18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/31


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2013”

2012/C 391/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jwwissi kontra x-xenarju li jwassal li l-qbil dwar il-Qafas iseħħ wara l-bidu tal-2013;

jinsisti fuq il-fatt li parti kbira ħafna mill-investimenti pubbliċi fl-Istati Membri jiddependu mill-fondi strutturali u jfakkar l-impenji li ħadu l-Istati Membri fil-qafas tal-Patt għat-tkabbir u l-impjiegi konkluż mill-Kunsill Ewropew fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012;

jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew li l-baġit li jmiss jirrappreżenta somma minima ta’ 1,14 % tad-DNG tal-UE (inkluża s-sħubija tal-Kroazja) fuq il-bażi tal-aġġornament tal-proposta tal-Kummissjoni tad-6 ta’ Lulju 2012;

jiddispjaċih li l-maġġoranza l-kbira tas-suġġetti koperti mill-qafas tan-negozjati tal-Kunsill fosthom kull forma ta’ kondizzjonalità makroekonomika, jiffurmaw suġġetti li jridu jiġu adottati b'kodeċiżjoni u mhux bi proċedura ta’ approvazzjoni;

jikkundanna l-fatt li l-metodu ta’ tqassim tal-allokazzjonijiet nazzjonali u r-rati limiti tal-Politika ta’ Koeżjoni u ta’ Żvilupp Rurali ġew inklużi fil-qafas tan-negozjati tal-Kunsill; iqis li dan huwa l-ambitu tal-kodeċiżjoni u tal-konsultazzjoni obbligatorja tal-KtR, u jżomm il-possibbiltà li jmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tippreżentax proposta leġislattiva li dwarha l-KtR jintalab l-opinjoni tiegħu;

jinsab sodisfatt bil-mudell attwali ta’ negozjati fil-Kunsill li jwasslu biex il-komponenti tal-infiq u tar-riżorsi jiġu trattati flimkien fil-qafas tan-negozjati u jtenni l-appoġġ tiegħu għaż-żewġ riżorsi proprji proposti mill-Kummissjoni, dak ibbażat fuq il-VAT u t-taxxa l-ġdida fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF);

jappoġġja kompletament il-proposta tal-Kunsill biex il-Politika ta’ Koeżjoni tiġi mibdula għal sottointestatura aktar minn sottolimitu; it-talba tiegħu ta’ tkabbir tal-baġits allokati lill-Politika (livell tal-anqas daqs l-2007-2013), u l-appoġġ tiegħu għal fatt li tiġi maħluqa kategorija ġdida ta’ reġjuni msejħa “fi tranżizzjoni”;

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kunsill li jintegra l-programmi Galileo, ITER, u GMES fl-intestatura u jtenni t-talba tiegħu li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jkun integrat ukoll fil-QFP.

Relatur Ġenerali

Mercedes BRESSO (IT/PSE), Membru tal-Kunsill tar-Reġjun ta’ Piemonte

Dokumenti ta’ referenza

Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020

COM(2012) 388 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda ta’ Simplifikazzjoni għall-QFM 2014-2020

COM(2012) 42 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020, li tikkonsidra l-adeżjoni tal-Kroazja u l-kalkoli bbażati fuq l-aktar statistika reċenti (2007-2009);

2.

jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li fit-13 ta’ Ġunju 2012, is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew adottat riżoluzzjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali u r-riżorsi proprji u jinsab sodisfatt bl-enfasi li tpoġġiet fuq il-fatt li 94 % tal-baġit tal-UE huwa effettivament baġit ta’ investiment u li l-ispiża amministrattiva hija proporzjonalment estrememament baxxa; jenfasizza l-effetti multiplikaturi u l-effetti ta’ lieva ta’ dawn l-investimenti permezz tal-kofinanzjamenti privati u pubbliċi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; u jinsisti fuq ir-rwol uniku tal-baġit tal-UE bħala riżorsa pubblika stabbli pluriennali għall-appoġġ tat-tkabbir u l-impjiegi;

