18.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 391/1 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ strateġija marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku”
2012/C 391/01
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għall-iżvilupp ta’ Strateġija Marittima għaż-Żona Atlantika u t-tfassil ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku 2014-2020; |
— |
jisħaq li l-approvazzjoni ta’ Strateġija Atlantika min-naħa tal-Kumitat hi kkundizjonata minn jekk tadottax approċċ usa’, li jinkludi bis-sħiħ id-dimensjoni territorjali, l-iżvilupp ta’ rabtiet ċari bejn il-baħar u l-art u kontribuzzjoni għall-kisba ta’ għanijiet ewlenin oħra tal-politika tal-UE u għalhekk jitlob biex il-Kummissjoni Ewropea tibdel it-tilu tal-istrateġija għal “Strateġija Integrata għaż-Żona Atlantika”; |
— |
jirrikonoxxi li proġetti taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Atlantiku ser ikollhom jużaw sorsi eżistenti ta’ finanzjament, fil-livell tal-UE (fondi fi ħdan u barra mill-Qafas Strateġiku Komuni (QSF) u fondi oħrajn mil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u s-settur privat; |
— |
ma jaqbilx mat-tneħħija proposta tal-Forum Atlantiku ladarba l-Pjan ta’ Azzjoni jiġi adottat u jissuġġerixxi li l-Forum Atlantiku jibqa’ stabbilit, sal-2020, sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni, jagħmel reviżjoni tal-progress u jmexxi t-twassil tal-għanijiet tal-Istrateġija; |
— |
jissuġġerixxi li l-istruttura governattiva għandha żżid il-kontribut tal-bosta partijiet interessati u l-atturi potenzjali fl-Istrateġija Atlantika u jitlob li jiġi applikat approċċ governattiv f’diversi livelli, fl-elaborazzjoni, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. |
Relatur |
is-Sur O’DONOGHUE (IE/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Kerry u l-Awtorità Reġjonali tal-Lbiċ |
Dokument ta’ Referenza |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Iżvilupp ta’ Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku – COM(2011) 782 final |
I. KUMMENTI ĠENERALI
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ l-proposta għall-Iżvilupp ta’ Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku u l-elaborazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku 2014-2020; |
2. |
iqis li sa llum il-ġurnata ż-Żona Atlantika sofriet minn nuqqas ta’ viżjoni strateġika li kien hemm qbil dwarha għall-iżvilupp futur tagħha u jqis li din il-proposta tipprovdi opportunità ġenwina sabiex tiġi stabbilita viżjoni strateġika li għandu jkollha l-koeżjoni territorjali u l-prosperità fil-qalb tagħha; |
3. |
jappoġġa l-bażi loġika għal strateġija Ewropea, hekk kif l-isfidi u l-opportunitajiet taż-Żona Atlantika jmorru lil hinn mill-konfini nazzjonali u jeħtieġu approċċ iktar olistiku u integrat; madankollu, jenfasizza li l-Istrateġija għandha turi wkoll il-valur miżjud reali f’dawk li għandhom x’jaqsmu t-twassil u l-implimentazzjoni; |
4. |
jifhem li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tfassal din il-proposta bħala ‘strateġija tal-baċiri tal-baħar’ skont il-qasam tal-Politika Marittima Integrata (minflok ‘strateġija makro reġjonali’); madankollu jisħaq li l-approvazzjoni ta’ Strateġija Atlantika min-naħa tal-Kumitat hi kkundizjonata minn jekk tadottax approċċ usa’ , li jinkludi bis-sħiħ id-dimensjoni territorjali, l-iżvilupp ta’ rabtiet ċari bejn il-baħar u l-art u kontribuzzjoni għall-kisba ta’ għanijiet ewlenin oħra tal-politika tal-UE; |
5. |
għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tbiddel it-titolu tal-Istrateġija għal “Strateġija Integrata għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku” u jqis li għandhom jiġu żviluppati strateġiji oħra simili għal żoni marittimi Ewropej oħra, abbażi tal-esperjenzi miksuba miż-Żona Atlantika (pereżempju r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana); |
