22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)”

COM(2011) 608 finali — 2011/0269 (COD)

2012/C 143/09

Relatur: is-Sur SIEKER

Korelatur: is-Sur HABER

Nhar l-24 u l-25 ta’ Ottubru, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)

COM(2011) 608 final – 2011/0269(COD).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-23 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, 10 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ressqet proposta biex tkompli r-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fl-istess ħin, il-Kumitat mhuwiex konvint li l-proposti kollha tal-Kummissjoni ser isolvu l-problemi relatati ma’ dan il-Fond. L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) kien – u għadu – baxx ħafna, u l-KESE ma jaħsibx li l-estensjoni tal-Fond għas-settur tal-agrikoltura hija l-aħjar mod biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas. Minflok, il-Kumitat jissuġġerixxi xi miżuri addizzjonali biex jittejjeb l-użu tal-FEG, pereżempju billi jitbaxxew il-livelli limiti u billi titħaffef il-proċedura, peress li l-istrument innifsu ħadem relattivament tajjeb fil-każijiet fejn ġie applikat.

1.2

Waħda mir-raġunijiet għalfejn il-FEG mhux qed jintuża biżżejjed hija l-proċedura bil-mod u burokratika ta’ dan il-Fond minħabba n-natura speċifika tiegħu. Il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi mingħajr ma tinvolvi lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ladarba tiġi involuta l-awtorità baġitarja hemm bżonn ta’ ċerti proċeduri li jieħdu ħafna żmien, li fi kwalunkwe każ wasslu sabiex jiġu approvati t-talbiet kollha. Dan il-proċess amministrattiv ta’ approvazzjoni jiswa ħafna flus, liema flus jistgħu jintużaw aħjar.

1.3

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-livell limitu għall-applikazzjoni jitbaxxa għal 200 sensja, minflok 500 kif propost. Huwa jirrakkomanda wkoll li l-kofinanzjament mill-UE jiżdied sa 75 % biex tittejjeb iktar l-utilizzazzjoni tal-FEG. Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-kunċett ta’ “ħaddiem” ġie estiż biex iħaddan il-persuni b’kuntratt ta’ terminu fiss u l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Il-KESE jaqbel li l-FEG jiġi estiż għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Dawn huma atturi sostanzjali u importanti fis-suq tax-xogħol u huma fost dawk li l-iktar intlaqtu mill-konsegwenzi kemm tal-globalizzazzjoni kif ukoll tal-kriżijiet ekonomiċi. L-għan tal-FEG qatt ma kien li jassisti lil min iħaddem u għalhekk il-KESE ma jaqbilx li l-FEG jiġi estiż għas-sidien/maniġers tal-SMEs. Id-DĠ Intrapriża għandha taqsima separata dedikata għall-politiki tal-SMEs bi programmi sostanzjali ta’ appoġġ. Il-FEG m’għandux jinterferixxi ma’ dawn il-programmi.

1.4

Il-KESE jixtieq jissuġġerixxi żewġ possibbiltajiet oħra għat-titjib tal-prestazzjoni tal-FEG. L-ewwel waħda hi li l-SMEs jiġu infurmati dwar il-possibbiltajiet tal-FEG permezz ta’ kampanja massiva ta’ informazzjoni, filwaqt li t-tieni waħda hi li l-imsieħba soċjali jiġu involuti sa mill-bidu tal-proċedura bl-applikazzjonijiet għall-Fond. Il-KESE jixtieq ukoll jesprimi l-istagħġib tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011 li tiġi rtirata l-possibbiltà li l-FEG jintuża biex jiġġieled kontra l-konsegwenzi soċjali mhux mistennija tal-kriżi ekonomika matul l-aħħar sentejn tal-mandat attwali tal-Fond (l-2012 u l-2013), speċjalment meta ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet turi li l-Fond mar tajjeb minn dak il-lat. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu mill-ġdid u jrid jagħmilha assolutament ċara li jixtieq li din id-dimensjoni tiġi inkluża fit-tkomplija tal-Fond mill-2014 sal-2020.

