KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT AZZJONI GĦALL-ISTABBILTÀ, GĦAT-TKABBIR U GĦALL-IMPJIEGI /* COM/2012/0299 final - 2012/ () */
1.
Introduzzjoni
Il-kriżi, li issa qed
tolqot tant partijiet mill-Ewropa, dgħajfet il-fiduċja
fil-kapaċità tas-sistema politika u ekonomika Ewropea li jirnexxielha
tilħaq l-ambizzjoni tat-Trattat tal-UE għal "żvilupp
sostenibbli... ibbażat fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat."
Ħafna miċ-ċittadini tagħna jinsabu rrabjati u
skunċertati kif perjodu twil ta' standards ta' għajxien li qed
jogħlew, irriżulta f'daqshekk qasir żmien, fi kriżi
finanzjarja enormi, f'nuqqas kbir ta' impjiegi u fi prospetti ta' livelli
għolja ta' dejn għal ħafna snin oħra. Id-djun,
id-defiċits u l-iżbilanċi li qed tikkonfronta l-UE llum
il-ġurnata, ma nħolqux mil-lejl għan-nhar iżda akkumulaw
matul is-snin u l-konsegwenzi soċjali tagħhom huma mifruxa ferm. Dan
huwa żmien ta' prova għall-gvernijiet nazzjonali u għall-UE.
Uħud mid-diffikultajiet attwali tagħna mxew għal ġol-UE
minħabba l-kriżi finanzjarja. Uħud minnhom nibtu minnha stess.
Bħalissa l-importanti huwa li r-rispons tagħna jkun ta' kwalità u li
jkun effettiv. Il-kriżi finanzjarja u
ekonomika enfasizzat l-interdipendenza bejn l-ekonomiji kollha tal-UE, u bejn
l-UE u ekonomiji dinjin oħra. Hija żvelat ukoll lakuni, nuqqasijiet u
żbilanċi sinifikanti fit-tfassil tal-politiki f'livell globali,
f'livell tal-UE kif ukoll f'livell nazzjonali. Minn meta feġġet
il-kriżi, l-UE u l-Istati Membri tagħha bdew jaħdmu
bis-sħiħ biex jagħmlu bidliet radikali fil-mudell ekonomiku
tal-UE u biex jerġgħu jistabbilixxu l-kompetittività tagħha. Kif
qalet il-Kummissjoni fil-Pjan Direzzjonali għall-Istabbiltà u t-Tkabbir
tagħha ta' Ottubru 2011[1], dan kien ifisser li: ·
Isir frontloading tal-politiki dwar
it-tisħiħ tal-istabbiltà u tat-tkabbir sabiex jerġa' jkun hemm
tkabbir sostenibbli u livelli għolja ta' impjiegi fl-UE. ·
Tinbena governanza ekonomika iktar soda u iktar
integrata biex l-iżbilanċi jinqabdu aktar malajr u b'hekk jiġu
korretti minn kmieni, waqt li l-politiki nazzjonali jitpoġġew
taħt sorveljanza aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE biex
jirriflettu r-realtà li s-saħħa u l-prosperità ta' kull Stat Membru
huma marbuta ma' dawk tal-Istati Membri l-oħrajn kollha. ·
Tissaħħaħ is-sistema bankarja, billi
jkun hemm insistenza li l-banek juru l-firxa tad-dejn kollu tagħhom,
jittrattaw id-djun li għandhom mhux imħallsa u jirristrutturaw
il-mudelli kummerċjali tagħhom sabiex fil-futur ikunu jistgħu
jsellfu lil negozji u unitajiet domestiċi mingħajr ma jkun hemm
bżonn ta' salvataġġi finanzjarji ffinanzjati mill-kontribwenti
fuq l-introjtu. ·
Jingħata rispons deċiżiv
għall-problemi tal-Greċja permezz ta' żewġ pakketti
finanzjarji kbar u li jingħata appoġġ intensiv għal tkabbir
li jkun orjentat lejn programm għall-irkupru. ·
Jissaħħu s-salvagwardji finanzjarji
taż-żona tal-Euro billi jinħolqu modi ġodda ta' kif
jingħata l-appoġġ lill-Istati Membri li jkollhom livelli
għolja ħafna ta' dejn filwaqt li dawn jistabbilixxu mill-ġdid
il-finanzi pubbliċi tagħhom, billi jsibu bilanċ bejn
id-dħul u l-infiq tagħhom bil-għan li fil-futur jaslu li
jħallsu għas-servizzi soċjali, għall-kura
tas-saħħa, għall-pensjonijiet, għall-edukazzjoni u
għall-infrastruttura pubblika. Permezz tal-Pjan
Direzzjonali segwenti, għamilna progress sod iżda irregolari. Jidher
biċ-ċar li, wara t-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika sar
ibbilanċjar mill-ġdid fl-ekonomija tagħna, kien hemm tnaqqis
tad-defiċits kbar tal-kontijiet kurrenti li ilhom jakkulumaw sa
mill-2007/8, sar aġġustament fil-pagi b'tali mod li għolew
f'pajjiżi li għandhom surplus u li naqsu f'pajjiżi
b'defiċit u fil-prezzijiet tad-djar f'diversi Stati Membri biex
reġgħu laħqu livelli li jikkonformaw aktar mal-kundizzjonijiet
ekonomiċi sottostanti. Permezz tal-appoġġ ipprovdut mis-sistema
l-ġdida tal-governanza ekonomika tal-UE, il-proċess iebes ta'
stabilizzazzjoni u ta' riforma se jirriżulta f'ekonomija tal-UE ġdida
u aktar b'saħħitha. Tkabbir dejjiemi u
sostenibbli u standards ta' għajxien ogħla jistgħu biss jinkisbu
jekk fil-bażi tagħhom ikun hemm finanzi pubbliċi stabbli,
riforma strutturali profonda u investiment immirat. Iżda l-isfidi li dawn
iġibu magħhom jistgħu jiġu kkonfrontati biss jekk ikun hemm
tkabbir suffiċjenti li jagħti sostenn lil dan il-proċess. Ma
hemm l-ebda kontradizzjoni bejn stabbiltà u tkabbir; huma
ż-żewġt uċuħ tal-istess munita. Jeħtieġ li
l-Istati Membri jikkonfrontaw in-nuqqas ta' fiduċja li hemm bħalissa
fl-ekonomija b'riformi kuraġġużi li jreġġgħu lura
t-tendenza negattiva fil-kompetittività tagħna. Jeħtieġ li
naġixxu mal-ewwel biex innaqqsu l-lakuni allarmanti li hemm
fil-kompetittività fl-UE u fiż-żona tal-Euro. Minkejja li l-UE,
bħala entità sħiħa, kienet kapaċi żżomm sehemha
fil-kummerċ dinji, jeħtieġ li nindirizzaw ukoll it-tendenza
negattiva fil-kompetittività internazzjonali u t-telf tas-sehem fis-suq, li
jidhru ċar mill-prestazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri. Fuq perjodu ta' żmien
qasir, in-nies għandhom bżonn li jkollhom it-tama u l-perspettiva ta'
futur aħjar. Mingħajr din il-perspettiva, fit-twettiq tar-riformi
meħtieġa, se niffaċċjaw ammont dejjem ikbar ta'
diffikultajiet politiċi u soċjali li min-naħa tagħhom se
jdewmuna fil-proċess tal-irkupru. Jeħtieġ li nsibu konsensus u
li jkollna fiduċja fil-ħtieġa għall-bidla u
fl-għażliet li għandhom isiru. Is-sħab soċjali se
jkollhom irwol importanti f'dan id-djalogu. Din hija r-raġuni
għalfejn l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-parti
fl-istrateġija globali tagħha li hija ddedikata għat-tkabbir.
Il-bażi ta' din l-inizjattiva trid tikkombina dak li jistgħu
jagħmlu l-Istati Membri f'livell nazzjonali mal-azzjonijiet li
jistgħu jittieħdu f'livell tal-UE, filwaqt li tankra dawn l-isforzi
fl-istrateġija Ewropa 2020 u fl-istrutturi l-ġodda ta' governanza
tagħna. Diġà hemm xi komponenti ewlenin ta' din l-inizjattiva
għat-tkabbir - iżda dawn għad iridu jiġu implimentati
fis-sħiħ. Oħrajn, jekk irridu li l-potenzjal tagħhom joħroġ
fid-deher, se jkollhom bżonn ta' viżjoni, kuraġġ u sens ta'
tmexxija - iżda l-isfidi li qed tikkonfronta l-UE llum il-ġurnata
jirrikjedu li tittieħed azzjoni kuraġġuża u effettiva. F'din il-Komunikazzjoni,
il-Kummissjoni tipproponi għadd ta' elementi li jistgħu jagħmlu
parti minn inizjattiva għat-tkabbir, imsejsa fuq żewġ pilastri
li jissaħħu b'mod reċiproku: ·
Pilastru fil-livell tal-UE li jiffoka fuq
is-saħħa u s-sinerġiji li jirriżultaw minn ħidma
flimkien fil-livell tal-UE. ·
Pilastru fil-livell tal-Istati Membri bbażat
fuq il-ħruġ tal-potenzjal għat-tkabbir tar-riformi strutturali
identifikati bħala parti mis-Semestru Ewropew. B'segwitu
għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Mejju
u bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, il-Kummissjoni se
tkompli taħdem fuq l-elementi kollha possibbli li jistgħu
jgħinuha trendi t-tkabbir u l-kompetittività aktar b'saħħithom.
2.
Ir-Rwol tal-UE f'inizjattiva ġdida għat-tkabbir
Fil-livell tal-UE,
aħna qbilna dwar l-istrateġija Ewropa 2020[2],
li hija mfassla biex twassal l-istampa ta' Ewropa intelliġenti, sostenibbli
u inklużiva. Din hija l-pjattaforma li fuqha ħa tinbena inizjattiva
ġdida għat-tkabbir. L-Istati Membri kollha qablu fuq il-miri
tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-enerġija,
l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u t-tnaqqis tal-faqar. Dawn
il-miri huma indikaturi ta' kif għandhom jiġu segwiti r-riformi
fl-Ewropa. L-implimentazzjoni tagħhom se tagħti spinta
lill-kompetittività u se tiffaċilita l-konverġenza, u dan se
jgħin biex l-UE tibda miexja lejn tkabbir akbar. Impenn aktar attiv biex nilħqu
l-mira tagħna fir-R&Ż li ninvestu 3 % mill-PDG
fir-R&Ż, jista' joħloq 3,7 miljun impjiegi u sal-2020 jista'
jkabbar il-PDG tal-UE bi EUR 800 biljun. Il-kisba tal-miri tagħna
dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija sal-2020, tkun tiġġenera
mal-5 miljun impjieg, iżżid is-sigurtà fl-enerġija
tal-Ewropa u tgħinna nilħqu l-għanijiet tagħna dwar
it-tibdil fil-klima. Il-ħelsien ta' mill-anqas 20 miljun persuna
mill-faqar mhux biss iservi biex itejbilhom ħajjithom, iżda jġib
miegħu wkoll benefiċċji ekonomiċi għas-soċjetà
kollha. Dawn iċ-ċifri jindikaw mhux impossibbli li noħolqu
impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda mal-UE kollha,
speċjalment billi nnaqqsu l-qgħad u noffru futur aħjar u aktar
ekoloġiku għaċ-ċittadini tagħna.
2.1.
Nisfruttaw il-potenzjal ta' tkabbir tal-Unjoni
Ekonomika u Monetarja
F'dawn l-aħħar
snin, sar ħafna xogħol biex jiġu adottati l-mekkaniżmi ta'
sorveljanza ekonomika b'saħħitha meħtieġa
għall-appoġġ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-mod ta' kif
l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw din is-sistema l-ġdida, se
jiddetermina l-effettività tal-politika kif ukoll il-fiduċja fis-swieq.
