15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE)”

COM(2012) 35 final — 2012/0022 (APP)

2012/C 351/12

Relatur: is-Sinjura HELLAM

Nhar l-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE)

COM(2012) 35 final – 2012/0022 (APP).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 132 vot favur, vot wieħed kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (KE) għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (SFE) li jagħmel possibbli l-ħolqien tal-Fondazzjoni Ewropea (Fundatio Europaea). Il-KESE kien talab dan l-Istatut (1) bil-għan li jiffaċilita l-attivitajiet u l-kooperazzjoni transkonfinali tal-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE.

1.2

Issa, il-KESE qed jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw il-proposta mingħajr dewmien. Fil-fatt, illum il-ġurnata iżjed minn qatt qabel, il-fondazzjonijiet qed jindirizzaw kwistjonijiet li jolqtu l-fruntieri nazzjonali, u li jitolbu li jkunu organizzati b’mod effiċjenti. Il-fondazzjonijiet fil-livell Ewropew li huma attivi fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u kwistjonijiet relatati mas-soċjetà jeħtieġu forma legali li tkun rikonoxxuta f’kull Stat Membru.

1.3

Is-settur innifsu tal-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet u n-netwerks rappreżentattivi tiegħu fil-livell nazzjonali u dak tal-UE kemm-il darba talbu għal SFE bħala l-iżjed soluzzjoni effettiva biex jiġu indirizzati l-ostakli transkonfinali u b’hekk jiġu stimulati l-attivitajiet tal-fondazzjonijiet fl-Ewropa.

1.4

Il-Fundatio Europaea (FE) ser tkun għażla fakultattiva u mhux ser tissostitwixxi l-leġislazzjonijiet lokali u nazzjonali. Madankollu, ser tagħmilha possibbli li l-fondazzjonijiet li jagħżlu l-istatut jkunu jistgħu jaħdmu f’kull pajjiż tal-UE mingħajr il-bżonn tal-ħolqien ta’ strutturi lokali, bil-kundizzjoni li l-fondazzjoni tkun rikonoxxuta fil-pajjiż ta’ oriġini tat-twaqqif tagħha.

1.5

Il-KESE jaqbel li l-azzjoni proposta tikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm bżonn li l-UE tieħu azzjoni biex jitneħħew l-ostakli nazzjonali u r-restrizzjonijiet attwali li jiffaċċjaw il-fondazzjonijiet meta joperaw f’iżjed minn Stat Membru wieħed. Is-sitwazzjoni attwali turi li l-problema mhijiex koperta b’mod adegwat minn miżuri nazzjonali, u n-natura transnazzjonali tal-kwistjoni titlob qafas Ewropew li jiżgura l-iżvilupp ta’ fondazzjonijiet li l-missjoni tagħhom hija li jaħdmu fuq skala Ewropea. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, azzjoni meħuda minn Stat Membru waħdu ma tiggarantixxix l-aqwa riżultati f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tas-suq uniku.

1.6

Ir-raġuni tal-proposta hija l-ħolqien ta’ qafas leġislattiv innovattiv li jikkomplementa l-liġijiet nazzjonali eżistenti, li jibqgħu l-istess fil-forma u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kapaċità u l-għażla tagħhom li jżommu u jiżviluppaw forom nazzjonali ta’ fondazzjonijiet.

1.7

Il-KESE jaqbel mal-għażla tar-Regolament għall-proposta. Huwa l-iżjed għodda legali adatta biex tiġi żgurata konsistenza fl-Istatut fl-Istati Membri kollha u biex tiżdied il-fiduċja, peress li jeħtieġ applikazzjoni diretta u uniformi tar-regoli. Dan ikompli jissaħħaħ bl-Artikoli 47 u 48 dwar il-“kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji” u dwar il-“kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa” rispettivament.

1.8

Il-KESE jaqbel mal-aspetti fundamentali tal-proposta tal-KE dwar SFE, li għandha l-għan li ssib bilanċ bejn l-aċċess faċli għall-Istatut f’termini ta’ formazzjoni, u fiduċja f’termini ta’ trasparenza u responsabbiltà.

