52012DC0337

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 263 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar it-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati /* COM/2012/0337 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 263 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar it-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati

1.           daħla

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/117/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011, rapport li jivvaluta l-impatt tal-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-abbiltà tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT b’rabta ma’ provvisti intra-Komunitarji ta' prodotti u servizzi kif ukoll dwar l-utilità tal-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 263(1a) sa (1c), u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposti xierqa.

L-ewwel tħassib tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra t-tranżazzjonijiet frodulenti kien li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi ma kinitx disponibbli qabel 6 xhur, u dan hu wisq għal skopijiet ta' analiżi tar-riskju. Għalhekk, l-ewwel inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni f'dan il-qasam kienet li tippreżenta proposta biex temenda d-Direttiva tal-VAT sabiex il-perjodu ta’ żmien allokat biex tiġi ppreżentata u trażmessa d-dikjarazzjoni rikapitulattiva jitnaqqas għal xahar.

L-adozzjoni tad-Direttiva 2008/117/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 kienet rispons inizjali għal talba tal-Istati Membri biex is-sistema tal-VAT tissaħħaħ u biex jingħataw għajnuna fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Din id-Direttiva emendat l-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tippermetti tnaqqis fil-limiti statutarji taż-żmien għad-dikjarazzjoni tat-tranżazzjonijiet transkonfinali għall-finijiet tal-VAT, flimkien ma’ tnaqqis fil-limiti ta’ żmien għall-iskambju ta’ din l-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan sar bil-għan li l-frodi, partikolarment fir-rigward tal-“karużelli tal-VAT”, tinqabad aktar malajr. L-Artikolu, li kellu jkun ġie implimentat sal-1 ta’ Jannar 2010, jirrikjedi li:

Bħala regola ġenerali, mill-1 ta’ Jannar 2010 ’l quddiem, għall-finijiet tal-VAT it-tranżazzjonijiet transkonfinali se jiġu ddikjarati kull xahar;

L-Istati Membri, madankollu, se jkunu jistgħu jawtorizzaw lil operaturi b’fatturat ta’ inqas minn EUR 50,000 (eskluża l-VAT) f’perjodu ta’ tliet xhur għall-fornimenti transkonfinali tal-merkanzija (jekk iridu, EUR 100,000, sal-31 ta’ Diċembru 2011) u lill-fornituri kollha tas-servizzi biex jibqgħu jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi fuq bażi trimestrali.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jkopri l-mistoqsijiet prinċipali li ġejjin:

(1) L-aċċelerazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni sa liema punt tejbet l-abbiltà tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT? Pereżempju, wasslet biex il-kummerċjanti neqsin jinqabdu aktar malajr, jew għal sistema nazzjonali aħjar għall-ġestjoni tar-riskju?

(2) Il-possibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 263 tad-Direttiva 2006/112/KE kellhom xi impatt fuq l-objettiv li titjieb l-abbiltà tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT filwaqt li jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji, b’konformità mal-Aġenda ta’ Lisbona?

(3) It-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien allokat biex jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi u l-għoti tad-diversi possibbiltajiet x’impatt kellhom fuq in-negozji, meta wieħed iqis li l-Aġenda ta’ Lisbona għandha l-għan li timminimizza l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji?

Sabiex l-Istati Membri jingħataw ftit taż-żmien biex jaraw kif se jaħdmu d-dispożizzjonijiet il-ġodda, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi d-data sa meta jrid ikun ġie ppreżentat ir-rapport.

2.           sorsi ta' informazzjoni użati għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-artikolu 263(1).

