KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 – 2016 /* COM/2012/0286 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda
tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 – 2016 1. IT-TĦEJJIJA TAL-KUNTEST It-traffikar tal-bnedmin huwa l-iskjavitù ta'
żminijietna. Il-vittmi spiss ikunu reklutati, ttrasportati jew moħbijin kontra
r-rieda tagħhom, permezz ta' sfurzar jew frodi f'kundizzjonijiet ta'
sfruttament, inkluż l-isfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, talb
għall-flus, attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta' organi[1]. Huwa vjolazzjoni serja
tal-libertà u d-dinjità tal-individwu u forma serja ta' kriminalità, li
ta' sikwit ikollu implikazzjonijiet li l-pajjiżi individwali ma jistgħux
jindirizzaw effettivament waħidhom. It-traffikar tal-bnedmin jieħu ħafna forom
differenti, u jevolvi skont it-tibdil li jsir fiċ-ċirkustanzi soċjo-ekonomiċi.
Huwa għandu fil-mira nisa u rġiel, bniet u subien li jkunu f'qagħda
vulnerabbli. Skont l-aktar estimi reċenti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali
tax-Xogħol ta' Ġunju 2012 li jkopru l-perjodu 2002-2011 l-għadd ta' vittmi ta'
xogħol furzat, inkluż l-isfruttament sesswali furzat, huwa ta' 20,9 muljun
fil-livell globali, li 5,5 miljuni minnhom huma tfal li jiġu trafftikati[2]. Madanakollu, din l-istima hija
wkoll ikkunsidrata bħala waħda konservattiva. Għaliex hija forma ta' kriminalità li tħalli
ħafna qligħ, it-traffikar tal-bnedmin jiġġenera qligħ ta’ għexieren ta’ biljuni
ta’ euro[3]
kull sena għal dawk li jwettqu r-reat. Ir-rapport tal-2010 tal-Uffiċċju
tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità jiddikjara li madwar
id-dinja 79 fil-mija tal-vittmi identifikati tat-traffikar tal-bnedmin kienu
soġġetti għal sfruttament sesswali, 18 fil-mija għal xogħol furzat u 3 fil-mija
għal forom oħra ta' sfruttament. Minn dawn il-vittmi, 66 fil-mija kienu nisa,
13 fil-mija bniet, 12 fil-mija rġiel u 9 fil-mija subien[4]. Dejta miġbura mill-Kummissjoni f’Settembru
2011 dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-investigazzjonijiet tal-pulizija,
il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni bħalissa qiegħda tiġi analizzata f 'termini
ta' sess, età, forma ta' sfruttament u ċittadinanza[5]. Riżultati preliminari jidhru
konsistenti mal-istatistiċi tar-rapport tal-UNODC. Tliet kwarti tal-vittmi
rreġistrati ġew traffikati għall-esplojtazzjoni sesswali (żieda minn 70
fil-mija fl-2008 għal 76 fil-mija fl-2010) u l-bqija għal sfruttament
tax-xogħol (tnaqqis minn 24 fil-mija fl-2008 għal 14 fil-mija fl-2010),
elemożina furzata (3 fil-mija) u servitù domestiku (1 fil-mija). Wieħed u
għoxrin Stat Membru tal-UE kienu kapaċi jagħtu informazzjoni speċifika
għas-sessi. Dan juri illi matul it-tliet snin in-nisa u l-bniet huma l-vittmi
prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin; il-vittmi nisa kienu jiffurmaw 79
fil-mija (li minnhom 12 fil-mija kienu bniet) u l-irġiel vittmi 21 fil-mija (li
minnhom 3 fil-mija kienu subien). Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrapportaw li
ħafna vittmi ġejjin mill-UE, prinċipalment mir-Rumanija, il-Bulgarija,
il-Polonja u l-Ungerija. L-aktar vittmi rrappurtati minn pajjiżi li mhumiex
fl-UE huma min-Niġerja, il-Vjetnam, l-Ukraina, ir-Russja u ċ-Ċina. Ir-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi
fenomenu transnazzjonali kumpless li għandu l-għeruq tiegħu fil-vulnerabbiltà
għall-faqar, fin-nuqqas ta' kulturi demokratiċi, fl-inugwaljanza bejn is-sessi
u l-vjolenza kontra n-nisa, f'sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u postkunflitt,
fin-nuqqas ta’ integrazzjoni soċjali, fin-nuqqas ta' opportunitajiet u
impjiegi, fin-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, fit-tħaddim tat-tfal u
fid-diskriminazzjoni. Azzjoni tal-UE dwar it-Traffikar
tal-Bnedmin It-traffikar tal-bnedmin huwa speċifikament
ipprojbit mill-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni
Ewropea. L-impenn politiku fil-livell tal-UE biex tiġi
indirizzata l-problema tat-traffikar tal-bnedmin huwa rifless fl-għadd kbir ta'
inizjattivi, miżuri u programmi ta' finanzjament stabbiliti fiż-żona kemm fi
ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi sa minn kmieni fis-snin disgħin[6]. Pass kbir il-quddiem reċentement kienet
l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[7]. Id-Direttiva tadotta approċċ
komprensiv u integrat li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq il-vittmi
u li huwa speċifiku għas-sessi. Huwa mistenni li jkollha impatt konsiderevoli,
ladarba tkun kompletament trasposta mill-Istati Membri sas-6 ta’ April 2013.
Hija mhux biss tiffoka fuq l-infurzar tal-liġi iżda wkoll għandha l-għan li
timpedixxi l-kriminalità u tiżgura li l-vittmi tat-traffikar jingħataw
l-opportunità li jirkupraw u li jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà. Sadanittant, għadd ta' strumenti tal-UE
f'diversi oqsma tal-politika jikkontribwixxu biex jiġi indirizzat it-traffikar
tal-bnedmin[8].
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li
jgħixu fl-UE, dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal, u dwar sanzjonijiet kontra
min iħaddem li konxjament jimpjega ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti
illegalment tikkomplementa d-Direttiva dwar it-traffikar tal-bnedmin. L-Istrateġija
Interna tal-UE għas-Sigurtà fl-Azzjoni tindirizza aktar it-traffikar
tal-bnedmin[9]. Il-qafas dominanti
tal-politika tal-migrazzjoni esterna tal-UE — l-Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà[10]
— jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini,
tranżitu u destinazzjoni u jidentifika bħala waħda mill-erba' pilastri tiegħu
l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin.
Din il-linja hija segwita wkoll fid-Dokument tal-UE Orjentat lejn l-Azzjoni
tal-2009 dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna kontra t-traffikar tal-bnedmin[11]. It-traffikar
tal-bnedmin huwa wkoll indirizzat f’bosta strumenti dwar ir-relazzjonijiet
esterni, bħar-rapporti annwali dwar il-progress tal-pajjiżi kandidati u
potenzjalment kandidati, il-pjani ta' direzzjoni u l-pjani ta' azzjoni rigward
id-djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża ma' pajjiżi terzi, id-Dokumenti ta'
Strateġija għall-Pajjiż u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali u l-programmi
fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Huwa indirizzat ukoll fil-Pjani ta'
Azzjoni Bilaterali u fi djalogu li jinsab għaddej ma' pajjiżi terzi[12]. B'firxa daqshekk wiesgħa ta’ miżuri
leġiżlattivi u ta’politika, hemm riskju ta' sovraposizzjoni u duplikazzjoni ta’
inizjattivi. L-għan ta' din l-Istrateġija għalhekk huwa li tipprovdi qafas
koerenti għal inizjattivi attwali u ppjanati, li tistabbilixxi prijoritajiet,
li timla l-lakuni u għaldaqstant tikkumplementa d-Direttiva li ġiet adottata dan
l-aħħar. Il-Kummissjoni diġà ħatret Koordinatur Kontra t-Traffikar tal-UE li
bdiet il-ħidma tagħha f'Marzu 2011[13]
u se tissorvelja l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija. Il-Kummissjoni
żviluppat ukoll websajt[14]
iddedikat għal kontra t-traffikar li huwa aġġornat regolarment . Il-websajt
timmira li tiffunzjona bħala one-stop-shop għall-professjonisiti u
għall-pubbliku in ġenerali. Azzjoni Internazzjonali Diġà ngħatat ħafna
attenzjoni lit-traffikar tal-bnedmin fil-livell internazzjonali. L-aktar
strumenti prominenti huma l-Protokoll ta' Palermo tan-NU dwar it-Traffikar
tal-Persuni, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjonijiet kontra
t-Traffikar tal-Bnedmin[15]. Mhux l-Istati Membri kollha rratifikaw iż-żewġ strumenti legali u
dan għandhom jagħmluh. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri
biex jirratifikaw l-istrumenti, ftehimiet u obbligi legali internazzjonali
relevanti kollha sabiex ix-xogħol kontra t-traffikar tal-bnedmin ikun iktar
effettiv, ikkoordinat u koerenti[16]. 2. PRIJORITAJIET EWLENIN Permezz ta' din l-istrateġija, il-Kummissjoni
Ewropea tfittex li tiffoka fuq miżuri konkreti li jappoġġjaw
it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, iġġib valur
miżjud u tikkomplimenta x-xogħol magħmul minn gvernijiet, organizzazzjonijiet
internazzjonali u s-soċjetà ċivili fl-UE u pajjiżi terzi. Ir-responsabbiltà ewlenija għall-indirizzar
tat-traffikar tal-bnedmin hija tal-Istati Membri. L-għan
ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jintwera kif il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha
tappoġġja lill-Istati Membri fit-twettiq ta' dan. Is-sentenza Rantsev v
Ċipru u r-Russja[17]
tipprovdi punt ta' riferiment deċiżiv għad-drittijiet tal-bniedem b'obbligi
ċari għall-Istati Membri biex jieħdu l-passi neċessarji biex jindirizzaw oqsma
differenti tat-traffikar tal-bnedmin. Dawn jinkludu r-reklutaġġ,
l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,
u l-forniment ta' assistenza lill-vittmi. Jekk l-awtoritajiet huma konxji minn
każ tat-traffikar tal-bnedmin, jew li xi individwu jkun fir-riskju li jsiru
vittma tat-traffikar tal-bnedmin, huma obbligati jieħdu miżuri adatti. Il-miżuri inklużi f'din l-Istrateġija huma
r-riżultat ta' eżami bir-reqqa tal-miżuri u politiki li huma diġà fis-seħħ,
ix-xogħol tal-Grupp tal-Esperti[18],
konsultazzjoni estensiva mal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili, l-imsieħba soċjali, l-istudjużi, organizzazzjonijiet internazzjonali,
rapporteurs nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti u partijiet interessati oħra.
