52012DC0009

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21 /* COM/2012/09 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1. L-ISFIDI TAL-LUM GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

Il-pass mgħaġġel tal-bidla teknoloġika u l-globalizzazzjoni biddlu b’mod profond il-mod kif il-volum li dejjem jikber ta’ dejta personali huwa miġbur, aċċessat, użat u trasferit. Modi ġodda ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks soċjali u l-ħażna remota ta’ ammonti kbar ta’ dejta saru parti mill-ħajja għal ħafna mill-250 miljun utent tal-internet tal-Ewropa. Fl-istess ħin, id-dejta personali saret vantaġġ għal bosta negozji. Il-ġbir, l-aggregazzjoni u l-analiżi tad-dejta ta’ klijenti potenzjali hija spiss parti importanti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom[1].

F'dan l-ambjent diġitali ġdid, l-individwi għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni personali tagħhom. Il-protezzjoni tad-dejta hija dritt fundamentali fl-Ewropa, minqux fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u għandu jiġi protett bħala tali.

In-nuqqas ta' fiduċja jbeżża’ lill-konsumaturi milli jixtru minn fuq l-internet u jaċċettaw servizzi ġodda. Għalhekk, huwa kruċjali wkoll livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi onlajn u biex jissodisfaw il-potenzjal tal-ekonomija diġitali, b'hekk jinkoraġġixxu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-industriji tal-UE.

Huma meħtieġa regoli moderni u koerenti madwar l-UE biex id-dejta tkun tista’ tiġi trasferita b’mod liberu minn Stat Membru għal ieħor. In-negozji jeħtieġu regoli ċari u uniformi li jipprovdu ċertezza legali u jimminimizzaw il-piż amministrattiv. Dan huwa essenzjali jekk is-Suq Uniku għandu jiffunzjona u biex jistimula t-tkabbir ekonomiku, joħloq impjiegi ġodda u jrawwem l-innovazzjoni[2]. Il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, li ssaħħaħ id-dimensjoni tas-suq intern tagħhom, tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dejta għall-individwi, u tippromwovi ċertezza legali, ċarezza u konsistenza, għalhekk għandha rwol ċentrali x’taqdi fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma tal-Kummissjoni Ewropea[3], fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[4] u, b’mod aktar wiesa’, tikkontribwixxi għall-istrateġija tat-tkabbir Ewropa 2020 tal-UE[5].

Id-Direttiva tal-UE tal-1995[6], l-istrument leġiżlattiv ċentrali għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-Ewropa, kienet kisba importanti fl-istorja tal-protezzjoni tad-dejta. L-għanijiet tagħha, li jiġi żgurat l-iffunzjonar ta’ Suq Uniku u ħarsien effettiv tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, jibqgħu validi. Madankollu, kienet adottata 17-il sena ilu meta l-internet kien għadu fi stadju bikri. Fl-ambjent ġdid, kollu sfidi, u diġitali tal-lum, ir-regoli eżistenti la jipprovdu l-grad ta' armonizzazzjoni meħtieġ, u lanqas l-effiċjenza meħtieġa biex jiżguraw id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi riforma fundamentali tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona ħoloq, bl-Artikolu 16 tat-TFUE, bażi legali ġdida għal approċċ modernizzat u komprensiv għall-protezzjoni tad-dejta u l-moviment liberu ta' dejta personali, li tkopri wkoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[7]. Dan l-approċċ huwa rifless fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma[8], li jinsisti fuq il-ħtieġa għall-Unjoni biex “tistabbilixxi sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni” u “għandha tara li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta jkun applikat b'mod konsistenti”.

Biex tiġi ppreparata r-riforma tal-qafas għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE b'mod trasparenti, il-Kummissjoni nediet, mill-2009, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-protezzjoni tad-dejta[9] u impenjat ruħha fi djalogu intens mal-partijiet interessati[10]. Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea[11] li tistipula t-temi ewlenin tar-riforma. Bejn Settembru u Diċembru 2011, il-Kummissjoni ġiet involuta fi djalogu mtejjeb mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropa u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta biex tesplora l-għażliet għal applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE madwar l-Istati Membri kollha tal-UE[12].

