17.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/7


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Marzu 2012

dwar governanza ekonomika msaħħa għaż-żona tal-euro

(CON/2012/18)

2012/C 141/03

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-21 ta’ Diċembru 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost dwar il-monitoraġġ ta’ abbozzi tal-pjanijiet baġitarji”) u dwar regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro (2) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost dwar it-tisħiħ tal-proċeduri ta’ sorveljanza”) (iktar ’il quddiem imsejħa konġuntament ir-“regolamenti proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolamenti proposti huma relevanti għall-objettiv ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, kif imsemmi fl-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Kif huwa ddikjarat fl-Opinjoni CON/2011/13 (3), il-kriżi preżenti wriet biċ-ċar ħafna li riforma ambizzjuża għall-qafas tal-governanza ekonomika hija fl-interess profond u predominanti tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u, b’mod partikolari, taż-żona tal-euro. It-tisħiħ tal-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir (SGP), li jinsab fil-pakkett leġiżlattiv ta’ sitt atti legali (4) li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 ħoloq qafas tal-Unjoni aktar b’saħħtu għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika u fiskali. Peress li l-appartenenza għall-unjoni monetarja għandha implikazzjonijiet estiżi u titlob koordinazzjoni u sorveljanza ħafna iktar mill-qrib sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u s-sostenibbiltà taż-żona tal-euro sħiħa, l-Euro summit tas-26 ta’ Ottubru 2011 stqarr l-impenn tiegħu li jiġu implimentati miżuri addizzjonali.

B’mod konformi mal-pożizzjoni li esprima fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti legali fuq imsemmija, li jsejħu għal qabża kbira għaż-żona tal-euro, il-BĊE jilqa’ r-regolamenti proposti u jirrakkomanda xi emendi mmirati lejn: (a) it-tisħiħ ulterjuri tad-dixxiplina baġitarja tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; u (b) it-tisħiħ ulterjuri tas-sorveljanza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, irrispettivament minn jekk jirċevux assistenza finanzjarja jew ikollhomx bżonn jirċievu assistenza bħal din.

Il-BĊE iqis li r-regolamenti proposti huma kumpatibbli ma’ u jikkumplementaw it-Trattat il-ġdid dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (minn hawn ’il quddiem it-“TSKG”), kif miftiehem fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012.

Finalment, kundizzjoni biex jinkiseb progress bil-qabża ta’ kwalità fuq imsemmija hi li l-Istati Membri jimplimentaw fil-ħin u b’reqqa l-obbligi tagħhom taħt it-TSKG, u r-regolamenti proposti meta jiġu adottati.

I.   Regolament propost dwar il-monitoraġġ ta’ abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji

Dan ir-regolament propost fih dispożizzjonijiet li ser itejbu s-sorveljanza baġitarja ta’ abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji mill-Kummissjoni Ewropea, u jipprovdi għal proċeduri ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi. Il-BĊE jilqa’ r-regolament propost li, meta jiġi adottat, ser jikkumplementa l-SGP imsaħħaħ. Dan huwa pass ulterjuri lejn it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni fir-rigward tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. B’mod partikolari, dan għandu: (a) jeħtieġ li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jkollhom fis-seħħ regoli fiskali numeriċi dwar il-bilanċ tal-baġit li jimplimentaw l-objettivi baġitarji tagħhom għal żmien medju fil-proċessi baġitarji nazzjonali tagħhom, u kunsill fiskali nazzjonali indipendenti biex jipproduċi previżjonijiet indipendenti makroekonomiċi u/jew baġitarji għal pjanijiet fiskali annwali għal żmien medju u abbozzi ta’ liġijiet tal-baġit; (b) isaħħaħ il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, inkluż li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien baġitarja komuni, li teħtieġ l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali, u l-introduzzjoni tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta opinjoni dwar abbozz ta’ pjan baġitarju u li titlob pjan irrivedut jekk tiġi identifikata nonkonformità partikolarment serja mal-obbligi tal-SGP; (c) jgħin biex jiżgura l-korrezzjoni f’waqtha ta’ defiċits eċċessivi permezz ta’ monitoraġġ aktar mill-qrib tal-Istati Membri li huma soġġetti għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għal rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ulterjuri fil-każ ta’ riskju ta’ nonkonformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; u (d) jiżgura l-kwalità għolja ta’ kontijiet ġenerali tal-gvern permezz ta’ verifika indipendenti komprensiva, li tikkumplementa r-rekwiżiti minimi li ġew introdotti reċentement dwar l-indipendenza ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ falsifikazzjoni ta’ statistiċi baġitarji.

Fl-istess ħin, hemm lok għal titjib sabiex ir-regolament propost isir aktar b’saħħtu u effettiv. F’dan il-kuntest, il-BĊE għandu bosta osservazzjonijiet.

1.

Sabiex jissaħħaħ aktar ir-regolament, il-Kummissjoni għandha – sabiex tiżgura konformità bikrija mal-programmi ta’ stabbiltà (5) – titlob lill-Istati Membri taż-żona tal-euro mhux biss biex jissottomettu abbozz ta’ pjan baġitarju iżda wkoll pjanijiet fiskali aġġornati għal żmien medju. (6) Dawn il-pjanijiet għandhom ikopru wkoll żviluppi fid-dejn tal-gvern, passiv tal-gvern impliċitu u kontinġenti u dejta oħra relevanti għal evalwazzjoni tas-sostenibbiltà aktar fit-tul tal-finanzi pubbliċi. (7) Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tevalwa l-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji għas-sena li ġejja, waqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet baġitarji ta’ miżuri ġodda fuq żmien medju, kif ukoll kwalunkwe riskju speċifiku għall-pajjiż għas-sostenibbiltà ta’ finanzi pubbliċi.

2.

Il-BĊE jipproponi li l-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni fejn l-abbozz tal-pjan baġitarju jwassal għan-nonkonformità mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir u defiċit strutturali li jkun ogħla minn dak previst fil-programm ta’ stabbiltà ta’ Stat Membru; jew fejn il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern ikun ogħla minn 60 % tal-prodott domestiku gross u ma jkunx qiegħed jonqos b’rata suffiċjenti kif iddefinit fil-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir; jew meta l-Kummissjoni tidentifika riskji għas-sostenibbiltà fiskali. Il-Kummissjoni b’hekk għandha tieħu f’kunsiderazzjoni kull opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm tal-istabbiltà. Il-BĊE jirrakkomanda wkoll li jiġi stipulat b’mod espliċitu (fl-Artikolu 6(1)) li l-Kummissjoni tevalwa l-kwalità tal-proċess tal-ġbir tad-dejta sottostanti, li tista’ twassal pereżempju għal opinjoni dwar il-kwalità ta’ statistika baġitarji jew in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ previżjonijiet makroekonomiċi u/jew baġitarji (8).

3.

