52012DC0006R(01)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 /* COM/2012/06 final/2 */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

(Test b'rilevazna għaż-ŻEE)

1. daħla

L-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-annimali bħala esseri senzjenti u jitlob li jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali filwaqt li jiġu formulati u infurzati xi politiki tal-UE.

Għall-ewwel darba fl-2006, il-Pjan ta' Azzjoni Komunitarja dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010[1], adottat mill-Kummissjoni, ġabar fi gruppi l-bosta aspetti tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali li tirregola ż-żamma ta' biljuni ta' annimali għal skopijiet ekonomiċi fl-UE. Madwar żewġ biljun għasfur[2] u tliet mitt miljun mammiferu jintużaw għal skopijiet tal-biedja. Madwar tnax-il miljun annimal jintużaw kull sena għall-esperimentazzjoni. Il-popolazzjoni tal-klieb u l-qtates hija stmata li hi madwar mitt miljun annimal[3], fil-biċċa l-kbira tagħhom ta' sidien privati. Huwa diffiċli li jiġi stmat il-volum ta' annimali domestiċi negozjati fl-UE. M'hemmx dejta tal-UE disponibbli dwar in-numru ta' annimali li jinżammu f'ġonna żooloġiċi u akkwarji.

Direttiva orizzontali tkopri l-aspetti differenti tal-benessri ta' annimali mrobbija fl-irziezet[4]. Aspetti speċifiċi huma koperti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport[5] u t-tbiċċir[6]. Rekwiżiti speċifiċi japplikaw għaż-żamma tal-għoġġiela[7], majjali[8], tiġieġ li jbid[9] u brojlers[10]. Annimali użati għall-esperimentazzjoni[11] huma wkoll soġġetti għal regoli speċifiċi dwar il-benessri tal-annimali. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġonna żooloġiċi[12] tiffoka fuq il-konservazzjoni tal-ispeċi iżda b'konsiderazzjoni għall-benessri tal-annimali. Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali domestiċi. Ir-regoli tal-UE dwar il-biedja organika jinkludu standards għoljin tal-benessri tal-annimali għall-produzzjoni tal-bhejjem, majjali u tjur[13].

Il-Komunikazzjoni preżenti tibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' bejn l-2006 u l-2010 biex tipproponi linji ta' azzjoni tal-UE għall-erba' snin li ġejjin billi jieħdu vantaġġ mill-avanzi xjentifiċi u teknoloġiċi biex jirrikonċiljaw il-benessri tal-annimali mar-realitajiet ekonomiċi fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali eżistenti. Din l-istrateġija hija kontinwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kif rakkomandat minn ħafna mill-partijiet interessati li ġew ikkonsultati mill-Parlament Ewropew.

It-trobbija tal-annimali fl-UE tirrappreżenta valur annwali ta' 149 biljun ewro u l-użu ta' annimali għall-esperimenti huwa stmat għal valur annwali ta' 930 miljun ewro.

2. Għaliex strateġija għall-benessri tal-annimali?

F'dawn l-aħħar snin[14], l-Unjoni ddedikat medja ta' madwar 70 miljun ewro kull sena biex tappoġġja l-benessri tal-annimali, li 71 % minnhom imorru direttament għal bdiewa bħala pagamenti għall-benessri tal-annimali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. In-nefqa taħt l-iżvilupp rurali hija kofinanzjata mill-Istati Membri u minbarra l-miżuri speċifiċi għall-impenni tal-benessri tal-annimali li jmorru lil hinn mix-xenarju bażiku legali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu wkoll li joffru, skont il-prijoritajiet nazzjonali, miżuri li jappoġġjaw eż. investimenti tal-biedja, taħriġ, servizzi ta' konsulenza u l-parteċipazzjoni tal-bdiewa fl-iskemi ta' kwalità. Il-kumplament huwa dedikat għal attivitajiet oħra tal-UE rilevanti għat-tfassil tal-politika: ir-riċerka (21 %), studji ekonomiċi, komunikazzjoni, edukazzjoni, taħriġ u kwistjonijiet internazzjonali, infurzar, eċċ.