Dawn id-diskussjonijiet iċċaraw li kemm iċ-ċittadini kif ukoll in-negozji riedu lill-Kummissjoni Ewropea biex tirriforma r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta b’mod komprensiv. Wara li vvalutat l-impatti ta’ għażliet ta’ politika differenti[13], il-Kummissjoni Ewropea issa qed tipproponi qafas leġiżlattiv b'saħħtu u konsistenti madwar il-politiki tal-Unjoni, titjib fid-drittijiet tal-individwi, dimensjoni tas-Suq Uniku ta’ protezzjoni tad-dejta u li titnaqqas drastikament il-burokrazija għan-negozji[14]. Il-Kummissjoni tipproponi li l-qafas il-ġdid għandu jikkonsisti fi:

– Regolament (li jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KE) li jistabbilixxi qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta[15];

– u Direttiva (li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI)[16] li tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali proċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u attivitajiet ġudizzjarji relatati.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-elementi ewlenin tar-riforma tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta.

2. TQEGĦID TA’ INDIVIDWI FIL-KONTROLL TAD-DEJTA PERSONALI TAGĦHOM

Taħt id-Direttiva 95/46/KE – l-att leġiżlattiv ewlieni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta attwali – il-modi li bihom l-individwi huma kapaċi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta mhumiex armonizzati biżżejjed madwar l-Istati Membri. Is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta lanqas ma huma armonizzati biżżejjed biex jiżguraw applikazzjoni konsistenti u effettiva tar-regoli. Dan ifisser li l-eżerċitar effettiv ta’ drittijiet bħal dawn huwa aktar diffiċli f’xi Stati Membri milli f'oħrajn, b’mod partikulari onlajn.

Dawn id-diffikultajiet huwa wkoll minħabba l-volum prevalenti ta’ dejta miġbura kuljum, u l-fatt li l-utenti spiss ma jkunux kompletament konxji li d-dejta tagħhom qed tinġabar. Għalkemm ħafna Ewropej jikkunsidraw li l-iżvelar ta' dejta personali huwa dejjem aktar parti mill-ħajja moderna[17],72% tal-utenti tal-internet fl-Ewropa għadhom jinkwetaw li huma qed jiġu mitluba wisq dejta personali onlajn[18]. Iħossu li m’għandhomx kontroll tad-dejta tagħhom. Mhumiex infurmati tajjeb dwar x’jiġri mill-informazzjoni personali tagħhom, lil min tkun trażmessa u għal liema finijiet. Ta’ spiss, dawn ma jafux kif jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom onlajn.

‘Dritt li jintesew’

Student Ewropew li huwa membru ta’ servizz tan-netwerking soċjali onlajn jiddeċiedi li jitlob aċċess għad-dejta personali kollha li n-netwerk għandu dwaru. Meta jagħmel hekk, huwa jinduna li n-netwerk jiġbor ħafna aktar dejta milli kien konxju dwaru u li xi dejta personali li hu ħaseb li kienet tneħħiet kienet għadha qed tiġi maħżuna.

Ir-riforma tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jibqax jiġri billi tintroduċi:

- rekwiżit espliċitu li jobbliga lis-servizzi ta' netwerking soċjali onlajn (u l-kontrolluri tad-dejta l-oħrajn kollha) biex jimminimizzaw il-volum tad-dejta personali tal-utenti li dawn jiġbru u jipproċessaw;

- rekwiżit li s-settings awtomatiċi jiżguraw li d-dejta ma tkunx disponibbli għall-pubbliku;

- obbligu espliċitu għall-kontrolluri tad-dejta biex iħassru d-dejta personali ta’ individwu jekk dik il-persuna titlob b’mod espliċitu għat-tħassir u fejn m’hemm l-ebda raġuni leġittima oħra biex din tinżamm. F'dan il-każ speċifiku, din l-għażla tobbliga lill-fornitur tan-netwerk soċjali biex iħassar id-dejta tal-istudent immedjatament u kompletament.

Kif ġie enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, it-tħassib dwar il-privatezza hija fost l-aktar raġunijiet frekwenti għan-nies biex ma jixtrux oġġetti u servizzi minn fuq l-internet. Minħabba l-kontribut tas-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) għat-tkabbir fil-produttività globali fl-Ewropa – 20% direttament mis-settur tal-ICT u 30% minn investimenti fl-ICT[19] – il-fiduċja f’dawn is-servizzi hija essenzjali biex tistimula t-tkabbir fl-ekonomija tal-UE u l-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Notifiki dwar ksur tad-dejta

Hackers attakkaw servizz tal-logħob immirat lejn utenti fl-UE. Il-ksur affettwa databases li fihom dejta personali (inklużi ismijiet, indirizzi u possibbilment dejta dwar karti tal-kreditu) ta' għexieren ta' miljuni ta' utenti fid-dinja kollha. Il-kumpanija stenniet ġimgħa qabel innotifikat lill-utenti kkonċernati.