Negozjati interistituzzjonali li għaddejjin

3.

jesprimi l-inkwetudni kbira tiegħu fir-rigward tal-iżviluppi attwali fin-negozjati fil-Kunsill dwar is-somma totali tal-qafas finanzjarju pluriennali, il-kontenut tal-politiki u r-riżorsi, li b’mod partikolari jistgħu jikkompromettu ż-żamma tal-fondi għat-tliet kategoriji ta’ reġjuni fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk jispera li jkun possibbli li jintlaħaq riżultat pożittiv sas-summit straordinarju tal-UE tat-22 u t-23 ta’ Novembru 2012; dan jista’ jġib fi tmiem l-imblokk bejn iż-żewġ koleġislaturi u b’hekk ikun jista’ jiġi evitat dewmien li jkun ta’ ħsara għall-Unjoni Ewropea u tkun tista’ tiġi implimentata mingħajr dewmien l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

4.

jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-inkoerenza li tidher bejn l-impenji li ħadu l-Istati Membri fil-qafas tal-Patt għat-tkabbir u l-impjiegi konkluż mill-Kunsill Ewropew fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 u wħud mill-pożizzjonijiet li qed jittieħdu waqt in-negozjati;

5.

ifakkar li l-gravità tal-kriżi ekonomika u soċjali li qed tolqot lill-UE toħloq urġenza partikolari biex il-programm jitnieda fl-2014 peress li dan biss iwassal il-fondi Ewropej meħtieġa biex isiru l-investimenti fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

6.

jiġbed l-attenzjoni għat-tnaqqis fid-daqs tal-baġit tal-UE b’rabta mal-baġits nazzjonali filwaqt li fl-istess ħin ġew estiżi l-kompetenzi u l-kompiti mogħtija lill-Unjoni mit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari fl-oqsma tal-azzjoni esterna (Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), it-tibdil fil-klima (Artikolu 191 tat-TFUE), l-enerġija (Artikolu 194 tat-TFUE), l-isport (Artikolu 165 tat-TFUE), l-ispazju (Artikolu 189 tat-TFUE), it-turiżmu (Artikolu 195 tat-TFUE) u l-protezzjoni ċivili (Artikolu 196 tat-TFUE);

7.

jinsisti fuq il-fatt li parti kbira ħafna mill-investimenti pubbliċi fl-Istati Membri jiddependu mill-fondi strutturali, li jirrappreżentaw aktar minn 30 % tal-investimenti pubbliċi fi 13-il Stat Membru u aktar minn 60 % f’sitt Stati Membri;

8.

jirrikonoxxi li t-Trattati (Artikolu 312 TFUE) jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi jekk il-Qafas ma jiġix adottat qabel ma jiskadu l-bażijiet legali tal-programmi kollha ta’ nfiq pluriennali tal-UE fl-aħħar tal-2013, ħlief fil-każ tal-ewwel pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Jiġbed l-attenzjoni li fost id-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat hemm l-obbligu legali li l-fergħat tal-awtorità baġitarja jkomplu jinnegozjaw. Madankollu, jinsisti fuq il-fatt li l-għażliet li jew jiġu adottati programmi settorjali ġodda mingħajr regolament tal-QFP jew li jiġi estiż iż-żmien tal-programmi eżistenti huma estremament komplikati;

9.

iwwissi kontra x-xenarju li jwassal li l-qbil dwar il-Qafas iseħħ wara l-bidu tal-2013 peress li dan jagħmel impossibbli l-programmazzjoni u l-allokazzjoni tal-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni wara l-2014, u dan ikollu impatt negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali Ewropea; jemmen li l-posponiment tal-qbil dwar il-QFP għal wara l-bidu tal-2013 jerġa' joħloq dubju wkoll fuq il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ippjanat s'issa mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u ser jirrikjedi li terġa' tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-għażla inizjalment rakkomandata mill-KtR, jiġifieri perjodu ta’ programmazzjoni ta’ 5+5 snin wara perjodu tranżitorju ta’ sena jew sentejn;

