15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006”

COM(2012) 496 final – 2011/0276 (COD)

2013/C 44/13

Relatur: is-Sur MALLIA

Korelatur: is-Sur GRUBER

Nhar is-27 ta’ Settembru u t-22 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006

COM(2012) 496 final — 2011/0276 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-politika ta’ koeżjoni hija politika fundamentali tal-UE u l-għan prinċipali tagħha huwa l-ksib tal-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE u l-Istati Membri tagħha kollha. Il-KESE jaqbel li l-għanijiet u l-miri tal-politika tal-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) għandhom jiġu allinjati mal-Istrateġija Ewropa 2020. B’riżultat ta’ dan madanakollu m’għandux jiddgħajjef l-għan ewlieni tal-konverġenza tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

1.2

Peress li l-politika ta’ koeżjoni hija s-sors ewlieni għat-tkabbir, u l-istrument li bih jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fil-pajjiżi li l-aktar huma milqutin mill-kriżi attwali, il-livell ta’ finanzjament għandu jinżamm tal-anqas fil-livell attwali u dan għandu jitqassam fost l-Istati Membri b’mod ġust biex jiġi żgurat li l-iffinanzjar tal-Istati Membri inqas żviluppati ma jonqosx.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ QSK li jfittex li jtejjeb il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta’ finanzjament prinċipali tal-UE. QSK effettiv jelimina wkoll is-separazzjoni mhux neċessarja u ineffiċjenti li teżisti attwalment bejn il-fondi prinċipali.

1.4

Il-KESE jinsab inkwetat li d-dewmien fil-ksib ta’ ftehim politiku dwar il-pakkett leġislattiv dwar il-koeżjoni, inkluż il-QSK, ser ikollu impatt negattiv fuq it-tħejjijiet għall-Kuntratti ta’ Sħubija u b’hekk effett negattiv ukoll fuq bidu effiċjenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

1.5

L-azzjonijiet indikattivi ta’ livell għoli ta’ valur miżjud Ewropew, hekk kif inhuma identifikati taħt kull objettiv tematiku, għandhom jagħtu prijorità lill-investimenti li ser itejbu l-konverġenza soċjoekonomika u territorjali fl-UE. Importanti wkoll li l-azzjonijiet indikattivi ma jitqisux bħala lista sħiħa sabiex jippermettu rispons speċifiku għal kull pajjiż.

1.6

Il-QSK poġġa enfasi kbira fuq proġetti ffinanzjati minn għadd ta’ fondi. Dan huwa titjib importanti meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Madanakollu ma teżisti l-ebda referenza għal proġetti bbażati fuq bosta temi li għandhom potenzjal konsiderevoli li jagħtu iktar valur miżjud. Din il-possibbiltà għandha tkun permessa espliċitament permezz tal-QSK.

1.7

L-intensità ikbar fil-koordinazzjoni li jitlob il-QSK għandha twassal għal tnaqqis fil-piż amministrattiv tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni kif ukoll tal-benefiċjarji. Il-koordinazzjoni għandha tiġi msaħħa kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni bil-għan li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti, u biex jitnaqqsu l-irduppjar, il-kumplessitajiet u l-burokrazija. Jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi sħiħa tal-proċeduri amministrattivi l-ġodda qabel l-implimentazzjoni.

1.8

Is-soċjetà ċivili organizzata (1) għandha tiġi involuta b’mod sinifikanti fit-tfassil tal-Kuntratti ta’ Sħubija. Filwaqt li tagħraf li l-Istati Membri individwali u r-reġjuni għandhom il-mekkaniżmi u l-istrutturi tagħhom ta’ kuntatt mas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha tissorvejla dawn il-proċessi. Fejn jinstab li s-soċjetà ċivili ma ġietx involuta b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni m’għandhiex tilqa’ l-Kuntratt ta’ Sħubija sakemm ma jittieħed impenn adegwat.