Fuq perjodu ta' żmien itwal, jeħtieġ li l-integrazzjoni ssir
iktar profonda biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna tkun kompluta.
UE b'saħħitha teħtieġ munita stabbli. Dan il-fatt ikun ta'
ġid għall-Istati Membri kollha, kemm jekk jagħmlu parti
miż-żona tal-Euro u kemm jekk le. Il-kredibbiltà tal-Euro fis-swieq
internazzjonali tolqot il-kapaċità tal-Ewropa li tissellef il-fondi b'rati
raġonevoli u li tħallashom lura minn ekonomija b'saħħitha. ·
Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
imsaħħaħ se jipprovdi lill-UE bl-istrumenti ta' politika
b'saħħithom u bbażati fuq ir-regoli li teħtieġ biex
tiggarantixxi l-istabbiltà fil-finanzi pubbliċi.
Għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, bħalissa l-prijorità
hija dik li jikkoreġu d-defiċits eċċessivi. Apparti
t-"two pack" propost reċentement, ma hemmx bżonn immedjat
li jsir tibdil fir-regoli miftehma reċentement. Ir-regoli eżistenti
jipprovdu lok għall-ġudizzju u għad-divrenzjar bejn l-Istati
Membri skont l-ispazju fiskali u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi
tagħhom, filwaqt li jiggarantixxu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
Il-valutazzjoni tal-miżuri baġitarji meħuda mill-Istati Membri,
partikolarment f'termini strutturali, tinsab fil-qalba tal-implimentazzjoni
tar-regoli. Il-Kummissjoni se tikkontrolla l-impatt li għandhom
ir-restrizzjonijiet ta' baġit limitat ħafna fuq it-titjib fit-tkabbir
tan-nefqa pubblika u fuq l-investiment pubbliku. Jekk ikun meħtieġ,
hija se tipprovdi gwida dwar il-lok għal possibbiltà li tittieħed
azzjoni fil-konfini tal-UE u tal-oqfsa fiskali nazzjonali. Fix-xhur li
ġejjin, se toħroġ rapport dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku, li
se jittratta dawn il-kwistjonijiet. ·
Għamilna progress sinifikanti permezz
tat-tisħiħ tas-salvagwardji finanzjarji tagħna. Huwa
ppjanat li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà se jidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012 – sena qabel kien
ippjanat – u li se jkun il-mekkaniżmu permanenti li jiffinanzja
l-ġestjoni tal-kriżi fiż-żona tal-Euro. Meta jitqiesu
l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Mekkaniżmu Ewropew ta'
Stabbiltà Finanzjarja u mekkaniżmi oħra ta' ffinanzjar
għall-ġestjoni tal-kriżi kollha flimkien, it-total
tal-kapaċità ta' self tagħna issa huwa ta' EUR 800 biljun.
Flimkien maż-żieda fir-riżorsi tal-FMI, li sar ftehim fuqha
reċentement, is-salvagwardji finanzjarji Ewropej jikkontribwixxu b'mod
sinifikanti għas-sistemi globali ta' protezzjoni finanzjarja. Iżda
l-mod kif nużaw is-salvagwardji tagħna huwa wkoll ta' importanza
kruċjali. Għal dawk li jirratifikaw it-Trattat Fiskali,
il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà għandu firxa ta' strumenti
ġodda li se jippermettu lill-UE tirreaġixxi b'mod effettiv
għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi. F'dan ir-rigward, il-flessibbiltà u
r-rapidità li biha ssir l-azzjoni jkunu ta' importanza kruċjali. ·
Settur bankarju tal-UE aktar b'saħħtu: ġie evitat kollass finanzjarju u s-superviżjoni tas-settur
finanzjarju ġiet mibdula radikalment. Il-banek transkonfinali issa qed
jiġu ssorveljati minn kulleġġi ta' superviżuri u twaqqfu
tliet awtoritajiet superviżorji ġodda tal-UE. Barra minn hekk,
il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ġie stabbilit bħala
s-superviżur makroprudenzjali fil-livell tal-UE. Għadha tintħass
il-ħtieġa li titlesta r-rikapitalizzazzjoni ta' ċerti banek,
bħala parti mill-istrateġija li issa qed tiġi kkoordinata
mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Minkejja li ċerti banek diġà qed
jagħtu lura s-self pubbliku li rċevew matul il-kriżi,
l-ispiża għall-kontribwenti fuq l-introjtu kienet enormi. Sabiex
jiġi żgurat li s-settur privat jagħti sehem xieraq fi kwalunkwe
salvataġġi finanzjarji futuri, f'Ġunju l-Kummissjoni se
tipproponi qafas komuni għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u
tal-kumpaniji tal-investimenti. Dan se jipprovdi sensiela ta' għodod li
jippermettu l-ġestjoni tar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet
sistematikament importanti skont kif ikun meħtieġ. ·
L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u
Monetarja: Lil hinn mill-orizzont immedjat,
tenħtieġ perspettiva aktar fit-tul lejn il-futur tal-unjoni ekonomika
u monetarja tal-UE. Il-Kummissjoni se tappoġġja reazzjoni li tkun
ambizzjuża u strutturata. Il-prospetti ta' tkabbir tal-UE huma milquta
ħafna min-nuqqas ta' fiduċja li hemm bħalissa fiż-żona
tal-euro. Sakemm ma jiġux megħluba ċerti inċertezzi
ewlenin, bħal pereżempju is-sitwazzjoni fil-Greċja, se nkomplu
nitilfu l-fiduċja, u din hija neċessarja għall-ħolqien
tal-investimenti u tal-impjiegi. Sabiex jibni fuq dak li ksibna sa issa, se
jkun hemm bżonn ta' proċess li jfassal il-passi ewlenin li jwasslu
għal unjoni ekonomika u monetarja sħiħa. Li nuru
biċ-ċar id-determinazzjoni tagħna li nibqgħu naħdmu u
navvanzaw, filwaqt li nuru l-impenn politiku tal-Istati Membri lejn l-euro, se
jagħmlu parti mill-mira li niksbu mill-ġdid il-fiduċja
fiż-żona tal-euro u fil-kapaċità tagħna li negħlbu
d-diffikultajiet attwali. Dan se jirrikjedi proċess b'firxa wiesgħa
li jieħu inkunsiderazzjoni kwistjonijiet ta' natura legali. Għandu
jinkludi proċess politiku li joffri leġittimità u responsabbiltà
demokratiċi li jmexxu 'l quddiem l-integrazzjoni. It-tfassil
tal-komponenti ewlenin jista' jinkludi, fost l-oħrajn, l-avviċinament
għal unjoni bankarja b'superviżjoni finanzjarja integrata u għal
skema unika ta' garanziji tad-depożiti. Il-Kummissjoni kienet diġà
esprimiet l-ideat tagħha pubblikament fil-Green Paper[3]
ta' Novembru 2011, dwar kif iż-żona tal-euro tista' tersaq lejn
il-ħruġ konġunt tad-dejn. Jeħtieġ li jiġu
kkalkulati r-ritmu u s-sekwenza ta' dawn l-iżviluppi, li għandhom
jinkludu pjan direzzjonali kif ukoll skeda ta' żmien, iżda konferma
bikrija tal-passi li għandhom jittieħdu se tenfasizza n-natura
irreversibbli u solida tal-euro.
2.2.
Nisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Intern
B'mod ġenerali,
is-suq intern għall-merkanzija qed jiffunzjona, iżda ma nistgħux
ngħidu l-istess ħaġa dwar is-suq intern għas-servizzi jew
dwar is-suq uniku elettroniku. Il-fatt li nippruvaw naħsdu aktar frott
mis-Suq Intern huwa wieħed mill-aktar modi effettivi biex tingħata
spinta lit-tkabbir mal-UE kollha. Il-kumpaniji innovattivi mal-ewwel
jieħdu spinta kieku tgħaddi deċiżjoni biex
fl-aħħar tiġi adottata privattiva tal-UE. Wara tant snin,
issa wasal iż-żmien li niddeċiedu. F'Ġunju,
il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva
dwar is-Servizzi. Ħafna mill-Istati Membri għażlu li
jżommu ostakli u restrizzjonijiet li jċaħħdu lilhom kif
ukoll lil Stati Membri oħra milli jgawdu mill-benefiċċji kollha
tad-Direttiva f'termini ta' kompetittività u ta' tkabbir. L-analiżi
tal-Kummissjoni tindika illi li kieku jitneħħew ir-restrizzjonijiet
kollha, ikun jista' jiżdied dħul addizzjonali ta' massimu ta'
1,8 % tal-PDG mal-ammont stmat ta' 0,8 % li diġà
ddaħħal permezz tal-implimentazzjoni parzjali tad-Direttiva. Hija
tindika wkoll li t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-ostakli jħallu effett
pożittiv fuq il-flussi tal-kummerċ u fuq l-investiment dirett barrani
kif ukoll fuq il-livelli tal-produttività f'kull Stat Membru. Dan ikun
jikkontribwixxi wkoll għall-ibbilanċjar mill-ġdid bejn
il-pajjiżi li għandhom surplus u dawk li għandhom defiċit. Aktar tard din is-sena,
hija se tipproponi Att dwar is-Suq Uniku II imfassal b'tali mod li
jikkompleta s-Suq Uniku f'oqsma ewlenin bħalma huma l-industriji
diġitali u tan-netwerks, fejn bħalissa l-UE tinsab batuta. Jekk l-UE
tiġi mgħammra bl-infrastruttura fiżika u virtwali li
teħtieġ biex tindirizza l-isfidi tas-seklu 21, ikun jista' jiġi
sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi. Teknoloġiji u netwerks
ġodda jistgħu jnaqqsu l-konġestjoni fl-ajru u fit-toroq tal-Ewropa,
jgħinu biex jiġu adottati grilji elettriċi intelliġenti li
jistgħu jużaw l-enerġiji rinnovabbli u jfornu l-enerġija
lill-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u jqiegħdu
għad-dispożizzjoni tan-negozji kollha teknoloġija li ttejjeb
il-produttività bi prezz orħos, permezz tal-cloud computing.
Jeħtieġ li l-UE tinvesti f'teknoloġiji ewlenin ta'
appoġġ bħalma huma l-bijoteknoloġija,
in-nanoteknoloġija u l-mikroteknoloġija biex tinżamm
il-kompetittività industrijali futura tagħha, billi tiżviluppa
merkanzija u servizzi ġodda u billi tirristruttura mill-ġdid
il-proċessi industrijali bil-għan li timmodernizza l-industrija
tagħha. Il-Kummissjoni enfasizzat
konsistentement l-importanza li jiġu indirizzati l-ostakli fiskali
transkonfinali fis-Suq Intern. Il-progress li jsir fil-livell tal-UE jista'
jappoġġja u jiffaċilita l-azzjonijiet ta' Stati Membri
individwali biex jiksbu l-objettivi tal-istrateġija għat-tkabbir
rispettivi tagħhom, u jgħin biex jipprovdi qafas ġenerali għat-tisħiħ
tal-ġbir ta' dħul, għall-ġlieda kontra l-frodi u
għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet ġusti u sodi
għall-kompetizzjoni. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li
tittieħed azzjoni fil-Kunsill biex tiżblokka l-proposti
tal-Kummissjoni dwar it-tifdil u ta' dawk li jirrigwardaw il-mandati
għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Aktar tard din is-sena,
il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni li tiddeskrivi b'mod
ġenerali l-għażliet biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta'
rifuġju fiskali u l-ippjanar aggressiv ta' taxxi. Il-Kummissjoni tqis li
l-ippjanar predatorju tat-taxxa u l-azzjoni kontra l-frodi għandhom
jiġu indirizzati fl-istess waqt. Dan jeħtieġ ħidma teknika
dettaljata u impenn politiku ċar iżda l-benefiċċji
jistgħu jkunu sostanzjali mhux biss f'termini ta' żieda fid-dħul
iżda wkoll ta' sens ta' ġustizzja u ta' kundizzjonijiet kompetittivi
aħjar. Il-qasam tat-tassazzjoni
fuq l-enerġija huwa eżempju ċar tar-relazzjoni pożittiva li
hemm bejn l-azzjonijiet tal-UE u dawk meħuda fil-livell tal-Istati Membri.
Hawnhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li tirristruttura l-mod ta' kif
għandha tiġi ntaxxata l-enerġija, tkun tappoġġja
l-objettiv li nersqu lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet
tal-karbonju u li tuża l-enerġija b'mod effikaċi waqt li
fl-istess ħin innaqqsu t-tfixkil li ġej mill-fatt li jeżistu tassazzjonijiet
differenti fuq prodotti simili li jintużaw għall-istess skop.
It-tisħiħ tan-newtralità tat-taxxa u l-ippremjar ta' sorsi ta'
enerġija iktar ekoloġiċi jgħinu biex jintlaħqu l-miri
tal-UE dwar it-tnaqqis tad-Diossidu tal-Karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija
u l-enerġija rinnovabbli.
2.3.
Nisfruttaw il-potenzjal tal-kapital uman
Fil-pakkett
reċenti tagħha dwar l-impjiegi, il-Kummissjoni pproponiet sensiela
ta' miżuri konkreti biex ikun hemm irkupru rikk fl-impjiegi mal-UE kollha.
Se tkun meħtieġa kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri,
is-sħab soċjali kif ukoll il-partijiet interessati pubbliċi u
privati, biex jiġu implimentati l-azzjonijiet speċifiċi proposti
bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi
ta' setturi ewlenija bħal dawk tal-ICT (it-teknoloġiji
tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni), tal-kura tas-saħħa u
tal-ekonomija ekoloġika. Il-monitoraġġ imsaħħaħ
tal-pjanijiet nazzjonali għall-impjiegi permezz tal-valutazzjoni
komparattiva u tat-tabella ta' valutazzjoni proposti mill-Kummissjoni, se
jsaħħaħ ulterjorment l-impetu għar-riformi ta' ħolqien
ta' impjiegi, li għandhom jibbenefikaw ukoll mir-rabta aktar mill-qrib li
hemm bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u
l-użu tal-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali
Ewropew, kif propost mill-Kummissjoni għall-perjodu tal-ipprogrammar li
jmiss (2014-2020). B'aktar
minn tliet miljun post tax-xogħol vakanti mal-UE kollha, jeħtieġ
li jsir investiment ikbar fil-ħiliet sabiex jiġu indirazzati l-ispariġġi
fil-ħiliet. Programmi fil-livell tal-UE bħalma huma l-Erasmus u
l-Leonardo għandhom irwol importanti biex jgħinu lin-nies jistudjaw,
jitħarrġu u jiksbu esperjenza ta' xogħol fi Stati Membri
oħra. Strumenti ġodda fil-livell tal-UE, bħalma huma l-Panorama
tal-Ħiliet u l-Passaport tal-Ħiliet, se jgħinu biex
il-ħiliet miksuba fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti
aħjar fl-Istati Membri kollha l-oħra. Il-Kummissjoni qed taħdem
biex ittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema u biex tiffaċilita t-tqabbil
tal-ħaddiema, tal-ħiliet u tal-postijiet tax-xogħol vakanti li
jkunu disponibbli. Ikun jista' jsir ħafna aktar progress kieku
jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi li jxekklu l-moviment
liberu tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-portabbiltà
tal-pensjonijiet u tal-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà
soċjali u kieku jittejjeb it-tqabbil tal-postijiet tax-xogħol ma'
dawk li jkunu qed ifittxu xogħol billi l-EURES isir għodda verament
Ewropea ddedikata għas-sejba tax-xogħol u
għar-reklutaġġ.
2.4.
Nisfruttaw is-sorsi esterni ta' tkabbir
Filwaqt li,
inġenerali l-kummerċ estern tal-UE huwa bbilanċjat,
l-analiżi tal-Kummissjoni skont il-pajjiż, turi telf inkwetanti
għal perjodu twil iżżejjed ta' xi wħud mill-Istati Membri
fejn jidħol is-sehem tagħhom fis-suq tal-esportazzjoni. Iżda din
tindika wkoll li l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni użaw
it-tkabbir tagħhom fl-esportazzjoni bħala mutur għall-ekonomiji
tagħhom. Barra minn hekk, żewġ terzi mill-importazzjonijiet
tal-UE huma esportati mill-ġdid b'valur ogħla, u dan juri li l-UE
tista' biss tmur għall-aħjar jekk iżżid l-impenn
tagħha fil-kummerċ u ttejjeb ir-relazzjonijiet ta' investiment
tagħha mas-sħab ewlenin. Fil-biċċa l-kbira tiegħu,
it-tkabbir globali futur se jirriżulta mill-ekonomiji emerġenti li
għandhom potenzjal kbir ta' tkabbir. Jeħtieġ li l-UE tisfrutta
dan it-tkabbir billi tikkonkludi ftehimiet bilaterali u reġjonali dwar
il-kummerċ u l-investiment mas-sħab ewlenin. Il-ftehim dwar
il-kummerċ ħieles li sar mal-Korea u li daħal fis-seħħ
reċentement, diġà qed naħsdu l-frott minnu b'żieda ta'
20 % fl-esportazzjonijiet tal-UE matul is-sena 2011. L-UE qed
tipparteċipa attivament f'negozjati li jirrigwardaw għadd ta'
ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u diġà tinsab fil-proċess
li tiżviluppa oħrajn. Kieku kellhom jimmaterjalizzaw
il-benefiċċji kbar li joffru, ikun meħtieġ li nżidu
r-ritmu li bih ikunu għaddejjin in-negozjati u r-ratifika.
2.5.
Nisfruttaw il-potenzjal tal-iffinanzjar tal-UE
għat-tkabbir meħtieġ mill-Ewropa
Hemm bżonn ta' infiq
u investimenti pubbliċi mmirati anke fi żminijiet ta' konsolidazzjoni
fiskali stretta. Il-Kummissjoni kienet qed tinkoraġġixxi
l-konsolidazzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir, waqt li
tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipproteġu l-infiq li
jsir fuq ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli
tar-riżorsi naturali, l-enerġija u s-servizzi soċjali. Minkejja
li l-baġit tal-UE huwa żgħir u jammonta għal 1 % biss
mill-PDG tal-UE, huwa joffri valur miżjud enormi u jista' jservi ta' katalizzatur
għat-tkabbir mal-Ewropa kollha. ·
Il-qafas finanzjarju multiannwali
għall-perjodu 2014-2020:
il-Kummissjoni ppreżentat xi proposti biex jiġi allokat baġit
għat-tkabbir u l-investimenti tal-UE għall-perjodu finanzjarju li
jmiss. Il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu r-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi ta' riforma strutturali
mal-appoġġ tal-baġit tal-UE maħsub biex jgħin
lill-Istati Membri jagħmlu t-tibdil u l-investimenti neċessarji.
Il-proposti jinkludu ideat innovattivi ddedikati għall-finanzjament
tar-riċerka u tal-innovazzjoni, għall-kollegament tal-Ewropa permezz
ta' rabtiet fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-broadband u
għall-imodernizzar tal-politika agrikola u għat-tisħiħ
tal-iżvilupp rurali. Aktar minn EUR 600 biljun mill-baġit propost
mill-Kummissjoni jistgħu jmorru biex jiġu ffinanzjati r-riċerka,
in-netwerks trans-Ewropej, l-investiment fil-kapital uman, il-politika ta'
koeżjoni u l-iżvilupp rurali. Meta dan l-ammont jiġi kkombinat
mal-effett ta' ingranaġġ tal-kofinanzjament nazzjonali u mal-użu
ta' strumenti finanzjarji innovattivi, huwa jirrappreżenta baġit
ewlieni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Kummissjoni
pproponiet li jintużaw il-bonds tal-proġetti biex jiġu
ffinanzjati ċerti proġetti ta' infrastruttura u biex javvanza
l-iffinanzjar tal-għotjiet mill-baġit tal-UE. Il-bonds
tal-proġetti huma mfassla biex jistabbilixxu s-swieq tal-obbligazzjonijiet
bħala sors addizzjonali ta' ffinanzjar għall-proġetti ta'
infrastruttura u biex jistimolaw l-investiment fl-infrastruttura
strateġika ewlenija tal-UE fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u
tal-broadband. L-għan huwa li jiġu attirati l-investituri
istituzzjonali lejn l-iffinanzjar mis-swieq kapitali ta' proġetti li jkunu
kummerċjalment vijabbli u li jkollhom flussi ta' flus stabbli u
previdibbli, billi tittejjeb il-kwalità tal-kreditu tal-bonds tal-proġetti
maħruġa minn kumpaniji privati. Sabiex teżamina dan
l-approċċ, il-Kummissjoni pproponiet bonds għal proġett
pilota għall-perjodu 2012-2013. Il-koleġiżlaturi qed
jaġixxu malajr biex din is-sena, il-BEI jkun jista' jippromwovi xi
proġetti pilota. ·
Il-baġit tal-UE għall-2013: il-Kummissjoni pproponiet żieda neċessarja ta' 7 %
f'approprjazzjonijiet għal pagamenti biex tkun tista' tissodisfa t-talbiet
tal-Istati Membri għall-pagament mistenni. Din iż-żieda
għadha taħt il-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet
għal pagamenti miftiehem skont il-qafas finanzjarju attwali tal-UE. Dawn
il-pagamenti kollha se jmorru biex jagħtu sostenn lill-investiment
produttiv, lill-appoġġ għall-impjiegi u t-taħriġ u
lill-finanzjament għar-riċerka fl-Istati Membri. F'ċerti Stati
Membri, il-fondi tal-UE jikkofinanzjaw iktar minn 50 % tal-investiment
pubbliku totali, u għalhekk il-fatt li wieħed ikun jista' jonora
l-impenji tal-UE jirrappreżenta mod importanti ta' kif jiġi promoss
it-tkabbir. ·
L-immirar tal-Fondi Strutturali lejn it-tkabbir
u l-konverġenza fil-perjodu 2012-2013:
il-politika ta' koeżjoni tal-UE timmobilizza medja ta' EUR 65 biljun
fis-sena għall-investimenti li jagħtu sostenn lit-tkabbir u
lill-ħolqien tal-impjiegi. Sabiex jiġu ttrattati aħjar
il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kriżi, ġew
ipprogrammati mill-ġdid EUR 17-il biljun, f'bidla notevoli tal-fondi
favur ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u
l-miżuri fis-suq tax-xogħol għall-persuni vulnerabbli, flimkien
ma' investimenti fl-infrastruttura u fl-effiċjenza tal-enerġija. Dawn
l-isforzi se jkomplu għaddejjin. Aktar reċentement, 'il fuq minn
EUR 7 biljun ġew ipprogrammati mill-ġdid bħala parti
mill-isforz tal-grupp tal-azzjoni pilota tal-Kummissjoni biex jiżdiedu
l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-qgħad fost
iż-żgħażagħ u l-aċċess tal-SMEs
għall-finanzjament. ·
Iż-żieda fil-kapital imħallas
tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI): sabiex ikun
konformi ma' prassi bankarja soda, il-BEI jeħtieġ żieda
fil-kapital imħallas tiegħu, jekk irid iżomm il-livell
għoli tal-attività annwali ta' self li għandu bħalissa għal
madwar EUR 65 biljun fis-sena. Hekk kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni,
għandu jkun hemm qbil bejn il-partijiet interessati tal-Istati Membri dwar
iż-żieda ta' EUR 10 biljun f'kapital imħallas, bħala
parti mill-inizjattiva l-ġdida tal-UE għat-tkabbir. Dan il-fattur
iżid sostanzjalment is-self ġenerali b'massimu ta' EUR 180
biljun. Is-self addizzjonali li jkun permissibbli ladarba jkun hemm tali
żieda fil-kapital, għandu jinxtered mal-UE kollha, anke mal-aktar
pajjiżi vulnerabbli. Dan is-self għandu jkun maħsub biex
jgħin lis-settur tal-SMEs, inklużi f'dawk l-oqsma
bħall-effiċjenza fl-enerġija u r-rinovazzjoni residenzjali li
jistgħu jiġġeneraw l-impjiegi ferm meħtieġa fis-settur
tal-kostruzzjoni li ntlaqat ħażin u jgħin lill-UE tilħaq
l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-klima u tal-enerġija. Jekk
jinstab qbil dwar din iż-żieda fil-kapital, il-Kummissjoni se
taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tgħinhom jużaw parti
mill-allokazzjonijiet tal-fond strutturali tagħhom biex jaqsmu r-riskju
tas-self tal-BEI u biex jipprovdu garanziji għas-self lill-SMEs. Din
it-taħlita ta' strumenti finanzjarji tista' tagħti spinta
lill-attività ekonomika mas-setturi u r-reġjuni kollha u tgħin
lill-SMEs jegħlbu n-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu li qed
ixekkilhom bħalissa. ·
Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji: il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' taxxa fuq
it-tranżazzjonijiet finanzjarji. F'konformità mal-proposta tagħha[4],
ir-rikavat minn taxxa bħal din (stmat għal madwar EUR 57 biljun)
jista' jintuża biex jiffinanzja l-investiment li jsaħħaħ
it-tkabbir u/jew ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek. Il-Kummissjoni pproponiet li
wħud mir-rikavati li jkunu sejrin għall-baġit tal-UE, għandhom
jintużaw biex inaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri
għall-baġit tal-UE.
