13.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

2011/C 363/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI SEGWENTI:

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta”).

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

2.

Il-Proposta intbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD fis-27 ta’ Mejju 2011. Il-KEPD jifhem din il-komunikazzjoni bħala talba biex jagħti parir lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, kif previst fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament (KE) Nru 45/2001”). Preċedentement (3), qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD kien ingħata l-possibbiltà mill-Kummissjoni sabiex jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD huwa sodisfatt bil-proċess, li għen sabiex mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta, it-test jiġi mtejjeb fi stadju bikri. Xi wħud minn dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. Il-KEPD jilqa’ r-referenza għall-konsultazzjoni preżenti fil-preambolu tal-Proposta.

3.

Madankollu, il-KEPD jixtieq jenfasizza xi elementi li għadhom jistgħu jittejbu fit-test minn perspettiva ta’ protezzjoni ta’ data.

1.2.   Kuntest ġenerali

4.

Il-Proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn merkanzija ssuspettata li kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali ġiet jew suppost ġiet soġġetta għal superviżjoni doganali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Hija maħsuba biex ittejjeb il-qafas legali stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 (4), li sejra tissostitwixxi.

5.

B’mod partikolari, tistabbilixxi l-proċedura li permezz tagħha d-detenturi tad-drittijiet jistgħu japplikaw biex jitolbu lil dipartiment doganali ta’ Stat Membru sabiex jieħu azzjoni f’dak l-Istat Membru (“applikazzjoni nazzjonali”) jew lil dipartimenti doganali ta’ aktar min Stat Membru wieħed biex jieħdu azzjoni f’kull Stat Membru rispettiv (“applikazzjoni tal-UE”). F’dan il-kuntest, li “tieħu azzjoni” tfisser li tissospendi r-rilaxx ta’ merkanzija jew li torganizza ż-żamma tagħha mill-awtoritajiet doganali. Tistabbilixxi wkoll il-proċess li permezz tiegħu, id-dipartimenti doganali rilevanti jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-azzjonijiet li l-awtoritajiet doganali (jew l-uffiċċji) (5) għandhom jieħdu bħala konsegwenza (jiġifieri s-sospensjoni tar-rilaxx, iż-żamma jew il-qerda ta’ merkanzija) u d-drittijiet u l-obbligi konnessi.

6.

F’dan il-kuntest, l-ipproċessar ta’ dejta personali jseħħ b’diversi modi: meta d-detentur tad-drittijiet jissottometti l-applikazzjoni tiegħu lill-awtorità doganali (6) (l-Artikolu 6); meta l-applikazzjoni tintbagħat lill-Kummissjoni (l-Artikolu 31); meta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali tintbagħat lill-uffiċċji doganali kompetenti differenti (l-Artikolu 13(1)) u, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-UE, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri l-oħra (Artikolu 13(2)).

7.

L-ipproċessar ta’ dejta pprovduta mill-abbozz ta’ Regolament ma jkoprix biss id-dejta personali tad-detentur tad-drittijiet fil-kuntest tat-trasferiment ta’ applikazzjonijiet u deċiżjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet lill-awtoritajiet doganali, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Pereżempju, skont l-Artikolu 18(3), l-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba tad-detentur tad-deċiżjoni, jipprovdulu l-ismijiet u l-indirizzi tal-kunsinnjatur, tad-destinatarju, tad-dikjarant jew tad-detentur tal-merkanzija (7) kif ukoll informazzjoni oħra relatata mal-merkanzija. F’dan il-każ, għalhekk, id-dejta personali dwar suġġetti oħra tad-dejta (il-kunsinnjatur, id-destinatarju u d-detentur tal-merkanzija jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi) tiġi pproċessata u, fuq talba, tintbagħat mill-awtorità doganali nazzjonali lid-detentur tad-drittijiet.

8.

Għalkemm mhux espliċitament indikat fit-test tal-Proposta, meta tħares lejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 (8) - li jinkludi l-formola standard ta’ applikazzjoni li għandha tintuża mid-detenturi tad-drittijiet – jidher li l-proċeduri stabbiliti mal-Proposta jkunu jinkludu wkoll l-ipproċessar ta’ dejta dwar ksur ta’ drittijiet ta’ IP issuspettat minn ċerti individwi jew entitajiet (9). Il-KEPD jenfasizza li d-dejta dwar reati ssuspettati hija kkunsidrata bħala dejta sensittiva li teħtieġ salvagwardji speċjali għall-ipproċessar (l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001).