1.9

Il-kunċett tas-sħubija jeħtieġ madanakollu li ma jkunx ristrett għall-istadju tal-programmazzjoni. Il-prinċipju tas-sħubija għandu japplika wkoll fl-istadji tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

1.10

L-enfasi tal-Kuntratti ta’ Sħubija fuq l-Ewropa 2020 m’għandhiex tkun fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR). Dawn għandhom fil-fatt ikunu bbażati fuq elementi differenti bħall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li huma mfassla skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ Stat Membru bil-kontra tas-CSR li mhumiex neċessarjament magħmula għas-sitwazzjoni speċifika ta’ Stat Membru. Il-Kuntratti ta’ Sħubija għandhom jiffukaw ukoll fuq strateġiji nazzjonali dwar it-tnaqqis tal-faqar, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-istrateġiji nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli.

1.11

Hemm bżonn ta’ iktar flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri u r-reġjuni li jirrispondu bl-iktar mod effettiv u effiċjenti għall-miri komuni li jkunu qed jiġu stabbiliti filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, il-QSK għandu jagħraf b’mod speċifiku l-ispeċifiċitajiet territorjali li għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-fondi tal-QSK.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) huma l-ħames fondi strutturali tal-UE mmexxija mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qed tipproponi li ssir ħidma iktar effettiva fuq l-objettivi ta’ kull fond permezz ta’ koordinazzjoni iktar mill-qrib bejn il-fondi sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju u jiġu massimizzati s-sinerġiji.

2.2

Bil-għan li jiġi faċilitat l-iżvilupp tal-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali, il-Kummissjoni qed tipproponi li jinħoloq QSK li jżid il-koerenza bejn il-ħames fondi f’termini ta’ impenji ta’ politika li jsiru fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-investimenti fil-prattika. Il-QSK jibni fuq il-11-il objettiv tematiku li huma identifikati fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK).

2.3

Il-QSK jfittex li jtejjeb il-koordinazzjoni u jiżgura użu aktar koordinat tal-fondi Ewropej. Huwa ser jelimina wkoll is-separazzjoni mhux neċessarja u ineffiċjenti li teżisti attwalment bejn il-fondi. Dan huwa żvilupp pożittiv li għandu jwassal għal politika ta’ koeżjoni iktar effettiva li tirriżulta f’politika li jkollha iktar impatt. Il-KESE għalhekk jappoġġja bis-sħiħ żvilupp bħal dan.

3.   It-tnedija u l-adozzjoni tal-QSK

3.1

Hemm bżonn gwida ċara dwar il-mod li bih il-fondi tal-QSK jistgħu jimmiraw bl-aktar mod effikaċi għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fil-Kuntratti tas-Sħubija.

3.2

Bħala rispons għat-tħassib li ressqu l-Parlament u l-Kunsill, il-Kummissjoni qed tipproponi li tissepara l-elementi tal-QSK i) f’anness ġdid tar-RDK u ii) f’att iddelegat li jkun jikkonsisti prinċipalment f’“azzjonijiet indikattivi ta’ valur miżjud Ewropew għoli”.

3.3

Il-KESE jappoġġja l-approċċ li għażlet li tieħu l-Kummissjoni Ewropea sakemm hija tiżgura:

addozzjoni iktar mgħaġġla tal-QSK

iktar ċarezza fir-rigward ta’ x’jista’ jiġi finanzjat u x’ma jistax

li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu azzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet territorjali partikolari.

3.4

Il-Kummissjoni madanakollu qed tipproponi wkoll li l-elementi kollha tal-QSK li jinsabu kemm fl-anness kif ukoll fl-att delegat ikunu jistgħu jiġu emendati minn att delegat. Il-KESE jqis li dan mhuwiex aċċettabbli u jmur kontra l-għan li l-elementi prinċipali tal-QSK jiġu inklużi bħala anness prinċipali tar-RDK.

3.5

Ir-rwol tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ x’jikkostitwixxi emenda teknika kontra waħda aktar sostantiva għandu jiġi stabbilit b’mod ċar fir-regolament sabiex jiġu evitati kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jistgħu jinqalgħu.