1.5

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta li l-FEG jiġi estiż għall-agrikoltura iżda jagħraf li trid issir xi ħaġa għal dan is-settur meta jidħlu fis-seħħ ftehimiet kummerċjali futuri bħat-trattat tal-Mercosur. Il-Mercosur ser ikun ta’ ġid għall-UE kollha kemm hi iżda fi ħdan l-Unjoni l-vantaġġi ġeneralment jinkisbu mill-industrija u s-servizzi, filwaqt li l-agrikoltura tmur minn taħt. Il-Kummissjoni esprimiet ix-xewqa tagħha li l-ftehimiet kummerċjali futuri jista’ jkollhom l-istess impatt. Hija ħaġa ġusta li l-agrikoltura tiġi kumpensata għal dawn it-tipi ta’ żvantaġġi, iżda dan għandu jsir b’soluzzjoni mfassla apposta għal dan is-settur, pereżempju permezz tal-Fondi Strutturali marbuta mal-Politika Agrikola Komuni. Il-KESE japella sabiex il-FEG, li ġie stabbilit biex jgħin lil dawk il-ħaddiema li jkunu tkeċċew minn xogħolhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol, jibqa’ riżervat għal dan il-għan fil-futur.

1.6

Il-KESE jisħaq li l-Fond għandu jibqa’ jitħaddem f’perjodu ta’ kriżi u li jista’ jintuża l-iżjed fis-sitwazzjonijiet ta’ delokalizzazzjoni/rilokalizzazzjoni tal-attivitajiet industrijali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

2.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

F’Marzu 2006, il-Kummissjoni ressqet proposta dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). L-għan tagħha kien li tipprovdi appoġġ speċifiku, ta’ darba biss biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni fl-impjieg tal-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom f’ċerti żoni jew setturi minħabba taqlib ekonomiku serju bħad-delokalizzazzjoni tal-impjiegi lejn pajjiżi terzi, żieda qawwija fl-importazzjonijiet jew tnaqqis progressiv fis-sehem tal-UE fis-suq ta’ settur partikolari. L-iktar kriterju importanti għall-finanzjament permezz tal-FEG kien ta’ iktar minn 1 000 sensja f’kumpanija jew fi grupp ta’ kumpaniji f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi.

2.2

Il-FEG ġie stabbilit għat-tul tal-perjodu ta’ programmar tal-2007-2013. Il-miżuri inklużi kienu: it-taħriġ mill-ġdid, l-assistenza għar-rilokazzjoni, l-assistenza għall-istart-ups u benefiċċji supplimentari għad-dħul finanzjarju. Il-FEG jintervjeni fuq talba ta’ Stat Membru. L-ammont imħallas mill-UE ma kellux jeċċedi l-50 % tal-ispiża totali stmata tas-sensiela sħiħa ta’ miżuri previsti mill-Istat Membri. Fl-2009, il-kriterji tal-assistenza ġew aġġustati minħabba l-pressjoni tal-kriżi ekonomika. L-għadd ta’ sensji meħtieġa tnaqqas minn 1 000 għall 500 u l-parteċipazzjoni tal-UE fil-proġetti tal-FEG żdiedet minn 50 % għal 65 %.

2.3

F’Ottubru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex l-FEG ikompli għaddej għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020 biex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġi estiż l-għoti tal-appoġġ għall-agrikoltura. Sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ tal-FEG ikun disponibbli għall-ħaddiema irrispettivament min-natura tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-kunċett ta’ “ħaddiema” ġie estiż biex jinkludi mhux biss il-ħaddiema b’kuntratti tax-xogħol fuq perjodu indefinit iżda anke l-ħaddiema b’kuntratti ta’ terminu fiss, ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u maniġers sidien ta’ SMEs u mikrointrapriżi u ħaddiema li jaħdmu għal rashom, inklużi l-bdiewa. Il-parteċipazzjoni tal-UE fil-proġetti tal-FEG ser tvarja minn 50 % għal 65 %.

