29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità”

COM(2011) 743 final

2012/C 191/23

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sinjura KING

Nhar it-18 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità

COM(2011) 743 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'125 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM), li jorbot mill-qrib il-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil mal-politika esterna tal-UE.

1.2   Il-KESE jixtieq li l-politika esterna tal-UE tieħu l-impenn sħiħ li tħeġġeġ governanza dinjija tal-migrazzjoni internazzjonali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) abbażi, fost strumenti legali internazzjonali applikabbli oħra, tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (il-Kumitat ippropona (1) li l-UE tirratifika din il-Konvenzjoni), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-konvenzjonijiet tal-ILO.

1.3   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni tad-dibattiti fl-UE b'rabta mal-Konvenzjoni tan-NU. Il-Kummissjoni għandha tipprepara l-kundizzjonijiet tar-ratifika tagħha, u l-KESE jista' jikkollabora billi jħejji opinjoni ġdida fuq inizjattiva proprja.

1.4   Il-Kumitat jipproponi li l-UE taqdi rwol attiv ħafna fl-iżvilupp tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp.

1.5   L-għan prinċipali tad-djalogi dwar il-migrazzjoni u l-mobilità tal-UE ma’ pajjiżi terzi għandu jkun li tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali u ordnata, li tiġi żgurata l-liġi internazzjonali dwar l-asil, li titnaqqas l-immigrazzjoni irregolari u li jiġu miġġielda n-netwerks kriminali tat-traffikar tal-bnedmin.

1.6   Is-sħubijiet għall-mobilità, li huma dikjarazzjonijiet politiċi konġunti, għandhom isiru ftehimiet internazzjonali. Il-KESE jemmen li l-UE tista' tipprovdi valur miżjud kbir fin-negozjati ma’ pajjiżi terzi.

1.7   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lid-djalogu mal-istituzzjonijiet reġjonali, filwaqt li l-kontenut tal-ftehimiet attwali jiġi estiż għall-mobilità u l-migrazzjoni.

1.8   Il-Kumitat jemmen li s-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu l-erba' pilastri tal-Approċċ Globali: l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità; il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin; il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil; u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

1.9   L-akbar sfida tinsab fil-ftehimiet dwar il-migrazzjoni għax-xogħol, li fihom għandhom jipparteċipaw l-imsieħba soċjali, kemm Ewropej kif ukoll tal-pajjiżi terzi. Il-Kumitat jappoġġja l-prinċipji u l-linji gwida mhux vinkolanti tal-ILO rigward l-approċċ għall-migrazzjoni tax-xogħol (2), u jipproponi li dawn jiġu kkunsidrati fis-sħubijiet għall-mobilità.

1.10   Il-Kumitat jipproponi li s-sħubijiet għall-mobilità jinkludu l-perspettiva tas-sess, għaliex kultant is-sitwazzjoni tan-nisa migranti tkun aktar vulnerabbli, u ħafna drabi n-nisa jġarrbu abbużi u sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u sfruttament estrem. Huwa importanti wkoll ir-rwol tan-nisa migranti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini (3).

1.11   Sabiex jiġi evitat li l-migrazzjoni jkollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-effetti negattivi tal-eżodu ta’ mħuħ u tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kumpens.

1.12   L-UE għandha tappoġġja lill-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora, u l-KESE jipproponi li jinħoloq servizz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora.

1.13   Il-kontroll tal-fruntieri u l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari għandhom jirrispettaw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Frontex għandu jkollha aktar riżorsi, u l-attivitajiet tagħha għandhom jiġu evalwati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u għandhom jiġu kkontrollati b'mod demokratiku mill-Parlament Ewropew.

1.14   L-UE għandha jkollha politika miftuħa rigward l-ammissjoni tal-immigranti, b'approċċ fuq perjodu medju ta’ żmien li jmur lil hinn mill-kriżi ekonomika attwali u li jikkunsidra s-sitwazzjoni demografika. Il-proċeduri tal-immigrazzjoni għax-xogħol għandhom ikunu legali u trasparenti, u għandha tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-UE u fil-pajjiżi ta’ oriġini.

1.15   Il-KESE jqis li l-leġislazzjonijiet Ewropej u nazzjonali dwar l-immigrazzjoni għandhom jiggarantixxu l-prinċipju tat-trattament ugwali rigward id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali. Is-sistemi tal-immigrazzjoni ċirkolari ma jistgħux jintużaw b'mod diskriminatorju sabiex jillimitaw it-trattament ugwali.

1.16   Fis-sħubijiet għall-mobilità ser jitfakkar li l-proċeduri ta’ ritorn jagħtu prijorità lir-ritorn volontarju flimkien ma’ sistemi ta’ appoġġ (4). Meta b'mod eċċezzjonali jintużaw il-proċeduri ta’ ritorn sfurzat, għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (5).