3.6

Il-KESE jrid jesprimi tħassib dwar id-dewmien esperjenzat fil-ksib ta’ ftehim politiku dwar il-pakkett leġislattiv dwar il-koeżjoni, inkluż il-QSK. Iktar dewmien ser ikollu impatt fuq it-tħejjijiet għall-Kuntratti ta’ Sħubija u b’hekk ikollu effett fuq bidu effiċjenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

3.7

In-natura u l-forma tal-Kuntratt ta’ Sħubija propost għandhom jiġu ċċarati. Filwaqt li r-RDK jipprovdi informazzjoni dwar l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-Kuntratt ta’ Sħubija, il-forma eżatta ta’ dan id-dokument għadha mhix magħrufa.

4.   Rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Ewropa 2020

4.1

Sabiex tistimula tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Unjoni adottat l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-kontribut pożittiv li jistgħu jagħtu l-fondi tal-QSK sabiex jinkisbu l-miri prinċipali tal-Ewropa 2020 huwa ċar u għalhekk huwa loġiku li l-għanijiet u l-miri tal-politika tal-fondi tal-QSK jiġu allinjati mal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 hija bażi essenzjali biex jintlaħaq bilanċ adatt bejn dixxiplina fiskali soda u t-tkabbir u l-iżvilupp għall-Unjoni Ewropea. Il-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 ser ikun l-ikbar sfida għall-Istati Membri l-inqas żviluppati tal-Unjoni Ewropea. B’mod speċjali l-Istati li jimplimentaw dixxiplina fiskali responsabbli ser jeħtieġu appoġġ u evidenza ta’ solidarjetà mill-UE permezz tal-politika ta’ koeżjoni tagħha. L-iffinanzjar tagħha jrid jinżamm mill-inqas fil-livell attwali u l-ebda forom ta’ limiti ma huma ser ikunu aċċettabbli.

4.3

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ u jisħaq fuq il-pożizzjoni tiegħu li l-politiki kollha tal-UE għandhom jiffukaw fuq il-ksib tat-tkabbir tant meħtieġ. Il-KESE huwa tal-opinjoni sħiħa wkoll li l-għanijiet prinċipali tal-integrazzjoni ekonomika, soċjali u territorjali jibqgħu l-ogħla prijorità tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni ma għandu jiġi pperikolat fl-ebda stadju.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma sħiħa li l-azzjonijiet indikattivi ta’ valur miżjud Ewropew, hekk kif inhuma identifikati taħt kull għan tematiku, għandhom jagħtu prijorità lill-inizjattivi li ser itejbu l-iżvilupp soċjoekonomiku u territorjali fl-UE.

5.   L-aproċċ tematiku

5.1

Nilqgħu l-proposti tal-KE għal konċentrazzjoni tematika bħala mod ta’ kif titnaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni b’saħħitha tal-isforzi bejn id-diversi fondi tal-QSK u l-programmi u inizjattivi l-oħra kollha tal-UE.

5.2

Il-QSK għandu jikkjarifika u jikkonferma li fi ħdan kull qasam tematiku huwa f’id l-Istat Membru individwali li jiddeċiedi liema fond għandu jaqdi rwol prinċipali fil-ksib tal-miri prinċipali u l-għanijiet.

5.3

Filwaqt li l-għanijiet ewlenin stabbiliti fil-QSK huma kollha pertinenti, il-flessibbiltà għandha taqdi rwol importanti. Il-Kuntratti ta’ Sħubija għandhom iqisu l-interessi lokali u reġjonali. Għandu jkun possibbli li l-fondi jiġu allokati għall-prijoritajiet reġjonali speċifiċi. Il-KESE huwa tal-opinjoni sħiħa li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jkomplu jaqdu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

5.4

L-għanijiet tematiċi individwali jindikaw liema azzjonijiet ewlenin għandhom jittieħdu taħt il-fondi speċifiċi iżda jeħtieġ li jiġu kjarifikati l-aspetti ta’ komplementarjetà billi mhuwiex ċar liema strumenti proposti taħt id-diversi fondi u azzjonijiet fil-fatt jikkomplementaw lil xulxin. Il-KESE jemmen li l-azzjonijiet proposti taħt kull għan tematiku għandhom jagħtu prijorità lill-investimenti li jaċċelleraw il-koeżjoni soċjoekonomika. Importanti li l-azzjonijiet indikattivi jkunu jistgħu jiżdiedu sabiex jippermettu rispons speċifiku min-naħa ta’ kull pajjiż.