6. |
jirrikonoxxi r-rekwiżiti speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Atlantiku u jqis li l-istrateġija tista’ tipprovdi opportunitajiet sabiex l-oqfsa ta’ politika tal-UE fir-reġjuni jkunu aktar effettivi u koerenti; |
7. |
jitlob li l-Strateġija Atlantika u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għandu jkollhom enfasi kbira fuq l-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment u fl-istess ħin jikkontribwixxu għat-titjib tal-ambjent marittimu; |
8. |
iħoss li fir-rigward tal-ambitu ġeografiku tagħha l-Istrateġija għandha tadotta approċċ pragmatiku sabiex tippermetti lill-konfini taż-żona l-flessibbiltà li jindirizzaw kwistjonijiet mingħajr ma jimponu limiti artifiċjali iżda jitlob li għandu jitqies mill-ġdid l-ambitu ġeografiku lejn it-tramuntana sabiex ikun possibbli li l-Islanda tiġi assoċjata mal-Istrateġija; |
9. |
jinsab imħasseb li l-għarfien ta’ valur miġmugħ mill-iżvilupp ta’ strateġiji makroreġjonali u transnazzjoni oħra eżistenti (1) mhux qiegħed jitqies fil-proċess tal-Istrateġija Atlantika, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet bħall-governanza, l-iżvilupp tal-politika, komunikazzjoni u sjieda, il-miri u l-valutazzjoni; |
10. |
jenfasizza li hemm responsabbiltà kbira fuq il-Forum Atlantiku sabiex jieħu ħsieb l-aspettattivi tal-partijiet interessati, jipprovdi proċess inklussiv għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni u jwaqqaf oqfsa koerenti għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri u proġetti prijoritarji; |
II. SFIDI U OPPORTUNITAJIET
11. |
ma jaqbilx mal-isfidi u l-opportunitajiet li l-Kummissjoni Ewropea identifikat iżda jħoss li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jikkonċentra fuq il-ksib ta’ eżiti tanġibbli u jindirizza sfidi fejn l-approċċ ta’ sħubija jwassal għal risposti iktar effikaċi; |
12. |
jenfasizza li t-temi tal-Pjan ta’ Azzjoni għandhom ikunu allinjati iktar mill-qrib ma’ dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha iżda għandhom ikunu konsistenti wkoll mat-temi fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) u r-riformi proposti għall-Fondi CSF; |
13. |
japprova b’mod ġenerali l-intestaturi tematiċi identifikati mill-Kummissjoni tal-Arka Atlantika (CPMR) (2) kif ġej: (1) Aċċessibbiltà u Trasport fiż-Żona Atlantika; (2) Industriji Ekonomiċi u Marittimi; (3) Il-Klima u l-Ambjent; (4) Riċerka u Innovazzjoni; u (5) l-Attrazzjoni tat-Territorji; |
14. |
jenfasizza l-importanza tas-sajd, il-ġbir tal-frott tal-baħar u l-akkwakultura kif ukoll tal-katina tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-baħar fir-reġjun Atlantiku u n-numru ta’ impjegati li jiddependu fuqu. Strateġija għat-tkabbir u l-impjiegi f’dan ir-reġjun għandha taħdem bilfors għall-konsolidazzjoni u għat-tisħiħ ta’ dan il-qasam professjonali; |
15. |
iqis li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jindirizza l-ħtieġa ta’ approċċ immexxi minn pjan għall-ambjent marittimu fiż-Żona Atlantika; jissuġġerixxi li dan jeħtieġ koordinazzjoni miftiehma tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) u proċessi tal-ġestjoni marittima fiż-żona kollha, kif ukoll koordinazzjoni aħjar bejn l-oqfsa għall-ippjanar marittimu u terrestru; |
16. |
iqis li ż-żoni tal-kosta tar-reġjuni taż-żona Atlantika huma attraenti ħafna fir-rigward tal-akkoljenza ta’ popolazzjonijiet permanenti ġodda u attivitajiet staġunali li huma marbuta b’mod partikolari ma’ prattiki nawtiċi, ta’ rikreazzjoni, tat-turiżmu u sportivi. Huwa importanti li t-territorji jħejju ruħhom għall-akkoljenza ta’ dawn il-movimenti tal-popolazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal pressjonijiet fuq l-art, l-ekonomija, l-ambjent u pressjonijiet oħra fuq iż-żoni kostali; |