3.
Ir-Rwol tal-Istati Membri f'inizjattiva ġdida għat-tkabbir
3.1.
Nisfruttaw il-potenzjal tas-Semestru Ewropew 2012
Sabiex navviċinaw
l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni bagħtet
lill-Kunsill, rakkomandazzjonijiet immirati għal kull Stat Membru,
bħala parti mis-Semestru Ewropew 2012 u mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
li ġie msaħħaħ iktar. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet issawru
fuq analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru, fuq
l-implimentazzjoni tagħhom tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew
2011[5]
u fuq kif ġiet segwita l-gwida tal-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir 2012[6] fl-Istati Membri. Kull
Stat Membru għandu l-partikolaritajiet tiegħu u r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kummissjoni speċifiċi għall-pajjiżi tfasslu apposta
biex ikunu jistgħu jqisu s-saħħiet tagħhom,
id-dgħufijiet tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li
jindirizzaw l-isfidi. Madankollu, l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha huma marbuta
ferm ma' xulxin – mhux biss permezz ta' għażla politika, tal-istorja
u tal-ġeografija, iżda wkoll permezz tal-potenzjal dinamiku li
rriżulta minn teknoloġiji ġodda li jintegraw is-swieq flimkien
aktar malajr bħal qatt qabel. Hija din l-akkumulazzjoni tas-sitwazzjonijiet
nazzjonali li tifforma d-direzzjoni ġenerali tal-UE. L-azzjonijiet
nazzjonali (jew in-nuqqas ta' azzjoni) se jkollhom inevitabbilment konsegwenzi
pożittivi u negattivi fuq il-kumplament tal-UE, u għaldaqstant hemm
il-ħtieġa ta' sistema ta' governanza ekonomika mifruxa mal-UE kollha
li tiġi implimentata permezz tas-Semestru Ewropew (ara l-Anness 1). Għall-ewwel
darba, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi fil-fond ibbażati fuq
il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi[7].
Din il-proċedura ġiet imfassla b'tali mod li tiffavorixxi
l-istabbiltà u t-tkabbir makroekonomiċi ġenerali u biex isservi ta'
lieva għal kompetittività ikbar. L-ewwel rapport dwar il-mekkaniżmu
ta' twissija, li ġie ppublikat fi Frar, sar bl-użu ta' din
il-proċedura. F'konformità mas-sejbiet li ħarġu minn dan
ir-rapport, saret l-ewwel sensiela ta' analiżi fil-fond li jkopru tnax-il
pajjiż (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza,
l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u
r-Renju Unit)[8]. Dawn ikkonfermaw
l-eżistenza ta' xi żbilanċi li minkejja li mhumiex
eċċessivi xorta waħda jirrikjedu attenzjoni partikolari;
inkluż il-kontinwità tal-proċess ta' bbilanċjar mill-ġdid
bejn il-pajjiżi li għandhom surplus u dawk li għandhom
defiċit, li għaddej bħalissa. Ir-rakkomandazzjonijiet ta'
prevenzjoni huma inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi li jkopru politiki li jappoġġjaw
il-kompetittività u l-aġġustament fis-suq tax-xogħol,
il-proċess ta' tnaqqis tad-dejn mis-setturi privati u pubbliċi kif
ukoll l-iżviluppi stabbli fis-swieq tal-assi. .
3.2.
Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kummissjoni
Il-valutazzjoni
ġenerali tal-Kummissjoni hija li l-Istati Membri qed jieħdu l-azzjoni
neċessarja biex jikkoreġu l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi
tagħhom u biex jiżguraw sostenibbiltà fiskali, iżda li dawn
l-azzjonijiet mhux dejjem qed ikunu orjentati favur it-tkabbir. Il-qgħad,
b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, huwa problema
serja ħafna li tista' biss tissolva maż-żmien, iżda
jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata biex jiżdiedu
l-impjiegi u l-produttività u biex jiġi pprovdut tqabbil ta'
xogħlijiet u ħiliet aktar b'saħħtu, li jgħin lin-nies
jerġgħu lura lejn id-dinja tax-xogħol fi swieq tax-xogħol
li jiffunzjonaw tajjeb. B'mod aktar ġenerali, għandu jiġi
indirizzat l-impatt soċjali negattiv li rriżulta mill-kriżi,
inklużi l-livelli ta' faqar. Diversi
Stati Membri, partikolarment il-pajjiżi li għaddejjin minn programm
ta' aġġustament strutturali u dawk li huma sottomessi għal
skrutinju mill-qrib tas-suq tagħhom, qed jagħmlu riformi strutturali
kbar, inkluż tas-swieq tax-xogħol tagħhom. Dawn l-isforzi huma
essenzjali biex isostnu l-irkupru u t-tkabbir dejjiemi u biex jikkontribwixxu
għat-tnaqqis ġenerali tal-iżbilanċi makroekonomiċi
fl-Ewropa. Madankollu, jeħtieġ li tittieħed azzjoni ħafna
akbar li tkun mifruxa mal-UE kollha, biex nilliberaw il-potenzjal tagħna
ta' tkabbir, biex jinbtu opportunitajiet għall-iżvilupp tan-negozji,
biex nisfruttaw il-potenzjal ta' sorsi ġodda ta' xogħlijiet,
bħal pereżempju fl-ekonomija ekoloġika, fis-servizzi,
fis-setturi tal-enerġija, fit-turiżmu u fl-ekonomija diġitali,
kif ukoll biex ngħollu l-livelli tal-ħiliet u tal-innovazzjoni.
L-azzjoni hija meħtieġa b'mod urġenti sabiex tkun ta' sostenn
għall-irkupru u għall-istandards ta' għajxien u biex
tiffaċilita l-indirizzar tal-isfidi tat-tixjiħ. Il-Kummissjoni
tinsab imħassba dwar il-fatt li l-livell tal-impenji meħuda
mill-Istati Membri mhux se jippermetti lill-UE tilħaq il-miri nominali
tagħha għall-2020 f'oqsma essenzjali bħalma huma r-rati
tal-impjiegi, ir-R&Ż, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar.
Minkejja dan, il-kisba ta' dawn il-miri hija fundamentali għall-futur
tal-Ewropa. X'għandhom
jagħmlu l-Istati Membri biex jilliberaw il-potenzjal ta' tkabbir
tagħhom stess? Fl-Istħarriġ
Annwali dwar it-Tkabbir 2012, il-Kummissjoni indikat li fl-2012, l-isforzi
fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE għandhom jikkonċentraw
fuq ħames prijoritajiet: ·
Issir ħidma li twassal għal
konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir. ·
Jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija. ·
Jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività
għal-lum u għall-ġejjieni. ·
Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi
soċjali tal-kriżi. ·
Tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni
pubblika. Din it-taqsima tiddeskrivi
fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-analiżi li wettqet il-Kummissjoni
għal kull pajjiż, ibbażata fuq il-programmi ta' Stabbiltà u ta'
Konverġenza tal-Istati Membri, fuq il-programmi nazzjonali ta' riforma u,
fejn relevanti, fuq l-impenji tal-Patt Euro Plus. Il-kaxxa tat-test fil-bidu
ta' kull taqsima tiddeskrivi fil-qosor ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin
speċifiċi għall-pajjiżi u tindika kif l-implimentazzjoni
tagħhom tista' tikkontribwixxi għal prospetti ta' tkabbir nazzjonali. Issir ħidma li
twassal għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi
t-tkabbir Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
dwar konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir għandhom
l-għan li jiżguraw li, maż-żmien, l-Istati Membri kollha
jimplimentaw politiki fiskali sodi. Dawn huma konformi mal-istrateġiji
fiskali differenzjati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet
tal-Istati Membri, speċjalment ir-riskji fiskali u makrofinanzjarji
eżistenti. L-Istati Membri qed jingħataw il-parir li jippreservaw
l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u
fl-enerġija u li joħolqu sistemi ta' protezzjoni soċjali li
jinkludu pensjonijiet aktar sostenibbli u effettivi, billi jnaqqsu
d-defiċits tal-gvern u l-livelli tad-dejn. Hemm diversi
rakkomandazzjonijiet dwar it-tassazzjoni, maħsuba biex inaqqsu l-piż
minn fuq ix-xogħol u jitrasferixxuh fuq l-ambjent u l-konsum, biex
iżidu l-effiċjenza billi jitneħħew varji eżenzjonijiet
(inklużi r-rati mnaqqsa) kif ukoll biex jiġġieldu kontra
l-evażjoni tat-taxxa u l-ekonomija klandestina. L-Istati Membri qed
jiġu rakkomandati wkoll li jiggarantixxu dixxiplina baġitarja
f'livelli subnazzjonali. Skont
il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, 23 Stat Membru bħalissa huma
soġġetti għall-proċedura ta' defiċit
eċċessiv. Għalihom, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi f'dan il-pakkett, jirriflettu l-ħtieġa
għall-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet korrettivi li nħarġu
preċedentement mill-Kunsill. Fil-każ tal-Ġermanja u
tal-Bulgarija, fit-30 ta' Mejju l-Kummissjoni ddeċidiet
separatament li tipproponi t-tħassir tas-sitwazzjoni tagħhom ta'
defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, b'segwitu
għall-valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ungerija u f'konformità
mad-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni
tal-UE, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal deċiżjoni
tal-Kunsill biex titneħħa s-sospensjoni tal-impenji tal-Fond ta'
Koeżjoni ta' Marzu 2012.