Il-Kummissjoni għandha titlob fl-opinjoni tagħha abbozz rivedut ta’ pjan baġitarju minn Stati Membri taż-żona tal-euro f’każ ta’ nonkonformità mal-obbligi tal-politika baġitarja stipulati fil-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha titlob abbozz rivedut tal-pjan baġitarju mingħand l-Istati Membri f’każ ta’ nonkonformità ta’ abbozz ta’ baġit mad-defiċit u/jew il-perkors tad-dejn speċifikat fil-programm ta’ stabbiltà ta’ Stat Membru, waqt li tqis kwalunkwe opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà, jew meta tidentifika riskji għas-sostenibbiltà fiskali (jiġifieri dan m’għandux jintalab biss f’każijiet ta’ “nonkonformità partikolarment serja” mal-obbligi tal-politika baġitarja għas-sena li jmiss kif stipulat fl-SGP, iżda malli jkun hemm kwalunkwe nonkonformità jew meta jkunu ġew identifikati riskji oħrajn għas-sostenibbiltà fiskali (9).

4.

Ir-regolament propost jistipula illi l-Kummissjoni titlob abbozz rivedut tal-pjan baġitarju f’każ ta’ “non-konformità partikolarment serju” mal-obbligi tal-politika baġitarja stipulata fl-SGP. Il-BĊE jipproponi li dan il-kliem jinbidel għal “nonkonformità” sabiex tiġi żgurata reviżjoni f’waqtha tal-abbozz tal-pjan baġitarju.

Sabiex jissaħħaħ id-driegħ korrettiv tal-SGP, il-BĊE jidhirlu li huwa ġġustifikat ukoll li tiġi segwita aktar mill-qrib l-adegwatezza ta’ miżuri korrettivi – jekk il-korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv tkun tidher dubbjuża – permezz ta’ użu aktar b’saħħtu ta’ pressjoni inter partes fi ħdan il-Grupp tal-Euro, il-Kunsill u, finalment, il-Kunsill Ewropew, kif ukoll użu akbar ta’ sanzjonijiet (reputazzjonali) (10).

II.   Regolament propost dwar it-tisħiħ ta’ proċeduri ta’ sorveljanza

Dan ir-regolament propost jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ sorveljanza applikabbli għal Stati Membri taż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew li jkunu mhedda b’tensjonijiet fis-suq finanzjarju u/jew li jirċievu assistenza finanzjarja. Ġeneralment, ir-regolament propost huwa milqugħ b’mod pożittiv, peress li jagħti bażi espliċita għall-prattika ta’ monitoraġġ aktar b’saħħtu tal-Istati Membri li jesperjenzaw tensjonijiet fis-suq finanzjarju jew li jirċievu assistenza finanzjarja. L-involviment tal-BĊE u tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ukoll jintlaqa’ b’mod pożittiv. Madankollu, il-BĊE għandu diversi osservazzjonijiet.

1.

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li anki jekk Stat Membru ma jkun qiegħed jirċievi ebda tip ta’ appoġġ finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissoġġettah għal sorveljanza msaħħa jekk ikun qiegħed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji gravi (ikun preferibbli li tintuża terminoloġija komuni fir-regolament propost kollu, li bħalissa jirreferi għal diffikultajiet “gravi” (eż. Artikolu 1) u “severi” (eż. Artikolu 2)). Barra minn hekk, ir-regolament propost ikun jista’ jinftiehem aktar faċilment jekk jingħataw eżempji ta’ x’jista’ jikkostitwixxi diffikultà serja, aktar milli jekk tingħata definizzjoni eżawrenti, li ma tkunx prudenti. Tabilħaqq, tali definizzjoni tipprevjeni l-applikazzjoni tar-regolament propost għal sitwazzjonijiet ikkawżati minn żviluppi fis-suq aktar tard li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġie adottat (11).

2.

Peress li s-sorsi ta’ diffikultajiet tal-Istati Membri taħt sorveljanza msaħħa jistgħu faċilment iħaddnu jew jiġġeneraw riskji sistemiċi, azzjoni f’dan il-qasam tista’ tibbenefika mill-involviment tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Għalhekk ikun utli li l-BERS jiġi infurmat, fejn relevanti, dwar ir-riżultati tas-sorveljanza msaħħa.

3.

Karatteristika kruċjali oħra tar-regolament propost hija li l-Kunsill jista’ jirrakkomanda li Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa jitlob assistenza finanzjarja u jħejji programm ta’ aġġustament makroekonomiku jekk jinstab li aktar miżuri huma meħtieġa u l-qagħda finanzjarja tal-Istat Membru jkollha effetti negattivi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro kollha (12). Din hija dispożizzjoni importanti peress li tħeġġeġ bis-saħħa lil Stat Membru biex jitlob assistenza finanzjarja u biex jevita dewmien bla bżonn meta dan jista’ jkollu konsegwenzi detrimentali għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro kollha. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi msaħħa billi l-Kunsill jiġi obbligat (“il-Kunsill għandu”) jagħmel rakkomandazzjoni ta’ din ix-xorta.

4.

Rigward id-differenzjazzjoni bejn assistenza prekawzjonarja b’sorveljanza msaħħa u assistenza finanzjarja b’monitoraġġ imsaħħaħ sew, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rekwiżiti ta’ aġġustament għandhom ikunu ambizzjużi f’kull każ ta’ assistenza. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex ma jevitawx programm ta’ aġġustament aktar ambizzjuż billi japplikaw għal assistenza prekawzjonarja minflok assistenza finanzjarja diretta.

5.

Huwa partikolarment pożittiv li r-regolament propost jobbliga lill-Istati Membri biex jikkonsultaw mal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE qabel ma javviċinaw lil selliefa internazzjonali għal assistenza finanzjarja. (13). Il-BĊE jinnota li l-obbligi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jixtiequ jiksbu assistenza finanzjarja għandhom jinvolvu aktar milli sempliċement skambju ta’ informazzjoni. Tabilħaqq, dawk l-Istati Membri għandhom jiddiskutu l-possibiltajiet disponibbli taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew taż-żona tal-euro u l-faċilitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u selliefa internazzjonali. Il-proċedura proposta ta’ sorveljanza msaħħa tista’ tiġi rrafforzata ulterjorment f’bosta modi. In-natura speċifika tal-assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonali hija rikonoxxuta (14), peress li l-Istati Membri li ma ngħatawx tali assistenza huma eżentati mis-sorveljanza msaħħa kemm-il darba l-linja ta’ kreditu ma tkunx ġiet prelevata, sakemm l-aċċess għal dik l-assistenza prekawzjonali ma jkunx jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ politika. Madankollu, il-monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stipulati fi strumenti tal-Unjoni u dawk intergovernattivi dwar l-assistenza finanzjarja għandu japplika wkoll għal Stati Membri li jkunu ngħataw aċċess għall-assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali, anki jekk dik l-assistenza ma tkunx marbuta mal-adozzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ politika. Fi kwalunkwe każ, jekk Stat Membru jiddeċiedi li huwa neċessarju li jitlob assistenza finanzjarja prekawzjonali, jidher li jkun iġġustifikat monitoraġġ aktar mill-qrib.

6.