17. |
jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Istrateġija tibbenefika mill-kisbiet ta’ proġetti preċedenti u attwali ffinanzjati mill-UE fiż-Żona Atlantika, inkluża valutazzjoni ta’ x’ġie ffinanzjat sa llum il-ġurnata u x’jista’ jiġi bbażat iktar fuq il-Pjan ta’ Azzjoni; jenfasizza li dan jista’ jkollu implikazzjonijiet għal xi programmi, bil-ħtieġa li jiżdiedu l-proġetti sabiex ikun hemm impatt ikbar u iktar tanġibbli; |
18. |
jitlob għal dimensjoni esterna għall-Pjan ta’ Azzjoni sabiex jiġu żviluppati għanijiet strateġiċi mal-partijiet interessati fl-Oċean Atlantiku kollu; |
III. FINANZJAR TAL-ISTRATEĠIJA ATLANTIKA
19. |
jirrikonoxxi li l-proġetti fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku għandhom jużaw sorsi eżistenti ta’ finanzjament, fil-livell tal-UE (fondi fi ħdan u barra l-Qafas Strateġiku Komuni (QSK)) u fondi oħra minn livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u s-settur privat; jenfasizza li dan iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar kif ezattament l-Istrateġija se tiġbed appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari hekk kif l-elaborazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni timxi b’mod parallel mal-proċess ta’ programmazzjoni għal bosta programmi ta’ finanzjament tal-UE; |
20. |
jenasizza li sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jikseb ir-riżultati jrid ikun hemm allinjament ċar bejnu u bejn il-finanzjament disponibbli; jenfasizza li dan isaħħaħ mill-ġdid il-ħtieġa għall-Istrateġija li tadotta approċċ territorjali iktar integrat u l-ħtieġa għall-Pjan ta’ Azzjoni li jaqbel iktar b’mod dirett mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jkun kompatibbli mar-rekwiżiti regolatorji tal-bosta fondi tal-UE; |
Finanzjament taħt il-Qafas Strateġiku Komuni
21. |
jissuġġerixxi li l-Forum Atlantiku jipparteċipa mal-Awtoritajiet Responsabbli rilevanti fil-ħames Stati Membri sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet ta’ sħubija nazzjonali jirriflettu b’mod adegwat il-prijoritajiet tal-Istrateġija Atlantika u li jkun hemm biżżejjed kumplimentarjetà bejn il-Programmi Operattivi u l-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni; madankollu, jinsab imħasseb li Strateġija mwaqqfa fi ħdan il-qasam tal-Politika Marittima Integrata tħalli ambitu limitat għall-allinjament mal-programmi ffinanzjati mill-QSK, bl-eċċezzjoni tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS); |
22. |
jindika li l-elaborazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaldaqstant se jkollu jkun konformi mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Fondi, b’mod partikolari dawk fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni; |
23. |
ma jaqbilx mal-allokazzjoni tar-riżorsi għall-Pjan ta’ Azzjoni Atlantiku fi ħdan kull programm operattiv , minħabba li diġà teżisti proposta għall-konċentrazzjoni tematika stretta fuq l-Awtoritajiet Responsabbli; |
24. |
madankollu jissuġġerixxi li l-Forum Atlantiku jaħdem mal-Awtoritajiet Responsabbli waqt il-proċess ta’ programmazzjoni sabiex jidentifika kif il-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu jiġu ffinanzjati, permezz ta’ allinjament ċar mal-prijoritajiet tematiċi magħżula fil-programmi kkonċernati u kriterji speċifiċi għall-għażla tal-proġetti; |
25. |
jenfasizza l-potenzjal li xi elementi tar-Regolamenti tal-QSK jistgħu jippreżentaw għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Atlantika, b’mod partikolari l-approċċ b’bosta fondi ; jissuġġerixxi b’mod ulterjuri li l-kisba ta’ koerenza bejn l-Istrateġija u wħud mill-approċċi integrati fil-QSK (bħad-dimensjoni urbana, l-Investimenti Territorjali Integrati, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta) għandha l-potenzjal, jekk titfassal kif suppost, li tkun lieva fuq l-esperjenza u l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali sabiex jgħinu biex jinkisbu l-għanijiet Atlantiċi ewlenin; |