Ir-riforma tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jistax jibqa’ jiġri. Ir-regoli l-ġodda se jobbligaw lill-kumpaniji:

- biex isaħħu l-miżuri tas-sigurtà tagħhom biex jipprevjenu u jevitaw ksur;

- li jinnotifikaw ksur tad-dejta kemm lill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta - fi żmien 24 siegħa minn meta jiġi skopert il-ksur, fejn hu possibbli - kif ukoll lill-individwi kkonċernati.

L-għan tal-atti leġiżlattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni llum hu li jissaħħu d-drittijiet, li n-nies jingħataw mezzi effiċjenti u operattivi biex jiżguraw li dawn ikunu kompletament infurmati dwar x’jiġri mid-dejta personali tagħhom u biex jippermetulhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod aktar effettiv.

Biex jissaħħaħ id-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda li ser:

Itejbu l-kapaċità tal-individwi biex jikkontrollaw id-dejta tagħhom, billi:

-        jiżguraw li, meta huwa meħtieġ il-kunsens tagħhom, dan huwa mogħti b’mod espliċitu, jiġifieri jkun ibbażat jew fuq dikjarazzjoni jew fuq azzjoni affermattiva ċara mill-persuna kkonċernata u jingħata b’mod liberu;

-        jarmaw lill-utenti tal-internet bi dritt effettiv li jintesew fl-ambjent onlajn: id-dritt li jkollhom id-dejta tagħhom imħassra jekk huma jirtiraw il-kunsens tagħhom u jekk ma jkunx hemm bażijiet leġittimi oħra biex tinżamm id-dejta;

-        jiggarantixxu aċċess faċli għal dejta proprja u dritt għall-portabbiltà tad-dejta: dritt li tinkiseb kopja tad-dejta maħżuna mingħand il-kontrollur u l-libertà li tiġi trasferita minn fornitur tas-servizz wieħed għal ieħor, mingħajr xkiel;

-         jissaħħaħ id-dritt għal informazzjoni sabiex l-individwi jifhmu kompletament kif tiġi amministrata d-dejta personali tagħhom, b’mod partikulari meta l-attivitajiet tal-ipproċessar jikkonċernaw lit-tfal. Itejbu l-mezzi sabiex l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, billi:

-        jissaħħu l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, hekk li jkunu attrezzati b’mod xieraq biex jindirizzaw b'mod effettiv l-ilmenti, b’setgħat li jwettqu investigazzjonijiet effettivi, jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti u jimponu sanzjonijiet effettivi u dissważivi;

-        jissaħħu r-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji meta jinkisru d-drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta. B’mod partikulari, assoċjazzjonijiet ikkwalifikati se jkunu kapaċi jressqu azzjonijiet quddiem il-qorti f’isem l-individwu.

Isaħħu s-sigurtà tad-dejta, billi:

-        jinkoraġġixxu l-użu ta’ teknoloġiji li jtejbu l-privatezza (teknoloġiji li jipproteġu l-privatezza ta’ informazzjoni billi jimminimizzaw il-ħażna tad-dejta personali), settings awtomatiċi favur il-privatezza u skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-privatezza;

-        jintroduċu obbligu ġenerali[20] għall-kontrolluri tad-dejta biex jinnotifikaw dwar ksur ta’ dejta mingħajr dewmien żejjed kemm lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta (li, fejn hu possibbli, għandu jkun fi żmien 24 siegħa) kif ukoll lill-individwi kkonċernati.

Isaħħu r-responsabbiltà ta’ dawk li jipproċessaw id-dejta, b’mod partikulari billi:

-         jitolbu lill-kontrolluri tad-dejta biex jaħtru Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta f'kumpaniji b'iktar minn 250 impjegat u f’ditti li huma involuti f’operazzjonijiet ta’ pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jew l-iskop tagħhom, jippreżentaw riskji speċifiċi lid-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi (“ipproċessar riskjuż”);

-        jintroduċu l-prinċipju tal-“Privatezza meqjusa fid-Disinn” li jiżgura li s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta jiġu kkunsidrati fl-istadju tal-ippjanar tal-proċeduri u s-sistemi;

-        jintroduċu l-obbligu li jitwettqu Valutazzjonijiet tal-Impatt dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-organizzazzjonijiet involuti f’ipproċessar riskjuż.