L-opinjonijiet tal-vittmi tat-traffikar huma wkoll inkorporati fl-Istrateġija. Din
l-istrateġija tidentifika ħames prijoritajiet li l-UE għandha tiffoka
fuqhom sabiex tindirizza l-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin. Hija
tiddeskrivi wkoll għadd ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi li
timplimenta matul il-ħames snin li ġejjin flimkien ma' atturi oħra, inklużi
l-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-istituzzjonijiet
tal-UE, l-aġenziji tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi terzi,
is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Dawk il-prijoritajiet huma kif ġej: A. L-identifikazzjoni,
il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar B. L-intensifikar
tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin C. Żieda
fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti D. Koordinazzjoni
u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika E. Għarfien
akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma' kull għamla ta' traffikar tal-bnedmin
u reazzjoni effettiva għalih. Politika multidixxiplinari u koerenti kontra
t-traffikar tal-bnedmin teħtieġ l-involviment ta' grupp ta' atturi aktar varjat
minn qabel fit-tfassil tal-politika. Dawn għandhom jinkludu uffiċjali
tal-pulizija, gwardjani tal-fruntieri, uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-ażil,
prosekuturi pubbliċi, avukati, il-membri tal-ġudikatura u l-uffiċjali
tal-qrati, spetturi tal-akkomodazzjoni, tax-xogħol, tas-saħħa, għall-affarijiet
soċjali u tas-sikurezza, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ħaddiema
fil-qasam taż-żgħażagħ u dak soċjali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, trejdjunjins,
organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, aġenziji tax-xogħol temporanju, aġenziji
tar-reklutaġġ u persunal konsulari u diplomatiku kif ukoll dawk aktar diffiċli
li jintlaħqu, bħal gwardjani legali u r-rappreżentanti legali, servizzi ta'
appoġġ għat-tfal u għall-vittmi. Il-voluntiera u n-nies li jaħdmu
f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt jistgħu ukoll jiġu involuti. 2.1. PRIJORITÀ A: L-identifikazzjoni,
il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar L-identifikazzjoni tal-vittmi hija diffiċli.
Madankollu, nies minn ħafna setturi tas-soċjetà potenzjalment jistgħu jiġu
f’kuntatt ma' vittma. Huwa kruċjali li jiġu identifikati vittmi potenzjali,
hekk li kulmin jittratta ma' vittma tat-traffikar tal-bnedmin ikun jista' jaqdi
bl-aħjar mod il-"ħames bżonnijiet wiesgħa tal-vittmi, rispett u
rikonoxximent, assistenza, protezzjoni, aċċess għall-ġustizzja u kumpens. Dan
jippermetti wkoll li l-awtoritajiet tal-pulizija u l-prosekuzzjoni jinvestigaw
u jikkastigaw lit-traffikanti aħjar. Fl-istess ħin, mekkaniżmi li jipproteġu,
jassistu u soċjalment jinkludu vittmi tat-traffikar jeħtieġ li jiġu stabbiliti.
Skont id-Direttiva tal-2011, l-assistenza u l-appoġġ għandhom ikunu bbażati fuq
il-ħtiġijiet individwali tal-vittma u għandhom jinkludu mill-inqas
akkomodazzjoni xierqa u sikura, assistenza materjali, trattament mediku,
assistenza psikoloġika, konsulenza u informazzjoni, servizzi ta' traduzzjoni u
interpretazzjoni. (1)
Azzjoni 1: It-Twaqqif ta' Mekkaniżmi ta' Riferiment
Nazzjonali u Transnazzjonali L-Istati Membri għandhom jiżguraw li
mekkaniżmi nazzjonali ta' riferiment formali u funzjonali huma stabbiliti.
Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiddeskrivu l-proċeduri għal identifikazzjoni,
protezzjoni u assistenza aħjar u jinkludu lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti
kollha u lis-soċjetà ċivili. L-iżvilupp ta’ kriterji għall-identifikazzjoni
tal-vittmi għandu jiġi inkluż, biex jintużaw minn dawk kollha involuti. Xi
Stati Membri diġà ħadu l-impenn li jistabbilixxu dawn il-mekkaniżmi sa tmiem
l-2012 fil-kuntest taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE fil-ġlieda kontra
l-kriminalità serja u organizzata[19]. Abbażi d-Direttiva dwar it-traffikar
tal-bnedmin, il-vittmi għandhom jirċievu protezzjoni u assistenza xierqa fuq
il-bażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u l-bżonnijiet individwali. It-twettiq
tal-valutazzjonijiet għandhom ikunu parti mill-kompiti tal-mekkaniżmi ta'
riferiment nazzjonali. Skont l-ewwel implimentazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi
ta' riferiment nazzjonali mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tiżviluppa
linji gwida dwar kif jiġu żviluppati aktar sal-2015. Dawn għandhom ukoll
jindirizzaw kwistjonijiet bħal kumpens u r-ritorn sikur. Ir-rwoli u
r-responsabbiltajiet ta’dawk kollha involuti għandhom ikunu definiti b'mod ċar. Fil-preżent, meta l-vittmi jiċċaqilqu bejn
il-fruntieri, il-problemi huma ġeneralment solvuti bilateralment fuq bażi ad
hoc. Dan spiss jieħu ħafna żmien u hu ineffiċjenti. Konformi ma’ approċċ
iffukat fuq il-vittma, sal-2015, il-Kummissjoni se tiżviluppa mudell għal
Mekkaniżmu Transnazzjonali ta' Riferiment li jgħaqqad il-mekkaniżmi ta'
riferiment nazzjonali biex jidentifikaw, jirreferu, jipproteġu u jassistu aħjar
lill-vittmi. (2)
Azzjoni 2: L-identifikazzjoni tal-Vittmi Il-Kummissjoni bħalissa tiffinanzja proġett li
se jiżviluppa linji gwida sabiex jiġu identifikati aħjar il-vittmi
tat-traffikar tal-bnedmin fl-2014, filwaqt li tikkunsidra l-listi KE/ILO
tal-2009 ta’indikaturi dwar it-traffikar tal-bnedmin. Dawn il-linji gwida se
jiffaċilitaw approċċ aktar armonizzat u ser itejbu l-identifikazzjoni. Huma
għandhom ukoll jgħinu lill-professjonisti biex jidentifikaw il-vittmi,
speċjalment il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali u
l-isfruttament tax-xogħol, għat-tneħħija tal-organi u t-tfal vittmi
tat-traffikar. Barra minn hekk, kif issemma fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta'
Stokkolma, fl-2012 il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida speċifiċi għal
servizzi konsulari u għal għassiesa tal-fruntieri dwar l-identifikazzjoni
tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. (3)
Azzjoni 3: Il-protezzjoni tat-Tfal Vittmi
tat-Traffikar It-tfal huma partikolarment vulnerabbli
għall-vittimizzazzjoni u t-traffikar mill-ġdid. Studju magħmul fl-2010
mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) juri li minn 79
kampjun ta' każijiet ta' traffikar mill-ġdid, 84 fil-mija kienu jinvolvu tfal
jew adulti żgħażagħ taħt il-25 sena. Barra minn hekk, fi 18 fil-mija ta' dawn
il-każijiet il-minorenni kienu traffikati mill-ġdid meta kienu saru adulti. Dan
juri li minorenni traffikati huma fir-riskju li jiġu traffikati mill-ġdid matul
il-ħajja adulta tagħhom[20]. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi
għall-protezzjoni tal-vittmi tfal u assistenza u appoġġ għal tali vittmi[21]. Sistemi ta' protezzjoni
komprensivi li jiffokaw fuq it-tfal jiżguraw koordinazzjoni bejn l-aġenziji u
multidixxiplinari huma essenzjali għall-qadi tal-ħtiġijiet diversi ta’ gruppi
diversi ta’ tfal, inklużi vittmi tat-traffikar. Biex it-tfal jitħarsu aħjar, fl-2014
il-Kummissjoni se tiffinanzja l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar sistemi
għall-ħarsien tat-tfal. L-Istati Membri għandhom isaħħu s-sistemi
ta' ħarsien tat-tfal għal sitwazzjonijiet ta' traffikar u meta r-ritorn
ikun meqjus fl-aħjar interess tat-tfal, jassiguraw ir-ritorn sikur u
sostenibbli tat-tfal lejn il-pajjiż tal-oriġini, fi u barra l-UE, u jevitawlhom
li jiġu traffikati mill-ġdid. Barra minn hekk, fir-rigward tat-traffikar
tat-tfal, fil-preżent m'hemm l-ebda definizzjoni uniformi ta' tutur u/jew
rappreżentant madwar l-Istati Membri[22]
u r-rwoli, il-kwalifiki u l-għarfien tal-kompetenzi tagħhom ivarjaw minn Stat
Membru għall-ieħor[23].