L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 263 (1) hija kwistjoni ta’ responsabbiltà nazzjonali għall-Istati Membri. Konsegwentement, din l-evalwazzjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri. Sabiex tiġbor l-informazzjoni neċessarja bil-għan li tevalwa l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni li għadha kif ġiet adottata, il-Kummissjoni bagħtet żewġ kwestjonarji lill-Istati Membri: wieħed qabel l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u l-ieħor wara l-implimentazzjoni tagħhom. It-tir prinċipali tal-kwestjonarji kien li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni fl-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati u s-sitwazzjoni fl-Istati Membri wara l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Huwa importanti li jissemma li mhux l-Istati Membri kollha kienu f'pożizzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda mill-1 ta' Jannar 2010. Barra minn hekk, kienu biss 22 l-Istati Membri li rrispondew għall-kwestjonarju, u kultant l-ammont ta’ dettall tat-tweġibiet ma kienx biżżejjed biex tkun tista’ ssir analiżi xierqa.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impatt tat-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati u tal-għoti tal-possibbiltajiet fuq in-negozji, il-Kummissjoni ħabirket biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa permezz ta’ studju[1]. Għal dan il-għan, ikkummissjonat lill-PwC biex twettaq studju tal-esperti bil-għan li tiġi eżaminata l-perspettiva tan-negozji. L-istudju kien ikkonsenjat f'Ottubru 2011 u wieħed jista’ jaqrah fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/studies/index_en.htm

3.           is-Sejbiet ewlenin

3.1.        Deskrizzjoni qasira tal-mod kif l-Istati Membri implimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 (1) il-ġdid fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom[2]

Skont l-Artikolu 263(1) il-ġdid tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-regola ġenerali hija li, mill-1 ta’Jannar 2010 ’l quddiem, id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi għall-provvisti intra-Komunitarji tal-merkanzija, inklużi l-fornituri dovuti, u tas-servizzi, għandhom isiru għal kull xahar kalendarju f’perjodu ta’ mhux aktar minn xahar u konformement mal-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-analiżi turi li l-implimentazzjoni (prattika) tal-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, u speċjalment tal-possibbiltajiet stabbiliti fih, mhijiex uniformi.

Pereżempju:

– 17-il Stat Membru implimentaw id-deroga biex id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi jiġu ppreżentati fuq bażi trimestrali, u 10 oħra ma implimentawhiex;

– 5 Stati Membri għamlu l-applikazzjoni tad-deroga mandatarja u 12 għamluha fakultattiva;

– 2 Stati Membri għandhom dikjarazzjoni rikapitulattiva separata għall-prodotti u għas-servizzi, filwaqt li l-25 l-oħra għandhom dikjarazzjoni rikapitulattiva waħda għal kollox. F’4 Stati membri, jista’ jkun hemm xi differenzi fil-perjodi tar-rappurtar għall-provvisti intra-Komunitarji tal-merkanzija, inklużi l-fornituri dovuti, fuq naħa, u għas-servizzi fuq in-naħa l-oħra;

– 22 Stat Membru jitolbu li d-dikjarazzjonijiet jiġu ppreżentati elettronikament (f’10 Stati Membri, madankollu, japplikaw xi eċċezzjonijiet) filwaqt li 5 oħra jipprovdu għal preżentazzjoni elettronika fakultattiva.

L-Anness 1 fih tabella li tipprova tippreżenta din is-sitwazzjoni kumplessa fil-qosor

3.2.        Il-konsegwenzi għall-amministrazzjonijiet tat-taxxi

3.2.1.     L-impatt fuq ħidmet l-amministrazzjonijiet tat-taxxi

Il-maġġoranza tal-Istati Membri kkonfermaw li d-dejta mid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tintuża b'mod li jixbah lil dak li kien jintuża qabel l-introduzzjoni tar-rappurtar ta’ kull xahar. Issa, madankollu, hemm numru akbar ta’ dikjarazzjonijiet rikapitulattivi li qed jiġu ppreżentati kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi.

Filwaqt li għadd ta’ Stati Membri (bħal CY, DE, PL, SK, SI u UK) qalu li esperjenzaw żieda fil-piż amministrattiv għall-amministrazzjoni tat-taxxi, minħabba l-fatt li d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi issa qed jiġu ppreżentati aktar spiss, Stati Membri oħra (e.g. ES) iddefendew din is-sitwazzjoni minħabba li din tippermettilhom iqassmu l-pressjoni tax-xogħol aħjar fuq is-sena kollha, u b'hekk jiġu evitati l-konġestjonijiet ta’ kull tliet xhur kalendarji. Raġuni oħra li ngħatat għaż-żieda fil-volum tax-xogħol hija l-inklużjoni tas-servizzi fid-dikjarazzjoni rikapitulattiva, li hija innovazzjoni oħra li tirriżulta mill-adozzjoni tal-pakkett tal-VAT.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma tal-fehma li t-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati jista’ jżid l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxi, permezz ta’ skambju aktar mgħaġġel tal-informazzjoni, analiżi aktar effiċjenti tar-riskju, awditjar aktar effiċjenti u benefiċċji akbar għall-Eurofisc.

