52011PC0747

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu] /* KUMM/2011/0747 finali - 2011/0361 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma parteċipanti importanti fis-suq finanzjarju u jeħtieġ li jkunu soġġetti għal qafas legali xieraq. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu[1] (Ir-Regolament dwar is-CRAs) sar japplika bis-sħiħ fis-7 ta’ Diċembru 2010. Dan jitlob illi l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (credit rating agencies - CRAs) jikkonformaw ma’ regoli rigorużi ta’ mġiba sabiex jittaffew kunflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm, tiġi żgurata kwalità għolja u trasparenza suffiċjenti tal-klassifikazzjonijiet u tal-proċess ta’ klassifikazzjoni. Is-CRAs eżistenti kellhom japplikaw għar-reġistrazzjoni u jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament sas-7 ta’ Settembru 2010.

Fl-1 ta’ Ġunju 2011 daħħlet fis-seħħ emenda għar-Regolament dwar is-CRAs (ir-Regolament (UE) Nru 513/2011), li tafda lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) bis-setgħa esklussiva ta’ superviżjoni fuq is-CRAs li huma reġistrati fl-UE sabiex ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tagħhom jiġu ċentralizzati u ssimplifikati f’livell Ewropew[2].

Għalkemm tipprovdi bażi tajba, għadd ta’ kwistjonijiet relatati ma’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-użu tal-klassifikazzjonijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed fir-Regolament dwar is-CRAs eżistenti. Dawn jirrigwardaw b’mod partikolari r-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mill-parteċipanti finanzjarji tas-suq, il-livell għoli ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-investituri, il-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-mudell ‘l-emittent iħallas’ u l-istruttura tal-azzjonisti tas-CRAs. L-ispeċifiċitajiet tal-klassifikazzjonijiet sovrani li saru evidenti matul il-kriżi tad-dejn sovran ta’ bħalissa wkoll mhumiex indirizzati speċifikament fir-Regolament dwar is-CRAs kurrenti.

Il-Kummissjoni Ewropea semmiet dawn il-kwistjonijiet miftuħa fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2010 ("Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku [għat-tkabbir sostenibbli]")[3] u fi ktiba ta’ konsultazzjoni dwar is-servizzi tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2010[4] li fiha titħabbar il-ħtieġa għal reviżjoni mmirata tar-Regolament dwar is-CRAs li qed titwassal ma’ din il-proposta.

Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Parlament Ewropew ħareġ riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar is-CRAs[5]. Ir-rapport jappoġġa l-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas regolatorju għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li jittieħdu miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet. B’mod iktar partikolari, il-Parlament Ewropew jappoġġa, fost l-oħrajn, rekwiżiti ogħla għall-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran, it-twaqqif ta’ Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni, żieda fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar strumenti ta' finanzjament strutturat u responsabbiltà ċivili tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew kien tal-opinjoni li l-istimolazzjoni tal-kompetizzjoni kienet kompitu importanti u qies li l-istabbiliment ta' Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu indipendenti għandu wkoll jiġi esplorat u vvalutat mill-Kummissjoni.

F’laqgħa informali tal-ECOFIN li saret fit-30 ta’ Settembru u fl- 1 ta' Ottubru 2010 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxa li għandhom isiru iktar sforzi biex jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet relatati ma’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, inkluż ir-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u r-riskju ta’ kunflitti ta’ interess li jiġu mill-mudell ta’ rimunerazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011 ikkonkluda li hemm bżonn ta’ progress biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

Barra minn hekk, il-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Kumitat Ewropew tas-Superviżuri tal-Banek magħmula minn rappreżentanti tal-ministeri tal-finanza tal-Istati Membri ddiskutew il-ħtieġa li jsaħħu aktar il-qafas regolatorju għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-laqgħat tagħhom tad-9 ta’ Novembru 2010 u d-19 ta’ Settembru 2011.

Fil-livell internazzjonali, f’Ottubru 2010 il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (BIF/FSB) ħareġ bi prinċipji biex titnaqqas id-dipendenza tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-klassifikazzjonijiet tas-CRA[6]. Il-prinċipji jisħqu fuq it-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta’referenzi għal klassifikazzjonijiet bħal dawn fil-leġiżlazzjoni fejn standards alternattivi u addattati ta’ affidabbiltà kreditizja huma disponibbli u fuq il-ħtieġa li l-investituri jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-kreditu tagħhom stess. Dawk il-prinċipji ġew approvati mis-Samit tal-G20 f'Seoul f’Novembru 2010.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni indirizzat il-kwistjoni tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tar-riforma dwar il-leġiżlazzjoni bankarja[7]. Il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta' regola li tirrikjedi lill-banek u d-ditti tal-investiment biex huma stess jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu tal-entitajiet u tal-istrumenti finanzjarji li fihom huma jinvestu u mhux sempliċement jiddependu fuq il-klassifikazzjonijiet esterni f'dan ir-rigward. Dispożizzjoni simili ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' emenda għad-Direttivi dwar l-UCITS u dwar il-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv[8], li qed jiġu proposti b'mod parallel ma' din il-proposta għal Regolament.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni Ewropea mexxiet konsultazzjoni pubblika mill-5 ta’ Novembru 2010 sas-7 ta’ Jannar 2011 fejn ippreżentat alternattivi varji biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati. Il-Kummissjoni rċeviet madwar 100 kontribuzzjoni mill-partijiet involuti li ġew ikkunsidrati fl-abbozzar ta’ din il-proposta. Wieħed jista’ jsib sommarju tar-reazzjonijiet għall-paper ta’ konsultazzjoni fuq

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/docs/agencies/summary-responses-cra-consultation-20110704_en.pdf.

Fis-6 ta’ Lulju, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu f’assemblea biex jiksbu iktar rispons minn korpinvoluti rilevanti f’dawn il-kwistjonijiet. Wieħed jista’ jsib sommarju ta’ din l-assemblea fuq

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/docs/agencies/roundtable_en.pdf.

Għal din il-proposta saret valutazzjoni tal-impatt li tinsab fuq

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/agencies/index_en.htm.

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat il-problemi li ġejin:

– ir-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni biex jintużaw klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, l-użu eċċessiv mill-investituri ta' klassifikazzjonijiet esterni għall-ġestjoni tar-riskju intern, l-istrateġiji tal-investiment marbuta direttament mal-klassifikazzjonijiet kif ukoll l-informazzjoni insuffiċjenti dwar l-istrumenti ta' finanzjament strutturat jirriżultaw f'dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni li jwasslu għal proċiklikalità u għal "cliff" effects[9] fis-swieq kapitali;

– oġġettività, kompletezza u trasparenza insuffiċjenti, fil-proċess tal-klassifkazzjoni sovrana, flimkien mad-dipendenza eċċessiva, iwasslu għal effetti "cliff" u ta' kontaġju tal-bidliet fil-klassifikazzjoni sovrana;

– konċentrazzjoni għolja fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, ostakli għoljin għad-dħul fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u n-nuqqas ta' komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet iwasslu għal għażla u kompetizzjoni limitati fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

– dritt għal rimedju insuffiċjenti għall-utenti tal-klassifikazzjonijiet li qed ibatu t-telf minħabba klassifikazzjoni mhux preċiża maħruġa minn CRA li tikser ir-Regolament dwar is-CRAs;

– indipendenza potenzjalment mhedda tas-CRAs minħabba kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-mudell "l-emittent iħallas", minħabba l-istruttura ta' sjieda u minħabba l-kuntratt fit-tul tal-istess CRA; u

– metodoloġiji u proċessi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mħux tajbin biżżejjed.

