29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)”

COM(2011) 874 final

2012/C 191/20

Relatur: is-Sur NARRO

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011 u nhar it-23 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)

COM(2011) 874 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Programm LIFE huwa programm Komunitarju ta’ suċċess li fl-aħħar 20 sena, flimkien ma’ fondi u inizjattivi oħra, wassal għal riżultati pożittivi ħafna. Għaldaqstant, għandu jinżamm u jittejjeb bil-għan li jsir progress b’mod strateġiku u koerenti fil-protezzjoni tal-ambjent u l-klima tal-Unjoni Ewropea.

1.2   Iż-żieda tal-baġit propost għall-Programm LIFE (2014-2020) huwa sinjal tajjeb, madankollu fadal ħafna xi jsir sabiex l-ambjent jiġi integrat b’mod effikaċi fil-politiki Ewropej. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex, hekk jif jinsabu fi kriżi ekonomika profonda, jimpenjaw ruħhom b’mod deċiżiv fl-investiment ambjentali u klimatiku sabiex inaqqsu l-effetti tagħhom.

1.3   Il-ħolqien ta’ sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika jista’ jkun strument pożittiv li jagħti viżibbiltà ikbar lil dawk l-inizjattivi indirizzati lejn l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Min-naħa tiegħu, is-sottoprogramm għall-Ambjent għandu jkompli jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità u b’mod prijoritarju għall-finanzjament tan-Netwerk Natura 2000 mingħajr ma jnaqqas il-parteċipazzjoni ta’ fondi oħra bħal dawk relatati mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

1.4   It-tip ġdid ta’ proġetti fuq skala kbira, il-“proġetti integrati”, għandu jitnieda bil-garanzija tal-parteċipazzjoni tal-NGOs u l-SMEs, filwaqt li jitkomplew il-“proġetti tradizzjonali” u tiġi mtejba l-koordinazzjoni bejn il-korpi nazzjonali u dawk Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni, fil-proposta għal Regolament, tintegra tqassim baġitarju ċar bejn iż-żewġ proġetti, tispeċifika liema kriterji se jintużaw għall-iżvilupp tat-tqassim ġeografiku tal-proġetti integrati u tiċċara kif se jitfasslu l-programmi multiannwali mingħajr ma titnaqqas il-flessibbiltà tal-Programm.

1.5   Il-KESE huwa favur li t-tqassim tal-proġetti jsir skont il-kriterji ta’ mertu u mhux dawk ġeografiċi. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni limitata fil-Programm LIFE ta’ ħafna pajjiżi li la għandhom l-esperjenza u lanqas biżżejjed mezzi biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv. F’dan ir-rigward huwa essenzjali li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess tiegħu permezz ta’ aktar konsulenza u koordinazzjoni istituzzjonali aħjar.

1.6   Iż-żieda fir-rata ta’ kofinanzjament għall-proġetti tradizzjonali u integrati ma tista’ bl-ebda mod tiġġustifika li l-VAT u l-persunal permanenti ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala spejjeż eliġibbli. Il-fatt li dawn l-ispejjeż ma jiġux inklużi jagħmel ħsara l-iktar lill-organizzazzjonijiet iż-żgħar tas-soċjetà ċivili li l-kontribut tagħhom huwa siewi ħafna iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi eskluża jew limitata.

1.7   L-introduzzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa hija miżura tajba ta’ semplifikazzjoni. Il-KESE jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ it-titjib tas-servizzi ta’ konsulenza, is-semplifikazzjoni tal-formoli finanzjarji u l-introduzzjoni ta’ fażi ta’ valutazzjoni minn qabel tal-proġetti tradizzjonali.

1.8   Il-KESE jqis li l-preservazzjoni tal-karattru Komunitarju u tal-valur miżjud Ewropew tal-Programm LIFE hija indispensabbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiċċara minn qabel liema miżuri għandhom jittieħdu permezz ta’ atti delegati, ir-rwol tal-Istati Membri fil-Kumitat għall-Programm LIFE u s-setgħat ġodda tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

1.9   Minkejja s-suċċess sinifikanti tal-Programm LIFE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel aktar sforzi biex tippromovi t-tagħrif dwar il-Programm u l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. F’dan ir-rigward huwa fundamentali li jittejbu l-mezzi tat-tixrid ta’ informazzjoni, it-trasparenza fl-għażla tal-proġetti u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar l-importanza u l-valur miżjud li strument Komunitarju bħall-Programm LIFE jipprovdi lis-soċjetà.