Ġie enfasizzat ukoll li teżisti t-tendenza li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod aktar preċiż, u li tnaqqset ukoll il-ħtieġa li jintbagħtu rikjesti għall-informazzjoni.

3.2.2.     L-impatt fuq l-analiżi tar-riskju

B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw li, minkejja l-fatt li issa qed jirċievu d-dejta mid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi kull xahar, f’dan l-istadju ma saru l-ebda bidliet fil-prattiki tagħhom fir-rigward tal-analiżi tar-riskju. F’għadd kbir ta’ Stati membri għadhom qed jintużaw l-istess parametri bħal qabel. Ċerti Stati membri (e.g. HU u FI) ħabbru pjanijiet biex jimmodernizzaw is-sistemi tagħhom tal-analiżi tar-riskju permezz tal-introduzzjoni ta’ parametri addizzjonali. Ġie rrimarkat ukoll li għalkemm id-dejta użata hija l-istess bħal qabel, il-fatt li l-informazzjoni qed tasal aktar malajr jippermetti li l-amministraturi tat-taxxi jirreaġixxu b’iktar ħeffa f’każ ta’ anomaliji.

Rigward il-ħin meħtieġ biex tiġi pproċessata d-dejta, b'mod ġenerali, il-parti l-kbira tal-Istati membri wieġbu li ma kienu meħtieġa l-ebda riżorsi addizzjonali għall-proċess tal-analiżi tar-riskju minħabba li d-dejta li toħroġ mid-dikjarazzjoni rikapitulattiva kienet diġà komponent tal-valutazzjoni ġenerali tar-riskju tal-kontribwenti. Jidher li jkun diffiċli biex wieħed jikkalkula r-riżorsi meħtieġa għall-finijiet tal-analiżi tar-riskju biss. Aktar kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri indikaw li xi kultant jibqgħu jwettqu analiżi tar-riskju kull perjodu ta’ tliet xhur biss għax dan huwa eżerċizzju li jieħu ħafna ħin, filwaqt li oħrajn iddikjaraw espliċitament li l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-perjodi ta' żmien allokati tkun titlob li l-amministrazzjonijiet tat-taxxi jallokaw aktar riżorsi umani u tal-informatika, jekk iridu li jinkisbu l-benefiċċji kollha kemm huma tal-informazzjoni riċevuta kull xahar.

3.2.3.     L-impatt fuq l-awditjar

Id-dejta mid-dikjarazzjoni rikapitulattiva normalment tintuża fil-fażi tal-għażla (l-għażla tal-awditjar) u waqt il-fażi tal-awditjar (it-twettiq tal-awditjar).

Tali dejta tintuża għall-awditjar fl-Istati Membri kollha kemm huma. Dan huwa parti importanti mis-sistema tal-valutazzjoni tar-riskju inġenerali minħabba li d-dejta mid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tipprovdi tagħrif aktar dettaljat dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji matul ċertu perjodu. Il-proċedura ġenerali hi li d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi jitqabblu mad-denunzji tal-VAT u l-validità tan-numri tal-VAT tiġi vverifikata permezz tas-sistema VIES. F'każijiet ta' riskju, is-sejbiet preliminari li jirriżultaw minn dejta li ma jaqblux ġeneralment iwasslu għal aktar investigazzjoni, inklużi talbiet għall-informazzjoni lil Stati membri oħrajn f’każ ta’ kummerċ intra-Komunitarju: aktar ma din l-analiżi ssir malajr, aktar ikun jista’ jsir malajr eżerċizzju ta’ awditjar. It-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati ma bidilx din il-prattika iżda għen biex l-amministrazzjoni tat-taxxi li twettaq l-awditjar tibgħat il-mistoqsijiet jew l-informazzjoni spontanja lill-Istat Membru tal-akkwist aktar malajr.