L-għan ġenerali tal-proposta huwa li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għar-restawr tal-fiduċja tal-investituri u tal-parteċipanti oħra fis-suq, fis-swieq finanzjarji u fil-kwalità tal-klassifikazzjonijiet. Tqisu għażliet ta' politika differenti sabiex il-problemi indirizzati jiġu indirizzati u b'hekk jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi korrispondenti:

– li jitnaqqas l-impatt ta' "cliff effects" fuq l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji billi tonqos id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet esterni;

– li jitnaqqsu r-riskji tal-effetti kontaġjużi marbuta ma' bidliet fil-klassifikazzjonijiet sovrani;

– li jitjiebu l-kundizzjonijiet fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, minħabba li hemm għażla u kompetizzjoni limitati fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet;

– li jkun żgurat id-dritt għal rimedju għall-investituri, minħabba li bħalissa hemm dritt għal rimedju insuffiċjenti għall-utenti tal-klassifikazzjonijiet li sofrew telf dovut għal klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa minn CRA li kisret ir-Regolament dwar is-CRAs; u

– li titjieb fil-kwalità tal-klassifikazzjonijiet bir-rinfurzar tas-CRAs u bil-promozzjoni ta' metodoloġiji u proċessi tajbin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Bħalissa, l-indipendenza tas-CRAs hija potenzjalment mhedda minħabba kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-mudell "l-emittent iħallas", minħabba l-istruttura ta' sjieda u minħabba pussess fit-tul ta' relazzjonijiet tan-negozju mal-istess CRA individwali.

L-għażliet ta' politika ppreferuti huma deskritti fit-Taqsima 3.4. hawn taħt u huma riflessi f'din il-proposta. Dawn l-għażliet mistennija li jnaqqsu d-dipendenza eċċessiva mill-istituzzjonijiet finanzjarji fuq klassifikazzjonijiet esterni billi tonqos l-importanza tal-klassifikazzjonijiet esterni fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-emittenti fir-rigward tal-ġabriet ta’ assi sottostanti tal-prodotti ta' finanzjament strutturat mistenni li jgħin lill-investituri jagħmlu huma stess il-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom, aktar milli jiddependu biss fuq il-klassifikazzjonijiet esterni.

It-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet sovrani se jittejbu peremezz tal-verifkazzjoni tal-informazzjoni sottostanti u tal-pubblikazzjoni tar-rapport sħiħ dwar ir-riċerka li jakkumpanja l-klassifikazzjoni. It-tqabbil tal-klassifikazzjonijiet minn aġenziji tal-klassifikazzjoni distinti, iffaċilitat mill-promozzjoni ta' standards komuni għal gradi tal-klassifikazzjoni u minn Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX), mistennija li jtejbu l-għażla u jottimizzaw l-istruttura tal-industrija tal-klassifikazzjoni. Minbarra dan, ir-rotazzjoni obbligatorja tas-CRAs għandha mhux biss tnaqqas sostanzjalment it-theddida tal-familjarità għall-indipendenza tas-CRAs li tirriżulta minn relazzjoni tan-negozju twila bejn CRA u emittent, iżda għandu wkoll ikollha effett pożittiv sinifikanti għat-titjib tal-għażla fl-industrija tal-klassifikazzjoni bil-promozzjoni ta' aktar opportunitajiet tan-negozju għas-CRAs iżgħar.

F'termini tal-protezzjoni tal-investitur, l-istabbiliment ta' dritt ta' rimedju għall-investituri kontra s-CRAs għandu jipprovdi inċentivi qawwija biex is-CRAs jikkonformaw mal-obbligi legali u għandu jiżgura klassifikazzjonijiet ta' kwalità għolja. L-indipendenza tal-klassifikazzjonijiet se tittejjeb bl-introduzzjoni ta' rekwiżit għall-emittenti biex perjodikament ibiddlu s-CRA u bit-titjib fir-rekwiżiti tal-indipendenza dwar l-istruttura ta' sjieda tas-CRAs. Minbarra dan, CRA ma għandhiex tipprovdi klassifikazzjonijiet solleċitati għall-emittent u għall-prodotti tiegħu fl-istess ħin.

B'żieda ma' dan, it-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet għandhom jittejbu permezz tat-tisħiħ fir-regoli dwar l-iżvelar tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, bl-introduzzjoni ta' proċess għall-iżvilupp u l-approvazzjoni tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, inkluż ir-rekwiżit li s-CRAs jikkomunikaw u jiġġustifikaw ir-raġunijiet għall-modifiki fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tagħhom u billi s-CRAs ikunu obbligati jinfurmaw lill-emittenti tagħhom minn biżżejjed żmien qabel il-pubblikazzjoni ta' klassifikazzjoni.

F'termini ta' spejjeż, se jkun hemm spejjeż addizzjonali a skapitu tad-ditti finanzjarji li jirriżultaw mir-rekwiżiti għat-titjib fil-ġestjoni tar-riskju u għall-użu tal-mudelli tal-klassifikazzjoni interna għal skopijiet regolatorji u a skapitu tal-emittenti minħabba r-rekwiżiti tal-iżvelar imtejjeb. Is-CRAs se jġarrbu wkoll spejjeż addizzjonali rikorrenti ta' konformità għall-mitigazzjoni tar-riskji tal-effetti kontaġjużi marbuta mal-klassifikazzjonijiet sovrani. Madankollu, il-miżuri għat-titjib fil-kompetizzjoni ma għandhomx iżidu l-ispejjeż b'mod sinifikanti għas-CRAs. L-għażla ta' politika relatata mar-responsabbiltà ċivili tas-CRAs lejn l-investituri mistennija li tirriżulta fi spejjeż ta' konformità dovuti għall-ħtieġa tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tagħhom jew, fl-assenza tal-assigurazzjoni, tal-ħolqien ta' lqugħ finanzjarju li jkopri t-talbiet potenzjali tal-investituri. Fl-aħħar nett, l-għażliet ta' politika ppreferuti li jittrattaw l-indipendenza tas-CRA mhux mistennija li jirriżultaw fi spejjeż sinifikanti.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE.

3.2.        Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-Trattat tal-UE), l-azzjoni f’livell tal-UE għandha tittieħed biss fejn l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħedhom u li, għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE. L-affari tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija globali. Il-parteċipanti tas-swieq fl-UE kollha jużaw u joqogħdu fuq klassifikazzjonijiet maħruġa minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bbażata fi Stat Membru wieħed. Il-mankanzi jew in-nuqqas ta’ qafas regolatorju għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fi Stat Membru wieħed speċifiku jistgħu jħallu effett negattiv fuq il-parteċipanti tas-swieq u s-swieq finanzjarji madwar l-UE kollha. Jinħtieġu għalhekk regoli regolatorji b’saħħithom applikabbli fl-UE kollha biex l-investituri u s-swieq jitħarsu minn nuqqasijiet li jista’ jkun hemm. Huwa għalhekk li kull azzjoni oħra fil-qasam tas-CRAs tista’ tinkiseb l-aħjar permezz tal-UE.