Iżda, matul is-snin dejjem qed isir aktar ċar li s-sempliċi applikazzjoni tal-istess regoli speċifiċi għas-settur għall-benessri tal-annimali, mhux dejjem tħalli r-riżultati mixtieqa. Problemi ta' konformità ma' regoli speċifiċi għas-settur jenfasizzaw il-ħtieġa għal riflessjoni dwar jekk approċċ "wieħed għal kulħadd" jistax iwassal għal riżultati aħjar ta' benessri madwar l-Unjoni. Id-diversità fis-sistema tal-biedja, il-kundizzjonijiet tal-klima ur-realitajiet tal-art fl-Istati Membri differenti wasslu għal diffikultajiet konsiderevoli sabiex jintlaħaq ftehim dwar regoli unitarji u saħansitra aktar diffikultajiet sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tajba tagħhom. Ir-riżultat nett huwa li l-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni ma laħqux il-livell ekwu li huwa meħtieġ biex isostni l-attività ekonomika enormi li tmexxi t-trattament tal-annimali fl-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, għalkemm l-aġenda tal-benessri tal-annimali avvanzat permezz ta' partijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni, hemm oqsma fejn ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE u r-rekwiżiti ġenerali eżistenti huma diffiċli biex jiġu applikati. Jista' jkun hemm lok għas-simplifikazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar preċiżi fir-regoli ġenerali li jindirizzaw muturi bażiċi tal-benessri tal-annimali.

L-evalwazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali kkonkludiet li l-istandards tal-benessri imponew spejjeż addizzjonali fuq is-setturi tal-annimali ħajjin u dak tal-esperimenti, li huma stmati li huma madwar 2 % tal-valur globali ta' dawn is-setturi. Ma hemmx evidenza li dan kien ta' theddida għas-sostenibilità tal-ekonomija sa issa. Madankollu, għandha tittieħed kull opportunità biex jiġi espress f'termini ekonomiċi l-valur miżjud mill-politika tal-benessri tal-annimali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE, inkluż bdiewa żgħar.

Dawn li ġejjin ġew identifikati bħala l-mexxejja ewlenin komuni li jaffettwaw l-istatus tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni:

1.      In-nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri għadu komuni f'numru ta' oqsma.

Uħud mill-Istati Membri ma jiħdux biżżejjed miżuri biex jinfurmaw lill-partijiet interessati, biex iħarrġu spetturi uffiċjali, biex iwettqu verifiki u biex japplikaw sanzjonijiet[15]. B'riżultat ta' dan, numru ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-UE ma ġewx applikati bis-sħiħ u ma wasslux l-effetti maħsuba fuq il-benessri tal-annimali.

L-istandards tal-benessri tal-annimali, spiss jimplikaw spejjeż addizzjonali iżda mhux bilfors applikati b'mod proporzjonali tul il-katina alimentari. L-Unjoni tipprovdi xi instrumenti biex tikkumpensa lill-produtturi għal spejjeż ogħla tal-produzzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti perjodi tranżizzjonali ta' bosta snin sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' bidliet strutturali f'ċerti sistemi tal-biedja; madankollu, dan l-approċċ mhux dejjem wassal għal konverżjoni fil-ħin. Tabilħaqq l-aspetti tal-apprezzament kulturali tal-benessri tal-annimali jilgħab rwol fundamentali fit-tisħiħ tar-rispett kemm tal-ħsieb wara l-istipulazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kif ukoll huma stess.

2.      In-nuqqas ta' tagħrif xieraq tal-konsumatur dwar l-aspetti tal-benessri tal-annimali.

Stħarriġ madwar l-UE juri li l-benessri tal-annimali huwa kwistjoni sinifikanti għal 64 % tal-popolazzjoni. Madankollu l-istudji[16] juru li t-tħassib għall-benessri tal-annimali huwa biss wieħed mill-fatturi li jaffettwaw l-għażla tal-konsumaturi u dan l-aspett spiss ma jkunx involut minħabba li l-konsumaturi mhux dejjem huma infurmati biżżejjed dwar il-metodi ta' produzzjoni u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali. Finalment id-deċiżjonijiet tal-konsumatur huma mmexxija prinċipalment mill-prezz u karatteristiċi direttament verifikabbli tal-prodotti tal-ikel.

3.      Ħafna partijiet interessati ma għandhomx biżżejjed għarfien dwar il-benessri tal-annimali.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-finanzjament mill-UE għar-riċerka għall-benessri tal-annimali jintnefaq fuq il-metodi alternattivi għall-esperimenti fuq l-annimali, is-sejbiet ma jiġux ċirkolati sew u l-attivitajiet dwar ir-riċerka mhumiex ikkoordinati biżżejjed fl-Istati Membri. Sadanittant, in-nuqqas ta' għarfien dwar prattiki alternattivi fis-sistemi ta' produzzjoni spiss jiffavorixxu r-reżistenza għall-bidliet li jistgħu jtejbu l-benessri tal-annimali.