Il-BĊE jinnota li r-regolament propost jeskludi mingħajr kundizzjoni lil Stati Membri li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonali u minn self li jsir għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mill-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern u d-dmir li jitħejja programm ta’ aġġustament makroekonomiku (15). Il-BĊE jirrakkomanda li tinżamm miftuħa l-possibbiltà li tiġi evalwata s-sostenibbiltà ta’ dejn tal-gvern ukoll fir-rigward ta’ Stati Membri taħt programm prekawzjonali. Dan huwa saħansitra aktar iġġustifikat jekk Stat Membru jirċievi self biex jirrikapitalizza istituzzjonijiet finanzjarji, minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn is-sostenibbiltà fiskali u l-instabbiltà tas-settur finanzjarju u l-impatt tas-self fuq il-livell ġenerali ta’ dejn tal-Istat Membru. L-eżenzjoni mit-tħejjija ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku m’għandhiex teskludi l-għoti ta’ assistenza teknika u l-involviment tal-parlamenti (16).

7.

L-evitar ta’ effetti sekondarji huwa objettiv ewlieni tas-sorveljanza msaħħa tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li jesperjenzaw tensjonijiet finanzjarji u għalhekk huwa importanti li l-Kunsill jingħata wkoll is-setgħa li jniedi u jsegwi l-proċeduri ta’ sorveljanza msaħħa billi jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi sorveljanza msaħħa, jitlob informazzjoni addizzjonali dwar il-qagħda tal-istituzzjonijiet finanzjarji, iwettaq testijiet tal-istress jew jitlob azzjoni addizzjonali (17).

8.

Ir-regolament propost jeħtieġ li Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament li jkun qiegħed jesperjenza nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm jitlob assistenza teknika mingħand il-Kummissjoni (18). Il-ħtieġa għal tali assistenza hija kkawżata wkoll mill-piż qawwi li programm ta’ aġġustament makroekonomiku jinvolvi għall-Istat Membru kkonċernat, u għalhekk ikun utli li tiżdied il-possibbiltà għal istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni u għall-Istati membri li jipprovdu tali assistenza, u li jikkontribwixxu bl-esperjenza tagħhom.

9.

Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ konsulent residenti permanenti fl-Istat Membru kkonċernat, li jagħti pariri lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament u jikkoordina mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri involuti fl-assistenza teknika jkun utli.

10.

Il-BĊE jifhem li fejn Stat Membru jiddependi biss fuq assistenza finanzjarja pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, aktar milli fuq assistenza finanzjarja pprovduta minn xi pajjiżi terzi jew istituzzjonijiet finanzjarji, il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu jirrifletti de facto l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma bejn il-partijiet kollha fil-kuntest tal-għoti ta’ aċċess għal tali assistenza finanzjarja. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, il-BĊE jirrakkomanda li din l-interpretazzjoni tiġi ddikjarata espressament fl-Artikolu 6 tar-regolament propost.

III.   Relazzjoni mat-TSCG

L-adozzjoni tat-TSCG għandha bħala konsegwenza l-emenda tar-regolament propost dwar il-monitoraġġ ta’ abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji. Fost affarijiet oħra, il-BĊE jissuġġerixxi li dan ir-regolament għandu jkopri sa fejn hu possibbli: (a) id-dispożizzjonijiet dwar regoli fiskali numeriċi, inkluża l-iskeda għal konverġenza rapida lejn l-objettiv għal żmien medju, inkluż l-iskop għal devjazzjonijiet temporanji minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali; (b) l-elementi ewlenin tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika; (c) ir-rekwiżit għal Stati Membri li ġew soġġetti għall-proċedura tad-defiċit eċċessiv biex jistabbilixxu programmi ta’ sħubija baġitarja u ekonomiċi; u (d) ir-rapportaġġ ex ante ta’ pjanijiet ta’ ħruġ ta’ dejn pubbliku.

Jekk tali emendi ma jiddaħħlux fir-regolament propost, il-BĊE jappoġġja bis-saħħa l-approċċ li jiġu ppreżentati proposti leġiżlattivi ulterjuri. Huwa tabilħaqq jinnota li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar il-kwistjonijiet (c) u (d) hawn fuq, flimkien ma’ proposti dwar il-koordinazzjoni ta’ pjanijiet maġġuri dwar riforma tal-politika ekonomika tal-Istati Membri, ġiet irreġistrata fit-tmien premessa tat-TSCG. Il-BĊE jappoġġja dan l-approċċ bis-saħħa.

Rigward l-introduzzjoni ta’ firxa ġdida ta’ objettivi għal żmien medju kif imsemmi fid-disa’ premessa tat-TSCG, il-BĊE jinnota li jekk din il-firxa ma tiddaħħalx fir-regolament propost il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tintroduċiha. Il-BĊE jilqa’ tali proposta.

Rigward il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika, minbarra li ssemmi l-elementi prinċipali tiegħu fir-regolament propost kif jissuġġerixxi l-BĊE, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għall-elementi l-oħrajn kollha meħtieġa skont l-Artikolu 3.1(e) u l-Artikolu 3.2 tat-TSKG.

Meta jsiru emendi ulterjuri għar-regolamenti proposti jew jittieħdu inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri bħala konsegwenza tat-TSKG permezz tal-qafas legali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet li jagħtu kompiti addizzjonali lill-Kunsill, ir-regola ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata bil-maqlub għandha tintuża fejn dan ikun xieraq. Deċiżjoni dwar nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ politika li jinsabu fi programm taħt l-Artikolu 6(5) tar-regolament propost dwar it-tisħiħ ta’ proċeduri ta’ sorveljanza hija każ akut fejn l-applikazzjoni tar-regola ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata bil-maqlub hija rakkomandabbli.

Fi kwalunkwe każ, fejn id-dispożizzjonijiet tat-TSKG ma jkunux dettaljati biżżejjed, eż. id-dispożizzjoni dwar koordinazzjoni aħjar tal-ippjanar ta’ ħruġ ta’ dejn pubbliku, ukoll fid-dawl tal-esperjenza reċenti matul il-kriżi tad-dejn tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro, ir-regolament propost għandu jinkludi dispożizzjonijiet aktar speċifiċi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-koordinazzjoni li diġà ġiet stabbilita mill-uffiċċji nazzjonali tal-ġestjoni tad-dejn fil-qafas tas-Sottokumitat tal-EFC dwar is-swieq tal-UE tad-dejn sovran, u b’mod ċar imorru lil hinn mill-koordinazzjoni ad hoc u skambju ta’ informazzjoni preżenti.

Finalment, rigward l-iskadenzi previsti fit-TSKG u r-regolament propost dwar il-monitoraġġ tal-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji, proċedura ta’ ratifika rapida tat-TSKG u l-emenda relatata għal kostituzzjonijiet jew atti legali ekwivalenti għandhom jiżguraw li l-iskadenza għal konformità mar-regoli fiskali pprovduti fir-regolament propost, eż. sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, tista’ effettivament tintlaħaq (19).

Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda emendi għall-proposti tal-Kummissjoni, għal dan il-għan qed jiġu stipulati proposti għall-abbozzar speċifiċi fl-Anness flimkien ma’ test ta’ spjega.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  KUMM(2011) 821 finali.

(2)  KUMM(2011) 819 finali.

(3)  Opinjoni CON/2011/13 tas-16 ta’ Frar 2011 dwar ir-riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea.

(4)  Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1); Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8); Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12); Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25); Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat- 8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33); u Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(5)  Ara l-Artikolu 2, li jirreferi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(6)  Ara l-Artikolu 5(1).

(7)  Ara l-Artikolu 5(3) u l-Emenda 3 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(8)  Ara l-Emenda 5 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(9)  Ara l-Emenda 4 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(10)  Ara l-Emendi 6 u 9 proposti fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(11)  Ara l-Emenda 4 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(12)  Ara l-emenda 8 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(13)  Ara l-Artikolu 4.

(14)  Ara l-Artikolu 2(3).

(15)  Ara l-Artikolu 13 tar-regolament propost.

(16)  Ara l-Artikolu 6(6)-6(8) tar-regolament propost u l-emenda 10 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(17)  Ara l-Emenda 7 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(18)  Ara l-Artikolu 6(6).

(19)  Ara l-Artikolu 12(3) tar-regolament propost.


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar fir-rigward tar-regolament propost dwar il-monitoraġġ ta’ abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 2(1)(1), (6)(ġdid) u (7)(ġdid)

“(1)

‘kunsill fiskali indipendenti’ tfisser korp mogħni b'awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru inkarigati mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali;”

“(1)

‘kunsill fiskali indipendenti’ tfisser korp mogħni b'awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru inkarigati mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali, u li huma fdati b’kompiti tekniċi relatati mat-tfassil tal-politika fiskali [li għandhom jiġu speċifikati ulterjorment mill-Kummissjoni];

(6)

‘bilanċ annwali strutturali tal-gvern ċentrali’ tfisser il-bilanċ annwali aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji;

(7)

‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ tfisser avveniment mhux tas-soltu barra mill-kontroll tal-Istat Membru li jkollu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika, jew perjodi ta’ tnaqqis ekonomiku sever għaż-żona tal-euro [jew l-Unjoni] kollha.

Spjegazzjoni

Il-kompiti tal-kunsill fiskali indipendenti għandhom bżonn ikunu ddefiniti b’mod ċar mill-Kummissjoni. Id-definizzjonijiet għandhom jirriflettu dawk fit-TSKG (Artikolu 3(3)). Il-BĊE jipproponi li jintużaw dawn it-termini fl-Artikolu 4.

Emenda 2

Artikolu 4(1), (1a)(ġdid), (1b)(ġdid) u (1c)(ġdid)

“1.   L-Istati Membri għandhom ikollhom fis-seħħ regoli fiskali numeriċi dwar il-bilanċ baġitarju li jimplimentaw fil-proċessi baġitarji nazzjonali l-objettivi baġitarji ta’ terminu medju tagħhom kif iddefinit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Tali regoli għandhom ikopru l-amministrazzjoni pubblika fis-sħuħija tagħha u jkunu ta’ natura vinkolanti, preferibbilment kostituzzjonali.”

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ regoli fiskali numeriċi dwar il-bilanċ baġitarju li jimplimentaw fil-proċessi baġitarji nazzjonali l-objettivi baġitarji ta’ terminu medju tagħhom kif iddefinit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Tali regoli għandhom ikopru l-amministrazzjoni pubblika fis-sħuħija tagħha u jkunu ta’ natura vinkolanti, preferibbilment kostituzzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiddevjaw temporanjament mill-objettiv għal żmien medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kemm-il darba dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq żmien medju.

1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pożizzjoni baġitarja annwali tal-gvern ġenerali tkun ibbilanċjata jew f’bilanċ pożittiv. Għal dan il-għan, bħala ftehim speċjali fost l-Istati Membri biex imorru lil hinn mir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-bilanċ annwali strutturali tal-gvern ġenerali m’għandux jaqbeż valur ta’ referenza speċifiku għall-pajjiż, b’limitu ta’ defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Meta l-livell ta’ dejn tal-gvern ġenerali jkun sostanzjalment taħt is-60 % tal-PDG u r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul ikunu baxxi, il-valur ta’ referenza speċifiku għall-pajjiżgħall-bilanċ annwali strutturali tal-gvern ġenerali jista’ jilħaq limitu ta’ defiċit strutturali ta’ mhux aktar minn 1 % tal-PDG nominali.

1b.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ korrezzjoni li jiġi skattat awtomatikament bil-għan li jiġu kkoreġġuti devjazzjonijiet sinifikanti osservati mill-objettiv għal żmien medju jew il-perkors ta’ aġġustament lejh, inkluż l-impatt akkumulat tagħhom fuq id-dinamiċi tad-dejn tal-gvern. [In-natura, id-daqs u l-qafas ta’ żmien tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni, inkluż fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, huma stabbiliti f’anness għal dan ir-Regolament.]

1c.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw konverġenza rapida tal-objettivi tagħhom fuq żmien medju fuq il-bażi ta’ perjodi ta’ żmien ambizzjużi u vinkolanti proposti mill-Kummissjoni, li jieħdu f’kunsiderazzjoni riskji ta’ sostenibbiltà fiskali li jkunu speċifiċi għall-pajjiż. Il-perjodi ta’ żmien proposti għandhom jiġu ppubblikati.

Spjegazzjoni

Ir-regolament propost għandu jinkludi l-prinċipji ewlenin tat-TSKG (Artikolu 3 f’dan il-każ).

Emenda 3

Artikolu 5(3)(g) (ġdid) u (3a) (ġdid))

 

“(g)

informazzjoni dettaljata dwar żviluppi fid-dejn tal-gvern ġenerali, kif ukoll dejta oħra relevanti għal evalwazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-pajjiż għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari ħarsa ġenerali lejn l-obbligazzjonijiet impliċiti u dawk kontinġenti b’impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, kif iddefiniti fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE.

3a.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ex ante il-pjanijiet tagħhom għall-ħruġ ta’ dejn pubbliku għall-gvern ġenerali fuq bażi f’waqtha lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Euro bil-għan li dawn jiġu kkoordinati u mmonitorjati aħjar”.

Spjegazzjoni

Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu referenza għad-dejn tal-gvern u għal obbligazzjonijiet impliċiti u kontinġenti sabiex jinqabdu riskji għas-sostenibbiltà fiskali aktar fit-tul. Barra minn hekk, ir-regolament propost għandu jirreferi wkoll għar-rapportaġġ ex ante ta’ pjanijiet ta’ ħruġ ta’ dejn pubbliku skont l-Artikolu 6 u l-premessa 8 tat-TSKG.

Emenda 4

Artikolu 5(5)

“5.   Fejn tidentifika nonkonformità partikolarment gravi mal-obbligi ta’ politika baġitarja stipulati fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju, titlob abbozz tal-pjan baġitarju rivedut mill-Istat Membru konċernat. Din it-talba għandha ssir pubblika.”

