amministrattiva Suprema jippuntaw lejn dgħufijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti, fil-proċedura dixxiplinari tal-QĠS jew fil-liġi: Tali nuqqasijiet għandhom ikunu analizzati u kkoreġuti. L-istess ħaġa għandha ssir għan-nuqqas ta' segwitu kriminali, minħabba li l-prosekuzzjoni ma nvestigatx sistematikament il-maġistrati involuti f’dawn il-każijiet. Dan jorbot mar-riżultati globali fqar tal-ġudikatura fis-segwitu ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fi ħdana stess[24].

B’mod ġenerali l-ġurisprudenza dixxiplinari fiha nfisha ma kinitx konsistenti. Il-Bulgarija ma rnexxiliex ukoll tintroduċi b’mod xieraq l-integrità fis-sistema tal-promozzjonijiet u l-valutazzjonijiet ġudizzjarji, minkejja emendi fl-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja tal-2010. Verifiki ta’ Integrità kienu formalisti u bi ftit effett preventiv, u xi drabi joqgħodu fuq l-NGOs biex iqiegħdu informazzjoni fid-dominju pubbliku. Bosta ħatriet ta’ karigi għolja matul dan il-perjodu kienu neqsin minn trasparenza suffiċjenti u jibqgħu jkunu mċappsa minn akkużi ta’ influwenza politika u nuqqasijiet ta' integrità[25]. L-inabilità tat-tmexxija ġudizzjarja biex tiddefinixi u timplimenta starteġija xierqa kontra l-korruzzjoni[26] aljenat partijiet tal-ġudikatura u tista’ tidher li tikkontribwixxi għal-livell baxx tal-fiduċja pubblika fil-qasam[27].

Effiċjenza tal-proċess ġudizzjarju

Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem huwa responsabbli mill-politika tar-riżorsi umani tal-ġudikatura. Din tinkludi r-reklutaġġ inizjali, il-provvediment ta' taħriġ permezz tal-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, valutazzjonijiet regolari, promozzjonijiet u ħatriet għal pożizzjonijiet ġudizzjarji għolja. Emendi legali fl-2010 taw lil-QĠS r-rwol li tivvaluta l-ammont ta' xogħol, li temenda l-oqsma ta' ġurisdizzjoni, tirrialloka r-riżorsi u jekk neċessarju tagħlaq qrati. Konsegwentament, il-Kunsill għandu s-setgħat relevanti kollha biex jimmaniġġja b’mod xieraq ir-riżorsi umani u l-istrutturi ġudizzjarji għall-benefiċċju tal-effiċjenza ġudizzjarja.

Meta wieħed iħares lura lejn il-perjodu sa mill-2007, għadd ta’ diffikultajiet jistgħu jkunu enfasizzati bil-mod li l-QĠS wettqet ir-responsabbiltajiet tagħha f’dan il-qasam. L-ewwel ħaġa, il-Kunsill ma rnexxilux jaqleb b’mod xieraq l-objettivi tal-Att revedut dwar is-Sistema Ġudizzjarja fi prattika dwar il-promozzjonijiet. Is-sistema kif inhi prattikata ma tiżgurax żvilupp fil-karriera tal-maġistrati skont il-mertu professjonali, u kif ukoll skont konsiderazzjoni xierqa ta’ kwistjonijiet ta' integrità. Għalkemm kriterji ġodda ta’ valutazzjoni kienu definiti fil-liġi, dawn ma kienux użati biex jirriflettu b’mod xieraq id-differenzi fil-prestazzjoni[28]. Id-dgħufijiet tas-sistema ta’ valutazzjoni jaffettwaw ukoll il-proċeduri ta’ promozzjoni, u wasslu għal kontestazzjonijiet frekwenti tad-deċiżjonijiet dwar il-promozzjoni fil-qorti[29].

Promozzjonijiet u reklutaġġ inizjali ma segwewx skeda koerenti u previdibbli[30], abbażi ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persunal u fuq strateġija biex ikunu sodisfatti. Bejn l-2009 u l-2011, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar promozzjonijiet. Il-postijiet vakanti li nħolqu f’xi qrati b’konsegwenza ta’ dan intlew permezz ta’ ssekondar – proċedura lil hinn mis-sistema ta’ promozzjoni, li toqgħod unikament fuq ftehim bejn il-presidenti tal-qorti[31].

Hemm differenzi importanti fl-ammont ta’ xogħol bejn il-qrati f’Sofija u qrati oħra fil-pajjiż[32]. Dawn id-disparitajiet fl-ammont ta’ xogħol wasslu għal dewmien serju f’għadd ta’ qrati, partikolarment biex jinħarġu l-motivazzjonijiet ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan id-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-motivazzjonijiet huwa ta’ tfixkil reali għall-effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju. Jaffettwa wkoll l-indipendenza ġudizzjarja: minħabba li ammont kbir ta’ xogħol f’bosta qrati ħafna drabi jwassal għal dewmien fil-ħruġ ta’ motivazzjonijiet, għadd kbir ta’ mħallfin qed iwettqu ksur tekniku. Assoċjazzjonijiet professjonali qajmu tħassib li dan jiftaħ il-bibien għal trattament soġġettiv, waqt li argumentaw li wħud mill-membri tagħhom kienu sanzjonati, waqt li motivazzjonijiet tard f'każijiet oħra kienu ttollerati mill-ispezzjoni ġudizzjarja[33].

Kundizzjonijiet importanti oħra għal proċess ġudizzjarju iktar effiċjenti u konsistenti huma proċeduri effiċjenti u prattika professjonali fost il-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-qrati. Mill-2007, il-Bulgarija tejbet it-tliet kodiċi proċedurali, li jkopru l-liġi kriminali, ċivili u amministarriva[34]. B’riżultat, dan ippermetta lill-pulizija ttejjeb il-prattika investigattiva u ffaċilita l-użu ta’ evidenza fil-qorti. Ippermetta wkoll lill-qrati biex jaħtru avukati difensuri ta’ riserva biex inaqqsu r-riskju ta’ dewmien u ppermetta lill-prosekuzzjoni tappella deċiżjonijiet tal-qorti biex tibgħat lura każijiet biex ikunu investigati ulterjorment. Il-Bulgarija bdiet ukoll taħdem fuq Kodiċi Penali ġdida fl-2010 minħabba li l-kodiċi kurrenti hija skaduta u ftit li xejn adegwata biex titratta ħafna kriminalità moderna, inkluż il-korruzzjoni, l-abbuż tal-kariga u l-kriminalità organizzata[35]. Ħidma fuq il-Kodiċi Penali pproċediet b’pass ftit li xejn konsistenti u l-mira inizjali li jkun imressaq l-ewwel abbozz għad-diskussjoni pubblika fil-bidu tal-2013 kienet posposta.

Dgħufijiet fil-prattiki ġudizzjarji u investigattivi, partikolarment fir-rigward ta’ każijiet li jinvolvu korruzzjoni ta’ livell għoli u kriminalità organizzata serja, kienu sottolinjati mill-Kummissjoni sa mill-2008[36]. Inizjalment il-Bulgarija rrispondiet għal dan it-tħassib billi introduċiet il-monitoraġġ ta’ għadd ta’ każijiet ta’ interess pubbliku fil-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u b’kontrolli mill-ispettorat biex ikun stabbilit jekk ir-regoli proċedurali kienux irrispettati mill-imħallfin. Ir-riforma tal-proċeduri penali fl-2010 kienet ukoll akkumpanjata minn riorganizzazzjoni strutturali tal-investigazzjoni tal-pulizija, l-estensjoni tal-kompiti investigattivi lil grupp ħafna ikbar ta’ uffiċjali tal-pulizija, u l-provvediment ta’ taħriġ u tagħmir għal dan il-għan.

Dawn il-miżuri kkontribwew biex ikunu aċċelerati ċertu każijiet fil-qorti iżda ftit li xejn kellha effett fuq l-iktar każijiet importanti ta' korruzzjoni ta’ livell għoli u kriminalità organizzata mmonitorati mill-Kummissjoni. B’riżultat ta’ analiżi ddettaljata ta’ xi każijiet ewlenin, ir-rapport tal-MKV ta’ Lulju 2011 rrakkomanda analiżi komprensiva tal-istrutturi organizzattivi u l-proċeduri ġudizzjarji u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni f’koperazzjoni mal-esperti internazzjonali u mmonitorat flimkien mas-soċjetà ċivili[37]. Dan kien partikolarment dirett lejn il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet differenti jitqiesu bħala parti minn continuum, minflok korpi separati li qed ifittxu li jsegwu l-istrateġiji propji tagħhom. B’reazzjoni, il-Bulgarija ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet strutturali u organizzattivi li jinvolvu l-prosekuzzjoni u l-koperazzjoni tagħha ma korpi ewlenin oħra. Dawn il-miżuri għadhom ma wasslux għal titjib viżibbli fir-riżultati tal-pulizija u tal-ġudikatura rigward każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u kriminalità organizzata (ara hawn taħt). Addizzjonalment, l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura għadhom ma bdewx valutazzjoni komprensiva u indipendenti tad-dgħufijiet tal-istrutturi u l-proċeduri eżistenti. Konsegwentament, l-impatt potenzjali tal-miżuri meħuda mill-Bulgarija f’dan il-kuntest mis-sajf li għadda għad irridu narawh.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li tkun enfasizzata l-importanza tal-konsistenza ġudizzjarja. Konsultazzjoni riċenti fil-ġudikatura kixfet nuqqas ta’ qbil drastiku fost l-imħallfin dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni preliminari tal-imputati f’każijiet serji ta’ kriminalità. Nuqqas ta’ qbil f’oqsma ta’ tali importanza iqajmu tħassib sostanzjali, u jindikaw nuqqasijiet lejn il-kisba ta’ konsistenza mill-awtoritajiet ġudizzjarji, bil-Qorti ta’ Kassazzjoni Suprema (QKS) li għandha r-rwol l-iktar importanti f’dan il-qasam. Strateġija pro-attiva mill-QKS biex tidentifika u tindirizza interpretazzjoni inkonsistenti tal-liġi fl-oqsma kollha relevanti tista’ ġġib magħha benefiċċji kbar, partikolarment fis-sostenn tal-ġlieda tal-Bulgarija kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni[38]. Addizzjonalment, il-Bulgarija għadha ma kisbitx pubblikazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-qorti u motivazzjonijiet f’format uniformi.