2.   Kuntest

2.1   Fit-12 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE). L-allokazzjoni finanzjarja kollha tal-Programm LIFE għall-perjodu 2014-2020 espressa fi prezzijiet attwali hija ta’ EUR 3 618 miljun.

2.2   Il-Programm LIFE huwa parti mill-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, li tistabbilixxi l-qafas baġitarju u l-linji gwida prinċipali fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tqis l-ambjent u l-azzjoni klimatika bħala partijiet integrali mill-istrumenti u l-interventi ewlenin kollha.

2.3   Sa mill-bidu tiegħu fl-1992, il-Programm LIFE kien wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ finanzjament ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament il-ġdid propost mill-Kummissjoni għandu l-għan li jissostitwixxi r-Regolament fis-seħħ Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+).

2.4   Il-proposta għal Regolament LIFE ġdid hija mfassla fil-għamla ta’ Programm LIFE b’żewġ sottoprogrammi: wieħed għall-Ambjent u ieħor għall-Azzjoni Klimatika. Is-sottoprogramm għall-Ambjent huwa magħmul minn tliet oqsma prijoritarji: 1. “Bijodiversità”; 2. “Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi”, u finalment 3. il-qasam prijoritarju “Governanza u Informazzjoni”.

2.5   Is-sottoprogramm għall-Ambjent se jkollu EUR 2 713,5 miljun. Nofs ir-riżorsi allokati għall-appoġġ ta’ proġetti permezz ta’ azzjonijiet konkreti ser jiġu ddedikati għall-appoġġ tan-natura u l-bijodiversità. Is-sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika se jkollu baġit ta’ EUR 904,5 miljun, u se jkun magħmul minn tliet oqsma prijoritarji speċifiċi: “Mitigazzjoni tal-Bidla Klimatika”, “Adattament għall-Bidla Klimatika” u “Governanza Klimatika u Informazzjoni”.

2.6   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dejjem wera l-importanza kbira tal-Programm LIFE għall-iżvilupp u l-konfigurazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE. Fl-aħħar tliet opinjonijiet maħruġa mill-KESE fil-qasam tal-proġett LIFE, huwa tenna l-kontribut siewi iżda limitat tiegħu għall-protezzjoni tal-ambjent Ewropew (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Baġit

3.1.1   Il-baġit allokat għall-Programm LIFE fil-proposta tal-qafas finanzjarju multiannwali jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-fondi allokati fil-perjodu 2007-2013. Il-baġit tal-Programm LIFE se jiżdied minn EUR 2 143 miljun għal EUR 3 200 miljun fi prezzijiet tal-2011 (EUR 3 618-il miljun fi prezzijiet attwali). Is-sottoprogramm għall-Ambjent se jirċievi EUR 2 713,5 miljun (nofshom għal azzjonijiet fil-qasam tal-bijodiversità u n-natura) u dak għall-Azzjoni Klimatika rċieva EUR 904,5 miljuni.

3.1.2   Il-fondi previsti jirrappreżentaw 0,3 % tal-baġit totali Ewropew. Iż-żieda fil-baġit hija sinjal pożittiv rigward it-tħassib ambjentali, għalkemm għandu jiġi evalwat kif il-kriżi ekonomika se taffettwa l-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-korpi privati u l-amministrazzjonijiet lokali, l-aktar fil-proġetti kbar fejn ikun hemm bżonn aktar fondi. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ impenn għall-protezzjoni tal-ambjent u l-klima sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi u jsostni li l-finanzjament tal-Programm LIFE m’għandux jaffettwa b’mod negattiv lil fondi oħra li potenzjalment jistgħu jkunu involuti wkoll fl-istess qasam bħall-FAEŻR jew il-Fondi Strutturali.