1.17   Il-KESE jixtieq li l-UE jkollha sistema komuni tal-asil li tinkludi livell għoli ta’ armonizzazzjoni leġislattiva. Hu jappoġġja wkoll li l-UE tikkollabora ma’ pajjiżi terzi sabiex jitjiebu s-sistemi tal-asil tagħhom u l-konformità mal-istandards internazzjonali. Il-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jinkludu proċeduri li jiggarantixxu d-dritt effettiv għall-protezzjoni internazzjonali tal-persuni li jitolbu dan.

1.18   Il-pajjiżi terzi li magħhom jiġu ffirmati s-sħubijiet għall-mobilità jridu jkunu firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati, irid ikollhom strutturi adegwati tal-asil u jridu jkunu pajjiżi sikuri f'termini ta’ drittijiet tal-bniedem. Dan ifisser li jridu jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti (6).

1.19   L-UE għandha ssaħħaħ il-politiki ta’ integrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-immigranti u l-minoranzi. Il-Kumitat jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu attivi ħafna fil-ġlieda kontra l-ksenofobija, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu promossi mill-mexxejja jew il-leġislaturi tal-Istati Membri (7).

1.20   Il-KESE, bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ser ikompli jħeġġeġ l-attivitajiet tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, għaliex jemmen li matul is-snin li ġejjin l-integrazzjoni ser tkun sfida strateġika fl-interess tal-Ewropa, tal-persuni li jkunu ġejjin mill-immigrazzjoni u ċ-ċittadini kollha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Komunikazzjoni tirrappreżenta inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni Ewropea maħsuba biex il-politika dwar il-migrazzjoni jkollha approċċ aktar globali u aktar koerenti ma’ politiki oħra tal-UE, speċjalment mal-politika esterna.

2.2   Il-KESE jemmen li dan l-approċċ, li jqis il-proposti li l-Kumitat ressaq matul l-aħħar snin, huwa wieħed pożittiv. Diversi opinjonijiet huma marbutin direttament ma’ din il-Komunikazzjoni (8).

2.3   Il-Kumitat ippropona li l-UE għandha jkollha politika komuni dwar l-asil b'leġislazzjoni armonizzata, u politika komuni dwar l-immigrazzjoni b'leġislazzjoni li tippermetti l-immigrazzjoni legali permezz ta’ proċeduri komuni u trasparenti u li tikkunsidra l-interess tal-Ewropa u tal-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

2.4   Mill-2006 'l hawn qed jiġi żviluppat approċċ internazzjonali ġdid rigward kif tiġi indirizzata l-migrazzjoni, speċjalment bis-saħħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (9). Il-KESE pparteċipa fil-konferenzi intergovernattivi tal-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, li fihom jieħdu sehem ukoll organizzazzjonijiet differenti tas-soċjetà ċivili (10). Il-Kumitat jipproponi li l-UE taqdi rwol attiv ħafna fl-iżvilupp tad-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU.

2.5   Huwa sorprendenti li l-Istati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni tagħha 45/158 tat-18 ta’ Diċembru 1990, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2003. Il-KESE diġà ppropona f'opinjoni (11) fuq inizjattiva proprja li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jirratifikaw din il-Konvenzjoni. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni tad-dibattiti u l-pożizzjoni tal-Istati Membri sabiex tipprepara l-kundizzjonijiet tar-ratifika tagħha.

2.6   Il-KESE jipproponi li, fil-qasam tal-politika esterna, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-UE jippromovu qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni abbażi tal-leġislazzjoni applikabbli, speċjalment id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi wkoll:

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti (C 97 u C 143);

il-Konvezjoni C 100 dwar l-ugwaljanza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa;

il-Konvezjoni C 189 dwar il-ħaddiema domestiċi;

id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

il-Qafas Multilaterali tal-ILO dwar il-migrazzjoni għax-xogħol;

id-Dikjarazzjoni ta’ Durban u l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Dinjija tan-NU kontra r-Razziżmu li saret fl-2001.

2.7   Il-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil kienet qed tiżviluppa matul l-aħħar snin, però l-istrumenti leġislattivi u politiċi għadhom insuffiċjenti. L-Istati Membri għandhom il-politiki individwali tagħhom, li kultant jikkontradixxu l-approċċi u l-ftehimiet Komunitarji. Il-KESE jappella biex l-Istati Membri kollha jintrabtu bil-politika komuni hekk kif inhi definita fit-Trattat u fil-Programm ta’ Stokkolma.