Riforma tas-Sistema Ġudizzjarja

In-nuqqasijiet fir-responsabbiltà tal-ġudikatura u l-effiċjenza tal-proċess ġudizzjarju jridu jkunu marbuta mal-istituzzjonijiet ewlenin li jixprunaw il-progress f’dan il-qasam, partikolarment il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u l-prosekuzzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni rrakkomandat riforma komprensiva ta’ dawn l-istituzzjonijiet, li tivvaluta u ttejjeb strutturi organizzattivi u prattiki professjonali rigward każijiet serji ta’ kriminalità[39]. Minkejja li ttieħdet xi azzjoni limitata fil-livell tal-prosekuzzjoni,[40] dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom essenzjalment pendenti.

Ir-riforma tal-QĠS kienet partikolarment immirata hekk kif il-mandat tal-Kunsill kurrenti joqrob it-tmiem tiegħu. L-iffukar fuq il-Kunsill kien intensifikat meta żewġ membri rriżenjaw fl-2011 diżappuntati dwar l-inkapaċità tal-Kunsill li jwassal għal titjib tanġibbli fir-responsabbiltà u l-integrità ġudizzjarja, u n-nuqqasijiet fit-trasparenza fl-organizzazzjoni interna. Fl-elezzjoni biex jkunu mimlija dawn il-karigi, għadd ta’ qrati rrifjutaw li jkunu involuti, fil-kunsiderazzjoni li l-Kunsill attwali kien tilef il-leġittimità li jirrappreżanta l-ġudikatura.

Dan id-dibattitu wassal għal riflessjonijiet mill-Ministeru tal-Ġustizzja dwar ir-riforma tal-elezzjonijiet għall-Kunsill, u varjetà ta’ kontribuzzjonijiet mill-ġudikatura u s-soċjetà ċivili biex jippromwovu r-riforma fundamentali tal-mod kif il-Kunsill huwa organizzat u elett[41]. Xi tħassib imqajjem f’dan il-kuntest kien ikkonfermat minn esperti kkonsultati mill-Kummissjoni[42].

L-elezzjonijiet għall-Kunsill il-ġdid din il-ħarifa huma opportunità importanti biex isaħħaħ ir-responsabbiltà u l-leġittimità fost il-ġudikatura u l-pubbliku. Għandhom ikunu punt ta’ tluq għal riformi iktar fundamentali lejn Kunsill li jista’ iktar jaqdi r-rwol kostituzzjonali tiegħu. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Bulgari li l-introduzzjoni ta’ elezzjonijiet diretti fil-kapitolu ġudizzjarju jkunu pass importanti biex jkunu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema llum. Minkejja li l-gvern Bulgaru endorsja elezzjonijiet diretti għall-QĠS fil-prinċipju, huwa kkunsidra li dawn kienu impossibbli li jkunu organizzati din il-ħarifa. Emendi għall-Att tas-Sistemi Ġudizzjarji adottati f’Ġunju jinkludu pass importanti lejn it-trasparenza tal-proċeduri tal-elezzjonijiet li ġejjin, kemm għall-kapitolu parlamentari kif ukoll għal dak ġudizzjarju. Madnakollu, il-kapitolu ġudizzjarju xorta se jkun elett permezz ta’ mudell ta’ elezzjonijiet indiretti, għaldaqstant il-QĠS se jkollha tistenna ħames snin oħra qabel ma tibbenefika minn riżorsi għall-elezzjonijiet diretti[43]. L-ewwel rapporti jissuġġerixxu li minkejja li r-rekwiżiti ta’ trasparenza qed ikunu pass il-quddiem fil-proċess, il-posponiment tal-użu tal-elezzjonijiet diretti għal din is-sena wassal għal proċeduri inkonsistenti u rwol dominanti għall-Presidenti tal-Qorti fl-għażla tad-delagati.

L-elezzjonijiet li ġejjin xorta jipprovdu opportunità biex jintgħażlu membri tal-QĠS impenjati lejn rwol iktar attiv għall-Kunsill fil-mandat li jmiss tiegħu. Kemm il-parlament u kif ukoll il-ġudikatura jistgħu jiffukaw id-deliberazzjonijiet tagħhom fuq kriterji bħal kwalifiki professjonali u akkademiċi, l-integrità u l-viżjoni għall-futur. It-trasparenza għandha tfisser opportunità għall-kandidati li jkunu skrutinizzati mis-soċjetà ċivili u l-Parlament u l-ġudikatura għandhom jkunu lesti li jkunu responsabbli għall-għażliet tagħhom.

Biex jikkontribwixxi għas-suċċess tal-mandatt li jmiss tal-Kunsill, se jkun importanti li jitjibu l-istruttura, il-proċeduri u l-organizzazzjoni tal-Kunsill. It-tmexxija l-ġdida tal-Kunsill tista’ tieħu ħarsa ġdida lejn ir-rwol tal-Kunsill abbażi tal-analiżi komprensiva tal-mandat attwali tal-Kunsill. L-ideat imressqa mill-assoċjazzjonijiet professjonali u mis-soċjetà ċivili fil-bidu tas-sena jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għall-Kunsill il-ġdid. Test bikri se jkun l-elezzjonijiet li se jsiru għall-Prosekutur Ġenerali u għall-President tal-Qorti tal-Kassazzjoni Suprema. Il-Kunsill il-ġdid jista’ jagħżel li jagħmel l-elezzjonijiet ta’ dawn il-pożizzjonijiet ġudizzjarji li huma l-iktar important fil-pajjiż emblematiċi ta’ approċċ ġdid, bi proċedimenti miftuħa u trasparenti, bi kriterji ċari u kompetizzjoni reali.

II.2 Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata 2007-2012

Limitu referenzjarju 6: Tkun implimentata strateġija biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata, li tiffoka fuq il-kriminalità serja, ħasil tal-flus u konfiska sistematika tal-assi tal-kriminali. Rapportar dwar investigazzjonijiet, akkużi u kundanni ġodda f'dawn l-oqsma kif ukoll fuq dawk li huma għaddejjin.

Mal-adeżjoni, il-Bulgarija impenjat ruħha li turi riżultati konvinċenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan jinvolvi li tintwera l-kapaċità li l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura jinvestigaw, jgħaddu prosekuzzjoni u jtellgħu l-qorti b’suċċess każijiet importanti ta’ kriminalità organizzata sabiex jiksbu element dissważiv effettiv. Kwistjonijiet ewlenin jinkludu qbid u konfiska sistematiċi tal-assi, titjib tal-prattika professjonali fost il-pulizija, prosekuzzjoni u qrati u l-istabbiliment ta’ strutturi effettivi oħra u koperazzjoni effiċjenti bejn il-pulizija, il-prosekuzzjoni u awtoritajiet amministrattivi oħra.

L-attività kontra l-kriminalità organizzata intensifikat fl-2010 meta l-pulizija ħadu rwol iktar attiv, u meta twettqu għadd ta’ riformi proċedurali u istituzzjonali li kienu ilhom mistennija. Dawn l-isforzi wasslu għal struttura istituzzjonali iktar solida, proċeduri aħjar u taw lill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri oħra[44] tal-UE fiduċja fil-Bulgarija. Ir-riżorsi ddedikati għall-investigazzjonijiet tal-pulizija raw żidiet sinifikanti[45]. Madanakollu, riżultati konvinċenti għadhom mhux hemm kemm fil-fażi ta’ qabel il-proċess u kif ukoll matul il-proċess sabiex tkun ttrattata b’mod effettiv din il-forma ta’ kriminalità. Għad hemm ħafna każijiet mhux solvuti u mdewma f’dan il-qasam. Il-kriminalità organizzata għadha deskritta mill-osservaturi indipendenti kollha bħala sfida għall-Istat u għas-soċjetà[46], viżjoni kondiviża mill-opinjoni pubblika[47].

Il-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminaliltà organizzata kien aġġustat bosta drabi mill-2007[48]. Kien hemm bixra ġenerali lejn iktar speċjalizzazzjoni, iktar taħriġ u iktar investigazzjoni bir-reqqa tas-sigurtà[49]. Timijiet konġunti speċjalizzati għall-każijiet ta’ kriminalità organizzata fi ħdan il-prosekuzzjoni inħolqu fil-livell ta’ ħames qrati distrettwali fl-2010, u fl-2012 bdew jaħdmu uffiċċju ċentrali tal-prosekuzzjoni ġdid għall-kriminalità organizzata u qorti speċjalizzata[50]. Dan l-approċċ huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet f’rapporti suċċessivi tal-MKV[51].