5.5

Il-KESE huwa tal-fehma li filwaqt li kull waħda mill-11-il tema tal-QSK hija valida, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ temi prinċipali u dawn għandhom jiġu indirizzati minn kull Stat Membru. Apparti t-temi prinċipali, kull Stat Membru għandu mbagħad ikollu l-flessibbiltà li jiffoka l-Kuntratt ta’ Sħubija tiegħu fuq temi oħra (mil-lista stabbilita minn qabel) adatti għas-sitwazzjoni individwali tiegħu.

5.6

Temi speċifiċi oħra li għandhom jiġu inklużi flimkien mal-11-il tema attwali huma:

1.

it-titjib tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità u dawk b’mobbiltà mnaqqsa;

2.

il-bini tal-kapaċità tal-partijiet interessati fil-politika ta’ koeżjoni (2);

3.

l-indirizzar tal-isfida demografika.

Dawn l-oqsma tematiċi ġodda għandhom jiġu inklużi fir-RDK.

5.7

Azzjonijiet li jikkonċernaw metodi sostenibbli tat-trasport u sistemi tal-ġestjoni tat-trasport huma attwalment esklużi mill-objettiv tematiku numru 4 (l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju). Fid-dawl tar-rwol tat-trasport fl-emissjonijiet, dan għandu jitranġa.

5.8

Fl-Artikolu 9 tar-RDK ġew stabbiliti objettivi tematiċi filwaqt li prijoritajiet ta’ investiment speċifiċi għal kull fond huma stabbiliti għal kull fond tal-QSK fl-abbozzi ta’ regolament rispettivi tagħhom. L-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment speċifiċi għal kull fond mhumiex konformi sa barra. Huma joħolqu għalhekk element ta’ inċertezza u possibilment anke konfużjoni li jeħtieġ jiġu segwiti. Din hija kwistjoni partikolarment urġenti fid-dawl tal-proċess tal-Kuntratt ta’ Sħubija li diġà beda f’ċerti Stati Membri.

5.9

Filwaqt li l-QSK jagħmel enfasi kbira fuq il-proġetti ffinanzjati minn għadd ta’ fondi, ma hemmx referenza għal proġetti bbażati fuq bosta temi li għandhom potenzjal konsiderevoli li jagħtu iktar valur miżjud. Din il-possibbiltà għandha tiġi permessa permezz tal-QSK.

6.   Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni

6.1

Il-KESE diġà ressaq il-fehmiet dettaljati tiegħu dwar iż-żewġ fondi fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-“Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali” (3) u l-“Fond ta’ Koeżjoni” (4).

6.2

Il-FEŻR mistenni jikkontribwixxi fil-11-il objettiv tematiku kollha.

6.3

L-impatt konkret ta’ din l-enfasi identifikata mhuwiex ċar. Għandu jingħata preferenza qasam wieħed ta’ enfasi fuq ieħor jew huma l-Istati Membri li jiddeċiedu? Il-KESE jippreferi bis-sħiħ dan l-aħħar approċċ billi dan jippermetti li jiġu adottati approċċi speċifiċi għall-pajjiż/reġjun.

6.4

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-FEŻR l-ewwel u qabel kollox għandu jkompli jipprovdi appoġġ essenzjali għall-SMEs. Appoġġ bħal dan għandu jieħu l-forma ta’ provvista ta’ strumenti finanzjarji, it-twaqqif ta’ netwerks tal-SMEs kif ukoll il-provvista ta’ infrastruttura essenzjali (5).

6.5

Il-KESE madanakollu huwa mħasseb dwar il-proposta li l-intrapriżi l-kbar jiġu esklużi kompletament mill-eliġibbiltà għall-FEŻR. L-intrapriżi l-kbar huma sorsi importanti ta’ riċerka u żvilupp u għalhekk it-twettiq tagħhom għandu jkun eliġibbli sabiex ma jkunx hemm ir-riskju li tiggrava sitwazzjoni li hija diġà kritika fejn l-Ewropa qiegħda lura meta kkomparata ma’ nazzjonijiet oħra bħall-Istati Uniti u l-Ġappun.

