19.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 339/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-30 ta’ Ġunju 2010

relatat ma' proċediment taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE kontra l-impriżi ArcelorMittal, Emesa/Galycas/ArcelorMittal (España), GlobalSteelWire/Tycsa, Proderac, Companhia Previdente/Socitrel, Fapricela, Nedri/HIT Groep, WDI/Pampus, DWK/Saarstahl, voestalpine Austria Draht, Rautaruukki/Ovako, Italcables/Antonini, Redaelli, CB Trafilati Acciai, I.T.A.S., Ori Martin/Siderurgica Latina Martin, Emme Holding

(Każ COMP/38.344 – Azzar għall-Prestressing)

(notifikat taħt in-numru tad-dokument C(2010) 4387 (finali) kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2010 notifikata taħt id-dokument numru C(2010) 6676 (finali) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 notifikata taħt dokument numru C(2011) 2269 (finali))

(It-testi bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Portugiż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 339/06

Fit-30 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni relatata ma' proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim taż-ŻEE) li ġie emendat bid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2010 u l-4 ta' April 2011. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda b’dan tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe pieni imposti, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lis-36 entità legali li jappartjenu lil 17-il impriża tal-azzar għall-prestressing talli pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Huma ingaġġaw f'iffissar tal-prezzijiet, iffissar tal-kwoti, allokazzjoni tal-klijenti u skambju ta' informazzjoni sensittiva f'kartell rigward azzar għall-prestressing bl-eċċezzjoni ta' strands u stays speċjali. Il-kartell dam għaddej bejn Jannar 1984 u Settembru 2002 u kkonċerna l-pajjiżi kollha li dak iż-żmien kienu jiffuraw l-UE15 ħlief ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Greċja. Huwa affettwa wkoll in-Norveġja. Il-kartell waqaf fl-2002, meta DWK/Saarstahl żvelaw l-eżistenza tiegħu taħt in-Notifika ta' Klemenza tal-Kummissjoni (2) introdotta f'dik is-sena.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(2)

Dan il-każ infetaħ fuq il-bażi ta’ applikazzjoni ta’ immunità mressqa minn DWK Drahtwerk Köln GmbH (DWK) fit-18 ta’ Ġunju 2002.

(3)

Wara l-informazzjoni pprovduta saru spezzjonijiet fid-19-20 ta' Settembru 2002 fil-propjetà tal-14-il impriża f'6 pajjiżi.

(4)

Sussegwentement, bejn il-21 ta' Settembru 2002 u t-28 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjonijiet ta' klemenza minn sitt impriżi. Erba' impriżi wkoll ipprovdew informazzjoni awtoinkriminanti bi tweġiba għal talbiet għall-informazzjoni.

(5)

L-investigazzjoni tal-każ ġiet segwita billi ġew indirizzati għadd ta' talbiet għall-informazzjoni lill-kumpaniji kollha involuti fil-ftehimiet antikompetittivi u bi spezzjoni addizzjonali fis-7-8 ta' Ġunju 2006 fil-bini tas-Sur (…), konsulent estern tal-kartell (il-parti Taljana tiegħu).

(6)

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ġiet adottata fit-30 ta' Settembru 2008 u s-Smigħ Orali seħħ fil-11 u t-12 ta' Frar 2009.

(7)

Il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni fit-30 ta' Ġunju 2010 u Deċiżjoni ta' Emenda li tikkoreġi xi żbalji fil-kalkolazzjoni tal-multa fit-30 ta' Settembru 2010.

(8)

Fl-4 ta' April 2011 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta' Emenda oħra li fiha eżerċitat il-marġini ta' apprezzament tagħha biex tnaqqas il-multi li għalihom kienu responsabbli biss erbgħa mill-entitajiet legali involuti fil-kartell, minħabba li kienu relatati ma' dawk il-perjodi li fihom l-entitajiet legali pparteċipaw mingħajr il-kumpaniji possedenti kurrenti tagħhom, sabiex tiżgura li l-livell ta' dawk il-multi ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs u l-fatturat tagħhom. Il-Kummissjoni naqqset il-multi relevanti għal għaxra fil-mija tal-fatturat tal-entitajiet legali nfushom.