Għall-Istati Membri li ma jagħmlux parti
mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv, ir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi jinkoraġġixxu
l-awtoritajiet biex jimplimentaw pjanijiet fiskali kemm li jifavorixxu
t-tkabbir kif ukoll li jkollhom l-għan li jiksbu u li jżommu
pożizzjonijiet baġitarji li jiggarantixxu sostenibbiltà fit-tul
tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-ispejjeż tat-tixjiħ. L-analiżi
tal-Kummissjoni tindika li l-Istati Membri mexjin tajjeb bl-isforzi
tagħhom għal konsolidazzjoni fiskali, li qed inaqqsu d-defiċits
tal-gvern. Dawn id-defiċits għandhom jonqsu minn 4.5 % fl-2011
għal 3.5 % fl-2012. Madankollu, il-proporzjoni tad-dejn tal-gvern
għadu qed jogħla, tant li se jilħaq 86 % tal-PDG fl-2012, u
r-raġuni għal dan hija r-rata aktar baxxa fit-tkabbir. Il-Kummissjoni
tqis li huwa essenzjali li jinżammu l-iskadenzi miftiehma għall-korrezzjoni
tad-defiċits eċċessivi u li jsir ċaqliq rapidu li
javviċina l-objettivi fiskali ta' terminu medju speċifikati
mill-Kunsill. Aġġustamenti fiskali bħal dawn għandhom
jitwettqu b'tali mod li jkunu jappoġġjaw tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli,
hekk kif se jiġi deskritt hawn taħt. Dan it-tkabbir jikkonforma
mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jippermetti li jitħaddmu
stabilizzaturi awtomatiċi matul l-aġġustament strutturali li
jwassal għall-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi u
għall-kisba eventwali tal-objettivi ta' terminu medju. Fl-istess ħin,
huwa jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri li qed
jiffaċċjaw skrutinju tas-suq mill-aktar intensi, jaħdmu
għal konsolidazzjoni ambizzjuża li saħansitra tisfida ambjent
makroekonomiku agħar milli jkun mistenni. Dawk il-pajjiżi li
ħerġin mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv qed
jiġu rakkomandati jużaw l-ispazju fiskali disponibbli
għall-investiment li jsaħħaħ it-tkabbir. Qed jiġu
introdotti oqfsa fiskali nazzjonali msaħħa, kif meħtieġ
mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li jsiru
sforzi speċifiċi biex jiġi żgurat li d-dixxiplina fiskali
fil-livell tal-gvern ċentrali titpatta minn azzjoni effettiva simili li
żżomm il-finanzi pubbliċi taħt kontroll f'livelli
subnazzjonali wkoll. Dan jirrappreżenta sfida partikolari f'diversi
pajjiżi federali jew reġjonalizzati. Se jkun importanti
li jsir titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi, billi tiġi
prijoritizzata n-nefqa fil-miri tal-Ewropa 2020 u billi jiġi żgurat
li tali nefqa tkun kemm jista' jkun effiċjenti. Il-kontroll tal-UE
tal-għajnuna mill-Istat jgħin biex jippromwovi l-infiq ta' kwalità u
biex jimminimizza t-tfixkil. Reċentement, il-Kummissjoni nediet proposta
ambizzjuża ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u
l-Istati Membri se jkollhom bżonn jiżguraw konformità aħjar
mar-regoli u koordinazzjoni interna aħjar tal-interventi ta' għajnuna
mill-Istat fil-livell nazzjonali. Is-sistemi
tal-pensjonijiet qed jiġu adattati biex jikkonfrontaw l-isfidi
tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, permezz tal-implimentazzjoni f'diversi
pajjiżi, ta' riformi kbar li l-karatteristika komuni tagħhom hija li
jtawlu l-ħajja tax-xogħol. Dawn ir-riformi huma essenzjali biex
jitrażżnu l-ispejjeż finanzjarji u biex tiġi żgurata
sostenibbiltà finanzjarja fit-tul ta' sistemi xierqa ta' protezzjoni
soċjali. Fl-istess waqt, huwa neċessarju li l-ħaddiema anzjani
jiġu attirati lejn l-impjieg u li jinżammu jaħdmu lil hinn
mill-mudelli ta' rtirar attwali, f'konformità mat-titjib fl-istennija
tal-għomor, u li jitqies il-livell tal-pensjonijiet, biex jiġi evitat
li l-anzjani jispiċċaw vittmi tal-faqar. Sar inqas progress fil-qasam
tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, fejn il-ħtieġa
tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għal kura
fit-tul trid tiġi bbilanċjata mal-pressjoni finanzjarja illi dejjem
tiżdied, li tirriżulta mill-iżviluppi demografiċi. Diversi Stati Membri qed iżidu
t-taxxi biex jappoġġjaw il-konsolidazzjoni fiskali.
Il-Kummissjoni talbet li titneħħa t-tassazzjoni minn fuq
ix-xogħol biex tiġi ttrasferita fuq prattiki, konsum u proprjetà
immobbli li jagħmlu ħsara lill-ambjent, filwaqt li jiġi
żgurat li l-piż ma jaqax b'mod sproporzjonat fuq l-aktar sezzjonijiet
fqar tas-soċjetà. Waqt li għadd ta' Stati Membri żiedu b'mod
sinifikanti t-taxxi fuq il-konsum u bdew ireġġgħu lura
t-tendenza negattiva tat-tassazzjoni ambjentali, ma hemmx evidenza li kien hemm
tnaqqis ġenerali fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Qed isiru xi sforzi
u għandu jkun hemm aktar biex jiġu eliminati l-eżenzjonijiet
mit-taxxa u s-sussidji, kif ukoll ir-rati mnaqqsa bħal pereżempju
għall-VAT. Qed tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-konformità
mat-taxxa iżda għall-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina,
jeħtieġ li jkun hemm azzjoni aktar b'saħħitha. Jerġa' jibda
jsir self normali lill-ekonomija Sabiex jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija,
ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi qed
jiffukaw fuq it-tlestija tar-ristrutturar tas-settur bankarju filwaqt li
jiġi evitat proċess ta' tnaqqis eċċessiv tad-dejn. Qed isiru sforzi biex
titkompla l-ħidma fuq ir-ristrutturar tas-settur finanzjarju u biex
jissaħħaħ il-qafas superviżorju, f'konformità
mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mar-rakkomandazzjonijiet. Is-sitwazzjoni
ta' dawk il-banek li ġew esposti l-aktar għall-kriżi u li
għadhom vulnerabbli għadha sors ta' tħassib. Dan il-fatt
jispjega għalfejn fir-rakkomandazzjonijiet ta' ċerti pajjiżi qed
jintalab li jittieħdu aktar miżuri ta' ristrutturar u ta'
prekawzjoni. Li jerġa'
jiġi stabbilit livell normali ta' flussi ta' kreditu għadu
jirrappreżenta sfida f'ħafna pajjiżi, partikolarment
għall-SMEs. Filwaqt li dan huwa parzjalment spjegat mid-dgħufija
tal-karti tal-bilanċ u tal-prospetti korporattivi, il-fatt li kien hemm
nuqqas ta' mezzi xierqa li jilħqu lill-SMEs ukoll kellu rwol importanti.
Għandhom jiġu promossi gruppi ġodda ta' kapital, inkluż l-aċċess
għal self bejn il-pari, għall-ekwità privata u għall-kapital
tar-riskju. F'ċerti Stati Membri, il-fondi strutturali tal-UE jista'
jkollhom rwol importanti f'dan il-kuntest billi jiffinanzjaw is-selfiet u
l-garanziji permezz ta' strumenti speċifiċi. Bosta SMEs qed ibatu
minħabba pagamenti tard mill-awtoritajiet pubbliċi. Din il-problema
qed tiġi indirizzata mid-Direttiva l-ġdida dwar il-pagamenti tard, li
se tidħol fis-seħħ f'Marzu tal-2013. Qabel id-dħul fis-seħħ
tad-Direttiva, jista' jkun hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali
min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi biex jinqata' x-xogħol b'lura
li kien akkumula fir-rigward tal-arretrati. Jiġu promossi
t-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għall-ġejjieni Sabiex jgħinu fil-promozzjoni tat-tkabbir u tal-kompetittività,
ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi qed
jiffukaw fuq l-ambjent tan-negozju, anke billi jitnaqqas il-piż
amministrattiv u billi jiġu estiżi l-industriji tan-netwerks
bħalma huma dawk tal-enerġija, tar-rotot ferrovjarji u tat-telekomunikazzjonijiet
għall-kompetizzjoni biex joffru servizzi aħjar għan-negozji u
għaċ-ċittadini. F'ċerti każijiet, huma jirrakkomandaw
iktar indipendenza għar-regolaturi. Huma jindirizzaw l-implimentazzjoni
tad-Direttiva dwar is-Servizzi billi jitneħħew restrizzjonijiet mhux
ġustifikati jew sproporzjonati fuq l-għoti ta' servizzi, inkluża
d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza. Jitrattaw
ukoll restrizzjonijiet li hemm bħalissa fis-settur fil-livell tal-konsumaturi.
Rakkomandazzjonijiet oħrajn jittrattaw it-tisħiħ
tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-titjib tal-effiċjenza
fir-riżorsi, u l-irbit aktar mill-qrib tal-edukazzjoni mar-rekwiżiti
tas-suq tax-xogħol. F'ħafna Stati Membri,
ċerti servizzi mhumiex aċċessibbli biżżejjed.
Implimentazzjoni aktar ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi tkun
tgħin, hekk kif jgħinu miżuri għat-tisħiħ
tal-kompetizzjoni u tal-kompetittività fis-settur fil-livell tal-konsumaturi,
biex jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ ta' ditti u
biex jiġu eliminati restrizzjonijiet mhux ġustifikati
għas-servizzi ta' negozju u dawk professjonali, għall-professjonijiet
legali, għall-konsultazzjoni kontabilistika jew teknika u għas-settur
tas-saħħa u dak soċjali. L-espansjoni tas-swieq ta' akkwist
pubbliku permezz ta' tiftix attiv għal offerti transkonfinali, tkun
tistimola wkoll opportunitajiet, proċessi u innovazzjonijiet ġodda. Jeħtieġ li jsir
titjib sostanzjali fil-prestazzjoni tal-industriji tan-netwerks ewlenin
- it-trasport, l-enerġija u l-broadband. L-investiment fl-infrastrutturi
huwa neċessarju f'diversi pajjiżi biex jittejbu
l-interkonnessjonijiet, biex tiġi estiża l-fornitura u biex tkun
possibbli l-kompetizzjoni fil-prezz. Minħabba li l-opportunitajiet fiskali
biex jinbidlu l-pjanijiet huma limitati, għandhom jintużaw forom
innovattivi ta' finanzjament li jikkombinaw sorsi privati u pubbliċi,
bħall-bonds tal-proġetti tal-UE. Il-livelli tal-kompetizzjoni
għadhom baxxi f'ħafna swieq u l-qafas regolatorju mifrux mal-UE
kollha għadu mhux kompletament fis-seħħ: nofs l-Istati Membri
għadhom ma ttrasponewx id-Direttivi dwar is-Suq Intern tal-Enerġija
jew ma rnexxielhomx jittrasponuhom kif suppost. Diversi Stati Membri
jeħtieġu kompetizzjoni ikbar bejn il-fornituri tal-enerġija,
it-tneħħija tal-prezzijiet regolati u iktar indipendenza
għar-regolaturi. Huwa neċessarju li jsiru sforzi ulterjuri
fit-trasport biex jitnaqqsu l-piż regolatorju u l-ostakli
għad-dħul fis-settur ferrovjarju fl-Istati Membri l-kbar jew f'dawk
ta' tranżitu. L-aċċessibbiltà medja tal-broadband għadha baxxa
u hemm lok konsiderevoli għal titjib fis-servizzi u għal sigurtà
fl-użu tal-kummerċ elettroniku. It-titjib
fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-avviċinament lejn ekonomija
b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju huma essenzjali biex tiġi
żviluppata ulterjorment il-kompetittività tal-Ewropa, fid-dawl
tal-iskarsezza tar-riżorsi li dejjem qed tiżdied u tal-volatilità
fil-prezzijiet, kif ukoll tat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa.
