20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 308/6


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 308/06

WERREJ

1.

L-ISKOP U L-GĦAN TAL-AVVIŻ

2.

IL-FAŻI INVESTIGATTIVA

2.1.

L-oriġini tal-każijiet

2.2.

Valutazzjoni inizjali u allokazzjoni tal-każijiet

2.3.

Il-bidu tal-proċediment

2.4.

Lingwi

2.5.

Talbiet għal informazzjoni

2.5.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba għal informazzjoni

2.5.2.

Awto-inkriminazzjoni

2.5.3.

Limiti ta’ żmien

2.5.4.

Il-kunfidenzjalità

2.5.5.

Laqgħat u kuntatti oħrajn mal-partijiet u l-partijiet terzi

2.5.6.

Is-setgħa li jittieħdu dikjarazzjonijiet (intervisti)

2.6.

Spezzjonijiet

2.7.

Privileġġ Professjonali Legali

2.8.

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni

2.9.

Laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

2.9.1.

Il-format tal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

2.9.2.

L-iskedar tal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

2.10.

Laqgħat trijangulari

2.11.

Laqgħat mal-Kummissarju jew mad-Direttur Ġenerali

2.12.

Reviżjoni tas-sottomissjonijiet ewlenin

2.13.

L-eżiti possibbli tal-fażi tal-investigazzjoni

3.

PROĊEDURI LI JWASSLU GĦAL DEĊIŻJONI TA’ PROJBIZZJONI

3.1.

Id-dritt għas-smigħ

3.1.1.

Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

3.1.1.1.

L-għan u l-kontenut tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

3.1.1.2.

L-impożizzjoni possibbli ta’ rimedji u l-argumenti tal-partijiet

3.1.1.3.

L-impożizzjoni possibbli ta’ multi u l-argumenti tal-partijiet

3.1.1.4.

Trasparenza

3.1.2.

L-aċċess għall-fajl

3.1.3.

Proċeduri għall-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-partijiet fil-proċediment

3.1.4.

Tweġiba bil-miktub għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

3.1.5.

Id-drittijiet tal-kwerelanti u ta’ persuni terzi interessati

3.1.6.

Seduta ta’ Smigħ Orali

3.1.7.

Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet Supplimentari u Ittra tal-Fatti

3.2.

L-eżiti possibbli ta’ din il-fażi

4.

PROĊEDURI TA’ IMPENN

4.1.

Il-bidu ta’ diskussjonijiet ta’ impenn

4.2.

Valutazzjoni Preliminari

4.3.

Sottomissjoni tal-impenji

4.4.

It-“test tas-suq” u d-diskussjonijiet sussegwenti mal-partijiet

5.

PROĊEDURA GĦAR-RIFJUT TAL-ILMENT

5.1.

Raġunijiet għar-rifjut

5.2.

Proċedura

6.

LIMITI FUQ L-UŻU TAL-INFORMAZZJONI

7.

L-ADOZZJONI, IN-NOTIFIKA U L-PUBBLIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET

8.

REVIŻJONI FUTURA

ANNESS 1

1.   L-ISKOP U L-GĦAN TAL-AVVIŻ

1.

L-għan prinċipali ta’ dan l-avviż huwa li jipprovdi gwida prattika dwar it-tmexxija tal-proċediment quddiem il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (3) tiegħu u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, l-avviż ifittex li jżid l-għarfien tal-proċess ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni (4) u b’hekk itejjeb l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet u jiżgura livell għoli ta’ trasparenza u prevedibbiltà fil-proċess. L-avviż ikopri l-proċedimenti (5) ewlenin li jikkonċernaw l-allegat ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

2.

Il-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri bbażati partikolarment fuq l-Artikolu 106 tat-TFUE b’rabta mal-Artikoli 101/102 tat-TFUE jaqgħu barra mill-iskop ta’ dan l-avviż. Huwa lanqas ma japplika għall-proċediment skont ir-Regolament tal-Għaqdiet (6) jew għall-proċediment tal-għajnuna mill-Istat (7).

3.

IL-proċedimenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom b’mod ġenerali bħala “proċediment”) huma b’mod partikolari rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-Avviżi tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-fajl (8) u t-trattament tal-ilmenti (9), kif ukoll it-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta (10) huma wkoll rilevanti għat-tmexxija tal-proċediment. Fir-rigward tal-preżentazzjonijiet tar-rapporti tal-esperti ekonomiċi u l-preżentazzjoni tad-dejta kwantitattiva, issir referenza għall-Aqwa Prattiċi dwar il-preżentazzjoni tal-evidenza ekonomika (11). Għalhekk, dan l-avviż ma għandux jitqies bħala rendikont eżawrjenti tal-miżuri kollha li jirregolaw il-proċediment quddiem il-Kummissjoni. L-avviż għandu jinqara flimkien ma’ strumenti oħrajn bħal dawn u kwalunkwe każistika rilevanti.

4.

L-investigazzjoni tal-kartelli, kif definiti fl-Avviż ta’ Klemenza (12), tista’ tkun soġġetta wkoll għall-proċedimenti speċifiċi dwar l-applikazzjonijiet għal klemenza u dwar ir-riżolvimenti (13). Dawn il-proċeduri speċifiċi mhumiex koperti minn dan l-avviż. Barra minn hekk, in-natura partikolari tal-proċeduri ta’ kartelli f’xi ċirkostanzi tkun teħtieġ dispożizzjonijiet speċjali, sabiex dawn ma jinterferixxux mal-applikazzjonijiet ta’ klemenza (14) possibbli jew mad-diskussjonijiet tar-riżolviment (15). Dawn id-dispożizzjonijiet speċjali huma indikati fejn applikabbli.

5.

Dan l-avviż huwa strutturat kif ġej. It-taqsima 2 tistabbilixxi l-proċedura li tiġi segwita matul il-fażi investigattiva. Din il-parti hija rilevanti għal kwalunkwe investigazzjoni, irrispettivament minn jekk hija twassalx għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni (Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003), deċiżjoni ta’ impenn (Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) jew rifjut ta’ deċiżjoni dwar ilment (Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni). It-taqsima 3 tiddeskrivi l-passi proċedurali ewlenin u d-drittijiet ta’ difiża fil-kuntest tal-proċeduri li jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni. It-taqsima 4 tiddeskrivi l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ta’ impenn. It-taqsima 5 tkopri r-rifjut ta’ lmenti. It-taqsimiet li jifdal huma ta’ applikazzjoni ġenerali: it-taqsima 6 tiddeskrivi l-limiti għall-użu tal-informazzjoni u t-taqsima 7 tittratta l-adozzjoni, in-notifika u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u t-taqsima 8 tiddeskrivi reviżjonijiet futuri.

6.

Dan l-avviż huwa msawwar b’mod partikolari fuq l-esperjenza sal-lum fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Huwa jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni fil-ħin tal-pubblikazzjoni u sejjer jiġi applikat mid-data tal-pubblikazzjoni għall-każijiet pendenti (16) u għal dawk futuri. Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ każ individwali jista’ jkollhom bżonn adattament ta’, jew devjazzjoni minn dan l-avviż, jiddependi mill-każ inkwistjoni.

7.

Dan l-avviż ma joħloq l-ebda dritt jew obbligu ġdid, u lanqas ma jbiddel id-drittijiet jew l-obbligi li joħorġu mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

8.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta’ informazzjoni elettronika (e-mails jew mezzi diġitali) għal kwalunkwe korrispondenza relatata ma’ każijiet.

2.   IL-FAŻI INVESTIGATTIVA

2.1.   L-oriġini tal-każijiet

9.

Każ li jikkonċerna allegat ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE jista’ jkun ibbażat fuq ilment minn impriżi, persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn u saħansitra Stati Membri.

10.

L-informazzjoni miċ-ċittadini u l-impriżi hija importanti sabiex jingħata bidu għall-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ċittadini u lill-impriżi sabiex jinformawha dwar il-ksur suspettat tar-regoli tal-kompetizzjoni (17). Dan jista’ jsir jew billi jiġi ppreżentat ilment formali (18) jew sempliċiment billi tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-suq lill-Kummissjoni. Kull min jista’ juri interess leġittimu bħala kwerelant, u min jissottometti lment skont il-formola C (19), igawdi ċerti drittijiet proċedurali. Id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita huma stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u fl-Avviż dwar it-trattament tal-ilmenti. Persuni fiżiċi u ġuridiċi, għajr kwerelanti, li juru interess suffiċjenti li jinstemgħu u li jitħallew ikunu preżenti waqt il-proċediment mill-uffiċjal tas-seduta, ukoll igawdu ċerti drittijiet proċedurali skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

11.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiftaħ każ fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio). Hija tista’ tagħmel dan meta ċerti fatti jinġiebu għall-attenzjoni tagħha, jew sussegwentament għal informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet fis-settur, il-laqgħat informali mal-industrija, il-monitoraġġ tas-swieq jew fuq il-bażi tal-informazzjoni skambjata fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (“ECN”) jew ma’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-pajjiżi terzi. Il-każijiet ta’ kartell jistgħu jinbdew ukoll fuq il-bażi ta’ applikazzjoni għall-klemenza minn wieħed mill-membri tal-kartell.

2.2.   Valutazzjoni inizjali u allokazzjoni tal-każijiet

12.

Il-każijiet kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, huma soġġetti għal fażi ta’ valutazzjoni inizjali. Matul din il-fażi, il-Kummissjoni teżamina jekk il-każ jimmeritahx aktar investigazzjoni (20) u, jekk iva, tiddefinixxi provviżorjament il-fokus tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-partijiet, is-swieq u l-kondotta li jkunu jridu jiġu investigati. Matul din il-fażi, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu minn miżuri investigattivi bħal talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament 1/2003.

13.

Fil-prattika, is-sistema ta’ valutazzjoni inizjali tfisser li xi każijiet jitwarrbu fi stadju bikri ħafna minħabba li ma jkunux meqjusa li jistħoqqilhom aktar investigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiffoka r-riżorsi tal-infurzar tagħha fuq dawk il-każijiet fejn ikun jidher li huwa probabbli li jinstab xi ksur, b’mod partikolari fuq każijiet bl-aktar impatt sinjifikanti fuq il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq intern u r-riskju ta’ ħsara lill-konsumaturi, kif ukoll fuq każijiet li x’aktarx jikkontribwixxu biex jiddefinixxu l-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni u/jew biex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE (21).

14.

Din il-fażi inizjali tal-valutazzjoni tipprova wkoll tindirizza, fi stadju bikri, l-allokazzjoni tal-każijiet fi ħdan l-ECN. Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 introduċa l-possibbiltà ta’ ri-allokazzjoni ta’ każijiet lil membri oħrajn tan-netwerk jekk ikunu f’qagħda tajba li jindirizzawhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ terġa’ talloka każ lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u viċi versa  (22).

15.

Meta tiġi indirizzata lilhom l-ewwel miżura investigattiva (normalment talba għall-informazzjoni (23) jew spezzjoni), id-destinatarji jkunu informati dwar il-fatt li huma soġġetti għal investigazzjoni preliminari u dwar is-suġġett u l-għan ta’ investigazzjoni bħal din. Fil-kuntest tat-talbiet għall-informazzjoni, dawn ikomplu jiġu mfakkra li jekk l-imġiba li tkun qiegħda tiġi investigata tkun ikkonfermata li seħħet, din tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE. Wara li jkunu rċevew talba għall-informazzjoni jew ikunu soġġetti għal spezzjoni, il-partijiet (24) jistgħu fi kwalunkwe ħin jistaqsu lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni, inkluż qabel il-bidu tal-proċediment. Jekk tali impriża tqis li hija ma kinitx informata kif xieraq mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni dwar l-istatus proċedurali tagħha, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal riżoluzzjoni, wara li tkun qajmet il-kwistjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (25). L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu deċiżjoni li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jinforma lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li jkunu għamlu t-talba dwar l-istatus proċedurali tagħhom. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li jkunu għamlu t-talba. Jekk, fi kwalunkwe stadju matul il-fażi ta' valutazzjoni inizjali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tkomplix tinvestiga l-każ (u għalhekk li ma tiftaħx proċediment), il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess, tinforma lill-parti soġġetta għall-investigazzjoni preliminari dwar dan.

16.

F’dawk il-każijiet li huma bbażati fuq ilment, il-Kummissjoni sejra tagħmel sforz biex tinforma lill-kwerelanti fi żmien erba’ xhur mill-wasla tal-ilment dwar l-azzjoni li hija tipproponi li tieħu fir-rigward tal-ilment (26). Dan il-perjodu ta’ żmien huwa indikattiv u se jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali u fuq jekk id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni rċeviex biżżejjed informazzjoni mill-kwerelant jew mill-partijiet terzi, notevolment b’reazzjoni għat-talbiet tiegħu għall-informazzjoni, sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux ikompli jinvestiga l-każ jew le.

2.3.   Il-bidu tal-proċediment

17.

Il-Kummissjoni sejra tibda l-proċediment (27) skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 meta l-valutazzjoni inizjali twassal għall-konklużjoni li l-każ jistħoqqlu aktar investigazzjoni u fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni jkun ġie definit biżżejjed.

18.

Il-bidu tal-proċediment jiddetermina l-allokazzjoni tal-każ fi ħdan l-ECN (28) u fir-rigward tal-partijiet u l-kwerelant, fejn applikabbli. Huwa juri wkoll impenn min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tkompli tinvestiga l-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni se talloka r-riżorsi għall-każ u se tagħmel ħilitha biex tittratta l-każ fil-ħin.

19.

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċediment tidentifika l-partijiet soġġetti għall-proċediment u tiddeskrivi fil-qosor il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. B’mod partikolari, hija ssemmi l-imġiba li tikkostitwixxi l-allegat ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE li għandu jiġi kopert mill-investigazzjoni u normalment tidentifika t-territorju u s-settur(i) fejn isseħħ dik l-imġiba.

20.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel pubbliku il-ftuħ tal-proċediment. Il-politika tal-Kummissjoni hija li tippubblika l-bidu tal-proċediment fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u toħroġ stqarrija għall-istampa, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tkunx ta’ ħsara għall-investigazzjoni.