2.4

Il-Kummissjoni pproponiet li l-FEG jibqa’ eskluż mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) minħabba n-natura mhux prevedibbli u urġenti taċ-ċirkostanzi li jirrikjedu l-użu tiegħu. L-infiq fil-livell tal-Unjoni għandu jkun orjentat lejn ir-riżultati. Għall-infiq relatat mal-FEG, il-QFM jistabbilixxi l-mira li mill-inqas 50 % tal-ħaddiema megħjuna mill-FEG għandhom isibu impjieg ġdid u stabbli fi żmien 12-il xhar. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja jekk l-Istati Membri hux qed ikollhom suċċess fl-isforz tagħhom biex jiksbu din il-mira, huma jridu jressqu rapport interim wara 15-il xhar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-FEG twaqqaf bħala tip ta’ strument għall-Ewwel Għajnuna, strument li għamilha possibbli biex l-UE tagħti rispons rapidu u flessibbli għall-appoġġ tal-impjegati li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni. Il-kapital disponibbli kien ta’ EUR 3,5 biljun fis-sena għall-perjodu sħiħ ta’ seba’ snin mill-2007 sal-2013. Fl-ewwel ħames snin, mill-2007 sal-2011, intużaw ftit iżjed minn EUR 364 miljun mill-EUR 2,5 biljun li kienu disponibbli għal dan il-perjodu. L-iktar raġunijiet importanti għan-nuqqas fl-utilizzazzjoni kienu l-proċedura bil-mod u burokratika, il-livell limitu għoli ta’ 1 000 ħaddiem u l-livell baxx ta’ kofinanzjament ta’ 50 %. L-utilizzazzjoni marret għall-aħjar fl-2009 wara li l-livelli limiti għall-applikazzjoni tbaxxew minn 1 000 impjegat għal 500 impjegat, il-livell limitu ta’ kofinanzjament mill-UE kien żdied minn 50 % għal 65 % – taħt ċerti kundizzjonijiet – u l-applikazzjonijiet ma kinux awtorizzati biss biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni iżda anke biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika.

3.2

Wara dawn l-aġġustamenti, l-utilizzazzjoni tal-FEG żdiedet minn tmien applikazzjonijiet fl-2007 u ħamsa fl-2008 għal 29 fl-2009 u l-2010. Fl-2011, ġew approvati tmien applikazzjonijiet u tmintax oħra għadhom qed jiġu vvalutati. Il-FEG ġie utilizzat iktar biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-kriżi milli biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni: saru 53 applikazzjoni għall-kriżi fi tliet snin (mill-estensjoni tal-FEG fl-2009 biex jiġu koperti l-konsegwenzi tal-kriżi sa Novembru 2011) meta mqabbla ma’ 26 applikazzjoni għall-globalizzazzjoni fi żmien 5 snin. It-53 applikazzjoni għall-kriżi kienu mmirati lejn 48 607 ħaddiem u s-26 applikazzjoni għall-globalizzazzjoni kienu mmirati lejn 28 135 ħaddiem, u b’hekk b’kollox 76 742 ħaddiem ingħataw l-għajnuna biex iżommu l-kapaċità tagħhom għall-impjieg.

3.3

Il-valutazzjoni ta’ nofs it-term tal-FEG analizzat kemm il-ħaddiem involut sabu impjieg ieħor fi żmien sena, abbażi ta’ 15-il rapport finali li kienu disponibbli dak iż-żmien bejn l-2007 u l-2009. Ir-rata medja ta’ impjieg mill-ġdid kienet ta’ 41,8 %. Ir-rati tal-impjieg mill-ġdid qabżu l-punt ta’ riferiment ta’ 50 % f’6 mill-ewwel 15-il każ kofinanzjat tal-FEG, filwaqt li ma laħqux il-mira f’9 minn 15-il każ. Il-varjazzjoni tar-riżultati tal-impjieg mill-ġdid hija kbira: mill-ogħla rata ta’ 78,2 % f’każ il-Ġermanja sar-rati konsiderevolment iktar baxxi ta’ 4-6 % f’każijiet fil-Portugall, Spanja u l-Italja. Bil-għan li jinkisbu livelli komparabbli ta’ effikaċja, għandu jiġi kkunsidrat l-irbit ta’ parti mill-appoġġ mogħti mar-riżultati tal-assistenza. Fil-perjodu l-medju (iktar minn tnax-il xahar wara li tintemm l-assistenza tal-FEG), ir-rati tal-impjieg mill-ġdid fil-fatt żdiedu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (fejn kien hemm informazzjoni disponibbli) minkejja l-impatt tal-kriżi ekonomika globali fl-ekonomiji lokali. Ir-rata tal-impjieg tal-benefiċjarji tal-FEG żdiedet tul is-snin fi 8 każijiet u naqset fi 3 każijiet. Ir-rata medja ta’ impjieg mill-ġdid ta’ dawn il-każijiet żdiedet b’7 punti perċentwali. Il-konklużjoni ġenerali li, apparti mill-utilizzazzjoni modesta tal-Fond, ir-riżultati huma tajbin tidher ġustifikabbli.