6.6

Peress li l-livell tar-riżorsi finanzjarji ma jistax jiżdied b’mod sostanzjali, il-KESE jemmen li hemm iktar potenzjal li jiġu definiti għanijiet iżjed ċari u jiġi żgurat li l-prijoritajiet ta’ investiment proposti jintrabtu b’mod iżjed preċiż mal-għanijiet (6).

6.7

Il-Fond ta’ Koeżjoni ġie allokat sabiex jikkontribwixxi f’4 oqsma tematiċi relatati mal-iżvilupp, l-iżvilupp sostenibbli u t-trasport (TEN-T).

6.8

Sabiex jiġu evitati żbalji li saru fil-passat li l-Fond ta’ Koeżjoni jinqasam fuq wisq proġetti, il-KESE jixtieq jisħaq fuq it-talba tiegħu ta’ konċentrazzjoni ikbar fuq proġetti iktar mistennija jkollhom impatt ikbar f’li jnaqqsu d-disparitajiet bejn l-Istati Membri u fil-ksib tal-koeżjoni soċjali, territorjali u ekonomika.

6.9

Huma u jistabbilixxu proġetti kbar bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konsistenza u komplementarjetà ma’ fondi u inizjattivi oħra tal-UE (bħall-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa, il-programm LIFE u d-diversi strateġiji makroreġjonali) sabiex jiġi żgurat il-ksib tal-potenzjal sħiħ tad-diversi fondi u inizjattivi. Dan huwa pereżempju importanti ħafna fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport. Hija importanti l-kompatibbiltà bejn l-istrumenti differenti iktar milli l-kompetizzjoni bejniethom.

7.   Il-Fond Soċjali Ewropew

7.1

Il-FSE ġie allokat sabiex jikkontribwixxi f’erba’ objettivi tematiċi: l-impjieg u l-mobbiltà tax-xogħol; l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja; il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar kif ukoll il-bini tal-kapaċità amministrattiva. Madanakollu huwa mistenni li jikkontribwixxi lejn objettivi tematiċi oħra.

7.2

Dan jikkonforma mal-fehmiet li esprima l-KESE fl-Opinjoni dwar il-“Fond Soċjali Ewropew” (7) fejn qal li l-FSE għandu jkun l-istrument preferit għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 b’mod partikolari fir-rigward tal-impjieg, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. Din il-fehma hija rilevanti b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ żieda fil-qgħad u t-telf tal-impjiegi.

7.3

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tal-inqas 20 % tal-approprjazzjonijiet nazzjonali kollha tal-FSE jiġu allokati għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

8.   Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

8.1

Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-PAK lejn l-2020, il-proposta għal qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 u s-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-KE preżentat proposta għal Regolament ġdid dwar il-FAEŻR (8). Il-FAEŻR il-ġdid jilqa’ l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa bbażat fuq il-proposta tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) u jikkonforma mal-qafas ta’ gvernanza ekonomika tal-UE.

8.2

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pakkett tar-riforma tal-PAK (9), il-KESE laqa’ l-allinjament iktar mill-qrib propost tal-PAK mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġija tas-sostenibbiltà għall-iżvilupp rurali.

8.3

Madanakollu huwa importanti li l-Istati Membri jkunu kapaċi jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b’mod flessibbli sabiex isibu bilanċ bejn li jilqgħu l-miri speċifiċi tal-PAK kif stabbiliti fit-Trattati u t-titjib tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-koerenza bejn iż-żewġ pilastri jeħtieġ li tiġi garantita kull ħin.

8.4

Attwalment mhuwiex ċert il-prijoritajiet tal-FAEŻR kemm ser jaqblu ma’ dawk tal-QSK. Għalhekk il-miżuri li jittieħdu fl-ambitu tal-FAEŻR għandhom jagħtu inċentivi lill-bdiewa, lis-sidien tal-foresti u oħrajn bil-għan li jikkontribwixxu fil-ħolqien/l-iżgurar tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku filwaqt li fl-istess ħin jiksbu azzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima.