3.2.4.     L-impatt fuq il-qbid tal-irregolaritajiet u tal-frodi

Għalkemm uħud mill-Istati membri (bħalma huma GR, LT u RO) irrapportaw żieda fin-numru ta’ kummerċjanti neqsin, il-maġġoranza l-kbira tagħhom indikaw li kien għadu kmieni wisq biex jiġi identifikat jekk it-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati wassalx għal żieda fil-qbid tal-irregolaritajiet. F’dan ir-rigward ma ġew ipprovduti l-ebda ċifri.

Ġie rrimarkat li għalkemm il-każi ta’ qbid tal-irregolaritajiet ma żdidux, huwa importanti li wieħed jinnota li t-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati biex jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi, flimkien ma’ denunzji tal-VAT kull xahar, naqqsu l-perjodu ta’ żmien li matulu kumpanija intermedjarja tista’ topera qabel ma tinqabad.

Barra minn hekk, kien innutat ukoll li minħabba l-fatt li l-Istati membri jistgħu jagħżlu li jkomplu japplikaw perjodi differenti ta’ rapportar għad-dikjarazzjoni rikapitulattiva u għad-denunzji tal-VAT, ma kienx possibbli li titwettaq verifikazzjoni sistematika tad-dejta li tinsab fid-denunzji tal-VAT mad-dejta riċevuta permezz tad-dikjarazzjoni rikapitulattiva ta’ kull xahar.

Ir-rwol tal-EUROFISC biex il-kumpaniji intermedjarji jinqabdu b’mod aktar sistematiku kien meqjus utli u l-qbid bikri wassal għal diversi eżerċizzji ta’ awditjar li nbdew aktar kmieni milli kien isir qabel. Sfortunatament, il-biċċa l-kbira tal-Istati membri ma tawx dettalji dwar in-numru ta’ każijiet ta’ frodi skoperti u dwar l-ammont tat-taxxa involut minn mindu ddaħħlu d-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Ftit mill-Istati membri (jiġifieri LT, GR u EE) sabu xi każijiet (potenzjali) ta’ frodi li jirrigwardaw is-servizzi, imma l-biċċa l-kbira tal-Istati membri ma tawx ċifri speċifiċi fuq l-ammont ta’ VAT li ntilef kaġun ta' frodi relatata ma’ dawn il-każijiet. Jidher li għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta l-effettività tal-introduzzjoni tad-dejta dwar is-servizzi fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi.

3.2.5.     L-impatt tal-possibbiltajiet differenti offruti lill-Istati membri

L-Istati membri kienu ntalbu jgħidu jekk, b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ possibbiltajiet differenti minn diversi Stati membri, kinux esperjenzaw impatt negattiv fuq l-abbiltà tagħhom li jużaw l-informazzjoni riċevuta. Mir-risposti li waslu jidher li l-eżerċizzju tat-tqabbil tad-dejta maħruġa mill-Istat membru tal-provvista ma’ dik maħruġa mill-Istat membru tal-akkwist huwa problematiku. Minħabba l-perjodi differenti ta’ rappurtar u l-possibbiltajiet differenti applikati minn Stati membri oħrajn, kien aktar diffiċli li jkun hemm tqabbil aktar mgħaġġel tad-dejta fl-Istat membru tal-akkwist. Ovvjament, huwa kważi impossibbli li wieħed jistrieħ fuq tqabbil sistematiku ta’ kull xahar meta (parti minn) l-informazzjoni tkun ippreżentata biss kull tliet xhur.

Madankollu, dwar dan il-punt inġieb l-argument li l-possibbiltajiet qegħdin hemm biss għal oqsma ta’ riskju baxx, u li billi kulħadd jaf sew bil-possibbiltajiet applikati fl-Istati membri differenti, id-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li wieħed jirrikorri għal possibbiltà minflok għal oħra m’għandhomx jiġu esaġerati.

Bħala konklużjoni, ir-risposti juru biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tal-Istati membri jħossu li l-applikazzjoni tal-possibbiltajiet differenti u tal-perjodi differenti tar-rappurtar joħolqu ostaklu serju għal evalwazzjoni mgħaġġla u preċiża tad-dejta. Għalhekk, il-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-perjodi ta’ żmien allokati ma jistax jiġi sfruttat bis-sħiħ.