9.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija responsabbli mill-ħażna tal-applikazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet għal azzjoni f’database ċentrali (li għandha tissemma’ “COPIS”), li għadha fil-fażi preparatorja tagħha. COPIS sejra tkun pjattaforma ċentralizzata għall-iskambju ta’ informazzjoni għal operazzjonijiet doganali fir-rigward ta’ merkanzija kollha li tikser l-IPRs. Kull skambju ta’ dejta dwar deċiżjonijiet, dokumenti u notifiki ta’ appoġġ bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandu jsir permezz ta’ COPIS (l-Artikolu 31(3)).

2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

2.1.   Referenza għad-Direttiva 95/46/KE

10.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li f’Artikolu ta’ applikazzjoni ġenerali l-abbozz tar-Regolament isemmi espliċitament (l-Artikolu 32; premessa 21) il-ħtieġa għal konformità tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mad-Direttiva 95/46/KE.

11.

Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi wkoll b'mod espliċitu l-irwol superviżorju tal-KEPD fir-rigward tal-ipproċessar mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD jixtieq jenfasizza r-referenza ħażina fl-Artikolu 32 “[…] u taħt is-superviżjoni tal-awtorità indipendenti tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva”: it-test għandu jirreferi għall-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.

2.2.   Atti ta’ implimentazzjoni

12.

Skont il-Proposta, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti implimentattivi sabiex tiddefinixxi l-formola tal-applikazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet (l-Artikolu 6(3)) (10). Madankollu l-Artikolu diġà fih lista ta’ informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi pprovduta mill-applikant, inkluż id-dejta personali tal-applikant. Fid-determinazzjoni tal-kontenut essenzjali tal-applikazzjoni, l-Artikolu 6(3) għandu wkoll jeħtieġ lill-awtoritajiet doganali li jipprovdu lill-applikant u lil kwalunkwe suġġett tad-dejta potenzjali ieħor (e.ż. kunsinnatur, destinatarju jew detentur tal-merkanzija) bl-informazzjoni skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE. B’mod parallel, l-applikazzjoni għandha tinkorpora wkoll l-informazzjoni simili li għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-dejta biex tiġi pproċessata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (fid-dawl tal-operazzjonijiet tal-ħażna u tal-ipproċessar f’COPIS).

13.

Il-KEPD għalhekk jirrakkomanda li fil-lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-applikant l-Artikolu 6(3) għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lis-suġġett tad-dejta skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

14.

Barra minn hekk, il-KEPD jitlob li jiġi kkonsultat meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa ta’ implimentazzjoni tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-mudell il-ġdid (nazzjonali jew tal-UE) tal-formoli ta’ applikazzjoni huma “konformi mal-protezzjoni tad-data”.

2.3.   Kwalità tad-dejta

15.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 6(3)(l) jintroduċi rekwiżit biex l-applikanti jressqu u jaġġornaw kull informazzjoni disponibbli sabiex jippermettu li l-awtoritajiet doganali janalizzaw u jivvalutaw ir-riskju ta’ ksur tad-drittjiet tal-proprjetà intellettwali. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ wieħed mill-prinċipji tal-kwalità tad-dejta, skont liema, id-dejta personali għandha tkun “korretta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata” (Dir. 95/46/KE, l-Artikolu 6(d)). Il-KEPD jilqa’ wkoll il-fatt li l-istess prinċipju jiġi implimentat fl-Artikolu 11(3), li jeħtieġ lid-‘detentur tad-deċiżjoni' li jinforma lid-dipartimenti doganali kompetenti li jkunu ħadu d-deċiżjoni dwar xi tibdil fl-informazzjoni sottomessa fl-applikazzjoni.

16.

L-Artikoli 10 u 11 jirrigwardaw il-perjodu ta’ validità tad-deċiżjonijiet. Deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali għandha perjodu ta’ validità limitat li fih l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż. Il-KEPD jixtieq jenfasizza li l-applikazzjoni sottomessa mid-detentur tad-drittijiet (u b’mod partikolari, id-dejta personali fiha) ma għandhiex tinħażen jew tinżamm mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u fid-database COPIS wara d-data ta’ skadenza tad-deċiżjoni. Prinċipju bħal dan joħroġ mill-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u mill-Artikolu 6(1)(e) korrispondenti tad-Direttiva 95/46/KE (11).