2.8   Hemm bżonn ta’ approċċ fuq perjodu medju ta’ żmien għaliex, minkejja l-kriżi ekonomika attwali u ż-żieda fil-qgħad, l-UE teħtieġ politika aktar miftuħa rigward l-ammissjoni ta’ ħaddiema immigranti ġodda, hekk kif il-KESE nnota fl-opinjoni esploratorja tiegħu (12)“Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika”, li ntalbet mill-Presidenza Belġjana tal-UE. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tqis ukoll li ser ikun hemm bżonn li jiġu inklużi immigranti ġodda minħabba s-sitwazzjoni demografika u s-swieq tax-xogħol.

2.9   Il-KESE jaħseb li l-UE ma tistax tiffaċċja din il-fażi l-ġdida bil-politiki restrittivi u inkoerenti dwar il-migrazzjoni bħal dawk li l-Istati Membri żviluppaw fil-passat. Il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tegħleb ir-restrizzjonijiet qodma u tiġi adattata għall-ħtiġijiet attwali.

2.10   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tipproponi Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) li jkun adegwat għal politika aktar miftuħa u koerenti, liema politika trid tiġi żviluppata bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin l-immigranti kif ukoll mal-pajjiżi ta’ tranżitu.

2.11   L-element ċentrali u l-valur miżjud ta’ din il-Komunikazzjoni huma s-sħubijiet għall-mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi f'ċerti reġjuni, bħan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Lvant tal-Ewropa, il-pajjiżi tal-AKP, l-Amerika Latina, eċċ., li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet ta’ viċinat u ta’ sħubija.

2.12   F'opinjoni (13) oħra, il-Kumitat diġà ressaq xi proposti li għandhom jiġu kkunsidrati fis-sħubijiet għall-mobilità b'rabta ma’ kwistjonijiet bħall-flessibbiltà tal-viżi, leġislazzjoni aktar miftuħa għall-ammissjoni, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali.

2.13   Il-KESE jappoġġja l-Approċċ Globali għaliex jemmen li hemm bżonn tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità. Barra minn hekk, fost il-prijoritajiet operattivi tal-Approċċ Globali hemm il-koerenza tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni u tal-politiki dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

2.14   Il-migrazzjoni u l-mobilità huma kunċetti differenti. Fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, il-mobilità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux dejjem tfisser immigrazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaqsmu dawn il-fruntieri jagħmlu dan bħala viżitaturi, turisti u għan-negozju, jiġifieri għal perjodi qosra ta’ żmien li ma jinvolvu l-ebda pjan ta’ migrazzjoni. L-immigrazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi timplika l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

2.15   Il-Kumitat jaqbel li jiżdiedu d-djalogi dwar il-viżi fil-qafas tal-GAMM. Id-djalogu dwar il-viżi li l-UE twettaq mal-pajjiżi terzi kif ukoll il-politika komuni dwar il-viżi tal-UE jikkonċernaw sew is-soġġorni qosra u sew il-migrazzjoni.

2.16   S'issa kien aktar faċli li jintlaħaq ftehim dwar il-viżi għas-soġġorni qosra, filwaqt li hu diffiċli jintlaħaq ftehim dwar il-viżi għall-migrazzjoni (residenza u xogħol), li r-responsabbiltà għalihom għadha f'idejn l-Istati Membri. Dan l-aħħar intlaħaq ftehim fil-Kunsill u fil-Parlament rigward id-Direttiva dwar il-“Permess Uniku” li ser twassal għal ċerta armonizzazzjoni leġislattiva tal-proċeduri tal-ammissjoni. Qed titħejja leġislazzjoni wkoll dwar kategoriji speċifiċi ta’ migranti (staġjonali, sekondati).

2.17   Jekk is-sitwazzjoni tibqa' bħal qabel, ser ikun diffiċli li jsir progress fl-Approċċ Globali. Ir-riskju hu li s-sħubijiet għall-mobilità jservu biss biex itejbu l-ġestjoni tas-soġġorni qosra, filwaqt li ftit li xejn ikollhom impatt fuq it-titjib tal-proċeduri tal-migrazzjoni għax-xogħol.

2.18   Il-ftehimiet bilaterali li jeżistu diġà ma’ pajjiżi terzi b'rabta mal-migrazzjoni (li jinkludu l-ammissjoni tal-ħaddiema, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, ir-riammissjoni, eċċ.) huma ftehimiet iffirmati bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ta’ oriġini. L-UE nediet ukoll xi proġetti pilota. Il-KESE jittama li l-iżvilupp tal-Approċċ Globali jwassal għall-progress lejn oqfsa bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi.