3.1.3   Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-ħtieġa ta’ finanzjament addizzjonali sabiex jitwettqu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, tixrid u trasferiment tal-għarfien. Il-finanzjament speċifiku ta’ miżuri ta’ konsulenza u taħriġ jikkontribwixxi mhux biss biex jissemplifika l-ġestjoni tal-Programm iżda wkoll, u b’mod prinċipali, biex iżid l-effettività tiegħu u biex ir-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

3.2   Novitajiet ewlenin tal-proposta

3.2.1   Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tintroduċi tliet bidliet importanti fir-Regolament fis-seħħ sabiex ittejjeb l-istruttura tiegħu, tissemplifika l-funzjonament tiegħu, iżżid il-flessibbiltà tiegħu u tistabbilixxi b’mod aktar ċar l-għanijiet u l-istrateġiji. Dawn il-bidliet huma:

1)

Prijoritajiet aktar speċifiċi.

2)

Żewġ sottoprogrammi: Ambjent u Azzjoni Klimatika.

3)

Tip ġdid ta’ proġetti: “proġetti integrati”

3.3   L-istabbiliment tal-prijoritajiet

3.3.1   Waħda mill-kwistjonijiet l-aktar diskussi fil-konsultazzjoni mwettqa minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea kienet dwar kemm huwa tajjeb li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari għall-Programm il-ġdid. Il-Kummissjoni rrifjutat, ġustament, l-istabbiliment ta’ prijoritajiet annwali fissi li jistgħu jimpedixxu lill-applikanti milli jippjanaw, jippreparaw u jippreżentaw b’mod korrett il-proposti tagħhom. Finalment, il-Kummissjoni ddeċidiet, għalkemm mingħajr ma tat informazzjoni preċiża, favur it-tfassil, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programmi ta’ ħidma ta’ mill-inqas sentejn. Il-KESE bħalissa mhuwiex fil-kundizzjoni li jindirizza l-kwistjoni tal-pjani ta’ ħidma minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fil-proposta għal Regolament diskussa f’din l-opinjoni. Minkejja n-nuqqas ta’ tagħrif, it-tfassil tal-programmi ta’ ħidma għandu jirrispetta l-essenza tal-Programm LIFE f’dak li jirrigwarda l-flessibbiltà tiegħu u l-adattament tiegħu għall-bidla.

3.3.2   Il-KESE jappoġġja l-konċentrazzjoni ta’ sforzi fuq prijoritajiet politiċi partikolari u oqsma ta’ attivitajiet relatati mal-ambjent u l-klima. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Kumitat għall-Programm LIFE, ir-riforma tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-użu tal-atti delegati sabiex jiġu stabbiliti kriterji ta’ ammissibilità tal-proġetti u ta’ bilanċ ġeografiku fil-każ tal-proġetti integrati.

3.4   Sottoprogramm għall-Azzjoni Klimatika

3.4.1   Il-ħolqien ta’ sottoprogramm speċifiku li jindirizza l-kwisjonijiet relatati mal-klima u t-tliet prijoritajiet tiegħu (mitigazzjoni, adattament u governanza) għandu jagħti spinta sabiex itejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-klima, isaħħaħ il-governanza u jikkonsolida netwerks u pjattaformi ġodda. Is-sottoprogramm il-ġdid huwa essenzjali sabiex jipprova jikseb l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (2) u l-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (3).

3.4.2   Is-sottoprogramm il-ġdid, minkejja l-allokazzjoni finanzjarja limitata tiegħu, għandu jiffoka fuq sensiela ta’ objettivi speċifiċi li jippermettu t-titjib tal-għarfien dirett dwar il-kwistjonijiet relatati mal-klima u l-konverżjoni ta’ din il-prijorità f’parti integrali mill-istrumenti u l-miżuri Komunitarji kollha. Is-sinerġiji bejn l-objettivi ambjentali u klimatiċi huma ċari. Kif tindika l-Kummissjoni Ewropea fil-proposta għal Regolament, il-proġetti fil-qasam tal-klima jistgħu jilħqu diversi objettivi.