4.      Ħtieġa biex jiġu simplifikati u żviluppati prinċipji ċari għall-benessri tal-annimali.

Id-direttiva ġenerali dwar il-ħarsien tal-annimali tal-irziezet jew id-direttiva tal-ġonna żooloġiċi tinkludi dispożizzjonijiet li huma ġenerali wisq biex ikollhom effetti prattiċi bħal pereżempju fl-Anness tad-Direttiva 98/58/KE: "L-annimali kollha jrid ikollhom aċċess għall-għalf f’intervalli xierqa għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tagħhom" jew fid-Direttiva 1999/22/KE dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo: "l-akkomodazzjoni tal-annimali tagħhom f'kondizzjonijiet li jimmiraw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta' konservazzjoni tal-ispeċi individwali, inter alia, billi jipprovdu titjib speċifiku għall-ispeċi tal-postijiet magħluqa. "

Ir-rekwiżiti tal-kompetenzi għal min jieħu ħsieb l-annimali ġew introdotti f'ċerta leġiżlazzjoni speċifika tal-UE[17]. Madankollu, tali rekwiżiti ma jkoprux l-annimali kollha kkonċernati (ma hemm l-ebda rekwiżit speċifiku għall-kompetenza biex jinżammu tjur jew għoġġiela) filwaqt li wħud mill-problemi tal-benessri tal-annimali marbuta mat-tfassil tas-sistemi ta' produzzjoni mhumiex koperti.

Ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE li tkopri speċi oħra ta' annimali tal-irziezet (bħal baqar tal-ħalib, bhejjem imrobbija għaċ-ċanga jew fniek) minkejja bosta problemi li ġew enfasizzati minn xjentisti u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)[18].

3. Azzjonijiet strateġiċi

Filwaqt li jiġi kkunsidrat dak li ġie deskritt hawn fuq, din l-istrateġija hija bbażata fuq żewġ approċċi kumplementari:

L-ewwel, uħud mill-problemi komuni jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod differenti u olistiku. L-Unjoni ilha tadotta jew tadatta leġiżlazzjoni speċifika għal problemi speċifiċi tul is-snin. Madankollu, it-twaqqif ta' prinċipji ġenerali f'qafas leġiżlattiv tal-UE li hu konsolidat u rivedut jista' jikkontribwixxi għal simplifikazzjoni tal-acquis dwar il-benessri tal-annimali u finalment jiffaċilita l-infurzar tiegħu.

Soġġett għal valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħtieġa għal qafas leġiżlattiv rivedut tal-UE bbażat fuq approċċ olistiku. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-vijabilità u l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta' indikaturi bbażati fuq ix-xjenza li bażi tagħhom hija r-riżultati dwar il-benessri tal-annimali meta mqabbla mal-inputs tal-benessri li ntużaw sa issa; il-Kummissjoni se tivvaluta jekk dan l-approċċ il-ġdid iwassalx għal qafas legali simplifikat u jikkontribwixxix biex itejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE. L-esperjenza miksuba f'dawk l-oqsma fejn l-indikaturi diġà huma previsti (brojlers u qtil) se tkun importanti biex tiġi kkunsidrata għal żviluppi futuri.

It-tieni, hemm azzjonijiet li l-Kummissjoni diġà twettaq iżda li teħtieġ tinforza mill-ġdid jew tuża aħjar. Huwa għalhekk li, minbarra l-qafas leġiżlattiv simplifikat, il-Kummissjoni tipproponi dan li ġej:

· Jiġu żviluppati għodod, inklużi pjanijiet ta' implimentazzjoni meta hu rilevanti, biex isaħħu l-konformita tal-Istati Membri;

· Tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni internazzjonali;

· Il-konsumaturi u l-pubbliku jiġu provduti b'tagħrif xieraq;

· Jiġu ottimizzati l-effetti sinerġistiċi mill-Politika Agrikola Komuni attwali;

· Jiġi investigat il-benessri tal-ħut tal-akkwakultura.

L-impatti fuq id-drittijiet fundamentali tal-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-istrateġija preżenti se jkunu vvalutati fid-dettall, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon[19]. Tabilħaqq f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkun qed tistudja wkoll il-kwistjoni tal-ittikkettar kif stipulat fil-ftehim li ntlaħaq dwar il-proposta leġiżlattiva dwar it-tagħrif fuq l-ikel[20].

