15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern”

COM(2012) 372 final – 2012/0180 (COD)

2013/C 44/18

Relatur: is-Sur LEMERCIER

Nhar l-10 ta’ Settembru 2012 u nhar il-11 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 50 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern

COM(2012) 372 final — 2012/0180 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’116-il vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova u jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-governanza tas-soċjetajiet kollettriċi tad-drittijiet diġitali u dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għall-mużika fis-suq uniku.

1.2

Fil-fatt, huwa jikkunsidra li l-kamp ta’ applikazzjoni hu magħżul tajjeb minħabba l-importanza tal-mużika fis-swieq tal-kontenut kulturali online, u jista’ jippermetti li jinsab mod kif jiġu mmaniġġjati d-drittijiet b’mod transkonfinali li mbagħad iservi ta’ mudell jew għall-inqas ta’ ispirazzjoni għall-bejgħ online tal-kontenut multimedjali u tal-kotba.

1.3

Il-KESE kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt (1) kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-professjonisti u tal-konsumaturi. Huwa jaqbel li jeħtieġ jiġi stabbilit qafas legali uniformi għas-soċjetajiet kollettriċi, u li jinħoloq xi tip ta’ passaport Ewropew ta’ liċenzji għall-mużika online.

1.4

Hu jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li s-soċjetajiet kollettriċi jiġu appoġġjati matul fażi tranżitorja sabiex huma jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għal din il-forma ta’ distribuzzjoni transkonfinali, li toħolqilhom problemi tekniċi u materjali li l-KESE huwa konxju tagħhom.

1.5

Huwa japprova l-bażi legali proposta (Artikoli 50 sa 54 tat-TFUE) li tikkonċerna l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern. Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, għandu jitqies li s-soċjetajiet kollettriċi huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u għandhom karatteristiċi partikolari għalihom li jagħmluhom differenti min-negozji.

1.6

Ta’ sikwit il-kreaturi jkunu f’sitwazzjoni prekarja ħafna minħabba li s-suċċess tagħhom mhuwiex ċert u d-dħul mhuwiex regolari. Is-soċjetajiet kollettriċi jistgħu jgħinu lill-kreaturi jwettqu azzjonijiet kulturali billi jappoġġjaw ir-repertorji l-iktar fraġli u lill-artisti li jkunu qed jibdew il-karriera tagħhom. Billi huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, is-soċjetajiet kollettriċi jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-awturi li jinsabu f’diffikultà u jgħinu l-promozzjoni ta’ talenti ġodda. Huwa fatt li s-soċjetajiet kollettriċi jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tax-xena kulturali Ewropea u għall-iżvilupp tal-ekonomija kulturali.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

2.1

Skont il-Kummissjoni, l-acquis communautaire fis-seħħ dwar id-drittijiet tal-awtur huwa ristrett għad-definizzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, għal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet u għad-dispożizzjonijiet relatati.

2.2

Huma ftit ħafna d-dispożizzjonijiet tad-“Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur” u l-atti relatati (2) li jittrattaw l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet, u l-ebda waħda minnhom ma tistabbilixxi qafas għall-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi. Jekk issa ġew stabbiliti u qed ikomplu jiġu żviluppati regoli vinkolanti dwar il-governanza tagħhom u t-trasparenza, dan huwa r-riżultat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

2.3

Iżda fil-prattika l-liġijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Ir-regoli dwar is-soċjetajiet kollettriċi huma differenti wkoll u, fuq kollox, l-arranġamenti u l-prattiki għas-sorveljanza tal-użu tal-fondi miġburin u t-tqassim tagħhom fost id-detenturi tad-drittijiet ivarjaw b’mod konsiderevoli fil-prattika u sikwit ma jkunux trasparenti. F’xi pajjiżi ġew innotati wkoll prattiki li kważi kważi huma abbuż mill-prodotti soċjali.

2.4

L-għan tal-Proposta hu “li ddaħħal fis-seħħ qafas ġuridiku xieraq għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet li huma amministrati minn soċjetajiet kollettriċi f’isem id-detenturi tad-drittijiet billi tipprovdi:

regoli dwar il-governanza aħjar u t-trasparenza ikbar tas-soċjetajiet kollettriċi kollha, kif ukoll

billi tindirizza l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali tagħhom mis-soċjetajiet kollettriċi li jirrappreżentaw lill-awturi.’