3.4.3   Il-KESE jemmen li d-deċiżjoni li tingħata aktar importanza lill-qasam tat-“tibdil fil-klima” fil-komponent “Politika Ambjentali u Governanza” tal-Programm LIFE+ hija waħda adatta u korretta. Din mhix biss kwistjoni li tittejjeb il-viżibbiltà tiegħu, iżda wkoll li jinfiehem il-valur strateġiku u multidixxiplinari tiegħu.

3.5   Proġetti integrati

3.5.1   Proġett integrat huwa proġett tradizzjonali LIFE li jkopri żona usa’ mit-territorju ta’ reġjun li fih l-applikant beħsiebu jibni l-kapaċità meħtieġa għall-ġestjoni ta’ settur speċifiku permezz tal-mobilizzazzjoni tal-finanzjament tal-Programm LIFE iżda wkoll ta’ fondi oħra tal-UE u fondi nazzjonali, reġjonali jew tas-settur privat.

3.5.2   B’mod ġenerali, se jkunu proġetti fuq skala kbira (EUR 5-10 miljuni ta’ kofinanzjament Komunitarju) bil-għan li jsolvu problemi ambjentali u jtejbu l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-ambjent f’politiki oħra. L-oqsma ta’ azzjoni prijoritarji huma adegwati (Netwerk Natura 2000, ilma, arja, skart, eċċ.) għalkemm il-Kummissjoni m’għandhiex timmarġinalizza r-rwol ta’ xi proġetti tradizzjonali li ġġeneraw ħafna benefiċċji bi spiża minima. Il-proġetti integrati se jipprovdu mekkaniżmu ġdid ta’ eżekuzzjoni polivalenti fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali u klimatika, iżda jqajmu dubji raġonevoli dwar jekk fil-prattika jiġġenerawx kumplessità akbar fil-ġestjoni u diffikultajiet ta’ koordinazzjoni bejn il-fondi differenti li jintervjenu fl-istess ħin.

3.5.3   Il-proġetti integrati ser ikunu soġġetti għal distribuzzjoni ġeografika li għad trid tiġi definita. Il-Kummissjoni se tipproċedi permezz ta’ atti delegati sabiex tistabbilixxi kriterji ġeografiċi, iżda jkun tajjeb li r-Regolament bażiku jinkludi xi linji gwida bażiċi dwar kif jistgħu jiġu inċentivati l-pajjiżi tradizzjonalment inqas attivi fil-qasam LIFE sabiex itejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li tingħata konsulenza msaħħa lil dawn il-pajjiżi u li tittejjeb il-koordinazzjoni mal-korpi nazzjonali kompetenti. Il-Kumitat jemmen li meta jintgħażel proġett integrat għandhom jieħdu preċedenza l-kriterji ta’ mertu fuq il-kriterji ġeografiċi jew oħrajn simili. Il-kofinanzjament estiż sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli jista’ ma jkunx biżżejjed biex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-operaturi pubbliċi u privati f’kuntest ta’ kriżi fejn huwa ferm diffiċli li l-fondi adegwati jiġu mobilizzati għal proġetti tant ambizzjużi.

3.5.4   Il-proġetti integrati għandhom jinkludu b’mod aktar deċiżiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tagħhom u l-applikazzjoni fil-livell lokali, filwaqt li jiġi evitat li dawn isiru esklużivament strumenti f’idejn l-amministrazzjonijiet. Huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiġi inkoraġġut il-ħolqien ta’ netwerks li jippermettu l-iskambju ta’ prattiki tajba u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-membri tagħhom.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Semplifikazzjoni

4.1.1   Il-Kummissjoni tisħaq fuq semplifikazzjoni akbar permezz tal-ġeneralizzazzjoni tal-ammonti fissi u l-ħlasijiet f’somma f’daqqa. Din il-miżura hija pożittiva u tista’ telimina l-piżijiet burokratiċi mhux meħtieġa.