Fl-2014, flimkien mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,
il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa mudell tal-aħjar prattiki dwar ir-rwol
tat-tuturi u/jew tar-rappreżentanti tat-tfal vittmi tat-traffikar. (4)
Azzjoni 4: Il-forniment ta' informazzjoni dwar
id-Drittijiet tal-Vittmi Il-korrispondenza lill-Kummissjoni matul
is-snin turi l-problemi li individwi jiffaċċjaw biex jagħmlu kuntatt
mal-awtoritajiet jew organizzazzjonijiet xierqa sabiex jirċievu informazzjoni
ċara dwar id-drittijiet tagħhom għal assistenza u kura tas-saħħa, id-dritt
tagħhom għal permess tar-residenza u d-drittijiet tax-xogħol tagħhom,
id-drittijiet tagħhom rigward l-aċċess għall-ġustizzja u għal avukat, u dwar
il-possibiltajiet ta' talba għall-kumpens. Biex tinforma lill-vittmi bid-drittijiet
tagħhom u tgħinhom jeżerċitawhom b'mod effettiv, fl-2013, il-Kummissjoni
se tipprovdi informazzjoni ċara, faċli għall-utent dwar id-drittijiet
tax-xogħol, soċjali, tal-vittmi u tal-migrani li għandhom il-vittmi
tat-traffikar tal-bnedmin skont il-liġi tal-UE[24]. Bħala segwitu, fl-2014
il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jipprovdu u jqassmu informazzjoni
simili fil-livell nazzjonali. 2.2. PRIJORITÀ B: L-intensifikar
tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin Approċċ koerenti lejn il-prevenzjoni għandu
jinkludi l-prosekuzzjoni u l-protezzjoni u jindirizza l-oqsma kollha
tat-traffikar tal-bnedmin. Il-prevenzjoni jeħtieġ li tiġi intensifikata
fid-dawl tal-kawżi primarji li jagħmlu lin-nies vulnerabbli għat-traffikar u
l-indirizzar ta' dawn il-kawżi għandu jkun aspett ewlieni tal-prevenzjoni fl-UE
u f'pajjiżi terzi. (1)
Azzjoni 1: Għarfien u Tnaqqis tad-Domanda L-iskambju
tal-aħjar prattiki jista' jgħin biex tonqos id-domanda għall-forom kollha ta'
traffikar, inkluż l-isfruttament sesswali. Dan għandu jibni fuq ix-xogħol
magħmul fl-oqsma ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika mmirati lejn
konsumaturi u utenti tas-servizzi, lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva,
kodiċijiet ta’ kondotta[25],
in-negozji u d-drittijiet tal-bniedem u inizjattivi mmirati lejn
l-eliminazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin mill-katini tal-provvista
tan-negozji. Biex
jiżdied l-għarfien dwar it-tnaqqis tad-domanda, fl-2013, taħt is-Seba’ Programm
Kwadru, il-Kummissjoni se tiffinanzja riċerka rigward it-tnaqqis tad-domanda
għal u l-provvista ta’ servizzi u merkanzija minn vittmi tat-traffikar
tal-bnedmin, inklużi vittmi ttraffikati għal skop ta' sfruttament sesswali
u kategoriji speċifiċi ta’ vittmi bħat-tfal. Ir-riċerka se jipprovdi materjal
għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 rigward il-miżuri legali li ħadu xi Stati
Membri biex jikkriminalizzaw l-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar
tal-bnedmin[26]. (2)
Azzjoni 2: Il-promozzjoni tat-twaqqif ta' Pjattaforma
tas-Settur Privat Il-Kooperazzjoni
mas-settur privat hija essenzjali wkoll sabiex tonqos id-domanda għat-traffikar
tal-bnedmin u biex jiġu żviluppati katini tal-provvista li ma jinvolvux
t-traffikar tal-bnedmin. Fl-2014
se tiġi stabbilita Koalizzjoni Ewropea tan-Negozju kontra t-traffikar
tal-bnedmin. Il-koalizzjoni għandha ttejjeb il-kooperazzjoni
man-negozji u ma' partijiet interessati oħra, twieġeb għal sfidi li qed
jitfaċċaw, u tiddiskuti miżuri għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod
partikolari f'żoni riskjużi ħafna. Fl-2016, il-Kummissjoni beħsiebha taħdem
flimkien mal-Koalizzjoni biex tiżviluppa mudelli u linji gwida fuq
it-tnaqqis fid-domanda għal servizzi provduti minn vittmi tat-traffikar
tal-bnedmin, partikolarment f'żoni riskjużi ħafna, inklużi l-industrija
tas-sess, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni u t-turiżmu. (3)
Azzjoni 3: Attivitajiet ta' Sensibilizzazzjoni
madwar l-UE u Programmi ta' Prevenzjoni Bosta programmi ta' prevenzjoni kontra
t-traffikar, b'mod partikolari kampanji ta' sensibilizzazzjoni, ġew
implimentati lokalment, nazzjonalment u internazzjonalment, u f'pajjiżi terzi.
Madankollu, ftit li xejn sar sabiex jiġi vvalutat sistematikament l-impatt ta'
dawn il-programmi ta' prevenzjoni fit-termini ta' kemm laħqu l-għanijiet
tagħhom, bħal tibdil ta' imġiba u attitudnijiet, biex b'hekk titnaqqas
il-probabbiltà tat-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk ftit huwa magħruf
dwar il-valur miżjud, il-koerenza u l-konsistenza (fejn xieraq) ta' inizjattivi
bħal dawn u r-rabtiet bejniethom. Fl-2013, taħt il-programm ta' finanzjament
tal-affarijiet interni, il-Kummissjoni bir-reqqa se tanalizza inizjattivi
ta' prevenzjoni li diġà jinsabu fis-seħħ biex timmira t-traffikar tal-bnedmin
imwettaq minn diversi atturi. Il-Kummissjoni mbagħad se tiżviluppa
gwida għall-UE kollha dwar miżuri futuri ta’ prevenzjoni u kampanji ta'
informazzjoni sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi mal-Istati
Membri. Fuq il-bażi tal-analiżi ta' attivitajiet ta' prevenzjoni diġà fis-seħħ,
rabtiet ma' kampanji ta’ sensibilizzazzjoni attwali se jiġu
stabbiliti fl-2015[27].
Fl-2014 il-Kummissjoni se tniedi
attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni madwar l-UE li jimmiraw gruppi
vulnerabbli speċifiċi, bħal nisa u tfal f'riskju, il-ħaddiema domestiċi,
il-komunitajiet Rom, il-ħaddiema mingħajr dokumenti u sitwazzjonijiet bħal
avvenimenti sportivi kbar, permezz tal-programm ta' finanzjament tal-affarijiet
interni. L-internet u netwerks soċjali se jintużaw bħala mezz biex
effettivament titqajjem kuxjenza b’mod immirat. 2.3. Prijorità C: Żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti It-traffikar tal-bnedmin jestendi lil hinn
mill-Istati Membri individwali. Il-maġġoranza tat-traffikanti jaħdmu fi ħdan
netwerks stabbiliti sew li jippermettulhom iċaqalqu vittmi minn naħa għal oħra tal-fruntiera
jew minn post għal ieħor ġewwa pajjiż. Fil-fatt, it-traffikar intern, li fih
ħafna mill-vittmi huma ċittadini tal-UE li huma ttraffikati fi ħdan l-Istat
Membru tagħhom stess jew Stat Membru ieħor, qed jiżdied. Għalkemm dan l-aħħar
każijiet ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin irċevew
aktar attenzjoni, l-għadd totali ta’ każi ta’ prosekuzzjoni fl-UE għadu baxx.