L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u ġestjoni aħjar
tar-riżorsi naturali se jiftħu opportunitajiet ekonomiċi
sinifikanti għat-tkabbir futur u għall-impjiegi, u dan se jwassal
għal produttività aħjar, għal spejjeż inqas u għal
iktar innovazzjoni. Huma essenzjali livelli
għolja ta' R&Ż u ta' innovazzjoni biex tinżamm
il-kompetittività tal-Ewropa. Anke jekk xi wħud mill-Istati Membri
tagħha llum il-ġurnata jinsabu fost il-mexxejja dinjin f'diversi
oqsma, l-Ewropa inġenerali qed tibda taqa' lura maż-żmien. Flok
ma ġiet separata jew miżjuda, in-nefqa pubblika fuq ir-riċerka
ġiet milquta mill-konsolidazzjoni fiskali f'ħafna Stati Membri.
Jidher biċ-ċar li hemm bżonn ta' investiment privat addizzjonali
fir-R&Ż u fejn ikun meħtieġ dan għandu jiġi
mħeġġeġ permezz ta' inċentivi pubbliċi.
Ir-riżultati tar-riċerka għandhom jitressqu viċin tas-suq
permezz tal-akkwist prekummerċjali. B'mod aktar ġenerali, bla dubju
hemm ħtieġa għal aktar sħubiji bejn l-edukazzjoni u
l-istituzzjonijiet iddedikati għat-tagħlim tul il-ħajja,
l-entitajiet tar-riċerka u n-negozji, biex isir użu sħiħ
tal-istrumenti tal-UE li hemm għad-dispożizzjoni. Jiġu
indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi Bosta rakkomandazzjonijiet jitrattaw il-ħolqien ta'
kundizzjonijiet għal-livelli ogħla ta' impjiegi, li jżidu
l-parteċipazzjoni u jżommu lin-nies fis-suq tax-xogħol. L-aktar
punti enfasizzati huma l-ġlieda kontra l-qgħad fost
iż-żgħażagħ, it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u
t-titjib tat-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u
t-titjib tal-apprentistati. Diversi rakkomandazzjonijiet jindirizzaw
it-tnaqqis tal-faqar u l-għajnuna għall-gruppi vulnerabbli. Hemm
ukoll rakkomandazzjonijiet dwar għoti ta' appoġġ aktar
b'saħħtu u aktar personalizzat lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg
u dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fuq bażi
full-time. L-Istati Membri huma rakkomandati wkoll jiżguraw li
l-mekkaniżmi tagħhom għall-iffissar tal-pagi jirriflettu kif
xieraq l-iżviluppi tal-produttività u jistimulaw il-ħolqien
tax-xogħol. Il-kriżi wasslet
għal żieda sinifikanti fir-rata tal-qgħad u ggravat
konsiderevolment il-prospetti ta' xogħol għal ħafna nies, li
qegħdin fir-riskju li jkollhom jirtiraw mis-suq tax-xogħol. Aktarx li
l-livelli għolja ta' qgħad se jibqgħu hekk għal ċertu
żmien minħabba d-diskrepanza fiż-żmien li hemm bejn
l-irkupru ekonomiku u t-titjib fis-suq tax-xogħol. Qed jiġu
mobilizzati politiki attivi fis-suq tax-xogħol - bħal
taħriġ għall-qiegħda u gwida mis-servizzi pubbliċi
għall-impjiegi - iżda ħafna drabi dawn ikunu batuti
minħabba immirar dgħajjef u nuqqas ta' effettività. Il-konsegwenzi
soċjali tal-kriżi qed jintħassu dejjem aktar. Il-faqar u
r-riskju tal-faqar qed jiżdiedu u l-pressjonijiet fuq l-infiq pubbliku qed
jirriżultaw f'kompromessi diffiċli għall-għoti ta' servizzi
u ta' benefiċċji soċjali. Il-qgħad fost
iż-żgħażagħ żdied drastikament, fejn
iż-żgħażagħ għandhom ċans doppju li
jispiċċaw qiegħda meta mqabbla mal-popolazzjoni adulta. Mal-UE
kollha, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija
ta' 22 % u f'ċerti Stati Membri tasal saħansitra sa 50 %. Hemm
xi esperjenzi promettenti bil-garanziji għaż-żgħażagħ
li jistgħu jiġu implimentati mal-UE kollha, anke bl-appoġġ
mill-Fond Soċjali Ewropew. Ma kienx hemm
biżżejjed progress fl-espansjoni ta' faċilitajiet tajbin
għall-but ta' kulħadd li jindukraw lit-tfal u lill-persuni
dipendenti, fit-tnaqqis tad-differenzi fil-pagi u fit-titjib tat-trattament
fiskali tat-tieni sors ta' dħul, biex tiżdied b'mod sinifikanti l-parteċipazzjoni
tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Għad ma hemmx biżżejjed
enfażi fuq l-istrateġiji ta' tixjiħ attiv, inkluż
il-modernizzazzjoni tal-arranġamenti tax-xogħol u aċċess
usa' għat-tagħlim tul il-ħajja, li huma essenzjali
għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema,
partikolarment għall-ħaddiema aktar anzjani. Ċerti Stati Membri
introduċew riformi mifruxa ferm tas-sistemi tagħhom tal-iffissar u
tal-indiċjar tal-pagi biex jiżguraw li maż-żmien
l-iżviluppi fil-pagi jirriflettu aħjar il-produttività. F'pajjiżi
oħra fejn il-funzjonament ta' ċerti sistemi ta' indiċjar
tal-pagi ġie identifikat bħala theddida possibbli
għall-kompetittività, il-progress li sar kien limitat. Dawn
il-pajjiżi se jkollhom bżonn isibu modi kif fil-futur,
f'konsultazzjoni ma' sħab soċjali, inaqqsu dan
l-iżvantaġġ. Xi bbilanċjar mill-ġdid li jiffavorixxi
d-domanda domestika, inkluż permezz ta' żieda fil-pagi, li sar fil-pajjiżi
li bħalissa għandhom surplus fil-kontijiet, huwa notevoli u
għandu jitkompla. Għandu jinstab bilanċ bejn l-iżgurar li
l-livelli tal-pagi ma jkunux tant għoljin li jiskoraġġixxu
r-reklutaġġ taż-żgħażagħ u ta' dawk
b'ħiliet limitati b'mod partikolari, u l-iżgurar li l-livelli ma
jkunux tant baxxi li jirriskjaw li joħolqu nasbiet ta' faqar fost dawk li
jaħdmu. Filwaqt li ċerti Stati
Membri taw bidu għal riformi mifruxa ferm tal-leġiżlazzjoni
tagħhom dwar ix-xogħol li jippermettu li jkun hemm forom aktar
flessibbli ta' kuntratti u ta' arranġamenti ta' xogħol,
f'każijiet oħra l-proċess tar-riforma jidher li għaddej
bil-mod meta mqabbel mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mar-riskji
tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fejn parti kbira mill-popolazzjoni
għadha tagħmel xogħol prekarju jew tinsab barra mis-suq
tax-xogħol. Arranġamenti ta' xogħol għal żmien qasir u
prattiki interni oħra ta' flessibbiltà rriżultaw li kienu effettivi
f'diversi pajjiżi biex jiġu ppreservati l-impjiegi fl-eqqel
tal-kriżi, partikolarment fis-settur tal-manifattura. Sabiex tgħin
fl-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħlijiet, il-Kummissjoni
għamlet xi proposti biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri
jsaħħu l-politiki dwar l-impjiegi[9] ħalli jkunu
jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet ta' xogħol fl-ekonomija
ekoloġika, fis-settur tal-kura tas-saħħa u fl-ICT fejn
tikkalkula li jistgħu jinħolqu aktar minn 20 miljun impjieg. Barra
minn hekk, mobbiltà mtejba bejn l-Istati Membri, it-tqabbil tal-ħiliet u
l-postijiet tax-xogħol vakanti bejn pajjiż u ieħor jistgħu
jiġu appoġġjati mill-EURES, is-sistema tal-postijiet
tax-xogħol vakanti. Jeħtieġ li
l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu indirizzati l-livelli
għolja ta' tluq bikri mill-iskola, inklużi l-miżuri
preventivi u r-riformi fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta' taħriġ
vokazzjonali inklużi dawk li jagħtu spinta lill-apprentistati, isiru
aktar malajr. Dan mhux biss huwa essenzjali għall-impjegabbiltà
tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda iżda wkoll
għall-kompetittività tal-ekonomija inġenerali, minħabba li l-UE
qed taqa' lura meta mqabbla mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha.
Barra minn hekk, il-bidla demografika qed toħloq riskji ġodda ta'
tqabbil ħażin tal-ħiliet u ta' nuqqasijiet, li qed iwasslu
għal pressjoni addizzjonali biex wieħed idum aktar ix-xogħol u
jkun iktar produttiv. Diversi pajjiżi jridu jagħmlu sforzi
speċifiċi biex inaqqsu l-għadd kbir ta' tfal li qed jitilqu
mill-iskola kmieni, biex itejbu l-opportunitajiet
taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u biex inaqqsu
l-qgħad fost iż-żgħażagħ. B'mod aktar
ġenerali, jeħtieġ li l-livelli kollha jtejbu l-prestazzjoni
edukattiva tagħhom, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u
l-livell universitarju. F'ħafna mill-Istati Membri hemm lok
għall-iżvilupp tal-iskemi għall-apprentistati. Inġenerali,
għad hemm ħafna xi jsir biex l-edukazzjoni u t-taħriġ jaslu
jorbtu mal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol u biex dawn
jantiċipawhom bil-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni
mill-iskola għax-xogħol. Tiġi
mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
dwar l-amministrazzjoni pubblika jittrattaw is-servizzi mogħtija
lin-negozji, jindirizzaw id-dewmien fis-sistema legali u l-użu
tal-e-government (gvern elettroniku) biex jiġi ffaċilitat il-kuntatt
maċ-ċittadini u man-negozji. Diversi rakkomandazzjonijiet ikopru
wkoll il-kwistjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva li
tittratta l-fondi tal-UE. Bħalissa l-amministrazzjonijiet
pubbliċi tal-UE kollha jinsabu taħt pressjoni: mhux biss qed
jiffaċċjaw tnaqqis fil-baġits u fil-livelli tal-personal
iżda qed ikollhom jadattaw ukoll għall-aspettattivi soċjetali u
tan-negozji li qed isiru dejjem aktar eżiġenti. Hekk kif
l-integrazzjoni politika u ekonomika miexja 'l quddiem, jeħtieġ li
jimplimentaw regoli tal-UE dejjem aktar sofistikati u eżiġenti. Amministrazzjonijiet
dgħajfa f'diversi Stati Membri jikkawżaw problemi li jvarjaw minn
diffikultajiet biex isir negozju għal implimentazzjoni fqira tal-fondi
tal-UE u traspożizzjoni fqira tal-liġi tal-UE. L-isfida li jiġu
żgurati servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja tirrikjedi
innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva, bħal avviċinament
determinat lejn l-użu tal-gvern elettroniku. Għadd ta'
amministrazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw minn skambju aktar intensiv
tal-aħjar prassi. Jeħtieġ li tittejjeb l-effiċjenza
tas-sistemi tal-ġustizzja ċivili f'ħafna pajjiżi,
b'mod partikolari billi jitnaqqas ix-xogħol b'lura, billi jitħaffu
l-proċedimenti ġudizzjarji u billi jiġu introdotti forom
alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim. Minħabba l-pressjoni li
hemm fuq il-finanzi pubbliċi, il-fondi tal-UE jikkostitwixxu lieva
essenzjali li tistimula l-ekonomija u li tiffinanzja proġetti konkreti li
jrawmu t-tkabbir f'ħafna pajjiżi. Hemm bżonn li
tissaħħaħ il-governanza tal-istituzzjonijiet pubbliċi billi
jiġi professjonalizzat ulterjorment is-servizz ċivili, billi
tittejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi umani, billi jittejbu
l-kapaċitajiet analitiċi u billi jiġu żgurati l-kontinwità
u l-istabbiltà tal-persunal kompetenti. Ir-regoli ġew simplifikati
fil-livell tal-UE u l-Kummissjoni qed tassisti lill-Istati Membri fl-isforzi
tagħhom ta' pprogrammar mill-ġdid li jaġġustaw
il-finanzjament aktar lejn il-ħtiġijiet ta' tkabbir. Ħafna mill-Istati Membri
għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw
il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. L-Istati Membri kollha għandhom xi
"ekonomiji klandestini", li jinkludu uħud li huma
żviluppati sew. Il-problemi kkawżati mill-frodi u l-evażjoni
tat-taxxa jridu jiġu indirizzati f'livelli differenti permezz ta': l-isforzi
tal-Istati Membri biex irendu s-sistema tagħhom għall-ġbir ta'
taxxi aktar effettiva; kooperazzjoni aktar b'saħħitha u effettiva
bejn l-Istati Membri; politika tal-UE ċara u koerenti fil-konfront
tal-pajjiżi terzi li tiżgura l-possibbiltà li jittieħdu
miżuri adegwati għal kontra l-frodi u l-evażjoni, li jibnu fuq
l-użu ta' ċerti ġurisdizzjonijiet mhux tal-UE li ma japplikawx
standards ekwivalenti; u politika koordinata u effettiva fir-rigward
tal-pajjiżi terzi.