10.

itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-UE għandu jkollha baġit kredibbli ta’ mill-anqas 1 % b’tali mod li tkun tista' tikseb l-għanijiet ewlenin tal-Unjoni b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u mal-bżonnijiet tal-livelli lokali u reġjonali; ifakkar li fl-2000, il-Kunsill stabbilixxa l-livell limitu tar-riżorsi proprji bħala 1,29 % tad-DNG għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u 1,23 % għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament; jenfasizza li minn dak iż-żmien 'l hawn, id-distakk tal-livell limitu tar-riżorsi proprji meta mqabbel mal-livelli limiti tal-QFP baqa' jitwessa' kontinwament u jirrappreżenta distakk ta’ 25 %. Barra minn hekk jinsisti fuq il-fatt li l-QFP jistabbilixxi biss il-livelli massimi tal-infiq filwaqt li l-baġit annwali tal-UE dejjem baqa' taħt dawn il-livelli kemm bħala approprjazzjonijiet ta’ impenji kif ukoll bħala approprjazzjonijiet ta’ pagament. Għalhekk, fuq il-bażi tal-aġġornament tal-proposta tal-Kummissjoni tad-6 ta’ Lulju 2012, jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew li l-baġit li jmiss għandu jirrappreżenta somma minima ta’ 1,14 % tad-DNG tal-UE (inkluża s-sħubija tal-Kroazja);

11.

jilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li fin-negozjati tat-18 ta’ Settembru 2012 tneħħiet il-proposta li jintemm il-programm ta’ għajnuna alimentari għal dawk l-aktar żvantaġġati; madankollu jiddispjaċih li l-kwistjoni tal-baġit għalih għadha waħda vaga u jtenni l-pożizzjoni tiegħu favur iż-żamma tiegħu taħt l-intestatura 2 tal-QFP;

12.

jilqa' xi aspetti tad-Dokument dwar Kwistjonijiet Prinċipali tal-Presidenza Ċiprijotta (30 ta’ Awwissu 2012), iżda għandu xi tħassib partikolari dwar il-proposti għad-diskussjoni fil-Politika ta’ Koeżjoni, l-iktar dwar l-eliġibbiltà, l-ambitu u l-kopertura tax-xbieki tas-sigurtà għar-reġjuni u l-Istati Membri; u jirrifjuta l-aġġustamenti sproporzjonati għar-reġjuni fi tranżizzjoni u dawk iktar żviluppati;

Oqsma ta’ kodeċiżjoni

13.

jiddispjaċih li l-maġġoranza l-kbira tas-suġġetti koperti mill-qafas tan-negozjati tal-Kunsill (verżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2012), u b’mod partikolari l-punti 21 sa 47 u 53 sa 78, jiffurmaw suġġetti li jridu jiġu adottati b’kodeċiżjoni u mhux bi proċedura ta’ approvazzjoni u jenfasizza li l-PE jrid jipparteċipa b’mod sħiħ fin-negozjati li jkunu għaddejjin;

14.

jikkundanna l-fatt li l-metodu ta’ tqassim tal-allokazzjonijiet nazzjonali u r-rati limiti tal-Politika ta’ Koeżjoni u ta’ Żvilupp Rurali ġew inklużi fil-qafas tan-negozjati tal-Kunsill (punti 30 sa 45) iżda ma jidhrux fl-abbozz ta’ regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-ħames fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni; barra minn hekk, huwa sorpriż li l-punt 35 tan-negozjati tat-18 ta’ Settembru 2012 jagħti rwol lill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fit-tqassim tal-fondi strutturali bejn l-Istati Membri. Dan joħloq il-kwistjoni ta’ jekk dawn l-għanijiet jirrappreżentawx verament il-bżonnijiet ta’ żvilupp tar-reġjuni, u jqajjem ukoll mistoqsijiet sostanzjali dwar il-governanza u l-metodoloġija peress li ċertament dan ir-rwol fit-tqassim tal-fondi ma kienx previst meta ġew stabbiliti fl-2010;