8.5

Dan għandu jiġi akkumpanjat minn rabta sħiħa mas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” sabiex jiżdied it-tkabbir ekoloġiku fiż-żoni rurali kollha tal-UE.

8.6

Mill-FAEŻR mistenni li jiġi allokat minimu ta’ 25 % għall-miżuri relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-KESE dan japprezzah. Madanakollu allokazzjoni ta’ 20 % għall-miżuri relatati mal-klima hija għolja wisq u dan jeħtieġ li jiġi elaborat iktar fil-QSK.

9.   Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd

9.1

Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-KE adottat proposta għal Regolament li jistabbilixxi, b’konformità mal-qafas finanzjarju multiannwali u l-Istrateġija UE 2020, fond ġdid li jikkostitwixxi l-qafas finanzjajru għall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Politika Marittima Integrata tal-UE 2014-2020 (10).

9.2

Fil-prinċipju l-azzjonijiet ewlenin proposti jistgħu jiġu appoġġjati. Huwa importanti ħafna li jiġi adottat approċċ integrat mal-oqsma l-oħra kollha ta’ politika.

9.3

Bħal fil-każ tal-FAEŻR, il-QSK għandu jassisti f’li jintlaħqu l-objettivi b’mod flessibbli filwaqt li tinżamm koerenza bejn il-miri speċifiċi tal-PKS u tal-UE 2020.

9.4

Il-QSK jista’ jġib iktar trasparenza f’kunflitti possibbli bejn il-politiki tal-UE, bħal pereżempju d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-dispożizzjonijeet dwar l-iġjene tal-annimali.

10.   Prinċipji orizzontali u għanijiet ta’ politika

10.1

Il-QSK jistabbilixxi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni għall-persuni b’diżabilità u l-iżvilupp sostenibbli bħala prinċipji orizzontali li għandhom jiġu applikati fil-fondi u b’hekk fil-programmi operazzjonali kollha. Il-KESE jappoġġja dawn il-prinċipji u jħeġġeġ l-analiżi effettiva tal-proposti tal-proġetti kollha u l-monitoraġġ effettiv tal-programmi kollha li jiżgura li dawn il-prinċipji qed jingħataw posthom.

10.2

Il-KESE jemmen li prinċipju orizzontali ieħor li għandu jiġi applikat huwa l-prinċipju “Nikkomunikaw l-Ewropa”. Fid-dawl tal-imminar ġenerali u t-telf ta’ fiduċja fil-Proġett Ewropew, kull proġett li jittieħed fid-dawl tal-politika ta’ koeżjoni għandu, permezz tal-valur miżjud tiegħu, juri ċar kif l-UE tista’ tagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

11.   Il-bżonn tal-flessibbiltà, semplifikazzjoni u momentum

11.1

Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għandha tkun fuq quddiem tal-aġenda tal-Kummissjoni u tal-Awtoritajiet tal-Ġestjoni tal-Istati Membri. Filwaqt li nagħrfu li kull euro li jintefaq jeħtieġ li jiġi dokumentat, mhux aċċettabbli li l-proċess ta’ ġestjoni u applikazzjoni għall-fondi tal-UE jibqa’ tant piż li l-benefiċjarji li l-iktar li għandhom bżonnhom (pereżempju l-SMEs, l-NGOs) jispiċċaw jitilfuhom (11). Barra minn hekk għandu jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li jintgħażlu għall-finanzjament biss dawk il-proġetti li għandhom valur miżjud reali.

11.2

Il-QSK għandu jwassal għal tnaqqis reali tal-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi kemm għall-benefiċjarji kif ukoll l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni sabiex ikun ta’ valur miżjud. L-intensità ikbar fil-koordinazzjoni li jitlob il-QSK tista’ madanakollu twassal għal żieda fil-piż amministrattiv tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni kif ukoll il-benefiċjarji u dan jista’ jwassal għal piżijiet u kumplessitajiet addizzjonali għall-benefiċjarji. Jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi sħiħa u formali tal-proċeduri amministrattivi attwali u ġodda qabel l-implimentazzjoni.