3. IR-REGOLI TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA TAJBIN GĦAL SUQ UNIKU DIĠITALI

Minkejja l-għan attwali tad-Direttiva sabiex ikun żgurat livell ekwivalenti tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE, għad hemm diverġenza konsiderevoli fir-regoli madwar l-Istati Membri. Bħala konsegwenza, il-kontrolluri tad-dejta jaf ikollhom jaffaċċjaw 27 liġi nazzjonali u rekwiżiti differenti. Ir-riżultat huwa ambjent legali frammentat li ħoloq inċertezza legali u protezzjoni żbilanċjata għall-individwi. Dan ikkawża kosti u piżijiet amministrattivi bla bżonn għan-negozji u jiddiżinċentiva lill-intrapriżi li joperaw fis-Suq Uniku li jkunu jridu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom ’il barra mill-fruntiera.

Ir-riżorsi u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stati Membru għal ieħor[21]. F'xi każijiet, ma jkunux jistgħu iwettqu l-kompiti ta' tisħiħ tagħhom b’mod sodisfaċenti. Il-kooperazzjoni fost dawn l-awtoritajiet fil-livell Ewropew – permezz tal-Grupp Konsultattiv eżistenti (l-hekk imsejjaħ Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29)[22] – mhux dejjem iwassal għal tisħiħ konsistenti u teħtieġ li titjieb ukoll.

It-tisħiħ konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta madwar l-Ewropa

Kumpanija multinazzjonali b’diversi stabbilimenti fl-UE bagħtet sistema ta’ mmappjar onlajn madwar l-Ewropa li tiġbor immaġini tal-binjiet pubbliċi u privati kollha, u tista’ wkoll tieħu ritratti tan-nies fit-triq. Fi Stat Membru wieħed, l-inklużjoni ta’ stampi mhux imċajpra ta’ nies li mhumiex konxji li kienu qed jiġu fotografati kien ikkunsidrat illegali filwaqt li fi Stati Membri oħra ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta. Bħala riżultat ta’ dan, ma kien hemm l-ebda rispons konsistenti fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta sabiex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni

Ir-riforma tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE se tiżgura li dan ma jkunx jista’ jiġri fil-futur, peress li:

- r-rekwiżiti u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-dejta se jiġu stipulati b’Regolament tal-UE b’applikazzjoni diretta madwar l-Unjoni;

- l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta fejn il-kumpanija jkollha l-istabbiliment prinċipali tagħha biss se tkun responsabbli biex tiddeċiedi jekk il-kumpanija hix taġixxi skont il-liġi;

- koordinazzjoni rapida u effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta – peress li s-servizz huwa dirett lejn individwi f’diversi Stati Membri – se tgħin sabiex tiżgura li r-regoli l-ġodda tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE se jiġu applikati u msaħħa konsistentement madwar l-Istati Membri kollha.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom bżonn li jkunu msaħħa u tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom biex jiggarantixxu infurzar konsistenti u, fl-aħħar mill-aħħar, l-applikazzjoni uniformi tar-regoli madwar l-UE.

Qafas leġiżlattiv qawwi, ċar u uniformi fil-livell tal-UE se jgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Suq Uniku Diġitali u jitrawwem it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Regolament se jneħħi l-frammentazzjoni tar-reġimi legali bejn is-27 Stat Membru u jneħħi l-ostakli għad-dħul fis-suq, fattur li huwa ta’ importanza partikulari għall-mikrointrapriżi u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Ir-regoli l-ġodda se jipprovdu wkoll vantaġġ għall-kumpaniji tal-UE fil-kompetizzjoni globali. Taħt il-qafas regulatorju riformat, dawn ir-regoli se jkunu kapaċi jiżguraw lill-klijenti tagħhom li informazzjoni personali prezzjuża se tiġi trattata bil-kura u d-diliġenza meħtieġa. Il-fiduċja f’reġim regolatorju koerenti tal-UE se tkun ass ewlieni għall-fornituri tas-servizzi u inċentiv għall-investituri li jfittxu l-aħjar kundizzjonijiet meta jallokaw is-servizzi.