2.5

Dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss bis-saħħa ta’ att legali adegwat (f’dan il-każ, direttiva) fil-livell Ewropew, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

2.6

Il-KESE japprova l-għanijiet tal-Proposta u d-dispożizzjonijiet legali l-oħra previsti biex jintlaħqu. Japprova wkoll il-bażi legali magħżula għad-Direttiva, jiġifieri l-Artikoli 50 u 51 sa 54 tat-TFUE, u l-fatt li l-Proposta m’għandha l-ebda impatt fuq il-baġit.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu (3) dwar ir-regoli essenzjali li għandhom ikunu vinkolanti fil-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u l-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi, bil-għan li jiġi żgurat li l-fondi miġburin jitqassmu b’mod ġust fost l-awturi u d-detenturi tad-drittijiet u li l-immaniġġjar isir b’mod trasparenti taħt il-kontroll tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi u ta’ awtorità amministrattiva jew legali indipendenti tal-verifika tal-kontijiet li kull tant żmien għandha tippubblika rapport dwar l-attività ta’ kull soċjetà kollettriċi, kif diġà huwa l-każ f’diversi Stati Membri.

3.2

L-ispirtu tal-abbozz ta’ Direttiva għandu jkun konformi ma’ dak tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, jiġifieri l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni. Fil-fatt, il-protezzjoni tagħhom tgħin biex tinżamm u tiġi żviluppata l-kreattività fl-interess tal-awturi, l-artisti, il-produtturi, l-intrapriżi u l-pubbliku ġenerali.

3.3

Il-fatt li ntgħażel is-suq tal-mużika biex issir proposta leġislattiva jista’ jiġi spjegat kemm minħabba l-importanza relattiva tal-mużika fis-suq Ewropew meta mqabbla ma’ servizzi kulturali offruti oħra, kif ukoll minħabba raġunijiet tekniċi, għaliex il-mużika m’għandhiex bżonn tiġi adattata mil-lat ta’ lingwa.

3.4

Jaf forsi kien ikun aħjar li kieku ġew ippreżentati żewġ abbozzi ta’ direttivi, waħda b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali għas-soċjetajiet kollettriċi u l-oħra dwar il-liċenzji multiterritorjali għad-distribuzzjoni tal-mużika online.

3.5

Madankollu, il-KESE jista’ jaċċetta direttiva waħda minħabba r-rwol fundamentali tas-soċjetajiet kollettriċi fid-distribuzzjoni tal-mużika; huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmaniġġjaw il-liċenzji u jiġbru u jqassmu l-ħlasijiet f’isem id-detenturi tad-drittijiet. Però meta d-detenturi tad-drittijiet jagħżlu b’mod ħieles li jafdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom f’idejn soċjetà kollettriċi, huma għandhom iżommu l-possibbiltà li jikkontrollaw l-użu tagħhom u li jivverifikaw li l-immaniġġjar finanzjarju huwa trasparenti u ġust.

3.6

Il-KESE jemmen li l-istandards volontarji, bħal dawk mixtieqa mis-soċjetajiet kollettriċi, mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu regoli tal-immaniġġjar miftuħin, ċari u uniformi li jridu l-awturi u d-detenturi tad-drittijiet. Fil-prattika, ir-regoli mhux vinkolanti (soft law) jikkontribwixxu biex jinżammu d-diversità u r-rwol eċċessivi tar-regoli territorjali, li jiddominaw u jifframmentaw is-suq Ewropew tad-distribuzzjoni tal-kontenut kulturali online.

3.7

Il-KESE jemmen li direttiva hija att adegwat għaliex hi tikkonsolida l-liġi filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jwettqu xi aġġustamenti fl-applikazzjoni tagħha skont iċ-ċirkustanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

3.8

Fir-rigward tas-soċjetajiet kollettriċi, il-KESE jaqbel bis-sħiħ li “l-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi fis-setturi kollha jeħtieġ li jadatta ruħu f’termini tas-servizz ipprovdut lill-membri u lill-utenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-effiċjenza, il-preċiżjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà”. Dawn ir-rekwiżiti għandhom lok naturali ħafna fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u l-Istrateġija Ewropa 2020 “għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, u l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bl-isem “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” u “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” kif ukoll fis-segwitu tal-“Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea”.

3.9

“Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE dwar l-immaniġġjar kollettiv transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi tal-mużika online leġittimi stiednet lill-Istati Membri sabiex jippromovu ambjent regolatorju adattat għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ mużika online leġittimi u biex itejbu l-istandards ta’ governanza u trasparenza tas-soċjetajiet kollettriċi.”