21.

Il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni jiġu informati bil-fomm jew bil-miktub dwar il-bidu tal-proċediment biżżejjed qabel ma l-bidu tal-proċediment isir pubbliku bil-għan li dawn ikunu jistgħu jippreparaw il-komunikazzjoni tagħhom (b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonisti, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istampa).

22.

Għandu jiġi enfasizzat li l-bidu tal-proċediment bl-ebda mod ma jiġġudika minn qabel l-eżistenza ta’ ksur. Huwa sempliċiment jindika li l-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-każ. Din il-kjarifika importanti tkun imsemmija fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċediment (notifikata lill-partijiet), kif ukoll fil-komunikazzjonijiet pubbliċi kollha li jikkonċernaw il-ftuħ tal-każ.

23.

Il-bidu tal-proċediment ma jillimitax id-dritt tal-Kummissjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni u/jew id-destinatarji tal-investigazzjoni fi stadju aktar tard. F'każ ta' tali estensjoni tal-iskop tal-investigazzjoni, il-miżuri fil-paragrafi 20 sa 21 japplikaw.

24.

Fil-każijiet ta’ kartell, il-bidu tal-proċediment normalment isir fl-istess ħin mal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (ara l-paragrafu 4 aktar ’il fuq), għalkemm jista’ jsir qabel.

2.4.   Lingwi

25.

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (29), id-dokumenti li l-Kummissjoni tibgħat lil impriża bbażata fl-Unjoni Ewropea sejrin jitfasslu fil-lingwa tal-Istat Membru fejn tkun ibbażata l-impriża.

26.

Skont l-Artikolu 2 ta’ dak l-istess Regolament, id-dokumenti li impriża tibgħat lill-Kummissjoni jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea magħżula mill-mittenti. It-tweġiba u l-korrispondenza sussegwenti jitfasslu fl-istess lingwa.

27.

Sabiex jiġi evitat id-dewmien minħabba t-traduzzjoni, id-destinatarji jistgħu jirrinunzjaw id-dritt tagħhom li jirċievu t-test fil-lingwa li tirriżulta mir-regola msemmija hawn fuq u jagħżlu lingwa oħra. Ir-rinunzji tal-lingwa debitament awtorizzati jistgħu jingħataw għal xi dokumenti speċifiċi u/jew għall-proċedura kollha.

28.

Fir-rigward ta’ talbiet sempliċi għall-informazzjoni, hija prattika standard li l-ittra ta’ kopertura tintbagħat bil-lingwa tal-post tad-destinatarju jew bl-Ingliż (inkluża referenza għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1) u li jiġi mehmuż il-kwestjonarju bl-Ingliż. Id-destinatarju jiġi informat ukoll b’mod ċar – bil-lingwa tal-post tad-destinatarju – dwar id-dritt tiegħu li jikseb traduzzjoni tal-ittra ta’ kopertura u/jew il-kwestjonarju bil-lingwa tal-post tad-destinatarju, kif ukoll dwar id-dritt li jwieġeb b’dik il-lingwa. Din il-prattika tagħti lok għal trattament aktar imħaffef tat-talbiet għall-informazzjoni, filwaqt li tippriserva d-drittijiet tad-destinatarji.

29.

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Valutazzjoni Preliminari u d-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 7, 9 u 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jiġu nnotifikati bil-lingwa awtentika tad-destinatarju sakemm dan ma jkunx iffirma r-rinunzja tal-lingwa msemmija hawn fuq.

30.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, it-tweġiba u l-korrispondenza sussegwenti indirizzati lill-kwerelant sejrin ikunu bil-lingwa tal-ilment tagħhom.

31.

Il-parteċipanti fis-seduta orali jistgħu jitolbu li jinstemgħu b’lingwa uffiċjali tal-UE differenti mil-lingwa tal-proċediment. F’dak il-każ, l-interpretar ikun ipprovdut waqt is-seduta ta’ smigħ orali, sakemm jingħata avviż bil-quddiem biżżejjed ta’ dan ir-rekwiżit lill-uffiċjal tas-seduta.

2.5.   Talbiet għal informazzjoni

32.

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija awtorizzata biex titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa. L-informazzjoni tista’ tintalab permezz ta’ ittra (“talba sempliċi” (l-Artikolu 18(2)) jew permezz ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 18(3)) (30). Għandu jkun enfasizzat li t-talbiet għall-informazzjoni jintbagħtu regolarment mhux biss lill-impriżi li jkunu qegħdin jiġu investigati, iżda wkoll lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jista’ jkollhom informazzjoni rilevanti għall-każ.

2.5.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba għal informazzjoni

33.

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. L-informazzjoni hija meħtieġa, b’mod partikolari, jekk hija tkun tista’ tppermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-eżistenza tal-allegat ksur imsemmi fit-talba. Il-Kummissjoni tgawdi marġini ta’ apprezzament f’dan ir-rigward (31).

34.

Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-format tat-talba għall-informazzjoni. Madankollu, fejn ikun xieraq, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’ jiddiskuti l-kamp ta’ applikazzjoni u l-format tat-talba għall-informazzjoni mad-destinatarji. Dan jista’ jkun partikolarment utli f’każijiet ta’ talbiet dwar dejta kwantitattiva (32).

35.

Meta, fi tweġiba għal talba għall-informazzjoni, l-impriżi jippreżentaw informazzjoni manifestament irrilevanti (b’mod partikolari dokumenti li jkun jidher b’mod ċar li mhumiex relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni), id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’, bil-għan li ma jitfax piż bla bżonn fuq il-fajl amministrattiv li ta’ spiss ikun voluminuż, jirritorna din l-informazzjoni lid-destinatarju tat-talba mill-aktar fis possibbli wara li jkun irċieva t-tweġiba. Avviż qasir li jirrapporta dan il-fatt jitpoġġa fil-fajl.

2.5.2.   Awto-inkriminazzjoni

36.

Meta d-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsija f’tali talba billi jinvoka l-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, kif definit mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (33), huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni fil-ħin dovut wara li jkun irċieva t-talba lill-uffiċjal tas-seduta, wara li jkun qajjem il-kwistjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien iffissat oriġinalment (34). F’każijiet xierqa, u fil-kounsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-proċediment, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel rakkomandazzjoni motivata dwar jekk il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni japplikax u mbagħad jinforma lid-direttur responsabbli dwar il-konklużjonijiet milħuqa, li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’każ ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Id-destinatarju tat-talba għandu jirċievi kopja tar-rakkomandazzjoni motivata. Id-destinatarju ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) se jkun imfakkar dwar il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni kif definit mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (35).

2.5.3.   Limiti ta’ żmien

37.

It-talba għall-informazzjoni tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien li matulu għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni.

38.

Id-destinatarji jingħataw limitu ta’ żmien raġjonevoli sabiex iwieġbu għat-talba, skont it-tul u l-kumplessità tat-talba b’kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-investigazzjoni. B’mod ġenerali, dan il-limitu ta’ żmien sejjer ikun mill-inqas ġimagħtejn mill-wasla tat-talba. Jekk mill-bidu nett, ikun meqjus li hemm bżonn ta’ perjodu itwal, il-limitu ta’ żmien sabiex tingħata tweġiba għat-talba għandu jiġi stabbilit kif xieraq. Meta l-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba jkun limitat, pereżempju jekk it-talba tkun tkopri biss kjarifika qasira tal-informazzjoni pprovduta qabel jew tal-informazzjoni disponibbli minnufih għad-destinatarju tat-talba, il-limitu ta’ żmien normalment ikun iqsar (ġimgħa jew inqas).

39.

Jekk ikollhom diffikultajiet sabiex iwieġbu sal-limitu ta’ żmien stabbilit, id-destinatarji jistgħu jitolbu biex dan jiġi estiż. Talba motivata għandha ssir jew tiġi kkonfermata bil-miktub (permezz ta’ ittra jew e-mail), fi żmien biżżejjed minn qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien. Jekk il-Kummissjoni tqis li t-talba hija ġustifikata, jingħata żmien addizzjonali (skont il-kumplessità tal-informazzjoni mitluba u fatturi oħrajn). Il-Kummissjoni tista’ taqbel ukoll mad-destinatarju tat-talba li ċerti partijiet tal-informazzjoni mitluba li huma ta’ importanza partikolari jew faċilment disponibbli għad-destinatarju sejrin jiġu pprovduti fi żmien iqsar, filwaqt li jingħata żmien addizzjonali għall-għoti tal-informazzjoni li jifdal.

40.

Meta d-destinatarju ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma jkunx jista’ jsib soluzzjoni għat-tħassib tiegħu dwar il-limitu ta’ żmien permezz tal-proċedura msemmija hawn fuq, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Talba bħal din għandha ssir fiż-żmien dovut qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien iffissata oriġinalment (36). L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata estensjoni tal-limitu ta’ żmien, billi jikkunsidra t-tul u l-kumplessità tat-talba għall-informazzjoni u r-rekwiżiti tal-investigazzjoni.

2.5.4.   Il-kunfidenzjalità

41.

L-ittra ta’ kopertura tat-talba għall-informazzjoni titlob ukoll li d-destinatarju jindika jekk huwa jqisx li l-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba hija kunfidenzjali. F’dak il-każ, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, id-destinatarju għandu jissostanzja l-affermazzjonijiet tiegħu individwalment fir-rigward ta’ kull punt ta’ informazzjoni u jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni. Tali verżjoni mhux kunfidenzjali għandha tiġi pprovduta fl-istess format bħall-informazzjoni kunfidenzjali, fejn il-passaġġi mħassra jkunu sostitwiti minn sommarji tagħhom. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, verżjoni mhux kunfidenzjali għandha tiġi pprovduta fl-istess ħin bħas-sottomissjoni oriġinali. Jekk l-impriżi jonqsu milli jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni tista’ tassumi li d-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

2.5.5.   Laqgħat u kuntatti oħrajn mal-partijiet u l-partijiet terzi

42.

Matul il-fażi investigattiva, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’ jagħmel laqgħat (jew telefonati) mal-partijiet soġġetti għall-proċediment, il-kwerelanti jew il-partijiet terzi. B'mod partikolari, huwa sejjer iżomm laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali jew jista’ jorganizza laqgħat trijangulari kif deskritt fit-taqsimiet 2.9 jew 2.10 ta’ hawn taħt.

43.

Meta ssir laqgħa fuq it-talba tal-partijiet, il-kwerelanti jew il-partijiet terzi għandhom, bħala regola ġenerali, jissottomettu bil-quddiem proposta għal aġenda tas-suġġetti li jridu jiġu diskussi fil-laqgħa, kif ukoll memorandum jew preżentazzjoni li tkopri dawn il-kwistjonijiet f’aktar dettall. Wara l-laqgħat jew it-telefonati fuq kwistjonijiet sostantivi, il-partijiet, il-kwerelanti jew il-partijiet terzi jistgħu jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet jew il-preżentazzjonijiet tagħhom bil-miktub.

44.

Kull dokumentazzjoni bil-miktub imħejjija mill-impriżi li attendew laqgħa li tiġi kkomunikata lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni se titpoġġa fil-fajl. Verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali dokumentazzjoni, flimkien ma’ nota qasira mħejjija mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, se tkun aċċessibbli għall-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni waqt l-aċċess tagħhom għall-fajl, jekk il-każ ikun segwit ulterjorment. Soġġetta għal kwalunkwe talba għall-anonimità (37) din in-nota se ssemmi l-impriża/i li jkunu attendew għal-laqgħa (jew li jkunu pparteċipaw fit-telefonata relatata ma’ kwistjonijiet sostantivi) u l-iskedar u s-suġġett(i) kopert(i) mil-laqgħa (jew mit-telefonata) (38). Tali nota qasira se tkun imħejjija wkoll meta l-laqgħa isseħħ fuq inizjattiva tal-Kummissjoni (pereżempju laqgħat dwar l-Istat Attwali).

45.

Il-Kummissjoni tista’, wara laqgħa jew kuntatt informali ieħor mal-partijiet, mal-kwerelanti jew mal-partijiet terzi, titlob li huma jipprovdu informazzjoni bil-miktub skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew tistedinhom jagħmlu dikjarazzjoni skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament.

2.5.6.   Is-setgħa li jittieħdu dikjarazzjonijiet (intervisti)

46.

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxu proċedura speċifika għat-teħid ta’ dikjarazzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jista’ jkollhom fil-pussess tagħhom informazzjoni utli dwar allegat ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ara l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni) (39).

47.

Il-Kummissjoni tista’, skont din il-proċedura, tintervista bi kwalunkwe mezz, bħal bit-telefon jew b’konferenza bil-vidjo, lil kull persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata bil-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni.

48.

Qabel jieħu dikjarazzjonijiet bħal dawn, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jinforma lill-intervistat dwar il-bażi legali tal-intervista, in-natura volontarja tagħha u d-dritt tal-intervistat li jikkonsulta avukat. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jkompli jinforma lill-intervistat dwar l-għan tal-intervista u dwar l-intenzjoni tiegħu li jżomm rekord tal-intervista. Fil-prattika dan isir billi jiġi pprovdut dokument li jispjega l-proċedura li għandu jiġi ffirmat mill-intervistat. Sabiex tittejjeb il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet, kopja ta’ kull intervista rrekordjata għandha tkun disponibbli fi żmien qasir għall-persuna intervistata għall-approvazzjoni tagħha.

49.

Il-proċedura għat-teħid ta’ dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tapplika biss meta jkun espressament miftiehem bejn l-intervistat u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni li l-konverżazzjoni għandha tiġi rrekordjata bħala intervista formali skont l-Artikolu 19. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi meta tipproponi l-intervisti. Madankollu, kwalunkwe parti tista’ tagħmel talba lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni sabiex id-dikjarazzjoni tagħha tiġi rrekordjata bħala intervista. Fil-prinċipju, talba bħal din tiġi aċċettata, skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tat-tmexxija xierqa tal-investigazzjoni.

2.6.   Spezzjonijiet

50.