15.

iqis li dan il-qasam m'huwiex biss l-ambitu tal-kodeċiżjoni iżda wkoll l-ambitu ta’ konsultazzjoni obbligatorja tal-KtR, u għalhekk, sabiex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu hekk kif inhuma definiti fl-Artikolu 263(3) tat-TFUE, il-KtR ser ikompli jistħarreġ l-isfond legali ta’ din il-kwistjoni u jżomm il-possibbiltà li jmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tippreżentax proposta leġislattiva li dwarha l-KtR jintalab l-opinjoni tiegħu;

16.

itenni dak li kien diġà stqarr fl-opinjonijiet adottati mill-bidu tal-2012 dwar il-proposti leġislattivi differenti tal-Kummissjoni Ewropea:

a.

F'dak li jirrigwarda s-sottointestatura 1b u l-fondi relevanti tal-Qafas Strateġiku Komuni (QSK): jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta li tiġi maħluqa kategorija ġdida ta’ reġjuni msejħa “fi tranżizzjoni” kif ukoll għall-bżonn li titqies il-qagħda speċifika u unika tar-reġjuni ultraperiferiċi f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-finanzjament, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 349 tat-TFUE (punt 25 fil-qafas tan-negozjati), il-limitu ta’ 300 km għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea bl-eċċezzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi li għalihom ma japplikax il-kriterju tad-distanza (punt 27, ibid.), il-ħolqien ta’ “xibka ta’ sigurtà” għar-reġjuni li ma jkunux għadhom jikkwalifikaw għall-għan ta’ konverġenza ugwali għal tal-anqas żewġ terzi tal-allokazzjoni tagħhom għall-perjodu 2007-2013 (punt 44, ibid.), il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-livell ta’ kofinanzjament barra minn żjieda ta’ 85 % għall-programmi marbutin mal-għan “tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea”, iż-żieda tar-rata ta’ finanzjament applikata għall-kooperazzjoni interreġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi minn 50 għal 85 % (punt 46, ibid.), iż-żamma ta’ programm ta’ għajnuna alimentari għal dawk l-aktar żvantaġġjati taħt l-intestatura 2 tal-QFP, aktar milli jiddaħħal fl-ambitu tal-Fondi Soċjali Ewropew fi ħdan l-intestatura 1 (punt 48, ibid.), l-istabbiliment ta’ rata ta’ kofinanzjament ogħla b’10 punti perċentwali għall-Istati Membri li għandhom diffikultajiet baġitarji temporanji (punt 47, għażla a, ibid.), il-ħolqien ta’ QSK għat-tliet fondi strutturali u ta’ koeżjoni, il-FAEŻR u l-FEMS (punt 65, ibid.), kif ukoll l-eliġibbiltà tal-VAT mhux rekuperabbli għal kontribut tal-Fondi relevanti tal-QSK (punt 78, għażla c, ibid);

b.

F'dak li jirrigwarda l-intestatura 2: jesprimi l-appoġġ tiegħu għal konverġenza aktar mgħaġġla u kalendarju preċiż għall-konverġenza bejn l-Istati Membri (punt 53, ibid.), il-limitu tal-għajnuniet diretti ta’ Euro 200 000 minflok Euro 300 000 li fiha komponent ekoloġiku u tnaqqis progressiv li jibda minn Euro 100 000 minflok Euro 200 000 (punt 54, ibid.), ir-rata ta’ 30 % għall-komponent ekoloġiku (punt 56, ibid.), l-għażla ta’ trasferimenti baġitarji mill-ewwel lejn it-tieni pilastru (punt 57, ibid.), iżda jesprimi r-rifjut tiegħu ta’ kull trasferiment fid-direzzjoni opposta minħabba fil-ħtieġa ta’ bilanċjar mill-ġdid tal-baġit bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK (punt 58, ibid.), l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tar-reġjuni fi tranżizzjoni fir-regolament dwar l-iżvilupp rurali (punt 62, ibid.), l-oppożizzjoni tiegħu għall-ħolqien ta’ riżerva ġdida, kif propost, għall-kriżijiet fis-settur agrikolu (punt 64, ibid.).