3.4

Ħaġa li ma ġietx indirizzata hija t-tielet raġuni għan-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-FEG: il-fatt li l-FEG m’għandux baġit proprju. Għalhekk, l-awtorità baġitarja, f’dal-każ il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, trid tiddeċiedi separatament dwar kull applikazzjoni jekk jistħoqqilhiex l-appoġġ jew le. Minkejja l-fatt li l-mudell, strument imfassal barra l-istrutturi eżistenti tal-UE, jagħmilha possibli li jkun hemm reazzjoni rapida u flessibbli, il-proċedura amministrattiva li kellha tiġi segwita għal raġunijiet ta’ preċiżjoni hija waħda twila ħafna u burokratika. Wieħed irid iżomm f’moħħu l-ispejjeż għoljin tal-proċess ta’ approvazzjoni, bħat-traduzzjoni fi 22 lingwa, il-kmamar għal-laqgħat, id-dokumenti għal-laqgħat, il-ħin tal-parteċipanti u l-interpretazzjoni, fl-istadji differenti u varji tal-proċess ta’ approvazzjoni. Kull applikazzjoni ġiet approvata u wieħed jistaqsi jekk il-flus li ntefqu fuq il-proċess ta’ approvazzjoni setgħux jiġu allokati għall-benefiċċju tal-ħaddiema milquta. Il-vantaġġ tal-proċedura attwali tal-FEG huwa li l-proċedura hija trasparenti ferm u toħroġ fid-dieher l-impenn tal-UE li tiġġieled l-esklużjoni soċjali. Għad li t-trasparenza u l-viżibbiltà huma tal-ikbar importanza, trid issir xi ħaġa biex il-proċedura titħaffef u jitnaqqsu l-ispejjeż.

3.5

Fost il-mudelli potenzjali l-oħra li jissemmew fil-proposta u d-dokumenti ta’ akkumpanjament (1), insibu l-integrazzjoni tal-FEG fil-FSE jew it-tkomplija tal-FEG bħala korp indipendenti b’baġit proprju. Iż-żewġ mudelli għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. Jekk il-FEG jiġi integrat fil-FSE, l-iżvantaġġ ewlieni jkun il-bżonn ta’ allokazzjoni ċara mill-baġit tal-UE, minkejja l-fatt li huwa impossibbli li s-sensji jiġu pjanati jew programmati. Fost il-vantaġġi ċari, insibu l-konsistenza u l-komplementaritajiet mal-FSE, it-tnaqqis potenzjali fid-dewmien tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-semplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-FEG. It-tielet għażla, li l-FEG jitkompla bħala korp indipendenti tal-UE b’baġit proprju, apparti għadd ta’ żvantaġġi, għandha biss vantaġġ wieħed: viżibbiltà ikbar tas-solidarjetà Ewropea.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-ewwel nett, il-KESE jixtieq jesprimi s-sorpriża tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011 li jirtira l-possibbiltà li l-FEG jintuża wkoll biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi soċjali mhux mistennija tal-kriżi ekonomika f’każijiet li jeħtieġu l-Ewwel Għajnuna matul l-aħħar sentejn tal-perjodu ta’ żmien attwali tal-Fond (2012 u 2013). Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet tal-FEG sas-17 ta’ Novembru 2011 turi biċ-ċar li l-Fond ħadem relattivament tajjeb f’dan ir-rigward u inqas tajjeb fit-twettiq tal-għan oriġinali tiegħu li jiġġieled il-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni. Kemm fl-2009 kif ukoll fl-2010, ġew approvati 23 applikazzjoni biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-kriżi meta mqabbla mas-sitt applikazzjonijiet biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill iqis li sakemm il-kriżi tintemm, il-FEG ikun jista’ jintuża wkoll biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-kriżi. Il-KESE jixtieq jagħmilha assolutament ċara li x-xewqa tiegħu hi li l-estensjoni biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika tiġi inkluża fit-tkomplija tal-Fond filwaqt li jkomplu jitnaqqsu l-ostakli għall-applikazzjonijiet.

4.2

Għad li n-numru ta’ applikazzjonijiet żdied wara l-2008, l-appell li sar lill-FEG għadu modest ħafna. Għaldaqstant, jidher loġiku li l-livelli limitu għall-applikazzjonijiet jitbaxxew iżjed milli ġie propost. Fis-sejbiet preliminari tal-valutazzjoni ta’ nofs it-term tal-FEG b’rabta mat-tnaqqis fil-livell limitu tal-għadd ta’ sensji minn 1 000 għal 500, insibu li f’xi kuntesti, dan in-numru mnaqqas xorta jkun għadu meqjus bħala wieħed għoli wisq, peress li anke t-telf ta’ 200-300 impjieg jista’ jwassal għal xokk qawwi għall-kuntesti lokali u reġjonali. Il-livell limitu eżistenti (ta’ 500 impjegat) jista’ jkun għadu għoli wisq jekk inħarsu lejn il-proċessi tad-delokalizzazzjoni u l-esternalizzazzjoni li għaddejjin bħalissa. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li dan il-livell limitu jitnaqqas għal 200 impjegat.