3.10

Iżda r-rakkomandazzjonijiet mhumiex vinkolanti; il-Proposta għal Direttiva timla dan il-vojt.

3.11

Barra minn hekk, “[d]in il-proposta tikkumplementa d-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern li għandha l-għan li toħloq qafas ġuridiku biex jiżgura l-libertà tal-istabbilment u l-moviment ħieles ta’ servizzi bejn l-Istati Membri. Is-soċjetajiet kollettriċi huma suġġetti għad-Direttiva 2006/123/KE bħala fornituri ta’ servizzi ta’ immaniġġjar kollettiv.” Il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar l-applikazzjoni mutatis mutandi tad-Direttiva dwar is-Servizzi kollha kemm hi għas-soċjetajiet kollettriċi. Għandhom jiġu eżaminati aktar fil-fond l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn is-soċjetajiet kollettriċi li m’għandhomx skop ta’ qligħ.

3.12

Għaldaqstant, l-abbozz ta’ Direttiva tfassal b’mod konsistenti għalkollox mal-liġi attwali u mal-prospetti ppreżentati fil-programmi għall-iżvilupp tas-suq intern u b’konformità mal-ftehimiet internazzjonali li huma msieħba fihom l-Istati Membri. Il-KESE japprova d-dispożizzjonijiet proposti.

3.13

Il-KESE, bħall-Kummissjoni u b’konsistenza sħiħa mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, huwa favur qafas ta’ governanza u ta’ trasparenza li jikkodifika l-prinċipji eżistenti u jipprovdi qafas aktar dettaljat ta’ regoli dwar il-governanza u t-trasparenza filwaqt li jżid il-possibbiltajiet ta’ kontroll tas-soċjetajiet kollettriċi. Ir-rispett ta’ governanza tajba jista’ jiġi garantit biss permezz ta’ skrutinju annwali tal-immaniġġjar mill-membri kollha kif ukoll minn awtorità jew istituzzjoni indipendenti.

3.14

Madankollu, il-KESE għandu xi dubji dwar il-kapaċitajiet tekniċi ta’ bosta soċjetajiet kollettriċi li joperaw bħalissa fit-territorju Komunitarju biex jibdew iwettqu mingħajr diffikultajiet il-ġestjoni tal-liċenzji multiterritorjali.

3.15

Problema sinifikanti oħra hi l-aggregazzjoni tar-repertorji. Il-Kummissjoni tipproponi “passaport Ewropew” li jiffaċilita b’mod konsiderevoli din l-aggregazzjoni u, b’hekk, il-ħruġ tal-liċenzji. Dan għandu jippermetti li jiġu stabbiliti “regoli komuni […] u joħloq pressjoni kompetittiva fuq is-soċjetajiet sabiex jiżviluppaw prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzji aktar effiċjenti”. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ.

3.16

Huwa japprova wkoll il-bażi legali tal-Artikolu 50 tat-TFUE (ex Artikolu 44 TKE) dwar il-libertà tal-istabbiliment, kif ukoll l-Artikoli 53 (ex Artikolu 47) u 62 (ex Artikolu 55) tat-TFUE; dan tal-aħħar jirreferi għall-Artikoli 51 sa 54 tat-TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għandhom jippromovu l-kreattività artistika permezz ta’ remunerazzjoni ġusta jew proporzjonata għad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet jew il-werrieta tagħhom matul perjodu ta’ bejn 50 u 95 sena, skont id-drittijiet protetti u l-leġislazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Din ir-remunerazzjoni għandha tiggarantixxi sigurtà materjali suffiċjenti biex ikunu jistgħu jissoktaw bil-ħidma kreattiva tagħhom. Fil-prattika, fis-settur tal-mużika kif ukoll f’oħrajn, ftit awturi jistgħu jgħixu mid-drittijiet tagħhom, l-aktar minħabba l-mod kif jaħdmu s-soċjetajiet kollettriċi, li huma jiddeskrivuh bħala opak, u minħabba l-kontroll tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni minn oligopolji transnazzjonali.