Dawn l-istrutturi ġodda speċjalizzati fil-livell tal-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-qorti juru impenn għall-adattament tal-istrutturi biex tkun itrattata l-kriminalità organizzata. Madankollu, sa issa għad ma rnexxilhomx jippruvaw l-effikaċja tagħhom fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u smigħ b’suċċess ta’ każijiet importanti. Għajr f’veru ftit eċċezzjonijiet, sa issa l-qorti speċjalizzata ddeċidiet biss każijiet minuri għax il-leġiżlazzjoni sottostanti ma tippermettix lill-qorti tipprioritizza l-iktar każijiet importanti[52]. Dan huwa aċċentwat mil-limitazzjonijiet ta’ persunal kemm min-naħa tal-prosekuzzjoni kif ukoll min-naħa tal-qorti. Dgħufija importanti oħra fil-liġi hija li ma tippermettix lill-qorti issegwi ksur ta’ korruzzjoni li fil-verità ħafna drabi jkun marbut ma’ kriminalità organizzata. Flimkien mat-tisħiħ ġenerali tal-proċeduri penali u r-riformi tal-investigazzjoni tal-pulizija, dawn l-istrutturi l-ġodda u r-riformi huma demostrazzjoni ċara tal-interess tal-Bulgarija li tikseb bidla notevoli fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Riżultati aħjar fis-sekwestru tal-assi huma elementi importanti għad-dissważjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kif ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-ewwel snin wara l-adeżjoni raw ftit progress f’dan il-qasam, bi ftit assi mqiegħda taħt garanzija jew li ġew sekwestrati f’każijiet importanti ta’ kriminalità organizzata jew korruzzjoni ta’ livell għoli. Is-sena 2011 rat żieda sinifikanti fl-ammonti ta’ assi sekwestrati fil-Bulgarija u approċċ iktar pro-attiv u rigoruż mill-kummissjoni għas-sekwestru tal-assi taħt id-direttur il-ġdid. Ir-riżenja tiegħu fl-2012, abbażi ta’ appoġġ politiku insuffiċjenti, tefgħet dubju fuq is-sostenibbiltà ta' dan it-titjib u indikat ostakoli ikbar għas-sekwestru effettiv tal-assi. [53]

Biex jittejjeb is-sekwestru tal-assi, att ġdid għas-sekwestru tal-assi kien adottat mill-Parlament f’Mejju[54]. Din il-liġi toffri għall-ewwel darba l-possibbiltà li jkunu kkonfiskati assi illegali permezz ta' proċedura fil-qrati ċivili li ma teħtieġx kundanna minn qabel, iżda titsa' tkun varata mal-bidu tal-investigazzjoni ġudizzjarja għal għadd ta’ kriminalità serja u malli jkun hemm ċertu ksur amministrattiv. Bl-adozzjoni ta’ din il-liġi, li kienet teħtieġ sforz partikolari mill-gvern fil-Parlament, il-Bulgarija rrispondiet b’mod pożittiv għar-rakkomandazzjonijiet li ilhom isiru mill-komunità internazzjonali u ħafna professjonisti Bulgari. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri pprovdew inkoraġġiment u appoġġ għal dan l-approċċ[55]. Il-liġi ma tirriflettix ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fir-rapporti tal-MKV f'dan il-kuntest[56] u esperti ssottolinjaw nuqqasijiet oħra potenzjali[57]. Sabiex jippermettu li l-att il-ġdid dwar is-sekwestru jikseb verament effet dissważiv, se jkunu neċessarji skrutinju sistematiku tal-assi fil-każijiet relevanti kollha u koperazzjoni interistituzzjonali aħjar. Dan se jeħtieġ li l-prosekuzzjoni sistematikament tinvolvi lill-kummissjoni għa-sekwestru tal-assi, kmieni biżżejjed waqt investigazzjoni biex tipprevjeni li l-assi jisparixxu. L-awtoritajiet ta’ kontroll amministrattiv ukoll se jkollhom iwaqqfu koperazzjoni mill-qrib mal-kummissjoni għas-sekwestri tal-assi biex jidentifikaw u joħorġu bi profil tal-każijiet relevanti, minħabba li l-kummissjoni nieqsa mis-setgħat ex-officio biex taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess. Il-konsistenza tal-ġurisprudenza tal-qorti, partikolarment rigward iċ-ċaqliq tal-oneru tal-provi previst fil-liġi l-ġdida, se jkun element ieħor importanti biex jiddetermina l-effikaċja tagħha. Se jkun importanti wkoll li tkun żgurata l-indipendenza u l-effiċjenza tal-kummissjoni futura għas-sekwestru tal-assi li se tinħoloq taħt il-liġi l-ġdida, notevolment permezz tal-ħatra ta' membri kompetenti u politikament indipendenti fi proċess trasparenti u oġġettiv[58].

Minkejja li l-Bulgarija investit konsiderevolment biex ittejjeb il-qafas istituzzjonali u legali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata mill-2010, ir-riżultati kienu limitati: Ftit każijiet importanti ta’ kriminalità organizzata ingħataw is-sentenza[59], u kien hemm bosta każijiet importanti li ntemmu bil-liberazzjoni tal-akkużat meta evidenza fid-dominju pubbliku qajmet l-aspettattivi ta’ kundanni[60]. Tħassib serju jrid jitqajjem dwar ir-riżultati fqar biex jinkixef qtil b’kuntratt: Mit-33 qtil b’kuntratt immonitorati mill-Kummissjoni mill-2006, erba’ każijiet biss bdew, minkejja li għadd ta’ investigazzjonijiet għadhom għaddejjin[61]. Għadd ta’ qtil b’kuntratt saru din is-sena. F’dan il-kuntest huwa importanti li wieħed isemmi li l-Kummissjoni regolarment tirċievi lmenti miċ-ċittadini Bulgari u investituri barranin dwar in-nuqqas ta’ azzjoni ġudizzjarja u allegata kollużjoni mal-kriminalità organizzata fuq livell lokali[62]. Wieħed jista' jara iktar progress f'oqsma marbuta mal-koperazzjoni tal-Bulgarija ma’ Stati Membri oħra. Dan wassal għal għadd ta’ passi biex jindirizzaw speċifikament l-kriminalità b’dimensjoni transkonfinali, bħat-traffikar tad-drogi[63].

Ir-riżultati dgħajfa inġenerali fis-segwitu tal-każijiet individwali ma jistgħux ikunu attribwiti għal istituzzjonijiet speċifiċi. L-analiżi turi li d-dgħufijiet jinstabu f’kull stadju tal-proċess investigattiv u ġudizzjarju fost il-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-qrati[64]. Uħud minn dawn id-dgħufijiet huma ta’ karattru sistematiku, notevolment il-frammentazzjoni tal-investigazzjonijiet fost bosta korpi u n-nuqqas ta’ koperazzjoni, dgħufijiet fl-użu tal-evidenza u nuqqasijiet speċifiċi f’qasam bħall-protezzjoni tax-xhieda u l-analiżi ekonomika u finanzjarja[65]. Il-Bulgarija teħtieġ proċeduri u prattiki ċari u effettivi u għodod aħjar sabiex il-koperazzjoni[66] tirnexxi f’każijiet importanti ta’ kriminalità organizzata. Valutazzjoni komprensiva u indipendenti tan-nuqqasijiet tal-każijiet, bl-appoġġ tal-imsieħba tal-UE, u miżuri korrettivi fil-forma ta’ pjan ta’ azzjoni, jidher li hija l-iktar mod ċar biex isir progress.

Nuqqasijiet sistemiċi fl-infurzar tal-liġi ġew murija dan l-aħħar wara li żewġ kkundannati prominenti evitaw l-infurzar tas-sentenza ta’ ħabs tagħhom. L-awtoritajiet Bulgari naqsu milli jaqbdu uħud mill-kriminali għolja tal-pajjiż wara li verdett imħabbar ingħata mill-qorti. Dan għandu jkun ikkunsidrat bħala falliment maġġuri fis-sistema.

II.3 Il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni 2007-2012

Limitu referenzjarju 4: It-twettiq u r-rapportar fuq investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġġani f'allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Rapportar dwar spezzjonijiet interni tal-istituzzjonijiet pubbliċi u dwar il-pubblikazzjoni tal-assi ta’ uffiċċjali ta’ livell għoli. Limitu referenzjarju 5: It-teħid ta’ miżuri ulterjuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni, partikolarment fuq il-konfini u fil-gvernijiet lokali.

Mal-adeżjoni, il-MKV stabbilixxa kif il-Bulgarija kienet mistennija jkollha riżultati aħjar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan involva li tintwera l-kapaċità li l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura jinvestigaw, iħarku u jipproċessaw b’suċċess każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u biex ikun spjegat ġid inspjegabbli. Għodod ewlenin jinkludu sistema ta’ kontroll tal-assi għal uffiċjali pubbliċi ta’ livell għoli, miżuri biex tkun miġġielda l-korruzzjoni fl-infurzar tal-liġi, fil-prosekuzzjoni, fuq il-konfini u f’partijiet oħra tas-settur pubbliku, u miżuri speċifiċi fl-oqsma tal-konflitti ta’ interess u akkwist pubbliku.

Mill-2007, il-Bulgarija żviluppat qafas amministrattiv komprensiv u miżuri ta’ prevenzjoni biex tiġġieled il-korruzzjoni. Għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju huma disponibbli u metodoloġiji speċifiċi kienu implimentati għal oqsma ewlenin bħad-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-konflitti ta’ interess. Riformi fost il-pulizija konfinali u d-dwana naqqsu l-opportunitajiet ta’ korruzzjoni f’dawn l-oqsma. Madanakollu, l-implimentazzjoni baqgħet inkonsistenti. Inqalgħu intoppi f’oqsma bħall-att ta’ amnestija tal-2009[67]. Addizzjonalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex is-sistema ta’ verifika tal-assi tinbidel f’għodda effettiva biex jinqabad ġid miksub illegalment għadha ma ġietx segwita[68].