17.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni attwali (12) jistabbilixxi (l-Artikolu 3(3)) li l-formoli ta’ applikazzjoni għandhom jinżammu mill-awtoritajiet doganali ‘għal mill-anqas sena aktar mill-perjodu ta’ validità legali tagħhom’. Din id-dispożizzjoni ma tidhirx li hija konsistenti għal kollox mal-prinċipji indikati hawn fuq.

18.

Il-KEPD għalhekk jissuġġerixxi li fil-Proposta tiġi inkluża dispożizzjoni li timponi limitu fuq iż-żamma ta’ dejta personali marbut mad-dewmien tal-perjodu ta’ validità tad-deċiżjonijiet. Kull estensjoni tad-dewmien tad-data ta’ żamma għandha tiġi evitata jew, jekk iġġustifikata, għandha tissodisfa l-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward tal-ambitu, li jeħtieġ li jiġi ċċarat. L-inklużjoni ta’ dispożizzjoni fil-Proposta li tkun ugwalment applikabbli fl-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni tiggarantixxi simplifikazzjoni, ċertezza legali u effikaċja, minħabba li tevita interpretazzjonijiet kunfliġġenti.

19.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 19 (L-użu permess tal-informazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni) ifakkar b’mod ċar il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop li jillimita kif detentur tad-deċiżjoni jista' juża -inter alia- id-dejta personali tal-kunsinnatur u tad-destinatarju li l-awtoritajiet doganali jkunu pprovdewlu skont l-Artikolu 18(3) (13). Id-dejta tista' tintuża biss biex tinbeda proċedura biex tistabbilixxi l-ksur possibbli ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tad-detentur tad-deċiżjoni jew biex jiġi mfittex kumpens fil-każ ta’ qerda tal-merkanzija skont il-proċedura pprovduta mill-abbozz ta’ Regolament, u skont il-liġi tal-Istat Membru fejn tinstab il-merkanzija. Meta jiġi kkunsidrat li d-dejta tista' tinkludi wkoll informazzjoni dwar reati ssuspettati, din il-limitazzjoni hija salvagwardja kontra l-użu ħażin ta’ dik id-dejta sensittiva. Din id-dispożizzjoni hija msaħħa wkoll mill-Artikolu 15, li jipprovdi għal miżuri amministrattivi kontra d-detentur tad-drittijiet fil-każ ta’ użu ħażin tal-informazzjoni lil hinn mill-għanijiet indikati fl-Artikolu 19. Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Artikoli turi attenzjoni speċifika min-naħa tal-Kummissjoni lejn il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop.

2.4.   Database ċentrali

20.

Il-Proposta (l-Artikolu 31(3)) issemmi li l-applikazzjonijiet kollha għal azzjoni, għal deċiżjonijiet li jagħtu l-applikazzjonijiet, għal deċiżjonijiet li jestendu l-perjodu ta’ validità ta’ deċiżjonijiet, u għas-sospensjoni ta’ deċiżjoni li tagħti l-applikazzjoni, inkluż ukoll dejta personali, għandhom jinħażnu f’database ċentrali tal-Kummissjoni (COPIS).

21.

Għalhekk COPIS sejra tkun database ġdida immirata essenzjalment lejn is-sostituzzjoni tal-iskambji tad-dokumenti rilevanti bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri b’repożitorju u sistema ta’ trasferiment diġitali. Il-Kummissjoni, u b’mod partikolari d-DĠ TAXUD, sejrin ikunu qegħdin jamministrawha.

22.

S’issa, il-bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kienet ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 (14) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 (15). Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003, l-Artikolu 5 jippermetti l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet lill-Istati Membri b’mod elettroniku iżda ma jsemmix database ċentralizzata. L-Artikolu 22 jsemmi li l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni rilevanti dwar “l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament” lill-Kummissjoni u l-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-premessa (9) tistabbilixxi li għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tal-aħħar tkun tista' tissorvelja u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. L-Artikolu 8 jiċċara li l-Istati Membri għandhom perjodikament jibagħtu lista tal-applikazzjonijiet kollha bil-miktub u l-azzjonijiet sussegwenti li ttieħdu mill-awtoritajiet doganali lill-Kummissjoni, inkluż dejta personali tad-detenturi tad-drittijiet, it-tipi ta’ drittijiet u l-prodotti kkonċernati.

23.

It-test il-ġdid tal-Proposta (l-Artikolu 6(4)) jeħtieġ –waqt id-definizzjoni tal-kontenut tal-formola ta’ applikazzjoni – li, meta sistemi kompjuterizzati jew elettroniċi jkunu disponibbli, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi b’mod elettroniku. Barra minn hekk, l-Artikolu 31 jgħid li applikazzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni, li għandha “taħżinhom f’database ċentrali”. Jidher li l-bażi legali għall-ħolqien tad-database COPIS hija limitata għad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 6(4) u 31 l-ġodda.