L-emendi proposti huma wkoll proporzjonati, kif mitlub mill-Artikolu 5(4) tat-Trattat tal-UE. L-emendi ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma mtejba b’mod partikulari: l-emittenti huma meħtieġa jbiddlu regolarment l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jħallsu sabiex joħorġu l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u jaħtru aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu differenti biex joħorġu l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuqhom u fuq l-istrumenti tad-dejn tagħhom. Dawn l-obbligi, għalkemm jillimitaw il-libertà tan-negozju, huma proporzjonati mal-għanijiet imfittxija u jikkunsidraw l-ambjent regolatorju. Japplikaw biss fir-rigward ta’ servizz fl-interess pubbliku (klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jistgħu jintużaw għal raġunijiet regolatorji) minn ċerti istituzzjonijiet regolati (aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu) b’ċerti kundizzjonijiet (il-mudell ’l-emittent iħallas’) u, f’każ ta’ rotazzjoni, fuq bażi temporanja. Madankollu, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mhumiex miżmuma milli jkomplu jipprovdu servizzi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fis-suq: aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu obbligata ma tipprovdix servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lil emittent partikolari xorta tkun tista’ tipprovdi klassifikazzjonijiet tal-kreditu lil emittenti oħrajn. F’kuntest ta’ suq fejn ir-regola tar-rotazzjoni tapplika fil-livelli kollha, se jkun hemm opportunitajiet għan-negozju ladarba l-emittenti kollha jkunu jeħtieġu jibdlu l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu dejjem ikunu jistgħu joħorġu klassifikazzjoni ta’ kreditu minn jeddhom lill-istess emittent, u jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza tagħhom.

L-emendi jipprevedu wkoll li l-investituri u l-aġenziji l-kbar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma limitati fir-rigward ta’ għażliet ta’ investiment. Huwa pprojbit għall-investituri li għandhom parteċipazzjoni ta' mill-anqas 5 % f'CRA biex ikollhom aktar minn 5 % f’kull CRA oħra. Din ir-restrizzjoni hija meħtieġa biex tiggarantixxi l-perċezzjoni ta’ indipendenza tas-CRAs, li tista’ tiġi affettwata jekk l-istess azzjonisti jew membri jkunu qed jinvestu b'mod sinifikanti f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu differenti li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, ukoll jekk dawk l-azzjonisti jew membri mhumiex f’qagħda li jeżerċitaw legalment influwenza dominanti jew kontroll. Dan ir-riskju huwa ogħla meta wieħed iqis li s-CRAs irreġistrati fl-UE mhumiex elenkati, u għalhekk inqas trasparenti bħala kumpaniji. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-investimenti purament ekonomiċi f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għadhom possibbli, il-projbizzjoni ta’ investiment simultanju f’iktar minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda ma għandhiex tiġi estiża għal investimenti permezz ta’ skemi ta’ investiment kollettivi ġestiti minn partijiet terzi indipendenti mill-investitur u mhux suġġetti għall-influwenza tiegħu jew tagħha.

3.3         Konformità mal-Artikoli 290 u 291 TFUE

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni addottat proposti għar-Regolamenti li jistabbilixxu l-ABE (l-Awtorità Bankarja Ewropea), l-AEAPX (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u l-AETS. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tixtieq tfakkar id-Dikjarazzjonijiet b’relazzjoni mal-Artikoli 290 u 291 TFUE li għamlet fl-addozzjoni tar-Regolamenti li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u li skonthom: "Fejn jidħol il-proċess għall-addozzjoni ta’ standards regolatorji, il-Kummissjoni tenfasizza l-karattru uniku tas-settur tas-servizzji finanzjarji, kif joħroġ mill-istruttura Lamfalussy u rikonoxxut espliċitament fid-Dikjarazzjoni 39 għat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serji jekk ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta taddotta atti ddelegati u timplimenta provvedimenti humiex konformi mal-Artikoli 290 u 291 TFUE."

3.4.        Spjegazzjoni tal-proposta

L-Artikolu 1 ta’ din il-proposta jemenda r-Regolament dwar is-CRAs. Ir-referenzi fis-subsezzjonijiet li ġejjin jirreferu għall-artikoli emendati jew ġodda fir-Regolament dwar is-CRAs, sakemm ma jkunx speċifikat.

3.4.1.     Estensjoni fl-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament biex ikopri l-prospetti tal- klassifikazzjonijiet

Barra mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, is-CRAs jippubblikaw ukoll “prospetti ta’ klassifikazzjonijiet” li jipprovdu opinjoni fuq l-iktar direzzjoni probabbli li tkun ser tieħu klassifikazzjoni tal-kreditu fil-ġejjieni. Il-proposta tal-Kummissjoni testendi l-ambitu tar-regoli dwar il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu biex tkopri wkoll, fejn hu xieraq, “prospetti ta’ klassifikazzjonijiet”. It-test emendat jitlob b’mod partikulari li s-CRAs jiżvelaw l-orizzont temporali li matulu tkun mistennija bidla tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (cf. L-Anness I, it-Taqsima D, il-Parti II, il-punt 2(f)). Ir-Regolament dwar is-CRAs huwa għalhekk speċifikament addattat f’postijiet differenti: l-Artikoli 3, 6(1), 7(5), 8(2), u 10(1) u (2); fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punti 1, 3, u 7; it-Taqsima C, il-punti 2, 3 u 7; it-Taqsima D, il-Parti I, il-punti 1, 2, 4 u 5; u t-Taqsima E, il-Parti I, il-punt 3. Barra minn hekk, l-emendi deskritti hawn taħt huma wkoll addattati, fejn hu xieraq, għall-introduzzjoni tal-kunċett dwar “prospetti ta’ klassifikazzjoni”.

3.4.2.     Emendi relatati mal-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

L-Artikolu 5a ġdid imdaħħal fir-Regolament dwar is-CRAs jitlob li ċerti istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu l-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom stess. Għalhekk, għandhom jevitaw li jiddependu biss jew b’mod mekkaniku fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni li jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-assi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-kreditu ta’ dawn il-kumpaniji finanzjarji inklużi l-monitoraġġ fuq kumpaniji finanzjarji sabiex dawn ma jiddependux iżżejjed fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Din ir-regola tiġi mill-prinċipji tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tas-CRA ta’ Ottubru 2010.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5b ġdid, /l-AETS, l-ABE/l-EBA u l-AEAPX/l-EIOPA ma għandhomx jirreferu għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fil-linjigwida, fir-rakkomandazzjonijiet u fl-abbozzi tal-istandards tekniċi tagħhom fejn referenzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jikkawżaw dipendenza mekkanika fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn awtoritajiet kompetenti jew parteċipanti fis-suq finanzjarju. Barra minn hekk, għandhom jadattaw il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti tagħhom skont dan, u sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

Emendi oħrajn jimmiraw biex jindirizzaw ir-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn parteċipanti fis-suq finanzjarju f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrumenti ta' finanzjament strutturat u biex tiżdied il-kwalità tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal strumenti bħal dawn:

– L-Artikolu 8a: dan l-artikolu ġdid jitlob li l-emittenti (jew l-oriġinaturi jew l-isponsers) jiżvelaw informazzjoni speċifika fuq prodotti ta' finanzjament strutturat u għat-tul, b’mod partikolari fuq l-elementi prinċipali fil-bażi tal-ġbir ta’ assi għal prodotti ta' finanzjament strutturat meħtieġa sabiex l-investituri jagħmlu l-valutazzjoni tal-kreditu tagħhom stess u b’hekk jevitaw il-bżonn li jiddependu fuq klassifikazzjonijiet esterni. Din l-informazzjoni għandha tiġi żvelata permezz ta’ sit elettroniku ċentralizzat operat mill-AETS;

– L-Artikolu 8b: dan l-artikolu ġdid jitlob li l-emittenti (jew il-partijiet terzi relatati) li jissolleċitaw klassifikazzjoni biex jimpenjaw żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, indipendentement minn xulxin, biex joħorġu żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu indipendenti b’mod parallel fuq l-istess strumenti ta' finanzjament strutturat.