4.3

Il-KESE jixtieq jissuġġerixxi żewġ possibbiltajiet oħra għat-titjib tal-prestazzjoni tal-FEG. B’mod ġenerali, l-SMEs huma żgħar wisq u għandhom ftit wisq riżorsi biex ikunu aġġornati kompletament dwar il-possibbiltajiet li toħloq l-UE f’ċerti ċirkostanzi. Aktarx li ħafna SMEs li qed jitħabtu mal-problemi li l-FEG joffri soluzzjoni għalihom lanqas biss jafu li dan il-Fond jeżisti u għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw minnu. Il-KESE jassumi li hemm ħafna x’jintrebaħ jekk is-sidien/il-maniġers tal-SMEs ikunu infurmati dwar il-possibbiltajiet tal-FEG permezz ta’ kampanja massiva ta’ informazzjoni. Idea oħra li taf iżżid l-impatt pożittiv tal-prestazzjoni tal-FEG tista’ tkun li l-imsieħba soċjali jiġu involuti sa mill-bidu tal-proċedura bl-applikazzjonijiet għall-Fond.

4.4

L-analiżi s’issa wriet bil-provi li t-tħassib kbir fl-Istati Membri matul l-ewwel stadju tat-tħaddim tal-FEG kien ibbażat parzjalment fuq il-livell għoli ta’ kontribuzzjoni proprja li kellha titħallas. Għalhekk, il-proporzjonijiet ġew modifikati fl-2009, u jidher li dan it-tibdil kellu impatt pożittiv. Billi l-kriżi attwali għadha tirrikjedi strumenti sodi u attivi għas-suq tax-xogħol, il-KESE jirrakkomanda li l-kofinanzjament tal-UE jiżdied sa 75 % biex l-utilizzazzjoni tal-FEG tkompli tittejjeb.

4.5

Il-Kummissjoni tipproponi li tkompli bl-istess mudell bħall-FEG attwali, bħala strument tal-kriżi barra l-qafas finanzjarju. L-iżvantaġġ ta’ dan il-mudell huwa l-proċeduri bil-mod u burokratiċi involuti. Il-burokrazija tinsab parzjalment fil-punti ta’ konġestjoni fi Brussell u parzjalment fil-punti ta’ konġestjoni fl-Istati Membri. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprova ssib soluzzjoni għal dawn il-punti ta’ konġestjoni b’tali mod li l-proċedura ssir iktar flessibbli u titħaffef u ma tibqax titqies bħala ostaklu għall-applikanti potenzjali. Pereżempju, l-applikazzjonijiet isiru mir-reġjuni, iżda jkollhom jgħaddu mil-livell nazzjonali. Dan idewwem il-proċess b’mod konsiderevoli, filwaqt li tista’ tintrebaħ ħafna effiċjenza jekk il-proċeduri ta’ dan it-tip jerġgħu jinħasbu.

4.6

Il-KESE jilqa’ l-fatt li fir-regolament il-ġdid il-kunċett ta’ “ħaddiema” mhuwiex limitat għall-persuni b’kuntratt ta’ xogħol fuq perjodu indefinit iżda ġiet estiża għall-persuni b’kuntratt ta’ terminu fiss u l-ħaddiema temporanji. Il-KESE għandu riżervi dwar l-inklużjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Il-FEG twaqqaf bħala strument flessibbli biex jappoġġja lill-impjegati li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni. L-istatus ta’ min jaħdem huwa ferm differenti minn Stat Membru għal ieħor. Dan ivarja minn esperti b’livell għoli ta’ ħiliet u b’pożizzjoni b’saħħitha fis-suq tax-xogħol għal persuni li jaħdmu għal rashom b’mod dipendenti ekonomikament li fil-fatt jinstabu fl-istess pożizzjoni bħall-impjegati, sa impriżi żgħar iffurmati minn persuna waħda. Proporzjon kbir ta’ dawn il-persuni li jaħdmu għal rashom jifformaw parti importanti mis-suq tax-xogħol. Il-persuni li jaħdmu għal rashom huma fost l-ewwel li ser jintlaqtu mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-globalizzazzjoni kif ukoll mill-kriżi ekonomika. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li dawn il-parteċipanti fis-suq tax-xogħol jiġu inklużi fil-FEG sabiex jiġi evitat il-qgħad u sabiex tiġi xprunata utilizzazzjoni aħjar tal-Fond.