1.9

Il-proposta tinkludi elementi ta’ taxxa li ma joħolqux sistema ġdida, iżda awtomatikament ipoġġu l-FE fuq l-istess livell tal-entitajiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku. Jeħtieġ li din it-taqsima tal-proposta tiġi analizzata bir-reqqa għax ma għandhiex tipperikola l-adozzjoni tant bżonjuża tal-Proposta għal Regolament.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

2.1

Fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx mod possibbli kif jiġu armonizzati l-oqfsa legali li fi ħdanhom jaqdu l-attivitajiet tagħhom l-entitajiet ta’ benefiċċju pubbliku fl-UE. Madwar 50 liġi u fuqhom jirregolaw il-formazzjoni u l-operazzjonijiet tal-fondazzjonijiet fl-UE. Id-differenzi bejn il-liġijiet ċivili u dawk tat-taxxa fl-Istati Membri jagħmlu l-operazzjonijiet transkonfinali ta’ dawk l-entitajiet jiswew ħafna flus u oppressivi. Barra minn hekk, hemm ostakli legali, fiskali u amministrattivi li jxekklu l-ħidma transkonfinali tal-fondazzjonijiet. Minħabba f’hekk, l-allokazzjoni transkonfinali tal-fondi u l-appoġġ għall-finijiet ta’ benefiċċju pubbliku jibqgħu fil-parti l-kbira tagħhom mhux sfruttati biżżejjed.

2.2

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, il-Kummissjoni ressqet Proposta għal Regolament li jistabbilixxi forma legali Ewropea ġdida maħsuba biex tiffaċilita t-twaqqif u l-operazzjoni tal-fondazzjonijiet fis-suq uniku. Din il-forma legali tippermetti lill-fondazzjonijiet jużaw il-fondi privati għal skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku fuq bażi transkonfinali fl-UE b’mod iżjed effiċjenti. Imbagħad, din għandha tirriżulta f’aktar finanzjament disponibbli għal attivitajiet bi skop ta’ benefiċċju pubbliku u għaldaqstant, għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-ġid pubbliku taċ-ċittadini Ewropej u fuq l-ekonomija tal-UE inġenerali.

2.3

Il-proposta tistabbilixxi l-aspetti prinċipali tal-FE, il-metodi tal-formazzjoni u r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-FE. Barra minn hekk, hija prevista l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-FE tiġi trasformata mill-ġdid f’entità ta’ benefiċċju pubbliku jew tinbeda proċedura ta’ stralċ.

2.4

Ir-Regolament jistabbilixxi s-setgħat superviżorji minimi tal-awtoritaiet superviżorji f’kull Stat Membru, sabiex ikunu jistgħu jissorveljaw b’mod effettiv l-attivitajiet tal-FE reġistrati f’dak l-Istat Membru. Jipprovdi wkoll għall-applikazzjoni awtomatika lill-FE u d-donaturi tagħha tal-istess benefiċċji tat-taxxa mogħtija lill-entitajiet domestiċi ta’ benefiċċju pubbliku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE rrikonoxxa l-kontribut importanti tal-fondazzjonijiet f’bosta oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-impjieg u l-progress soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u l-wirt Ewropew, u l-promozzjoni tal-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi. Jaqdu wkoll rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

3.2

Fi ħdan l-UE, ġeneralment, il-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu minn fruntiera għal oħra, xi ħaġa li, normalment, ma tgħoddx għall-azzjonijiet u r-riżorsi ddedikati għal finijiet ta’ benefiċċju pubbliku. Dan huwa l-iskop tal-ħolqien ta’ FE ġdida, entità legali fakultattiva ġdida li topera flimkien ma’ dawk il-forom legali li diġà jeżistu fil-pajjiżi tal-UE.

3.3

Il-KESE huwa tal-fehma li, permezz tal-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea, il-fondazzjonijiet jibbenefikaw minn kundizzjonijiet iżjed uniformi fl-UE billi jużaw strument legali wieħed u struttura ta’ governanza li jkunu paragunabbli fl-Istati Membri kollha, u li jagħtu ċertezza legali ikbar u jinvolvu inqas spejjeż relatati mal-konformità.

3.4

L-Istatut ser jiffaċilita t-tlaqqigħ flimkien u ż-żieda tal-għarfien speċjalizzat u r-riżorsi tagħhom. Il-preżenza ta’ forma Ewropea rikonoxxuta għall-fondazzjonijiet tistimula wkoll l-inizjattivi u d-donazzjonijiet transkonfinali. Huwa probabbli li l-ekonomiji tal-Istati Membri ikollhom iżjed fondi disponibbli għalihom għal oqsma importanti bħar-riċerka u l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, il-kultura u l-protezzjoni tal-ambjent.