2.19   Il-KESE jikkunsidra li d-dimensjoni reġjonali hija fundamentali, u għalhekk jipproponi li fil-GAMM jipparteċipaw ukoll l-istituzzjonijiet reġjonali eżistenti, speċjalment dawk li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u kooperazzjoni. Xi istituzzjonijiet reġjonali tal-Amerika t'Isfel, tal-Asja u tal-Afrika qed jiżviluppaw internament ftehimiet dwar il-libertà ta’ moviment, l-immigrazzjoni u l-mobilità li jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-migrazzjoni ordnata fl-Ewropa.

2.20   Il-Kumitat jappoġġja l-prijoritajiet ġeografiċi tal-Kummissjoni, u jaqbel li d-djalogi reġjonali jkunu bbażati fuq il-politika tal-viċinat tal-UE, b'mod partikolari s-Sħubija tan-Nofsinhar tal-Mediterran u s-Sħubija tal-Lvant. Għandha tingħata prijorità wkoll lis-Sħubija UE-Afrika u dik mad-19-il pajjiż tal-Proċess ta’ Praga. Hija ta’ prijorità wkoll ir-relazzjoni mas-27 pajjiż tal-Proċess ta’ Rabat kif ukoll mal-Qarn tal-Afrika (Horn of Africa).

2.21   Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi tal-AKP dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, u li jinfetħu djalogi wkoll mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u tan-Nofsinhar.

Għandhom jissaħħu wkoll id-djalogi bilaterali mal-pajjiżi kandidati tat-Turkija u l-Balkani kif ukoll dawk mar-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.

Id-djalogu mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja huwa wieħed speċjali.

2.22   L-erba' pilastri li fuqhom huwa bbażat l-Approċċ Globali fil-proposta tal-Kummissjoni huma:

l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità;

il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin;

il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil;

il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

2.23   Il-KESE jaqbel li dawn huma l-pilastri li fuqhom għandu jiġi żviluppat Approċċ Globali li jkun koerenti ma’ politiki oħrajn: il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-politika dwar l-asil, il-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin, eċċ.

3.   L-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità

3.1   L-għan prinċipali tas-sħubijiet għall-mobilità mal-pajjiżi terzi għandu jkun li jagħmluha aktar faċli biex il-migrazzjoni ssir b'mod legali u ordnat. L-immigrazzjoni li toffri l-UE għandha tkun kredibbli u l-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, bil-għan li fil-pajjiżi ta’ oriġini tikber il-fehma li l-migrazzjoni legali hija possibbli u li għandhom jiġu rifjutati l-proċeduri irregolari.

3.2   Bħalissa d-djalogi ma’ pajjiżi terzi għandhom bosta limitazzjonijiet, peress li r-responsabbiltà għall-ammissjoni ta’ immigranti ġodda hija f'idejn l-Istati Membri. Il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri u l-Kunsill jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea kapaċità akbar f'din il-kwistjoni, billi l-UE tipprovdi valur miżjud kbir.

3.3   Bħalissa l-ammissjoni ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi hija ristretta ħafna mil-leġislazzjonijiet nazzjonali. Fit-tfassil tal-leġislazzjoni Ewropea qed ikun hemm ħafna diffikultajiet politiċi, id-direttivi adottati jridu jiġu trasposti fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li oħrajn għadhom qed jiġu nnegozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament.

3.4   F'opinjoni oħra (14), il-KESE kkonkluda li, fid-dawl ta’ xi differenzi nazzjonali, l-UE għandu jkollha leġislazzjoni miftuħa li tippermetti l-immigrazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol b'mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja kif ukoll għall-attivitajiet li jirrikjedu inqas kwalifiki. Ħafna immigranti ser ikollhom permessi għal perjodu twil ta’ żmien u oħrajn ser ikunu temporanji. Is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jikkunsidraw din is-sitwazzjoni.

3.5   Għandhom jiġu introdotti sistemi li jappoġġjaw lill-immigranti minn meta joħorġu mill-pajjiż ta’ oriġini sakemm jiġu integrati fil-pajjiż ospitanti, kemm f'dak li hu impjieg kif ukoll fis-soċjetà. Dawn is-sistemi ta’ appoġġ ser jiġu applikati kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mit-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, id-dijaspori u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili; u ser jinkludu sew l-informazzjoni u l-pariri matul il-proċess tal-migrazzjoni u sew it-tagħlim tal-lingwa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali, il-liġijiet u d-drawwiet.

3.6   Il-KESE jtenni l-proposta li ressaq f'opinjonijiet oħra biex jittejbu s-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki tal-ħaddiema immigranti u l-validazzjoni tad-diplomi u l-ħiliet tagħhom, u dawn għandhom jiġu inklużi fis-sħubijiet għall-mobilità.