11.3

Il-koordinazzjoni għandha tissaħaħ kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni bil-għan li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti, u biex jitnaqqsu l-irduppjar, il-kumplessitajiet u l-burokrazija. Dan jirrikjedi koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn u fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-fondi tal-QSK fl-istadji kollha tan-negozjati u tal-implimentazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat approċċ aktar koerenti u armonizzat. Dan għandu jsir b’tali mod li ma jiżdiedx il-piż amministrattiv.

11.4

Nilqgħu l-użu propost tal-gvernanza elettronika sabiex tinħoloq iktar effiċjenza. Sistema bħal din madanakollu m’għandhiex tkun ristretta biss għall-fondi tal-QSK iżda għandha tinkludi s-sorsi ta’ fondi kollha tal-UE u tkun aċċessibbli għal kulħadd.

11.5

Attwalment huwa previst li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tissottometti proposta għal reviżjoni tal-QSK meta jkun hemm tibdil kbir fl-Istrateġija UE 2020. Fil-fehma tagħna dan huwa wisq restrittiv. Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm il-possibbiltà li l-QSK jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu b’mod partikolari fejn ikun hemm tibdil sinifikanti fl-ambjent soċjoekonomiku li jitlob rispons mifrux fl-UE.

11.6

Għandha teżisti flessibbiltà simili għall-Istati Membri li jadattaw il-programmi nazzjonali tagħhom għal firxa wiesgħa ta’ ċirkustanzi iktar milli għall-objettivi tematiċi tal-politika biss.

11.7

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi reviżjoni perjodika u obbligatorja tal-QSK li tippermetti skambji sinifikanti.

12.   L-aproċċ tal-kuntratt ta’ sħubija

12.1

Il-prinċipju tas-sħubija hekk kif preżentat fl-Artikolu 5 tar-RDK huwa prinċipju essenzjali li ser jgħin sabiex itejjeb l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u hemm bżonn li jiġi appoġġjat bis-sħiħ kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament.

12.2

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fit-tfassil tal-Kuntratti ta’ Sħubija ser tkun kruċjali fl-iżgurar li l-objettivi tematiċi jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti u miri għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

12.3

Il-Kuntratti ta’ Sħubija għandhom jittraduċu l-elementi stabbiliti fil-Qafas Strateġiku Komuni fil-kuntest nazzjonali tagħhom u jistabbilixxu impenji sodi għall-ksib tal-prijoritajiet imniżżla fir-regolamenti dwar il-Fondi tal-QSK. Fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, irid jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq biex il-prinċipju tas-sħubija jiġi applikat fil-prattika u l-fehmiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu kkunsidrati qabel ma jiġu ffirmati l-Kuntratti ta’ Sħubija mill-KE u l-Istati Membri.

12.4

Il-Kummissjoni ħarġet proposta ta’ kodiċi ta’ kondotta fit-tfassil tal-Kuntratt ta’ Sħubija. Dan huwa dokument validu li jipprovdi gwida utli għall-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom mas-soċjetà ċivili. Il-KESE ma jistax jifhem għalfejn il-Kunsill ma laqax dan il-kodiċi ta’ kondotta u jitlob lill-Kunsill li jerġa’ jadottah.

12.5

Filwaqt li hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jadattaw il-proċessi tagħhom għall-involviment tas-soċjetà ċivili, huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tiżgura li l-atturi rilevanti kollha huma involuti b’mod attiv u sinifikanti. Il-KESE madanakollu jemmen li attwalment il-Kummissjoni m’għandhiex l-istrumenti neċessarji ta’ monitoraġġ u l-mekkaniżmi biex dan jinkiseb. F’każ li Stat Membru ma jinvolvix lis-soċjetà ċivili b’mod sinifikanti, dan għandu jwassal għan-nuqqas ta’ konklużjoni tal-Kuntratt ta’ Sħubija. Barra minn hekk il-kunċett tas-sħubija għandu jiġi estiż lil hinn mill-istadju tal-programmazzjoni u japplika wkoll għall-istadji ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni.