24.

Fuq din il-bażi legali, il-Kummissjoni qiegħda telabora l-istruttura u l-kontenut tal-COPIS. Madankollu, f’dan l-istadju ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali oħra adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja li fiha huma stabbiliti l-ambitu u l-karatteristiċi ta’ COPIS. Dan huwa ta’ tħassib partikolari fl-opinjoni tal-KEPD. Dejta personali ta’ individwi (ismijiet, indirizzi u dettalji oħra ta’ kuntatt kif ukoll informazzjoni relatata dwar reati ssuspettati) sejrin ikunu l-oġġett ta’ skambju intensiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u għandha tinħażen għal perjodu ta’ żmien mhux definit fid-database, iżda ma hemm l-ebda test legali li abbażi tiegħu individwu jista' jivverifika l-legalità ta’ ipproċessar bħal dan. Barra minn hekk, id-drittijiet speċifiċi ta’ aċċess u ta’ immaniġġjar fir-rigward tal-operazzjonijiet varji ta’ ipproċessar mhumiex iċċarati b’mod espliċitu.

25.

Kif enfasizzat mill-KEPD f’okkażjonijiet preċedenti (16), il-bażi legali għal strumenti li jillimitaw id-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ dejta personali, kif rikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u fil-ġurisprudenza abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li hija rikonoxxuta mill-Artikolu 16 tat-TFUE, għandha tiġi stabbilita fi strument legali abbażi tat-Trattati u li tista' tiġi invokata quddiem imħallef. Dan huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita ċertezza legali għas-suġġett tad-dejta li għandu jkun jista' jiddependi fuq regoli ċari u jinvokhom quddiem qorti.

26.

Għalhekk il-KEPD iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara l-bażi legali tad-database COPIS billi tintroduċi dispożizzjoni aktar dettaljata fi strument adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-TFUE. Tali dispożizzjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u, fejn applikabbli, mad-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-database li tinvolvi l-mekkaniżmu ta’ iskambju elettroniku għandha (i) tidentifika l-ambitu għall-operazzjonijiet ta’ ipproċessar u tistabbilixxi l-użu kompatibbli; (ii) tidentifika liema entitajiet (awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni) sejrin ikollhom aċċess għal liema dejta maħżuna fid-database u li sejrin ikollhom il-possibbiltà li jimmodifikaw id-dejta; (iii) tiżgura d-dritt ta’ aċċess u ta’ informazzjoni għas-suġġetti kollha tad-dejta li d-dejta personali tagħhom tista' tkun maħżuna u skambjata (iv) tiddefinixxi u tillimita l-perjodu ta’ żamma tad-dejta personali għall-minimu neċessarju għat-twettiq ta’ dan l-għan. Barra minn hekk, il-KEPD jenfasizza li l-elementi segwenti tad-database għandhom jiġu definiti wkoll fl-att leġiżlattiv ewlieni: l-entità li sejra tkun qiegħda tikkontrolla u timmaniġġja d-database u l-entità responsabbli li tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data miżmuma fid-database.

27.

Il-KEPD jissuġġerixxi li l-Proposta nnifisha tkun tinkludi Artikolu ġdid li fih dawn l-elementi ewlenin ikunu stabbiliti b’mod ċar. Inkella, it-test tal-Proposta għandu jinkludi dispożizzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv separat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li għaliha l-Kummissjoni għandha tintalab tippreżenta proposta.

28.

Fi kwalunkwe każ, il-miżuri implimentattivi li għandhom jiġu adottati għandhom jispeċifikaw b'mod dettaljat il-karatteristiċi funzjonali u tekniċi tad-database.

29.

Barra minn hekk, għalkemm f'dan l-istadju l-Proposta ma tipprevedix xi interoperabbiltà ma’ databases oħra mmexxija mill-Kummissjoni jew minn awtoritajiet oħra, il-KEPD jisħaq li l-introduzzjoni ta’ xi tip ta’ interoperabbiltà jew skambju bħal dawn għandhom l-ewwelnett ikunu konformi mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop: id-dejta għandha tintuża għall-iskop li għalih id-database tkun ġiet stabbilita, u ma jista' jiġi permess l-ebda skambju jew interkonnessjoni ulterjuri barra minn dan il-għan. Barra minn hekk għandha tkun appoġġjata minn bażi legali dedikata li għandu jkollha l-bażi legali tagħha fit-Trattati tal-UE.