Fl-analiżi tagħhom tal-qafas kontra l-korruzzjoni Bulgaru, l-esperti kkonsultati mill-Kummissjoni ssottolinjaw xi dgħufijiet ġenerali li ma jippermettux l-progress f’dan il-qasam. Il-Bugarija għandha nuqqas ta’ istituzzjonijiet indipendenti fil-qasam ta’ kontra l-korruzzjoni li għandhom l-awtorità u l-obbligu li jagħmlu proposti u jixprunaw l-azzjoni[69]. Dan jillimita l-libertà ta’ azzjoni biex isir intervent b’mod pro-attiv u biex isir monitoraġġ indipendenti. B’riżultat ta’ dan, ħafna attivitajiet amministrattivi f’dan il-qasam għandhom it-tendenza li jkunu reattivi u li jiffukaw fuq il-konformità formali biss. In-nuqqas ta’ drittijiet ta’ sanzjoni f’xi oqsma, u n-nuqqas ta’ sanzjonijiet effettivi f’oqsma fejn dawn id-drittijiet jeżistu, huwa stampa ċara tad-diffikultà biex din l-azzjoni taqbad[70].

Sabiex tagħmel bidla radikali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-perjodu li jmiss, il-Bulgarija għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ korp indipendenti biex jikkordina u jassisti l-monitoraġġ f'dan il-qasam. F’dan il-kuntest, ikun ukoll xieraq li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tal-impatt tal-istrateġija nazzjonali Bulgara għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u biex tistabbilixxi strateġija ġdida b'indikaturi iktar ċari u limiti referenzjarji ta' kisba abbażi ta' dan.

L-iskala ta’ tħassib dwar il-korruzzjoni fil-Bulgarija hija sostanzjali. Is-96% tal-Bulgari jaraw il-korruzzjoni bħala problema importanti u 68% jikkunsidraw is-sitwazzjoni f’dan il-qasam l-istess bħall-2007 jew agħar minn hekk[71]. Il-perċezzjoni pubblika tinbidel biss meta jaraw li qed tittieħed azzjoni determinata fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Korruzzjoni ta’ livell għoli

Ir-rispons tal-ġudikatura u tal-infurzar tal-liġi rigward każijiet ta’ korruzzjoni u partikolarment każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, li jinvolvu uffiċjali tal-gvern u politiċi kien punt fokali tal-MKV mill-2007. Il-Bulgarija żviluppat speċjalizzazzjoni f’dan il-qasam. Wara rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni[72], fl-2009 l-Bulgarija ħolqot tim konġunt għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi bil-fondi tal-UE u saħħet il-qafas legali tiegħu[73]. Xi każijiet oħra ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli kienu trattati minn timijiet konġunti li jiffukaw fuq il-kriminalità organizzata, li nħolqu fl-istess żmien. Wara rakkomandazzjonijeit ulterjuri fir-rapporti tal-MKV[74], fl-2012 il-Bulgarija ħolqot tim konġunt dedikat biex jiffoka fuq korruzzjoni ta’ livell għoli u jorganizza mill-ġdid it-tim konġunt dwar il-frodi tal-UE, u jestendi l-mandat tiegħu għal-bosta oqsma oħra ta’ frodi bil-fondi pubbliċi.

Ir-riżultati ta’ dawn l-istrutturi speċjalizzati huma mħallta. Minkejja li l-ħolqien tat-tim konġunt dwar il-frodi tal-UE inizjalment wassal għal żieda ta’ każijiet fil-qorti, l-għadd ta’ każijiet reġa’ naqas fl-2011[75], u l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet kienu ta’ importanza minuri. Addizzjonalment, l-analiżi tal-Kummissjoni wriet għadd kbir ta’ sensji mhux spjegati u każijiet bla suċċess[76].

Ir-riżultati tal-ġudikatura rigward każijiet oħra ta’ korruzzjoni juru stampa simili. Għalkemm l-għadd ta’ każijiet żdied fl-2009 u l-2010, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-2011[77]. Addizzjonalment, hemm ftit wisq każijiet ta’ livell għoli li jaslu l-qorti u ħafna minn dawk il-każijiet jimxu bil-mod ħafna waqt il-proċess, b’għadd sproporzjonat għoli ta’ liberazzjonijiet[78]. Investigazzjonijiet ta' allegata korruzzjoni u abbuż ta' kariga minn maġistrati kellhom rispons partikolarment dgħajjef mill-ġudikatura[79].

F’dan il-kuntest, tħassib partikolari jrid ikun espress rigward id-dewmien kontinwu u l-posponimenti fil-livell tal-qorti tal-appell f’żewġ każijiet emblematiċi rigward frodi bil-fondi tal-UE, fejn sentenzi twal ta’ ħabs inqatgħu mill-qorti tal-prim’istanza f’Marzu u Ottubru 2010. L-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti ma nstabet għaliex il-possibilitajiet proċedurali disponibbli biex ikunu aċċelerati dawn il-każijiet emblematiċi ma kienux attivament segwiti mill-ġudikatura[80]. Ir-riżultati diżappuntanti kemm fil-fażi ta’ qabel il-proċess kif ukoll waqt il-proċess biex tkun segwita l-korruzzjoni ta’ livell għoli tista’ tkun fil-biċċa l-kbira tagħha attribwita għal dgħufijiet sistematiċi li jaffettwaw l-effiċjenza ġudizzjarja f’oqsma oħra – bħall-qafas legali, il-ġurisprudenza tal-qorti, u l-prattika tal-prosekuzzjoni u l-awtoritajiet ta’ kontroll amministrattiv. Huma kienu stabbiliti mill-Kummissjoni fl-2011[81] u jsibu ruħhom ukoll f’analiżi mwettqa mis-servizzi ta’ prosekuzzjoni fl-2012. Il-miżuri ta’ rimedju implimentati mill-prosekuzzjoni[82] juru fehim dejjem jikber fil-ġudikatura li se tkun meħtieġa bidla sostanzjali fil-prattika u l-organizzazzjoni professjonali biex jitjiebu r-riżultati tal-Bulgarija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli.

Dawn il-miżuri għandhom ikunu integrati fi sforz ġenerali legali u istituzzjonali fil-Bulgarija biex ikun imtejjeb il-mod kif il-każijiet ta' korruzzjoni jittresqu quddiem il-ġustizzja, kif rakkomandat fil-MKV fl-2011[83]. Dan se jeħtieġ azzjoni kordinata f’bosta oqsma. Primarjament, il-Bulgarija għandha tikkunsidra emendi legali biex tiffaċilita l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni mill-ġudikatura[84]. It-tieni ħaġa, awtoritajiet ta’ kontroll amministrattiv għandhom jistabbilixxu atitudni pro-attiva biex jidentifikaw każijiet u mezzi effettivi ta' koperazzjoni mal-ġudikatura. It-tielet ħaġa, l-investigaturi tal-pulizija u l-prosekuturi jeħtieġu li jiżviluppaw il-kapaċità biex janalizzaw dejta finanzjarja u ekonomika kumplessa. Finalment, il-prosekuzzjoni teħtieġ ukoll li tkun tista’ tippjana u tidderiġi b'mod xieraq investigazzjonijiet kumplessi sabiex iwasslu għal konklużjonijiet ta' suċċess u s-sistema tal-qorti teħtieġ li ttejjeb l-abbiltà tal-imħallfin biex japprezzaw evidenza ekonomika finanzjarja, jallinjaw ġurisprudenza u jinkoraġġixxu sanzjonijiet dissważivi permezz ta’ kassazzjoni. F’dan il-kuntest, se jkun importanti li tkun stabbilita koperazzjoni operazzjonali mill-qrib bejn it-tim konġunt speċjalizzat kontra l-korruzzjoni u l-uffiċċju speċjalizzat tal-prosekuzzjoni għall-kriminalità organizzata.

Minkejja l-istrumenti legali u proċedurali varji żviluppati biex tkun indirizzata l-korruzzjoni ta’ livell għoli, id-diffikultajiet kontinwi ta’ tali każijiet fil-qorti iqajmu mistoqsijiet dwar il-kapaċità u r-rieda tal-ġudikatura. Każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli tipikament jinvolvu personalitajiet pubbliċi influwenti; huma għalhekk test għall-kapaċità u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Bulgara. Minħabba li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma spiss marbuta, investigazzjonijiet finanzjarji dettaljati huma parti importanti ta’ kwalunkwe investigazzjoni f’dan il-qasam u ta’ importanza partikolari biex jinkixfu rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u l-politika. Dawn l-aspetti ma rċevewx l-attenzjoni xierqa fil-Bulgarija. Ser ikun ukoll importanti li ssir ħidma mill-qrib mal-kummissjoni għas-sekwestru tal-assi u awtoritajiet oħra ta' kontroll amministrattiv sabiex jitwettaq bir-reqqa s-segwitu effiċjenti ta' każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli b'riżultati dissważivi.

Korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika

L-isforzi tal-istituzzjonijiet għall-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtieġu li jkunu kumplimentati minn azzjoni amministrattiva effettiva biex tidentifika vjolazzjonijiet tar-regoli, biex japplikaw is-sanzjonijiet u biex jiżviluppaw miżuri preventivi. Mill-2007, il-Bulgarija żviluppat qafas amministrattiv komprensiv f’dan il-qasam. Partikolarment, il-Bulgarija ħolqot korp kordinat ta’ livell għoli għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni taħt il-Kunsill tal-Ministri biex jagħmel is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzzjoni tal-Bulgarija f’dan il-qasam. Żewġ korpi ġodda ta’ amministrazzjoni inħolqu fl-2010, kummissjoni għall-prevenzjoni tal-konflitti ta’ interess, u korp orizzontali biex jippromwovi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Addizzjonalment, spettorati amministrattivi f’kull fergħa tal-attività tal-gvern inatgħaw il-kompitu li jiżviluppaw u jimmonitoraw attivitajiet ta’ prevenzjoni u għodod ta' valutazzjoni tar-riskju u huma wkoll mitluba japplikaw sanzjonijiet dixxiplinari jekk ikun meħtieġ. Dan il-qafas huwa komplut mill-uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar li huwa responsabbli mill-kontroll tal-assi ta’ uffiċjali pubbliċi.