4.1.2   Madankollu, il-Kumitat ma jistax jaċċetta l-proposta li l-ispejjeż eliġibbli jiġu riveduti biex ma jinkludux il-VAT jew l-ispejjeż permanenti tal-persunal (ġeneralment dawn l-ispejjeż ikunu ta’ madwar 30 %). Jekk ma jiġux ikkunsidrati l-ispejjeż imsemmija, jiżdiedu d-diffikultajiet għall-proġetti primarjament żviluppati mill-atturi tas-soċjetà ċivili aktar modesti jew ta’ livell lokali. Is-semplifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq bidla sostanzjali tal-formoli, konsulenza aħjar fil-fażi tal-abbozzar, flessibbiltà fil-modifikazzjonijiet baġitarji ex-post u fażi ta’ evalwazzjoni minn qabel (screening). Fil-fehma tal-Kumitat, xi miżuri ta’ semplifikazzjoni mfassla speċifikament għall-proġetti integrati għandhom jiġu estiżi għal dawk tradizzjonali, bħal pereżempju fil-każ tal-istabbiliment taż-żewġ fażijiet fl-għażla tal-proġetti.

4.1.3   Il-proposta għal Regolament ittejjeb b’mod sinifikanti l-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji rigward il-formulazzjoni konfuża tal-Artikolu 9 attwali. Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-Programm LIFE għandu jikkomplementa programmi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Orizzont 2020, eċċ.) filwaqt li jtejjeb il-koordinazzjoni bejniethom bil-għan li jimpedixxi l-finanzjament doppju.

4.1.4   Flimkien mal-miżuri l-ġodda għas-semplifikazzjoni tal-funzjonament u l-ġestjoni tal-Programm, għandha tiżdied it-trasparenza tal-kriterji tal-għażla tal-proġetti u għandhom jissaħħu l-istrumenti eżistenti sabiex il-benefiċjarji potenzjali jingħataw konsulenza u linji gwida.

4.2   Approċċ Komunitarju/attivitajiet barra mill-Unjoni

4.2.1   It-tneħħija tal-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi (l-Artikolu 6 tar-Regolament attwali) se twassal biss għal kriterji ta’ bilanċ ġeografiku mhux determinati għall-proġetti integrati msemmija. L-allokazzjonijiet nazzjonali ma tawx ir-riżultat mistenni u ma inċentivawx lill-Istati ż-żgħar jew lil dawk b’inqas esperjenza fil-ġestjoni ta’ dawn il-fondi. It-tneħħija tagħhom tidher loġika u hija kkumpensata mill-Kummissjoni permezz ta’ kriterji ġeografiċi għall-proġetti ta’ ambitu akbar (proġetti integrati). Attwalment l-Italja, il-Ġermanja u Spanja huma l-aktar li jibbenefikaw, iżda l-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi b’inqas esperjenza jew taħriġ tekniku għandha tiġi inkoraġġuta.

4.2.2   L-espansjoni tal-ambitu ġeografiku tal-Programm LIFE tidher adegwata iżda m’għandhiex tibdel in-natura Komunitarja tal-Programm LIFE. L-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali għandhom jitnaqqsu għal każijiet partikolari ħafna f’oqsma speċifiċi, bħall-ispeċijiet tal-baħar jew migratorji jew il-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet. Il-KESE jappoġġja li mill-inqas 15 % tal-baġit tal-Programm jingħata permezz ta’ proġetti ta’ natura transnazzjonali.

4.2.3   Il-Kummissjoni s’issa ħadet responsabbiltà sħiħa għall-ġestjoni tal-Programm LIFE; iżda mhuwiex ċar fil-proposta l-ġdida r-rwol li se jingħata lill-Aġenziji Eżekuttivi u b’mod partikolari lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni fil-qafas tal-proġetti tradizzjonali. F’dan ir-rigward huwa pertinenti li l-Kummissjoni Ewropea tintalab tagħrif dwar liema se jkunu s-setgħat tal-Aġenzija Eżekuttiva fl-għażla tal-proġetti u liema għodod se jintużaw sabiex jissaħħu l-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

4.3   Netwerk Natura 2000

4.3.1   Il-kontribuzzjoni tal-Programm LIFE għall-finanzjament tal-iżvilupp tan-Netwerk Natura 2000 hija prijorità li tat riżultati notevoli. Fil-perjodu li ġej, il-Programm LIFE għandu jkompli bil-kontribut tiegħu għat-titjib tal-aċċettazzjoni tan-Netwerk Natura 2000 min-naħa tal-aġenti lokali u dawk tal-amministrazzjonijiet. Għalhekk hija prijorità li l-Programm LIFE jikkontribwixxi sabiex jikkonsolida kriterji komuni għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-ispazji Natura 2000. Dan il-kompitu għandu jiġi kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea u jiffoka fuq dawk il-pajjiżi li l-istabbiliment tagħhom hija aktar reċenti.