4.2

Fil-prattika, parti essenzjali mill-ammonti dovuti mill-utenti tal-liċenzji jinġabru mis-soċjetajiet kollettriċi, nazzjonali jew internazzjonali, li mbagħad iqassmuhom fost l-awturi li huma membri tagħhom:

jew skont il-formoli tat-tqassim ta’ kull soċjetà kollettriċi individwali għall-pagamenti b’rata fissa, li toħloq nuqqas ta’ trasparenza fl-attivitajiet tagħhom;

jew skont kontijiet individwali meta d-detenturi tad-drittijiet u x-xogħlijiet liċenzjati jiġu identifikati b’mod individwali (dan japplika fid-distribuzzjoni online, fejn l-informazzjoni sħiħa meħtieġa tista’ tinkiseb aktar faċilment).

4.3

Madankollu, il-parti li effettivament jirċievu d-detenturi tad-drittijiet fi Franza, pereżempju, ġeneralment tkun bejn 9 u 10 % tad-dħul tal-industrija tal-mużika, sew fil-bejgħ tas-CDs u sew fid-distribuzzjoni online, għalkemm l-ispejjeż tad-distribuzzjoni online huma ħafna inqas mid-distribuzzjoni offline. Il-kumpaniji tal-produzzjoni, speċjalment il-“kbar”, jirċievu madwar 50 % tad-dħul mid-distribuzzjoni offline u aktar minn 60 % tad-dħul mid-distribuzzjoni online; l-ispejjeż operattivi tas-soċjetajiet kollettriċi jkunu sikwit għoljin ħafna, u mas-sħubija tagħhom il-membri jkunu obbligati jagħtu lis-soċjetà l-esklużività tax-xogħlijiet kollha tagħhom. Barra minn hekk, bosta drabi l-produtturi jiċċarġjaw lill-awturi l-ispejjeż tar-reklamar jew spejjeż oħrajn li jkomplu jnaqqsulhom sehemhom.

4.4

Il-KESE jinnota li l-abbozz ta’ Direttiva jindirizza l-bżonnijiet ta’ armonizzazzjoni fis-suq intern, b’konformità mal-bażi legali magħżula, u fl-istess ħin jindirizza wkoll it-trasparenza, l-ekwità u l-kontroll tal-immaniġġjar li jintalbu mid-detenturi tad-drittijiet kif ukoll ir-remunerazzjoni ġusta tal-membri tas-soċjetajiet kollettriċi. Ħafna mill-membri jħossu li qatt ma jirċievu xejn, filwaqt li għadd ċkejken ta’ membri jieħdu l-akbar parti (4). Madankollu, il-Kumitat jinnota wkoll li l-kunratti inġusti imposti mill-pubblikaturi u d-distributuri l-kbar fis-settur tal-mużika għadhom fis-seħħ u ser ikomplu jwaqqfu lill-parti l-kbira tal-awturi u d-detenturi tad-drittijiet milli jirċievu remunerazzjoni ġusta għax-xogħol tagħhom. Għalhekk, f’għajnejn il-Kumitat l-abbozz ta’ leġislazzjoni mhuwiex wieħed sħiħ b’mod li jista’ jiżgura l-promozzjoni ġenwina tal-kultura u tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi permezz ta’ remunerazzjoni adegwata għall-awturi u l-kreaturi.

4.5

Fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma dispożizzjonijiet minimi li jagħtu lill-Istati Membri flessibbiltà kbira fit-traspożizzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għat-talbiet tal-awturi u l-kreaturi u biex jippromovu bl-aħjar mod il-kultura u t-tixrid tagħha. Il-KESE, għalhekk, ma jistax jaqbel ma’ ċerti assembleji leġislattivi li jgħidu li l-abbozz ta’ Direttiva ma jirrispettax is-sussidjarjetà għaliex hu wisq preskrittiv u dettaljat. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar kif l-awturi jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv mit-tnaqqis fl-ispejjeż tad-distribuzzjoni tal-mużika online, għaliex iż-żieda fid-dħul qed tiġi kkapparrata minn attur wieħed tas-suq li b’dan il-mod jipprova jikkumpensa t-tnaqqis fid-dħul mid-distribuzzjoni offline. Fil-fatt, il-kumpaniji l-kbar jipprovaw jużaw kuntratti inġusti u lobbying intensiv favur leġislazzjoni li trażżan bil-kbir il-kummerċ online sabiex iżommu ekonomija tal-iskarsezza, filwaqt li l-internet jippermetti distribuzzjoni tal-massa mingħajr limitu u bi prezz baxx ħafna.