4.
Konklużjonijiet
Il-kriżi żvelat
żbilanċi profondi ħafna u nuqqas milli jitwettqu r-riformi
neċessarji mal-UE kollha. Bħalma
dawn il-problemi ħadu ż-żmien biex bdew jinħassu, irid
jgħaddi ż-żmien qabel ma l-ekonomija tal-UE terġa' trabbi
bażi soda. L-analiżi li
saret għas-Semestru Ewropew 2012 turi li l-governanza ekonomika
l-ġdida tal-UE qed tibda taħdem, u li din qed tgħin lill-Istati
Membri jiffukaw fuq ir-riformi essenzjali li se jwasslu għal tkabbir
sostenibbli u għall-impjiegi. Huwa
evidenti wkoll li fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar
il-konsolidazzjoni fiskali, l-Istati Membri mhux dejjem qed jagħżlu
t-toroq li l-aktar jifavorixxu t-tkabbir. B'mod ġenerali, hemm
bżonn li fit-tnax-il xahar li ġejjin, il-miżuri ta' tkabbir
jingħataw prominenza u urġenza ikbar, filwaqt li titkompla
l-ħidma fuq il-konsolidazzjoni u l-istabbilizzazzjoni fiskali tas-settur
finanzjarju. Sabiex il-miżuri
ta' politika u r-riformi jiġu sfruttati kemm jista' jkun possibbli,
jeħtieġ li dan il-proċess isir b'mod koordinat kemm fil-livell
nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE. Permezz tal-proposti li
hawn f'din il-Komunikazzjoni u permezz tar-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi aktar dettaljati tagħha,
il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri konkreti li jistgħu jgħinu
lill-UE terġa' torjenta lilha nnifisha lejn it-tkabbir u toħloq
l-impjiegi li jistgħu jgħinuha biex tgħolli l-istandards
tal-għajxien, tnaqqas il-faqar u tiżgura tkabbir iktar sostenibbli
għall-futur. L-implimentazzjoni
ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet hija prijorità. Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha tal-qafas il-ġdid
ta' governanza biex tikkontrolla u tivvaluta l-progress li se jsir matul
is-sena li ġejja. Fl-istess ħin,
il-Kummissjoni se tkompli tiffoka bil-qawwi fuq l-implimentazzjoni
sħiħa tal-Pjan Direzzjonali ta' Ottubru 2011 biex tiżgura
approċċ ibbilanċjat li jgħin lill-UE toħroġ
mill-kriżi. Il-Kummissjoni se
taħdem b'mod intensiv flimkien mal-Istati Membri u mal-Istituzzjonijiet
Ewropej biex timplimenta l-inizjattiva tagħha għat-tkabbir u biex
tiżviluppa l-komponenti ewlenin u medda ta' żmien għat-tlestija
tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Anness 1: Is-Semestru Ewropew Anness 2: Ir-riżultati tal-analiżi
fil-fond u tal-proċeduri ta' defiċit eċċessiv Anness 1: Is-Semestru Ewropew
għall-koordinazzjoni tal-politika F'Marzu tal-2010,
il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija Ewropa 2020 u l-Kunsill
Ewropew approvaha. Din hija
l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir għall-għaxar snin li
ġejjin. Għandha ħames
miri nominali fl-oqsma tal-impjiegi, tar-R&Ż, tal-klima u
l-enerġija, tal-edukazzjoni u tal-ġlieda kontra l-faqar. F'Marzu tal-2011, tlieta u għoxrin Stat
Membru qablu wkoll dwar il-Patt Euro Plus biex iżidu
l-koordinazzjoni tar-riformi f'oqsma li mhumiex kompletament koperti fil-livell
tal-UE (ara l-kaxxa). Il-Kummissjoni pproponiet
ukoll "six-pack" ta' leġiżlazzjoni, li qablu dwaru
l-koleġiżlaturi tal-UE, fir-rigward tal-governanza ekonomika, u dan
daħal fis-seħħ fit-13 ta' Diċembru 2011. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tat
lill-UE għodod ġodda u effettivi biex japprofondixxu
l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri
u biex jinfurzaw ir-regoli. Permezz
tagħha, ġie emendat il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir,
bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza kollettiva tal-finanzi
pubbliċi. Il-kriterju
tal-proporzjon tad-dejn inkluż fit-Trattat huwa enfasizzat ħafna
iktar, u ġew introdotti mekkaniżmi ġodda ta' infurzar
(inklużi s-sanzjonijiet) kemm fil-parti preventiva tal-Patt kif ukoll
f'dik korrettiva. Billi ġiet
rikonoxxuta l-importanza li l-iżbilanċi makroekonomiċi ta'
natura mhux fiskali jiġu indirizzati bil-qawwi, ġie estiż ukoll
il-qafas ta' sorveljanza permezz tal-proċedura l-ġdida
għall-iżbilanċ makroekonomiku. Din il-proċedura għandha l-għan li tipprevjeni milli
jiffurmaw żbilanċi li jikkawżaw riskju għall-istabbiltà
ekonomika. Fejn l-iżbilanċi
jippersistu, il-proċedura se tiggarantixxi li jittieħdu l-azzjonijiet
korrettivi meħtieġa. Il-proċedura
l-ġdida tinkludi sistema ta' sanzjonijiet għal nuqqas ripetut ta'
konformità mal-azzjonijiet miftiehma. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' twissija,
li ġie ppublikat fi Frar 2012, sar bl-użu ta' din il-proċedura
l-ġdida. F'konformità
mas-sejbiet li ħarġu minn dan ir-rapport, saru l-ewwel analiżi
fil-fond dwar tnax-il pajjiż (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka,
Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Finlandja,
l-Isvezja u r-Renju Unit)[10]. Sabiex jaslu għal
dawn l-objettivi b'mod kollettiv u biex iressqu flimkien dawn l-impenji kollha,
sabiex jiżguraw koordinazzjoni ex-ante u segwitu aħjar
tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri qablu u implimentaw
għall-ewwel darba fl-2011 mod ġdid ta' kif jikkoordinaw il-politiki
nazzjonali, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika. Iċ-ċiklu
jibda bil-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT)
mill-Kummissjoni Ewropea, li janalizza l-isfidi ekonomiċi u jistabbilixxi
l-prijoritajiet għall-UE kollha kemm hi. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiġi ppreżentat
lill-Parlament Ewropew u jservi ta' referenza għad-diskussjoni bejn
il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern fis-summit Ewropew tar-rebbiegħa. Abbażi tal-gwida tagħhom, l-Istati
Membri jippreżentaw il-Programmi ta' Stabbiltà u ta' Konverġenza (li
jagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi
tagħhom) u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (li jagħtu ħarsa
lejn il-miżuri li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi) f'April,
sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvalutahom fl-istess waqt. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tieħu
l-għamla ta' proposti għar-rakkomandazzjonijiet annwali
speċifiċi għall-pajjiżi, li mbagħad jiġu diskussi
mill-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, sal-bidu tas-sajf jiġu approvati
mill-Kunsill Ewropew u fl-aħħar jiġu adottati mill-Kunsill. Fit-tieni parti tas-sena, l-Istati Membri
jiffinalizzaw il-baġits nazzjonali u l-istrateġiji ta' riforma
tagħhom, u l-Kummissjoni u l-entitajiet tal-UE relevanti jiddiskutu u
jikkontrollaw il-prestazzjoni u l-progress. Il-pakkett tal-lum
qed iwitti t-triq għall-konklużjoni tat-tieni Semestru Ewropew
għall-koordinazzjoni tal-politika fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012. Meta mqabbla mas-sena li għaddiet,
l-effettività tal-proċess u l-impatt tal-gwida li ngħatat ġew
imsaħħa permezz tat-tagħlimiet li nġabru
mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2011, permezz tas-sejbiet
tal-analiżi fil-fond li twettqu għat-12-il Stat Membru u permezz
tal-awtomatiċità ikbar li għandha ssegwi l-adozzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet proposti għall-azzjoni. Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-perjodu 2012-2013* * Għall-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u
r-Rumanija, l-unika rakkomandazzjoni li hemm hija li jimplimentaw l-impenji
eżistenti skont il-programmi ta' assistenza finanzjarja tal-UE/FMI. Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020[11] Is-simbolu
"*" huwa miżjud meta mira nazzjonali tkun qed tiġi espressa
b'indikatur differenti mill-indikatur tal-mira ewlenija tal-UE. Il-miri tal-Istati Membri || Ir-rata tal-impjiegi (f'%) || Ir-R&Ż f'% tal-PDG || Il-miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet (imqabbla mal-livelli tal-2005)[12] || L-enerġija rinnovabbli || L-effiċjenza fl-enerġija – it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija f'Mtoe[13] || Tluq bikri mill-iskola f'% || Edukazzjoni terzjarja f'% || It-tnaqqis tal-popolazzjoni li qiegħdha fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, f'għadd ta' persuni Il-mira nominali tal-UE || 75% || 3% || -20% (imqabbla mal-livelli tal-1990) || 20% || żieda ta' 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija li tiswa daqs 368 Mtoe || 10% || 40% || 20 000 000 UE (Stima) || 73.70-74% || 2.65-2.72% || -20% (imqabbla mal-livelli tal-1990) || 20% || 206.5 || 10.3-10.5% || 37.6-38.0%[14] || AT || 77-78% || 3.76% || -16% || 34% || 7.16 || 9.5% || 38 % (inkluż l-ISCED 4a, li fl-2010 kien madwar 12 %) || 235 000 BE || 73.2% || 3.0% || -15% || 13% || 9.80 || 9.5% || 47% || 380 000 BG || 76% || 1.5% || 20% || 16% || 3.20 || 11% || 36% || 260 000* CY || 75-77% || 0.5% || -5% || 13% || 0.46 || 10% || 46% || 27 000 CZ || 75% || 1% (is-settur pubbliku biss) || 9% || 13% || M.A. || 5.5% || 32% || Jinżamm l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fil-livell tal-2008 (15.3% tal-popolazzjoni totali), bi sforzi biex jitnaqqas bi 30 000 DE || 77% || 3% || -14% || 18% || 38.30 || <10% || 42% (inkluż l-ISCED 4, li fl-2010 kien madwar 11.4%) || 320 000 (qiegħda għal żmien twil)* DK || 80% || 3% || -20% || 30% || 0.83 || <10% || Mill-anqas 40% || 22 000 (persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità ta' xogħol baxxa ħafna)* EE || 76% || 3% || 11% || 25% || 0.71 || 9.5% || 40% || 61 860 persuna barra mir-riskju tal-faqar* EL || 70% || Mira mhux disponibbli || -4% || 18% || 2.70 || taħt l-10% || 32% || 450 000 ES || 74% || 3% || -10% || 20% || 25.20 || 15% || 44% || 1 400 000 - 1 500 000 FI || 78% || 4% || -16% || 38% || 4.21 || 8% || 42% (definizzjoni nazzjonali ristretta) || 150 000 FR || 75% || 3% || -14% || 23% || 34.00 || 9.5% || 50% || Tnaqqis tar-rata fissa ta' persuni fir-riskju tal-faqar b'terz matul il-perjodu 2007-2012 jew b'1 600 000 persuna* HU || 75% || 1.8% || 10% || 14.65% || 2.96 || 10% || 30.3% || 450 000 IE || 69-71% || madwar 2% 2.5% tal-PNG) || -20% || 16% || 2.75 || 8% || 60% || 200 000* IT || 67-69% || 1.53% || -13% || 17% || 27.90 || 15-16% || 26-27% || 2 200 000 LT || 72.8% || 1.9% || 15% || 23% || 1.14 || <9% || 40% || 170 000 LU || 73% || 2.3-2.6% || -20% || 11% || 0.19 || <10% || 66% || 6 000 LV || 73% || 1.5% || 17% || 40% || 0.67 || 13.4% || 34-36% || 121 000* MT || 62.9% || 0.67% || 5% || 10% || 0.24 || 29% || 33% || 6 560 NL || 80 % || 2,5 % || -16% || 14% || M.A. || <8 % || >40% mistennija 45% fl-2020 || 93 000* PL || 71% || 1.7% || 14% || 15.48% || 13.6 || 4.5% || 45% || 1 500 000 PT || 75% || 3% || 1% || 31% || 6.00 || 10% || 40% || 200 000 RO || 70% || 2% || 19% || 24% || 10.00 || 11.3% || 26.7% || 580 000 SE || Ħafna iktar minn 80 % || Madwar 4 % || -17% || 49% || 12.80 || <10% || 40-45% || Tnaqqis fil-% ta' nisa u rġiel li ma jagħmlux parti mill-forza tax-xogħol (minbarra studenti fuq bażi full-time), tal-qiegħda għal żmien twil jew ta' dawk fuq liv fit-tul minħabba raġunijiet ta' mard, għal ħafna inqas minn 14 %* SI || 75% || 3% || 4% || 25% || M.A. || 5% || 40% || 40 000 SK || 72% || 1% || 13% || 14% || 1.65 || 6% || 40% || 170 000 UK || Mira mhux fil-PNR || Mira mhux fil-PNR || -16% || 15% || M.A. || Mira mhux fil-PNR || Mira mhux fil-PNR || Miri numeriċi eżistenti tal-Att dwar il-Faqar fost it-Tfal tal-2010* Anness 2: Ir-riżultati tal-analiżi