Fl-aħħar nett, għandu jiġu nnutat li l-Kummissjoni qed tipproponi b’mod parallel emendi għad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)[10] u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju li tiġi evitata d-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jiġi integrat ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dawk id-direttivi.

3.4.3.     Emendi relatati mal-indipendenza tas-CRAs

Dan il-grupp ta’ emendi jistabbilixxi regoli iktar stretti ta’ indipendenza li jimmiraw biex jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-mudell ‘l-emittent iħallas’ u l-istruttura t’azzjonisti tas-CRAs:

– L-Artikolu 6a: dan l-artikolu jipprojbixxi kull membru jew azzjonist ta’ xi CRA li huwa d-detentur ta' ishma ta' mill-anqas 5 % biex ikollu 5 % jew aktar f’kull CRA oħra, sakemm is-CRAs ikkonċernati ma jkunux membri tal-istess grupp;

– L-Artikolu 6b: dan l-artikolu ġdid jintroduċi regola ta’ rotazzjoni għas-CRAs imħaddma mill-emittent (jiġifieri ma japplikax għal klassifikazzjonijietmhux solleċitati) biex jew jikklassifikaw l-emittent innifsu jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu. Is-CRA mqabbda ma għandhiex tkun ilha stabbilita iktar minn tliet (3) snin jew iktar minn sena jekk tikklassifika iktar minn għaxar strumenti ta’ dejn konsekuttivi tal-emittent. Madankollu, din ir-regola tal-aħħar ma għandhiex twassal biex tqassar il-perjodu ta’ żmien permess ta’ tħaddim għal inqas minn sena. Fejn l-emittent jissolleċita aktar minn klassifikazzjoni waħda għalih innifsu jew għall-istrument tiegħu, kemm minħabba obbligu legali u kemm jekk fuq bażi volontarja, waħda biss mill-aġenziji għandu jkollha r-rotazzjoni. Madankollu, it-tul ta' żmien massimu għal kull waħda minn dawn is-CRAs huwa stabbiliti għal perjodu ta' sitt snin. Is-CRA tal-bidu (jew kull CRA oħra li tappartjeni għall-istess grupp jew li għandha rabtiet fuq livell t’azzjonisti mas-CRA ta’ qabel) ma għandhiex tkun tista’ terġa’ tikklassifika lill-istess emittent jew l-istrumenti tiegħu sakemm ma jkunx għadda perjodu ta’ tregwa biżżejjedta' finanzjament strutturat. Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li s-CRA li tinqala’ tipprovdi lis-CRA ta’ warajha b’fajl ta’ handover li jkollu informazzjoni rilevanti;

– Din ir-regola ta’ rotazzjoni hija mistennija ttaffi b’mod sinifikanti kwistjonijiet ta’ kunflitti potenzjali ta’ interess relatati mal-mudell “l-emittent iħallas”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli timmoniterja l-adegwatezza tal-mudelli ta’ remunerazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u se tissottometti rapport fuq dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-7 ta’ Diċembru 2012, kif mitlub mill-Artikolu 39 (1) tar-Regolament. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll iktar soluzzjonijiet fit-tul għal din il-kwistjoni kif inhi vvalutata bħalissa f’ġurisdizzjonijiet oħrajn, inklużi l-Istati Uniti.

L-Artikolu 6b ma japplikax għall-klassifikazzjonijiet sovrani;

– L-Anness I, it-Taqsima C, il-punt 8 b’relazzjoni mal-Artikolu 7(4): ir-regoli dwar ir-rotazzjoni interna tal-persunal f’xi CRA ġew addattati biex jikkunsidraw l-Artikolu 6b ġdid. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu li l-analisti ewlenin tal-klassifikazzjoni ma għandhomx ikunu involuti fil-klassifikazzjoni tal-istess entità għal aktar minn erba’ (4) snin, b’tali mod li dawk l-analisti ma jitħallewx jiċċaqalqu lejn xi CRA oħra b’fajl ta’ xi klijent jew ieħor. Barra minn hekk, ir-regoli dwar ir-rotazzjoni interna huma pprovduti fil-każ li xi CRA tipprovdi klassifikazzjonijiet mhux solleċitati jew klassifikazzjonijiet sovrani;

– L-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3: ir-Regolament ma jħallix CRA toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu (jew jitlob lil dik is-CRA tiżvela li l-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tiġi affettwata) fejn hemm kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali maħluqa mill-involviment ta’ (barra -s-CRA u l-persunal tagħha, diġà koperti mir-regoli) persuni li għandhom iktar minn 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet għall-vot fis-CRA, jew inkella li qegħdin f’qagħda li jħaddmu influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tas-CRA, f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal investiment fl-entità kklassifikata, ikunu membru fuq il-bord tal-entità kklassifikata eċċ.;

– L-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 4: persuni li għandhom iktar minn 5 % mill-kapital jew mid-drittijiet għall-vot tas-CRA, jew inkella qegħdin f’qagħda li jħaddmu influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tas-CRA ma għandhomx jitħallew jipprovdu konsultazzjoni jew servizzi ta’ konsulenza lill-entità kklassifikata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, ir-responsabbiltajiet jew l-attivitajiet tal-entità kklassifikata.

3.4.4.     Emendi relatati mal-kxifta’ informazzjoni fuq il-metodoloġiji tas-CRAs, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjonijiet

Grupp ieħor ta’ emendi jsaħħaħ ir-regoli dwar il-kxif ta’ metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, bil-għan li jiġu inkoraġġiti proċessi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’saħħithom u, in fine, imtejba l-kwalità tal-klassifikazzjoni:

– L-Artikoli 8(5a), 8(6)(aa) u 22a(3): dawn id-dispożizzjonijiet proposti jistabbilixxu proċeduri għall-preparazzjoni ta’ metodoloġiji ġodda ta’ klassifikazzjoni jew il-modifika ta’ oħrajn diġà eżistenti. Jeħtieġu l-konsultazzjoni ma’ partijiet involuti dwar il-metodoloġiji l-ġodda jew it-tibdiliet proposti u l-ġustifikazzjoni tagħhom. Is-CRAs għandhom, barra minn hekk, iressqu l-metodoloġiji proposti lill-AETS għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti eżistenti. Il-metodoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biss ladarba jkunu ġew approvati mill-AETS. Ir-regoli jeħtieġu wkoll il-pubblikazzjoni tal-metodoloġiji l-ġodda flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata;

– L-Artikolu 8(7): kull CRA se tkun bl-obbligu li tikkoreġi l-iżbalji fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll tgħarraf lill-AETS, lill-entitajiet klassifikati u ġeneralment lill-pubbliku dwar l-iżbalji bħal dawn;

– L-Anness I, it-Taqsima D, il-Parti I, il-punt 2a: ir-rekwiżit biex tiġi pprovduta gwida fuq il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet li fuqhom imsejsa l-klassifikazzjonijiet huwa estiż minn prodotti ta' finanzjament strutturatta' finanzjament strutturat għal kull kategorija ta’ assi. Il-gwida pprovduta mis-CRAs għandha tkun ċara u li tinftiehem faċilment.