3.7   Kif ippropona l-Kumitat f'opinjonijiet preċedenti, għandha tiġi ggarantita b'mod effikaċi t-trasferibbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-immigranti fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi ta’ oriġini, u għalhekk is-sħubijiet għall-mobilità għandhom jinkludu l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali. Minkejja li l-leġislazzjonijiet Ewropej dwar l-immigrazzjoni jillimitaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ dawn il-ftehimiet jistgħu jissolvew ħafna mill-problemi. Din hija raġuni oħra għaliex is-sħubijiet għall-mobilità għandhom ikunu strumenti legali vinkolanti.

3.8   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li għandhom il-politiki ta’ integrazzjoni. Il-Kumitat huwa impenjat li jagħti spinta lill-integrazzjoni u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, li jiltaqa' kull sitt xhur fil-KESE, huwa strument importanti ħafna għall-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Fond għall-Integrazzjoni huwa strument finanzjarju fundamentali li għandu jiġi estiż.

3.9   Il-politiki ta’ integrazzjoni jinvolvu kemm lill-immigranti kif ukoll lis-soċjetajiet ta’ akkoljenza, jippromovu l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-obbligi kif ukoll id-djalogu interkulturali, interetniku u interreliġjuż u huma marbutin mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u mal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi li l-ħaddiema immigranti jiġu ttrattati b'mod ugwali fil-qasam tax-xogħol u f'dak soċjali (15).

3.10   Permezz tal-opinjonijiet tiegħu, il-KESE ppropona li l-leġislazzjoni Ewropea tinkludi d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tal-ħaddiema immigranti, sabiex tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu deċenti u timpedixxi l-isfruttament b'rabta max-xogħol.

3.11   Il-kundizzjonijiet huma partikolarment diffiċli għall-immigranti “mingħajr dokumenti”. L-ispezzjoni tax-xogħol għandha tissorvelja l-konformità mal-istandards tax-xogħol, bil-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rapport li l-Aġenzija ta’ Vjenna (FRA) ħejjiet dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema immigranti f'sitwazzjoni irregolari fl-UE (16).

3.12   Il-Kumitat ippropona li tiġi emendata d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li mhix adegwata. Il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper li dwarha l-Kumitat qed iħejji opinjoni (17).

3.13   Matul l-aħħar snin kien hemm avvenimenti, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet politiċi li dwarhom il-Kumitat huwa mħasseb ħafna, għaliex fl-Ewropa qed terġa' tinfirex marda antika u magħrufa sew tal-Ewropej: il-ksenofobija u n-nazzjonaliżmu li jeskludi lill-oħrajn. Il-minoranzi u l-immigranti qed jisfaw vittmi ta’ disprezz, tgħajjir u politiki aggressivi u diskriminatorji.

3.14   Snin ilu l-ksenofobija u l-populiżmu kienu promossi biss minn xi setturi politiċi estremisti u minoritarji. Però llum dawn il-politiki jagħmlu parti mill-aġenda u mill-programmi ta’ xi gvernijiet li jużaw il-politiki kontra l-immigranti u kontra l-minoranzi bħala arma elettorali. Il-KESE jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jevitaw li l-aġenda Ewropea tkun imniġġsa bil-ksenofobija u l-populiżmu.

4.   Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin

4.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni fuq l-importanza li għandha l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari.

4.2   Hemm bżonn li jiġi miġġieled l-impjieg mhux dikjarat u li fil-leġislazzjonijiet nazzjonali tiġi applikata b'mod effikaċi d-direttiva li timponi sanzjonijiet fuq min iħaddem f'każ li dan jisfrutta lill-immigranti f'sitwazzjoni irregolari (18). L-immigranti li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament b'rabta max-xogħol, u għandhom jitqiesu bħala vittmi. L-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu flimkien biex inaqqsu l-impjieg irregolari u l-isfruttament b'rabta max-xogħol, bil-kollaborazzjoni tal-ispezzjoni tax-xogħol.

4.3   Il-Kumitat wera (19) li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn politika tal-fruntieri esterni li tkun kredibbli, effikaċi, leġittima u soġġetta għal kontrolli demokratiċi u evalwazzjonijiet indipendenti. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Frontex aktar kompetenzi operattivi u awtonomija fl-attivitajiet u r-riżorsi (tagħmir tekniku) tagħha.

4.4   Madankollu, l-operazzjonijiet konġunti koordinati mill-Aġenzija u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-garanziji amministrattivi previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri għandu jsirilhom kontroll demokratiku min-naħa tal-Parlament u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Flimkien ma’ dan għandha ssir evalwazzjoni kostanti, speċjalment tal-attivitajiet u l-ftehimiet tal-Frontex ma’ pajjiżi terzi, tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti u tal-kwalità tal-analiżijiet tar-riskju li twettaq il-Frontex.