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li twettaq spezzjonijiet fil-bini ta’ impriża u, f’ċerti ċirkostanzi, f’bini ieħor, inkluż bini privat. Il-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ispezzjonijiet fil-bini ta’ impriża hija attwalment deskritta f’nota ta’ spjegazzjoni li hija disponibbli fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (40).

2.7.   Privileġġ Professjonali Legali

51.

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (41), li l-karatteristiċi ewlenin tagħha huma spjegati fil-qosor hawn taħt, ċerti komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent jistgħu, soġġetti għal kundizzjonijiet stretti, ikunu protetti minn privileġġ professjonali legali (imsejjaħ ukoll “LPP”) u b’hekk ikunu kunfidenzjali fir-rigward tal-Kummissjoni, bħala eċċezzjoni għas-setgħat ta’ din tal-aħħar ta’ investigazzjoni u eżaminazzjoni tad-dokumenti (42). Il-komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent ikunu protetti minn privileġġ professjonali legali diment li jsiru għall-iskop u l-interess tal-ħarsien tad-drittijiet ta’ difiża tal-klijent fi proċediment tal-kompetizzjoni u li joriġinaw minn avukati indipendenti (43).

52.

Hija r-responsabbiltà tal-impriża li titlob il-protezzjoni tal-privileġġ professjonali legali fir-rigward ta’ dokument partikolari, li tipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni xierqa u b’materjal rilevanti sabiex tissostanzja t-talba tagħha, filwaqt li mhijiex marbuta li tiżvela l-kontenut ta’ dokument bħal dan (44). Għandhom jiġu ppreżentati verżjonijiet f’sura ġdida li jneħħu l-partijiet koperti minn privileġġ professjonali legali. Meta l-Kummissjoni tqis li tali evidenza ma tkunx ġiet ipprovduta, hija tista’ tordna l-produzzjoni tad-dokument inkwistjoni u, jekk ikun meħtieġ, timponi fuq l-impriża multi jew ħlasijiet penali perjodiċi għar-rifjut tagħha li tipprovdi tali evidenza addizzjonali meħtieġa jew li tipproduċi d-dokument ikkontestat (45).

53.

F’ħafna każijiet, ħarsa sempliċi u superfiċjali mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, normalment waqt spezzjoni, lejn it-tqassim ġenerali, l-intestatura, it-titolu jew karatteristiċi superfiċjali oħrajn ta’ dokument jippermettilhom li jikkonfermaw jew le l-preċiżjoni tar-raġunijiet invokati mill-impriża. Madankollu, impriża hija intitolata li tirrifjuta li tippermetti lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li saħansitra jagħtu ħarsa superfiċjali, diment li hija tagħti raġunijiet xierqa biex tiġġustifika għaliex tali ħarsa superfiċjali tkun impossibbli mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut tad-dokument (46).

54.

Fejn, matul spezzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-impriża: (i) ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha li d-dokument ikkonċernat huwa kopert minn privileġġ professjonali legali; (ii) invokat biss raġunijiet li, skont il-każistika, ma jistgħux jiġġustifikaw tali protezzjoni; jew (iii) tibbaża ruħha fuq asserzjonijiet fattwali li huma manifestament żbaljati, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu minnufih jaqraw il-kontenut tad-dokument u jieħdu kopja tiegħu (mingħajr ma jużaw il-proċedura tal-envelop issiġillat). Madankollu, meta, matul il-kors ta’ spezzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jqisu li l-materjal ippreżentat mill-impriża mhuwiex ta’ natura li jipprova li d-dokument inkwistjoni huwa protett minn privileġġ professjonali legali kif definit mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta l-impriża tirrifjuta li tagħti lill-uffiċjali tal-Kummissjoni l-opportunità li jagħtu ħarsa superfiċjali lejn dokument, iżda ma jistgħux jeskludu li d-dokument jista’ jkun protett, l-uffiċjali jistgħu jpoġġu kopja tad-dokument ikkontestat f’envelop issiġillat u jwassluh fil-bini tal-Kummissjoni, bl-iskop ta’ riżoluzzjoni sussegwenti tat-tilwima.

55.

L-uffiċjal tas-seduta jista’ jintalab mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jeżamina l-affermazzjonijiet li dokument meħtieġ mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-Artikoli 18, 20 jew 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u li ma ngħatax lill-Kummissjoni, huwa kopert minn privileġġ professjonali legali, skont it-tifsira tal-każistika, jekk l-impriża ma setgħetx issolvi l-kwistjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (47). L-impriża li tagħmel it-talba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta jekk huma jagħtu kunsens lill-uffiċjal tas-seduta biex jara l-informazzjoni meqjusa bħala li hija koperta minn privileġġ professjonali legali u kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ għall-valutazzjoni tal-uffiċjal tas-seduta. Mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tal-informazzjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkomunika l-opinjoni preliminari tiegħu lid-direttur responsabbli u lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, filwaqt li jista’ jieħu l-passi xierqa sabiex jippromwovi soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku.

56.

Meta ma tintlaħaq ebda soluzzjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jifformula rakkomandazzjoni motivata lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tad-dokument. Il-parti li tagħmel it-talba għandha tirċievi kopja ta’ din ir-rakkomandazzjoni. Jekk il-kwistjoni ma tkunx riżolta abbażi ta' dan, il-Kummissjoni teżamina il-kwistjoni ulterjorment. Fejn xieraq, tista' tadotta deċiżjoni fejn tirrifjuta l-affermazzjoni.

57.

F’każijiet fejn l-impriża tkun talbet il-protezzjoni tal-privileġġ professjonali legali u tkun ipprovdiet raġunijiet li jissostanzjaw it-talbiet tagħha, il-Kummissjoni (bl-eċċezzjoni tal-uffiċjal tas-seduta jekk talba tkun ġiet riferuta lilu fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2)(a) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta) ma taqrax il-kontenut tad-dokument qabel ma tkun adottat deċiżjoni li tirrifjuta din it-talba u ppermettiet lill-impriża kkonċernata li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jekk il-kumpanija tieħu azzjoni għal annullament u tapplika għal rimedju temporanju fil-limitu ta’ żmien speċifikat, il-Kummissjoni ma tiftaħx l-envelop issiġillat u ma taqrax id-dokumenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun ħadet deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni għal miżuri temporanji (48).

58.

Impriżi li jagħmlu talbiet li b’mod ċar ikunu infondati għal protezzjoni skont il-privileġġ professjonali legali sempliċiment bħala tattiki ta’ dewmien jew li jopponu, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, kwalunkwe ħarsa superfiċjali lejn id-dokumenti waqt investigazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal multi skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni. Similarment, tali azzjonijeit jistgħu ikunu kkunsidrati bħala ċirkostanzi aggravanti fi kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa minħabba ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE (49).

2.8.   Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni

59.

Fil-kuntest ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’ wkoll tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Il-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-iskambji hija attwalment deskritta fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk ta’ Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (50).

2.9.   Laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

60.

Matul il-proċedura, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jagħmel ħiltu biex jagħti, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba li ssirlu, lill-partijiet soġġetti għall-proċediment opportunità abbundanti għal diskussjonijiet miftuħa u sinċiera – b’kunsiderazzjoni tal-istadju tal-investigazzjoni – u biex jagħmlu l-perspettivi tagħhom magħrufa.

61.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se toffri laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali f’ċerti stadji tal-proċedura. Il-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali, li fin-natura tagħhom huma kompletament volontarji għall-partijiet, jistgħu jikkontribwixxu għall-kwalità u l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex jiżguraw it-trasparenza u l-komunikazzjoni bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-partijiet, partikolarment sabiex dawn jiġu informati dwar l-istatus tal-proċediment f’punti ewlenin matul il-proċedura. Il-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali se jiġu offruti biss lill-partijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati u mhux lill-kwerelant (għajr meta l-Kummissjoni tkun fetħet proċediment skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u jkollha l-ħsieb li tinforma lill-kwerelant li hija se tiċħad l-ilment tiegħu permezz ta’ ittra formali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni) u lanqas lil partijiet terzi. Meta jkun hemm diversi partijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati, il-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali jiġu offruti lil kull parti separatament. Fi proċediment ta' kartell, il-possibbiltà ta' laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali tkun offruta kif ipprovdut fil-paragrfau 65.

2.9.1.   Il-format tal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

62.

Il-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali normalment isiru fil-bini tal-Kummissjoni, iżda jekk ikun xieraq, dawn jistgħu jsiru wkoll bit-telefon jew permezz ta’ vidjokonferenza. Il-laqgħa normalment tkun ippreseduta mill-maniġment anzjan tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (id-Direttur jew il-Viċi Direttur Ġenerali). Madankollu, f’każijiet li jinvolvu bosta partijiet, il-laqgħa tista’ tkun ippreseduta mill-kap tat-taqsima responsabbli.

2.9.2.   L-iskedar tal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali

63.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni se joffri laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali f’diversi stadji tal-każ. Dawn ikunu jikkorrespondu, fil-prinċipju (għalkemm normalment mhux fil-kuntest tal-proċediment f’każijiet ta’ kartell), għall-avvenimenti li ġejjin:

1.

Ftit wara l-ftuħ tal-proċediment: id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jinforma lill-partijiet soġġetti għall-proċediment dwar il-kwistjonijiet identifikati f’dan l-istadju u dwar l-iskop antiċipat tal-investigazzjoni. Din il-laqgħa tipprovdi lill-partijiet b’opportunità li jirreaġixxu inizjalment għall-kwistjonijiet identifikati u tista’ sservi wkoll biex tgħin lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jiddeċiedi dwar il-qafas xieraq għall-investigazzjoni ulterjuri tiegħu. Din il-laqgħa tista’ tintuża wkoll sabiex matulha jiġu diskussi mal-partijiet kwalunkwe rinunzji rilevanti tal-lingwa li jistgħu jkunu xierqa għat-tmexxija tal-investigazzjoni. F’dan l-istadju, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni normalment jindika skeda tentattiva għall-każ. Tali skeda tentattiva għandha, jekk ikun xieraq, tiġi aġġornata wara l-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali.

2.

Fi stadju avvanzat biżżejjed fl-investigazzjoni: din il-laqgħa tagħti lill-partijiet soġġetti għall-proċediment opportunità biex jifhmu l-opinjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar l-istatus tal-każ wara l-investigazzjoni tiegħu u dwar il-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jiġu identifikati. Il-laqgħa tista’ tintuża wkoll mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u mill-partijiet sabiex jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet u fatti li huma rilevanti għall-eżitu tal-każ.

64.

Meta tinħareġ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-partijiet jiġu offruti wkoll laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali wara t-tweġiba tagħhom għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet jew wara s-Seduta ta’ Smigħ Orali, jekk issir waħda: waqt din il-laqgħa, il-partijiet normalment jiġu informati dwar l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni fuq kif hija għandha l-ħsieb li tkompli ssegwi l-każ.

65.

Fil-kuntest tal-proċediment fi proċediment ta’ kartell tiġi offruta laqgħa waħda dwar is-Sitwazzjoni Attwali wara s-seduta ta’ smigħ orali. Barra minn hekk, se jiġu offruti żewġ laqgħat speċifiċi dwar is-Sitwazzjoni Attwali fil-kuntest tal-proċeduri li jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ impenn (ara t-taqsima 4 aktar ’l isfel) u għall-kwerelanti fejn il-Kummissjoni tkun fetħet proċediment skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u jkollha l-ħsieb li tinforma lill-kwerelant li hija se tirrifjuta l-ilment tiegħu permezz ta’ ittra formali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (ara t-taqsima 5 aktar ’l isfel).

66.

Il-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali bl-ebda mod ma jipprekludu d-diskussjonijiet bejn il-partijiet, il-kwerelanti jew partijiet terzi u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq is-sustanza jew fuq kwistjonijiet ta’ skedar f’okkażjonijiet oħrajn matul il-proċedura, kif ikun xieraq.

2.10.   Laqgħat trijangulari

67.

Minbarra l-laqgħat addizzjonali bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u kull parti individwali, bħal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali, il-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment tiddeċiedi li tistieden lill-partijiet soġġetti għall-proċediment, u possibbilment ukoll lill-kwerelant u/jew lill-partijiet terzi, sabiex jattendu għall-hekk imsejħa laqgħa “trijangulari”. Tali laqgħa tiġi organizzata jekk id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jemmen li jkun fl-interessi tal-investigazzjoni li jisma’ fehmiet dwar, jew li jivverifika l-akkuratezza ta’, kwistjonijiet fattwali tal-partijiet kollha f’laqgħa waħda. Laqgħa bħal din tista’ tkun utli għall-investigazzjoni, pereżempju, fejn ikunu ġew ippreżentati żewġ fehmiet opposti jew aktar jew informazzjoni bħala dejta jew evidenza prinċipali.

68.

Kwalunkwe laqgħa trijangulari normalment issir fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u fuq bażi volontarja. Il-laqgħat trijangulari normalment ikunu ppreseduti mill-maniġment Anzjan tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (mid-Direttur jew mill-Viċi Direttur Ġenerali). Laqgħa trijangulari ma tissostitwixxix is-Seduta ta’ Smigħ Orali formali.

69.

Meta jsiru laqgħat trijangulari, dan għandu jsir mill-aktar fis possibbli matul il-fażi tal-investigazzjoni (wara l-ftuħ tal-proċediment u qabel kwalunkwe ħruġ ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet) sabiex il-Kummissjoni tkun megħjuna tasal għal konklużjoni dwar kwistjonijiet sostantivi qabel ma tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, għalkemm li jsiru laqgħat bħal dawn wara l-ħruġ tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet f’każijiet xierqa mhijiex eskluża. Il-laqgħat trijangulari għandhom jitħejjew fuq il-bażi ta’ aġenda stabbilita mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha li jaqblu li jattendu għal-laqgħa. It-tħejjija tal-laqgħa tista’ tinkludi li suffiċjentament qabel il-laqgħa jkun hemm skambju reċiproku ta’ sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali bejn il-partijiet li jattendu.

2.11.   Laqgħat mal-Kummissarju jew mad-Direttur Ġenerali

70.