Bl-għajnuna ta’ dan il-qafas amministrattiv komprensiv, il-Bulgarija setgħet tirreġistra għadd ta’ kisbiet fil-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-korruzzjoni mill-2007. Għodod tal-valutazzjoni tar-riskju u kodiċi ta’ etika kienu żviluppati u implimentati fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-gvern, sistema ta' dikjarazzjonijiet regolari tal-konflitti ta’ interess, inkompatibbiltajiet u assi twaqqfu għall-uffiċjali pubbliċi u xi istituzzjonijiet, bħad-dwana, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-pulizija tal-konfini wettqu riforma strutturali, b’attenzjoni partikolari għall-integrità u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni.

Madanakollu, hemm ukoll għadd importanti ta’ nuqqasijiet li l-Bulgarija għandha tikkoreġi sabiex tagħmel bidla radikali biex tiddiswadi l-korruzzjoni u ttejjeb il-grad ta’ fiduċja li l-Bulgari għandhom fl-istituzzjonijiet tal-Istat tagħhom. Is-sistema ta’ kontroll tal-assi li biha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar jiġbor u jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi hija kontribuzzjoni utli għat-trasparenza , iżda l-verifika tad-dikjarazzjonijiet mhix sodisfaċenti u s-sistema ma toffri l-ebda possibbiltà li jinqabad ġid miksub b'mod illeċitu. Kienu rrappurtati ftit każijiet ta’ segwitu konkret ta’ inkonsistenzi fid-dikjarazzjonijiet minn awtoritajiet oħra[85]. Ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni li tkun inkluża l-verifika tal-assi fil-liġi l-ġdida dwar is-sekwestru tal-assi ma kinitx segwita[86]. Il-fatt li ftit minn dawn il-każijiet ikunu qatt investigati jissuġġerixxi bil-qawwa li hawn lakuna, u li parti mill-magna amministrattiva teħtieġ li jkollha responsabbiltà espliċità biex ikun segwit b’mod pro-attiv il-ksib ta’ ġid b’mod illeċitu.

Il-Bulgarija adottat liġi dwar il-konflitti ta’ interess fl-2009 u waqqfet awtorità amministrattiva biex tistabbilixxi u tissanzjona l-konflitti ta’ interess[87]. L-istabbiliment ta’ kummissjoni dedikata biex tistabbilixxi konflitti ta' interess u tissuġġerixxi sanzjonijiet wasslet għal żieda impressjonanti ta’ sinjalazzjoni pubblika dwar konflitti ta’ interess u għad-deċiżjonijiet, iżda sa issa każ wieħed biss kien iffinalizzat[88]. Il-valutazzjoni tal-ewwel 15-il xahar ta’ operazzjoni tal-Kummissjoni turi awtorità ġdida li ħadet fuqha l-isfida u bdiet ix-xogħol malajr, iżda li għad ma setgħetx turi x’issarraf b'deċiżjonijiet konvinċenti f'każijiet importanti[89]. Mistoqsijiet għandhom jitqajmu wkoll dwar l-effikaċja tal-liġi dwar il-konflitti ta' interess. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jkunu appellati f’żewġ istanzi quddiem il-qrati u kwalunkwe sanzjoni amministrattiva wkoll titsa’ tkun appellata f’żewġ istanzi. B’riżultat ta’ din il-proċedura ingumbranti fuq żewġ saffi, il-Kummissjoni b'kollox setgħet toħroġ ħames ordnijiet penali biss sa issa[90]. Il-Kummissjoni teħtieġ turi l-abbiltà li tasal għal sentenzi tajba f'każijiet sensittivi. Rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni biex ikunu applikati regoli ta’ kunflitt ta' interess f'kuntratti individwali ta' servizzi għadhom ma ġewx segwiti[91].

Il-Bulgarija timplimenta metodoloġija dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ korruzzjoni mal-eżekuttiv kollu taħt l-awtorità tal-Ispettorat Ġenerali tal-Kunsill tal-Ministri. Din il-metodoloġija tista’ tkun ikkunsidrata bħala għodda utli għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Madankollu, l-applikazzjoni tagħha mhix mandatorja u l-kapaċità tal-Ispettorat Ġenerali li jsegwi l-implimentazzjoni tagħha hija limitata. Addizzjonalment, il-valutazzjoni tar-riskju ta’ korruzzjoni hija biss mandatorja għall-fergħa tal-eżekuttiv[92] u sanzjonijiet dixxiplinari sa issa ma ġewx applikati f’każijiet fejn ir-rekwiżiti ma kienux rispettati. Struttura ġdida biex tivvaluta r-riskju ta’ korruzzjoni mal-qafas istituzzjonali Bulgaru (“Borkor") kollu kemm hu għad trid issir operazzjonali. Biex ikollha, valur miżjud, ikun jeħtiġilha issir istituzzjoni ċentrali b’saħħitha biex tikkordina l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bl-awtorità li tivvaluta l-pjanijiet ta’ istituzzjonijiet oħra, li tagħmel valutazzjoni tar-riskju ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess, jew li taġixxi bħala segretarjat għal proċess indipendenti ta’ monitoraġġ.

Akkwist Pubbliku

Dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Akkwist Pubbliku huma sors importanti ta’ korruzzjoni. Huma jimminaw ukoll l-użu effettiv tal-fondi tal-UE u, f’sens ġenerali, iwasslu għal kwalità iktar baxxa fil-fornitura ta’ beni pubbliċi u l-ħela ta’ flus pubbliċi. Verifiki u valutazzjoni minn servizzi varji tal-Kummissjoni identifikaw riskji sostanzjali u nuqqasijiet f'dan il-qasam.

Mill-2007, il-Bulgarija għamlet sforzi biex ittejjeb il-qafas legali tagħha u l-azzjoni amministrattiva rigward l-akkwist pubbliku. Il-Bulgarija rriformat il-leġiżlazzjoni tagħha relatata mal-akkwist pubbliku bil-għan li tissimplifika dan tal-aħħar u ssaħħaħ xi kontrolli amministrattivi sabiex tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni[93]. L-Aġenzija Pubblika tal-Ispezzjonijiet Finanzjarji (APIF) u l-Qorti tal-Awdituri rċevew setgħat bex jagħmlu l-kontrolli ex officio u r-rekwiżit fuq l-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku (AAP) biex tiċċekkja sejħiet għall-offerti qabel ma jkunu ppubblikati kien estiż. Saru sforzi biex itejbu l-kompetenzi esperti tal-ġudikatura, inkluż permezz ta’ speċjalizzazzjoni.

Madanakollu, dawn l-isforzi għadhom ma wasslux għar-riżultati mistennija. L-ilmenti li rċeviet il-Kummissjoni rigward is-sistema ta’ akkwist pubbliku Bulgara baqgħu jiżdiedu[94] u hemm każijiet ċari ta’ vjolazzjonijiet serji tar-regoli ta’ akkwist tal-UE. Għalkemm persunal addizzjonali sar disponibbli din is-sena[95], ir-riżorsi allokati biex jgħinu l-awtoritajiet kontraenti għadhom insuffiċjenti. Se jkun importanti għall-Bulgarija li timplimenta l-proċeduri l-ġodda ta’ kontroll b’mod effeettiv. L-għoti tad-dritt lill-AAP li tagħmel kontrolli ex officio jibgħat messaġġ importanti li approċċ iktar pro-attiv abbażi tar-riskju huwa mistenni mill-korpi kollha ta’ kontroll.

III. Il-Passi li jmiss

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li l-progress li għamlet il-Bulgarija fil-ħames snin mill-adeżjoni tagħha fl-UE. Il-MKV għamel kontribuzzjoni pożittiva għal dan il-progres. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Bulgarija qiegħda fi triqitha biex tikseb l-objettivi tal-MKV, sakemm taċċelera l-proċess ta’ riforma. Riformi li jidħlu iktar fil-fond se jkunu jeħtieġu sjieda iktar b’saħħitha tar-riforma, partikolarment fit-tmexxija tal-ġudikatura. Se jkollha wkoll bżonn direzzjoni komuni ċara mill-awtoritajiet, u approċċ komprensiv biex tkun implimentata l-bidla, li tgħaqqad ix-xogħol tal-istituzzjonijiet differenti flimkien b’mod iktar effettiv milli sar fil-passat. Dan jimplika sforz iktar b’saħħtu biex juri, li l-integrità hija apprezzata u li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma kkastigati b’mod effettiv. Il-MKV għandu jkompli, sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu għal dawn l-isforzi u biex isostni l-momentum ta’ bidla lejn proċess ta’ riforma sostenibbli u irriversibbli – proċess b’saħħtu biżżejjed li l-intervent estern tal-MKV ma jkunx iktar meħtieġ.

L-aħħar ħames snin urew li l-Bulgarija tista’ tagħmel passi kbar meta d-direzzjoni politika tkun ċara. Hija daħħlet ħafna mill-għodod ġusti fis-seħħ. Il-fażi li jmiss se tkun li jintużaw dawk l-għodod sabiex jixprunaw u jimplimentaw riforma. Dan se jqarreb l-kisba tar-rekwiżiti tal-MKV, kif ukoll jkun turija ta' impenn lill-poplu Bulgaru. L-Istati Membri kollha għandhom kemm obbligi u opportunitajiet fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-Kummissjoni tħares il-quddiem għat-tlestija tal-proċess partikolari tal-MKV mill-Bulgarija u li tindirizza dawn il-kwistjonijiet fuq l-istess bażi ta’ Stati Membri oħra.