17.

fir-rigward tal-fondi allokati għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, itenni l-proposta tiegħu li dawn il-fondi jitqassmu skont il-programmi ta’ kooperazzjoni u mhux skont l-Istati Membri; għalhekk jappella li jiġi rivedut il-punt 40 tan-negozjati tat-18 ta’ Settembru 2012 għaliex, fl-istat attwali, in-negozjati dwar it-tqassim tal-komponenti tal-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali biss ser twassal biex il-kooperazzjoni interreġjonali tiġi kkunsidrata biss bħala l-fdal taż-żewġ komponenti l-oħra;

18.

jappoġġja l-proposta li jiżdied l-użu tas-self minflok ma jintużaw l-iktar is-sussidji li ma jiġux rimborżati, sabiex jiżdied l-involviment tal-benefiċjarji. Jemmen ukoll li s-self rimborżat għandu mbagħad jerġa' jsir disponibbli permezz ta’ mekkaniżmi ta’ fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw;

Riżorsi proprji ġodda

19.

itenni l-appoġġ tiegħu għal riforma tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji, sabiex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet diretti tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE filwaqt li jiżdiedu r-riżorsi proprji tal-UE disponibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-futur (1), u tingħata risposta għall-bżonn li jitneħħew il-korrezzjonijiet finanzjarji attwali u l-eżenzjonijiet u għaldaqstant, iqis li biex ikun hemm trasparenza, bilanċ u sostenibbiltà, il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid irid, kif iddikjara l-Parlament Ewropew, jistrieħ bilfors fuq ftehim dwar riżorsi proprji ġodda;

20.

jinsab sodisfatt bil-mudell attwali ta’ negozjati fil-Kunsill li jwasslu biex il-komponenti tal-infiq u tar-riżorsi jiġu trattati flimkien fil-qafas tan-negozjati u jtenni l-appoġġ tiegħu għaż-żewġ riżorsi proprji proposti mill-Kummissjoni, dak ibbażat fuq il-VAT u t-taxxa l-ġdida fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF);

21.

f'dan ir-rigward jappella lil xi Stati Membri biex ma jippenalizzawx il-popolazzjonijiet tagħhom, l-intrapriżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom billi jirrifjutaw li jieħdu impenn fuq it-taxxa l-ġdida dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji, peress li r-rifjut tagħhom iwassal għal implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa u l-ħolqien ta’ Ewropa baġitarja b’żewġ veloċitajiet;

22.

Iqis li TTF b’kooperazzjoni msaħħa legalment tista' sservi bħala bażi għal riżorsa proprja ġdida tal-UE u li l-pajjiżi parteċipanti jkunu jistgħu jittrasferixxu fil-baġit tal-UE parti mid-dħul kollettiv tagħhom. Fl-istess waqt, dan it-trasferiment jitnaqqas bl-istess ammont mill-kontribut tagħhom għall-baġit fuq il-bażi tal-DNG mingħajr ma jaffettwa r-regoli applikati għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi mhux parteċipanti;

23.

itenni l-appoġġ tiegħu għas-semplifikazzjoni ta’ sistema kumplessa ħafna ta’ skontijiet u miżuri korrettivi u biex is-sistema attwali ta’ skontijiet jieħu postha mekkaniżmu korrettiv ġenerali;

Kondizzjonalità makroekonomika

24.

huwa sorpriż li l-modifika hekk imsejħa “teknika” tar-regolament tal-Kunsill mill-Kummissjoni Ewropea fiha element fundamentali daqs l-estensjoni tal-kondizzjonalità makroekonomika minn Fond uniku ta’ koeżjoni għal totalità ta’ ħames fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni (ara l-Artikolu 8 tal-proġett ta’ regolament modifikat);

25.