4.7

Rigward is-sidien/il-maniġers tal-SMEs, il-KESE jżomm ir-riżervi tiegħu. Meta dawn ikunu sidien/maniġers ta’ SME li timpjega lin-nies, dawn jaqgħu taħt il-kategorija ta’ min iħaddem u b’hekk ma jikkwalifikawx peress li l-FEG huwa maħsub għall-impjegati li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom. L-assistenza għall-impriżi involuti tista’ faċilment toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ma’ SMEs oħra. L-applikazzjonijiet għall-FEG għal dan il-grupp jinterferixxu mal-politika tad-DĠ Intrapriża għall-SMEs li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ programmi edukattivi, tat-taħriġ u tal-innovazzjoni u għaldaqstant il-KESE huwa tal-fehma li s-sidien/il-maniġers tal-SMEs per se mhumiex eliġibbli. Madankollu, l-impjegati ta’ dawn l-SMEs jiġu inklużi meta jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba konsegwenzi mhux mistennija tal-globalizzazzjoni u jissodisfaw kundizzjonijiet oħra tal-FEG.

4.8

Il-KESE ma jaqbilx li l-FEG jiġi estiż għall-bdiewa. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-proposta tagħha li talloka sa 80 % jew aktar tal-fondi tal-FEG għall-irziezet, b’referenza għan-negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali futuri. L-UE diġà kkalkulat li t-trattati bħat-trattat ta’ Mercosur bejn l-UE u għadd ta’ pajjiżi tal-Amerika t’Isfel ser ikunu ta’ ġid għall-Unjoni kollha kemm hi, iżda fi ħdan l-UE, l-ewwel nett ser jibbenefikaw l-industrija u s-servizzi filwaqt li l-iżvantaġġi ser jolqtu lill-agrikoltura. Ħafna minn dawn il-ftehimiet futuri x’aktarx ikollhom l-istess riżultat.

4.9

Il-proposta ssostni li l-FEG għandu jipprovdi “appoġġ speċifiku ta’ darba għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar ipprovokati mill-globalizzazzjoni li qed tiżdied ta’ xejriet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċ”. Fil-paragrafu li jmiss, il-Kummissjoni żżid li “permezz tal-FEG l-Unjoni se tkun tista’ wkoll tipprovdi sostenn f’każijiet ta’ sensji fuq skala kbira li jirriżultaw minn taqlib serju fl-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali ikkawżat minn kriżi mhux mistennija. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG għalhekk se jkompli jestendi biex jipprovdi appoġġ tranżitorju għall-bdiewa biex jiffaċilita l-adattament tagħhom għall-qagħda ġdida tas-suq li tirriżulta mill-konklużjoni tal-Unjoni dwar ftehimiet kummerċjali li jaffettwaw il-prodotti agrikoli.”

4.10

Hemm għadd ta’ raġunijiet importanti għalfejn mhuwiex adatt li l-istrument tal-FEG jiġi estiż għall-agrikoltura. Il-problemi li ser tiffaċċja l-agrikoltura bħala konsegwenza ta’ dawn il-ftehimiet kummerċjali ser ikunu strutturali billi t-trattati futuri x’aktarx ikollhom l-istess riżultat u l-FEG ser ikun biss strument temporanju. Barra minn hekk, it-trattati bħat-trattat ta’ Mercosur, normalment ikunu ilhom jiġu negozjati għal snin twal u ma jistgħux jitqiesu bħala “taqlib serju fl-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali ikkawżat minn kriżi mhux mistennija”. Dan ser ikun taqlib serju tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali kkawżat minn azzjoni intenzjonata u mħejjija bir-reqqa min-naħa tal-Unjoni Ewropea. M’hemm l-ebda dubju li l-agrikoltura għandha tiġi kumpensata għal dan il-piż. Iżda dan għandu jsir minn strument imfassal apposta għal dan is-settur. Il-KESE jappella sabiex il-FEG, li ġie stabbilit biex jgħin lil dawk il-ħaddiema li jkunu tkeċċew minn xogħolhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol, jibqa’ riżervat għal dan il-għan fil-futur.

Brussell, 23 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  SEC (2011) 1130, 1131 u 1133 final.