Jekk il-partijiet jitolbu dan, hija prattika normali li l-uffiċjali għolja tal-partijiet soġġetti għall-proċediment u l-kwerelant jiġu offruti opportunità li jiddiskutu l-każ mad-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, mal-Viċi Direttur Ġenerali għall-antitrust jew, jekk ikun xieraq, mal-Kummissarju responsabbli għall-Kompetizzjoni. L-uffiċjali anzjani jistgħu jkunu akkumpanjati mill-konsulenti legali u/jew ekonomiċi tagħhom.

2.12.   Reviżjoni tas-sottomissjonijiet ewlenin

71.

Fl-ispirtu li tinkoraġġixxi skambju miftuħ ta’ opinjonijiet, il-Kummissjoni għandha, f’każijiet ibbażati fuq ilmenti formali, tipprovdi lill-partijiet soġġetti għall-proċediment, fi stadju bikri (sakemm dan ma jkunx meqjus bħala li x’aktarx jippreġudika l-investigazzjoni) u mhux aktar tard minn ftit wara l-ftuħ tal-proċediment, bl-opportunità li jikkummentaw fuq verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment (51). Madankollu, dan jista’ ma jkunx il-każ fejn l-ilment jiġi rrifjutat fi stadju bikri mingħajr aktar investigazzjoni fil-fond (pereżempju, fuq il-bażi ta’ “raġunijiet insuffiċjenti għat-teħid ta’ azzjoni”, magħrufa wkoll bħala “nuqqas ta’ interess tal-Unjoni Ewropea”).

72.

L-aċċess bikri għall-ilment jista’ jippermetti lill-partijiet jipprovdu informazzjoni utli fi stadju bikri tal-proċedura u jiffaċilita l-valutazzjoni tal-każ.

73.

Fl-istess spirtu, l-għan tal-Kummissjoni ikun li tipprovdi lill-partijiet soġġetti għall-proċediment ftit wara l-ftuħ tal-proċediment bl-opportunità li jirrevedu l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ “sottomissjonijiet ewlenin” oħrajn diġà sottomessi lill-Kummissjoni. Dan għandu jinkludi sottomissjonijiet sinjifikanti tal-kwerelant jew tal-partijiet terzi interessati, iżda mhux, pereżempju, tweġibiet għal talbiet għall-informazzjoni. Wara dan l-istadju bikri, sottomissjonijiet oħrajn bħal dawn jinqasmu biss mal-partijiet jekk dan ikun fl-interess tal-investigazzjoni u ma joħloq l-ebda riskju ta’ tnaqqis bla bżonn fir-ritmu tal-fażi investigattiva. Il-Kummissjoni se tirrispetta t-talbiet ġustifikati mill-kwerelant jew mill-partijiet terzi interessati għan-nuqqas ta’ żvelar tas-sottomissjonijiet tagħhom qabel il-ħruġ ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet fejn dawn ikollhom tħassib ġenwin rigward il-kunfidenzjalità, inklużi l-biżgħat ta’ ritaljazzjoni u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

74.

Ir-reviżjoni tas-sottomissjonijiet ewlenin mhijiex se tiġi offruta fil-kuntest tal-proċediment f’każijiet ta’ kartell (ara l-paragrafu 4 aktar ’il fuq).

2.13.   L-eżiti possibbli tal-fażi tal-investigazzjoni

75.

Ladarba l-Kummissjoni tkun laħqet opinjoni preliminari tal-kwistjonijiet ewlenin imqajma minn każ, jistgħu jkunu previsti passi proċedurali differenti:

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tipproċedi lejn l-adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet bil-għan li tadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni relatata mal-kwistjonijiet kollha jew ma’ wħud mill-kwistjonijiet identifikati fil-ftuħ tal-proċediment (ara t-taqsima 3 hawn isfel).

Il-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jikkunsidraw li joffru impenji li jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-investigazzjoni, jew għall-inqas juru r-rieda tagħhom li jiddiskutu possibbiltà bħal din; f’dak il-każ, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tidħol f’diskussjoni bil-għan li tintlaħaq deċiżjoni ta’ impenn (ara t-taqsima 4 aktar ’l isfel).

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma hemmx raġunijiet biex tkompli l-proċediment fir-rigward tal-partijiet kollha jew ta’ wħud mill-partijiet u għaldaqstant tagħlaq il-proċediment. Jekk il-każ ikun oriġina minn ilment, il-Kummissjoni għandha, qabel tagħlaq il-każ, tagħti lill-kwerelant il-possibbiltà li jesprimi l-fehmiet tiegħu (ara t-taqsima 5 dwar ir-rifjut tal-ilmenti).

76.

Meta tagħlaq każ fir-rigward ta’ parti waħda jew diversi partijiet fi proċediment li jkun qiegħed fi stadju bikri wara li l-proċediment ikun infetaħ formalment, normalment il-Kummissjoni mhux biss tinnotifika d-deċiżjoni lill-partijiet iżda wkoll, f’dawk il-każijiet fejn il-ftuħ tal-proċediment ikun sar pubbliku, tieħu nota tal-għeluq fuq il-websajt tagħha u/jew toħroġ stqarrija għall-istampa. L-istess japplika f’dawk il-każijiet fejn il-proċediment ma jkunx infetaħ b’mod formali iżda l-Kummissjoni tkun diġà għamlet l-investigazzjoni tagħha pubblika (pereżempju billi tkun ikkonfermat li l-ispezzjonijiet saru).

3.   PROĊEDURI LI JWASSLU GĦAL DEĊIŻJONI TA’ PROJBIZZJONI

77.

Pass proċedurali importanti fil-proċeduri li jistgħu jwasslu għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni huwa l-adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Madankollu, l-adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ma tippreġudikax l-eżitu finali tal-investigazzjoni. Hija tabilħaqq tista’ twassal għall-għeluq tal-każ mingħajr l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni jew deċiżjoni ta’ impenn.

3.1.   Id-dritt għas-smigħ

78.

Id-dritt tal-partijiet għall-proċediment li jinstemgħu qabel tittieħed deċiżjoni finali li taffettwa l-interessi tagħhom b’mod negattiv huwa prinċipju fundamentali tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni hija impenjata biex tiżgura li l-ħarsien effettiv tad-dritt għas-smigħ jiġi rrispettat fil-proċediment tagħha (52).

79.

L-uffiċjali tas-seduta għandhom il-funzjoni li jissalvagwardjaw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali, b’mod partikolari d-dritt għas-smigħ, fil-proċediment tal-kompetizzjoni (53). L-uffiċjali tas-seduta jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod indipendenti għal kollox mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, u t-tilwimiet li jirriżultaw bejn dan tal-aħħar u kwalunkwe parti soġġetta għall-proċediment jistgħu jitressqu quddiem l-uffiċjal tas-seduta rilevanti għal riżoluzzjoni.

80.

L-uffiċjal tas-seduta huwa direttament involut matul il-proċediment tal-antitrust, inkluż b’mod partikolari l-organizzazzjoni u t-tmexxija tas-seduta ta’ smigħ orali, jekk issir waħda. Wara s-seduta ta’ smigħ orali, u wara li jikkunsidra t-tweġibiet bil-miktub tal-partijiet għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, l-uffiċjal tas-seduta jirrapporta lill-Kummissarju responsabbli għall-Kompetizzjoni dwar is-seduta ta’ smigħ u l-konklużjonijiet li jittieħdu minnha. Minbarra dan, qabel tittieħed deċiżjoni finali mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, l-uffiċjal tas-seduta jinformah jekk id-dritt li d-drittijiet proċedurali jiġu eżerċitati b’mod effettiv kienx rispettat matul il-proċedimenti amministrattivi. Ir-rapport finali jintbagħat lill-partijiet soġġetti għall-proċediment, flimkien mad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, u jiġi ppubblikat fuq Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.1.1.   Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

81.

Qabel ma tadotta deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ destinatarju, b’mod partikolari, deċiżjoni li ssib ksur tal-Artikolu 101 u 102 tat-TFUE u li tordna t-tmiem tagħha (l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) u/jew li timponi multi (l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003), il-Kummissjoni se tagħti lill-partijiet soġġetti għall-proċediment l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li għalihom tkun oġġezzjonat il-Kummissjoni (54). Il-Kummissjoni se tagħmel dan billi tadotta Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, li tiġi nnotifikata lil kull waħda mill-partijiet soġġetti għall-proċediment.

3.1.1.1.   L-għan u l-kontenut tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

82.

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tistabbilixxi l-pożizzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar l-allegat ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE, wara investigazzjoni fil-fond. L-għan tagħha huwa li tinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom bil-għan li huma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ difiża bil-miktub u bil-fomm (waqt is-seduta ta’ smigħ). Għalhekk, hija tikkostitwixxi salvagwardja proċedurali essenzjali li tiżgura li jiġi osservat id-dritt għas-smigħ. Il-partijiet ikkonċernati se jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha li jeħtieġu sabiex jiddefendu ruħhom b’mod effettiv u jikkummentaw dwar l-allegazzjonijiet li jsiru kontrihom.

3.1.1.2.   L-impożizzjoni possibbli ta’ rimedji u l-argumenti tal-partijiet

83.

Jekk il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li timponi rimedji fuq il-partijiet, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet għandha tindika r-rimedji previsti li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex il-ksur suspettat jinġieb fi tmiemu. L-informazzjoni mogħtija għandha tkun dettaljata biżżejjed sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-rimedji previsti. Jekk ikunu previsti rimedji strutturali, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tispjega għaliex ma hemm ebda rimedju komportamentali li huwa ugwalment effettiv jew għaliex il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe rimedju komportamentali ugwalment effettiv ikun aktar ta’ piż għall-impriża kkonċernata mir-rimedju strutturali.

3.1.1.3.   L-impożizzjoni possibbli ta’ multi u l-argumenti tal-partijiet

84.

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet se tindika b’mod ċar jekk il-Kummissjoni għandhiex il-ħsieb li timponi multi fuq l-impriżi, f’każ li l-oġġezzjonijiet jintlaqgħu (l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003). F’każijiet bħal dawn, id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tirreferi għall-prinċipji rilevanti msemmija fil-Linji Gwida dwar l-iffissar tal-multi (55). Fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni se tindika l-fatti essenzjali u l-materji tal-liġi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multa, bħat-tul u l-gravità tal-ksur u li l-ksur twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza. Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet se ssemmi wkoll b’mod preċiż biżżejjed li ċerti fatti jistgħu jagħtu lok għal ċirkostanzi aggravanti u, safejn ikun possibbli, għal ċirkostanzi attenwanti.

85.

Għalkemm taħt l-ebda obbligu f’dan ir-rigward, sabiex iżżid it-trasparenza, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tinkludi fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (bl-użu tal-informazzjoni disponibbli) aktar kwistjonijiet li huma rilevanti għal kull kalkolu sussegwenti tal-multi, inklużi l-figuri tal-bejgħ rilevanti li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni u s-sena jew snin li se jiġu kkunsidrati għall-valur ta’ dan il-bejgħ. Tali informazzjoni tista’ tiġi pprovduta wkoll lill-partijiet wara d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Fiż-żewġ każijiet, il-partijiet jiġu pprovduti b’opportunità li jikkummentaw.

86.

F’każ li l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li fid-deċiżjoni finali tagħha titbiegħed mill-elementi fattwali jew legali stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet għall-iżvantaġġ ta’ xi waħda jew aktar mill-partijiet, jew inkella f’każ li l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tieħu kont ta’ xi evidenza inkriminanti addizzjonali, il-parti jew il-partijiet ikkonċernati dejjem se jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar dan b’mod xieraq.

87.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tinforma wkoll lill-partijiet li f’każijiet eċċezzjonali, hija tista’, jekk issirilha talba, tieħu kont tan-nuqqas ta’ abbiltà tal-impriża li tħallas u tnaqqas jew tikkanċella l-multa li altrimenti tista’ tiġi imposta jekk dik il-multa tipperikola irrimedjabbilment il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża, skont il-punt 35 tal-Linji Gwida dwar l-iffissar tal-multi (56).

88.

L-impriżi li jagħmlu talba bħal din għandhom ikunu ppreparati li jipprovdu informazzjoni finanzjarja dettaljata u aġġornata biex jappoġġjaw it-talba tagħhom. Normalment, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jkun f’kuntatt mal-partijiet sabiex jiġbor informazzjoni addizzjonali u/jew jikkjarifika l-informazzjoni miksuba, li għandha tippermetti lill-partijiet iressqu aktar informazzjoni rilevanti għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. Meta tivvaluta talba ta’ impriża li ma tkunx tista’ tħallas, il-Kummissjoni tħares b’mod partikolari lejn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għas-snin riċenti u lejn il-previżjonijiet għas-sena attwali u s-snin li ġejjin; lejn il-proporzjonijiet li jkejlu s-saħħa finanzjarja, is-solvenza u l-likwidità; u lejn ir-relazzjonijiet tal-impriża mal-imsieħba finanzjarji esterni u mal-azzjonisti. Il-Kummissjoni teżamina wkoll il-kuntest soċjali u ekonomiku speċifiku ta’ kull impriża u tivvaluta jekk huwiex probabbli li l-multa twassal biex l-assi tagħha jitilfu b’mod sinjifikanti mill-valur tagħhom (57).

89.

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja titwettaq għall-impriżi kollha li jkunu waslu biex jadottaw id-deċiżjoni u fuq il-bażi ta’ informazzjoni aġġornata, irrispettivament minn meta kienet ippreżentata t-talba.

90.

Il-partijiet jistgħu wkoll jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-impożizzjoni possibbli ta’ multi fis-seduta ta’ smigħ orali (58).

3.1.1.4.   Trasparenza

91.

Sabiex ittejjeb it-trasparenza tal-proċediment, il-Kummissjoni għandha, bħala regola ġenerali, tippubblika stqarrija għall-istampa li tistabbilixxi l-kwistjonijiet ewlenin fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ftit wara li tasal għand id-destinatarji tagħha. Din l-istqarrija għall-istampa għandha tgħid b’mod espliċitu li d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ma tiddeterminax minn qabel l-eżitu finali tal-proċediment, ladarba jkunu nstemgħu l-partijiet.