Obbligi oħrajn tas-CRAs li jberrħu huma msaħħa wkoll:

– L-Anness I, it-Taqsima D, il-Parti I, il-punt 3: din id-dispożizzjoni għandha x’taqsam mal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mis-CRAs lill-emittenti fuq ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom il-klassifikazzjoni jew il-prospett huma bbażati qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni jew tal-prospett, sabiex tingħata l-opportunità lill-entità kklassifikata li ssib kwalunkwe żball fil-klassifikazzjoni. Ir-regola proposta titlob li s-CRAs jgħarrfu lill-emittenti waqt il-ħinjiet tax-xogħol tal-entità klassifikata u mill-inqas jum wieħed sħiħ tax-xogħol qabel il-pubblikazzjoni. Din ir-regola tapplika għall-klassifikazzjonijiet kollha, sew jekk solleċitati jew le, u għal dawk prospetti;

– L-Anness I, it-Taqsima D, il-Parti I, il-punt 6: Is-CRAs għandhom jiżvelaw l-informazzjoni dwar l-entitajiet kollha jew l-istrumenti tad-dejn mressqa lilhom għall-ewwel reviżjoni tagħhom jew għall-klassifikazzjoni preliminarja. B’hekk, ir-regola l-ġdida testendi dan l-obbligu lil hinn mill-klassifikazzjonijiet ta’ prodotti ta' finanzjament strutturatta' finanzjament strutturat. Din l-emenda timplika t-tħassir korrispondenti tal-punt 4 fil-Parti II tat-Taqsima D tal-Anness I.

3.4.5.     Emendi relatati ma’ klassifikazzjonijiet sovrani

Regoli li japplikaw speċifikament għal klassifikazzjonijiet sovrani (il-klassifikazzjoni ta’ Stat, awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat jew ta’ strument li l-emittent tad-dejn jew tal-obbligu finanzjarju tiegħu hu xi Stat jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat) huma msaħħa b’mod partikolari, bil-għan ta’ titjib fil-kwalità ta’ klassifikazzjonijiet bħal dawn:

– L-Artikolu 8(5), it-tieni subparagrafu ġdid: Is-CRAs huma mitluba jivvalutaw l-klassifikazzjonijiet sovrani iktar ta’ spiss; kull sitt xhur minflok kull tnax-il xahar;

– L-Anness I, it-Taqsima D: il-Parti III ġdida fuq l-obbligi addizzjonali f’relazzjoni mal-preżentazzjoni tal-klassifikazzjonijiet sovrani hija miżjuda. Is-CRAs jridu b’mod partikolari jippubblikaw rapport ta’ riċerka komplut meta joħorġu u jemendaw il-klassifikazzjonijiet sovrani, sabiex jiġu mtejba t-trasparenza u l-fehim tal-utenti. Il-klassifikazzjonijiet sovrani għandhom ikunu ppubblikati biss wara l-għeluq tan-negozju u mill-inqas siegħa qabel il-ftuħ ta’ postijiet kummerċjali fl-UE;

– L-Anness I, it-Taqsima E, il-Parti III, il-punti 3 u 7: ir-regoli fuq il-pubblikazzjoni ta’ rapport ta’ trasparenza mis-CRAs huma msaħħa billi s-CRAs jiġu mitluba jkunu trasparenti rigward l-allokazzjoni tal-persunal għall-klassifikazzjonijiet ta’ kategoriji differenti ta’ assi (jiġifieri klassifikazzjonijiet sovrani, korporattivi, u ta’ finanza strutturata). Is-CRAs għandhom jipprovdu wkoll dejta disaggregata fuq id-dħul tagħhom, inkluża d-dejta fuq it-tariffi ġġenerati għall-kategoriji differenti ta’ assi. Din l-informazzjoni għandha tippermetti l-valutazzjoni safejn is-CRAs jużaw ir-riżorsi għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet sovrani.

3.4.6.     Emendi relatati mal-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u t-tariffi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

It-titjib tal-kompetizzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kif ukoll tal-kwalità tal-klassifikazzjonijiet huwa għan ieħor ta’ din il-proposta. Dan l-għan qed jiġi indirizzat partikolarment permezz tal-emendi li ġejjin, li jippromwovu l-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u jipprovdu għal iktar trasparenza rigward it-tariffi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu:

– L-Artikolu 11a: dan l-artikolu ġdid jitlob li s-CRAs jikkomunikaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom lill-AETS. Dan jiżgura li l-klassifikazzjonijiet kollha disponibbli għal strument tad-dejn jiġu ppubblikati fl-għamla ta’ Indiċi ta’ Klassifikazzjonijiet Ewropej (EURIX), għad-dispożizzjoni b’xejn tal-investituri;

– L-Artikolu 21(4a): dan il-paragrafu ġdid jagħti s-setgħa lill-AETS li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi, għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq skala ta’ klassisfikazzjoni armonizzata li trid tintuża mis-CRAs. Il-klassifikazzjonijiet kollha jkollhom bżonn jimxu fuq l-istess skala ta’ standards, u jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet ikunu jistgħu jitqabblu iktar faċilment mill-investituri. B’din id-dispożizzjoni il-EURIX tkun iktar utli għall-investituri u partijiet involuti oħrajn;

– L-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3a: it-tariffi ċċarġjati lill-klijenti mis-CRAs għall-provvedimentta’ klassifikazzjonijiet (u servizzi anċillari) ma għandhomx ikunu diskriminatorji (jiġifieri bbażati fuq il-kost attwali u l-kriterji ta’ trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet) u mhux ibbażati fuq kwalunkwe forma ta’ kontinġenza (jiġifieri ma jiddependux fuq ir-riżultat tax-xogħol li jkun sar). Din id-dispożizzjoni ġdida timmira wkoll biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess (p.eż. entitajiet ikklassifikati jistgħu jħallsu tariffi ogħla biex imbagħad jitpattielhom bi klassifikazzjonijiet favorevoli żżejjed);

– L-Anness I, it-Taqsima E, il-Parti II, il-punti 2(a) u 2(aa): il-punt 2(a) emendat jitlob li kull sena s-CRAs jgħaddu lill-AETS lista ta’ tariffi li jkun ħallas kull klijent, għall-klassifikazzjonijiet individwali u kull servizz anċillari. L-iżvelar tat-tariffi jikkompleta ruħu permezz tad-dispożizzjoni l-ġdida fil-punt 7 tal-Parti III tat-Taqsima E tal-Anness I deskritt hawn fuq. Il-punt 2(aa) ġdid jitlob li s-CRAs jiżvelaw ukoll mal-AETS il-politika tal-prezzijiet tagħhom, inklużi l-kriterji dwar il-prezzijiet b’relazzjoni mal-klassifikazzjonijiet għall-kategoriji differentital-assi.

Fl-aħħar nett, ir-regolament propost jitlob li l-AETS tieħu r-responsabbiltà għal xi ftit ta’ monitoraġġ rigward il-konċentrazzjoni tas-suq (cf. l-Artikolu 21(5)) u li l-Kummissjoni tħejji rapport dwar din il-kwistjoni (l-Artikolu 39(4)).