3.2.6.     Konklużjoni

Kollox ma’ kollox, l-Istati membri għad għandhom bżonn ta’ aktar żmien sabiex jivvalutaw is-sitwazzjoni l-ġdida b’mod preċiż u jipprovdu analiżi fil-fond u kkwantifikata. Barra minn hekk, xi Stati Membri implimentaw ir-regoli l-ġodda tard, u minħabba dan ma rnexxielhomx jipprovdu analiżi aktar fil-fond.

Madankollu, jidher li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 263 (1) kellhom effett pożittiv fuq l-effiċjenza tal-attivitajiet kontra l-frodi. L-Istati membri jqisu t-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien allokat għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi u għar-rappurtar fis-sistema tal-VIES bħala titjib kbir fl-attività tagħhom ta’ analiżi tar-riskju. Konsegwentement, l-iskambju aktar malajr tal-informazzjoni jwassal għal kontrolli u awditjar aktar bil-ħeffa.

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, l-applikazzjoni ta’ limiti minimi, possibbiltajiet u perjodi tar-rappurtar differenti hija l-ikbar ostaklu biex il-qbid tal-frodi u l-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju jsiru aktar effiċjenti. Kieku jkun hemm applikazzjoni inqas diverġenti tar-regoli, kemm f'termini ta' perjodi differenti ta’ rappurtar kif ukoll ta’ diverġenzi bejn l-Istati membri, l-Istati membri jkunu jistgħu jgawdu aktar mit-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien allokat biex jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi.

3.3.        L-esperjenzi mill-perspettiva kummerċjali

3.3.1.     Rimarka preliminari

Wieħed irid iqis ċerti limitazzjonijiet u prekawzjonijiet meta jkun qed jevalwa l-konklużjonijiet tal-istudju li sar mill-kuntrattur estern. B’mod partikolari, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-kampjun ta’ 23 kumpanija li fuqhom sar l-istudju huwa żgħir wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi. Il-kuntrattur estern irrikonoxxa li fil-kampjun identifikat ma kien hemm l-ebda kumpanija li ntlaqtet mill-fatt li l-Istati membri jistgħu jirrikorru għal possibbiltajiet differenti. Dan għaliex il-limitu minimu previst fl-Artikolu 263 (1a) kien inqabeż mill-kumpaniji magħżula fil-kampjun jew inkella l-kumpaniji kienu għażlu li ma jirrikorrux għall-possibbiltà ta’ perjodu alternattiv ta’ rappurtar.

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-pakkett tal-VAT kellu jiġi implimentat fl-istess żmien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263(1), kien diffiċli għan-negozji biex jisseparaw l-ispejjeż ikkawżati minn dawn tal-aħħar mill-ispejjeż ġenerali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-pakkett tal-VAT. Irriżulta wkoll impossibbli li jiġu identifikati l-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni tal-fornimenti intra-Komunitarji ta’ servizzi fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi, minħabba li r-raggruppament tat-tranżazzjonijiet tal-fornimenti ma’ dawk tas-servizzi huwa prattika kummerċjali komuni.

Billi l-kuntrattur estern iddikjara b'mod ċar li r-riżultati kwantitattivi tal-istudju huma ta’ natura indikattiva u għandhom jiġu trattati bi prudenza, fit-taqsima li jmiss id-dokument tal-Kummissjoni jiffoka fuq ir-rispons kwalitattiv ipprovdut mill-kumpaniji li fuqhom sar l-istudju.

3.3.2.     L-impatt fuq il-piż amministrattiv u fuq l-ispejjeż biex wieħed jikkonforma

Fuq il-bażi tal-istudju, ir-rispons kwalitattiv li taw it-23 kumpanija li fuqhom sar l-istudju jenfasizza xi kunsiderazzjonijiet rilevanti dwar l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.

Għalkemm il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi kull xahar u r-rikonċiljazzjoni tad-dejta kull xahar huma identifikati bħala piżijiet amministrattivi addizzjonali, fl-istess waqt jimmotivaw lill-kumpaniji biex iwettqu kontrolli interni aktar frekwenti. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tad-dejta tal-kumpaniji. Għalhekk, meta nħarsu lejn il-ġejjieni, il-maġġoranza tal-kumpaniji jbassru bilanċ pożittiv meta wieħed jiżen l-ispejjeż amministrattivi kontra l-vantaġġi f'termini ta’ kwalità u affidabilità aħjar tad-dejta.