Fil-fatt, id-dejta komparabbli wriet tnaqqis fl-għadd ta' kundanni relatati
mat-traffikar tal-bnedmin, minn 1534 fl-2008 għal 1445 fl-2009 u 1144 fl-2010. (1)
Azzjoni 1: It-twaqqif ta’ Unitajiet
tal-Infurzar tal-Liġi Multidixxiplinarji Nazzjonali Fiċ-ċiklu tal-politika tal-UE għall-ġlieda
kontra l-kriminalità serja u organizzata, fl-għanijiet strateġiċi u azzjonijiet
operattivi l-Istati Membri rrikonoxxew l-importanza li jkunu innovattivi,
multidixxiplinari u proattivi sabiex jinvestigaw u jipprosegwixxu aħjar il-każi
tat-traffikar tal-bnedmin. Biex isiru investigazzjoni u prosekuzzjoni
aħjar tat-traffikanti u tkompli tiżdied il-koperazzjoni transkonfinali u jiġi
ċċentralizzat l-għarfien dwar it-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri
għandhom jistabbilixxu unitajiet tal-infurzar tal-liġi multidixxiplinarji
nazzjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin. L-unitajiet għandhom jiffunzjonaw
bħala punti ta' kuntatt għall-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-Europol[28] u jgħaddu l-informazzjoni
miġbura lill-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol għal trażmissjoni ulterjuri
lill-Europol. L-unitajiet għandhom jiffukaw fuq il-forom kollha tat-traffikar
tal-bnedmin u jtejbu d-detezzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-ġbir u
l-analiżi ta' informazzjoni dwar is-suġġett. Jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ
proċeduri li jirregolaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn unitajiet lokali u
reġjonali tal-infurzar tal-liġi u l-unitajiet nazzjonali. L-unitajiet għandhom
jindirizzaw ukoll xejriet li qed jinbidlu, bħar-reklutaġġ tal-vittmi
tat-traffikar tal-bnedmin u r-reklamar tas-servizzi tagħhom fuq l-Internet. (2)
Azzjoni 2: L-Iżgurar ta' Investigazzjoni
Finanzjarja Proattiva Skont ir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force
għal Azzjoni Finanzjarja tal-Organizzazzjoni għall-Koordinazzjoni u l-Iżvilupp
Ekonomiku[29],
fl-2013 l-Istati Membri għandhom b'mod proattiv iwettqu investigazzjonijiet
finanzjarji dwar każijiet ta' traffikar, jipprovdu informazzjoni għall-fajl
ta’ ħidma analitika tal-Europol u jikkoperaw aktar mal-aġenziji tal-UE,
bħall-Eurojust u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL). L-Europol se tagħmel analiżi bbażata fuq
it-tagħrif li tirċievi mill-Istati Membri dwar l-investigazzjoni finanzjarja
ta' każijiet ta' traffikar tal-bnedmin sal-2015. Din
l-analiżi għandha twassal għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattika u mudelli
għall-investigazzjonijiet finanzjarji tal-pulizija. L-investigazzjoni
finanzjarja ġiet rikonoxxuta bħala għodda għall-ġbir ta' evidenza. Meta tkun
qed tinġabar evidenza bil-għan tal-prosekuzzjoni ta’ traffikanti tal-bnedmin,
ħafna investigazzjonijiet għadhom jiddependu l-aktar fuq id-dikjarazzjonijiet
tal-vittmi. L-evidenza miġbura mit-traċċi tal-flus tista' tipprovdi l-evidenza
addizzjonali meħtieġa, partikolarment fis-setturi b'riskju għoli[30], biex b’hekk jittaffa l-piż
tal-vittmi milli jixhdu fil-qorti. L-investigazzjonijiet finanzjarji jistgħu
wkoll ikunu utli biex jinfurmaw l-evalwazzjoni tar-riskju, iżidu l-għarfien
dwar il-modus operandi ta' dawk li jikkommettu reati relatati mat-traffikar
tal-bnedmin u jorqmu l-għodod ta’ detezzjoni. (3)
Azzjoni 3: Tiżdied il-Kooperazzjoni transkonfinali
bejn il-Pulizija u l-Ġudikatura Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li jiżdied
il-livell ta' kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin.
Għalhekk hija tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-aġenziji tal-UE
biex joħolqu, fejn huwa relevanti, timijiet ta’ investigazzjoni
konġunti u jinvolvu lill-Europol u lill-Eurojust fil-każi kollha ta' traffikar
transkonfinali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-aġenziji
tal-UE u jaqsmu informazzjoni bil-għan li jiżdied in-numru u l-kwalità ta’
investigazzjonijiet transkonfinali fil-livell tal-infurzar tal-liġi u f’livell
ġudizzjarju. B'konformità mal-mandati tagħhom, l-aġenziji tal-UE għandhom
attivament jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u mal-Istati Membri. L-Istati
Membri għandhom ukoll jikkooperaw mal-Eurojust fl-implimentazzjoni tal-Pjan
ta' Azzjoni tal-Eurojust kontra t-traffikar tal-bnedmin futur. (4)
Azzjoni 4: Tiżdied il-Kooperazzjoni lil hinn
mill-Fruntieri Fl-2012 l-UE se tiffinanzja proġett pilota
biex issaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin tul
ir-rotot mil-Lvant lejn l-UE bl-użu tal-Istrument għall-Istabbiltà. Aktar inizjattivi kontra l-kriminalità
organizzata u t-traffikar tal-bnedmin se jikkontribwixxu wkoll għal koerenza
bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki ta' sigurtà tal-UE. Huma se jżidu
wkoll it-tagħrif dwar ir-rabtiet li hemm bejn netwerks kriminali involuti
fit-traffikar tal-bnedmin u l-kriminalità f'oqsma oħra. L-għan tagħhom għandu
jkun li jitjiebu s-sistemi ta' ġbir ta' dejta, l-analiżi u l-iskambju
fil-livell nazzjonali u fil-livell transnazzjonali, u l-promozzjoni u
l-assistenza lill-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni reġjonali
rigward it-traffikar tal-bnedmin u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar
tal-liġi nazzjonali u transnazzjonali u l-kapaċità tal-prosekuturi u l-persunal
konsulari u tal-NGOs. 2.4. PRIJORITÀ D: Koordinazzjoni u
kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika Hemm il-ħtieġa għal koordinazzjoni u
kooperazzjoni mtejba fost l-atturi ewlenin li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar
tal-bnedmin, ibbażati fuq approċċ multisettorjali u multidixxiplinarju. Il-koerenza
hija wkoll essenzjali biex jiġi żgurat li politiki relatati jinkorporaw
politika kontra t-traffikar. Il-kooperazzjoni fost l-atturi differenti
tista' l-aħjar tiġi organizzata permezz ta' mekkaniżmi u proċeduri formalizzati
li joħolqu impenn ċar u jiċċaraw ir-rwoli u l-kompiti ta’ dawk involuti.
L-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE ffirmaw dikjarazzjoni
konġunta fil-ħames darba li ġie ċċelebrat il-Jum Kontra t-Traffikar tal-UE
fit-18 ta' Ottubru 2011. Dan il-ftehim jinkludi prevenzjoni aħjar
tat-traffikar, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-ħatja iktar effiċjenti, u
protezzjoni tal-vittmi iktar effettiva u li tirrispetta d-drittijiet
fundamentali u tikkunsidra s-sess tal-vittmi[31].