3.4.7.     Emendi relatati mar-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-investituri

Għalkemm din il-proposta għal Regolament għandha wkoll dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju ta’ serħan eċċessiv fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni (ara t-Taqsima 3.4.2 ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni), il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, sew jekk maħruġa għal finijiet regolatorji sew jekk le, fil-futur previdibbli se jkomplu jkollhom impatt fuq deċiżjonijiet ta’ investiment. Għalhekk, is-CRAs għandhom responsabbiltà importanti lejn l-investituri f’li tkun assigurata konformità mar-regoli ta-Regolament dwar is-CRA. Dan huwa rifless fl-Artikolu 35a propost tar-Regolament dwar is-CRAs li se jżomm responsabbli lil dik is-CRA li tikser, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ir-Regolament dwar is-CRAs u tikkawża ħsara lil xi investitur li jkun iddependa fuq klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ CRA bħal din, sakemm il-ksur in kwistjoni jkun affetwa l-klassifikazzjoni tal-kreditu.

3.4.8.     Emendi oħrajn

It-test tar-Regolament huwa addattat ukoll biex jiċċara xi obbligi fir-rigward ta’ CRAs “iċċertifikati” stabbiliti f’pajjiżi terzi. B’hekk, l-Artikoli 5(8), 11(2), 19(1) u 21(4)(e) tar-Regolament dwar is-CRAs huma skont dan emendati.

Il-lista ta’ ksur tar-regolamenti fl-Anness III u l-Artikolu 36a(2) tar-Regolament dwar is-CRAs ġew ukoll addattati skont it-tibdiliet l-oħra li saru fir-Regolament.

Sabiex ir-Regolament dwar is-CRAs jiġi konformi mat-terminoloġija tat-Trattat ta’ Lisbona, referenzi għall-“Komunità” jiġu sostitwiti b’referenzi għall-“Unjoni”.

3.4.9      Il-kwistjoni dwar l-Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni

Din il-proposta ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi aġenzija Ewropea tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Kif inhu mitlub mill-Parlament Ewropew fir-rapport tiegħu dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tat-8 ta’ Ġunju 2011 din l-alternattiva ġiet valutata bid-dettalji kollha fil-valutazzjoni tal-impatt mehmuż ma’ din il-proposta. Il-valutazzjoni tal-impatt sabet li anki jekk CRA ffinanzjata pubblikament jista’ jkollha xi benefiċċji billi żżid id-diversità ta’ opinjonijiet fis-suq tal-klassifikazzjonijiet u tipprovdi alternattiva għall-mudell ‘l-emittent iħallas’, ikun diffiċli jiġi indirizzat tħassib li jirrigwarda l-kunflitti ta’ interess u l-kredibbiltà, speċjalment jekk CRA bħal din tikklassifika d-dejn sovran. Madankollu, dawn is-sejbiet ma għandhom bl-ebda mod jiskoraġixxu atturi oħrajn milli jistabbilixxu aġenziji ġodda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-Kummissjoni se tkun qed tagħmel monitoraġġ biex tara safejn parteċipanti privati ġodda fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jġibu aktar diversità.

Għadd ta’ miżuri fil-proposta kurrenti għandhom jikkontribwixxu għal aktar diversità u għażla fl-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu:

– Ir-regola ta’ rotazzjoni proposta se ġġib magħha tibdil regolari fl-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u dan għandu jiftaħ is-suq tas-CRA għal parteċipanti ġodda; u

– Il-projbizzjoni proposta li għal perjodu ta' għaxar snin twaqqaf lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar milli jakkwistaw CRAs oħrajn.

Il-Kummissjoni qiegħda tesplora wkoll modi ta’ kif u safejn jistgħu jintużaw il-fondi tal-Unjoni biex jippromwovu l-ħolqien ta’ netwerks ta’ CRAs iżgħar li jippermettulhom jgħaqqdu r-riżorsi u jiġġeneraw effiċjenzi qawwija.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. Il-kompiti, partikularment, li jiġu fdati f’idejnl-AETS kif imsemmi fil-proposta mhux se jinvolvu fondi addizzjonali tal-UE.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar is-CRAs[11] jipprovdi li l-ispejjeż tal-AETS li huma meħtieġa għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tas-CRAs skont ir-Regolament għandhom jiġu koperti kollha minn tariffi li jiġu ċċarġjati l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

2011/0361 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[12],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[13],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu][14] jitlob li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonformaw mar-regoli ta’ mġiba sabiex jittaffew il-kunflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm, jiżgura l-kwalità għolja u t-trasparenza suffiċjenti tal-klassifikazzjonijiet u tal-proċess ta’ klassifikazzjonijiet. B’segwitu għall-emendi introdotti mir-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15], l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-AETS) ingħatat is-setgħa li tirreġistra u tissorvelja l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Din l-emenda tikkomplementa l-qafas regolatorju kurrenti għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Uħud mill-kwistjonijiet indirizzati (kunflitti ta’ interess minħabba l-mudell ‘l-emittent iħallas’, l-iżvelar fir-rigward ta’ strumenti finanzjament strutturat) ġew identifikati, iżda mhux solvuti għalkollox permez tar-regoli eżistenti. Il-bżonn li jiġu riveduti rekwiżiti ta’ trasparenza u ta' proċedura speċifikament għal klassifikazzjonijiet sovrana kien enfasizzat bil-kriżi tad-dejn sovran attwali.

(2) Fit-8 ta’ Ġunju 2011 il-Parlament Ewropew ħareġ riżoluzzjoni dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li fiha sejjaħ għal regolament mtejjeb dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu[16]. F’laqgħa informali tal-ECOFIN fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2010 l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għaraf li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, inkluż ir-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u r-riskju ta’ kunflitti ta’ interess li jirriżulta mill-mudell ta’ remunerazzjoni għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011 ikkonkluda li hemm bżonn li jsir progress biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

(3) Fil-livell internazzjonali fl-20 ta’ Ottubru 2010 l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board - FSB) approva uffiċjalment prinċipji biex titnaqqas id-dipendenza tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-klassifikazzjonijiet tas-CRAs. Dawk il-prinċipji ġew approvati uffiċjalment mis-Samit tal-G20 f'Seoul f’Novembru 2010.

(4) Ir-rilevanza tal-prospetti tal-klassifikazzjoni għall-investituri u l-emittenti u l-effetti tagħhom fuq is-swieq hija paragonabbli mar-rilevanza u l-effetti tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Għalhekk, ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li għandhom l-għan li jiżguraw li l-azzjonijiet ta’ klassifikazzjoni jkunu ħielsa mill-kunflitti ta’ interess, preċiżi u trasparenti, għandhom japplikaw ukoll għall-prospetti tal-klassifikazzjonijiet. Skont il-prattika superviżorja ta' bħalissa għadd mir-rekwiżiti tar-Regolament japplikaw għall-prospetti tal-klassifikazzjoni. Dan ir-Regolament jintroduċi definizzjoni ta’ prospetti ta’ klassifikazzjoni u jiċċara liema dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw għal prospetti bħal dawn. Dan għandu jiċċara r-regoli u jipprovdi ċertezza legali. Id-definizzjoni ta’ prospetti ta’ klassifikazzjoni skont dan ir-Regolametnt għandha tinkludi wkoll opinjonijiet li jirrigwardaw id-direzzjoni l-iktar probabbli li tieħu klassifikazzjoni tal-kreditu f'qasir żmien, li komunement jissejħu credit watches.