Il-livell ta’ awtomazzjoni għandu impatt kbir fuq kemm l-affarijiet wieħed jarahom kumplessi u fuq l-ispejjeż amministrattivi. L-introduzzjoni ta’ proċessi interni awtomatizzati tinvolvi spiża sinifikanti ta’ darba għall-kumpaniji, għax ikollhom jibdlu jew jaġġornaw is-sistemi tagħhom u jimmaniġġjaw il-bidliet interni. Fl-istess ħin, il-kumpaniji japprezzaw li dan maż-żmien se jirriżulta f’inqas spejjeż rikurrenti.

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-UE fejn għandhom x’jaqsmu l-perjodi meta jridu jiġu ppreżentati d-dokumenti, il-format u l-livell tad-dettalji huwa ta’ piż partikolarment għall-kumpaniji li joperaw minn aktar aktar minn post wieħed jew li għandhom aktar minn reġistrazzjoni waħda fl-UE. Il-parteċipanti jissuġġerixxu wkoll li l-armonizzazzjoni tal-perjodi ta’ żmien allokati għandha tkun akkumpanjata minn armonizzazzjoni tal-proċeduri dwar il-preżentazzjoni tad-dokumenti – i.e. mossa li twassal għall-preżentazzjoni elettronika u, partikolarment, għal interfaċċja sempliċi u faċli biex tużaha li tissimplifika kemm jista’ jkun il-preżentazzjoni ta’ kull xahar.

Kumpaniji li jagħmlu fornimenti intra-Komunitarji kemm tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi jew tas-servizzi intra-Komunitarji biss isibu ruħhom f’diffikultajiet meta jiġu biex jiġbru informazzjoni sħiħa sabiex jagħmlu d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. B’mod speċjali, l-introduzzjoni tas-servizzi hija meqjusa bħala livell ogħla ta’ dettall li jrid jiġi pprovdut meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Il-kumpaniji li fuqhom sar l-istudju jindikaw li komunikazzjonijiet mal-awtoritajiet tat-taxxi żdiedu. Hekk kif jeħtieġ li aktar fornituri (fornituri intra-Komunitarji ta’ servizzi) jiġu inklużi f’dikjarazzjonijiet rikapitulattivi aktar frekwenti u anki li l-korrezzjonijiet isiru aktar spiss, l-awtoritajiet tat-taxxi qed ikollhom aktar mistoqsijiet li jirrekjedu li tittieħed azzjoni dwarhom mill-kumpaniji milli kien il-każ qabel l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Fil-qosor, fis-sentimenti espressi mill-kumpaniji li fuqhom sar l-istudju jistgħu jiġu identifikati tliet elementi:

– xi negozji għandhom it-tendenza li l-bidliet regolatorji jarawhom bħala li jkollhom impatt newtrali fuq l-operazzjonijiet, bl-eċċezzjoni notevoli tal-ispejjeż ta' darba marbuta mal-aġġornament tas-sistema tagħhom, jew ma' tibdil fiha, li huma kkunsidrati bħala element sinifikanti tal-ispiża;

– kumpaniji oħrajn jgħidu li jippreferu bil-kbir is-sitwazzjoni kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, għax iħossu li din ġabet magħha fatturi ġodda u kbar tal-ispiża. Madankollu, ma kinux f’qagħda li jispeċifikaw jekk dawn l-ispejjeż kinux xprunati l-aktar mill-fatt li issa jridu jiġu inklużi s-servizzi jew mill-fatt li l-perjodu ta' żmien allokat biex jiġu ppreżentati d-dokumenti tnaqqas għal xahar;

– għadd ta’ kumpaniji jaraw il-vantaġġi li se jkollha s-sitwazzjoni l-ġdida fil-futur, u jsemmu inter alia t-titjib tal-kwalità tad-dejta u inqas każijiet ta’ frodi tat-taxxi.