12.6

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li s-soċjetà ċivili tiġi provduta bl-informazzjoni kollha dwar l-“approċċ il-ġdid” tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fondi tal-QSK u l-Kuntratti ta’ Sħubija. Jeħtieġ li titwassal spjegazzjoni tal-proċess u ta’ kif is-soċjetà ċivili ser tkun involuta fl-istadji kollha tal-abbozz u l-implimentazzjoni tal-Kuntratt ta’ Sħubija fi proċess ta’ komunikazzjoni ċar u effettiv sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ sħubija.

12.7

L-enfasi tal-Kuntratti ta’ Sħubija fuq l-Ewropa 2020 m’għandiex tkun ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR). Dawn għandhom fil-fatt ikunu bbażati fuq elementi differenti bħall-PNR li huma mfassla skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ Stat Membru bil-kontra tas-CSR li mhumiex neċessarjament magħmula għas-sitwazzjoni speċifika ta’ Stat Membru. Il-Kuntratti ta’ Sħubija għandhom jiffukaw ukoll fuq strateġiji nazzjonali dwar it-tnaqqis tal-faqar, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istrateġiji nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli.

13.   L-aspett territorjali tal-QSK

13.1

Il-QSK għandu jagħraf b’mod speċifiku l-ispeċifiċitajiet territorjali li ħafna minnhom huma relatati mad-daqs u l-profil tal-istrutturi ekonomiċi, soċjali u territorjali u li għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-fondi tal-QSK. Dan huwa aspett importanti tal-QSK billi huwa minn hawn li l-Istati Membri ser ikunu kapaċi jiżguraw li s-Sħubija ser tkun magħmula biex tilħaq ir-rekwiżiti speċifiċi tal-bżonnijiet ta’ żvilupp tagħhom, jiġifieri t-territorji tagħhom.

13.2

Sabiex jiġi żgurat impenn lejn l-Istrateġija Ewropa 2020, hemm bżonn ta’ iktar flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri u r-reġjuni li jirrispondu bl-iktar mod effettiv u effiċjenti għall-miri komuni li qed jiġu stabbiliti u fl-istess ħin jirrispettaw id-diversità u l-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali.

13.3

Il-QSK għandu għalhekk jipprovdi iktar gwida dwar kif l-isfidi territorjali u l-bżonnijiet speċifiċi għandhom jiġu indirizzati fil-kuntratt ta’ sħubija. Dan japplika b’mod partikolari għat-territorji msemmija fl-Artikolu 174 (TFUE).

13.4

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni ikbar tad-differenzi territorjali fil-metodu ta’ distribuzzjoni li jintuża għall-fondi tal-QSK.

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Is-soċjetà ċivili organizzata hija dik il-parti tas-soċjetà ċivili li ssib espressjoni fl-organizzazzjonijiet li huma moduli tas-soċjetà. Fi kliem ieħor, is-soċjetà ċivili tinkludi lill-organizzazzjonijiet ta’ inizjattiva privata u nongovernattivi u l-membri tagħhom li huma involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-affarijiet pubbliċi abbażi tal-interessi tagħhom u permezz tal-għarfien speċifiku, l-ħiliet u l-kamp ta’ applikazzjoni għall-azzjoni. Din id-definizzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet: federazzjonijiet ta’ min iħaddem, trade unions, assoċjazzjonijiet stabbiliti sabiex jippromovu ċertu kwistjonijiet ta’interess ġenerali kif ukoll dawk li huma msejħa organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs).

(2)  Is-suġġerimenti 1 u 2 huma konformi mal-opinjoni tal-KESE “Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali”, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30.

(3)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 44.

(4)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 38.

(5)  Pereżempju t-twaqqif ta’ parks industrijali.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 44.

(7)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 82.

(8)  COM(2011) 627 finali, 19.10.2011.

(9)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116.

(10)  COM(2011) 804 final - 2011/0380 (COD).

(11)  Skont l-UEAPME huma biss bejn 2 % u 3 % tal-SMEs li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE li jammontaw biss minn 1 % sa 2 % tal-fondi disponibbli għall-SMEs.