3.1. Qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE għall-benessri tal-animali

Il-Kummissjoni se tikkundsidra l-vijabilità tal-introduzzjoni ta' qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE bi prinċipji ta' benessri tal-annimali għall-annimali kollha[21] fil-kuntest ta' attività ekonomika inkluż, fejn xieraq, annimali domestiċi, b'attenzjoni speċifika dwar is-simplifikazzjoni, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-valur tal-istandards tal-benessri bħala mezz biex itejbu l-kompetittività tal-industrija tal-ikel tal-UE inkluż il-potenzjal tal-valur miżjud tal-istandards tal-benessri tal-annimali.

Dan se jikkunsidra:

(a) l-użu ta' indikaturi dwar il-benessri tal-annimali li huma bbażati fuq ix-xjenza bħala mezz possibbli biex jissimplifikaw il-qafas legali u jippermettu l-flessibilità biex itejbu l-kompetittività tal-produtturi tal-annimali ħajjin,

(b) qafas ġdid tal-UE biex iżid it-trasparenza u l-adegwatezza tat-tagħrif lill-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali għall-għażla tagħhom ta' xiri,

(c) it-twaqqif ta' netwerk Ewropew ta' ċentri ta' referenza,

(d) il-ħolqien ta' rekwiżiti komuni għall-kompetenza tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali.

(a)     L-użu ta' indikaturi tal-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultat.

Il-possibilità tal-użu ta' indikaturi bbażati fuq ir-riżultat u li huma xjentifikament validati li jikkumplimentaw ir-rekwiżiti preskrittivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE se jiġu kkunsidrati meta jkun meħtieġ b'attenzjoni speċifika għall-kontribuzzjoni ta' tali approċċ ġdid għas-simplifikazzjoni tal-acquis. Indikaturi bbażati fuq l-annimali ġew introdotti f'żewġ biċċiet leġiżlazzjoni reċenti tal-UE dwar il-benessri tal-annimali (id-Direttiva 2007/43/KE li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam u r-Regolament (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla).

Se jiġu eżaminati l-kriterji żviluppati mill-Proġett ta' Kwalità tal-Benessri®[22] marbut ma' sistema ta' valutazzjoni tar-riskju kif applikata fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (ara l-Liġi dwar l-ikel[23]). L-Opinjonijiet Xjentifiċi tal-EFSA dwar l-iżvilupp tal-indikaturi tal-benessri se jiġu kkunsidrati flimkien mal-fatturi soċjoekonomiċi meta jiġu kunsidrati l-proposti rilevanti dwar l-immaniġġjar tar-riskju.

L-użu ta' indikaturi dwar il-benessri tal-annimali li huma bbażati fuq ir-riżultati huwa rikonoxxut ukoll fuq livell internazzjonali minn organizzazzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE)[24].

(b)     Qafas ġdid tal-UE biex iżid it-trasparenza u l-adegwatezza tat-tagħrif lill-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali għall-għażla tagħhom ta' xiri

Il-qafas leġiżlattiv rivedut tal-UE għall-benessri tal-annimali jista' jkollu l-għan li jkun ta' għodda biex jiżgura lill-konsumaturi li l-ilmenti dwar il-benessri tal-annimali huma trasparenti u xjentifikament rilevanti.

Azzjonijiet sinerġistiċi u konverġenti ma' inizjattivi simili fil-livell tal-UE f'oqsma oħra rilevanti tal-politika se jiġu esplorati biex itejbu l-għoti ta' setgħa lill-konsumatur.

(c)     Netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza

L-idea ta' netwerk ta' ċentri Ewropej diġà ġie diskuss mill-Kummissjoni f'komunikazzjoni preċedenti[25]. L-għan prinċipali tiegħu hu li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu tagħrif tekniku li hu koerenti u uniformi dwar il-mod ta' kif għandha tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tal-indikaturi dwar il-benessri tal-annimali li huma bbażati fuq ir-riżultati.

In-netwerk jista' jiġi stabbilit permezz tal-kofinanzjament ta’ riżorsi nazzjonali eżistenti dwar il-benessri tal-annimali li huma xjentifiċi u tekniċi. Ir-rwol ta' dan in-netwerk jista' jkun li jikkumplementa u mhux li jirdoppja r-rwol tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-attività taċ-Ċentru Konġunt tal-UE dwar ir-Riċerka[26].