3.1.2.   L-aċċess għall-fajl

92.

Id-destinatarji tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet jingħataw aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar il-konklużjonijiet preliminari milħuqa mill-Kummissjoni fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tagħha.

93.

Il-prattikalitajiet tal-aċċess għall-fajl, kif ukoll l-indikazzjonijiet dettaljati dwar it-tip ta’ dokumenti li sejrin ikunu disponibbli u l-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, huma koperti minn Avviż separat dwar l-aċċess għall-fajl (59). L-għoti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni huwa primarjament ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. L-uffiċjali tas-seduta jieħdu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet bejn il-partijiet, il-fornituri tal-informazzjoni u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fuq l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl tal-Kummissjoni skont dan l-Avviż, ir-regolamenti applikabbli u l-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti. Fl-aħħar nett, hemm regoli speċjali li jirregolaw l-aċċess għal dikjarazzjonijiet korporattivi f’każijiet ta’ kartell u proċeduri ta’ riżolviment (60).

94.

L-aċċess effiċjenti għal fajl jiddependi ħafna fuq il-kooperazzjoni tal-partijiet u ta’ impriżi oħrajn li jkunu pprovdew l-informazzjoni inkluża fil-fajl. Kif imsemmi fil-paragrafu 41 aktar ’il fuq, il-fornituri tal-informazzjoni għandhom, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jissostanzjaw it-talbiet ta’ kunfidenzjalità tagħhom u jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni. Tali verżjoni mhux kunfidenzjali għandha tiġi pprovduta fl-istess format bħall-informazzjoni kunfidenzjali, fejn il-passaġġi mħassra jkunu sostitwiti minn sommarji tagħhom. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, verżjoni mhux kunfidenzjali għandha tiġi pprovduta fl-istess ħin bħas-sottomissjoni oriġinali. Jekk l-impriżi jonqsu milli jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali, jista’ jiġi preżunt li d-dokumenti ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali (61).

3.1.3.   Proċeduri għall-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-partijiet fil-proċediment

95.

Minbarra l-possibbiltajiet ikkontemplati fl-Avviż dwar l-aċċess għall-fajl, jistgħu jintużaw żewġ proċeduri addizzjonali bl-iskop li jittaffa l-piż tat-tfassil tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet: l-iżvelar innegozjat għal ċirku ristrett ta’ persuni u l-proċedura tal-kamra tad-dejta.

96.

L-ewwel nett, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’ jaċċetta f’ċerti każijiet, speċjalment dawk b’fajl voluminuż ħafna, li l-partijiet jaqblu volontarjament li jużaw proċedura nnegozjata ta’ żvelar. Skont din il-proċedura, il-parti intitolata għal aċċess għall-fajl taqbel bilateralment mal-fornituri tal-informazzjoni li jitolbu l-kunfidenzjalità li tirċievi parti minn jew l-informazzjoni kollha li dawn tal-aħħar ikunu pprovdew lill-Kummissjoni, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Il-parti li tingħata l-aċċess għall-fajl tillimita l-aċċess għall-informazzjoni għal ċirku ristrett ta’ persuni (li għandu jiġi deċiż mill-partijiet fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk ikun mitlub, taħt is-superviżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni). Sakemm tali aċċess innegozjat għall-fajl jammonta għar-restrizzjoni tad-dritt ta’ parti li jkollha aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, dik il-parti għandha tirrinunzja d-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl vis-à-vis il-Kummissjoni. Normalment, il-parti tirċievi l-informazzjoni soġġetta għall-proċedura nnegozjata ta’ żvelar direttament mingħand il-fornitur tal-informazzjoni. Madankollu, jekk l-informazzjoni li hija soġġetta għal ftehim bħal dan tkun, eċċezzjonalment, ipprovduta liċ-ċirku ristrett ta’ persuni mill-Kummissjoni, il-fornituri tal-informazzjoni għandhom jirrinunzjaw id-drittijiet tagħhom għall-kunfidenzjalità vis-à-vis il-Kummissjoni.

97.

It-tieni, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’ jorganizza l-hekk imsejħa “proċedura tal-kamra tad-dejta”. Din il-proċedura tintuża tipikament għall-iżvelar ta’ dejta kwantitattiva rilevanti għall-analiżi ekonometrika. Skont din il-proċedura, parti mill-fajl, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali, tinġabar f’kamra, fil-bini tal-Kummissjoni (“il-kamra tad-dejta”). L-aċċess għall-kamra tad-dejta jingħata lil grupp ristrett ta’ persuni, jiġifieri l-konsulent legali estern u/jew il-konsulenti ekonomiċi tal-parti (kollettivament magħrufa bħala l-“konsulenti”), taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni. Il-konsulenti jistgħu jagħmlu użu mill-informazzjoni li tkun tinsab fil-kamra tad-dejta bl-iskop li jiddefendu lill-klijent tagħhom, iżda ma jistgħu jiżvelaw l-ebda informazzjoni kunfidenzjali lill-klijent tagħhom. Il-kamra tad-dejta hija mgħammra b’diversi stazzjonijiet tax-xogħol bil-kompjuters u bis-softwer meħtieġ (u, jekk ikun rilevanti, is-settijiet tad-dejta meħtieġa u reġistru tar-rigressjonijiet użati biex jappoġġjaw il-każ tal-Kummissjoni). Ma hemm ebda konnessjoni tan-netwerk u ma hija permessa ebda komunikazzjoni esterna. Il-konsulenti għandhom permess jibqgħu fil-kamra tad-dejta matul is-sigħat tax-xogħol normali u, jekk ikun ġustifikat, jista’ jiġi pprovdut aċċess għal diversi jiem. Il-konsulenti huma strettament ipprojbiti milli jieħdu kopji, noti jew sommarji tad-dokumenti u mill-“kamra tad-dejta” jista’ jitneħħa biss rapport finali, li għandu jkun ivverifikat mit-tim tal-każ sabiex ikun żgurat li dan ma jkun fih l-ebda informazzjoni kunfidenzjali. Kull konsulent għandu jiffirma ftehim ta’ kunfidenzjalità u jkun ippreżentat bil-kundizzjonijiet ta’ aċċess speċjali għall-“kamra tad-dejta” qabel jidħol. Sakemm l-użu ta’ tali proċedura tal-“kamra tad-dejta” jirrestrinġi d-dritt ta’ parti li jkollha aċċess sħiħ għall-fajl tal-investigazzjoni, għandhom japplikaw il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 8 tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

98.

Skont l-Artikolu 8(4) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jiddeċiedi li l-proċedura tal-kamra tad-dejta għandha tintuża f’dawk il-każijiet limitati fejn l-aċċess għal ċerta informazzjoni kunfidenzjali huwa indispensabbli għad-drittijiet ta’ difiża ta’ parti u fejn l-uffiċjal tas-seduta jqis li l-konflitt bejn ir-rispett għall-kunfidenzjalità u d-drittijiet ta’ difiża jista’ jissolva l-aħjar b’dan il-mod. L-uffiċjal tas-seduta ma jiħux deċiżjonijiet bħal dawn jekk huwa jew hija jqisu li l-kamra tad-dejta mhijiex xierqa u li l-aċċess għall-informazzjoni għandu jingħata f’forma differenti (pereżempju verżjonijiet mhux kunfidenzjali).

3.1.4.   Tweġiba bil-miktub għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

99.

Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tagħti lid-destinatarji ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu fuq kwistjonijiet li għalihom il-Kummissjoni tkun laqgħet l-oġġezzjoni. It-tweġiba bil-miktub tagħti lill-partijiet soġġetti għall-proċediment l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

100.

Il-limitu ta’ żmien sabiex tingħata tweġiba għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet għandu jqis kemm iż-żmien meħtieġ għat-tħejjija tas-sottomissjoni kif ukoll l-urġenza tal-każ (62). Id-destinatarji tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet għandhom id-dritt għal perjodu minimu ta’ erba’ ġimgħat sabiex jagħtu tweġiba bil-miktub (63). Perjodu itwal (normalment, perjodu ta’ xahrejn, għalkemm dan jista’ jkun itwal jew iqsar, jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-każ) jingħata mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni wara li jiġu kkunsidrati, inter alia, l-elementi li ġejjin:

id-daqs u l-kumplessità tal-fajl (pereżempju, in-numru ta’ ksur, l-allegat tul tal-ksur, id-daqs u n-numru ta’ dokumenti u/jew id-daqs u l-kumplessità tal-istudji esperti); u/jew

jekk id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni li qed jagħmel it-talba kellux aċċess minn qabel għall-informazzjoni (pereżempju, sottomissjonijiet ewlenin, applikazzjonijiet għall-klemenza); u/jew

kwalunkwe xkiel oġġettiv ieħor li jista’ jiltaqa’ miegħu d-destinatarju tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet li jagħmel it-talba meta jiġi biex jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu.

101.

Destinatarju ta’ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet jista’, sal-limitu ta’ żmien oriġinali, jitlob għal estensjoni tal-limitu ta’ żmien sabiex iwieġeb permezz ta’ talba motivata lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni mill-inqas 10 ijiem qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Jekk talba bħal din ma tingħatax jew id-destinatarju tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ma jaqbilx mat-tul tal-estensjoni mogħtija, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali.

102.

Il-limitu ta’ żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar li jkun ingħata l-aċċess għad-dokumenti ewlenin tal-fajl (64). B’mod partikolari, il-limiti ta’ żmien normalment ma jibdewx jiddekorru qabel ma d-destinatarju tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ikun ġie offrut l-aċċess għal dokumenti li huma aċċessibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni, pereżempju dikjarazzjonijiet korporattivi. Il-fatt li ma ngħatax aċċess għall-fajl kollu ma għandux il-konsegwenza awtomatika li l-limitu ta’ żmien ikun għadu ma bediex jiddekorri (65).

103.

Fejn ikun meħtieġ mid-drittijiet ta’ difiża (66), jew meta fil-fehma tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ għajnuna sabiex ikomplu jiġu ċċarati l-kwistjonijiet fattwali u legali li huma rilevanti għall-każ, il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-partijiet kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali (jew partijiet speċifiċi minnha) tat-tweġibiet bil-miktub ta’ partijiet oħrajn għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Normalment dan isir qabel is-seduta ta’ smigħ orali, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jikkummentaw dwarhom waqt is-seduta ta’ smigħ orali. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll li tagħmel dan f’każijiet xierqa fir-rigward tal-kwerelanti u l-partijiet terzi ammessi. Jekk l-aċċess għat-tweġibiet ta’ partijiet oħrajn jingħata minħabba li jkun meħtieġ għad-drittijiet tad-difiża, il-partijiet huma intitolati wkoll li jkollhom biżżejjed żmien addizzjonali biex jikkummentaw fuq dawn it-tweġibiet.

3.1.5.   Id-drittijiet tal-kwerelanti u ta’ persuni terzi interessati

104.

Il-kwerelanti huma assoċjati mill-qrib mal-proċediment. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, huma intitolati li jirċievu verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, u l-Kummissjoni għandha tiffissa limitu ta’ żmien li matulu l-kwerelant jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub. Tista’ ssir talba għal estensjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata lill-Kummissjoni fil-ħin qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Jekk talba bħal din ma tingħatax jew id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-kwerelant ma jaqblux dwar l-estensjoni mitluba, il-kwerelant jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, permezz ta’ talba motivata (67).

105.

Malli ssirilha applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tisma’ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li jistgħu juru interess suffiċjenti fl-eżitu tal-proċedura skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-uffiċjal tas-seduta jrid jieħu deċiżjoni fuq jekk il-persuni terzi għandhomx jitħallew jattendu għall-proċediment. Dawk il-persuni li jitħallew jattendu għandhom jiġu informati bil-miktub dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura, filwaqt li għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien mill-Kummissjoni li matulu jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. Tista’ ssir talba għal estensjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fil-ħin qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Jekk talba bħal din ma tintlaqax jew id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-persuna terza ammessa għall-proċediment ma jaqblux dwar l-estensjoni mitluba, il-persuna terza tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, permezz ta’ talba motivata (68).

3.1.6.   Seduta ta’ Smigħ Orali

106.

Kull parti li lilha tkun ġiet indirizzata Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet għandha d-dritt għal seduta ta’ smigħ orali. Seduta ta’ smigħ orali tista’ tintalab fi ħdan il-limitu ta’ żmien iffissat għat-tweġiba tagħhom bil-miktub għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet.

107.

Is-seduta ta’ smigħ orali tagħti ċ-ċans lill-partijiet jiżviluppaw bil-fomm l-argumenti li ppreżentaw bil-miktub u li jissupplimentaw, fejn ikun xieraq, l-evidenza bil-miktub, jew li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet oħrajn li jistgħu jkunu rilevanti. Is-seduta ta’ smigħ orali tagħti ċ-ċans ukoll lill-partijiet li jippreżentaw l-argumenti tagħhom rigward il-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-impożizzjoni possibbli ta’ multi. Il-fatt li s-seduta ta’ smigħ ma tkunx pubblika jiggarantixxi li dawk kollha li jattendu jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Kwalunkwe informazzjoni li tiġi żvelata matul is-seduta ta’ smigħ għandha tintuża biss għall-tal-proċedimenti ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u ma għandhiex tiġi żvelata jew użata għal xi skop ieħor minn xi parteċipant f’seduta ta’ smigħ. Din ir-restrizzjoni tapplika wkoll għall-irrekordjar tas-seduta ta’ smigħ orali, kif ukoll għal kwalunkwe preżentazzjoni viżiva. Jekk l-informazzjoni żvelata matul is-seduta ta’ smigħ orali tintuża għal xi skop ieħor minbarra l-proċedimenti ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE fi kwalunkwe ħin bl-involviment ta’ konsulent estern, il-Kummissjoni tista’ tirrapporta l-inċident lill-avukatura ta’ dak il-konsulent, bil-għan li tittieħed azzjoni dixxiplinarja.

108.