fil-fond Fl-14 ta' Frar 2012,
il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel Rapport tagħha dwar
il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li tħejja f'konformità mar-Regolament
(UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija eżamina
s-sitwazzjoni tal-Istati Membri kollha, minbarra tal-erba' pajjiżi
tal-programm (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija). Abbażi ta' qari ekonomiku tat-tabella ta'
valutazzjoni bi twissija bikrija, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet
iggarantita analiżi aktar fil-fond tal-iżviluppi makroekonomiċi
fit-tnax-il Stat Membru segwenti: Il-Belġju,
il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija[15],
is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Għal kull
wieħed minn dawn il-pajjiżi, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu
analiżi fil-fond speċifiċi għall-pajjiżi. Dawn qed jiġu ppubblikati bħala
Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal, u jagħmlu parti minn dan
il-pakkett. Bi tħejjija
għal din l-analiżi, saru missjonijiet speċifiċi ta'
ġbir ta' fatti, kif previst mil-leġiżlazzjoni[16].
Din il-Komunikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stipulati
fl-Artikolu 5.3 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li skontu
l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew
bir-riżultati tal-analiżi fil-fond u toħroġhom fil-pubbliku.
Abbażi
tal-analiżi fil-fond li twettqu f'konformità mal-Artikolu 5
tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni kkonkludiet li
jeħtieġ li dawn l-iżbilanċi jiġu indirizzati, u
uħud minnhom b'urġenza: ·
Il-Belġju qed jesperjenza
xi żbilanċi. B'mod partikolari, l-iżviluppi
makroekonomiċi fl-oqsma tal-kompetittività esterna tal-merkanzija u
tad-dejn, speċjalment il-livell għoli tad-dejn pubbliku,
jistħoqqilhom attenzjoni ulterjuri biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti
negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija. ·
Il-Bulgarija qed tesperjenza
xi żbilanċi. B'mod partikolari, il-livell tad-dejn estern kif
ukoll ċerti żviluppi makroekonomiċi relatati mal-proċess
ta' tnaqqis tad-dejn mis-settur korporattiv u mal-proċess ta'
aġġustament fis-suq tax-xogħol, jistħoqqilhom ċertu
attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament
tal-ekonomija. ·
Id-Danimarka qed tesperjenza
xi żbilanċi. B'mod partikolari, ċerti żviluppi
makroekonomiċi, notevolment dawk li jinsabu fil-bażi tal-kompetittività
esterna tagħha, u r-riskji potenzjali relatati mad-dejn tal-unitajiet
domestiċi, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas
ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.
Spanja qed tesperjenza
żbilanċi serji ħafna. B'mod
partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi, notevolment dawk
relatati mal-livell sinifikanti ta' dejn tas-settur privat,
mal-pożizzjoni negattiva tad-dejn kbir estern u mas-settur
finanzjarju, li ġew influwenzati mill-iżviluppi fis-suq
residenzjali, jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib u
attenzjoni urġenti tal-politika ekonomika, bil-għan li jiġu
evitati kwalunkwe effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija u
fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Franza qed tesperjenza
żbilanċi serji. B'mod partikolari, ċerti żviluppi
makroekonomiċi fl-oqsma tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u
tal-kompetittività, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex
jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament
tal-ekonomija.
L-Italja qed tesperjenza żbilanċi
serji. B'mod partikolari, id-dejn pubbliku għoli u
l-iżviluppi makroekonomiċi fil-qasam tal-prestazzjoni
tal-esportazzjoni, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni billi l-Italja
ilha titlef il-kompetittività esterna tagħha sa mill-adozzjoni
tal-euro. Minħabba l-livell għoli ta' dejn pubbliku,
it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir għandu jitqies
bħala prijorità ewlenija biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti
negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.
Ċipru qed jesperjenza
żbilanċi serji ħafna. B'mod
partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi skont kif riflessi
fil-kont kurrenti, fil-finanzi pubbliċi u fis-settur finanzjarju
jirrikjedu monitoraġġ mill-qrib u attenzjoni urġenti
tal-politika ekonomika, bil-għan li jiġu evitati kwalunkwe
effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija u fuq il-funzjonament
tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
L-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod
partikolari, ċerti żviluppi makroekonomiċi bħalma huma
d-daqs negattiv ħafna tal-pożizzjoni tal-investiment
internazzjonali nett u d-dejn pubbliku, jistħoqqilhom attenzjoni
mill-qrib ħafna biex jitnaqqsu r-riskji kbar ta' effetti negattivi
fuq il-funzjonament tal-ekonomija. . Apparti l-valutazzjoni tal-azzjoni
effettiva, u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar
il-Fond ta' Koeżjoni tal-UE, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta
għal deċiżjoni tal-Kunsill biex titneħħa
s-sospensjoni tal-impenji tal-Fond ta' Koeżjoni ta' Marzu 2012.
Is-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod
partikolari, żviluppi makroekonomiċi relatati mal-proċess
ta' tnaqqis tad-dejn mis-settur korporattiv u mal-istabbiltà bankarja, u
żvilupp mhux favorevoli iżda mhux daqstant urġenti
fil-kompetittività esterna, jistħoqqilhom jiġu kkontrollati
mill-qrib ħafna biex jitnaqqsu r-riskji kbar ta' effetti negattivi
fuq il-funzjonament tal-ekonomija.
Il-Finlandja qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari,
żviluppi makroekonomiċi relatati mal-kompetittività,
jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta'
effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.
L-Isvezja qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari,
ċerti żviluppi makroekonomiċi li jikkonċernaw id-dejn
tas-settur privat u s-suq residenzjali, jistħoqqilhom ċertu
attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq
il-funzjonament tal-ekonomija.
Ir-Renju Unit qed jesperjenza xi
żbilanċi. B'mod partikolari, żviluppi
makroekonomiċi fl-oqsma tad-dejn tal-unitajiet domestiċi u
tas-suq residenzjali, kif ukoll żviluppi mhux favorevoli
fil-kompetittività esterna jistħoqqilhom ċertu attenzjoni, biex
jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament
tal-ekonomija.
Dawn
l-iżbilanċi se jiġu segwiti taħt il-parti preventiva
tal-Proċedura għall-Iżbilanċi Makroekonomiċi u huma
integrati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi
fil-qafas tas-Semestru Ewropew. [1] COM (2011) 669 [2] COM (2010) 2020 [3] COM (2011) 818 [4] COM (2011)594 u COM (2011) 510 [5] COM (2011) 400
[6] COM (2011) 815
[7] Ir-Regolament (UE)
Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi
makroekonomiċi. [8] Il-"pajjiżi
tal-programm" (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija) ma
ġewx inklużi f'dan l-eżerċizzju. [9] COM (2012) 173 [10] Il-"pajjiżi
tal-programm", il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija ma
ġewx inklużi f'dan l-eżerċizzju. [11] Il-miri nazzjonali stabbiliti
fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma f'April 2012. [12] Il-miri nazzjonali ta' tnaqqis
fl-emissjonijiet definiti fid-Deċiżjoni 2009/406/KE (jew
id-"Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi")
jirrigwardaw l-emissjonijiet li mhumiex koperti mis-Sistema għan-Negozjar
tal-Emissjonijiet. L-emissjonijiet
koperti mis-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet se jitnaqqsu
b'21 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005. It-tnaqqis globali fl-emissjonijiet korrespondenti se jkun ta'
-20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990. [13] Għandu jiġi rrimarkat li
t-tbassir nazzjonali jvarja wkoll skont is-sena/snin ta' bażi li
fuqha/fuqhom jiġu bbażati l-istimi tal-iffrankar. [14] Il-kalkulazzjoni ma tinkludix l-ISCED
4 (il-Ġermanja, l-Awstrija), u r-Renju Unit, ir-riżultat bl-ISCED 4: 40.0-40.4%. [15] Il-gvern Ungeriż talab
formalment li jingħata assistenza finanzjarja prekawzjonarja mill-UE u
mill-FMI f'Novembru 2011. [16] F'konformità mal-Artikoli 5.1 u
13 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, l-analiżi fil-fond
għandhom isiru fl-istess żmien li jsiru l-missjonijiet ta’
sorveljanza. Il-missjonijiet seħħew fil-livell tas-servizz bejn Marzu
u April.