4.6

L-artisti għandhom jikkontrollaw aħjar il-promozzjoni tax-xogħlijiet tagħhom online u tad-dħul li jiġġeneraw. Għandhom ikunu jistgħu jiddistribwixxu direttament ċerti xogħlijiet, b’xejn jew bi prezz baxx, għall-promozzjoni tagħhom. L-internet ħoloq il-possibbiltà ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament għax-xogħol tal-awturi, bħas-sejħa għal fondi mingħand l-udjenzi ta’ produzzjonijiet futuri. Id-Direttiva għandha tagħti aktar kontroll u possibbiltajiet lill-awturi.

4.7

Il-KESE jilqa’ l-Artikolu 38, li jistieden lill-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet biex jiżguraw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet trasposti fil-liġi nazzjonali tagħhom.

4.8

It-Titolu II jikkonċerna l-ewwel parti tad-Direttiva, jiġifieri l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi ta’ kull tip. Ir-rekwiżiti tat-trasparenza u r-rappurtar, li l-KESE jisħaq b’mod partikolari fuqhom, jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti fil-Kapitolu 5 tat-Titolu II (Artikoli 17 sa 20).

4.9

Id-dispożizzjonijiet komplementari jkomplu jsaħħu l-obbligi ta’ trasparenza. L-Artikolu 8 jikkonċerna b’mod partikolari l-funzjoni superviżorja u joffri lill-membri garanziji ta’ mmaniġġjar tajjeb; il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan. It-Titolu IV, li jittratta t-tilwim (Artikoli 34 sa 40) u jinkludi l-proċeduri tal-ilmenti (Artikolu 37), jikkumplementa b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tas-soċjetajiet kollettriċi billi lill-membri jagħtihom il-possibbiltà li jikkontestaw meta jqisu li d-drittijiet tagħhom ġew immaniġġjati ħażin.

4.10

Fir-rigward ta’ ċerti kriterji proposti biex il-liċenzji multiterritorjali ma jiġux imposti fuq is-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar, il-KESE jinnota li hemm ir-riskju li jkun hemm konċentrazzjonijiet fis-suq li jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-atturi ż-żgħar, bħal dawk f’ċerti pajjiżi b’popolazzjoni żgħira jew ta’ ċerti minoranzi nazzjonali, li l-kontribut tagħhom għall-kulturi tal-Ewropa jista’ jirrikjedi miżuri partikolari ta’ appoġġ biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq Ewropew tal-liċenzji. Il-KESE jemmen li, minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ diversità kulturali u b’konformità mal-Artikolu 107 tat-TFUE, is-soċjetajiet kollettriċi ż-żgħar f’dawn il-pajjiżi għandhom jibbenefikaw minn appoġġ pubbliku bil-għan li jkunu jistgħu jiżviluppaw direttament il-katalgi tagħhom fil-livell Ewropew u joffru huma stess liċenzji multiterritorjali.

4.11

Id-dispożizzjonijiet previsti biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u biex jiġu garantiti mmaniġġjar trasparenti u effiċjenti u r-rappurtar lill-membri tas-soċjetajiet kollettriċi huma adegwati, b’mod partikolari l-Artikolu 9, li jistabbilixxi l-obbligi tal-persuni li effettivament jimmaniġġjaw in-negozju tas-soċjetajiet kollettriċi.

4.12

It-Titolu III (Artikoli 21 sa 33) jikkonċerna l-liċenzji Ewropej għall-mużika online. L-Artikolu 21 (Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fis-suq intern) jistabbilixxi l-prinċipju li l-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tkun riveduta effettivament mill-awtoritajiet kompetenti (ara d-definizzjoni tagħhom fl-Artikolu 39).

4.13

L-Artikolu 22 (Kapaċità li jiġu pproċessati liċenzji multiterritorjali) jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ċentrali tat-tieni parti tad-Direttiva. Is-soċjetajiet kollettriċi li joħorġu l-liċenzji multiterritorjali jrid ikollhom il-kapaċità li jipproċessaw elettronikament b’mod trasparenti u effiċjenti d-data meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-liċenzji, il-fatturazzjoni tal-utenti, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet tal-awtur u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Il-KESE japprova r-rekwiżiti dettaljati (paragrafu 2) u l-fatt li huma rekwiżiti minimi, iżda jisħaq fuq id-diffikultajiet prattiċi li ser jinqalgħu biex jiġi evalwat jekk huma jwasslux għan-nullifikazzjoni jew le.