Waqt li tirrikonoxxi li l-Bulgarija issa jeħtiġilha timplimenta dak li ġie deċiż, tevita kwalunkwe passi lura u turi rekord storiku b’saħħtu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel il-valutazzjoni li jmiss tagħha fl-2013. Dan se jagħti ż-żmien meħtieġ biex ikunu vvalutati r-riżulatti tanġibbli. Il-Kummissjoni se ttemm ukoll il-prattika li toħroġ rapporti ta' inventarju f’nofs it-terminu. Madanakollu, il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress mill-qrib matul dan il-perjodu, b’missjonijiet regolari, kif ukoll djalogi frekwenti mal-awtoritajiet Bulgari u ma' Stati Membri oħra.

IV. Rakkomandazzjonijiet

Biex ikompli l-progress, il-Kummissjoni tistieden lill-Bulgarija biex tieħu azzjoni fl-oqsma segwenti, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet imfassla biex jgħinu lill-Bulgarija tiffoka l-isforzi tagħha fil-preparazzjoni għall-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni skont il-MKV fi tmiem l-2013.

1.                     Riforma tas-sistema ġudizzjarja

– Iġġedded il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem b’mandat biex jagħmel riforma fundamentali.

– Tistabbilixxi u timplimenta strateġija għar-riżorsi umani fuq terminu medju għall-ġudikatura abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet u l-ammont tax-xogħol, bil-bidliet fl-istrutturi tal-qrati, reklutaġġ u taħriġ.

– Prosekutur Ġenerali ġdid għandu jkollu mandat biex jirriforma l-prosekuzzjoni fl-istruttura, il-proċeduri u l-organizzazzjoni abbażi ta' awditu funzjonali indipendenti u f'koperazzjoni mal-esperti esterni.

– Tiffissa mira għat-tlestija ta’ xogħol fuq il-Kodiċi Penali ġdid, u għall-implimentazzjoni tiegħu.

– Tiżgura involviment miftuħ tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet kollha sinifikanti fl-istrateġija ta' definizzjoni u monitoraġġ għar-riforma.

2.                     Indipendenza, responsabbiltà u integrità tal-ġudikatura

– Tiffoka x-xogħol tal-Ispettorat fuq l-integrità u l-effiċjenza ġudizzjarja. Tiddefinixxi sistema waħdanija, effettiva ta' allokazzjoni alleotorja tal-każijiet li tintuża nazzjonalment.

– Tiżgura li l-elezzjonijiet tal-Prosekutur Ġenerali jagħtu eżempju ta’ proċess trasparenti u kompetittiv ibbażat fuq kriterji ta’ integrità u effikaċja.

– Tagħmel it-trasparenza, l-oġġettività u l-integrità l-ogħla prijorità fil-valutazzjonijiet, il-promozzjonijiet, il-ħatriet u d-deċiżjonijiet dixxiplinari għall-ġudikatura.

3.                     L-Effiċjenza tal-proċess ġudizzjarju

– Tistabbilixxi strateġija biex tnaqqas ix-xogħol b’lura fil-pubblikazzjoni tal-motivazzjonijiet għall-każijiet u tanalizza kif tista’ tirrimedja din il-problema.

– Tagħlaq lakuni fl-implimetazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet tal-qorti, bħal ħarba biex tkun evitata sentenza ta’ ħabs jew nuqqas li jkunu applikati sanzjonijiet finanzjarji stabbiliti mill-qorti.

– Tadotta strateġija biex ittejjeb il-konsistenza legali, inkluż strateġija pro-attiva mill-Qorti tal-Kassazzjoni Suprema biex tidentifika u tirregola oqsma ta’ nuqqas ta’ qbil.

4.                     Il-Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

– Tiżgura li l-Kummissjoni l-ġdida għas-Sekwestru tal-Assi tkun maħtura abbażi ta’ integrità, u li awtoritajiet oħra, notevolment il-prosekuzzjoni, jikkoperaw bis-sħiħ magħha; u li l-Qorti tal-Kassazzjoni Suprema tirregola malajr biex iżżomm l-awtorità tagħha jekk ikun neċessarju;

– Twettaq analiżi indipendenti ta' falliment ta' każijiet li tkopri d-dgħufijiet kemm fl-ivestigazzjoni u kif ukoll fil-prosekuzzjoni inkluż il-protezzjoni tax-xhieda, l-analiżi ekonomika u finanzjarja, il-ġbir tal-evidenza mill-pulizija u l-koperazzjoni bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv.

– Abbażi ta' dan, tirremedja nuqqasijiet fl-istruttura, fil-ġestjoni, fil-persunal, fit-taħriġ, fil-koperazzjoni u fil-prattika professjonali.

5.                     Il-Ġlieda kontra l-korruzzjoni

– Tuża l-esperjenza minn każijiet mgħoddija biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-qrati.

– Twettaq evalwazzjoni indipendenti tal-impatt tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra il-Korruzzjoni tal-Bulgarija. Tafda istituzzjoni waħdanija bil-kompitu li tikkordina l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, biex tassisti u tikkordina l-isforzi f’setturi differenti, tirrapporta dwar ir-riżultati tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni fil-korpi pubbliċi kollha, u tappoġġa sistema ġdida indipendenti ta' monitoraġġ li tinvolvi s-soċjetà ċivili.

– Temenda l-liġi dwar il-konflitti ta’ interess biex tippermetti li jkunu applikati b’mod effettiv sanzjonijiet dissważivi. Tirrevedi s-sistema tad-dikjarazzjoni u l-verifika tal-assi u tittrasformaha f'istrument effettiv biex tiskopri l-arrikkiment illeċitu.

[1]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, is-17 ta’ Ottubry 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-koperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex jiġu indirizzati punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-13 ta' Diċembru 2006 (C (2006) 6570 finali).

[2]               Hija pprovdiet ukoll għall-possibilità ta’ mekkaniżmu ta’ salvagwardja, li sa issa ma kellux ikun invokat.

[3]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 u tad-29 ta’ Ġunju jinkludu impenn mill-UE fil-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi biex jitratta d-dewmien fis-sistemi ġudizzjarji bħala parti milll-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ġunju 2012, paġna 8).

[4]               Stħarriġ Flash tal-Eurobarometer kondott mill-Kummissjoni fil-Bulgarija f’Mejju 2012 (Stħarriġ Flash tal-Eurobarometer 351 “il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija” fuq: http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm ).

[5]               Flash Eurobarometer 351

[6]               Punti ta’ referenza jinkludu x-xogħol tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u l-aġennziji tan-NU.

[7]               Esperti użati fl-2012 inkludew professjonisti anzjani minn Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Polonja, Spanja, is-Slovenja u r-Renju Unit.

[8]               Ir-Rapport Tekniku, paġna 36.

[9]               Dawn il-konklużjonijiet huma appoġġati mill-perċezzjoni pubblika. Il-71% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ Flash Eurobarometer li sar fil-Bulgarija jemmnu li l-azzjoni tal-UE permezz tal-MKV kellha impatt pożittiv biex tindirizza nuqqasijiet fis-sistema ġuridika. 67% huma tal-istess opinjoni fir-rigward tal-korruzzjoni, u 65% fir-rigward tal-kriminalità organizzata. Fl-istess waqt, maġġoranza jemmnu li s-sitwazzjoni f'dawn l-oqsma baqgħet l-istess jew iddeterjoarat fl-aħħar ħames snin. (Flash Eurobarometer 351).

[10]             Il-Kunsill Ġudizzjarju Suprem huwa strutturat skont il-Kostituzzjoni (Rapport Tekniku, paġna 4, nota 6 f’qiegħ il-paġna).

[11]             Il-KĠS huwa assistit f’dawn l-oqsma mill-Ispezzjoni Ġudizzjarja, mill-presidenti tal-qorti u mill-istituzzjoni ta’ taħriġ Bulgara, l-Istitut Nazzjonali għall-Ġustizzja.

[12]             Statistikà tal-QEDB turi li l-Bulgarija għandha l-ogħla numru ta’ sentenzi tal-QEDB, fost kwalunkwe Stat Membru tal-UE, li qed jistennew l-eżekuzzjoni. Fil-maġġoranza l-kbira tagħhom, dawn is-sentenzi jikkonċernaw tul eċċessiv ta' proċedimenti kriminali u n-nuqqas ta' remedju effettiv. Elementi oħra jinkludu investigazzjonijiet ineffettivi u użu eċċessiv ta’ armi tan-nar mill-pulizija. (Il-Kunsill tal-Ewropa: Supervision of the Execution of Judgements and Decisions of the ECHR, Rapport Annwali tal-2011 fuq: http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/execution/Source/Publications/CM_annreport2011_en.pdf

[13]             Il-membri tal-kwota Parlamentari tal-KĠS huma eletti b’maġġoranza sempliċi waqt li l-ispetturi huma eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

[14]             Ara r-Rapport Tekniku, paġna 5 u n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

[15]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 18

[16]             L-iktar riċenti, COM(2011)459 finali, paġna 8.

[17]             Ir-rapporti tal-Kummissjoni taħt il-MKV tal-20 ta’ Lulju 2011 (COM(2011)459 finali, paġna 4) u tat-8 ta’ Frar 2012 (COM(2012)57 finali, paġna 2) qajmu tħassib dwar it-trasparenza u l-oġġettività tan-nomini ġudizzjarji anzjani f’dan il-kuntest (ara r-Rapport Tekniku, paġni 6 u 14)

[18]             Wara l-akkużi ta' influwenza u l-preġudizzju fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata minn membru tal-gvern, fi Frar imħallfin mill-Qorti tal-Belt ta’ Sofija appellaw lill-QĠS biex tipproteġi l-indipendenza tal-ġudikatura u tistabbilixxi l-fatti f’dan il-każ. L-imħallef akkużat ukoll fetaħ każ il-qorti għal difamazzjoni. Sussegwentament, l-imħallef tkeċċa mill-ġudikatura mill-QĠS fit-12 ta' Lulju għax dewwem il-motivi f’każ tal-qorti. Dan wassal biex bosta qrati, inkluż ħafna imħallfin mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, telqu l-barra u protestaw.