“5.   Fejn tidentifika nonkonformità mal-obbligi ta’ politika baġitarja stipulati fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju, titlob abbozz tal-pjan baġitarju rivedut mill-Istat Membru konċernat. Din it-talba għandha ssir pubblika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha titlob abbozz rivedut ta’pjan baġitarju mill-Istati Membri f’każ ta’ nonkonformità ta’ abbozz ta’ baġit mal-perkors tad-defiċit u/jew tad-dejn speċifikat fil-programm ta’ stabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat, waqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni kwalunkwe opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà, jew meta tidentifika riskji għas-sostenibbiltà fiskali.

Spjegazzjoni

Ir-regolament propost għandu jiżgura li l-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji jkunu għal kollox konformi mal-obbligi tal-politika baġitarja għas-sena li jmiss kif stabbiliti fl-SGP, kif ukoll mal-miri tal-programm ta’ stabbiltà, waqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni kwalunkwe opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tidentifika riskji għas-sostenibbiltà fiskali hija għandha titlob abbozz rivedut tal-pjan baġitarju.

Emenda 5

Artikolu 6(1)

“1.   Il-Kummissjoni għandha, jekk neċessarju, tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju sat-30 ta’ Novembru.”

“1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji, waqt li tieħu f’kunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet baġitarji fuq żmien medju tal-miżuri l-ġodda, u għandha tevalwa l-implikazzjonijiet għas-sostenibbiltà fiskali. Hija għandha tevalwa wkoll il-kwalità tal-proċess tal-ġbir tad-dejta sottostanti. Il-Kummissjoni għandha, jekk neċessarju, tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju sat-30 ta’ Novembru. Opinjoni għandha dejjem tiġi adottata f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: (a) jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jwasslu għal nonkonformità mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir; (b) jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jwasslu għal defiċit strutturali li jkun ogħla minn dak previst fil-programm ta’ stabbiltà ta’ Stat Membru; (c) jekk il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern ikun ogħla minn 60 % tal-PDG u ma jkunx qiegħed jonqos f’ritmu suffiċjenti kif iddefinit fil-Patt dwar l-Istabilità u t-Tkabbir; jew (d) jekk il-Kummissjoni tidentifika riskji għas-sostenibbiltà fiskali.

Spjegazzjoni

Għall-effettività tar-regolament propost huwa importanti li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni jkollha tadotta opinjoni.

Emenda 6

Artikolu 6(4)

“4.   Il-Grupp tal-Euro għandu jiddiskuti l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet baġitarji nazzjonali u s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Il-valutazzjoni għanda ssir pubblika.”

“4.   Il-Grupp tal-euro u, fil-każ ta’ nonkonformità ripetuta mill-Istati Membri, il-Kunsill Ewropew, għandhom jiddiskutu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet baġitarji nazzjonali. Il-Grupp tal-Euro u, fil-każ ta’ nonkonformità ripetuta mill-Istati Membri, il-Kunsill Ewropew, għandhom jiddiskutu s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Il-valutazzjoni għanda ssir pubblika.”

Spjegazzjoni

L-emenda għandha trawwem pressjoni inter partes fil-każ ta’ nonkonformità ripetuta mill-Istati Membri.

Emenda 7

Artikolu 7(1), (1a)(ġdid) u (2)

“1.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, l-Istat Membru konċernat għandu jkun soġġett għall-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, sakemm tiġi abbrogata l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

2.   L-Istat Membru soġġett għal monitoraġġ metikoluż għandu mingħajr dewmien, iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-eżekuzzjoni baġitarja tas-sena kurrenti għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha. …”

“1.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, l-Istat Membru konċernat għandu jkun soġġett għall-paragrafi 1a sa 6 ta’ dan l-Artikolu, sakemm tiġi abbrogata l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

1a.   Stat Membru soġġett għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandu jistabbilixxi programm ta’ sħubija baġitarja u ekonomika li jinkludi deskrizzjoni dettaljata tar-riformi strutturali meħtieġa sabiex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv tiegħu.

2.   Stat Membru soġġett għal monitoraġġ metikoluż għandu mingħajr dewmien, iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-eżekuzzjoni baġitarja tas-sena kurrenti għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha.”

Spjegazzjoni

Ir-regolament propost għandu jinkludi l-prinċipji ewlenin tat-TSKG (Artikolu 5 f’dan il-każ).

Emenda 8

Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu

“3.   Stat Membru għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jew kwalunkwe sottokumitat maħtur mill-KEF għal dak il-għan, dwar l-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha, l-eżekuzzjoni baġitarja fis-sena kurrenti, l-impatt baġitarju ta' miżuri diskrezzjonarji meħuda kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul, il-miri tan-nefqa u d-dħul tal-gvern, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba sabiex jintlaħqu l-miri. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat.”

“3.   L-Istat Membru għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jew kwalunkwe sottokumitat maħtur mill-KEF għal dak il-għan, dwar l-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha, l-eżekuzzjoni baġitarja fis-sena kurrenti, l-impatt baġitarju ta' miżuri diskrezzjonarji meħuda kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul, il-miri tan-nefqa u d-dħul tal-gvern, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba sabiex jintlaħqu l-miri. L-Istat Membru għandu jirrapporta wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ sħubija baġitarja u ekonomika u r-riformi strutturali meħtieġa sabiex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv tiegħu. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat.”

Spjegazzjoni

B’mod konformi mal-Emenda 7.

Emenda 9

Artikolu 8(3a)(ġdid)

 

3a.   Il-Grupp tal-Euro u l-Kunsill għandhom jiddiskutu l-adegwatezza tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru u, jekk meħtieġ, il-Kunsill għandu jipproponi miżuri ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv jew aġġustament tal-programm ta’ sħubija baġitarja u ekonomika. Jekk l-Istat Membru ma jimplimentaz talimiżuri ulterjuri, il-Kunsill Ewropew għandu jiddiskuti s-sitwazzjoni u jipproponi kwalunkwe azzjoni ulterjuri li jidhirlu li hija meħtieġa.

Spjegazzjoni

L-emenda għandha trawwem pressjoni inter partes fi ħdan il-Grupp tal-euro u l-Kunsill, u fil-każ ta’ nonkonformità ripetuta tintroduċi l-possibbiltà għall-Kunsill Ewropew li jipproponi kwalunkwe azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed mill-Istat Membru.


Proposti ta’ abbozzar fir-rigward tar-regolament propost dwar it-tisħiħ ta’ proċeduri ta’ sorveljanza

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (2)

Emenda 1

Premessa 1

“1.

Il-kriżi globali mingħajr preċedenti li laqtet lid-dinja tul l-aħħar tliet snin iddanneġġat gravement it-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja u pprovokat deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u l-pożizzjoni tad-dejn tal-Istati Membri, li wasslet lil uħud minnhom biex ifittxu assistenza finanzjarja barra l-qafas tal-Unjoni.”

“1.