(5) L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu huma parteċipanti importanti fis-swieq finanzjarji. Bħala konsegwenza, l-indipendenza u l-integrità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħhom huma ta’ importanza partikolari biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tagħhom vis-à-vis il-parteċipanti tas-suq, b’mod partikulari l-investituri u utenti oħrajn tal-klassifikazzjonijiet. Ir-Regolament 1060/2009 jipprovdi li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikunu reġistrati u sorveljati minħabba li s-servizzi tagħhom għandhom impatt konsiderevoli fuq l-interess pubbliku. Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, għall-kuntrarju tar-riċerka fl-investiment, mhumiex sempliċiment opinjonijiet dwar valur jew prezz għal strument finanzjarju jew obbligu finanzjarju. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mhumiex sempliċiment analisti finanzjarji jew konsulenti dwar l-investiment. Il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għandhom valur regolatorju għal investituri regolati, bħalma huma istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni u investituri istituzzjonali oħrajn. Għalkemm l-inċentivi biex wieħed jiddependu b’mod eċċessiv fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu qed jonqsu, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għadhom imexxu l-għażliet ta’ investiment, partikularment minħabba assimetriji fl-informazzjoni u għal skopijiet ta’ effiċjenza. F’dan il-kuntest, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikunu indipendenti u pperċepiti bħala tali mill-parteċipanti fis-suq.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 diġà pprovda l-ewwel rawnd ta’ miżuri biex tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-indipendenza u l-integrità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħhom. L-għanijiet li tiġi żgurata l-indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li jiġi identifikat, ġestit u safejn hu possibbli, evitat kull kunflitt ta’ interess li jista' jitqajjem kienu diġà fil-bażi ta’ bosta dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament fl-2009. Filwaqt li jipprovdu bażi soda, ir-regoli eżistenti ma għandhomx jidhru li kellhom impatt suffiċjenti f’dan ir-rigward. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għadhom mhumiex ipperċipiti bħala atturi suffiċjentement indipendenti. L-għażla u r-remunerazzjoni tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-entità klassifikata (il-mudell ‘l-emittent iħallas’) huma sors inerenti ta’ kunflitti ta’ interess, li mhumiex indirizzati b’mod suffiċjenti mir-regoli eżistenti. Skont dan il-mudell, hemm inċentivi għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biex joħorġu klassifikazzjonijiet ta’ kompjaċenza fuq l-emittent sabiex jakkwistaw relazzjoni ta’ negozju fit-tul b'garanzija ta’ dħul ta’ flus jew sabiex jiżguraw xogħol u dħul addizzjonali. Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-entitajiet ikklassifikati jistgħu jikkawżaw kunflitti ta’ interess li mhumiex trattati b’mod suffiċjenti permezz tar-regoli eżistenti. Bħala riżultat, klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa skont il-mudell ‘l-emittent iħallas’ jistgħu jiġu perċepiti iktar bħala klassifikazzjonijiet tal-kreditu adatti għall-emittent milli klassifikazzjonijiet tal-kreditu meħtieġa mill-investitur. Mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet tar-rapport li jrid jitressaq mill-Kummissjoni dwar il-mudell ‘l-emittent iħallas’ sa Diċembru 2012 skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza li japplikaw għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu sabiex jiżdied il-livell ta’ kredibbiltà tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa taħt il-mudell ‘l-emittent iħallas’.

(7) Is-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu juri li, tradizzjonalment, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u entitajiet klassifikati jidħlu għal relazzjonijiet fit-tul. Dan iqajjem it-theddida tal-familjarità, għaliex l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tissimpatizza żżejjed max-xewqat tal-entità klassifikata. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-imparzjalità tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ ssir dubjuża maż-żmien. Tabilħaqq, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mibgħuta u mħallsa minn emittent korporattiv jingħataw l-inċentiv biex joħorġu klassifikazzjonijiet favorevoli żżejjed fuq dik l-entità klassifikata jew fuq l-istrumenti tad-dejn tagħha sabiex ir-relazzjoni tan-negozju tinżamm ma’ emittent bħal dan. L-emittenti huma wkoll suġġetti għal inċentivi li jiffavorixxu relazzjonijiet fit-tul, bħalma hu l-effett lock-in: emittent jista’ ma jibdilx l-aġenzija tal- klassifikazzjoni tal-kreditu minħabba li dan jista’ jqajjem tħassib fl-investituri fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittent. Din il-problema diġà kienet ġiet identifikata fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, li rrikjeda li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu japplikaw mekkaniżmu ta’ rotazzjoni li jipprovdi bidliet gradwali permezz ta' gruppi analitiċi u ta' kumitati tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu sabiex l-indipendenza tal-analisti tal-klassifikazzjoni u l-persuni li japprovaw l-klassifikazzjoni tal-kreditu ma tkunx kompromessa. Madankollu, is-suċċess ta’ dawk ir-regoli kien jiddependi ħafna minn soluzzjoni ta’ mġiba interna fl-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu: l-indipendenza u l-professjonalità attwali tal-impjegati tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-interessi kummerċjali tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu nnifisha. Dawn ir-regoli ma kinux mfassla biex jagħtu garanzija b’mod suffiċjenti lejn partijiet terzi sabiex il-kunflitti ta’ interess li tqajmu mir-relazzjoni fit-tul jittaffew jew jiġu evitati. Għaldaqstant jidher li huwa meħtieġ li jkun hemm provdiment għal rispons strutturali li jkollu impatt ogħla fuq il-partijiet terzi. Dan jista’ jintlaħaq b’mod effettiv billi jiġi limitat il-perjodu li matulu aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tipprovdi kontinwament klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-istess emittent jew fuq l-istrumenti tad-dejn tiegħu. L-iffissar ta’ tul taż-żmien massimu fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-emittent li huwa klassifikat jew li ħareġ l-istrumenti tad-dejn klassifikati u l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jneħħi l-inċentiv għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet favorevoli fuq dak l-emittent. Barra minn hekk, ir-rekwiżit għar-rotazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bħala prattika tas-suq normali u regolari għandha wkoll tindirizza b’mod effettiv l-effett lock-in, fejn emittent ma jibdilx l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ladarba dan iħasseb lill-investituri fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittent. Fl-aħħar nett, ir-rotazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jkollha effetti pożittivi fuq is-suq tal-klassifikazzjoni għax tiffaċilita d-dħul ġdid ta’ parteċipanti fis-suq u toffri lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu eżistenti l-opportunità li jestendu n-negozju tagħhom lejn oqsma ġodda.