Il-Kummissjoni se tikkoordina u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan
il-ftehim. (1)
Azzjoni 1: It-tisħiħ tan-Netwerk tal-UE
tar-Relaturi Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti In-Netwerk Informali tal-UE ta' Relaturi
Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti twaqqaf fl-2009 u jiltaqa' kull sitt
xhur. Taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
t-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jistabbilixxu
relaturi nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti li l-kompiti tagħhom jinkludu
t-twettiq ta' evalwazzjonijiet tat-tendenzi, il-kejl tal-impatt tal-isforzi
kontra t-traffikar, u l-ġbir tad-dejta. Fl-2013, il-Kummissjoni se ssaħħaħ
il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni madwar l-UE b'appoġġ għax-xogħol li jsir
mir-relaturi nazzjonali biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-obbligi
internazzjonali u tal-UE mill-Istati Membri; jiġbru d-dejta, janalizzaw u
jirriċerkaw it-tendenzi tat-traffikar tal-bnedmin fuq livell nazzjonali, u
jevalwaw il-progress rigward il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin kif ukoll rigward il-protezzjoni tal-vittmi, filwaqt li jiżguraw
il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. (2)
Azzjoni 2: Il-Koordinazzjoni tal-Attivitajiet
tal-Politika Barranija tal-UE Id-Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-tisħiħ
tad-dimensjoni esterna tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Approċċ
Globali lejn il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà t-tnejn li huma jipprevedu
koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet tal-politika esterna tal-UE u jipprovdu
approċċ koerenti bbażat fuq il-ftehimiet, is-sħubijiet strateġiċi u djalogi
politiċi tal-UE. Lista ta' pajjiżi u reġjuni terzi prijoritarji għal sħubijiet
futuri għandha tiġi żviluppata. Fl-2013 fil-pajjiżi u reġjuni terzi
prijoritarji jistgħu jiġu kkunsidrati mekkaniżmi ta' kooperazzjoni
f'delegazzjonijiet tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin sabiex tissaħħaħ
il-kooperazzjoni, jinħolqu s-sħubijiet u titjieb il-koordinazzjoni u
l-koerenza. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll lejn it-tisħiħ
u l-formalizzazzjoni tas-sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet
internazzjonali[32]
attivi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin biex ittejjeb l-iskambju
tal-informazzjoni u tiżgura l-kooperazzjoni, partikolarment fl-oqsma ta'
ppjanar tal-politika, il-prijoritizzazzjoni, il-ġbir tad-dejta, ir-riċerka u
l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Bħala vjolazzjoni serja tad-drittijiet
tal-bniedem imsemmija fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, it-traffikar
tal-bnedmin se jkompli jkun kopert taħt il-Klawsoli dwar id-Drittijiet
tal-Bniedem fil-ftehimiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, inklużi l-Ftehimiet
dwar il-Kummerċ Ħieles, li jipprovdu bażi għall-koperazzjoni fuq
id-drittijiet tal-bniedem[33]
u l-promozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tiffinanzja
proġetti permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u programmi ta'
finanzjament oħra għar-relazzjonijiet esterni fl-aspetti kollha relevanti tat-
traffikar tal-bnedmin f'pajjiżi terzi u fir-reġjuni, inkluż it-traffikar
min-Nofsinhar għan- Nofsinhar, u li jkopru l-prevenzjoni, il-protezzjoni u
l-prosekuzzjoni. (3)
Azzjoni 3: Il-promozzjoni tat-twaqqif ta'
Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili Fl-2013 se tiġi stabbilita Pjattaforma
tal-UE tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-fornituri ta' servizzi li
jaħdmu fl-ambitu tal-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi fl-Istati Membri
u pajjiżi terzi magħżula. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-fondi fil-programmi
ta' finanzjament tal-affarijiet interni jkunu disponibbli biex dan isir. (4)
Azzjoni 4: Reviżjoni tal-proġetti ffinanzjati
mill-UE Matul is-snin, il-Kummissjoni Ewropea
ffinanzjat bosta proġetti kontra t-traffikar[34].
Dawn il-proġetti kienu mmirati lejn partijiet interessati differenti u
indirizzaw il-kwistjoni minn diversi angoli. Il-Kummissjoni se tiżgura li
informazzjoni dwar il-proġetti kollha li jirrigwardaw l-aspetti interni u
esterni tat-traffikar tal-bnedmin li huma ffinanzjati mill-UE tkun disponibbli
fuq il-websajt tagħha kontra t-traffikar. Bħala l-pass li jmiss, li jirrifletti
l-bżonn għal koerenza akbar fil-politiki madwar is-setturi li għandhom impatt
fuq il-ħidma u l-inizjattivi kontra t-traffikar, fl-2014 il-Kummissjoni se twettaq
reviżjoni komprensiva ta' dawn il-proġetti biex tidentifika żoni
ġeografiċi, oqsma, atturi differenti u tipi ta' proġetti, kif ukoll
ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Din ir-reviżjoni se ssaħħaħ
proġetti futuri u tipprovdi bażi solida għal politika u inizjattivi ta'
ffinanzjar tal-UE li huma koerenti, kost-effettivi, u strateġiċi. (5)
Azzjoni 5: It-tisħiħ tad-drittijiet
fundamentali fil-politika kontra t-traffikar u l-azzjonijiet relatati L-integrazzjoni
tad-drittijiet fundamentali fil-politika u l-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar
hija meħtieġa biex ikun żgurat li x-xogħol kontra t-traffikar ikun koerenti.
L-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali[35]
teħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura minn stadju bikri, permezz ta' "kontroll
tad-drittijiet fundamentali", li l-atti leġiżlattivi u oħrajn tagħha jkunu
dejjem għal kollox konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta[36]. Sar ukoll xogħol importanti minn diversi
organizzazzjonijiet u korpi, jiġifieri l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea
għad-Drittijiet Fundamentali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet
Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, ġew
żviluppati għodda għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jevalwaw
il-politika u l-leġiżlazzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin[37] u għodda biex tagħti gwida
dwar id-drittijiet fundamentali fil-valutazzjonijiet tal-Impatt
tal-Kummissjoni. Biex issaħħaħ strumenti eżistenti, u tibni fuq
ix-xogħol tagħha kemm tal-imgħoddi kif ukoll dak attwali rigward it-traffikar,
fl-2014 l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, se tibda tiżviluppa
għodda, bħal manwal jew gwida, biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw
kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali relatati speċifikament
mal-politika ta' kontra t-traffikar u azzjonijiet relatati, li se tqis
l-istrutturi, il-proċessi, u r-riżultati rilevanti, u se tiffoka fuq
id-drittijiet tal-vittmi, li tkun tinkorpora l-perspettiva tas-sessi u l-aħjar
interessi tat-tfal. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni, permezz
tal-programmi ta' finanzjament għall-ġustizzja, se tassisti lill-Istati
Membri fl-implimentazzjoni din l-għodda. (6)
Azzjoni 6: Il-koordinazzjoni tal-Ħtiġijiet
tat-Taħriġ f'Kuntest Multidixxiplinarju Wieħed mill-punti ewlenin fid-Direttiva dwar
it-traffikar tal-bnedmin u ħaġa li tidher ċara mill-maġġoranza tar-risposti
għall-konsultazzjonijiet dwar din l-Istrateġija hija l-ħtieġa li jiġi
pprovdut taħriġ għal dawk li jaħdmu fil-qasam. Mekkaniżmi ta' taħriġ u
programmi mmirati u speċjalizzati dwar it-traffikar tal-bnedmin jeħtieġ isiru
aktar uniformi u konsistenti[38].
Persuni li regolarment ikollhom jittrattaw ma' kwistjonijiet ta' traffikar
tal-persuni jridu jiġu mħarrġa. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ it-taħriġ billi
tiffoka fuq il-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi transkonfinali permezz
tal-Komunikazzjonijiet dwar it-Tkattir tal-fiduċja f'ġustizzja Ewropea u dwar
l-Iskema Ewropea ta' Taħriġ, ippjanati għal tmiem l-2012. L-enfasi
prinċipali tal-Kummissjoni se jkun li tiġbor flimkien diversi atturi
sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika, u kif xieraq, timmira oqsma speċifiċi
u atturi. Possibilitajiet għall-iżvilupp ta' oqfsa ta'
taħriġ għall-pajjiżi fi tranżizzjoni u li qed jiżviluppaw se jiġu esplorati
permezz tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ. Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija,
il-Frontex, u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil se jaħdmu aktar fuq
il-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-partijiet interessati rispettivi tagħhom[39]. Il-Kummissjoni se tikkunsidra
kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE biex tipprovdilhom u, permezz
tagħhom, lil pajjiżi terzi, b'taħriġ fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin. 2.5. PRIJORITÀ E: Għarfien
akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma' kull għamla ta' traffikar tal-bnedmin
u reazzjoni effettiva għalih Ix-xejriet, il-mudelli u l-metodi ta' ħidma
tat-traffikanti qed jinbidlu fil-forom kollha differenti ta' traffikar
tal-bnedmin, filwaqt li jadattaw ruħhom għall-bidliet fix-xejriet tad-domanda u
l-provvista. Il-forom ta’ sfruttament huma spiss amalgamati u marbutin
mill-qrib, u għalhekk jagħmluha diffiċli biex wieħed jiskopri l-forma eżatta