4.14

Ir-rekwiżiti għas-soċjetajiet kollettriċi huma neċessarji. L-Artikolu 23 (Trasparenza ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali) jirrikjedi li din l-informazzjoni “tinkludi x-xogħlijiet mużikali rappreżentati, id-drittijiet rappreżentati, b’mod sħiħ jew parzjali, u l-Istati Membri rappreżentati” u l-Artikolu 24 (Preċiżjoni ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali) jesiġi li s-soċjetajiet kollettriċi jistabbilixxu proċeduri li jippermettu “lid-detenturi tad-drittijiet u lil soċjetajiet kollettriċi oħra, joġġezzjonaw għall-kontenut tad-dejta msemmija fl-Artikolu 22(2) jew l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 23”. Il-KESE jemmen li s-soċjetà kollettriċi għandha taċċetta kull tip ta’ prova legali u mbagħad għandha twettaq il-korrezzjonijiet meħtieġa b’mod diliġenti.

4.15

Il-ħtieġa li s-soċjetà kollettriċi tissorvelja l-użu tad-drittijiet mill-fornituri tas-servizzi li tkun ħarġitilhom liċenzja multiterritorjali tobbligaha toffri l-possibbiltà li l-użu effettiv tad-drittijiet jiġi rappurtat online permezz ta’ metodu rikonoxxut mill-istandards volontarji tas-settur u l-prattiki fis-seħħ. Il-KESE japprova l-possibbiltà li jiġi rifjutat ir-rappurtar mill-utent f’format proprjetarju, jekk is-soċjetà kollettriċi tkun ipprovdiet metodu għar-rappurtar skont standard rikonoxxut għall-iskambju elettroniku tad-data.

4.16

Il-KESE jenfasizza li l-użu ta’ standards miftuħin u ħielsa, inkluż għall-fatturazzjoni online (Artikolu 25) huma soluzzjoni adegwata u aċċettabbli f’kull ċirkostanza, u dan għandu jiġi speċifikat hawnhekk.

4.17

Il-KESE japprova r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 dwar il-fatturazzjoni preċiża u fil-ħin, immedjatament wara l-użu tal-liċenzja multiterritorjali, kif ukoll l-obbligu li l-fornituri tas-servizzi jkollhom proċedura biex jikkontestaw il-fatturi. Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jingħataw ħlas preċiż u fil-ħin (Artikolu 26). Il-KESE jappova r-rekwiżiti dettaljati rigward l-informazzjoni li tingħata lid-detenturi tad-drittijiet flimkien mal-ħlas, kif ukoll il-ġustifikazzjoni tal-ammonti miġburin.

4.18

Il-KESE jappoġġja wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27, 28 u 29 (Obbligu ta’ rappreżentazzjoni ta’ soċjetà kollettriċi oħra għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali), li permezz tagħhom soċjetà kollettriċi li ma toħroġx jew ma toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet fuq xogħlijiet mużikali fir-repertorju tagħha tista’ titlob lil soċjetà kollettriċi oħra li tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva sabiex tidħol fi ftehim ta’ rappreżentazzjoni biex tirrappreżenta dawn id-drittijiet.

4.19

Il-KESE jitlob li l-kliem jiġi ċċarat: jeżisti obbligu jew le li tiġi aċċettata r-rappreżentazzjoni fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 29(1)?

4.20

Il-KESE japprova wkoll id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tal-Artikolu 30 (Aċċess għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali), tal-Artikolu 31 (Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali minn sussidjarji ta’ soċjetajiet kollettriċi), u tal-Artikolu 32 (It-termini ta’ ħruġ ta’ liċenzji f’servizzi online).

4.21

Il-KESE jaqbel mad-deroga (Artikolu 33) li tistabbilixxi li r-rekwiżiti fit-Titolu III ma japplikawx għas-soċjetajiet kollettriċi li, abbażi tal-aggregazzjoni volontarja tad-drittijiet meħtieġa, joħorġu liċenzja multiterritorjali għad-drittijiet online f’xogħlijiet meħtieġa minn xandar għall-programmi tiegħu tar-radju u t-televiżjoni.

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  SWD(2012) 204 final (disponibbli bl-Ingliż biss) u SWD(2012) 205 final.

(2)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u diversi atti relatati – direttivi u rakkomandazzjonijiet – fosthom id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva).

(3)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28 u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 32.

(4)  senat.fr/lc/lc30_mono.html – studju komparattiv dwar is-soċjetajiet kollettriċi fl-Ewropa.