3.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tal-KE tiffoka biss fuq fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku. Josserva li d-definizzjoni ta’ skop ta’ benefiċċju pubbliku stipulata fl-Artikolu 5 hija bbażata fuq lista magħluqa tal-iżjed skopijiet komuni li jistgħu jinsabu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan jipprevedi ċertezza legali msaħħa dwar x’inhu ta’ benefiċċju pubbliku, iżda jista’ jkun oppressiv wisq biex jiġi aġġornat, għax dan jista’ jsir biss permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill u l-kunsens tal-Parlament Ewropew matul l-ewwel reviżjoni tar-Regolament seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

3.6

Il-KESE josserva li l-kunċett li “sservi l-interess pubbliku b’mod ġenerali” jista’ jiġi rfinat fir-Regolament u jispeċifika li l-FE jrid ikollha skop jew skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku identifikabbli u sservi l-interess pubbliku b’mod ġenerali u/jew taqsima tal-popolazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati meta jiġi determinat jekk korp jipprovdix jew huwiex maħsub biex jipprovdi benefiċċju pubbliku:

(a)

kif kwalunkwe

(i)

benefiċċju miksub jew probabbli li jinkiseb minn kwalunkwe persuna involuta fil-korp jew kwalunkwe persuna oħra (ħlief il-membri tal-pubbliku), u

(ii)

nonbenefiċċju mġarrab jew li huwa probabbli li jiġġarab mill-pubbliku, minħabba l-korp li jkun qed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu

jipparaguna mal-benefiċċju miksub jew li huwa probabbli li jinkiseb mill-pubbliku f’dak il-każ, u

(b)

fejn il-benefiċċju jiġi pprovdut jew huwa probabbli li jiġi pprovdut lil taqsima waħda biss tal-pubbliku, jekk kwalunkwe kundizzjoni għall-ksib ta’ dak il-benefiċċju (inkluża kwalunkwe spiża jew miżata) hijiex ristrettiva żżejjed.

3.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon aspetti fundamentali oħra tal-SFE kif stabbiliti fil-Proposta għal Regolament, li kien irrakkomanda f’Opinjoni preċedenti, fosthom:

a)

id-dimensjoni Ewropea tal-FE f’tal-anqas żewġ Stati Membri. Dan il-komponent transkonfinali għandu jintalab fil-mument tar-reġistrazzjoni u matul it-tul ta’ ħajja tal-FE;

b)

il-metodu tal-formazzjoni tal-FE, jew permezz tal-ex-nihilo, billi fondazzjoni nazzjonali tiġi trasformata f’Fondazzjoni Ewropea jew billi ssir fużjoni ta’ fondazzjonijiet nazzjonali. L-għażla li ssir FE tista’ ssir biss minn persuni legali u fiżiċi li ġenwinament għandhom jew qed jiżviluppaw attivitajiet fuq skala Ewropea; dan jipprovdi lil kull Stat Membru biċ-ċertezza li l-qafas nazzjonali għall-fondazzjonijiet iżomm l-ispeċifiċitajiet tiegħu;

c)

l-ammont minimu tal-assi tal-FE (EUR 25 000) bil-għan li tiżdied il-protezzjoni tal-kredituri u fl-istess ħin l-inizjattivi iżgħar ma jitwaqqfux milli jibdew;

d)

kapaċità legali wiesgħa, inkluż id-dritt għall-proprjetà mobbli u immobbli, id-dritt li jintlaqgħu u jinżammu rigali jew sussidji ta’ kwalunkwe tip, inklużi l-ishma u strumenti negozjabbli oħra, minn kwakunkwe sors legali, u

e)

fl-ambitu tal-għan ta’ benefiċċju pubbliku tal-FE, il-kapaċità li l-FE twettaq attivitajiet ekonomiċi b’mod dirett jew permezz ta’ entità legali oħra, bil-kundizzjoni li kwalunkwe dħul jew surplus jintuża b’konformità mal-iskopijiet ta’ benefiċċju pubbliku.

3.8

Il-KESE josserva li r-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ sentenzi li ħarġet dan l-aħħar il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (2), billi jipprovdi l-possibbiltà li jsiru donazzjonijiet transnazzjonali lill-FE u jittratta l-FE bħala fondazzjoni ta’ benefiċċju pubbliku fit-tifsira tal-liġi fiskali lokali. Il-KESE huwa tal-fehma li għal skopijiet ta’ taxxa, il-FE għandha tingħata status standard ta’ entità mingħajr skop ta’ qligħ, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kompetenza u l-prattika tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru fejn il-FE hija obbligata tħallas it-taxxi, biex b’hekk jiġi ddeterminat it-trattament tat-taxxa tagħha b’konformità mar-regolamenti tat-taxxa fis-seħħ fil-livell nazzjonali. Għalkemm l-Istati Membri ma jistgħux jiddiskriminaw kontra l-FE fil-konfront tal-fondazzjonijiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku, li jmur kontra t-Trattat tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, jistgħu jagħżlu liema sistema tat-taxxa tapplika. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw ukoll liema sistema tat-taxxa tapplika għall-FE, meta jkun hemm għadd ta’ sistemi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