In-netwerk jista' jiġi organizzar sabiex jirrifletti l-istruttura attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE[27] sabiex jiżgura dan li ġej fil-livell tal-UE:

– Appoġġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'esperjenza teknika fil-kuntest tal-użu ta' indikaturi dwar il-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultat;

– L-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ għall-benefiċċju tal-persunal minn awtoritajiet kompetenti u esperti minn pajjiżi terzi fejn rilevanti;

– Il-kontribuzzjoni kif xieraq għat-tixrid ta' sejbiet tar-riċerka u innovazzjonijiet tekniċi fost il-partijiet interessati tal-UE u l-komunità xjentifika internazzjonali;

– Il-koordinazzjoni ta' riċerka b’kollaborazzjoni, fejn xieraq, mal-istrutturi eżistenti tar-riċerka finanzjati mill-UE[28];

(d)     Rekwiżiti komuni għall-kompetenza tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali

Il-qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE għall-benessri tal-annimali jista' jikkonsolida test uniku u jtejjeb ir-rekwiżiti għall-kompetenza li diġà teżisti f'ċerti partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-prinċipji ġenerali li juru li l-kompetenza tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-impatt.

Ir-rekwiżiti komuni tal-UE għall-kompetenza tal-persunal li jieħu ħsieb l-annimali jkollhom l-għan li jiżguraw li dawk li jieħdu ħsieb l-annimali għandhom l-abilitajiet biex jidentifikaw, jipprevjenu jew jillimitaw l-uġigħ, is-sofferenzi u l-periklu tal-annimali kif ukoll li jkunu jafu l-obbligi legali marbuta mal-ħarsien u l-benessri tal-annimali.

Barra minn hekk, jista' jitqies livell adegwat ta' kompetenza għall-persuni responsabbli mit-tfassil tal-proċess, il-faċilitajiet jew it-tagħmir li japplika għall-annimali.

Se jitnieda studju dwar l-edukazzjoni fuq il-benessri tal-annimali biex jidentifika s-suġġetti tal-benessri tal-annimali li għandhom jiġu inklużi fil-kurrikulu ta' professjonisti involuti mal-annimali u liema azzjonijiet ikunu meħtieġa biex itejbu l-għarfien fost dawk professjonisti.

3.2. Appoġġ lill-Istati Membru u teħid ta' azzjoni biex titjieb il-konformità

Il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjoni ta' konformità bħala kwistjoni ta' prijorità. Il-konformità tista' tinkiseb biss permezz ta' azzjonijiet ta' infurzar imwettqa mill-Istati Membri jew taħt ir-responsabilità tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni għandha rwol importanti x'taqdi biex tiżgura li tintlaħaq il-konformità b'mod uniformi fl-UE. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li jiġu applikati kundizzjonijiet ugwali għall-produtturi kollha tal-UE u biex jiġi żgurat li l-annimali huma trattati b'mod xieraq. L-azzjonijiet li ġejjin huma mressqin permezz ta' din l-istrateġija:

· Il-Kummissjoni se tkompli twettaq żjarat fl-Istati Membri mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (Food and Veterinary Office - FVO). Din se tkompli tapplika wkoll il-prerogattivi tagħha skont it-Trattat meta tressaq każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif meħtieġ. Din hija azzjoni essenzjali tal-Kummissjoni biex tiżgura konformità, b'mod partikolari f'kuntest ta' sfidi kontinwi jew futuri dwar il-benessri tal-annimali.

· Madankollu, il-Kummissjoni temmen li strateġija xierqa tal-edukazzjoni tista' tkun għodda b'saħħitha biex iddaħħal kultura ta' konformità fost l-operaturi u fl-Istati Membri. L-iżvilupp potenzjali ta' netwerk Ewropew ta' ċentri ta' referenza jista' jieħu dan ir-rwol.

· Sadanittant, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tħarreġ spetturi veterinarji permezz tal-programm Taħriġ Aħjar għal Ikel aktar Sikur. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa u l-possibilità biex testendi l-attivitajiet tagħha ta' taħriġ għall-benessri ta' annimali għall-esperimenti kif ukol għall-benessri ta' annimali selvaġġi.

· Il-Kummissjoni se tamplifika wkoll ir-rwol tagħha biex tagħti pariri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-ftehim ta' miri u linji gwida komuni permezz ta' gruppi ta' ħidma u avvenimenti tematiċi.

· Għaldaqstant, fl-erba' snin li ġejjin il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida speċifiċi jew regoli ta' implimentazzjoni dwar il-biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali[29].

Il-benessri tal-annimali huwa kwistjoni teknika wkoll għall-operaturi li għandhom x'jaqsmu mal-annimali fil-kuntest ta' attività ekonomika. Għaldaqstant huwa rilevanti li jiġu megħjuna biex jifhmu r-raġuni prinċipali tar-rekwiżiti tal-UE u l-mod ta' kif dawn jistgħu jtejbu l-konformità permezz ta' tfassil jew prattiki aħjar.