Sabiex titjieb id-dimensjoni tas-Suq Uniku tal-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni tipproponi li:

-        tistabbilixxi r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fil-livell tal-UE permezz ta’ Regolament applikabbli b’mod dirett fl-Istati Membri kollha[23] li se jtemm l-applikazzjoni kumulattiva u simultanja ta’ liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta nazzjonali differenti. Dan se jwassal għal iffrankar nett għall-kumpaniji ta' madwar EUR 2,3 biljun fis-sena f’termini ta’ piżijiet amministrattivi waħedhom;

-        tissimplifika l-ambjent regolatorju billi taqta’ drastikament il-burokrazija u bit-tneħħija ta’ formalitajiet bħar-rekwiżiti ta’ notifika ġenerali (li jwasslu għal tfaddil nett ta' EUR 130 miljun fis-sena f'termini ta' piżijiet amministrattivi waħedhom). Minħabba l-importanza tagħhom għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

-        ssaħħaħ aktar l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta (DPAs) sabiex tippermettilhom iwettqu investigazzjonijiet, jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti u jimponu sanzjonijiet effettivi u dissważivi, u jobbligaw lill-Istati Membri biex jipprovdulhom riżorsi suffiċjenti biex jagħmlu dan;

-        titwaqqaf sistema ta’ ‘punt uniku ta' servizz’ għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE: il-kontrolluri tad-dejta fl-UE se jkollhom biss jittrattaw ma’ DPA waħda, jiġifieri d-DPA tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-kumpanija;

-        jinħolqu l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni rapida u effiċjenti bejn id-DPAs, inkluż l-obbligu għal DPA waħda biex twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq talba minn DPA oħra, u biex jirrikonoxxu b’mod reċiproku deċiżjonijiet ta' xulxin;

-        jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' konsistenza fil-livell tal-UE, biex jiżgura li d-deċiżjonijiet minn DPA li għandhom impatt Ewropew usa' jqisu bis-sħiħ l-ideat ta’ DPAs oħra kkonċernati, u li huma kompletament konformi mal-liġi tal-UE;

-        jiġi aġġornat il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 għal Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta indipendenti biex itejjeb il-kontribut tiegħu għal applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta u biex jipprovdi bażi soda għal kooperazzjoni fost awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta, inkluż il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta; u biex jissaħħu s-sinerġiji u l-effettività billi jiġi pprevedut li s-segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta jkun provdut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

Ir-Regolament il-ġdid tal-UE se jassigura protezzjoni robusta tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta madwar l-Unjoni Ewropea u jsaħħaħ il-funzjonament tas-Suq Uniku. Fl-istess ħin – minħabba l-fatt li, kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[24], id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali mhuwiex dritt assolut, iżda għandu jiġi meqjus f’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà[25] u bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità[26] – ir-Regolament se jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti li jiżguraw ir-rispett ta’ drittijiet fundamentali oħra, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għal difiża, kif ukoll għal segretezza professjonali (bħal fil-każ tal-professjoni legali), mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-knejjes taħt il-liġijiet tal-Istati Membri.

4. L-UŻU TAD-DEJTA F’KOOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA U TAL-ĠUSITZZJA KRIMINALI

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u b'mod partikulari l-introduzzjoni ta' bażi legali ġdida (l-Artikolu 16 tat-TFUE) tippermetti t-twaqqif ta’ qafas komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għad-dejta tal-individwi, filwaqt li tirrispetta n-natura speċifika tal-qasam tal-pulizija kif ukoll il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. B’mod partikulari, tippermetti li l-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE rivedut ikopri l-ipproċessar tad-dejta personali, kemm dak transkonfinali kif ukoll dak domestiku. Dan inaqqas id-differenzi fost il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri, b’benefiċċju possibbli għall-protezzjoni tad-dejta personali globali. Dan jista’ jwassal ukoll għal skambju ta’ informazzjoni aktar faċli bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri u b’hekk itejjeb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja fl-Ewropa. L-ipproċessar tad-dejta mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji kriminali huwa attwalment kopert b’mod prinċipali mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, li hija preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat biex issaħħaħ ir-regoli tagħha, peress li hi Deċiżjoni Qafas, u dan il-fatt ikkontribwixxa għal implimentazzjoni żbilanċjata. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għal attivitajiet ta’ ipproċessar transkonfinali[27]. Dan ifisser li l-ipproċessar tad-dejta personali li ma tkunx saret is-suġġett tal-iskambji bħalissa mhuwiex kopert mir-regoli tal-UE li jirregolaw tali pproċessar u jipproteġu d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta. Dan joħloq ukoll, f’ċerti każijiet, diffikultajiet prattiċi għall-pulizija u awtoritajiet oħra li għalihom ma jkunx dejjem ovvju jekk l-ipproċessar tad-dejta għandux ikun purament domestiku jew transkonfinali; jew li jipprevedu jekk dejta ‘domestika’ għandiex issir l-oġġett ta’ skambju transkonfinali sussegwenti[28].