4.5   Il-KESE jemmen li hu essenzjali li l-Frontex tissodisfa l-obbligi tagħha rigward l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dawk li jfittxu asil u għall-prinċipju ta’ non-refoulement.

4.6   Il-Kummissjoni tinnota fil-Komunikazzjoni tagħha li “mingħajr kontrolli li jaħdmu tajjeb fuq il-fruntieri u livelli mnaqqsa ta’ migrazzjoni irregolari u politika ta’ ritorn effettiv, ma jkunx possibbli għall-UE li toffri iżjed opportunitajiet għal migrazzjoni u mobilità legali” (20). Però l-KESE jindika li dawn is-sitwazzjonijiet huma relatati mill-qrib.

4.7   Il-KESE diġà qal f'diversi opinjonijiet (21) li teżisti rabta ċara bejn l-immigrazzjoni legali u l-immigrazzjoni irregolari, għaliex meta ma jkunx hemm mezzi adegwati, trasparenti u flessibbli għall-immigrazzjoni legali, tikber l-immigrazzjoni irregolari.

4.8   Għalkemm il-parti l-kbira tal-persuni li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa daħlu b'mod legali, persuni oħrajn jisfaw vittmi tan-netwerks kriminali. Fis-sħubijiet għall-mobilità, l-UE għandha tinkludi l-ġlieda kontra n-netwerks kriminali tat-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin. Għandu jiġi ggarantit li l-vittmi jkunu protetti.

4.9   Id-djalogi għandhom ikopru wkoll il-proċeduri ta’ ritorn u ta’ riammissjoni, li għandhom ikunu dejjem ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kumitat jixtieq li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tħejji kodiċi etiku tal-kondotta f'każijiet ta’ ritorn sfurzat abbażi tal-20 prinċipju għar-ritorn sfurzat imħejjija mill-Kumitat tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (22).

4.10   Fir-rigward tad-detenzjoni tal-immigranti f'sitwazzjoni irregolari, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li “għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja deċenti għall-migranti fiċ-ċentri tal-ilqugħ u sabiex tiġi evitata d-detenzjoni arbitrarja jew indefinita” (23). Il-KESE jemmen li l-persuni li jkunu f'sitwazzjoni amministrattiva irregolari mhumiex kriminali, u jiddispjaċih li xi azzjonijiet nazzjonali jużaw b'mod abbużiv id-Direttiva dwar ir-ritorn, li skont il-Kumitat għandha tiġi emendata biex tipproteġi b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali.

4.11   Il-KESE jirrifjuta b'mod speċjali li l-minorenni jitpoġġew fl-istess ċentri ta’ detenzjoni mal-adulti, għaliex il-minorenni għandhom jgħixu f'ambjent soċjali miftuħ, u jekk ikun possibbli mal-familji tagħhom.

4.12   Għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u dan għandu jiġi inkluż fid-djalogi kollha. Qabel ma tiġi ffirmata sħubija għall-mobilità mal-UE, il-pajjiżi għandhom jintalbu jirratifikaw u japplikaw fil-leġislazzjoni tagħhom il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti.

4.13   Il-KESE jesiġi li l-awtoritajiet jiġġieldu aktar bil-qawwa kontra l-organizzazzjonijiet kriminali li jagħmlu profitt mit-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu illegali tal-immigranti. Dawk li jaqgħu f'dawn in-nases għandhom jitqiesu bħala vittmi li għandhom jiġu protetti.

5.   Il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-asil

5.1   Ħafna drabi dawk li jfittxu asil ma jirnexxilhomx jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom f'territorju Ewropew għaliex il-kontrolli stabbiliti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari ma jippermettulhomx li jidħlu fl-Ewropa. B'hekk qed tinħoloq kontradizzjoni enormi bejn il-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u d-dritt għall-asil.

5.2   Għandu jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ non-refoulement fil-fruntiera u għandu jiġi żgurat li dawk kollha li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-UE u li dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

5.3   Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-asil (24), li għandha tilħaq livell għoli ta’ armonizzazzjoni leġislattiva, bi status uniformi u proċeduri trasparenti u effikaċi. Il-persuni li jinsabu fl-UE f'kundizzjonijiet ta’ protezzjoni jew dawk li jkunu qed ifittxu asil għandhom ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol bi trattament ugwali.

5.4   Il-KESE jappoġġja wkoll il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jissaħħew is-sistemi tal-asil tagħhom u l-konformità mal-istandards internazzjonali.

5.5   Mill-banda l-oħra, il-pajjiżi terzi li magħhom jiġu ffirmati s-sħubijiet għall-mobilità jridu jkunu firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati, irid ikollhom strutturi tal-asil u jridu jkunu pajjiżi sikuri f'termini ta’ drittijiet tal-bniedem. L-UE għandha tikkoopera magħhom sabiex itejbu s-sistemi tal-asil tagħhom.