3.9

Fl-aħħar nett, il-Proposta għal Regolament għandha tikkunsidra bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tas-settur tal-fondazzjonijiet biex jiżgura li l-istrument finali, minn naħa, ikollu dimensjoni Ewropea ġenwina mingħajr referenzi żejda għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ikun kemm komprensiv kif ukoll dirett, li jagħmilha possibbli li fil-ġejjieni jsir l-aqwa użu possibbli minnu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Kif diskuss fl-Opinjoni msemmija tal-KESE, insibu erba’ vantaġġi u benefiċċji essenzjali tal-FSE: l-effiċjenza u s-semplifikazzjoni, ir-responsabbiltà, il-benefiċċji ekonomiċi u l-benefiċċji politiki u taċ-ċittadini. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Proposta għal Regolament tirrappreżenta bilanċ tajjeb bejn dawn l-elementi, mentri ċerti proposti jistgħu jiġu rfinati kif spjegat hawn taħt.

4.2

Il-KESE jixtieq jiġbed l-atenzjoni għat-traduzzjoni ta’ termini speċifiċi fil-proposta, jiġifieri l-kunċett ta’ benefiċċju pubbliku, li b’ċerti lingwi jista’ jiġi tradott bħala utilità pubblika jew interess ġenerali u jirreferi għal tip speċifiku ħafna ta’ forma legali nazzjonali eżistenti b’sensiela interkonnessa ta’ drittijiet u rekwiżiti. B’mod partikolari, dan jista’ jwassal għal ċerta konfużjoni dwar liema entitajiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku jkunu eliġibbli biex jittrasformaw ruħhom f’FE, sakemm dan ma jkunx speċifikat b’mod ċar mill-Istati Membri.

4.3

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa f’idejn l-Istati Membri li jispeċifikaw liema entitajiet u fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku jistgħu jittrasformaw ruħhom f’FE jew jagħmlu fużjoni biex jiffurmaw FE. Fil-prinċipju, dan jeskludi l-entitajiet mhux inkorporati, bħat-trusts, iżda jkopri l-fondazzjonijiet b’għanijiet ta’ benefiċċju pubbliku, li f’ċerti Stati Membri jħaddnu fundi mhux awtonomi, u fondi ta’ benefiċċju pubbliku.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma li, fid-dawl tan-natura ta’ benefiċċju pubbliku tagħhom u l-istatus ta’ taxxa tagħhom, l-FE mwaqqfa b’mod perpetwu għandhom jonfqu d-dħul annwali tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli (eż. f’perjodu ta’ 4 snin), filwaqt li jkollhom il-possibbiltà jallokaw parti mir-riżorsi tagħhom (eż. terz) biex iżommu l-valur tad-dotazzjoni tagħhom u/jew iżiduha. Iż-żieda fid-dotazzjoni ma tapplikax għall-FE li jnħolqu għal perjodu limitat jew għal tip ta’ fondazzjoni hekk imsejħa “spend-down foundation”.

4.5

Il-KESE jixtieq josserva li r-rekwiżiti tal-proposta tal-KE mil-lat tat-trasparenza, b’mod partikolari fejn tidħol il-kwistjoni tal-awditjar estern, huma iżjed esiġenti għall-FE rigward id-daqs tal-assi meħtieġa tagħhom milli r-rekwiżiti eżistenti għall-fondazzjonijiet nazzjonali fl-UE. Dan jista’ jiskoraġġixxi l-użu tal-FE fil-ġejjieni. Ir-rekwiżiti tal-awditjar għandhom ikunu effettivi biss lil hinn minn ċertu limitu/ċerti limiti (eż. EUR 150 000) u/jew numru medju ta’ mill-inqas 50 impjegat. Għall-FE b’assi inqas mil-limitu propost ta’ EUR 150 000, jista’ jintuża eżaminatur indipendenti minflok awditur. Fil-fatt, il-prattiki attwali juru li 8 Stati Membri ma jeħtiġux awditjar estern; fil-każijiet fejn dan huwa meħtieġ, il-limiti jistgħu jvarjaw bejn ’il fuq minn EUR 15 000 (l-Estonja) sa ’l fuq minn EUR 2,5 miljun (il-Polonja) b’iżjed minn 50 impjegat (3). Dan l-approċċ proporzjonat rigward l-awditjar ma jneħħix l-obbligu tal-FE li tissodisfa dispożizzjonijiet oħra relatati mat-trasparenza u r-responsabbiltà stipulati fir-Regolament, l-iżjed dawk dwar rappurtar pubbliku (annwali) regolari.