Il-qafas riformat ġdid tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta għalhekk għandu l-għan li jiżgura livell għoli u konsistenti ta' protezzjoni tad-dejta biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri differenti, u b’hekk tikkontribwixxi aktar għal moviment ħieles tad-dejta u kooperazzjoni effettiva bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u biex tiffaċilita skambji ta' dejta personali bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala parti mill-pakkett dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta, Direttiva li se:

-         tapplika prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, filwaqt li tkun rispettata n-natura speċifika ta' dawn l-oqsma[29];

-        tipprovdi għal kriterji u kundizzjonijiet armonizzati minimi dwar limitazzjonijiet possibbli għar-regoli ġenerali. Dan jikkonċerna, b'mod partikulari, id-drittijiet tal-individwi biex ikunu infurmati meta l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jamministraw jew jaċċessaw id-dejta tagħhom. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa għall-prevenzjoni effettiva, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

-        tistabbilixxi regoli speċifiċi li jkopru n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluża distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta li d-drittijiet tagħhom jafu jvarjaw (bħax-xhieda u s-suspettati).

5. IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA F’DINJA GLOBALIZZATA

Id-drittijiet tal-individwi għandhom ikomplu jiġu żgurati meta d-dejta personali tiġi trasferita mill-UE lil pajjiżi terzi, u kull meta individwi fl-Istati Membri jkunu fil-mira u d-dejta tagħhom użata jew analizzata minn fornituri tas-servizzi ta’ pajjiż terz. Dan ifisser li l-istandards għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE għandhom japplikaw ikun fejn ikun il-post ġeografiku ta’ kumpanija jew il-faċilità tal-ipproċessar tagħha.

Fid-dinja globalizzata tal-lum, id-dejta personali qed tiġi trasferita madwar numru dejjem jikber ta’ fruntieri virtwali u ġeografiċi u maħżuna f’servers f’diversi pajjiżi. Aktar kumpaniji qed joffru servizzi ta cloud computing, li jippermettu lill-klijenti biex jaċċessaw u jaħżnu dejta fuq servers remoti. Dawn il-fatturi jitolbu titjib fil-mekkaniżmi attwali għat-trasferiment ta’ dejta lil pajjiżi terzi. Dan jinkludi deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza - jiġifieri deċiżjonijiet li jiċċertifikaw standards ‘adegwati’ ta’ protezzjoni tad-dejta f’pajjiżi terzi - u salvagwardji xierqa bħal klawsoli kuntrattwali standard jew Regoli Korporattivi Vinkolanti[30],bil-għan li jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta f’operazzjonijiet ta’ pproċessar internazzjonali u fl-iffaċilitar tal-flussi tad-dejta bejn il-fruntieri.

Regoli Korporattivi Vinkolanti

Grupp korporattiv jeħtieġ li jittrasferixxi dejta personali b’mod regolari mill-affiljati tiegħu bbażati fl-UE għall-affiljati tiegħu li jinsabu f’pajjiżi terzi. Il-grupp jixtieq jintroduċi sett ta’ Regoli Korporattivi Vinkolanti (BCRs) sabiex jikkonforma mal-liġi tal-UE filwaqt li jillimita r-rekwiżiti amministrattivi għal kull trasferiment individwali. Fil-prattika, il-BCRs jiżguraw li sett wieħed ta’ regoli ikun japplika matul il-grupp minflok diversi kuntratti interni.

Abbażi tal-prattiki attwali miftiehma fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, ir-rikonoxximent li l-BCRs ta’ kumpanija jipprovdu salvagwardji adegwati jimplika reviżjoni bir-reqqa minn tliet DPAs (waħda ‘ewlenija’ u żewġ ‘reviżuri’) iżda jistgħu ukoll jiġu kkummentati minn diversi oħrajn. Barra minn hekk, ħafna mil-liġijiet tal-Istati Membri jeħtieġu aktar awtorizzazzjonijiet nazzjonali għal trasferimenti koperti minn BCRs u dan jagħmel il-proċess ta’ adozzjoni tagħhom tqil ħafna, għali, twil u kumpless.

Wara r-riforma tal-protezzjoni tad-dejta:

- dan il-proċess se jkun aktar sempliċi u ssimplifikat;

- il-BCRs se jiġu vvalidati biss minn DPA waħda, b’mekkaniżmi li jiżguraw l-involviment rapidu ta’ DPAs oħra relevanti;

- Ladarba awtorità waħda tapprova BCR, din tkun valida għall-UE kollha mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni addizzjonali fil-livell nazzjonali.