ta' sfruttament li vittmi jkunu suġġetti għaliha. Dan jagħmilha saħansitra
aktar diffiċli biex il-vittmi jiġu identifikati. Huwa meħtieġ li wieħed ikun
jista' jifhem dawn ix-xejriet malajr u jiżgura reazzjoni effikaċi. (1)
Azzjoni 1: L-iżvilupp ta' sistema pan-Ewropea
għall-Ġbir tad-Dejta Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se
tiżviluppa sistema pan-Ewropea għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' dejta
mqassma skond l-età u s-sess. L-għarfien tal-flussi u tendenzi
tat-traffikar intern se jkun parti importanti minn dan ix-xogħol. Abbażi ta'
riżultati miksuba mill-analiżi tal-ewwel inizjattiva ta' ġbir ta' dejta
fl-2012, il-Kummissjoni se taħdem ma' rapporteurs nazzjonali biex tiżgura li
dejta komparabbli u affidabbli tnġabar permezz tal-inizjattiva ta' segwitu li
tkopri s-snin 2011 u 2012. Ir-riżultati huma mistennija fl-2014. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kejl
tal-kriminalità fl-UE, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tinġabar dejta
affidabbli u komparabbli dwar it-traffikar tal-bnedmin għal politika bbażata
fuq l-evidenza. Il-Komunikazzjoni tinkludi Pjan ta’ Azzjoni għall-2011-2015[40] biex tinġabar dejta fuq għadd
żgħir ta' indikaturi. (2)
Azzjoni 2: L-iżvilupp tal-għarfien relatat
mad-Dimensjoni tas-Sessi fit-Traffikar u l-Gruppi Vulnerabbli Fl-2013,
il-Kummissjoni se tiżviluppa l-għarfien dwar id-dimensjonijiet tas-sessi
fit-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-ispeċifiċitajiet tal-mod kif l-irġiel
u n-nisa jiġu reklutati u sfruttati, konsegwenzi li jirrigwardaw is-sessi
tad-diversi forom ta' traffikar u d-differenzi potenzjali bejn l-irġiel u
n-nisa fil-vulnerabbiltà għall-vittimizzazzjoni u l-impatt tagħha fuqhom. Il-vulnerabbiltà għat-traffikar u għal forom
differenti ta' sfruttament hija msawra skont is-sess. Filwaqt li n-nisa u
l-bniet għandhom it-tendenza li jiġu traffikati għall-isfruttament
fl-industrija tas-sess, f’xogħol domestiku jew għas-settur tal-kura, hemm
it-tendenza li l-irġiel u s-subien ikunu vittmi tax-xogħol furzat, b'mod
partikolari fl-agrikoltura, fil-kostruzzjoni, fit-tħaffir tal-minjieri,
fis-setturi tal-foresti u fil-flotot tas-sajd. Barra minn hekk, il-konsegwenzi
fiż-żmien qasir u fit-tul fuq in-nisa u l-irġiel traffikati jistgħu jvarjaw,
skont il-forma ta' traffikar u s-sess. Gruppi vulnerabbli huma f 'riskju akbar ta'
traffikar tal-bnedmin. Tali gruppi jinkludu t-tfal, speċjalment tfal li jitilqu
l-iskola kmieni, it-tfal li jitħallew wara[41],
tfal mhux akkumpanjati, u tfal b'diżabbiltà, kif ukoll nies fil-komunità Rom[42]. Filwaqt li tiżgura
perspettiva tas-sessi, fl-2014 il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li
l-finanzjament ikun disponibbli taħt il-programm għall-finanzjament tar-riċerka
biex jiżdied l-għarfien dwar tali gruppi b'riskju għoli u fil-futur se
timmira l-azzjonijiet b'mod aktar koerenti u se tikkollabora mal-Istati Membri. (3)
Azzjoni 3: Għarfien dwar ir-Reklutaġġ bl-Internet Fl-2014, taħt il-programm ta' finanzjament
għal internet aktar sikur, il-Kummissjoni ser tappoġġa proġetti li jimmiraw li jżidu
l-għarfien rigward ir-reklutaġġ minn fuq l-internet u permezz tan-netwerks
soċjali — inkluż ir-reklutaġġ li jsir bl-għajnuna ta' intermedjarji.
L-internet jilħaq udjenza wiesgħa, u joffri bosta possibbiltajiet biex jiġu reklutati
l-vittmi[43].
Huwa joffri opportunitajiet ta’ impjieg (ħafna drabi billi jippromwovu impjiegi
attraenti barra mill-pajjiż, għal mudelli, żeffiena, artisti tal-cabaret, eċċ.)
li huma aċċessibbli permezz ta' magni tat-tiftix sempliċi jew pop-ups, chat rooms
u spam mail. Għodod tan-netwerking soċjali qed isiru dejjem aktar popolari
bħala għodod ta' reklutaġġ. (4)
Azzjoni 4: Immirar fuq it-Traffikar għal skopijiet
ta' Sfruttament tax-Xogħol Biex jiżdied l-għadd ta' każijiet ta'
traffikar għall-isfruttament tax-xogħol li jiġu investigati u ppproċessati u
biex tittejjeb il-kwalità tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawn
il-każijiet, fl-2013, taħt il-programm ta' finanzjament għall-affarijiet
interni, il-Kummissjoni se tiffinanzja studju ta’ każistika fl-Istati
Membri kollha. Bosta rapporti jiġbdu l-attenzjoni lejn l-approċċi
differenti fl-Istati Membri biex jiġi indirizzat it-traffikar
għall-isfruttament tax-xogħol. Dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali u
l-implimentazzjoni tagħhom jidhru li jvarjaw fost l-Istati Membri. Dan jista'
jfixkel il-kooperazzjoni transkonfinali. Għarfien aħjar tal-każistika fl-Istati
Membri jista' jitfa' dawl fuq id-differenzi fl-approċċ. Il-leġiżlazzjoni dwar (is-suq) tax-xogħol u
l-liġijiet li jirregolaw il-migranti li jaħdmu fl-UE, meta implimentati
korrettament, se jgħinu wkoll għall-prevenzjoni ta' forom differenti ta'
traffikar tal-bnedmin. Hemm bżonn ta' konċentrazzjoni akbar fuq l-aspetti
amministrattivi tat-traffikar tal-bnedmin bħal dwar il-kuntratturi u
s-sottokuntratturi u l-aġenziji tar-reklutaġġ għall-impjiegi, b’mod partikolari
f’setturi b’riskju għoli għat-traffikar tal-bnedmin. L-aġenda tal-UE għal
xogħol[44]
deċenti u protezzjoni soċjali aħjar fil-pajjiżi ta’ oriġini trid tiġi promossa
wkoll. Fl-2015, il-Kummissjoni se taħdem
mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol
(Eurofound) biex tiżviluppa gwida tal-aħjar prattiki għall-awtoritajiet
pubbliċi dwar il-monitoraġġ u l-infurzar tal-aġenziji ta’ xogħol temporanju
u l-aġenziji intermedjarji bħal aġenziji tar-reklutaġġ biex jiġi ostakolat
it-traffikar tal-bnedmin. Il-gwida għandha tinkludi sistemi ta' liċenzjar u
xogħol relatat mar-responsabbiltà ta' dawn l-aġenziji. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni
mal-ispetturi tax-xogħol, soċjali, tas-saħħa u tas-sikurezza, kif ukoll
mal-ispetturi tas-sajd, fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-riferiment
tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u biex titqajjem kuxjenza u jsir taħriġ
billi tinkludiha fl-aġenda tan-netwerks UE fl-2013. 3. Il-Valutazzjoni u l-Monitoraġġ Billi tqis l-ammont kbir ta' mekkaniżmi ta'
rappurtar fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin madwar l-UE[45], u kif din il-Komunikazzjoni
tirrelata mad-Direttiva dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-Kummissjoni għandha
l-ħsieb li tistabbilixxi proċeduri effettivi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni li
ma joħolqux mekkaniżmi ta' rappurtar ripetittivi. L-Istati Membri huma mħeġġa
jagħmlu evalwazzjoni u monitoraġġ huma stess tal-istrateġiji nazzjonali u
attivitajiet tagħhom immirati biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin. Skont id-Direttiva dwar it-traffikar
tal-bnedmin, sa April 2015 il-Kummissjoni se tevalwa sa fejn l-Istati Membri
ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva f'rapport
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Imbagħad, b'konformità mad-Direttiva,
il-Kummissjoni se tirrapporta kull sentejn lill-Kunsill u lill-Parlament
Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin, iffaċilitat mill-Istati Membri. L-ewwel rapport, li se jinħareġ fl-2014,
se jinkludi l-ewwel evalwazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Fl-aħħarnett, fl-2016 rapport se jivvaluta l-impatt
tal-liġijiet nazzjonali li jistabilixxu bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi
li huma strument għall-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin. Jekk
meħtieġ, ir-rapport se jinkludi proposti adegwati. Fid-dawl tal-miżuri deskritti f’din
il-Komunikazzjoni, in-Netwerk Informali tar-Relaturi Nazzjonali jew
il-Mekkaniżmi Ekwivalenti se jkunu essenzjali kemm għall-monitoraġġ kif ukoll
għall-evalwazzjoni ta' dawk il-miżuri. Ir-rapporti li huma joħorġu fil-livell
ta' Stat Membru se jiġu kkunsidrati. Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa
li meta jkunu qed iħejju r-rapporti tagħhom ir-Relaturi Nazzjonali jew
il-Mekkaniżmi Ekwivalenti jikkonsultaw lis-soċjetà ċivili. L-iżgurar li din l-Istrateġija
għall-Eradikazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 - 2016 ikollha l-effett
intenzjonat se jiddependi l-aktar fuq il-finanzjament kif ukoll fuq
l-involviment tal-atturi kollha msemmija f’din il-Komunikazzjoni. Sommarju
tal-azzjonijiet mill-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin
2012 - 2016 PRIJORITAJIET U AZZJONI || MIN HU RESPONSABBLI || ŻMIEN PRIJORITÀ A: L-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar L-iżvilupp ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' riferiment || SM/COM || 2012 Linji Gwida dwar il-protezzjoni tal-vittmi || COM || 2015 Mudell għal mekkaniżmu ta' riferiment transnazzjonali tal-UE || COM || 2015 Linji Gwida għal identifikazzjoni aħjar tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin || COM || 2014 Linji Gwida għal servizzi konsulari u l-gwardjani tal-fruntiera għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar || COM || 2012 Linji Gwida dwar sistemi għall-ħarsien tat-tfal || COM || 2014 It-tisħiħ tas-sistemi tal-ħarsien tat-tfal biex ikun żgurat ir-ritorn sikur u ma jsirx traffikar mill-ġdid || SM || 2015 Mudell tal-aħjar prattika fuq ir-rwol ta' tuturi u/jew rappreżentanti tat-tfal vittmi || COM/FRA || 2014 Informazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol, rigward l-affarijiet soċjali, tal-vittmi u tal-migranti taħt il-liġi tal-UE || COM || 2013 it-tixrid tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol, rigward l-affarijiet soċjali, tal-vittmi u tal-migranti fuq livell nazzjonali || SM/COM || 2014 PRIJORITAJIET U AZZJONIJIET || MIN HU RESPONSABBLI || ŻMIEN || PRIJORITÀ B: L-intensifikar tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin Riċerka dwar it-tnaqqis fid-domanda għas-servizzi pprovduti minn vittmi tat-traffikar || COM || 2013 It-twaqqif ta' Koalizzjoni Ewropea tan-Negozju kontra t-traffikar tal-bnedmin || COM || 2014 Mudelli u linji gwida għat-tnaqqis tad-domanda || COM/Koalizzjoni Ewropea tan-Negozju || 2016 Analiżi ta' inizjattivi ta' prevenzjoni eżistenti mwettqa mill-partijiet interessati || COM || 2013 Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni madwar l-UE li jimmiraw gruppi vulnerabbli speċifiċi || COM || 2014 PRIJORITAJIET U AZZJONI || MIN HU RESPONSABBLI || ŻMIEN Prijorità C: Żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti It-twaqqif ta' unitajiet nazzjonali, multidixxiplinari għall-infurzar tal-liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin || SM || Għaddej bħalissa Investigazzjonijiet finanzjarji proattivi ta' każijiet ta' traffikar u kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE || SM || 2013 L-analiżi tat-tagħrif li jingħata mill-SM dwar l-investigazzjoni finanzjarja fil-każijiet tat-traffikar tal-bnedmin || L-Europol/SM || 2015 Skwadri tal-Investigazzjoni Konġunti || SM/aġenziji tal-UE || Għaddej bħalissa Użu sħiħ tal-aġenziji tal-UE || SM/aġenziji tal-UE || Għaddej bħalissa L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Eurojust kontra t-traffikar tal-bnedmin || L-Eurojust/SM || 2013 Kooperazzjoni reġjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin tul rotot mil-Lvant lejn l-UE || COM || 2012 PRIJORITAJIET U AZZJONIJIET || MIN HU RESPONSABBLI || ŻMIEN PRIJORITÀ D: Koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika Il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta ffirmata mill-aġenziji ĠAI tal-UE || COM || Għaddej bħalissa It-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni madwar l-UE b'appoġġ għan-Netwerk Informali ta' Relaturi Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti || COM/SM || 2013 L-istabbiliment possibbli ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni f'delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi u reġjuni terzi prijoritarji || COM/SEAE/SM || 2013 It-tisħiħ u l-formalizzazzjoni ta' sħubiji ma’organizzazzjonijiet internazzjonali || COM/Organizzazzjonijiet Internazzjonali/SEAE || Għaddej bħalissa L-inklużjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin fil-Klawsoli tad-Drittijiet tal-Bniedem || COM/SEAE || Għaddej bħalissa Il-Finanzjament ta' proġetti dwar it-traffikar tal-bnedmin f'pajjiżi u reġjuni terzi || COM/SEAE || Għaddej bħalissa Pjattaforma tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-fornituri ta' servizzi || COM || 2013 Reviżjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin || COM || 2014 Evalwazzjoni tal-għodod tad-drittijiet fundamentali fil-politika kontra t-traffikar u azzjonijiet relatati || COM/FRA || 2014 Assistenza lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-għodda ta' valutazzjoni || COM/SM || Għaddej bħalissa It-tisħiħ ta' taħriġ immirat lejn il-ġudikatura u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi transkonfinali || COM/aġenziji/SM || 2012 Aktar koerenza fil-politika permezz ta’ programmi ta’ taħriġ || COM/SM || Għaddej bħalissa PRIJORITAJIET U AZZJONIJIET || MIN HU RESPONSABBLI || ŻMIEN || PRIJORITÀ E: Għarfien akbar dwar xejriet li qed jinbidlu fit-traffikar tal-bnedmin u reazzjoni effettiva għalihom Sistema pan-Ewropea għall-ġbir u pubblikazzjoni ta' dejta diżaggregata skont is-sess u l-età || COM/SM || 2012 Dejta paragunabbli u affidabbli f 'inizjattiva ta' segwitu 2011 u 2012 || COM/SM/Relaturi Nazzjonali || 2014 Riċerka dwar id-dimensjonijiet tas-sessi fit-traffikar tal-bnedmin || COM || 2013 Riċerka dwar gruppi b’riskju għoli għat-traffikar tal-bnedmin || COM || 2014 Riċerka dwar ir-reklutaġġ mill-internet u permezz tan-netwerks soċjali || COM/SM || 2014 Studju tal-ġurisprudenza dwar it-traffikar jew l-isfruttament tax-xogħol || COM/SM || 2013 Gwida rigward l-aħjar prattiki għall-awtoritajiet pubbliċi dwar il-monitoraġġ tal-aġenziji ta’ xogħol temporanju u l-aġenziji intermedjarji || EUROFOUND/COM || 2015 Kooperazzjoni ma' spetturi tax-xogħol, tal-affrijiet soċjali u tas-saħħa, tas-sikurezza u tas-sajd || COM || 2013 [1] It-traffikar tal-bnedmin ivarja mill-kuntrabandu
tal-persuni (faċilitazzjoni tal-migrazzjoni) għax jinvolvi l-użu tal-forza u
jinvolvi l-isfruttament, u minħabba li m’hemm l-ebda bżonn li tinqasam
fruntiera jew li jkunu fiżikament trasportati. [2] Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, Estimi
Globali tal-ILO dwar ix-xogħol furzat 2012, Ġunju 2012. Ir-rapport jiddikjara
li t-traffikar tal-bnedmin jista' jiġi kkunsidrat bħala xogħol furzat, u
għaldaqstant l-estimi jħaddnu l-firxa kollha ta' traffikar tal-bnedmin
għall-isfruttament tax-xogħol kif ukoll dak sesswali (paġna 13). [3] L-istima tal-profitti annwali globali magħmula
mill-isfruttament tax-xogħol furzat traffikat hija ta' US$31,6 biljun. Minn
dawn US$ 15.5 biljun, jiġifieri 49 fil-mija, huma ġġenerati f'ekonomiji
industrijalizzati (f'Patrick Belser, ‘Forced Labor and Human Trafficking:
Estimating the Profits’, (Ix-Xogħol Sfurzat u t-Traffikar tal-Bnedmin: Stima
tal-Profitti) Dokument ta' Ħidma, L-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol,
Ġinevra, 2005). [4] ‘The Globalisation of Crime: : A Transnational Organised
Crime Threat Assessment’, (Il-Globalizzazzjoni tal-Kriminalità: Evalwazzjoni
tat-Theddida tal-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali) UNODC, 2010 [5] L-istatistika miġbura permezz tal-Eurostat tipprovdi
ħarsa ġenerali bbażata fuq it-tweġibiet li bagħtu s-27 Stati Membri għas-snin
2008 sa 2010. [6] Komunikazzjoni dwar it-traffikar tan-nisa għall-għan
ta' sfruttar sesswali (COM(96) 567 finali), Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda
kontra t-traffikar tal-bnedmin: approċċ integrat u proposti għal pjan ta'
azzjoni (COM (2005) 514 finali), il-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiki,
standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u
l-prevenzjoni tiegħu (2005/C311/01) u dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar
l-Evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-UE
(COM(2008) 657 finali). [7] Id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda
kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, ĠU
15.04.2011, L 101. [8] Il-Proposta għad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi
(COM (2011) 275 finali), azzjoni rigward il-vjolenza kontra n-nisa, li
l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni huma elementi
fundamentali minnha; L-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (COM (2011)
0060 finali); Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minuri mhux Akkumpanjati (COM (2010) 213
finali); Id-Direttiva 2009/52/KE dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem li
konxjament jimpjega ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment; u
l-proposta għal Direttiva dwar l-impjiegi staġjonali ta' ċittadini ta' pajjiż
terzi (COM (2010) 379 finali). [9] Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà
Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura,
COM (2010) 673 finali. [10] Komunikazzjonidwar L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u
l-Mobbiltà (COM(2011) 743 finali). [11] 11450/5/09 REV 5, 19 ta' Novembru 2009 u 9501/3/11
REV 3, 4 ta' Lulju 2011. [12] B'mod partikolari fil-kuntest tad-Djalogi dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem li saru ma' iktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja,
id-Djalogi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà li jammontaw għal seba' proċessi
reġjonali li jkopru iktar minn mitt pajjiż u iktar minn għoxrin proċess
bilaterali. [13] Il-kompiti tagħha jinkludu li tindirizza l-ħtieġa urġenti
li jiġi żgurat pjanar strateġiku konsistenti u u kkoordinat fil-livell tal-UE u
ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi, biex jindirizza din
il-kwistjoni b'mod komprensiv. [14] http://ec.europa.eu/anti-trafficking/index. [15] Il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar
tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissupplimenta
l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata
Tranżnazzjonali, Sensiela tat-Trattati, Vol. 2237, p. 319; Il-Konvenzjoni dwar
Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru.197), il-Kunsill tal-Ewropa,
Varsavja, 16 ta’ Mejju 2005. [16] Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Qirda tal-Forom Kollha ta'
Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, New York,
it-18 ta' Diċembru 1979, Sensiela tat-Trattati, Vol.