itenni l-oppożizzjoni ċara u soda tiegħu għal kull forma ta’ kondizzjonalità makroekonomika u ma jqisx li l-għażla ta’ estensjoni għall-intestaturi kollha baġitarji mitluba minn xi Stati Membri hija pertinenti;

26.

ifakkar li dan jirrigwarda qasam tal-kodeċiżjoni li jrid jinqasam fil-qafas ta’ regolament li fih dispożizzjonijiet komuni għall-ħames Fondi koperti mill-QSK;

L-istruttura, it-tul ta’ żmien u l-flessibbiltà tal-qafas finanzjarju pluriennali

27.

jappoġġja kompletament il-proposta tal-Kunsill biex il-Politika ta’ Koeżjoni tiġi mibdula għal sottointestatura aktar minn sottolimitu, iżda jinsisti li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ma tiġix inkluża f'din is-sottointestatura minħabba fin-natura differenti tagħha u jkompli jiddeplora l-fatt li ma tteħditx l-okkażjoni biex jiġu raggruppati f'intestatura waħda l-finanzjamenti kollha tal-UE favur l-iżvilupp territorjali (jiġifieri l-ħames fondi relevanti tal-Qafas Strateġiku Komuni);

28.

itenni t-talba tiegħu għall-flessibbiltà fi ħdan kull intestatura u l-ħolqien ta’ riżerva ta’ flessibbiltà li tirċievi l-krediti jew il-marġni mhux utilizzati f'nofs iż-żmien, minflok ma jingħataw lill-Istati Membri; jemmen li din ix-xorta ta’ riżerva ta’ flessibbiltà tista' sservi, fost affarijiet oħra, bħala għodda għall-interventi makroekonomiċi u finanzjarji li jippermettu l-azzjoni preventiva kontra l-impatti asimettriċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

29.

jiġbed l-attenzjoni mill-ġdid li din il-proposta tipprevedi li fl-2016 ssir “valutazzjoni” tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali u jafferma mill-ġdid li minflok għandha ssir valutazzjoni kompleta f'nofs iż-żmien fl-2017 (li l-valutazzjoni proposta tkun parti minnha);

Limiti massimi tal-impenji u tal-ħlasijiet

30.

fir-rigward tal-ammonti tas-sottointestaturi prinċipali tal-QFP jtenni:

a.

l-appoġġ għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea f'dak li jirrigwarda l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Euro 50 biljun), il-programm Orizzont 2020 (Euro 80 biljun), l-ewwel żewġ pilastri tal-PAK (Euro 372 biljun bi prezzijiet kostanti), il-programm Ewropa Kreattiva (Euro 1.6 biljun) u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-azzjoni esterna tal-UE (Euro 70 biljun);

b.

It-talba tiegħu ta’ tkabbir tal-baġits allokati lill-Politika ta’ Koeżjoni (livell tal-anqas daqs dawk previsti fil-perspettivi finanzjarji 2007-2013 f'termini reali), il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) u l-programm LIFE u t-talba tiegħu għal distribuzzjoni baġitarja iktar bilanċjata bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp rurali.

Programmi barra mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali

31.

itenni t-talba tiegħu li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jinżamm u li jkun integrat fl-QFP iżda, l-istess bħall-Parlament Ewropew, jinsisti li minħabba n-natura mhux programmabbli tiegħu għandu jiżdied b’ammont ikbar mil-limitu tal-intestatura rilevanti. Jopponi wkoll it-twessigħ tal-ambitu tal-applikazzjoni tiegħu għall-kumpens tal-effetti tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali dwar l-attività agrikola (punt 95, ibid.);

32.

jilqa' b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kunsill li jintegra l-programmi Galileo, ITER, u GMES fl-intestatura 1 tal-Qafas finanzjarju pluriennali (anness I, ibid.) kif kien talab fl-opinjoni tiegħu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-perjodu wara l-2013;

33.

jinsisti li l-ammonti li jikkorrispondu għall-mekkaniżmi ta’ riżerva msemmijin hawn fuq jiġu trasferiti wkoll fil-QFP;

Programm ta’ simplifikazzjoni

34.