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-globalizzazzjoni, hemm bżonn ta’ għodod u mekkaniżmi flessibbli – b’mod partikulari għal negozji li joperaw madwar id-dinja – filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni tad-dejta ta' individwi mingħajr l-ebda lakuni. Il-Kummissjoni qed tipproponi l-miżuri li ġejjin:

-         regoli ċari li jiddefinixxu meta l-liġi tal-UE tkun applikabbli għall-kontrolluri tad-dejta stabbiliti f'pajjiżi terzi, b'mod partikulari billi jiġi speċifikat li meta l-prodotti u s-servizzi jiġu offruti lill-individwi fl-UE, jew meta l-imġiba tagħhom tkun sorveljata, għandhom japplikaw ir-regoli Ewropej;

-        kwalunkwe deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza se jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi ta' kriterji espliċiti u ċari, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali;

-        il-flussi leġittimi tad-dejta lil pajjiżi terzi se jsiru aktar faċli billi jissaħħu u jiġu ssimplifikati r-regoli dwar trasferimenti internazzjonali lejn pajjiżi mhux koperti bid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, b’mod partikulari billi jiġi ssimplifikat u estiż l-użu ta’ għodod bħar-Regoli Korporattivi Vinkolanti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw biex ikopru proċessuri tad-dejta u fi ħdan gruppi ta’ kumpaniji, u b’hekk jirriflettu aħjar in-numru dejjem jikber ta’ kumpaniji involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dejta, speċjalment fi cloud computing;

-        involviment fi djalogu u, fejn hu xieraq, negozjati, ma' pajjiżi terzi – b’mod partikulari l-imsieħba strateġiċi tal-UE u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti (pereżempju l-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, in-Nazzjonijiet Uniti) biex jippromwovu standards għoljin u interoperabbli tal-protezzjoni tad-dejta madwar id-dinja.

6. KONKLUŻJONI

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE għandha l-għan li tibni qafas modern, qawwi, konsistenti u komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta għall-Unjoni Ewropea. Id-dritt fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta se jissaħħaħ. Drittijiet oħra, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt tat-tfal, id-dritt li wieħed ikollu negozju, id-dritt għal smigħ ġust u segretezza professjonali (pereżempju fil-każ tal-professjoni legali), kif ukoll l-istatus tal-knejjes taħt il-liġijiet tal-Istati Membri se jiġu rispettati.

L-ewwel nett, ir-riforma se tkun ta' benefiċċju għall-individwi kollha billi ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta u l-fiduċja tagħhom fl-ambjent diġitali. Barra minn hekk, ir-riforma se tissimplifika sostanzjalment l-ambjent legali għan-negozji u s-settur pubbliku. Dan huwa mistenni li jistimula l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali madwar is-Suq Uniku tal-UE u lil hinn, skont l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Fl-aħħar nett, ir-riforma se ttejjeb il-fiduċja fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex tiffaċilita l-iskambji tad-dejta bejniethom u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-individwi.

Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiżgura ftehim dwar qafas ġdid għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE sal-aħħar tal-2012. Matul dan il-proċess ta’ adozzjoni u lil hinn, speċjalment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrumenti legali ġodda, il-Kummissjoni se żżomm djalogu mill-qrib u trasparenti mal-partijiet interessati kollha li jinvolvu rappreżentanti mis-settur privat u pubbliku. Dan se jinkludi rappreżentanti mill-pulizija u mill-ġudikatura, mir-regolaturi tal-komunikazzjoni elettronika, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta u mill-akkademiċi, kif ukoll minn aġenziji speċjalizzati tal-UE bħall-Eurojust, l-Europol, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni.

F’kuntest ta’ żvilupp kostanti ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u mġiba soċjali li dejjem tevolvi, djalogu bħal dan huwa tal-akbar importanza biex nibbenefikaw mill-input li hemm bżonn għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta tal-individwi, it-tkabbir u l-kompetittività tal-industriji tal-UE, l-effettività operattiva tas-settur pubbliku (inkluż il-pulizija u l-ġudikatura) u livell baxx ta’ piż amministrattiv.

[1]               Is-suq għall-analiżi ta' settijiet ta' dejta kbar ħafna qed jikber b’40% fis-sena madwar id-dinja: http://www.mckinsey.com/mgi/publications/big_data/.

[2]               Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011, li enfasizzaw ir-“rwol ewlieni” tas-Suq Uniku "fil-kisba tat-tkabbir u l-impjiegi", kif ukoll il-bżonn li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali sal-2015.

[3]               COM(2010)171 finali.

[4]               COM(2010)245 finali.

[5]               COM(2010)2020 finali.

[6]               Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[7]               Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-ipproċessar mill-Istati Membri fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni b'Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 39 tat-TUE.