3.3.3.     L-impatt li jista’ jkollha sitwazzjoni aktar armonizzata fejn l-Istati membri japplikaw l-istess perjodu ta’ żmien allokat mingħajr derogi u limiti minimi

L-impatt potenzjali ta’ sitwazzjoni aktar armonizzata jista’ jiġi stmat li jkun pożittiv mil-lat kwalitattiv. Fil-fatt, il-kumpaniji qalu li jistennew li jekk isseħħ l-armonizzazzjoni fost l-Istati membri tal-UE, din tnaqqsilhom l-ispejjeż. Jgħidu wkoll li l-armonizzazzjoni tal-perjodi ta’ żmien allokati għandha tkun akkumpanjata minn armonizzazzjoni tal-proċedura tal-preżentazzjoni tad-dokumenti – i.e. mossa li twassal għal preżentazzjoni elettronika obbligatorja fl-Istati membri kollha u, l-aktar, għal interfaċċja sempliċi u faċli biex tużaha li tagħmel il-preżentazzjoni ta’ kull xahar faċli kemm jista’ jkun.

3.3.4.     Konklużjoni

L-istudju kkonkluda li jkun hemm bżonn ta’ aktar analiżi sabiex l-ispiża addizzjonali ta’ darba u l-ispiża rikorrenti għan-negozji kaġun tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-VAT tiġi vvalutata bi tqabbil mal-għan u l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-VAT, jiġifieri t-tnaqqis tad-differenza fil-ġbir tal-VAT b’riżultat tal-qbid aktar malajr tal-frodi u tat-tnaqqis tar-riskju tal-karużelli tal-VAT.

In-negozji jibbenefikaw ukoll minn dan għax se jkun hemm inqas riskju li wieħed ikun involut fi frodi tal-VAT kontra x-xewqa tiegħu u li jinżamm responsabbli għal tali involviment. Bħala tali, dan jista’ wkoll jgħin biex jitnaqqsu l-frodi tal-VAT u l-kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ impriżi frodulenti.

Tista’ ssir aktar analiżi dwar kif tista’ titnaqqas l-ispiża rikorrenti billi e.g. il-proċedura tal-preżentazzjoni tad-dokumenti tiġi armonizzata permezz ta’ interfaċċja waħda u faċli biex tużaha għall-Istati membri kollha u/jew billi jiġi aċċettat li l-fajls XML jittellgħu fl-istess format fl-Istati membri kollha.

4.           Kummenti finali

B'mod ġenerali, l-Istati membri huma tal-fehma li għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat bis-sħiħ l-impatt tat-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien allokat biex jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. Il-Kummissjoni tagħraf li l-Istati Membri se jkunu jeħtieġu aktar żmien biex jaġġustaw is-sistemi tagħhom tal-analiżi tar-riskju u jibbenefikaw bis-sħiħ minn dan it-tibdil fil-leġiżlazzjoni.

Madankollu, f'dan l-istadju huwa ċar li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati membri jikkunsidraw id-disponibbiltà akbar tal-informazzjoni mniżżla fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi bħala benefiċċju reali għall-abbiltà tagħhom li jidentifikaw tranżazzjonijiet frodulenti aktar malajr. Barra mill-iskambju malajr tal-informazzjoni permezz tan-netwerk tal-Eurofisc, dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda lill-Istati membri jippermettulhom jiffukaw fuq il-frodaturi b’ħeffa ikbar minn qabel.

Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li l-Istati membri jitħallew jirrikorru għal perjodi differenti ta’ rappurtar xorta waħda għadu meqjus bħala ostaklu biex il-miżura tħalli l-effett sħiħ tagħha fil-qasam tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-prevenzjoni tal-frodi.

Minn perspettiva kummerċjali, huwa ċar li tnaqqis fil-perjodu ta’ żmien allokat biex jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi jġib miegħu aktar spejjeż tal-immaniġġjar tad-dokumenti, minħabba li n-numru tad-dikjarazzjonijiet li jridu jiġu ppreżentati żdied konsiderevolment. Barra minn hekk, dan wassal għal aktar kuntatti mal-amministrazzjonijiet tat-taxxi, minħabba li d-dejta trid tiġi kkoreġuta jew ivverifikata aktar ta’ sikwit. Minkejja dan, il-fatt li l-informazzjoni issa trid tiġi pprovduta aktar regolarment, kull xahar, ifisser li l-affidabilità tagħha għandha tiżdied.