Fid-dawl tal-importanza tas-seduta ta’ smigħ orali, hija l-prattika tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni li jiżgura l-preżenza kontinwa tal-maniġment superjuri tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (id-Direttur jew il-Viċi Direttur Ġenerali), flimkien mat-tim tal-każ ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, it-tim tal-Ekonomista Ewlieni, u s-servizzi tal-Kummissjoni assoċjati (69), inkluż is-Servizz Legali, huma wkoll mistiedna sabiex jattendu mill-uffiċjal tas-seduta.

3.1.7.   Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet Supplimentari u Ittra tal-Fatti

109.

Jekk, wara li tkun inħarġet id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet, tiġi identifikata evidenza ġdida li l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tibbaża fuqha jew jekk il-Kummissjoni jkollha ħsieb li tbiddel il-valutazzjoni legali tagħha għall-iżvantaġġ tal-impriżi kkonċernati, l-impriżi inkwistjoni għandhom jingħataw opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn l-aspetti ġodda.

110.

Jekk jinħarġu oġġezzjonijiet addizzjonali jew tiġi mmodifikata n-natura intrinsika tal-ksur li tkun akkużata bih impriża (70), il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan lill-partijiet f’Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet Supplimentari. Qabel tagħmel dan, normalment tiġi offruta laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali lill-partijiet. Għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-iffissar tal-limitu ta’ żmien sabiex tingħata tweġiba għal Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet (ara aktar ’il fuq), għalkemm f’dan il-kuntest ġeneralment jiġi ffissat limitu ta’ żmien iqsar.

111.

Madankollu, jekk l-oġġezzjonijiet diġà mqajma kontra l-impriżi fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ikunu kkorroborati biss minn evidenza ġdida li l-Kummissjoni tkun bi ħsiebha tibbaża fuqha, hija tressaq dan għall-attenzjoni tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ ittra sempliċi (“ittra ta’ fatti”) (71). L-ittra ta’ fatti tagħti lill-impriżi l-opportunità li jipprovdu kummenti bil-miktub dwar l-evidenza ġdida fi ħdan limitu ta’ żmien fiss. Tista’ ssir talba għal estensjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata lill-Kummissjoni. Jekk id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u d-destinatarju ma jaqblux dwar l-estensjoni mitluba, id-destinatarju jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, permezz ta’ talba motivata.

112.

Id-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mit-trasmissjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet japplikaw mutatis mutandis fejn tinħareġ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet Supplimentari, inkluż id-dritt tal-partijiet li jitolbu seduta ta’ smigħ orali. Għandu jiġi pprovdut ukoll aċċess għall-evidenza kollha miġbura bejn id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet inizjali u d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet Supplimentari. Jekk tinħareġ ittra ta’ fatti, b’mod ġenerali l-aċċess jingħata għall-evidenza miġbura wara d-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet sad-data tal-imsemmija ittra ta’ fatti. Madankollu, f’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb biss li tiddependi fuq evidenza speċifika li tikkonċerna parti waħda jew numru limitat ta’ partijiet u/jew kwistjonijiet iżolati (b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jew kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri), l-aċċess jiġi pprovdut biss lill-partijiet direttament ikkonċernati u għall-evidenza relatata mal-kwistjoni(jiet) inkwistjoni.

3.2.   L-eżiti possibbli ta’ din il-fażi

113.

Jekk, wara li tikkunsidra t-tweġibiet tal-partijiet mogħtija bil-miktub u/jew fis-seduta ta’ smigħ orali u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-informazzjoni kollha miksuba sa dan l-istadju, l-oġġezzjonijiet ikunu ssostanzjati, il-Kummissjoni tipproċedi lejn l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ssib ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll li tirtira ċerti oġġezzjonijiet u li tkompli lejn deċiżjoni li ssib ksur għall-parti li jifdal.

114.

Madankollu, jekk l-oġġezzjonijiet f’dan l-istadju ma jkunux sostanzjati, il-Kummissjoni tagħlaq il-każ. F’dan il-każ, għandhom japplikaw ukoll il-miżuri tal-informazzjoni msemmija aktar ’il fuq fil-paragrafu 76.

4.   PROĊEDURI TA’ IMPENN

115.

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdi l-possibbiltà għall-impriżi li joffru impenji li huma maħsuba biex jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni taċċetta dawn l-impenji, hija tista’ tadotta deċiżjoni li tagħmilhom vinkolanti fuq il-partijiet soġġetti għall-proċediment. Hija fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni jekk taċċettax jew le l-impenji. Fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-impenji jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni identifikati u li l-impenji offruti ma jmorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi. Meta twettaq dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet terzi. Madankollu, hija mhijiex obbligata li tikkompara dawn l-impenji volontarji mal-miżuri li tista’ timponi skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u li tqis bħala sproporzjonati kwalunkwe impenji li jmorru lil hinn minn dawn il-miżuri (72).

116.

Id-deċiżjonijiet ta’ impenn mhumiex xierqa f’każijiet fejn il-Kummissjoni tqis li n-natura tal-ksur titlob għall-impożizzjoni ta’ multa (73). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tapplikax il-proċedura tal-Artikolu 9 għal kartelli sigrieti li jaqgħu taħt l-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartelli.

117.

Id-differenza prinċipali bejn deċiżjoni ta’ projbizzjoni skont l-Artikolu 7 u deċiżjoni ta’ impenn skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003 hija li tal-ewwel fiha sejba ta’ ksur, filwaqt li tal-aħħar tagħmel l-impenji vinkolanti mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni ta’ impenn tikkonkludi li ma għadx hemm raġunijiet għat-teħid ta’ azzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-impenji jiġu offruti mill-impriżi fuq bażi volontarja. Bil-maqlub, permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7, il-Kummissjoni tista’ timponi rimedji li huma neċessarji sabiex jitwaqqaf il-ksur (u/jew multi) fuq l-impriżi.

4.1.   Il-bidu ta’ diskussjonijiet ta’ impenn

118.

L-impriżi jistgħu jikkuntattjaw lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fi kwalunkwe ħin sabiex jesplora d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li ssegwi l-każ bil-għan li tintlaħaq deċiżjoni ta’ impenn. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-impriżi biex jesprimu fl-aktar stadju bikri possibbli l-interess tagħhom li jiddiskutu l-impenji.

119.

F’dak il-punt għandha tiġi offruta laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali lill-partijiet. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jindika lill-impriża l-perjodu ta’ żmien li matulu għandhom jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar l-impenji potenzjali u jippreżentalhom il-problemi tal-kompetizzjoni preliminari li jirriżultaw mill-investigazzjoni.

120.

Sabiex jiġi evitat id-dewmien minħabba t-traduzzjoni, dik il-laqgħa u l-passi sussegwenti tal-proċedura jistgħu jsiru b’lingwa miftiehma fuq il-bażi ta’ “rinunzja tal-lingwa” debitament ipprovduta, li permezz tagħha l-partijiet jaċċettaw li jirċievu u jissottomettu dokumenti b’lingwa differenti mil-lingwa tal-Istat Membru fejn ikunu jinsabu (ara t-taqsima 2.4. aktar ’il fuq).

4.2.   Valutazzjoni Preliminari

121.

Ladarba l-Kummissjoni tkun konvinta bir-rieda ġenwina tal-impriżi li jipproponu impenji li jindirizzaw b’mod effettiv il-problemi relatati mal-kompetizzjoni, tinħareġ Valutazzjoni Preliminari. Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Valutazzjoni Preliminari tiġbor fil-qosor il-fatti prinċipali tal-każ u tidentifika l-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jiġġustifikaw deċiżjoni li titlob li l-ksur jintemm. Qabel joħorġu l-Valutazzjoni Preliminari, il-partijiet għandhom jiġu offruti wkoll laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali.

122.

Il-Valutazzjoni Preliminari għandha sservi bħala bażi għall-partijiet biex jifformulaw impenji xierqa li jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni espressi mill-Kummissjoni, jew li jiddefinixxu aħjar l-impenji diskussi qabel.

123.

Jekk tkun diġà ntbagħtet Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet lill-partijiet, l-impenji jistgħu madankollu xorta waħda jiġu aċċettati, f’xi każijiet xierqa. F’dawn iċ-ċirkostanzi, Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ Valutazzjoni Preliminari, minħabba li din tinkludi sommarju tal-fatti prinċipali, kif ukoll valutazzjoni tal-problemi relatati mal-kompetizzjoni li ġew identifikati.

124.

Il-partijiet fil-proċediment li joffru impenji sabiex jiġu ssodisfati l-problemi espressi lilhom mill-Kummissjoni fil-Valutazzjoni Preliminari tagħha jistgħu jkellmu lill-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe ħin li matulu tiġi segwita l-proċedura skont l-Artikolu 9 fir-rigward tal-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom (74).

125.

Il-Kummissjoni jew l-impriża/i kkonċernata/i jistgħu jiddeċiedu fi kwalunkwe mument matul il-proċedura tal-impenn li jwaqqfu d-diskussjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ mbagħad tkompli l-proċediment formali b’mod normali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (75).

4.3.   Sottomissjoni tal-impenji

126.

Wara li jirċievu l-Valutazzjoni Preliminari, il-partijiet normalment ikollhom xahar ċans sabiex jissottomettu l-impenji tagħhom b’mod formali. Jekk il-partijiet ikunu rċevew Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u sussegwentement jiddeċiedu li jissottomettu impenji, il-limitu ta’ żmien sabiex tingħata tweġiba għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet ġeneralment ma jiġix estiż. Is-sottomissjoni tal-impenji ma timplikax neċessarjament li l-partijiet jaqblu mal-Valutazzjoni Preliminari tal-Kummissjoni.

127.

Il-partijiet jistgħu joffru impenji ta’ natura komportamentali jew strutturali li jindirizzaw b’mod adegwat il-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jkunu ġew identifikati. Impenji li ma jirrimedjawx dawn il-problemi b’mod adegwat ma jiġux aċċettati mill-Kummissjoni.

128.

L-impenji għandhom ikunu tali li jinftiehmu b’mod ċar u li jesegwixxu lilhom infushom (76). Jekk ikun hemm bżonn, jista’ jinħatar fiduċjarju sabiex jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tagħhom (fiduċjarju tal-monitoraġġ u/jew ta’ ċessjoni). Barra minn hekk, meta l-impenji ma jkunux jistgħu jiġu implimentati mingħajr il-qbil tal-partijiet terzi (pereżempju fejn parti terza li ma tkunx xerrej addattat skont l-impenji jkollha dritt ta’ prelazzjoni), l-impriża għandha tissottometti evidenza tal-qbil tal-parti terza.

4.4.   It-“test tas-suq” u d-diskussjonijiet sussegwenti mal-partijiet

129.

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha twettaq test tal-impenji fis-suq qabel tagħmilhom vinkolanti permezz ta’ deċiżjoni. Il-Kummissjoni twettaq test tas-suq biss jekk hija tqis li l-impenji offruti prima facie jindirizzaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jkunu ġew identifikati. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż (“avviż tat-test tas-suq”) li jkun fih sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji, filwaqt li tirrispetta l-obbligi tas-segretezza professjonali (77). Hija għandha tippubblika wkoll fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni t-test sħiħ tal-impenji (78) bil-lingwa awtentika (79). Sabiex ittejjeb it-trasparenza tal-proċess, il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll stqarrija għall-istampa li ssemmi l-kwistjonijiet ewlenin tal-każ u l-impenji proposti. Jekk il-każ ikun ibbażat fuq ilment, f’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha wkoll tinforma lill-kwerelant dwar it-test tas-suq u tistieden lill-kwerelant jippreżenta l-kummenti tiegħu. Similarment, il-partijiet terzi li jitħallew jipparteċipaw fil-proċedura jiġu informati u mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru laqgħat trijangulari mal-partijiet u l-kwerelant u/jew il-partijiet terzi ammessi.

130.

Il-partijiet terzi interessati huma mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi ħdan limitu ta’ żmien fiss ta’ mhux inqas minn xahar skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

131.

Il-Kummissjoni tista’ tibgħat id-dokument tat-test tas-suq lil partijiet oħrajn li jistgħu jkunu potenzjalment ikkonċernati mill-eżitu tal-każ (pereżempju, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi).

132.

Wara li jaslu t-tweġibiet għat-test tas-suq, tiġi organizzata laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali mal-partijiet. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar is-sustanza tat-tweġibiet.

133.

Meta l-Kummissjoni tkun tal-opinjoni, fuq il-bażi tar-riżultati tat-test tas-suq (u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli) li l-problemi relatati mal-kompetizzjoni li ġew identifikati ma kinux indirizzati jew li hemm bżonn ta’ bidliet fit-test tal-impenji sabiex dawn isiru effettivi, dan għandu jinġieb għall-attenzjoni tal-impriżi li joffru l-impenji. Jekk dawn tal-aħħar ikunu lesti li jindirizzaw il-problemi identifikati mill-Kummissjoni, huma għandhom jippreżentaw verżjoni emendata tal-impenji. Jekk il-verżjoni emendata tal-impenji tbiddel in-natura proprja jew l-ambitu tal-impenji, allura jkun irid isir test ġdid tas-suq. Jekk l-impriżi ma jkunux lesti li jippreżentaw verżjoni emendata tal-impenji, fejn dan ikun meħtieġ mill-valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultat tat-test tas-suq, il-Kummissjoni tista’ terġa’ lura għall-proċedura tal-Artikolu 7.

5.   PROĊEDURA GĦAR-RIFJUT TAL-ILMENT

134.

L-ilmenti formali huma għodda importanti fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u għalhekk jiġu eżaminati bir-reqqa mill-Kummissjoni. Madankollu, wara valutazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi fattwali u legali tal-każ individwali, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta lment skont ir-raġunijiet u l-proċedura spjegata hawn taħt (80).

5.1.   Raġunijiet għar-rifjut

135.

Ir-rifjut tal-ilmenti jista’ jkun ibbażat fuq “raġunijiet insuffiċjenti għat-teħid ta’ azzjoni” (magħrufa wkoll bħala “nuqqas ta’ interess tal-Unjoni Ewropea”), nuqqas ta’ kompetenza jew nuqqas ta’ evidenza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ xi ksur.

136.