[8]               COM(2009)262 u COM(2010)171 rispettivament.

[9]               Ġew imnedija żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta: waħda minn Lulju sa Diċembru 2009 (http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0003_en.htm) u t-tieni waħda minn Novembru 2010 sa Jannar 2011 (http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0006_en.htm).

[10]             Ġew organizzati konsultazzjonijiet immirati fl-2010 mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u partijiet interessati privati. F'Novembru 2010, Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding organizzat laqgħa ta’ diskussjoni dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta. Matul l-2011 inżammu wkoll workshops u seminars iddedikati addizzjonali dwar kwistjonijiet speċifiċi (eż. notifiki ta’ ksur ta’ dejta)

[11]             COM(2010)609.

[12]             Ara l-ittra tal-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding tad-19 ta' Settembru 2011 lill-membri tal-grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, ippubblikata fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/other-document/index_en.htm

[13]             Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt SEC(2012)72.

[14]             Dan se jinkludi, fi stadju aktar tard, emendi li jallinjaw strumenti speċifiċi u settorjali, pereżempju r-Regolament (KE) Nru 45/2001, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[15]             Ir-Regolament jagħmel ukoll numru limitat ta’ tibdil tekniku lid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (Direttiva 2002/58/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE – ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11) biex jieħu inkunsiderazzjoni t-trasformazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE f’Regolament. Il-konsegwenzi legali sostantivi tar-Regolament il-ġdid u tad-Direttiva l-ġdida għad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika se jkunu, fi żmien debitu, l-oġġett ta’ reviżjoni mill-Kummissjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultat tan-negozjati dwar il-proposti attwali mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

[16]             Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p.60. Rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni Qafas (COM(2012)12) huwa adottat bħala parti mill-pakkett dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-dejta.

[17]             Ara Ewrobarometru Speċjali 359 – Attitudes on Data Protection and Electronic Identity in the European Union (Attitudnijiet dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Identità Elettronika fl-Unjoni Ewropea), Ġunju 2011, p. 23.

[18]             Ibidem, p. 54.

[19]             Ara l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, cit., p.4.

[20]             Bħalissa dan huwa obbligatorju biss fis-settur tat-telekomunikazzjoni, abbażi tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

[21]             Għal aktar dettalji dwar dan l-aspett, ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposti legali, SEC(2012)72.

[22]             Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 twaqqaf fl-1996 (bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE) bi status konsultattiv u magħmul minn rappreżentanti tal-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza għall-Protezzjoni tad-Dejta (DPAs) nazzjonali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) u l-Kummissjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu ara http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm

[23]             Hija proposta Direttiva biex tiddefinixxi r-regoli applikabbli fil-qasam ta' kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ara § 4 hawn taħt), li tippermetti aktar flessibbiltà għall-Istati Membri f'dan il-qasam speċifiku.

[24]             Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, is-sentenza tad-9.11.2010, Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 Volker und Markus Schecke and Eifert [2010], għadhom mhux rappurtati uffiċjalment.

[25]             Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta sakemm il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tad-dritt u l-libertajiet u, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mil-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[26]             Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, Sentenza tas-6.11.2003, C-101/01, , Lindqvist [2003] ECR I-12971, para 82-90; sentenza tas-16.12.2008, C-73/07, Satamedia [2008], ECR I-9831, para 50-62.

[27]             B’mod aktar preċiż, id-Deċiżjoni Qafas tapplika għad-dejta personali li hija jew ġiet trażmessa jew saret disponibbli bejn l-Istati Membri jew skambjata bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet jew korpi tal-UE (ara l-Artikolu 1(2)).

[28]             Dan ġie kkonfermat minn xi Stati Membri meta wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar id-Deċiżjoni Qafas (COM(2012)12).

[29]             Cf. Id-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, kif annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona.

[30]             Regoli Korporattivi Vinkolanti (BCRs) huma kodiċi ta' prattiċi bbażati fuq standards Ewropej għall-protezzjoni tad-dejta, approvati minn mill-inqas DPA waħda, li l-organizzazzjonijiet ifasslu volontarjament u jsegwu biex jiżguraw salvagwardji adegwati għal kategoriji ta' trasferimenti ta' dejta personali bejn il-kumpaniji li huma parti mill-istess grupp korporattiv u li huma marbuta b’dawk ir-regoli. Mhumiex espliċitament koperti fid-Direttiva 95/46/KE iżda żviluppaw bħala kwistjoni ta' prattika bejn id-DPAs, bl-appoġġ tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29.