Il-kriżi globali mingħajr preċedenti li laqtet lid-dinja tul l-aħħar tliet snin iddanneġġat gravement it-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja u pprovokat deterjorament qawwi fid-defiċit tal-gvern u l-pożizzjoni tad-dejn tal-Istati Membri, li wasslet lil uħud minnhom biex ifittxu assistenza finanzjarja barra l-qafas tal-Unjoni kemm fi ħdan kif ukoll barra l-qafas tal-Unjoni.”

Spjegazzjoni

Ingħatat ukoll assistenza finanzjarja permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja (MESF), li huwa strument tal-Unjoni.

Emenda 2

Premessa 4

“4.

Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jkun soġġett għal sorveljanza msaħħa meta jesperjenza – jew jissogra li jesperjenza – taqlib finanzjarju sever, bil-ħsieb li jiġi żgurat treġġigħ lura malajr għan-normalità u li jiġu protetti l-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro kontra effetti negattivi possibbli minħabba t-tifrix. Din is-sorveljanza msaħħa għandha tinkludi aċċess usa' għall-informazzjoni meħtieġa għal monitoraġġ metikoluż tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja u rapportar regolari lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) jew kwalunkwe sottokumitat li jista' jinħatar mill-KEF għal dak l-iskop. L-istess modalitajiet ta’ sorveljanza għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jitolbu assistenza prekawzjonarja mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (FESF), il-Mekkaniżmu ta’ Stabilità Finanzjarja (MES), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali oħra.”

“4.

Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro għandu jkun soġġett għal sorveljanza msaħħa meta jesperjenza – jew jissogra li jesperjenza – taqlib finanzjarju sever, bil-ħsieb li jiġi żgurat treġġigħ lura malajr għan-normalità u li jiġu protetti l-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro kontra effetti negattivi possibbli minħabba t-tifrix. Din is-sorveljanza msaħħa għandha tinkludi aċċess usa' għall-informazzjoni meħtieġa għal monitoraġġ metikoluż tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja u rapportar regolari lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) jew kwalunkwe sottokumitat li jista' jinħatar mill-KEF għal dak l-iskop. L-istess modalitajiet ta’ sorveljanza għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jitolbu assistenza prekawzjonarja mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja (MESF), il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Finanzjarja (MES), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali oħra.”

Spjegazzjoni

Skont l-Artikolu 1, l-ambitu tar-regolament propost jinkludi l-MESF.

Emenda 3

Artikolu 1

“1.   Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw jew mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom u/jew li jkunu qed jirċievu jew jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja minn wieħed jew bosta mill-Istati l-oħra, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (FESF), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità Finanzjarja (MESF), il-MekkaniżmuEwropew ta’ Stabilità (MES) jew Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) oħra, bħalma hu l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).”

“1.   Dan ir-Regolament jistipula d-dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw jew mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom u/jew li jkunu talbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn wieħed jew bosta mill-Istati l-oħra, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja(MESF), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jew Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) oħra, bħalma hu l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).”

Spjegazzjoni

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, huwa preferibbli li jintużaw l-istess termini fir-regolament propost kollu.

Emenda 4

Artikolu 2(1)

“1.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tpoġġi taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jkun qed jesperjenza diffikultajiet severi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tiegħu. L-Istat Membru konċernat għandu jingħata l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel dan. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi kull sitt xhur jekk ittawwalx is-sorveljanza msaħħa.”

“1.   Il-Kummissjoni għandha tpoġġi taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jkun qed jesperjenza jew li jkun mhedded b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tiegħu, li aktarx li jkollhom effetti ta’ tixrid negattivi fuq Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro, soġġett għal sorveljanza mtejba. L-Istat Membru konċernat għandu jingħata l-possibilità li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel dan fil-KEF, jew lil kwalunkwe sottokumitat li dan tal-aħħar jista’ jinnomina għal dak l-iskop. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi kull sitt xhur jekk ittawwalx is-sorveljanza msaħħa u għandha tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-KEF, jew lil kwalunkwe sottokumitat li dan tal-aħħar jista’ jinnomina għal dak l-iskop. Il-Kunsill jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tibda, tkompli jew tiffinalizza s-sorveljanza msaħħa tagħha.

Spjegazzjoni

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, huwa preferibbli li jintużaw l-istess termini fir-regolament propost kollu. Theddida ta’ diffikultajiet serji wkoll tiġġustifika sorveljanza msaħħa sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tiddeterjora fi stadju bikri.

Fid-dawl ta’ effetti ta’ tixrid potenzjalment serji u riskji għall-istabbiltà taż-żona tal-euro, id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun ristretta meta tiddeċiedi jekk tpoġġix lil Stat Membru taħt sorveljanza msaħħa, li tinkiseb bl-użu tal-kelma “għandha”. Barra minn dan, il-KEF jew kwalunkwe sottokumitat innominat għandu jinżamm infurmat dwar id-deċiżjoni li Stat Membru jitpoġġa taħt sorveljanza msaħħa u l-progress tal-Istati Membri taħt sorveljanza msaħħa. Dan għandu jippermetti lill-KEF biex iħejji deċiżjoni infurmata għall-Kunsill f’relazzjoni ma’ kwalunkwe passi tal-proċedura. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa biex jitlob lill-Kummissjoni biex tibda jew twettaq sorveljanza msaħħa.

Emenda 5

Artikolu 2(2)

“2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tpoġġix taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja minn wieħed jew aktar Stati oħra, il-FESF, il-MES jew kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja Internazzjonali oħra, bħall-FMI. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja prekawzjonarja konċernati u żżommha aġġornata sabiex tikkunsidra l-bidliet possibbli fil-politika tas-sostenn finanzjarju tal-FESF, il-MES jew ta' kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja Internazzjonali rilevanti oħra.”

“2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tpoġġix taħt sorveljanza msaħħa Stat Membru li jitlob aċċess jew jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja minn wieħed jew aktar Stati oħra, il-FESF, l-MESF, il-MES jew kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja Internazzjonali oħra, bħall-FMI. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja prekawzjonarja konċernati u żżommha aġġornata sabiex tikkunsidra l-bidliet possibbli fil-politika tas-sostenn finanzjarju tal-FESF, il-MES jew ta' kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja Internazzjonali rilevanti oħra.”

Spjegazzjoni

Għal darb’oħra s-sorveljanza msaħħa għandha tibda fi stadju bikri, hekk kif Stat Membru jkun talab assistenza finanzjarja. Id-dispożizzjoni teħtieġ li tkun aktar ċara, sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar l-awtomatiċità ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt is-sorveljanza msaħħa sa mill-mument meta jkun talab l-assistenza. Skont l-Artikolu 1, l-ambitu tar-regolament propost jinkludi l-assistenza finanzjarja pprovduta mill-MESF.

Emenda 6

Artikolu 2(3)

“3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali fil-forma ta' linja ta' kreditu li ma tkunx soġġetta għall-adozzjoni ta’ provvedimenti ġodda ta' politika mill-Istat Membru konċernat, sakemm il-linja ta' kreditu ma tkunx ġiet prelevata.”