30.

Il-KEPD huwa ħerqan li jkun involut fil-proċess li sejjer iwassal għall-istabbiliment finali ta’ din id-database, bil-għan li jappoġġa u jagħti pariri lill-Kummissjoni fit-tfassil xieraq ta’ sistema “konformi mal-protezzjoni tad-dejta”. Għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tinkludi konsultazzjoni tal-KEPD fil-fażi preparatorja li għaddejja.

31.

Fl-aħħarnett, il-KEPD jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, l-istabbiliment tad-database jkun jinvolvi l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta (dwar reati suspettati), dan l-ipproċessar jista' jkun soġġett għall-verifika minn qabel mill-KEPD skont l-Artikolu 27(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.   KONKLUŻJONI

32.

Il-KEPD jilqa’ r-referenza speċifika fil-Proposta għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ dejta personali koperti mir-Regolament.

33.

Il-KEPD jixtieq jenfasizza l-punti li ġejjin bil-għan li minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data t-test jiġi mtejjeb:

l-Artikolu 6(3) għandu jinkludi d-dritt ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-dejta;

il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa implimentattiva tagħha skont l-Artikolu 6(3), għandha tikkonsulta lill-KEPD, sabiex tfassal mudell ta’ formola ta’ applikazzjoni “konformi mal-protezzjoni tad-data”;

it-test għandu jispeċifika l-limitu ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta personali sottomessa mid-detentur tad-drittijiet, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Kummissjoni;

il-KEPD iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tiċċara l-bażi legali għall-istabbiliment tad-database COPIS u joffri l-kompetenza tiegħu biex jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tagħha tad-database COPIS.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2011.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31 (minn hawn il-quddiem id-“Direttiva 95/46/KE”).

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  F’April 2011.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar azzjoni doganali kontra merkanzija ssuspettati li kisru ċerti drittijiet ta’ propjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinstabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7).

(5)  Dipartimenti doganali huma l-uffiċċji ċentrali li f’kull Stat Membru jistgħu jirċievu l-applikazzjonijiet formali mid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li l-awtoritajiet jew l-uffiċċji doganali huma l-entitajiet dipendenti fuq livell operattiv li fil-fatt iwettqu verifiki doganali fuq merkanzija dieħla fl-Unjoni Ewropea.

(6)  Il-formola ta’ applikazzjoni għandha tinkludi, inter alia, id-dettalji tal-applikant (Art. 6(3)(a)); is-setgħa ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrappreżentaw lill-applikant (Art. 6(3)(d)); l-ismijiet u l-indirizzi tar-rappreżentat(i) tal-applikant reponsabbli minn kwistjonijiet legali u tekniċi (Art. 6(3)(j)).

(7)  Il-kunsinjatur u d-destinatarju huma ż-żewġ partijiet normalment involuti f’kuntratt ta’ kunsinna: il-kunsinnjatur jgħaddi l-merkanzija lid-destinatarju, li jirċievi l-merkanzija u jbiegħha fuq struzzjoni tal-kunsinnjatur.

Id-“dikjarant” huwa l-persuna li qiegħda tagħmel dikjarazzjoni doganali f’isimha stess jew il-persuna li f’isimha ssir dikjarazzjoni bħal din. Id-“detentur” huwa l-persuna li hija s-sid tal-merkanzija jew li għandha dritt simili biex tiddisponi minnhom jew li għandha kontroll fiżiku fuqhom.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 tal-21 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 328, 30.10.2004, p. 16).

(9)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1891/2004, Anness I, punt 9: “Qiegħed nehmeż informazzjoni speċifika dwar it-tip jew il-mudell ta’ frodi”, inkluż dokumenti u/jew ritratti.

(10)  Fil-preżent, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2004 jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1383/2003, li fih inter alia il-mudelli ta’ formoli għal applikazzjoni nazzjonali u tal-Komunità u l-istruzzjonijiet dwar kif il-formola għandha timtela (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2004 tal-21 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 328, 30.10.2004, p. 16)).

(11)  Id-dejta personali għandha tinżamm “b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata […]”.

(12)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(13)  Din id-dispożizzjoni hija konformi mal-kontenut tal-art. 57 (Parti III, Sezzjoni IV) tal-ftehim TRIPS, http://www.wto.org/english/tratop_e/trips_e/t_agm4_e.htm#2

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 4.

(15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali (2008/49/KE) (GU C 270, 25.10.2008, p. 1).