Bħala konklużjoni ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rapport ma jiżvelax biżżejjed elementi li f’dan l-istadju kienu jiġġustifikaw proposta biex id-dispożizzjonijiet li hemm bħalissa jiġu emendati. Madankollu, jekk fil-futur jitfaċċaw elementi ġodda, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid li temenda dawn id-dispożizzjonijiet.

Anness

Tabella 1: L-applikazzjoni tal-possibbiltajiet

1. L-ebda deroga mid-dikjarazzjoni rikapitulattiva ta’ kull xahar || 2. Deroga mid-dikjarazzjoni rikapitulattiva ta’ kull xahar

2a. Deroga fakultattiva || 2b. Deroga mandatarja

Qabel l-1 ta’ Jannar 2010(1) u minn dakinhar ’il quddiem || Mill-1 ta' Jannar 2010 ’l quddiem || Qabel l-1 ta’ Jannar 2010(1) u minn dakinhar ’il quddiem || Mill-1 ta' Jannar 2010 ’l quddiem || Qabel l-1 ta’ Jannar 2010(1) u minn dakinhar ’il quddiem || Minn Jannar 2010 ’l quddiem

Il-Bulgarija Franza || Ċipru L-Estonja Il-Finlandja Il-Greċja Il-Latvja Il-Litwanja Ir-Rumanija Is-Slovenja || L-Awstrija L-Irlanda L-Italja || Il-Belġju Id-Danimarka Il-Ġermanja Il-Lussemburgu Malta Il-Polonja L-Isvezja Il-Pajjiżi l-Baxxi Ir-Renju Unit || Il-Portugall || Ir-Repubblika Ċeka L-Ungerija Is-Slovakkja Spanja

(1) Għall-prodotti biss

Tabella 2: dikjarazzjonijiet rikapitulattivi separati u magħqudin

1. Dikjarazzjoni rikapitulattiva separata || 2. Dikjarazzjoni rikapitulattiva magħquda

2a. Perjodiċità allinjata || 2b. Perjodiċità differenti

Franza Il-Lussemburgu || L-Awstrija                         L-Italja Il-Belġju                            Il-Latvja Il-Bulgarija                         Il-Litwanja Ċipru                                 Malta Ir-Repubblika Ċeka           Il-Polonja Id-Danimarka                    Il-Portugall L-Estonja                          Ir-Rumanija Il-Finlandja                        Is-Slovakkja Il-Greċja                            Is-Slovenja L-Ungerija                         Spanja L-Isvezja || Il-Ġermanja L-Irlanda Il-Pajjiżi l-Baxxi Ir-Renju Unit

Tabella 3: Preżentazzjoni fuq il-karta u/jew elettronika tad-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi

Preżentazzjoni elettronika

1. Mandatarja || 2. Mandatarja iżda japplikaw xi eċċezzjonijiet || 3. Fakultattiva

1a. Qabel l-1 ta’ Jannar 2010 u minn dakinhar ’il quddiem || 1b. Mill-1 ta’ Jannar 2010 ’l quddiem || 2a. Qabel l-1 ta’ Jannar 2010 u minn dakinhar ’il quddiem || 2b. Mill-1 ta’ Jannar 2010 ’l quddiem

Il-Bulgarija Il-Portugall Is-Slovenja Spanja || Ċipru(1) Ir-Repubblika Ċeka Id-Danimarka(1) L-Ungerija L-Italja il-Latvja(2) Malta Is-Slovakkja || L-Awstrija Il-Belġju Franza Il-Ġermanja Il-Greċja L-Irlanda Il-Pajjiżi l-Baxxi || Il-Finlandja Il-Lussemburgu Ir-Rumanija || L-Estonja Il-Litwanja Il-Polonja L-Isvezja Ir-Renju Unit

(1) Id-dikjarazzjonijiet korrettivi jistgħu jiġu ppreżentati fuq il-karta; (2) Fl-1 ta’ Jannar 2011 u minn dakinhar ’il quddiem.

[1]               PricewaterhouseCoopers: Expert study on the issues arising from a reduced time frame and the options allowed for submitting recapitulative statements - Application of Article 263(1) of Directive 2006/112/EC (amended by Directive 2008/117/EC)

[2]               Id-deskrizzjoni qasira hija meħuda mill-istudju tal-PwC.