4.6

Filwaqt li l-FE għandha tkun tista’ twettaq attivitajiet ekonomiċi “relatati”, jiġifieri relatati mal-missjoni ta’ benefiċċju pubbliku li taqdi, jista’ jkun iżjed diffiċli li jiġi definit il-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi mhux relatati. Jista’ jkun iżjed ċar jekk l-FE jitħallew iwettqu biss attivitajiet ekonomiċi mhux relatati b’mod indirett permezz ta’ entità legali oħra.

4.7

Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-impjegati tal-FE li jiġu informati u kkonsultati fil-livell transnazzjonali adatt f’sitwazzjonijiet fejn l-FE jkollha għadd sinifikanti ta’ impjegati fi Stati Membri differenti, kif ġej:

a)

rigward id-dimensjoni soċjali, b’mod ġenerali, ir-Regolament jirreferi għall-prinċipji tal-liġi tal-post fejn l-impjegati jwettqu ħidmithom,

b)

rigward l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-impjegati, dawn għandhom jiġu ddeterminati l-iżjed permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet fl-FE,

c)

fin-nuqqas ta’ din ix-xorta ta’ ftehim, għandhom jiġu applikati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament għall-finijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, u

d)

l-għan aħħari għandu jkun li jinżammu d-drittijiet miksuba, li attwalment jibbenefikaw minnhom l-impjegati li jaħdmu f’fondazzjonijiet fil-livell nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata sistema oppressiva żżejjed.

4.8

Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament kif inhu attwalment de facto joħloq xi dispożizzjonijiet kompletament ġodda għall-voluntiera, allavolja ma hemmx status Ewropew/definizzjoni legali tal-voluntiera, jew id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dawn it-tipi ta’ elementi fundamentali, il-KESE huwa tal-fehma li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-voluntiera fi ħdan l-FE għandhom isiru b’konformità ma’ liġijiet nazzjonali applikabbli. Rigward l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-voluntiera dawn għandhom jiġu ddeterminati l-iżjed permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet fl-FE. L-idea hawnhekk hi ma jiġux evitati la l-liġijiet eżistenti dwar il-voluntiera u lanqas l-istatus tagħhom, kif ukoll li l-użu tal-FE ma jkunx ikkumplikat u oppressiv wisq minħabba li jiżdiedu rekwiżiti li ma jinstabux f’ċirkustanzi reali. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li d-drittijiet tal-voluntiera għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk tal-impjegati; dan joħloq drittijiet mingħajr preċedent u kumplikazzjonijiet legali.

4.9

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta għal Regolament issegwi r-rakkomandazzjonijiet inizjali tiegħu li s-superviżjoni tal-FE tkun delegata lil awtoritajiet kompetenti magħżula apposta fl-Istati Membri fuq il-bażi tal-istandards tal-SFE – li dwarhom ikun intlaħaq ftehim komuni – dwar ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, ir-rappurtar u s-superviżjoni stipulati fir-Regolament dwar l-SFE. Fejn dawn it-tipi ta’ awtoritajiet ma jeżistux, il-KESE huwa tal-fehma li jistgħu jaqdu dan ir-rwol l-awtoritajiet inkarigati mir-reġistrar tal-kumpaniji. Fil-fehma tal-KESE, l-għażla ta’ awtorità waħda jew iżjed abbażi tal-ħtiġijiet u l-prattiki għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

4.10

Jekk il-leġislaturi tal-UE jixtiequ jżommu elementi ta’ taxxa fir-Regolament finali, il-KESE jagħtihom parir iqisu l-approċċ li jirrakkomandaw il-professjonisti fi ħdan is-settur tal-fondazzjonijiet. Dan jista’ jinvolvi, pereżempju, taħlita tal-istrument tal-liġi ċivili (ir-Regolament tal-KE) u r-rekwiżiti tal-liġi tat-taxxa li l-Istati Membri jikkunsidraw bħala essenzjali (eż. il-ħlas tad-dħul annwali fi żmien raġonevoli).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 18, 19.1.2011, p. 30.

(2)  “Persche” (Kawża C-318/07), “Stauffer” (Kawza C-386/04), “Missionswerk” (Kawża C-25/10).

(3)  Ara l-Profili Legali u Fiskali tal-Pajjiżi fejn joperaw il-Fondazzjonijiet, Ċentru Ewropew tal-Fondazzjonijiet, 2011.