“3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali fil-forma ta' linja ta' kreditu li ma tkunx soġġetta għall-adozzjoni ta’ provvedimenti ġodda ta' politika mill-Istat Membru konċernat, sakemm il-linja ta' kreditu ma tkunx ġiet prelevata. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-konformità kontinwa mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fi strumenti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni u intergovernattivi wara li tkun ingħatat dik l-assistenza finanzjarja.

Spjegazzjoni

L-eżenzjoni ta’ Stati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonali fil-forma ta’ linja ta’ kreditu li ma tkunx marbuta mal-kundizzjoni li jiġu adottati miżuri ġodda ta’ politika mill-Istat Membru kkonċernat, kemm-il darba l-linja tal-kreditu ma tiġix prelevata, m’għandhiex teżentahom milli jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Emenda 7

Artikolu 3(3)

“3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa għandu:

…”

“3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa għandu:

Il-Kunsill jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istat Membru taħt sorveljanza msaħħa biex iwettaq l-azzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b) u (d) u/jew li jkun soġġett għar-rekwiżit stipulat fil-punt (c).

Spjegazzjoni

Fid-dawl ta’ effetti ta’ tifrix possibilment kbar, ikun utli jekk il-Kunsill ikun jista’ jitlob, permezz tal-intervent tal-Kummissjoni, informazzjoni addizzjonali jew azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 3(3).

Emenda 8

Artikolu 3(5)

“5.   Fejn ikun konkluż – abbażi tal-valutazzjoni prevista fil-paragrafu 4 – li jeħtieġ aktar miżuri u li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru konċernat ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda lill-Istat Membru konċernat li jfittex assistenza finanzjarja u jħejji programmta’ aġġustament makroekonomiku. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jippubblika din ir-rakkomandazzjoni.”

“5.   Fejn ikun konkluż – abbażi tal-valutazzjoni prevista fil-paragrafu 4 – li jeħtieġ aktar miżuri u li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru konċernat ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jirrakkomanda lill-Istat Membru konċernat li jfittex assistenza finanzjarja u jħejji programmta’ aġġustament makroekonomiku. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jippubblika din ir-rakkomandazzjoni.”

Spjegazzjoni

L-Artikolu 3(5) għandu jissaħħaħ billi l-Kunsill jiġi obbligat li jagħmel rakkomandazzjoni biex tintalab assistenza finanzjarja jekk is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat ikollha effetti negattivi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, li tabilħaqq tipprovdi ġustifikazzjoni b’saħħitha ħafna.

Emenda 9

Artikolu 4

“Stat Membru li jkun jixtieq jikseb assistenza finanzjarja minn wieħed jew aktar mill-Istati l-oħra, il-FESF, il-MES, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jew istituzzjoni oħra barra l-qafas tal-Unjoni għandu immedjatament jinforma lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE bl-intenzjoni tiegħu. Il-KEF, jew kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dawk il-finijiet, għandu jorganizza diskussjoni dwar din it-talba prevista, wara li jkun irċieva valutazzjoni mill-Kummissjoni.”

“Stat Membru li jkun beħsiebu jitlob assistenza finanzjarja mingħand wieħed jew aktar mill-Istati l-oħra, il-FESF, l-MESF, il-MES, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jew istituzzjoni oħra barra l-qafas tal-Unjoni għandu immedjatament jinforma lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE bl-intenzjoni tiegħu. Il-KEF, jew kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dawk il-finijiet, għandu jorganizza diskussjoni dwar din it-talba prevista, wara li jkun irċieva valutazzjoni mill-Kummissjoni, bil-għan li jiġu eżaminati, inter alia, il-possibiltajiet disponibbli taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni jew taż-żona tal-euro u faċilitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u selliefa internazzjonali, qabel ma l-Istat Membru jindirizza lil selliefa potenzjali.”

Spjegazzjoni

L-obbligi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jinvolvu aktar minn sempliċi skambju ta’ informazzjoni mal-imsieħba Ewropej tagħhom u għandhom jinkludu espliċitament l-obbligu li jiddiskutu l-użu tad-diversi faċilitajiet ta’ assistenza finanzjarja disponibbli fuq livell Ewropew u internazzjonali. Skont l-Artikolu 1, l-ambitu tar-regolament propost jinkludi wkoll l-MESF.

Emenda 10

Artikolu 5

“Fejn tintalab assistenza finanzjarja mill-FESF jew il-MES, il-Kummissjoni għandha tipprepara – b'kordinazzjoni mal-BĊE u kull fejn possibbli, l-FMI – analiżi tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern tal-Istat Membru konċernat, inkluż l-abilità tal-Istat Membru li jħallas lura l-assistenza finanzjarja prevista, u tgħaddiha lill-KEF jew lil kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dak l-iskop.”

“Fejn tintalab assistenza finanzjarja mill-FESF jew il-MES, il-Kummissjoni għandha tipprepara – b'kordinazzjoni mal-BĊE u fejn xieraq, l-FMI – analiżi tas-sostenibilità tad-dejn tal-gvern tal-Istat Membru konċernat, inkluż l-abilità tal-Istat Membru li jħallas lura l-assistenza finanzjarja prevista, u tgħaddiha lill-KEF jew lil kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dak l-iskop.”

Spjegazzjoni

B’mod konformi mal-prattika attwali, l-FMI għandu jkun involut fl-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jintuża l-istess kliem fit-test kollu.

Emenda 11

Artikolu 6

“1.   Stat Membru li jirċievi assistenza finanzjarja minn wieħed jew aktar mill-Istati l-oħra, il-FMI, il-FESF jew il-MES għandu jipprepara bi qbil mal-Kummissjoni – li taġixxi b'kordinament mal-BĊE – abbozz ta' programm ta' aġġustament mmirati sabiex tiġi ristabilita sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u sostenibbli u tiġi restawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ. L-abbozz ta' programm ta' aġġustament għandu jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kurrenti indirizzati lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121, 126 u/jew 148 tat-Trattat – u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet – filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-miżuri ta' politika meħtieġa.

2.   Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova l-programm ta' aġġustament.

3.   Il-Kummissjoni, b'koordinament mal-BĊE, għandha timmonitorja l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament u tinforma kull tliet xhur lill-KEF jew kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dak l-iskop. L-Istat Membru konċernat għandu jikkopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni. Partikolarment hu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li din tqis neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-Artikolu 3(3) għandu japplika.

4.   Il-Kummissjoni – b'koordinazzjoni mal-BĊE – għandha teżamina mal-Istat Membru konċernat il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament tiegħu. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe bidla li trid ssir fil-programm ta’ aġġustament.

6.   Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament tiegħu għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni.”

“1.   Stat Membru li jitlob assistenza finanzjarja minn wieħed jew aktar mill-Istati l-oħra, il-FMI, il-FESF, l-FESM jew il-MES għandu jipprepara bi qbil mal-Kummissjoni – li taġixxi b'koordinament mal-BĊE u, fejn xieraq, il-FMI – abbozz ta' programm ta' aġġustament mmirati sabiex tiġi ristabilita sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u sostenibbli u tiġi restawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ. L-abbozz ta' programm ta' aġġustament għandu jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kurrenti indirizzati lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121, 126, 136 u/jew 148 tat-Trattat – u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet – filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-miżuri ta' politika meħtieġa.