26. |
jipproponi b’mod ulterjuri li rapporti ta’ implimentazzjoni annwali għall-programmi rilevanti għandhom jinkludu valutazzjoni ta’ kif programmi fil-QSK qed jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Istrateġija Atlantika u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni; |
Programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali
27. |
iqis li programmi futuri dwar il-kooperazzjoni territorjali se jkunu kruċjali sabiex jinkisbu l-aspetti ewlenin tal-Istrateġija Atlantika u jenfasizza li hemm iktar minn 10 programmi dwar il-kooperazzjoni territorajli (transkonfinali, transnazzjonali u intereġjonali) li attwalment huma operattivi fiż-żona Strateġika proposta; |
28. |
japprova l-kontinwazzjoni tal- programm (transnazzjonali) għaż-Żona Atlantika , b’allokazzjoni finanzjarja miżjuda sabiex tkun fuq l-istess livell tal-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Atlantika; jenfasizza wkoll li l-Programm għaż-Żona Atlantika huwa l-mod xieraq kif għandhom jinħarġu s-sejħiet speċifiċi għal ‘Inizjattivi Strateġiċi’ tal-Istrateġija Atlantika (proġetti ewlenin), kif ukoll jiffinanzja l-Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni (ara l-Punti 40-41); |
29. |
jipproponi li l-Forum Atlantiku għandu jinvolvi l-programm INTERACT sabiex jappoġġa l-miżuri għas-sensibilizzazzjoni u minn kmieni jinvolvi lill-Awtoritajiet Responsabbli eżistenti għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali fil-proċess tal-elaborazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Atlantiku; |
30. |
jenfasizza li dan l-involviment se jgħin:
|
Finanzjament minn Programmi oħra tal-UE
31. |
jinsab imħasseb li mhemmx biżżejjed koerenza fil-programmi l-oħra tal-UE, fejn l-għanijiet tal-Istrateġija Atlantika u r-rekwiżiti tagħha għall-iffinanzjar tal-Pjan ta’ Azzjoni mhux se jitqiesu kemm meħtieġ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; |
32. |
jenfasizza, bħala eżempju, il-‘proġetti integrati’ ġodda skont il-programm LIFE+ (2014-2020), li huma proġetti itwal li jkopru żoni territorjali ikbar sabiex tiġi implimentata aħjar il-politika ambjentali u klimatika, iżda mhux se jqisu proġetti fl-ambjent marittimu (3); iqis li din hi opportunità moħlija sabiex isir xi ħaġa fir-rigward tal-għanijiet ewlenin tal-IMP u tal-Istrateġija Atlantika; |
33. |
jiddispjaċih l-istess li ż-Żona Atlantika ġiet injorata fl-identifikazzjoni ta’ netwerks ċentrali fin-netwerks trans-Ewropej u jitlob li tingħata prijorità lill-użu tal-‘Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa’ sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-aċċessibbiltà u l-periferalità li huma fundamentali (fit-trasport, l-enerġija u l-ICT) fiż-Żona Atlantika; |
34. |
jistaqsi kif il-Forum Atlantiku jipproponi li jimmira u juża aħjar il-fondi l-oħra disponibbli tal-UE u kif se jżid il-ġibda tar-riżorsi sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija; jissuġġerixxi pereżempju li l-Pjan ta’ Azzjoni jkollu jippromwovi sħubiji ta’ riċerka fiż-Żona Atlantika kollha sabiex jiżdied l-appoġġ mill-Programm Orizzont 2020; |
Sorsi oħra ta’ finanzjament
35. |
jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ enfasi fuq l-attirar ta’ finanzjament mis-settur privat u involviment tas-settur privat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija; iqis li din hi sfida li l-Forum Atlantiku għandu jindirizza waqt il-proċessi ta’ konsultazzjoni u permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni mfassla apposta; |
36. |