[19]             Madanakollu, esperti indipendenti kkonsultati mill-Kummissjoni esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta’ separazzjoni tar-rwoli fil-Kunsill (ir-Rapport Tekniku paġna 13, nota 49 f’qiegħ il-paġna),

[20]             Ma kienx hemm wisq attività dixxiplinari qabel l-2007 u sabiex jinħoloq spettorat indipendenti. B'mod ġenerali, il-KĠS iddetermina 179 każ dixxipplinari bejn Ottubru tal-2007 u Diċembru tal-2011. L-għadd ta’ sanzjonijiet żdied minn 15 fl-2008 u 24 fl-2009 għal 34 fl-2010 u reġa’ naqas għal 13 fl-2011.

[21]             L-ispettorat jagħmel kontrolli regolari u ad hoc tal-ġestjoni tal-qrati lokali u tal-uffiċċji tal-prosekuturi, huwa ħadem fuq ilmenti u investiga wkoll kwistjonijiet partikolari bħad-dewmien ta’ każijiet. Sal-2011, l-ispettorat kien wettaq valutazzjoni sħiħa tad-distretti ġudizzjarji kollha.

[22]             Ara r-Rapport Tekniku, paġna 7.

[23]             Is-sanzzjonijiet kollha dixxiplinari kienu kkanċellati f’waħda minn dawk iż-żewġ każijiet mill-Qorti Amministrattiva Suprema. Ara r-Rapport Tekniku paġni 14-15.

[24]             Dan kien sottolinjat f’bosta rapporti tal-MKV, inkluż COM(2011)459 finali, paġna 4 u COM(2012)57 finali, paġni 2-3.

[25]             Kwisitjonijiet ta’ integrità tqajmu fl-okkażjoni ta’ ħatriet ta’ presidenti ta’ bosta qrati għolja, għall-Ispettorat tal-QĠS u dwar xi membri tal-QĠS. (ir-Rapport Tekniku, paġni 6 u 14 u COM(2011)459 finali, paġna 4.

[26]             Pereżempju, it-trattament tan-nuqqasijiet fis-sistema alleotarja ta’ allokazzjonijiet tal-qrati, fejn il-verifika mill-ispettorat sa issa ma wasslitx għal azzjoni korrettiva konkreta. (ara r-Rapport Tekniku paġna 7 u paġna 19)

[27]             Il-Bulgari għandhom l-iktar perċezzjoni negattiva dwar il-prevalenza ta’ korruzzjoni fis-settur ġudizzjarju ta’ kwalunkwe Stat Membru. F’Settembru 2011, 76% ta’ dawk kollha li wieġbu fil-Bulgarija kienu jemmnu li l-Korruzzjoni hija mifruxa fis-settur ġudizzjarju. Madanakollu din il-perċezzjoni tjiebet xi ftit mill-2009. (Eurobaromeer Speċjali Nru. 374 dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fl-UE ppubblikat fi Frar 2012)

[28]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 13. Pereżempju, il-QĠS rrikonoxxit li l-valutazzjonijiet imwettqa fl-2011 immarkaw 98% tal-maġistrati kollha bħala "tajjeb ħafna".

[29]             Deċiżjoni għall–promozzjoni tal-QĠS kienet annullata mill-Qorti Ammistrattiva Suprema f’Mejju minħabba li l-kunsiderazzzjoni tar-riżultati akkademiċi mill-QĠS f'dan il-kuntest ma kinitx ikkunsidrata xierqa.

[30]             Ara ir-Rapport Tekniku, paġna 13, in-nota 46 f’qiegħ il-paġna.

[31]             De facto, l-issekondar huwa ekwivalenti għal promozzjonijiet u l-biċċa l-kbira tiegħu jirrigwarda l-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi f’Sofija. Fl-2011, l-għadd totali ta’ mħallfin u prosekuturi ssekondati ammonta għal 265 meta mqabbel mal-294 kariga offruti għall-promozzjoni u trasferiment fl-istess sena.

[32]             Skont l-estimi minn dawk li jippratikaw, l-ammont ta’ xogħol fil-Qorti tal-Belt ta’ Sofija huwa tmien darbiet ogħla minn dak fi qrati oħra tal-prim’istanza, is-sitwazzjoni fil-Qorti Reġjonali ta’ Sofija hija kkunsidrata agħar. Ir-riallokazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet baqgħu modesti b’medja ta’ 20 sa 30 trasferiment kull sena (ir-Rapport Tekniku, paġna 14). L-ebda deċiżjoni biex jingħalqu qrati sħaħ u jkun riallokat l-persunal tagħhom għadha ma ttieħdet.

[33]             Każ ċitat f’dan il-kuntest huma miġbur fil-qosor fin-nota 18 f’qiegħ il-paġna.

[34]             Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili ġdid kien adottat f’Lulju 2007, il-Kodiċi dwar il-Proċedura Amministrattiva kien emendat fl-2007 u l-2011 u l-Kodiċi dwar il-Proċedura Penali kien emendat fl-2010. Ara r-Rapport Tekniku paġni 10-12.

[35]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 9

[36]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 16

[37]             COM(2012)459finali, paġna 8, rakkomandazzjonijiet f u g.

[38]             Il-QKS ħarġet biss ħames digrieti interpretattivi rigward reati ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni bejn l-2007 u l-2011.

[39]             Dawn ir-rakkomandazzjonijiet saru mill-Kummissjoni fil-punti 1 u 3 fuq paġna 8 tar-rapport tal-MKV adottat fl-20 ta’ Lulju 2011 (COM(2011)459).

[40]             Pereżempju, il-prosekuzzjoni ħolqot żewġ dipartimenti ġodda biex tkun miġġielda l-kriminalità finanzjarja u dipartiment għall ġustizzja minorili. Il-Bulgarija għad trid tieħu miżuri biex issaħħaħ l-indipendenza interna tal-prosekuturi sabiex tiżgura investigazzjonijiet indipendenti, oġġettivi u effettivi. Partikolarment, il-Bulgarija jeħtieġ li tindirizza n-nuqqas fil-liġi Bulgara ta’ garanziji suffiċenti għal investigazzjoni indipendenti f’reati li fihom ikunu suspettati l-Prosekutur Pubbliku Kap u uffiċjali oħra ta’ livell għoli qrib tiegħu (QEDB 1108/02 Kolevi, sentenza tal-05/11/2009, finali fil-05/02/2010).

[41]             Proposti għal riforma komprensiva tal-KĠS saru lill-Ministru tal-Ġustizzja fi Frar 2012 mill-koalizzjoni tal-organizzazzjonijiet professjonali l-iktar importanti u l-NGOs attivi fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja. Ara r-Rapport Tekniku paġna 16

[42]             Esperti notevolment issottolinjaw in-nuqqas ta’ separazzjoni formali fil-Kunsill bejn il-kapitoli tal-prosekuturi u tal-imħallfin. Din il-kwistjoni kienet preċedentament sottolinjata minn opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, bħar-rwol politiku qawwi fil-ħatriet.

[43]             Il-kandidaturi se jkunu ppubblikati xahrejn qabel id-data tal-elezzjoni u smigħ pubbliku tal-kandidati kollha se jkun organizzat biex jippermetti skrutinju pubbliku. Elezzjoni indiretta b’għadd irduppjat ta’ delegati se tkun organizzata din il-ħarifa. Elezzjoni diretta hija prevvista għall-elezzjonijiet tal-Kunsill li jmiss fl-2017.

[44]             Eurpol innotat titjib fil-koperazzjoni tal-Bulgarija ma' istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fi Stati Membri oħra tal-UE li wasslet għal operazzjonijiet konġunti varji b’suċċess.

[45]             L-invetigaturi tal-pulizija żdiedu minn 2000 fl-2010 għal 6000 fl-2011 u għandhom jilħqu t-8000 b'kollox. (SEC(2011)967 finali, paġna 18).

[46]             Europol tikkunsidra l-kriminalità organizzata fil-Bulgarija bħala unika fl-UE minħabba li teżerċita influwenza konsiderevoli fuq l-ekonomija li hija pjattaforma biex tinfluwenza l-proċess politiku u l-istituzzjonijiet tal-Istat. Il-fatturat annwali tat-tnax-il attività l-aktar importanti tal-kriminalità organizzata fil-Bulgarija huwa stmat għal EUR 1.8 biljun jew 4.8% tal-PDG annwali. (Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Organizzata 2010-2011. Iċ-Ċentru għall-Istudju tad-Demokrazija, Sofija April 2012, p. 5) Europol innotat ukoll li waqt li l-għadd ta’ każijiet mibdija fil-Bulgarija qed jiżdied, dan għadu baxx meta mqabbel mal-iskala tal-kriminalità organizzata.

[47]             Is-96% tar-rispondenti fi Flash Eurobarometer li sar fil-Bulgarija f’Mejju 2012 ikkunsidraw il-kriminalità organizzata problema importanti. (Flash Eurobarometer 351).

[48]             Ir-Rapport Tekniku, paġna 31.

[49]             It-tisħiħ ġenerali tal-investigazzjoni tal-pulizija fl-2010 kellu wkoll impatt pożittiv fuq il-kapaċità tal-pulizija f’dan il-qasam.

[50]             Ir-Rapport Tekniku, paġna 32.

[51]             COM(2009)402 finali, paġna 7. COM(2010) 400 finali, paġna 8. COM(2011) 459 finali, paġna 9.

[52]             Id-definizzjoni ta' Kriminalità Organizzata fil-Kodiċi Penali Bulgara hija offiża kriminali mwettqa minn tliet individwi jew aktar.