5.6   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp tal-Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni, u jemmen li t-titjib tal-istrutturi tal-asil tal-pajjiżi terzi m'għandux jimpedixxi lil dawk li jfittxu asil li jkollhom bżonn jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom f'pajjiż Ewropew milli jagħmlu dan.

5.7   Is-sħubijiet għall-mobilità m'għandhomx iwasslu biex il-pajjiżi msieħba jħallsu l-ispejjeż kollha tal-proċeduri tal-asil tal-persuni li jgħaddu mit-territorju tagħhom. L-UE għandha tikkollabora permezz tal-fondi għall-asil.

5.8   L-UE għandha tkompli tkun art li toffri akkoljenza u asil u għandha ssaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u żżid il-programmi ta’ risistemazzjoni.

6.   Il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità

6.1   L-UE għandha tikkollabora sabiex il-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrazzjoni jkollhom opportunitajiet ta’ xogħol deċenti għal kulħadd, u b'hekk tkun tista' tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni volontarja għaliex bħalissa l-migrazzjoni, għall-parti l-kbira tan-nies, mhix għażla volontarja. Il-Kumitat jappoġġja l-ħidma tal-ILO biex tippromovi x-xogħol deċenti.

6.2   Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet rabta ċara bejn il-politika dwar l-ammissjoni tal-professjonisti bi kwalifiki għoljin u l-politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bil-għan li, fost affarijiet oħra, ma jkunx hemm eżodu ta’ mħuħ u ma jintilifx il-kapital uman tal-pajjiżi ta’ oriġini.

6.3   Però l-Kumitat jixtieq li jsir impenn akbar. Il-Kummissjoni tindika l-ħtieġa li jsiru “sforzi sabiex jitnaqqas l-eżodu tal-imħuħ”, iżda fil-politika dwar l-ammissjoni beħsiebha tagħmel “sforzi speċjali sabiex tattira migranti tas-sengħa fil-kompetizzjoni globali għal talent”. Ħafna drabi dawn iż-żewġ objettivi jikkontradixxu lil xulxin. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tiddefinixxix il-limiti fuq l-azzjonijiet biex tattira t-“talent” sabiex tilħaq l-objettiv li tnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ. Issir referenza biss għal din id-dilemma meta jissemma l-persunal tas-saħħa: il-Komunikazzjoni tappoġġja l-Kondiċi ta’ prattiki tal-WHO u hija favur il-migrazzjoni ċirkolari tal-persunal tas-saħħa.

6.4   Però, l-eżodu ta’ mħuħ ma jolqotx biss il-qasam tas-saħħa, u għalhekk hemm bżonn ta’ kodiċi ta’ prattiki tajbin usa' li jillimita d-dħul ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin f'ċerti pajjiżi u f'ċerti professjonijiet. Il-KESE jipproponi li l-eżodu ta’ mħuħ jiġi limitat fis-sħubijiet għall-mobilità, u b'hekk il-proċessi migratorji jkunu pożittivi għaż-żewġ partijiet.

6.5   L-UE għandha toħloq sistemi ta’ kumpens għall-pajjiżi li, minħabba l-migrazzjoni lejn l-Ewropa, jitilfu l-kapital uman. Dan il-kumpens għandu jinkludi, fost miżuri oħrajn, l-appoġġ tas-sistemi edukattivi tagħhom u għall-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tax-xogħol sabiex jinħoloq l-impjieg u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

6.6   Il-Kumitat ippropona li d-Direttiva dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul issir aktar flessibbli biex tippermetti l-mobilità ċirkolari ta’ ħafna professjonisti bejn l-UE u l-pajjiżi ta’ oriġini, mingħajr ma jitilfu d-dritt għar-residenza permanenti, u b'hekk jinżammu u jittejbu r-rabtiet li jistgħu jkunu utli ħafna għall-iżvilupp.

6.7   Bħalissa s-sistemi tal-migrazzjoni ċirkolari jimplikaw it-telf tal-kapital uman fil-pajjiżi ta’ oriġini, billi l-parti l-kbira tal-proċessi tal-immigrazzjoni qed isiru b'mod mhux organizzat. Il-KESE jemmen li l-kapital uman jista' jittejjeb permezz ta’ proċeduri strutturati tajjeb li jikkombinaw it-taħriġ, il-kwalifiki, id-drittijiet soċjali u x-xogħol.

6.8   Il-Kumitat jifhem il-preokkupazzjonijiet tal-ILO rigward ir-riskju li l-immigrazzjoni ċirkolari tintuża biex tillimita d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali u biex timpedixxi r-residenza permanenti. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-prinċipju tat-trattament ugwali rigward il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġi ggarantit għall-immigranti staġjonali.

