8.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/4


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immunizzazzjoni tat-tfal: suċċessi u sfidi tal-Immunizzazzjoni Ewropea tat-tfal u t-triq ’il quddiem

2011/C 202/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-linji ta' politika nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika billi tkopri, b'mod partikolari, il-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli tas-saħħa; hija għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-settur tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

2.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji ta' politika u l-programmi tagħhom;

3.

IFAKKAR fid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 li tistabbilixxi netwerk għas-sorveljanza epidemoloġika u l-kontroll ta' mard li jinxtered fil-Komunità (1), li teħtieġ analiżi xjentifika fil-ħin sabiex titwettaq azzjoni effettiva tal-Komunità;

4.

IFAKKAR fir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (2), li jappoġġa attivitajiet eżistenti, bħal programmi ta' azzjoni Komunitarja rilevanti fis-settur tas-saħħa pubblika, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jinxtered, sorveljanza epidemoloġika, programmi ta' taħriġ u mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni, u għandu jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi fir-rigward ta' programmi ta' vaċċinazzjoni;

5.

JIRRIKONOXXI li filwaqt li l-immunizzazzjoni tat-tfal hija responsabbiltà tal-Istati Membri individwali u diversi skemi ta' vaċċinazzjoni jeżistu fl-UE, fir-rigward tal-kontenut professjonali tagħhom, in-natura obbligatorja jew volontarja tagħhom jew il-finanzjament tagħhom, hemm valur miżjud fit-trattament ta' din il-kwistjoni f'livell Ewropew;

6.

JIRRIKONOXXI li sforzi konġunti possibbli biex tittejjeb il-vaċċinazzjoni tat-tfal jistgħu jibbenefikaw minn sinerġiji mtejba ma' oqsma oħra ta' politika tal-UE b'attenzjoni speċjali għal gruppi vulnerabbli, pereżempju r-Rom f'ċerti Stati Membri;

7.

JILQA' l-eżiti tal-konferenza fil-livell ta' esperti "Għal Futur B'Saħħtu ta' Uliedna - Immunizzazzjoni tat-Tfal", li saret f'Budapest fit-3-4 ta' Marzu 2011, fejn il-parteċipanti eżaminaw b'suċċessi u l-isfidi tal-immunizzazzjoni tat-tfal fl-Unjoni Ewropea u enfasizzaw il-ħtieġa li tinkiseb u tinżamm, kopertura għolja u fil-ħin ta' immunizzazzjoni tat-tfal kemm f'popolazzjonijiet ġenerali kif ukoll f'dawk neqsin mill-vaċċinazzjoni; ikun hemm data ta' kwalità għall-monitoraġġ tal-kopertura u s-sorveljanza ta' mard li jista' jiġi evitat permezz ta' vaċċin f'livelli sottonazzjonali, nazzjonali u tal-UE; u l-koordinazzjoni u r-raffinar ta' strateġiji ta' komunikazzjoni mmirati lejn gruppi tal-popolazzjoni neqsin mill-vaċċinazzjoni jew lejn dawk li huma xettiċi dwar il-benefiċċji tal-vaċċinazzjoni;

8.

JINNOTA li filwaqt li l-programmi ta' immunizzazzjoni tat-tfal kienu strumentali fil-kontroll ta' mard infettiv fl-Ewropa, xorta fadal ħafna sfidi;

9.

IFAKKAR li l-mod l-aktar effettiv u ekonomiku li jipprevjeni l-mard infettiv huwa permezz tal-vaċċinazzjoni, fejn teżisti l-vaċċinazzjoni;

10.

JINNOTA li ż-żieda fil-mobbiltà u l-migrazzjoni jqajmu numru ta' kwistjonijiet relatati mas-saħħa, li huma wkoll rilevanti għall-immunizzazzjoni tat-tfal;

11.

JENFASIZZA li l-vaċċini wasslu għall-kontroll, l-inċidenza aktar baxxa u anke l-eliminazzjoni tal-mard fl-Ewropa li fil-passat ikkawża mewt u diżabilità għal miljuni ta' nies, u li l-eradikazzjoni globali tal-ġidri u l-eliminazzjoni tal-poljomelite mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja huma eżempji eċċellenti ta' programmi ta' vaċċinazzjoni b'suċċess;

12.