3.3. Appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali

Huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs dwar il-benessri tal-annimali fil-livell internazzjonali biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-operaturi tal-UE. L-Unjoni diġà żviluppat numru ta' attivitajiet bilaterali u multilaterali li jeħtieġ li jiġu ottimizzati u appoġġjati kif indikat mill-evalwazzjoni.

Għal dak il-għan il-Kummissjoni se:

– tkompli tinkludi l-benessri tal-annimali fi ftehimiet bilaterali tal-kummerċ jew forums ta' kooperazzjoni[30] biex iżżid l-opportunitajiet strateġiċi sabiex tiżviluppa aktar kooperazzjoni konkreta ma' pajjiżi terzi;

– tibqa' attiva fl-arena multilaterali, b'mod partikolari fl-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), bl-ewwel waħda kienet adottat standards internazzjonali u t-tnejn li huma ħadu inizjattivi dwar il-benessri tal-annimali[31];

– teżamina kif il-benessri tal-annimali jista' jiġi integrat aħjar fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat;

– torganizza, meta jkun xieraq, avvenimenti kbar internazzjonali li għandhom l-għan li jippromwovu l-opinjoni tal-Unjoni dwar il-benessri tal-annimali.

Azzjonijiet bħal dawn huma opportunitajiet biex jinxtered il-fehim tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fuq livell globali. Għaldaqstant huwa importanti li jkun ottimizzat l-użu ta' riżorsi disponibbli dedikati għal attivitajiet internazzjonali dwar il-benessri tal-annimali sabiex ilaħħqu ma' dawn l-isfidi u biex itejbu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-annimali ħajjinf'dinja globalizzata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tniedi reviżjoni ta' dawk l-azzjonijiet sabiex tevalwa l-benefiċċji tagħhom għas-settur tal-agrikoltura tal-UE fost oħrajn u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.4. Il-konsumaturi u l-pubbliku jiġu provduti b'tagħrif xieraq

Il-benessri tal-annimali huwa tħassib tas-soċjetà li jappella għall-pubbliku inġenerali. It-trattament tal-annimali għandu x'jaqsam mal-etika u huwa parti minn sett ta' valuri tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa rilevanti li jkun hemm komunikazzjoni mat-tfal, iż-żgħażagħ jew il-pubbliku inġenerali biex titqajjem kuxjenza għar-rispett tal-annimali u biex tiġi promossa s-sjieda responsabbli.

Il-benessri tal-annimali huwa tħassib tal-konsumatur ukoll. Il-prodotti tal-annimali huma użati ħafna, b'mod partikolari fil-kuntest tal-produzzjoni tal-ikel u l-konsumaturi huma mħassba dwar il-mod ta' kif ikunu ġew trattati l-annimali. Min-naħa l-oħra, b'mod ġenerali, il-konsumaturi ma għandhomx poter biex iwieġbu għal standards ogħla tal-benessri tal-annimali.

Għaldaqstant huwa rilevanti li l-konsumaturi tal-UE jiġu infurmati dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-annimali li jipproduċu l-ikel u biex jiġi żgurat li dawn mhumiex imqarrqa minn ilmenti qarrieqa dwar il-benessri tal-annimali.

Fl-Istati Membri jeżistu ħafna attivitajiet ta' komunikazzjoni u edukazzjoni. Rappreżentazzjoni komprensiva tal-qagħda fl-UE tkun tista' tippermetti l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fejn l-Unjoni tista' tipprovdi valur miżjud.

Dawn il-miri kollha huma kumplementari u jista' jkun li jeħtieġu strumenti speċifiċi. Uħud minnhom diġà qegħdin fis-seħħ bħal Farmland (għat-tfal u l-għalliema fl-iskejjel primarji) jew il-programm Taħriġ Aħjar għal Ikel aktar Sikur (għall-ispetturi uffiċjali). Barra minn hekk, il-Kummissjoni torganizza laqgħat regolari għal fehim u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Jista' jkun hemm modi ta' kif tista' titjieb l-effiċjenza tagħhom u biex tikkumplementahom b’għodod ġodda ta' komunikazzjoni.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li l-ewwel tniedi studju biex jidentifika l-attivitajiet attwali ta' edukazzjoni u tagħrif dwar il-benessri tal-annimali li huma mmirati għall-pubbliku ġenerali u l-konsumaturi. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu l-possibilità ta' għoti ta' finanzjamenti għal kampanji transnazzjonali ta' tagħrif li kienu ta' suċċess jew inizjattivi edukattivi dwar il-benessri tal-annimali.