2.2.   Sommarju tal-ksur

(9)

Il-każ jirrigwarda ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE fir-rigward tal-azzar għall-prestressing bl-eċċezzjoni ta' strands u stays speċjali. L-azzar għall-prestressing jikkonsisti f'wajer twil u mmaljat użat għall-konkrit f'siti tal-kostruzzjoni biex isiru l-pedamenti, gallariji jew pontijiet u huwa użat ukoll fl-inġinerija taħt l-art u għall-bini tal-pontijiet.

(10)

Il-fornituri konċernati ingaġġaw f'iffissar tal-prezzijiet, iffissar tal-kwoti, allokazzjoni tal-klijenti u skambju ta' informazzjoni sensittiva f'kartell f'perjodu ta' aktar minn 18-il sena, li dam għaddej bejn l-1 ta' Jannar 1984 u d-19 ta' Settembru 2002. Barra minn hekk, huma ssorveljaw il-prezzijiet, il-klijenti u l-arranġamenti tal-kwoti permezz ta' sistema ta' koordinaturi nazzjonali u kuntatti bilaterali. Xi fornituri kienu involuti wkoll f'forma speċifika ta' allokazzjoni tal-klijenti lil klijent Nordiku kbir. Min-natura tiegħu stess il-ksur jikkonsisti f’wieħed mill-agħar tipi ta’ vjolazzjonijiet tal-Artikolu 101 tat-TFUE.

(11)

Il-kartell ikkonsista f'arranġament pan-Ewropew, l-ewwel imsejjaħ bħala “Club Zurich”, imsemmi wara l-post fl-Isvizzera fejn saru l-ewwel laqgħat tal-kartell, u wara bħala “Club Europe”. Pero' kien hemm ukoll żewġ arranġamenti reġjonali, fl-Italja (“Club Italia”) u fi Spanja/l-Portugall (“Club España”). L-arranġamenti differenti tal-kartell kienu jikkostitwixxu ksur uniku, kumpless u kontinwu minħabba li kienu konnessi b'territorju, sħubija u kronoloġija li jisporġu f'xulxin. Barra minn hekk kellhom għan komuni u użaw mekkaniżmi identiċi. Fil-fatt l-għan tal-kartell kien li jiġu stabbiliti ishma tas-suq tal-fornituri biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet u ffaċilitati ż-żidiet fil-prezzijiet. Dan sar permezz ta' qbil fuq il-kwoti, prezzijiet u/jew allokazzjoni tal-klijenti. Il-ftehimiet kienu sorveljati u twaqqfu mekkaniżmi ta' kumpens. Barra minn hekk, il-parteċipanti ta' arranġamenti differenti kienu konxji b'mod reċiproku tat-tentattivi ta' xulxin li jistabbilixxu l-ishma tas-suq/il-prezzijiet u kien hemm sforzi biex isir qbil dwar ekwilibriju komuni u biex flimkien jiffissaw il-prezzijiet.

(12)

Il-kumpaniji involuti ġeneralment iltaqgħu fil-marġini tal-laqgħat uffiċjali tal-kummerċ f'lukandi madwar l-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni għandha evidenza ta' aktar minn 550 laqgħa tal-kartell.

2.3.   Destinatarji u dewmien

(13)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni pparteċipaw fil-ksur matul mill-anqas il-perjodi segwenti:

 

Impriża ffurmata minn

Perjodu ta’ responsabbiltà

1.

(a)

ArcelorMittal Wire France SA

1.1.1984 sa 19.9.2002

(b)

ArcelorMittal Fontaine SA

20.12.1984 sa 19.9.2002

(c)

ArcelorMittal Verderio Srl u

3.4.1995 sa 19.9.2002

(d)

ArcelorMittal

1.7.1999 sa 19.9.2002

2.