Rifjuti bbażati fuq “raġunijiet insuffiċjenti għat-teħid ta’ azzjoni (81)” jikkonċernaw b’mod partikolari lmenti fejn, minħabba l-probabbiltà limitata li tiġi stabbilita l-prova tal-allegat ksur u r-riżorsi investigattivi sostanzjali li jkollha tinvesti l-Kummissjoni sabiex tivverifika l-eżistenza tagħhom, l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa għall-investigazzjoni ulterjuri tal-każ tkun sproporzjonata, fid-dawl tal-impatt limitat mistenni fuq il-funzjonament tas-suq intern u/jew il-possibbiltà tal-kwerelant li jirrikorri għal mezzi oħrajn (82).

137.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-ilmenti għax ma jkunux sostanzjati (meta l-kwerelant jonqos milli jippreżenta saħansitra minimu ta’ evidenza prima facie neċessarja biex jissostanzja ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE) jew minħabba raġunijiet sostantivi (nuqqas ta’ ksur).

138.

Jekk xi awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun qiegħda tindirizza jew diġà indirizzat l-istess każ (83), il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-kwerelant. F’sitwazzjoni bħal din, il-kwerelant jista’ jirtira l-ilment. Jekk il-kwerelant jibqa’ jsostni l-ilment, il-Kummissjoni tista’ tirrifjutah permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (84). Jekk xi qorti nazzjonali tkun qiegħda tindirizza jew diġà indirizzat l-istess każ, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-ilment abbażi ta’ “raġunijiet insuffiċjenti għat-teħid ta’ azzjoni (85)”.

5.2.   Proċedura

139.

Jekk il-Kummissjoni, wara eżaminazzjoni bir-reqqa tal-każ, tasal għall-konklużjoni preliminari li ma għandiex issegwi l-każ għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni l-ewwel tinforma lill-kwerelant f’laqgħa jew bit-telefon li hija waslet għall-fehma preliminari li l-każ jista’ jiġi rrifjutat. Ladarba jiġi informat, il-kwerelant jista’ jiddeċiedi li jirtira l-ilment. Inkella, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kwerelant permezz ta’ ittra formali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-konklużjoni preliminari tagħha li mhemmx biżżejjed raġunijiet sabiex tieħu azzjoni u tiffissa limitu ta’ żmien għall-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub (86). F’dan il-kuntest, il-kwerelant għandu d-dritt li jitlob aċċess għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-valutazzjoni proviżorja tagħha (87). Jekk matul il-kors tal-eżaminazzjoni tagħha tal-ilment il-Kummissjoni tkun fetħet proċediment skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandha tiġi offruta laqgħa dwar is-Sitwazzjoni Attwali lill-kwerelant qabel tintbagħat tali ittra formali. Il-limitu ta’ żmien iffissat fl-ittra formali għandu jkun ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat (88). Il-limitu ta’ żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar li jkun ingħata l-aċċess għad-dokumenti prinċipali li fuqhom saret il-valutazzjoni. Fejn xieraq u fuq talba motivata lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni magħmula qabel l-iskadenza tal-limitu taż-żmien oriġinali, il-limitu taż-żmien jista' jkun estiż (89). Jekk talba bħal din ma tintlaqax jew id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-kwerelant ma jaqblux dwar l-estensjoni mitluba, il-kwerelant jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, permezz ta’ talba motivata (90).

140.

Jekk il-kwerelant ma jirreaġixxix għall-ittra tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq sal-limitu ta’ żmien, l-ilment għandu jitqies bħala li ġie rtirat skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Il-kwerelant għandu jiġi informat kif xieraq dwar l-għeluq amministrattiv tal-każ.

141.

Jekk is-sottomissjonijiet tal-kwerelant b’reazzjoni għall-ittra tal-Kummissjoni msemmija fuq ma jwassluhiex għal valutazzjoni differenti tal-ilment, il-Kummissjoni tirrifjuta l-ilment permezz ta’ deċiżjoni formali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Jekk is-sottomissjonijiet tal-kwerelant iwasslu għal valutazzjoni differenti tal-ilment, il-Kummissjoni tkompli l-investigazzjoni tagħha.

6.   LIMITI FUQ L-UŻU TAL-INFORMAZZJONI

142.

L-informazzjoni skambjata matul dawn il-proċeduri, b’mod partikolari fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl u r-reviżjoni ta’ sottomissjonijiet ewlenin, għandha tintuża biss għall-finijiet tal-proċediment ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (91).

143.

Fl-istadji kollha tal-proċediment, il-Kummissjoni għandha tirrispetta t-talbiet ġenwini u ġustifikati mill-kwerelanti jew mill-fornituri tal-informazzjoni rigward in-natura kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet jew il-kuntatti tagħhom mal-Kummissjoni, inkluż, fejn ikun xieraq, l-identità tagħhom, sabiex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom (b’mod partikolari fil-każ ta’ ritaljazzjoni possibbli) u biex ikun evitat li dawn jiġu skoraġġiti milli jersqu għand il-Kummissjoni (92).

144.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kumitat Konsultattiv huma marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali msemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Għalhekk, huma pprojbiti milli jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni tal-għamla koperta minn dan l-obbligu li huma jkunu kisbu jew skambjaw fil-kuntest tal-investigazzjoni u t-tħejjija ta’, kif ukoll id-deliberazzjonijiet fil-Kumitat Konsultattiv. Fir-rigward tal-Kumitat Konsultattiv, il-membri tiegħu wkoll ma għandhomx jiżvelaw l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv qabel il-pubblikazzjoni tagħha, jekk ikun hemm, jew kull informazzjoni li tikkonċerna d-deliberazzjonijiet li wasslu għat-tfassil tal-opinjoni.

7.   L-ADOZZJONI, IN-NOTIFIKA U L-PUBBLIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET

145.

Id-deċiżjonijiet kollha skont l-Artikoli 7, 9, 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 huma adottati mill-Kummissjoni, fuq proposta tal-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-kompetizzjoni.

146.

Id-destinatarji għandhom jiġu informati dwar id-deċiżjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jagħmel ħiltu biex jibgħat kopja ta' korteżija lill-partijiet. Kopja ċċertifikata tat-test sħiħ tad-deċiżjoni, kif ukoll kopja tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta għandhom imbagħad jiġu nnotifikati lid-destinatarji permezz ta’ servizz espress tal-kurrier.

147.

Għandha tiġi ppubblikata stqarrija għall-istampa wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni. L-istqarrija għall-istampa tiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-każ u n-natura tal-ksur. Hija tindika wkoll (fejn ikun xieraq) l-ammont ta’ multi għal kull impriża kkonċernata u/jew ir-rimedji imposti jew, fid-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-impenji magħmula vinkolanti.

148.

Is-sommarju tad-deċiżjoni, ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, kif ukoll l-Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv se jiġu ppubblikati ftit wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha (93).

149.

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jagħmel ħiltu biex jippubblika mill-aktar fis possibbli fuq il-websajt tiegħu verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni bil-lingwi awtentiċi, kif ukoll b'lingwi addizzjonali jekk tali verżjonijiet ikunu disponibbli. Għandha tintbagħat ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni lill-kwerelant. Id-destinatarji tad-deċiżjoni normalment jintalbu jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien ġimagħtejn, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni u biex japprovaw is-sommarju. Jekk jinqala’ tilwim rigward it-tħassir tas-sigrieti kummerċjali, verżjoni provviżorja tad-deċiżjoni li teskludi l-informazzjoni kollha li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità titpoġġa disponibbli fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali b’antiċipazzjoni ta’ verżjoni finali wara riżoluzzjoni tal-partijiet ikkontestati.

150.

Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika fuq il-websajt tagħha dawk id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom irrifjutat l-ilmenti (skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni) jew sommarju tagħhom. Jekk tkun meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-kwerelant, il-verżjoni ppubblikata tad-deċiżjoni ma tidentifikax lill-kwerelant. Id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew li jimmodifikaw l-impenji li jkunu saru vinkolanti skont l-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu ppubblikati wkoll fuq il-websajt. Jistgħu jiġu ppubblikati wkoll tipi oħrajn ta’ deċiżjonijiet f’każijiet xierqa.

8.   REVIŻJONI FUTURA

151.

Dan l-avviż jista’ jiġi rivedut sabiex ikun jirrifletti l-bidliet fil-leġiżlazzjoni applikabbli, l-iżviluppi sinjifikanti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew l-esperjenza ulterjuri miksuba fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tidħol fi djalogu regolari mal-komunità kummerċjali u legali u ma’ partijiet interessati oħrajn dwar l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni ta’ dan l-avviż, tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u tad-diversi Avviżi u Linji Gwida tagħha.


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma fis-sustanza identiċi. Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, fejn ikun xieraq.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004 tas-26 ta’ Frar 2004 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni mat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal-25 ta’ Settembru 2006 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta’ trasport marittimu mhux regolari (ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3).

(4)  Dan l-avviż japplika esklussivament għall-proċeduri tal-Kummissjoni għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u ma jikkonċernax lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali meta japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet.

(5)  Dan l-avviż ma jittrattax proċeduri speċifiċi, pereżempju għall-impożizzjoni ta’ multi fuq impriżi li jkunu pprovdew informazzjoni qarrieqa, irrifjutaw li jissottomettu għall-ispezzjonijiet jew kisru s-siġilli mwaħħlin mill-uffiċjali (ara l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003). Huwa la jkopri d-deċiżjonijiet dwar miżuri interim skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u lanqas id-deċiżjonijiet dwar is-sejba ta’ inapplikabilità skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(6)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1). F’dan ir-rigward, ara l-Aħjar Prattiċi tad-DĠ għall-Kompetizzjoni dwar it-tmexxija tal-proċedimenti tal-Amalgamazzjonijiet tal-KE tal-20 ta’ Jannar 2004, ippubblikati fuq is-sit elettroniku tad-DĠ għall-Kompetizzjoni: http://ec.europa.eu/competition/mergers/legislation/proceedings.pdf

(7)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (issa Artikolu 108 TFUE) tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). F’dan ir-rigward, ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Kodiċi tal-Aħjar Prattiċi dwar it-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-Għajnuna mill-Istat, (ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13).

(8)  Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet konformi mal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Ċ 325, 22.12.2005, p. 7).

(9)  Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Ċ 101, 27.4.2004, p. 65).

(10)  Deċiżjoni C(2011) 5742 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’proċedimenti menti ta’ kompetizzjoni.

(11)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar l-Aħjar Prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ evidenza ekonomika u l-ġbir ta’ dejta f’każijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u l-każijiet ta’ amalgamazzjonijiet, http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(12)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartelli (ĠU Ċ 298, 8.12.2006, p. 17) (“Avviż ta’ Klemenza”), jiġifieri “ftehimiet sigrieti u/jew prattiċi miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar bil-għan li jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq u/jew li jinfluwenzaw il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni permezz ta’ prattiċi bħall-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew kundizzjonijiet oħrajn ta’ kummerċ, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, il-qsim tas-swieq inkluż l-immanuvrar tal-offerti, restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet u/jew l-azzjonijiet anti-kompetittivi kontra kompetituri oħrajn. Tali prattiċi huma fost l-aktar ksur serju ta’ (l-Artikolu 101 tat-TFUE)”.

(13)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward tat-tmexxija tal-proċeduri għar-riżolviment f’każijiet ta’ kartelli (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3); Avviż tal-Kummissjoni dwar it-tmexxija tal-proċeduri ta’ riżolviment fid-dawl tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 f’każijiet ta’ kartelli (ĠU Ċ 167, 2.7.2008, p. 1).

(14)  Għandu jkun innotat li l-Kummissjoni tista’ ma tikkunsidrax kwalunkwe applikazzjoni għall-immunità minn multi fuq il-bażi li din tkun ġiet ippreżentata wara li tkun inħarġet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-paragrafi 14 u 29 tal-Avviż ta’ Klemenza).

(15)  Il-Kummissjoni tista’ ma tikkunsidrax kwalunkwe applikazzjoni għall-immunità minn multi jew għat-tnaqqis ta’ multi skont l-Avviż ta’ Klemenza fuq il-bażi li din tkun ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit għall-partijiet sabiex jiddikjaraw bil-miktub jekk humiex bi ħsiebhom jidħlu f’diskussjonijiet dwar ftehimiet (ara l-paragrafu 13 tal-Avviż dwar il-Riżolviment).

(16)  Fir-rigward ta’ każijiet li jkunu pendenti fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, dan tal-aħħar japplika għall-passi proċedurali li jkunu għadhom iridu jittieħdu wara l-pubblikazzjoni.

(17)  Jew, meta jkun xieraq, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali rilevanti.

(18)  Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Skont l-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-ilmenti formali għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti. Madankollu, l-informazzjoni inkluża f’sottomissjonijiet li ma jirrispettawx dawn ir-rekwiżiti tista’ titqies bħala informazzjoni tas-suq.

(19)  Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(20)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-Kummissjoni hija intitolata li tagħti gradi differenti ta’ prijorità lill-ilmenti li hija tirċievi. Din hija każistika stabbilita minn mindu ngħatat is-sentenza għall-Kawża T-24/90, Automec vs il-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem “Automec II”) [1992] Ġabra II-2223, para 85.

(21)  Il-Kummissjoni għamlet pubblika lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji li hija għandha l-ħsieb li tuża meta tiġi biex teżamina jekk l-ilmenti jurux biżżejjed “interess tal-Unjoni Ewropea” jew le. Il-kriterji ġew ippubblikati fir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-2005, li ġiet adottata f’Ġunju 2006. Ara wkoll il-paragrafu 44 tal-Avviż dwar it-trattament tal-ilmenti.

(22)  Ara l-paragrafi 5 sa 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk ta’ Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43).

(23)  Ara l-Kawża T-99/04 AC Treuhand vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-1501, para. 56.

(24)  F’dan l-avviż, “partijiet” huma definiti bħala l-partijiet soġġetti għall-investigazzjoni. Jekk mhux imsemmmi b'mod espliċitu “partijiet” ma tindkludix kwerelanti u partijiet terzi ammessi (imsejħa wkoll “partijiet terzi” f'dan l-Avviż).