3.5. L-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji mal-Politika Agrikola Komuni

Il-benessri tal-annimali huwa parti minn approċċ agrikolu li hu mmirat lejn is-soċjetà u l-Unjoni diġà stabbiliet rabtiet b'saħħithom bejn l-agrikoltura u l-benessri tal-annimali. Tabilħaqq, ħafna mill-baġit tal-UE li hu dedikat għall-benessri tal-annimali jmur għal bdiewa fil-qafas tal-programmi ta' żvilupp rurali. Madankollu, b'mod partikolari fi żmien ta' restrizzjonijiet ekonomiċi, hija meħtieġa aktar koordinazzjoni biex tissimplifika l-azzjonijiet u tottimizza r-riżultati.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi arranġamenti speċifiċi bejn is-servizzi biex tevalwa kif tottimizza effetti sinerġistiċi tal-mekkaniżmi attwali tal-CAP b'mod partikolari permezz ta' kundizzjonalità, żvilupp rurali, miżuri ta' promozzjoni, politika ta' kwalità, biedja organika, eċċ.

3.6. Investigazzjoni tal-benessri tal-ħut tal-akkwakultura

Ħut tal-akkwakultura kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien tal-annimali matul it-trasport u fil-ħin tal-qtil, mingħajr ma jiġu speċifikati regoli għalihom. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex parir xjentifiku fuq bażi ta' speċi u se tevalwa l-kwistjonijiet tal-benessri tal-ħut fl-akwakultura sabiex tieħu azzjoni xierqa fuq il-bażi tar-riżultat ta' din l-evalwazzjoni.

ANNESS

Azzjonijiet previsti || Sena

Serje ta' azzjonijiet ta' infurzar dwar il-ħarsien ta' tiġieġ li jbid (id-Direttiva 1999/74/KE) || 2012

Pjan ta' implimentazzjoni u azzjonijiet ta' infurzar dwar l-iggruppar tal-majjali nisa (id-Direttiva 2008/120/KE) || 2012

Pjan ta' implimentazzjoni għar-regolament dwar il-qtil (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009) || 2012

Regoli ta' implimentazzjoni tal-UE jew linji gwida dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport || 2012

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-impatt tal-għażla ġenetika dwar il-benessri ta' tiġieġ imnissla u miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam* || 2012

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1523/2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' pil tal-qtates u tal-klieb* || 2012

Studju dwar il-benessri ta' ħut tal-akkwakultura fil-ħin tal-qtil || 2012

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar metodi varji ta' qtil għat-tjur * || 2013

Jiġi rrappurtat lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/58/KE* || 2013

Linji gwida tal-UE dwar il-ħarsien tal-majjali || 2013

Studju dwar l-edukazzjoni fuq il-benessri tal-annimali u dwar attivitajiet ta' tagħrif li huma mmirati għall-pubbliku ġenerali u għall-konsumaturi || 2013

Studju dwar l-opportunità biex il-konsumaturi jiġu provduti bit-tagħrif rilevanti dwar l-isturdament tal-annimali* || 2013

Studju dwar il-benessri tal-ħut imrobbi matul it-trasport || 2013

Proposta leġiżlattiva possibbli għal qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE għall-benessri tal-annimali || 2014

Jiġi rrappurtat l-impatt tal-attivitajiet internazzjonali dwar il-benessri tal-annimali fuq il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-annimali f'dinja globalizzata || 2014

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar sistema li trażżan l-annimali bovini permezz tal-inverżjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali* || 2014

Studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali || 2014

Linji gwida tal-UE jew regoli ta' implimentazzjoni dwar il-ħarsien ta' annimali fil-ħin tal-qtil || 2014

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibilità tal-introduzzjoni ta' ċerti rekwiżiti rigward il-ħarsien tal-ħut fil-ħin tal-qtil* || 2015

Jiġi rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-influwenza tagħha fuq il-benessri ta' tiġieġ imnissla u miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam* || 2015

*            Obbligi li ġejjin mil-leġiżlazzjoni tal-UE

[1]               COM(2006)13 finali, tat-23. 1.2006.

[2]               793 miljun tiġieġa għal produzzjoni tal-laħam, 453 miljun tiġieġa li jbidu u 197 miljun dundjan. Id-dejta ma kinitx disponibbli fl-Istati Membri kollha għad-dundjani, papri u wiżż.