4.4   Kofinanzjament

4.4.1   Il-perċentwal massimu ta’ finanzjament għall-proġetti LIFE għandu jkun ta’ 70 % tal-ispejjeż eliġibbli, fejn qabel kien 50 %. Fil-każ tal-proġetti integrati dan jista’ jasal sa 80 %, u dan il-perċentwal japplika wkoll għall-proġetti speċifiċi ta’ appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki jew leġislazzjoni tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-valur strateġiku tagħhom. Din iż-żieda tal-kofinanzjament issir bil-għan li tiġi kkumpensata n-noneliġibbiltà ta’ spejjeż partikolari sinifikanti ħafna li s’issa kienu eliġibbli, bħall-VAT u l-ispejjeż ta’ persunal permanenti. Madankollu, fil-perjodu attwali xi proġetti fil-qasam tal-bijodiversità diġà jibbenefikaw minn kofinanzjament ta’ 75 %. Għalhekk, huwa xieraq li Kummissjoni tanalizza jekk dan il-kofinanzjament huwiex biżżejjed bħala kumpens jew jekk, għall-kuntrarju ta’ dan, għandhiex tiġi stabbilita rata ta’ kofinanzjament fissa minflok massimu.

4.5   Ekoinnovazzjoni

4.5.1   Fil-perjodu attwali, il-parti l-kbira tal-proġetti tal-politika u l-governanza ambjentali kellhom bħala għan l-applikazzjoni ta’ metodi innovattivi ta’ negozju jew ta’ ġestjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt tqis l-avvanzi fl-ekoinnovazzjoni bħala pożittivi ħafna. Minkejja dan, il-Kummissjoni tipproponi limitazzjonijiet fuq l-innovazzjoni privata peress li, a priori, strumenti speċifiċi oħra bħall-Orizzont 2020 ser jieħdu ħsieb dan.

4.6   L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-NGOs

4.6.1   Id-disinn il-ġdid tal-Programm LIFE jabbanduna l-approċċ purament axxendenti tiegħu (minn isfel għal fuq) u jimponi approċċ flessibbli minn fuq għal isfel. Ir-riżultat ta’ din il-filosofija huwa l-ħolqien tal-proġetti integrati. Il-KESE ma jiċħadx il-viżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni, iżda jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġu promossi dawk il-proġetti żviluppati f’livell lokali jew reġjonali, li jinvolvu negozji żgħar u NGOs iżda li jistgħu jipproduċu riżultati kbar bi spejjeż minimi.

4.6.2   Il-KESE huwa favur li l-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE effettivament jippromovu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

4.7   Finanzjament tal-NGOs ambjentali

4.7.1   Il-Kummissjoni Ewropea tuża l-istrument LIFE biex tiffinanzja lill-NGOs ambjentali li jipparteċipaw fil-proċess Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Tradizzjonalment, madwar tletin organizzazzjoni bbenefikaw minn dawn il-fondi b’riżultat pożittiv ħafna skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifaħħar il-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, iżda huwa xieraq li dawn il-kriterji tal-għażla għall-għoti tal-fondi jinbidlu b’tali mod li organizzazzjonijiet oħrajn b’kontribut importanti għall-ambjent u l-klima jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE (ĠU C 80, 30.3.2004, p. 57 – mhux disponibbli bil-Malti), CESE (ĠU C 255, 14.10.2005– mhux disponibbli bil-Malti), CESE (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 75).

(2)  COM(2010) 2020 final.

(3)  COM(2011) 112 final.