6.9   F'opinjonijiet preċedenti (25), il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għall-importanza li għandhom l-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp. L-UE għandha tappoġġja l-attivitajiet tad-dijaspora.

6.10   Bl-istess mod, għandhom jitkomplew l-inizjattivi maħsubin biex inaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti tar-rimessi u l-użu tagħhom għall-iżvilupp. Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ forum annwali dwar ir-rimessi u l-ħolqien ta’ portal komuni.

6.11   Il-KESE jipproponi li jinħoloq servizz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora li jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu favur l-iżvilupp f'pajjiż jew reġjun partikolari, kif ukoll il-koordinazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan is-servizz għandu jidderieġi r-riżorsi lejn il-proġetti li jinbdew. L-UE għandha tappoġġja lill-organizzazzjonijiet ta’ dijaspora u tiffaċilita l-ħolqien ta’ pjattaformi rappreżentattivi.

7.   Il-finanzjament u l-evalwazzjoni

7.1   Il-programmazzjoni futura tal-istrumenti finanzjarji għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali. Il-Kumitat qed iħejji l-opinjoni mitluba mill-Kummissjoni.

7.2   Il-KESE jipproponi li jsir studju indipendenti dwar l-effikaċja u l-impatt tas-sħubijiet għall-mobilità li jeżistu bħalissa. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li s-sħubijiet għall-mobilità jkollhom mekkaniżmu effiċjenti ta’ evalwazzjoni.

7.3   Il-ftehimiet bilaterali li saru s'issa jindikaw li s-sħubijiet għall-mobilità jintużaw biex jiffaċilitaw il-viżi għas-soġġorni qosra u l-ftehimiet ta’ riammissjoni, filwaqt li l-aspetti l-oħra li jagħmlu parti mill-Approċċ Globali jibqgħu fil-ġenb. L-evalwazzjoni tas-sħubijiet għall-mobilità għandha tikkunsidra l-erba' pilastri tal-Approċċ Globali.

7.4   Mill-banda l-oħra, is-sħubijiet għall-mobilità, li huma dikjarazzjonijiet politiċi konġunti, mhumiex legalment vinkolanti għall-Istati parteċipanti, u għalhekk il-KESE jipproponi li dawn għandhom isiru ftehimiet internazzjonali legalment vinkolanti.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-30 ta’ Ġunju 2004 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati (relatur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 302, 7.12.2004.

(2)  Qafas Multilaterali tal-ILO dwar il-migrazzjoni għax-xogħol (2007).

(3)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar is-saħħa u l-migrazzjonijiet, ĠU C 256, 27.10.2007.

(4)  Bil-kollaborazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

(5)  “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn sfurzat” CM(2005)40.

(6)  Protokolli ta’ Palermo tal-2000.

(7)  Fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

(8)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135-137, 15 ta’ Ġunju 2011, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni” COM(2011) 248 final. Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88, 12 ta’ Diċembru 2007, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Migrazzjoni u żvilupp: opportunitajiet u sfidi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Sharma.

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13, 15 ta’ Settembru 2010, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika” (opinjoni esploratorja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91-102, 25 ta’ Ottubru 2007, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29-35, 4 ta’ Novembru 2009, Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Relatur: is-Sur Pariza Castaños.

(9)  14 u 15 ta’ Settembru 2006.

(10)  Konferenzi fi Brussell, Manila u Ateni.

(11)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-30 ta’ Ġunju 2004 dwar “il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati” (relatur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 302, 7.12.2004.

(12)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13.

(13)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88.

(14)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6-13.

(15)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mas-Sena Ewropea tad-djalogu interkulturali (2008)”, ĠU C 185, 8.8.2006(din l-opinjoni mhix disponibbli bil-Malti).

(16)  Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), “Migrants in an irregular situation employed in domestic work: Fundamental rights challenges for the European Union and its Member States” (Il-migranti f'sitwazzjoni irregolari impjegati fix-xogħol domestiku: sfidi relatati mad-drittijiet fundamentali għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha), Lulju 2011, www.fra.europa.eu.

(17)  Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) u l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) – għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU.

(18)  Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(19)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135-137.

(20)  Paġna 5 tal-verżjoni Maltija tal-Komunikazzjoni COM(2011) 743 final.

(21)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 86-91 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn sfurzat” CM(2005)40.

(23)  Paġna 16 tal-verżjoni Maltija tal-Komunikazzjoni COM(2011) 743 final.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni”, ĠU C 204, 9.8.2008.

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 44, 11.2.2011.

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil (riformulazzjoni)”, ĠU C 24, 28.1.2012.

(25)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88 u ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91-102.