(25)  Artikolu 4(2)(d) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(26)  Avviż dwar it-trattament tal-ilmenti, paragrafu 61.

(27)  Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda l-proċediment bil-għan li tadotta deċiżjoni (eż. deċiżjoni li ssib ksur jew deċiżjoni ta’ impenn) fi kwalunkwe punt ta’ żmien, iżda mhux aktar tard mid-data li fiha hija toħroġ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, valutazzjoni preliminari (kif imsemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) jew avviż skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, skont liema tiġi l-ewwel.

(28)  Il-bidu tal-proċediment jeħles lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, ara l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(29)  Kunsill (KEE): Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li jridu jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385;) Verżjoni kkonsolidata tal-1.1.2007).

(30)  In-nuqqas ta’ rispett ta’ deċiżjoni tal-Artikolu 18(3) li titlob l-informazzjoni (dwar il-forniment ta’ informazzjoni mhux kompluta jew in-nuqqas ta’ rispett tal-limitu ta’ żmien iffissat) jista’ jwassal għal multi u penali perjodiċi, ara l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Is-sottomissjoni ta’ informazzjoni żbaljata jew qarrieqa tista’ twassal biex jiġu imposti multi kemm fil-każ ta’ ittra skont l-Artikolu 18(2) kif ukoll fil-każ ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) (ara l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003).

(31)  Fir-rigward tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fit-tfassil tal-inkjesta, ara l-Kawża T-141/94 Thyssen Stahl vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-347, il-paragrafu 110; il-Kawża T-9/99 HFB u Oħrajn vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-1487, il-paragrafu 384; il-Kawża T-48/00 Corus UK vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-2325, il-paragrafu 212. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta bil-prinċipju tal-proporzjonalità u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 18(3), għandha tirrispetta l-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni.

(32)  Ara l-aħjar prattiċi dwar is-sottomissjoni ta’ evidenza ekonomika.

(33)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-301/04 P Il-Kummissjoni vs SGL, [2006] Ġabra I-5915, li tispeċifika li d-destinatarji ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jistgħu jintalbu jipprovdu dokumenti eżistenti minn qabel, bħal minuti ta’ laqgħat tal-kartell, anki jekk dawk id-dokumenti jistgħu jinkriminaw lill-parti li tipprovdihom.

(34)  Artikolu 4(2)(b) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(35)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 33.

(36)  Artikolu 4(2)(ċ) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(37)  Ara l-punt 143 aktar ’l isfel.

(38)  Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima japplikaw ukoll għal-laqgħat dwar is-Sitwazzjoni Attwali u għal-laqgħat trijangulari (ara t-taqsima 2.10 aktar ’l isfel).

(39)  Din is-setgħa li jittieħdu dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandha tkun distinta mis-setgħa tal-Kummissjoni, waqt spezzjoni, li titlob lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, spjegazzjonijiet dwar il-fatti jew id-dokumenti relatati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, kif ukoll li tirrekordja t-tweġibiet, skont l-Artikolu 20(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(40)  Ara: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/legislation.html

(41)  L-esklużjoni ta’ ċerti komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti mis-setgħat ta’ inkjesta tal-Kummissjoni tirriżulta mill-prinċipji ġenerali tal-liġi komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri kif ikkjarifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea: Il-Kawża 155/79 AM&S Europe Limited vs il-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem “AM&S”) [1982] Ġabra 1575; L-Ordni fil-Kawża T-30/89 Hilti vs il-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem “Hilti”) [1990] Ġabra II-163; Il-kawżi konġunti T-125/03 u T-253/03 Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs il-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem “Akzo”) [2007] Ġabra II-3523, kif ikkonfermati mill-Kawża C-550/07 P, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs il-Kummissjoni, sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010.

(42)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkunsidrat li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent hija korollarju essenzjali għall-ħarsien sħiħ tad-drittijiet ta’ difiża (AM&S, il-paragrafi 18 u 23). Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju tal-privileġġ professjonali legali ma jipprevjenix lil klijent ta’ avukat milli jiżvela l-komunikazzjonijiet bil-miktub bejniethom jekk il-klijent iqis li huwa fl-interess tiegħu li jagħmel dan (AM&S, il-paragrafu 28).

(43)  AM&S, il-paragrafi 21, 22 u 27. Skont il-każistika, l-iskop sostantiv tal-protezzjoni tal-privileġġ professjonali legali jkopri wkoll, barra komunikazzjonijiet bil-miktub ma’ avukat indipendenti magħmula għall-finijiet tal-ħarsien tad-drittijiet ta’ difiża tal-klijent, (i) noti interni ċċirkolati fi ħdan impriża li huma limitati għar-rappurtar tat-test jew tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet ma’ avukati indipendenti li jkun fihom pariri legali (Hilti, il-paragrafi 13, 16 sa 18) u (ii) dokumenti preparatorji mħejjija mill-klijent, anki jekk ma jiġux skambjati ma’ avukat jew mhux maħluqa bl-iskop li jintbagħtu fiżikament lil avukat, sakemm ikunu tħejjew esklussivament għall-iskop li jfittxu parir legali minn avukat fil-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża (Akzo, il-paragrafi 120 sa 123). Rigward l-iskop personali tal-protezzjoni tal-privileġġ professjonali legali, dan japplika biss sal-punt li l-avukat ikun indipendenti (jiġifieri mhux marbut mal-klijent tiegħu permezz ta’ relazzjoni tax-xogħol); l-avukati interni huma espliċitament esklużi mill-privileġġ professjonali legali, irrispettivament mis-sħubija tagħhom f’Soċjetà tal-Liġi jew l-Avukatura jew l-issuġġettar tagħhom għal dixxiplina u etika professjonali jew il-protezzjoni skont il-liġi nazzjonali: AM&S, il-paragrafi 21, 22, 24 u 27; Akzo, il-paragrafi 166 sa 168; ikkonfermati mill-QĠ fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2010, il-Kawża C-550/07 P, il-paragrafi 44 sa 51. Barra minn hekk, skont il-każistika, il-protezzjoni skont il-privileġġ professjonali legali tapplika biss għall-avukati li huma intitolati biex jipprattikaw il-professjoni tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament mill-pajjiż fejn jgħix il-klijent (AM&S, il-paragrafi 25 u 26), u mhijiex estiża għal konsulenti professjonali oħrajn bħal avukati tal-privattivi, kontabilisti, eċċ. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-protezzjoni tal-privileġġ professjonali legali tkopri, fil-prinċipju, komunikazzjonijiet bil-miktub skambjati wara l-bidu tal-proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u/jew 102 tat-TFUE jew għal deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunarja fuq l-impriża; din il-protezzjoni tista’ tiġi estiża wkoll għal komunikazzjonijiet preċedenti bil-miktub magħmula għall-iskop li jiġu eżerċitati d-drittijiet tad-difiża u li għandhom relazzjoni mas-suġġett ta’ dik il-proċedura (AM&S, il-paragrafu 23).

(44)  Għalhekk, is-sempliċi fatt li impriża titlob li dokument ikun protett mill-privileġġ professjonali legali mhuwiex biżżejjed biex jipprevjeni lill-Kummissjoni milli taqra dak id-dokument jekk l-impriża ma tipproduċi ebda materjal rilevanti ta’ dak it-tip (Akzo, il-paragrafu 80; ara aktar ’l isfel). Sabiex tissostanzja t-talba tagħha, l-impriża kkonċernata tista’, b’mod partikolari, tinforma lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni dwar l-awtur tad-dokument u għal min kien intenzjonat, tispjega d-doveri u r-responsabbiltajiet rispettivi ta’ kull wieħed u waħda, u tirreferi għall-objettiv u l-kuntest li fih tfassal id-dokument. Bl-istess mod, hija tista’ wkoll issemmi l-kuntest li fih instab id-dokument, il-mod kif ġie ppreżentat u kwalunkwe dokument relatat (Akzo, il-paragrafu 80).

(45)  AM&S, il-paragrafi 29 sa 31. L-impriża tista’ sussegwentement tressaq azzjoni għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, fejn ikun xieraq, flimkien ma’ talba għal rimedju temporanju (AM&S, il-paragrafu 32; ara aktar ’l isfel).

(46)  Akzo, il-paragrafi 81 u 82.

(47)  L-Artikolu 4(2)(a) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(48)  Għalhekk, il-Kummissjoni se tistenna sakemm il-limitu ta’ żmien sabiex tieħu azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ikun skada qabel taqra l-kontenut tad-dokument ikkontestat. Madankollu, minħabba li azzjoni bħal din ma għandha ebda effett ta’ sospensjoni, hija r-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata li tagħmel applikazzjoni fil-pront għal rimedju interim li jfittex is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għall-privileġġ professjonali legali.

(49)  Akzo, il-paragrafu 89.

(50)  ĠU Ċ 101, 27.4.2004, p. 43.

(51)  Minn hemm ’il quddiem tista’ tiġi pprovduta verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba għall-ilment mill-parti soġġetta għall-investigazzjoni.

(52)  L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, imsemmi hawn fuq.

(53)  L-Artikolu 1 tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(54)  L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(55)  Linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).

(56)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 55.

(57)  Ara n-Nota SEC(2010) 737/2 tat-12 ta’ Ġunju 2010.

(58)  Ara l-punt 143 aktar ’l isfel.

(59)  Avviż dwar ir-regoli għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, imsemmi hawn fuq.

(60)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartelli (imsemmija aktar ’il fuq), il-paragrafi 31 sa 35 u Avviż tal-Kummissjoni dwar it-tmexxija tal-proċeduri ta’ riżolviment (imsemmija aktar ’il fuq), il-paragrafi 35 sa 40.

(61)  Ara l-Artikolu 16(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(62)  Ara l-Kawża T-44/00 Mannesmannröhren-Werke AG vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-2223, para. 65.

(63)  Ara l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Għar-regola applikabbli għall-proċeduri ta’ riżolviment, ara l-Artikolu 10a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(64)  Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-partijiet se jingħataw aċċess għall-fajl komplut permezz ta' CD-Rom li fiha id-dokumenti kollha fil-fajl.

(65)  Ara l-Kawża T-44/00, Mannesmannröhren-Werke AG vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-2223, para 65. Ara wkoll il-premessa 15 tat-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta li tistqarr li “F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jissospendi l-operat tal-perjodu ta’ żmien li fih id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jwieġeb għal dik id-dikjarazzjoni sakemm tiġi riżolta tilwima dwar l-aċċess għall-fajl, jekk id-destinatarju ma jkunx f’pożizzjoni li jwieġeb sad-data tal-għeluq mogħtija u estensjoni ma tkunx soluzzjoni adegwata f’dak il-mument.”

(66)  Ara l-Kawżi Konġunti T-191/98 u T-212/98 sa T-214/98 Atlantic Container Line u Oħrajn vs il-Kummissjoni [2003] Ġabra II-3275; il-Kawża T-54/03 Lafarge vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-120, paragrafi 69-73; il-Kawża T-52/03 Knauf vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-115, paragrafi 41-47, 67-79; il-Kawża C-407/08P Knauf vs il-Kummissjoni, sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010 (li għadha ma ġietx irrapportata), paragrafi 23-28.

(67)  Artikolu 9(2) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(68)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 67.

(69)  Ara ulterjorment id-dokumnet “Atturi ewlenin u kontrolli u ekwilibriji” (“Key actors and checks and balances”), disponibbli fuq il-websajt tad-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni.

(70)  Pereżempju, għandha tinħareġ Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplimentari jekk l-evidenza l-ġdida tippermetti lill-Kummissjoni testendi t-tul tal-ksur, l-ambitu ġeografiku, jew in-natura jew l-ambitu tal-ksur.

(71)  Meta l-Kummissjoni sempliċiment tikkomunika lil parti verżjoni mhux kunfidenzjali (jew siltiet speċifiċi minnha) tat-tweġibiet bil-miktub tal-partijiet l-oħrajn għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u tagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha (ara l-paragrafu 103 aktar ’il fuq), dan ma jikkostitwixxi ebda ittra ta’ fatti.

(72)  Il-Kawża C-441/07 P Il-Kummissjoni vs Alrosa, sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, paragrafu 120.

(73)  Ara l-Premessa 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(74)  Artikolu 15(1) tat-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

(75)  Ara t-taqsima 3 ta’ dan l-avviż.

(76)  Dan ifisser li l-implimentazzjoni ma għandhiex tkun dipendenti fuq ir-rieda ta’ parti terza li mhijiex marbuta bl-impenji.

(77)  L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(78)  Verżjoni mhux kunfidenzjali.

(79)  Mingħajr traduzzjoni.

(80)  Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti (imsemmi fuq).

(81)  Ara b’mod partikolari l-Kawża T-24/90, Automec II, [1992] Ġabra II-2223 u l-Kawża C-119/97 P, Ufex, [1999] ECR I-1341.

(82)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti jelenka fil-paragrafu 44 ċerti kriterji li jistgħu jintużaw weħidhom jew flimkien għal rifjuti fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ “interess tal-Unjoni Ewropea”. Barra minn hekk, fir-Rapport tagħha tal-2005 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, il-Kummissjoni identifikat xi kriterji li tista’ tuża sabiex tiddeċiedi jekk hemmx “interess tal-Unjoni Ewropea” jew le. Ara wkoll il-Kawża T-427/08, Confédération européenne des associations d'horlogeurs-réparateurs (CEAHR) v. Commission, li għadha mhux irraportata.

(83)  Il-kunċett tal-istess każ essenzjalment jimplika: ksur tal-istess natura, l-istess suq tal-prodott, l-istess suq ġeografiku, mill-inqas waħda mill-istess impriżi u l-istess perjodu ta’ żmien.

(84)  Il-paragrafu 25 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti.

(85)  Ara r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005, li ġie adottat f’Ġunju 2006, p. 25 ff.

(86)  Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni; il-paragrafu 68 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti.

(87)  Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni; il-paragrafu 69 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti.

(88)  L-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(89)  L-Artikolu 17(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(90)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 67.

(91)  Ara l-Artikolu 15(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni

(92)  Ara l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(93)  Bl-eċċezzjoni tal-Irlandiż (ara l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 920/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005).


ANNESS 1

Image