1249, p. 13, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-20
ta' Novembru 1989, in-Nazzjonijiet Uniti, Serje tat-Trattati, Vol.
1577, p. 3, ILO Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29), ILO
Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105), ILO
Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182) u l-ILO
il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi, 2011 (Nru 189). [17] Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Rantsev v.
Ċipru u r-Russja, Applikazzjoni Nru 25965/04, Ġudizzju (finali)
l-10 ta’ Mejju 2010. [18] Grupp ta' Esperti li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq
il-politika u l-leġiżlazzjoni u huma bbażati fuq id-Deċiżjonijiet
tal-Kummissjoni, l-aktar reċenti, ĠU 12.08.2011, L 207/14. [19] Dok. 15358/10 COSI 69. [20] IOM, ‘The Causes and Consequences of Re-trafficking:
Evidence from the IOM Human Trafficking Database’, (Il-Kawżi u l-Konsegwenzi
tat-Traffikar mill-Ġdid: Evidenza mill-Bażi tad-Dejta tat-Traffikar tal-bnedmin
tal-OIM), 2010. [21] Id-Direttivi 2011/36/UE dwar it-traffikar tal-bnedmin u
2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali
tat-tfal u l-pedopornografija, u li jissostitwixxu d-Deċiżjoni Qafas
tal-Kunsill 2004/68/ĠAI. [22] Il-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar Minuri Mhux Akkumpanjati,
Laqgħa dwar it-Tutela ta' tfal mhux akkumpanjati
fil-21 ta’ Ġunju 2011. [23] Ara wkoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet
Fundamentali, “It-Traffikar tat-Tfal fl-UE — l-Isfidi, il-perspettivi u
l-prattiki tajba ”, Lulju 2009. [24] Din l-informazzjoni tinkludi d-drittijiet ibbażati fuq
id-Direttiva 2004/81/KE dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta'
pajjiżi terzi li jkunu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-potenzjal
tad-Direttiva bħalissa mhux qed jiġi sfruttat għal kollox u n-nuqqas ta’
tagħrif li għandhom il-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom kien identifikat bħala
wieħed mill-oqsma problematiċi ewlenin. Il-Kummissjoni varat studju biex tanalizza
l-miżuri attwalment fis-seħħ u l-iskemi ta' protezzjoni għall-vittmi
tat-traffikar li jipprovdi kull Stat Membru taħt id-Direttiva, sabiex tifhem
jekk l-arranġamenti attwali kemmxejn diverġenti fl-Istati Membri jfixklux
approċċ konsistenti u effettiv biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. http://ec.europa.eu/anti-trafficking/index,
http://ec.europa.eu/immigration
and http://e-justice.europa.eu. [25] Bħall-Kampanja tal-IOM Ixtri b'Responsabbuiltà http://www.buyresponsibly.org. [26] L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/36 tal-UE dwar
it-traffikar tal-bnedmin. [27] Bħall-Kampanja Blue Heart tal-UNODC jew Il-kampanja
Blue Blindfold tar-Renju Unit. [28] L-unitajiet għandhom jiffunzjonaw bħala punt tal-kuntatt
tal-korpi għall-infurzar tal-liġi f'pajjiżi oħra ġewwa u barra l-UE u esperti
mill-unità għandhom jipparteċipaw f'laqgħat bħal-laqgħa tal-grupp tal-Fajls ta’
Ħidma Analitika dwar it-traffikar tal-bnedmin, laqgħat relatati maċ-ċiklu ta'
politika tal-UE u laqgħat tal-punti ta' kuntatt imsemmija fil-manwal ta'
kuntatt tal-Europol għat-traffikar tal-bnedmin. [29] Standards internazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil
tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni,
ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, Task Force għal Azzjoni Finanzjarja tal-OECD
2012. [30] L-Europol, 'Valutazzjoni tat-Theddida tal-Krimimalità
Organizzata 2011'. Dawn is-setturi huma l-agrikoltura, il-kostruzzjoni,
l-industrija tat-tessuti, il-kura tas-saħħa, is-servizz domestiku u
l-industrija tas-sess, paġna 19. [31] L-aġenziji in kwistjoni huma CEPOL, EASO, EIGE, l-Europol,
l-Eurojust, FRA u Frontex, http://ec.europa.eu/anti-trafficking/entity.action?id=55a48066-dcf5-4e71-b191-cedcf0caa97a. [32] Il-Kummissjoni fformalizzat sħubijiet f'diversi forom u tikkoopera
man-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni Internazzjonali
għall-Migrazzjoni, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,
l-Organizzazzjoniji Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni Dinija tax-Xogħol.
Il-kooperazzjoni kontinwata ma' dawn l-organizzazzjonijiet se tkun
partikolarment importanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li jsir bi
skop ta' tneħħija tal-organi. [33] Komunikazzjoni Konġunta: Id-Drittijiet tal-Bniedem u
d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar
Effettiv, COM(2011) 886 finali. [34] Informazzjoni dwar il-maġġoranza tal-proġetti hija
disponibbli fuq il-websajt kontra t-traffikar tal-Kummissjoni. [35] Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, COM
(2010) 573 finali, 19 ta' Ottubru 2010, disponibbli
fuq:.
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0573:FIN:MT:PDF. [36] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Gwida
Operazzjonali dwar il-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali
fil-Valutazzjonijiet ta' Impatt tal-Kummissjoni, SEC (2011) 567 finali,
6.5.2011. [37] The RighT Guide, http://ec.europa.eu/anti-trafficking/entity?id=7dbb0353-cb8a-4bcc-a3fa-34dfbe01bbca. [38] Komunikazzjoni Inkattru l-fiduċja f'Ġustizzja Ewropea:
dimensjoni ġdida għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew, COM (2011) 551 finali. [39] Is-CEPOL tipprovdi taħriġ dwar it-traffikar tal-bnedmin
kif ukoll Kurrikulu Komuni u modulu ta' tagħlim elettroniku għal uffiċjali
tal-pulizija. Il-Frontex żviluppat manwal ta' taħriġ speċifiku dwar
it-traffikar tal-bnedmin għall-gwardjani tal-fruntieri. Għodod u informazzjoni
dwar id-detezzjoni u r-riferiment tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ser
ikunu parti mill-kaxxa tal-għodda tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam
tal-Asil (EASO), pereżempju f'moduli ta' taħriġ u manwali. [40] Komunikazzjoni Il-Kejl tal-Kriminalità fl-UE: Pjan ta'
Azzjoni tal-Istatistika 2011 - 2015, COM (2011) 713 finali. [41] Dan jirreferi għal tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fi
Stat Membru differenti u jħallu t-tfal warajhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. [42] B'kunsiderazzjoni tar-riċerka dwar is-suġġett
bħall-Istudju dwar it-Tipoloġija ta' Tallaba Tfal u r-Reazzjonijiet
tal-Politika fl-UE, JLS/2009/ISEC/PR/008-F2. [43] Ara l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Abbuż
tal-Internet għar-reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, 2007. [44] Komunikazzjoni Il-Promozzjoni ta' xogħol deċenti għal
kulħadd: il-kontribuzzjoni tal-UE fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol
deċenti fid-dinja, (COM(2006)249) finali. [45] L-intenzjoni hija li jiġu esplojtati kemm jista' jkun
il-mekkaniżmi eżistenti ta’ rrappurtar fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin,
bħar-rappurtar taħt iċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE għall-ġlieda kontra
l-kriminalità serja u organizzata, u r-rapporti tal-Grupp ta' Esperti dwar
Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-Kunsill tal-Ewropa (Greta).