(a)

Emesa-Trefilería SA

30.11.1992 sa 19.9.2002

(b)

Industrias Galycas SA

15.12.1992 sa 19.9.2002

(c)

ArcelorMittal España SA u

2.4.1995 sa 19.9.2002

(d)

ArcelorMittal

18.2.2002 sa 19.9.2002

3.

(a)

Moreda-Riviere Trefilerías SA

10.6.1993 sa 19.9.2002

(b)

Trenzas y Cables de Acero PSC, SL

26.3.1998 sa 19.9.2002

(c)

Trefilerías Quijano SA u

15.12.1992 sa 19.9.2002

(d)

Global Steel Wire SA

15.12.1992 sa 19.9.2002

4.

SOCITREL — Sociedade Industrial de Trefilaria SA u Companhia Previdente — Sociedade de Controle de Participações Financeiras SA

7.4.1994 sa 19.9.2002

5.

voestalpine Austria Draht GmbH u voestalpine AG

15.4.1997 sa 19.9.2002

6.

Fapricela Industria de Trefilaria SA

2.12.1998 sa 19.9.2002

7.

Proderac Productos Derivados del Acero SA

24.5.1994 sa 19.9.2002

8.

(a)

Westfälische Drahtindustrie GmbH

1.1.1984 sa 19.9.2002

(b)

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft GmbH & Co. KG

3.9.1987 sa 19.9.2002

(c)

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG

1.7.1997 sa 19.9.2002

9.

(a)

Nedri Spanstaal BV

1.1.1984 sa 19.9.2002

(b)

Hit Groep BV

1.1.1998 sa 17.1.2002

10.

DWK Drahtwerk Köln GmbH u Saarstahl AG

9.2.1994 sa 6.11.2001

11.

Ovako Hjulsbro AB, Ovako Dalwire Oy Ab, Ovako Bright Bar AB u Rautaruukki Oyj

23.10.1997 sa 31.12.2001

12.

Italcables SpA u Antonini SpA

24.2.1993 sa 19.9.2002

13.

Redaelli Tecna SpA

1.1.1984 sa 19.9.2002

14.

CB Trafilati Acciai SpA

23.1.1995 sa 19.9.2002

15.

I.T.A.S. — Industria Trafileria Applicazioni Speciali — SpA

24.2.1993 sa 19.9.2002

16.

(a)

Siderurgica Latina Martin SpA u

10.2.1997 sa 19.9.2002

(b)

ORI Martin SA

1.1.1999 sa 19.9.2002

17.

Emme Holding SpA

4.3.1997 sa 19.9.2002

2.4.   Rimedji

2.4.1.   L-Ammont Bażiku tal-multa

(14)

Meta stabbiliet il-multi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni il-bejgħ tal-kumpaniji involuti fis-suq konċernat fl-aħħar sena qabel it-tmiem tal-kartell (2001; ħlief għal DWK, 2000), in-natura ferm serja tal-ksur, l-iskop ġeografiku tal-kartell u l-perjodu ta' żmien li fih kien jopera.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

2.4.2.1.   Ċirkustanzi Aggravanti/Mitiganti

(15)

Il-Kummissjoni żiedet il-multi għal ArcelorMittal Fontaine u ArcelorMittal Wire France minħabba li kienu diġà ġew immultati qabel għax kienu involuti f'kartell. Saarstahl kienet ġiet preċedentament immultata fil-kartell tat-travi tal-ħadid, imma rċeviet immunità fil-kartell preżenti minħabba li kienet l-ewwel waħda li tat l-informazzjoni taħt in-Notifika ta' Klemenza tal-2002 tal-Kummissjoni.

(16)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni aktar limitata ta' Proderac u Emme Holding billi naqqset il-multa tagħhom b'5 %. Il-multa għal ArcelorMittal España tnaqqset bi 15 % għall-kooperazzjoni tagħha barra n-Notifika ta' Klemenza.

2.4.2.2.   L-applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(17)

Il-multa fuq għadd ta' kumpaniji kienet se taqbeż il-massimu legali ta' 10 % tal-fatturat tal-2009, u għalhekk tnaqqset għal dan il-livell.