[3]               "Evaluation of the EU policy on animal welfare and possible policy options for the future" December 2010. Ara l-Anness A1.7, ara http://www.eupaw.eu/

[4]                      Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23). Minbarra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/923/KEE li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja (ĠU L 323, 17.11.1978, p. 12) l-Unjoni għamlet din il-konvenzjoni parti mil-liġi tal-UE.

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).

[6]               Id-Direttiva 93/119/KE dwar il-protezzjoni ta' annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU L340, 31.12.1993, p. 21). Għandha tiġi sostitwita fl-1.1.2013 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).

[7]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU L 10, 15.1.2009, p. 7).

[8]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (ĠU L 47, 18.2.2009, p. 5).

[9]               Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid (ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 53).

[10]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (ĠU L 183, 12.7.2007, p. 19).

[11]             Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).

[12]             Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo (ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24).

[13]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 189, 20.7.2007. p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

[14]             Id-dejta mir-rapport ta' evalwazzjoni tkopri l-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2008.

[15]            

F'xi Stati Membri l-annimali jinqatlu mingħajr ma jiġu storduti f'għadd kbir għaliex l-awtoritajiet jagħtu deroga għall-isturdament mingħajr ma tiġi vvalutata l-ġustifikazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva prevista mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

[16]             Ara l-istudji ta’ fattibilità: 'Animal welfare labelling and establishing a Community Reference Centre for Animal Protection and Welfare', 26.012009 by FCEC http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/farm/labelling_en.htm

[17]             Id-direttiva dwar il-majjali, ir-regolament dwar it-trasport, ir-regolament dwar il-qtil, id-direttiva dwar l-annimali tal-laboratorju.

[18]             Il-lista ta' opinjonijiet xjentifiċi dwar il-benessri tal-annimali tista' tiġi kkonsultata fir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-komunikazzjoni.

[19]             Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, COM(2010) 573 finali tad-19.10.2010.

[20]                    Il-Premessa 50 tar-Regolament (KE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18) tgħid li: "Il-konsumaturi tal-Unjoni juru interess li qed jiżdied fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-benesseri tal-annimali fil-ħin tal-qatla, fosthom jekk l-annimal ingħatax xokk tal-elettriku qabel ma nqatel. F'dan ir-rigward, studju dwar l-opportunità li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni rilevanti dwar l-għoti ta’ xokkijiet tal-elettriku lill-annimali għandu jitqies fil-kuntest ta’ strateġija futura tal-Unjoni għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali. "

[21]             Invertebrati użati fl-akkwakultura kif ukoll f'attivitajiet ekonomiċi tas-sajd mhux se jiġu koperti minn din l-inizjattiva. Ħut tal-akkwakultura se jkun soġġett għal evalwazzjonijiet speċifiċi.

[22]             http://www.welfarequality.net/everyone/26536/5/0/22

[23]             Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel.

[24]             Prinċipji ta' gwida dwar il-benessri tal-annimali tal-Kodiċi Internazzjonali dwar is-Saħħa tal-Annimali Terrestri. Ara www.oie.int.

[25]             COM(2009)584 finali tat-28.10.2009.

[26]             Il-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea dwar Metodi Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali (ECVAM), li kien ospitat mid-DĠ JRC mhux qed jaħdem direttament dwar il-benessri tal-annimali iżda dwar metodi alternattivi ta' ttestjar.

[27]             Iż-żamma ta' għoġġiela, iż-żamma ta' majjali, iż-żamma ta' tiġieġ li jbid, iż-żamma ta' brojlers, iż-żamma ta' annimali oħra tal-irziezet, trasport tal-annimali, il-qtil ta' annimali, l-użu ta' annimali għall-esperimenti u ż-żamma ta' annimali selvaġġi fil-magħluq.

[28]             Bħall-grupp ta' ħidma kollaborattiv KPRA (Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola) dwar ir-riċerka fuq is-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-ERA-Net dwar is-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali (ANIHWA).

[29]             B'mod partikolari fir-rigward tal-użu tad-deroga mill-isturdament tal-annimali f'każ ta' qtil ritwali.

[30]             Dan in-numru ta' ftehimiet ta kummerċ ħieles bi kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali rdoppja fl-2011.

[31]             Disa' standards tal-OIE dwar il-benessri tal-annimali bħalissa huma disponibbli (ara: http://www.oie.int). L-FAO żviluppat laqgħat sabiex tgħaqqad l-esperjenza u tiffaċilita l-bini tal-kapaċità f'oqsma differenti marbuta mal-benessri tal-annimali. Din ħolqot ukoll websajt speċifika dwar il-benessri tal-annimali tal-irziezet (http://www.fao.org/ag/againfo/themes/animal-welfare/en/)