jindika li l-kriżi attwali fil-baġits pubbliċi teħtieġ li ż-Żona Atlantika tattira investiment internazzjonali sabiex jinħatfu l-opportunitajiet eżistenti (fis-setturi bħall-enerġiji marittimi rinnovabbli; frott tal-baħar u l-akkwakultura; ir-riżorsi marittimi; l-iżvilupp tat-tbaħħir u tal-portijiet); jissuġġerixxi li l-irriklamar taż-Żona Atlantika bħala post għall-investiment u l-kummerċ ikun element ewlieni tal-Pjan ta’ Azzjoni; |
37. |
jissuġġerixxi li l-Forum Atlantiku jaħdem ukoll mal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew għall-Investiment sabiex jivvaluta l-potenzjal tat-twaqqif ta’ strument finanzjarju ddedikat għall-iffaċilitar tat-tħejjija ta’ ‘proġetti ta’ li jagħmlu qligħ’ billi jgħaqqad l-għotjiet mas-self, l-ekwità u strumenti għall-garanzija tar-riskju u l-iżvilupp ta’ implimentazzjoni ta’ proġetti iktar konsistenti; |
IV. GOVERNANZA U IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA
38. |
jisħaq li sabiex l-Istrateġija Atlantika tkun suċċess din għandha tiġi inkorporata fl-istrutturi politiċi u amministrattivi u jenfasizza li din teħtieġ:
|
Aspetti ta’ governanza
39. |
jissuġġerixxi li l-istruttura governattiva għandha żżid il-kontribut tal-bosta partijiet interessati u l-atturi potenzjali fl-Istrateġija Atlantika u jitlob li jiġi applikat approċċ governattiv f’diversi livelli, fl-elaborazzjoni, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni; |
40. |
madankollu jirrikonoxxi li mingħajr impenn politiku kbir mill-Istati Membri, fl-ogħla livelli, b’konġunzjoni mal-proċessi ta’ koordinazzjoni nazzjonali fl-oqsma ta’ politika rilevanti, l-Istrateġija Atlantika mhux se tilħaq l-aspettattivi u taqdi l-għanijiet tagħha; jissuġġerixxi wkoll li l-Pjan ta’ Azzjoni mhux se jirnexxi mingħajr l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati lokali u reġjonali u s-sjieda tal-Istrateġija; |
41. |
ma jaqbilx mat-tneħħija proposta tal-Forum Atlantiku ladarba l-Pjan ta’ Azzjoni jiġi adottat u jissuġġerixxi li l-Forum Atlantiku jibqa’ stabbilit, sal-2020, sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni (permezz tal-Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni (ara l-Punti 27, 41)), jagħmel reviżjoni tal-progress u jmexxi t-twassil tal-għanijiet tal-Istrateġija; |
42. |
jipproponi li dan il-mudell ta’ governanza jiġi żviluppat għall-Istrateġija Atlantika: (a) il- Forum Atlantiku – sabiex jissorvelja mil-lat politiku fil-livell tal-UE u jinkorpora Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni – sabiex jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-Istrateġija, iniedi miżuri għall-bini tal-kapaċità, jipprovdi gwida dwar it-tfassil u l-promozzjoni tal-proġetti u jieħu ħsieb l-attwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni; (b) Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali u Reġjonali – sabiex jippromwovi l-koerenza politika u jinkuraġġixxi l-involviment tal-partijiet interessati u l-promoturi potenzjali tal-proġetti fl-introduzzjoni tal-Istrateġija Atlantika; |
Aspetti ta’ implimentazzjoni
43. |
jenfasizza li ż-Żona Atlantika hija spazju ġeografiku kumpless, b’karatteristiċi, kulturi u perspettivi differenti; iqis li, sabiex l-Istrateġija tkun ta’ suċċess, irid isir iktar sabiex jitwessgħu u jissaħħu l-livell u n-natura tal-kooperazzjoni fiż-Żona Atlantika; jistenna wkoll li l-Istrateġija Atlantika se: (a) tipprovdi punt ta’ referenza komuni sabiex dan jista’ jsir; iżda (b) għandha tinkludi wkoll miżura għall-bini tal-kapaċità sabiex titħaddan etika dwar kooperazzjoni iktar b’saħħitha; |
44. |
jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni Atlantiku, ladarba adottat, se jeħtieġ modulu ta’ informazzjoni u komunikazzjoni: li jkabbar il-viżibbiltà, jippromwovi l-komprensjoni tal-għanijiet, jattira parteċipazzjoni usa’ (b’mod partikolari mis-settur privat) u maż-żmien jilħaq il-kisbiet tal-Istrateġija; |
45. |
jenfasizza l-benefiċċji potenzjali li r-Regolament REKT jista’ jipprovdi bħala għodda għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija; |