2.4.3.   Applikazzjoni għall-Avviż ta' Klemenza tal-2002

(18)

Il-Kummissjoni tat immunità sħiħa mill-multa lil DWK/Saarstahl u tnaqqis mill-multa għall-kooperazzjoni taħt l-Avviż ta' Klemenza tal-2002 lil Italcables/Antonini (50 %), Nedri (25 %), Emesa and Galycas (5 %), ArcelorMittal u s-sussidjarji tagħha (20 %) u lil WDI/Pampus (5 %). Redaelli u SLM ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni u għalhekk ma rċevew ebda tnaqqis mill-multa.

2.4.4.   Kapaċità ta' ħlas

(19)

Il-Kummissjoni aċċettat tliet applikazzjonijiet ta' inkapaċità ta' ħlas u tat tnaqqis rispettivament ta' 25 %, 50 % u 75 % tal-multa li kienet se tkun imposta. Hija rċeviet applikazzjonijiet minn 13-il impriża skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-Multi.

3.   DEĊIŻJONI

(20)

Il-multi segwenti ġew imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

1.

EUR 45 705 600

lil ArcelorMittal Wire Franza SA u ArcelorMittal Fontaine SA, li minnhom,

ArcelorMittal Verderio Srl hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 32 353 600; li minnhom

ArcelorMittal SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 31 680 000.

2.

EUR 36 720 000

lil ArcelorMittal España SA, li minnhom

ArcelorMittal SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 8 256 000; li minnhom

Emesa — Trefilería SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 2 576 400; li minnhom

Industrias Galycas SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 868 300.

3.

EUR 54 389 000

b’mod konġunt u separat lil Global Steel Wire SA u Moreda-Riviere Trefilerías SA, li minnhom

Trenzas y Cables de Acero PSC, SL hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 40 000 000; li minnhom

Trefilerías Quijano SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 4 190 000.

4.

EUR 12 590 000

b’mod konġunt u separat lil Companhia Previdente — Sociedade de Controle de Participações Financeiras SA u SOCITREL — Sociedade Industrial de Trefilaria SA

5.

EUR 22 000 000

b’mod konġunt u separat lil voestalpine AG u voestalpine Austria Draht GmbH.

6.

EUR 8 874 000

lil Fapricela — Indústria de Trefilaria SA

7.

EUR 482 250

lil Proderac Productos Derivados del Acero SA

8.

EUR 46 550 000

lil Westfälische Drahtindustrie GmbH, li minnhom

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft GmbH & Co. KG hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 38 855 000; li minnhom

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 15 485 000.

9.

EUR 6 934 000

lil HIT Groep BV, li minnhom

Nedri Spanstaal BV hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 5 056 500.

10.

EUR 0

b’mod konġunt u separat lil Saarstahl AG u DWK Drahtwerk Köln GmbH.

11.

EUR 4 300 000

b’mod konġunt u separat lil Rautaruukki Oyj u Ovako Bright Bar AB, li minnhom

Ovako Hjulsbro AB hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 1 808 000; li minnhom

Ovako Dalwire Oy Ab hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 554 000.

12.

EUR 2 386 000

lil Italcables SpA, li minnhom

Antonini SpA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 22 500.

13.

EUR 6 341 000

lil Redaelli Tecna SpA

14.

EUR 2 552 500

lil CB Trafilati Acciai SpA

15.

EUR 843 000

lil I.T.A.S. — Industria Trafileria Applicazioni Speciali — SpA

16.

EUR 15 956 000

lil Siderurgica Latina Martin SpA, li minnhom:

ORI Martin SA hija meqjusa konġuntament u solidarjament responsabbli għall-ammont ta' EUR 14 000 000.

17.

EUR 3 249 000

lil Emme Holding SpA


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Din kienet għadha f'konformità man-Notifika tal-Kummissjoni tal-2002 dwar Immunità minn multi jew tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartelli (ĠU C 45, 19.2.2002, p. 3).