jikkunsidra li l-kwistjoni tal-aħjar kwalità tan-nefqa, promossa kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Parlament Ewropew, u li għalissa għad mhux qed tintlaħaq, peress li qed tiġi tradotta f'żjieda ta’ proċeduri ġodda ta’ kontroll u ta’ awditjar, kumplessità akbar tal-proċeduri, attenzjoni eċċessiva fuq il-prestazzjoni u l-assorbiment kwantitattiv bi ħsara għall-kwalità tal-istrateġiji, u fl-aħħar qed twassal għal ċentralizzazzjoni dejjem akbar li tippenalizza l-livelli ta’ governanza inferjuri fir-rigward ta’ dawk fil-livelli superjuri;

35.

jixtieq li l-komunikazzjoni dwar il-kwalità tan-nefqa mħabbra mill-Kummissjoni tippermetti divrenzjar tal-kontabbiltà tal-infiq pubbliku tal-investiment taħt il-Patt ta’ Stabbiltà;

36.

huwa kontra l-użu eċċessiv ta’ atti delegati, mill-Kummissjoni, pereżempju dawk proposti għall-azzjonijiet indikattivi għall-Qafas Strateġiku Komuni; dan ser jeskludi lill-KtR mill-proċedura konsultattiva u deċiżjonali, anke jekk l-ambiti jkollhom importanza potenzjalment essenzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

37.

għall-kuntrarju huwa jaqbel għal kollox mal-Kummissjoni fuq il-fatt li s-semplifikazzjoni fil-livell tal-UE mhux ser tkun effikaċi għal kollox sakemm ma tkunx akkumpanjata bi sforzi paralleli fil-livell nazzjonali u infranazzjonali, filwaqt li jenfasizza li l-akbar sforz irid isir fil-livell nazzjonali;

38.

jilqa' b’sodisfazzjon ir-razzjonalizzazzjoni tal-programmi proposta fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, b’mod partikolari t-tnaqqis tan-numru ta’ programmi finanzjarji proposti u r-raggruppament ta’ programmi u sottoprogrammi f'diversi oqsma;

39.

huwa favur li l-Bank Ewropew tal-Investiment ikun involut aktar mill-qrib fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-fondi strutturali;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2012) 388 final

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Strumenti speċjali, ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u l-Marġini ta’ Kontinġenza huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għal possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji li jissuperaw il-limiti massimi stabbiliti fil-qafas finanzjarju, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

Strumenti speċjali, ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, u l-Marġini ta’ Kontinġenza huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għal possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji li jissuperaw il-limiti massimi stabbiliti fil-qafas finanzjarju, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

Raġuni

Sakemm il-FEG irid jiġi integrat fil-QFP u l-ħolqien ta’ riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu trid tiġi eskluża biex ikun hemm regolamentazzjoni ġenwina, dawn iż-żewġ strumenti finanzjarji jridu jitneħħew mil-lista.

Emenda 2

COM(2012) 388 final

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fil-każ tat-tneħħija ta’ sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet makroekonomiċi marbuta ma’ proċedura ta’ defiċit eċċessiva mal-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, il-Kunsill, skont it-Trattat u f'konformità mal-att bażiku relevanti, jiddeċiedi dwar trasferiment ta’ impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena n+2.

Fil-każ tat-tneħħija ta’ sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond ta’ Koeżjoni, fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet makroekonomiċi marbuta ma’ proċedura ta’ defiċit eċċessiva mal-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, il-Kunsill, skont it-Trattat u f'konformità mal-att bażiku relevanti, jiddeċiedi dwar trasferiment ta’ impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena n+2.

Raġuni

Huwa biss il-Fond ta’ Koeżjoni li jrid ikompli bħalma kien fil-bidu tiegħu kopert mid-dispożizzjonijiet marbutin mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi.

Brussell, 9 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Punt 65 tal-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Qafas finanzjarju multiannwali ġdid għal wara l-2013, adottata fit-93 Sessjoni Plenarja tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2011.