46. |
jipproponi li titwaqqaf taskforce għall-interservizzi tal-Istrateġija Atlantika fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata koerenza fl-oqsma tal-politika rilevanti u kompatibbiltà bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Atlantika u l-programmi tal-UE u s-sejħiet għal finanzjament; jissuġġerixxi wkoll li, minħabba n-natura orizzontali tal-Istrateġija, din it-taskforce għandha tkun preseduta mis-Segretarju Ġenerali; |
V. PJAN TA’ AZZJONI ATLANTIKU - Il-PROĊESS
47. |
jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ sens ikbar ta’ urġenza fil-proċess ta’ adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jipproponi laqgħat iktar spissi tal-Forum Atlantiku (Kumitati ta’ Governanza u Tmexxija) sabiex jiġu stabbiliti punti ta’ referenza tal-proċess u tiġi żgurata azzjoni f’waqtha; |
48. |
jistenna bil-ħerqa l-Karta ta’ Konsultazzjoni mistennija li għandha tifforma l-bażi għal proċess usa’ u iktar strutturat ta’ mobilizzazzjoni u konsultazzjoni tal-partijiet interessati fl-2012 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex twessa’ u ssaħħaħ malajr kemm jista’ jkun l-involviment sabiex il-partijiet interessati, inklużi l-livell lokali u reġjonali, iħossu li għandhom biżżejjed sjieda tal-Pjan ta’ Azzjoni u jiżgura li hemm aspetti ġenwini ‘minn isfel għal fuq’ u ċċentrati fuq iċ-ċittadini ta’ dan il-proċess; |
49. |
jinsab imħasseb li s-seminars tematiċi proposti, wieħed f’kull Stat Membru, mhux se jkunu biżżejjed sabiex jinvolvu l-partijiet interessati u jagħtuhom sjieda tal-Istrateġija; jipproponi attivitajiet addizzjonali tal-Istrateġija Atlantika sabiex tintlaħaq viżjoni strateġika, jiġu diskussi l-aspetti governattivi u jitwaqqfu miri u indikaturi ta’ suċċess li jistgħu jiġu vverifikati u tiġi ċċarata l-implikazzjoni tal-iffinanzjar; jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni Ewropea għandha timmobilizza r-rappreżentazzjonijiet nazzjonali tagħha sabiex tippermetti parteċipazzjoni usa’ fil-proċess tal-Pjan ta’ Azzjoni; |
50. |
jenfasizza li ż-żmien propost għall-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għandu jitmexxa ’l quddiem sabiex ikun allinjat ma’ prijoritajiet rilevanti għall-programm ta’ finanzjament 2014-2020; |
51. |
jissuġġerixxi li l-proċess tal-Istrateġija Atlantika l-ewwel irid jaqbel dwar Viżjoni Strateġika għaż-Żona Atlantika , li tipprovdi r-referenza għall-Pjan ta’ Azzjoni Atlantiku 2014-2020; jipproponi wkoll li dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu:
|
52. |
jitlob li l-Istrateġija Atlantika u l-proċess għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għandhom jagħmlu parti mill-valutazzjoni proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-valur miżjud tal-approċċ makroreġjonali fl-2013, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew; |
53. |
jipproponi li l-Pjan ta’ Azzjoni jiġi adottat mill-Forum Atlantiku u jitlob lill-Presidenza Irlandiża li ġejja sabiex tagħti prijorità lill-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew tal-Pjan ta’ Azzjoni waqt il-Presidenza tagħha, b’enfasi fuq il-kunsinna, proċess kredibbli għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni attwali u reviżjoni skedata ta’ nofs it-term. |
Brussell, 9 ta’ Ottubru 2012.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) B’mod partikolari r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR), Ġunju 2011 (COM(2011) 381 final).
(2) Pożizzjoni u proposti tal-Kummissjoni tal-Arka Atlantika dwar il-Komunikazzjoni tal-KE li tistabbilixxi Strateġija għall-Atlantiku, Adottata mill-Bureau tal-Politika, 22 ta’ Marzu 2012
(3) Ara l-Abbozz ta’ Opinjoni dwar Regolament dwar il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) CdR 86/2012.