JINNOTA li l-epidemiji tal-ħosba u r-rubella jkomplu jidhru f'diversi pajjiżi Ewropej u JENFASIZZA li l-Ewropa ma rnexxilhiex milli tilħaq l-għan li telimina l-ħosba u r-rubella sal-2010, minħabba kopertura ta' vaċċinazzjoni inqas minn kemm meħtieġ li tiddomina f'livelli sottonazzjonali, u għalhekk IFAKKAR fir-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-impenn imġedded lejn l-eliminazzjoni tal-ħosba u r-rubella u l-prevenzjoni tas-sindromu tar-rubella konġenitali sal-2015 u l-appoġġ imsaħħaħ għal status ħieles mill-poljo fir-Reġjun Ewropew tad-WHO;

13.

JENFASIZZA l-importanza li jiġu identifikati u indirizzati gruppi tal-popolazzjoni li jinsabu f'riskju akbar ta' mard li jista' jiġi evitat permezz ta' vaċċin u fl-istess ħin JINNOTA s-sinifikat tal-fatt li popolazzjonijiet suxxettibli jvarjaw minn pajjiż jew reġjun għal ieħor;

14.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

jivvalutaw u jiddisinnjaw mappa tal-ostakoli u l-isfidi li jaffettwaw l-aċċess għal, u l-ilħuq ta', servizzi ta' vaċċinazzjoni u jirfinaw u/jew isaħħu l-istrateġiji nazzjonali jew sottonazzjonali tagħhom kif adatt;

jagħmlu sforzi biex iżommu u jsaħħu l-proċessi u l-proċeduri tagħhom biex jiġu offruti vaċċini lil tfal bi storja tal-vaċċinazzjoni mhux magħrufa jew inċerta;

jagħmlu sforzi biex iżommu u jsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fi programmi ta' immunizzazzjoni tat-tfal u l-benefiċċji tal-vaċċinazzjoni;

jagħmlu sforzi biex iżidu l-kuxjenza tal-professjonisti tas-saħħa dwar il-benefiċċji tal-vaċċini u jsaħħu l-appoġġ tagħhom għal programmi ta' immunizzazzjoni;

jirrinforzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa u esperti rilevanti oħra dwar l-immunizzazzjoni tat-tfal;

jikkooperaw mill-qrib ma' komunitajiet lokali, bl-involviment tal-atturi u n-netwerks rilevanti kollha;

jidentfikaw gruppi neqsin mill-vaċċinazzjoni u jiżguraw l-aċċess indaqs tagħhom għal vaċċinazzjonijiet tat-tfal;

jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib ta' servizzi tas-saħħa pubblika, pedjatriċi u tal-kura primarja rilevanti għas-segwitu kontinwu u evalwazzjoni ta' dokumentazzjoni tal-vaċċinazzjoni individwali, inkluża l-puntwalità tal-amministrazzjoni tal-vaċċini mit-twelid sal-età adulta;

jagħmlu sforzi biex itejbu l-kapaċità tal-laboratorji fis-settur tad-dijanjosi u s-sorveljanza tal-mard li jista' jiġi evitat permezz ta' vaċċin;

jikkunsidraw l-użu, fejn adatt, ta' vaċċini innovattivi ppruvati li huma effettivi u kosteffettivi, biex jiġu indirizzati ħtiġijiet tas-saħħa pubblika mhux sodisfatti;

jikkunsidraw l-introduzzjoni jew l-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi tal-informazzjoni tal-immunizzazzjoni, inkluż reġistrazzjoni mtejba, fejn applikabbli, u sistemi ta' farmakoviġilenza.

15.

JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta' immunizzazzjoni nazzjonali u sottonazzjonali, jirfinaw u jikkoordinaw aktar il-monitoraġġ tal-kopertura tal-vaċċinazzjoni kif ukoll issistemi ta' rappurtaġġ;

jagħmlu sforzi biex isaħħu s-sorveljanza ta' mard li jista' jiġi evitat permezz ta' vaċċin; jirfinaw is-sistemi tal-informazzjoni kif ukoll ir-reġistri tal-immunizzazzjoni, fejn applikabbli;

jikkunsidraw jagħtu sura lill-metodoloġija għall-użu ta' indikaturi komuni għall-vaċċinazzjoni biex jappoġġaw ġbir ta' data mill-UE kollha f'kollaborazzjoni mill-qrib mad-WHO;

jikkunsidraw liema sistemi u proċeduri jistgħu jgħinu biex jiżguraw kontinwità tajba ta' immunizzazzjoni ta' individwi meta jibdlu l-post ta' residenza minn Stat Membru għal ieħor;

irawmu t-titjib ta' programmi ta' immunizzazzjoni;

jikkooperaw fit-tfassil ta' approċċi u strateġiji ta' komunikazzjoni li jittrattaw it-tħassib ta' dawk li huma xettiċi dwar il-benefiċċji tal-vaċċinazzjoni;

jaqsmu esperjenzi u l-aħjar prattiki biex itejbu l-kopertura tal-vaċċinazzjoni tat-tfal kontra mard li jista' jiġi evitat permezz tal-vaċċin b'mod ġenerali, kif ukoll fost gruppi tal-popolazzjoni neqsin mill-vaċċinazzjoni;

sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn fornituri tas-servizzi tal-vaċċini, jidentifikaw bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) lista mhux eżawrjenti tal-elementi suġġeriti għall-inklużjoni f'kards tal-immunizzazzjoni jew ktejbiet tas-saħħa nazzjonali u sottonazzjonali. Dan għandu jsir b'rispett debitu lejn il-linji ta' politika tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri stess filwaqt li jittieħed kont tal-elementi għal ċertifikati tal-vaċċinazzjoni elenkati fl-Anness 6 tar-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa tad-WHO. Din l-informazzjoni għandha tkun tinftiehem faċilment fl-UE.

16.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

tiżgura sinerġija bejn il-promozzjoni tal-vaċċinazzjoni tat-tfal u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u linji ta' politika rilevanti tal-UE, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali;

teżamina flimkien mal-ECDC u l-EMA f'kooperazzjoni mal-qrib ma' u filwaqt li tieħu kont tal-ħidma mwettqa s'issa mid-WHO, l-opzjonijiet biex

tidentifika gwida u metodoloġiji maqbula b'mod komuni biex jintlaħqu popolazzjonijiet aktar wiesgħa, inklużi rabtiet ibbażati fuq l-evidenza bejn il-vaċċinazzjoni u l-mard,

tidentifika metodoloġiji maqbula b'mod komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' kopertura tal-vaċċinazzjoni u l-livell reali tal-protezzjoni fil-komunità;

tidentifika metodoloġiji għall-monitoraġġ ta' appoġġ pubbliku għall-programmi ta' vaċċinazzjoni;

tiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' komunikazzjoni mmirati biex jittrattaw persuni li huma xettiċi dwar il-benefiċċji tal-vaċċinazzjoni filwaqt li tipprovdi informazzjoni ċara u fattwali dwar il-vantaġġi tal-vaċċinazzjoni;

tipprovdi linji gwida u għodod biex tgħin lill-Istati Membri jiddisinnjaw messaġġi ta' komunikazzjoni effiċjenti;

tiżviluppa riżorsi ta' vaċċinazzjoni multilingwi tal-UE għal professjonisti tal-kura tas-saħħa u għall-pubbliku bil-għan li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-vaċċini u skedi ta' immunizzazzjoni oġġettivi, faċilment aċċessibbli (fuq il-web u/jew fuq il-karti) u bbażati fuq l-evidenza, inklużi vaċċini użati fl-Istati Membri;

tiffaċilita proġetti reġjonali u fl-UE kollha biex jiżdied l-aċċess għall-vaċċinazzjoni għal gruppi transnazzjonali neqsin mill-vaċċinazzjoni.


(1)  ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.