2.   Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova l-programm ta' aġġustament. Fejn is-sors tal-assistenza finanzjarja jkun l-FESM, l-FESF jew il-MES, it-termini tal-proposta tal-Kummissjoni għandhom ikunu f’konformità sħiħa ma’ dawk miftiehma bejn il-partijiet involuti fil-kuntest tal-għoti ta’ aċċess għall-faċilitajiet tal-Unjoni u dawk intergovernattivi hawn fuq imsemmija.

3.   Il-Kummissjoni, b'koordinament mal-BĊE u, fejn xieraq, il-FMI, għandha timmonitorja l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament. Hija għandha tinforma kull tliet xhur lill-KEF jew kwalunkwe sottokumitat li l-KEF jista' jaħtar għal dak l-iskop. L-Istat Membru konċernat għandu jikkopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni. Partikolarment hu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li din tqis neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-Artikolu 3(3) għandu japplika. F’każ ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jindirizza rikjesta pubblika lill-Istat Membru kkonċernat li tistabbilixxi l-azzjoni li għandha tittieħed minn dak l-Istat Membru.

4.   Il-Kummissjoni – b'kordinazzjoni mal-BĊE u, fejn xieraq, il-FMI – għandha teżamina mal-Istat Membru konċernat il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament tiegħu. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe bidla li trid ssir fil-programm ta’ aġġustament.

6.   Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament li jesperjenzja kapaċità amministrattiva insuffiċjenti jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament tiegħu għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista’ twaqqaf għal dan l-iskop gruppi ta’ esperti bl-Istati Membri u istituzzjonijiet oħrajn relevanti tal-Unjoni Ewropea u/jew internazzjonali. L-assistenza teknika tista’ tinkludi l-istabbiliment ta’ konsulent permanenti residenti u persunal ta’ appoġġfl-Istat Membru kkonċernat, li jagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ implimentazzjoni u jikkoordina mal-istituzzjonijiet involuti.”

Spjegazzjoni

Skont l-Artikolu 1, l-ambitu tar-regolament propost jinkludi l-MESF. L-abbozzar propost jimmira wkoll li jiċċara r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet involuti.

Il-paragrafu 2 ifittex li jiċċara li l-Istati Membri li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja taħt l-arranġamenti mal-FESM, il-FESF u l-MES ma jintalbux iħejju żewġ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku differenti, iżda li l-kundizzjonijiet kollha tal-politika ekonomika miftiehma mal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-għoti ta’ aċċess għall-FESM, il-FESF u l-MES jiġu rrispettati bis-sħiħ fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku taħt dan l-Artikolu.

Fil-paragrafu 3, it-theddida ta’ pubbliċità, jekk l-Istat Membru ma jikkooperax, tista’ tipprovdi inċentiv għall-Istat Membru biex jieħu azzjoni ulterjuri.

Minbarra l-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħrajn b’esperjenza relevanti u l-Istati Membri jistgħu jipprovdu assistenza teknika b’mod utli. Konsulent residenti permanenti għandu jżid b’mod sinifikanti l-probabbiltà ta’ implimentazzjoni adegwata tal-programm.

Emenda 12

Artikolu 11(1), (5)(ġdid) u (6)(ġdid)

“1.   Stat Membru għandu jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm minimu ta' 75 % tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn wieħed jew bosta mill-Istati Membri l-oħra, il-MESF, il-FESF jew il-MES ma tkunx tħallset lura. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jestendi t-tul tas-sorveljanza ta’ wara l-programm.”

“1.   Stat Membru għandu jkun taħt sorveljanza ta’ wara l-programm sakemm minimu ta' 75 % tal-assistenza finanzjarja mogħtija minn wieħed jew bosta Stati oħra, il-MESF, il-FESF, il-MES jew IFI oħra ma tkunx tħallset lura. Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jestendi t-tul tas-sorveljanza ta’ wara l-programm.

5.   Il-kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lil rappreżentanti tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet dwar il-monitoraġġ ta’ wara l-programm.

6.   Rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju ta’ opinjonijiet dwar il-monitoraġġ ta’ wara l-programm.

Spjegazzjoni

L-ewwel kumment għandu l-għan li jallinea t-test ta’ dan l-artikolu mal-Artikolu 1(1).

Żieda fil-pressjoni pubblika mill-parlamenti nazzjonali u dak Ewropew iżżid mal-inċentivi tal-Istati Membri kkonċernati biex iwettqu politika adegwata. Dan l-involviment għandu jkun previst ukoll għas-sorveljanza ta’ wara l-programm, kif inhu previst fir-rigward tas-sorveljanza msaħħa (Artikolu 3) u l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku (Artikolu 6).

Emenda 13

Artikolu 12

“Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 2(1), 3, 6(2), 6(4) u 11(4), jivvotaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru konċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi kkalkolata skont l-Artikolu 238(3)(b) tat-Trattat.”

“Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli , 3(5), 6(2), 6(4), 6(5), 11(1) u 11(4), jivvotaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru konċernat.

Il-maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi kkalkolata skont l-Artikolu 238(3)(b) tat-Trattat.”

Spjegazzjoni

L-Artikolu 12 għandu jirreferi għad-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kunsill.

Emenda 14

Artikolu 13

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 u 6 ma japplikawx għal assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonali u għal selfiet magħmula għar-rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji.”

“Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1) sa (5) tal-Artikolu 6 ma japplikawx għal assistenza finanzjarja mogħtija fuq bażi prekawzjonali u għal selfiet magħmula għar-rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawk it-tipi ta’ assistenza finanzjarja taħt l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja rispettivi tal-Unjoni jew dawk intergovernattivi.

Spjegazzjoni

L-eżenzjoni mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku (Artikolu 6) għandha titnaqqas sabiex ma jiġix eskluż il-forniment ta’ assistenza teknika u l-involviment tal-parlamenti. Għandha tikkonċerna biss is-sitwazzjoni speċifika ta’ programm prekawzjonarju u self li jsir għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim Qafas tal-FESF, it-Trattat MES u l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja li jimplimentaw tali assistenza finanzjarja. Hemm mertu f’li tinżamm miftuħa l-possibbiltà li tiġi evalwata s-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern f’każ li Stat Membru jirċievi programm prekawzjonarju sabiex jivverifika l-kriterji tiegħu ta’ eliġibbiltà għal dan il-programm. Barra minn hekk, f’każ ta’ appoġġ għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern hija ġġustifikata, minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn is-sostenibbiltà fiskali u l-instabbiltà tas-settur finanzjarju. Alternattivament, il-paragrafu jista’ jiżdied mal-Artikolu 6 għal aktar ċarezza u jitħassar l-Artikolu 13.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BCE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BCE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.