[53]             Ir-Rapport Tekniku, paġna 34.

[54]             Sfida kostituzzjonali kienet irreġistrata fil-bidu ta’ Lulju.

[55]             Wara l-ewwel falliment fil-Parlament f’Lulju 2011 u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jirritornaw għal-liġi f’żewġ rapporti konsekuttivi tal-MKV, f’Mejju bosta ambaxxaturi tal-Istati Membri intervenew pubblikamnet b’appoġġ tal-liġi u l-Kummissjoni tat parir dwar ċerti aspetti tal-liġi.

[56]             B'mod partikolari neqsin hemm il-kontroll tal-assi ta' uffiċjali għolja u politiċi u dritt ex-offiċio għall-kummissjoni għas-sekwestru tal-assi.

[57]             Ir-Rapport Tekniku, paġna 35

[58]             Il-membri tal-kummissjoni l-ġdida se jkunu eletti mill-Parlament, mill-Gvern u mill-President.

[59]             Eċċezzjonijiet notevoli huma l-każijiet ta’ Dimitar Zhelyazhkov, u Plamen Galev u Angel Hristov.

[60]             Minn Lulju li għadda, erba’ każijiet importanti kienu finalment meħlusa mill-Qorti ta' Kassazzjoni Suprema: Il-każ tal-hekk imsejjaħ “gang tal-kukkudrill”, il-każ tal-“aħwa Margin”, il-każ ta’ Ilian Varsanov u dak ta’ Dimitar Vuchev. Barra minn hekk il-liberazzjonijiet saret referenza għalihom fil-COM(2011) 459 finali, paġna 5.

[61]             Huwa ġeneralment aċċettat li kien hemm xi 150 qtil b’kuntratt matul l-aħħar għaxar snin, li ftit wisq minnhom inkixfu u kienu sanzjonati.

[62]             Dan jirrigwarda partikolarment ir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed.

[63]             Figura importanti tal-kriminalità organizzata kienet arrestata f’Mejju u se tkun estradita biex tgħaddi ġuri fi Stat Membru ieħor tal-UE. Qabda kbira riċenti ta' droga kienet ir-riżultat ta’ koperazzjoni bejn il-Bulgarija u bosta Stati Membri oħra, u Europol.

[64]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 30

[65]             Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-assi ggarantiti jew ikkonfiskati relatati mal-każijiet mill-ufficcju l-ġdid tal-prosekuzzjoni speċċjalizzata fil-kriminalità organizzata. Każ importanti tal-ħasil tal-flus li jikkonċerna lil Plamen Galev u Angel Hristov inbeda riċentament.

[66]             Proposti li saru minn esperti abbażi tal-prattika fl-Istati Membri inkludew rappurtar regolari mill-maniġment għoli fil-prosekuzzjoni u l-pulizija u reġistru ċentrali għall-kontijiet bankarji biex jiffaċilità l-investigazzjoni finanzjarja.

[67]             L-att ta’ amnestija tal-2009 wassal għal 458 każ li ma tkompliex inkluż abbuż tal-kariga u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi.

[68]             COM(2011)459 finali, paġna 10.

[69]             Għajr l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, l-awtoritajiet kollha huma subordinati għal-eżekuttiv.

[70]             L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar u l-Kummissjoni dwar il-Konflitt ta’ Interess ma jistgħux jissanzjonaw jekk il-koperazzjoni tkun rifjutata. Spettorati għandhom id-dritt li jissanzjonaw nuqqas ta’ konformità bir-regoli biex jipprevjenu l-korruzzjoni iżda fil-verità ma eżerċitawx dan id-dritt.

[71]             Flash Eurobarometer 351 ta’ Lulju 2012.

[72]             Fl-2009, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Bulgarija twaqqaf strutturi speċjalizzati għall-prosekuzzjoni u l-ġudizzju fuq każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u kriminalità organizzata. (COM(2009)402 finali, paġna 7.

[73]             L-emendi għal Kodiċi Penali f’Mejju 2008 ppermettew biex fil-qorti tkun aċċettata evidenza pprovduta mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

[74]             COM(2011)459 finali, paġni 8-9.

[75]             Il-kundanni f’każijiet tal-frodi tal-UE telgħu minn xejn fl-2007 b’rata stabbli sakemm laħqu l-ogħla punt ta' 243 kundanna fl-2010 u reġgħu naqsu għal 159 fl-2011. Il-kapijiet ta’ akkuża ta’ frodi tal-UE kollha mressqa fl-2011 ma tkomplewx bħala każijiet kriminali u saru ksur amministrattiv. (COM(2012) 57 finali, paġna 6).

[76]             Fir-rapporti tagħha ta’ Lulju 2011 u Frar 2012, il-Kummissjoni tindika għadd kbir ta’ każijiet li ma tkomplewx fejn aspetti relatati għaddew minn prosekuzzjoni fi Stat Membru ieħor (COM(2011)459 finali, paġna 6; (COM(2012)57 finali, paġna 6).

[77]             Investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess li bdew ġodda għal reati ta’ korruzzjoni: 512 fl-2007, 490 fl-2008, 595 fl-2009, 684 fl-2010 u 522 fl-2011.

[78]             Mill-aħħar analiżi tal-Kummissjoni f’Lulju 2011, inkisbu verdetti f’ħames każijiet ta’ livell għoli, tnejn minnhom finali. Kundanni finali ta’ sentenzi ta’ ħabs inqatgħu f’żewġ każijiet dwar eks Membru Parlamentari u eks direttur ta’ intrapriża propjetà tal-Istat, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza minnhom kienet sospiża. Matul l-istess perjodu, għaxar każijiet li jinvolvu tliet eks ministri, eks deputat ministru u uffiċjali għolja oħra, maniġers ta’ intrapriżi propjetà tal-Istat u negozjanti spiċċaw b’liberazzjoni.

[79]             Ara paġna 7 hawn fuq.

[80]             Fiż-żewġ każijiet, varjetà ta’ dewmien tfisser li kundanni tal-prim’istanza mgħotija fl-2010 bilkemm ipprogressaw fl-appell. (ir-Rapport Tekniku, paġna 20, in-nota 80 f’qiegħ il-paġna).

[81]             Rapport Tekniku tal-MKV tal-20 ta' Lulju 2011 (SEC(2011)967 finali), paġna 12.

[82]             Ara r-Rapport Tekniku paġni 16-17.

[83]             Għal dan il-għan, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Bulgarija tagħmel awditu komprensiva tal-prattika, il-proċeduri u l-organizzazzjoni ġudizzjarji u tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dettaljat flimkien mal-esperti internazzjonali. (COM(2011)459 finali, rakkomandazzjonijiet taħt il-punti 3 u 6, paġni 8-9)

[84]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 9

[85]             Id-dikjarazzjonijiet huma awtomatikament iċċekkjati mill-programm tal-IT kontra xi dejta oħra disponibbli, bħad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, iżda ma jsir l-ebda profil abbażi tar-riskju, l-ebda aċċess għad-dejta bankarja, l-ebda tqabbil mad-dikjarazzjonijiet ta' snin preċedenti u għalhekk l-ebda possibbiltà li jkun hemm segwitu fuq ġid li mhux spjegabbli.

[86]             Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Bulgarija “tadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-konfiska u l-verifika ex-officio tal-assi ta' uffiċjali għolja, maġistrati u politiċi li mhix ibbażata fuq sentenza ta' kundanna u turi rekord f'dan il-qasam” (COM(2011) 459 finali, paġna 9)

[87]             Fl-2009 l-Bulgarija adottat liġi u imbagħad stabbilit Kummissjoni għall-Prevenzjoni u l-Aċċertament ta’ Konflitti ta’ Interess (KPAKI) fl-2011, wara sospensjoni tal-fondi tal-UE fis-sajf 2008 li kienet motivata partikolarment minn bosta każijiet ta’ konflitti ta’ interess u nuqqas ta’ protezzjoni tal-fondi tal-UE f’dan il-qasam. (ir-Rapport Tekniku, paġna 27; ara wkoll COM(2008)496 finali "Rapport dwar il-ġestjoni tal-Fondi tal-UE fil-Bulgarija").

[88]             Ara r-Rapport Tekniku paġna 27

[89]             Każijiet reċenti li kienu pubblikament iddubitatti involvew il-president preċedenti tal-Kummissjoni għas-Sekwestru tal-Assi u l-president preċedenti u membru preċedenti tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur.

[90]             Dgħufijiet oħra sottolinjati minn esperti notevolment jinkludu l-inabbiltà li jiġu segwiti sinjalazzjonijiet anonimi u li japplikaw sanzjonijiet amministrattivi f’każijiet li jitressqu dikjarazzjonijiet skorretti (ara r-Rapport Tekniku paġna 27).

[91]             (COM(2011)459 finali, rakkomandazzjoni v, paġna 10) Kuntratti individwali ta’ servizz huma attwalment ibbażati fuq il-liġi dwar l-obbligi u l-kuntratti u għalhekk jaħarbu l-leġiżlazzjoni tax-xogħol u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-kunflitt ta’ interess u l-inkompatibbiltajiet.

[92]             Il-valutazzjoni tar-riskju ta’ korruzzjoni mhix obbligatorja għall-Parlament, il-Ġudikatura, il-gvern lokali, l-aġenziji pubbliċi, l-istituti pubbliċi u l-utilitajiet u l-fondi pubbliċi.

[93]             COM(2011)459 finali, paġna 10.

[94]             Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni rċeviet 4 lmenti matul l-2008 u l-2009 u 26 ilment matul l-2010 u l-2011.

[95]             L-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku rċeviet 10 karigi addizzjonali din is-sena, prinċipalment biex iwettqu funzjonijiet addizzjonali ta' kontrolli ex ante.