(8) Rotazzjoni regolari tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li joħorġu klassifikazzjonijiet ta’ kreditu fuq l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu għandha ġġib iktar diversità fl-evalwazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittent li jagħżel u jħallas dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Fehmiet, perspettivi u metodoloġiji multipli u differenti applikati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jipproduċu iktar klassifikazzjonijiet tal-kreditu diversi u fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittenti. Sabiex din id-diversità jkollha rwol u biex tiġi evitata l-kompjaċenza kemm tal-emittent u kemm tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, it-tul taż-żmien massimu tar-relazzjoni ta’ negozju bejn l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-emittent li jħallas irid jiġi ristrett għal livell li jiggarantixxi daqqa t’għajn friska u regolari lejn l-affidabbiltà kreditizja tal-emittenti. Għalhekk, perjodu ta’ tliet snin għandu jkun xieraq, meta jiġi kkunsidrat ukoll il-bżonn li jkun hemm ċerta kontinwità fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess jiżdied f’sitwazzjonijiet fejn l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu toħroġ ta’ spiss klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq strumenti tad-dejn tal-istess emittent fi żmien qasir. F’dawk il-każijiet, it-tul taż-żnien massimu tar-relazzjoni ta’ negozju għandu jkun iqsar biex jiggarantixxi riżultati simili. Għalhekk, ir-relazzjoni ta’ negozju għandha tieqaf wara li klassifikazzjoni tal-kreditu tkun ikklassifikat għaxar strumenti tad-dejn tal-istess emittent. Madankollu, sabiex l-impożizzjoni ta’ piż sproporzjonat fuq l-emittenti u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tiġi evitata, ma għandu jiġi impost l-ebda rekwiżit biex tinbidel aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fl-ewwel 12-il xahar tar-relazzjoni ta’ negozju. Fejn emittent jordna aktar minn aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, sew jekk minħabba li bħala emittent ta’ strumenti finanzjarji strutturati huwa jkun obbligat li jagħmel dan, jew fuq bażi volontarja, għandha tkun suffiċjenti li l-perjodi stretti ta’ rotazzjoni japplikaw biss għal waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Iżda, anki f’dan il-każ, ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-emittent u l-aġenziji addizzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jaqbżu l-perjodu ta’ sitt xhur.

(9) Ir-regola li titlob ir-rotazzjoni ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu teħtieġ tiġi msaħħa b’mod kredibbli sabiex tkun sinifikanti. Ir-regola ta’ rotazzjoni ma tilħaqx l-għanijiet tagħha jekk l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena titħalla tipprovdi għal darb’oħra servizzi ta’ klassifikazzjoni lill-istess emittent fi żmien qasir wisq. Għalhekk, huwa importanti li jiġi provdut perjodu xieraq ta’ żmien li matulu aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bħal din ma tingħatax mandat mill-istess emittent biex tipprovdi servizzi ta’ klassifikazzjoni. Dak il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed biex iħalli ’l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol fix-xena tipprovdi b’mod effettiv is-servizzi ta’ klassifikazzjoni tagħha lill-emittent, sabiex tiżgura li l-emittent jiġi espost verament għal skrutinju ġdid b’approċċ differenti u biex tiżgura li l- klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu l-ġdida jipprovdu kontinwità suffiċjenti. Dak il-perjodu għandu jagħti lok li l-emittent ma jserraħx fuq arranġamenti komdi ma’ żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biss li jissostitwixxu lil xulxin fuq bażi kontinwa, għax dan jista’ jwassal biex titħalla t-theddida tal-familjarità. Għalhekk, ġeneralment, għandu jkun issettjat għal erba’ snin il-perjodu li matulu ma għandhiex tipprovdi servizzi ta’ klassifikazzjoni lill-emittent dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena.

(10) It-tibdil tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu inevitabbilment iżżid ir-riskju li l-għarfien dwar l-entità klassifikata akkwistat mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni li toħroġ mix-xena jintilef. Bħala riżultat, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol fix-xena jkollha tagħmel sforzi konsiderevoli biex takkwista l-għarfien meħtieġ biex twettaq il-ħidma tagħha. Madankollu, għandha tiġi żgurata tranżizzjoni bla intoppi billi jiġi stabbilit rekwiżit fuq l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena biex l-informazzjoni rilevanti dwar l-entità jew strumenti klassifikati tiġi trasferita lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol fix-xena.

(11) L-eżiġenza li l-emittenti jbiddlu regolarment l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li huma jqabbdu biex toħroġ il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq. Dan ir-rekwiżit japplika biss għal ċerti istituzzjonijiet regolati (aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati) li jipprovdu servizz li jaffettwa l-interess tal-pubbliku (klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jistgħu jintużaw għal skopijiet regolatorji) taħt ċerti kondizzjonijiet (il-mudell ‘l-emittent iħallas’). Il-privileġġ li jkollha s-servizzi tagħha rikonoxxuti bħala li jaqdu rwol importanti fir-regolament tas-suq tas-servizzi finanzjarji u li tkun approvata biex twettaq din il-funzjoni jġib miegħu l-ħtieġa li jkunu rrispettati ċerti obbligi biex jiggarantixxu l-indipendenza u l-perċezzjoni tal-indipendenza fiċ-ċirkustanzi kollha. Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tinżamm milli tipprovdi servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lil xi emittent partikulari xorta tkun titħalla tipprovdi klassifikazzjonijiet tal-kreditu lil emittenti oħrajn. F’kuntest ta’ suq fejn ir-regola tar-rotazzjoni tapplika għall-atturi kollha, se jkun hemm opportunitajiet ta’ negozju minħabba li l-emittenti kollha jkollhom bżonn ibiddlu l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu dejjem jistgħu joħorġu klassifikazzjonijiet tal-kreditu mhux solleċitata lill-istess emittent, waqt li jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza tagħhom. Klassifikazzjonijiet mhux solleċitati mhumiex marbutin mal-mudell ‘l-emittent iħallas’u għahekk huma affettwati inqas minn kunflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm. Għall-emittenti, it-tul massimu taż-żmien f’relazzjoni ta‘negozju ma’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew ir-regolament dwar l-impieg ta’ iktar minn aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jirrappreżenta wkoll restrizzjoni fuq il-libertà tagħhom li jmexxu n-negozju tagħhom stess. Madankollu, din ir-restrizzjoni hija meħtieġa għal raġunijiet ta’ interess pubbliku meta wieħed iqis l-interferenza tal-mudell ‘l-emittent iħallas’fuq l-indipendenza meħtieġa tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biex jiżguraw klassifikazzjonijiet tal-kreditu indipendenti li jistgħu jintużaw minn investituri għal skopijiet regolatorji. Fl-istess ħin, dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ u għandu jidher aktar bħala element li jkattar l-affidabbiltà kreditizja tal-emittent lejn partijiet oħrajn, u fl-aħħar mill-aħħar lejn is-suq.

(12) Waħda mill-ispeċifiċitajiet ta’ klassifikazzjonijiet sovrani hi li l-mudell ‘l-emittent iħallas’ ġeneralment ma japplikax. Minflok, il-biċċa l-kbira tal-klassifikazzjonijiet jinħadmu bħala klassifikazzjonijiet mhux solleċitati, billi jipprovdu l-bażi, kemm solleċitata u kemm mhix tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, mhux meħtieġ li tiġi mitluba r-rotazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li joħorġu klassifikazzjonijiet sovrani.

(13) L-indipendenza ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis entità klassifikata tiġi affettwata wkoll minn kunflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm bejn kwalunkwe azzjonist sinifikanti tagħha u l-entità klassifikata: Azzjonist ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tkun membru ta’ bord amministrattiv jew superviżorju ta’ entità klassifikata jew xi parti terza relatata. Ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 indirizzaw sitwazzjoni ta’ dan it-tip biss fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess ikkawżati minn analisti li jikklassifikaw, persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew impjegati oħrajn tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, ir-Regolament baqa’ sieket fir-rigward ta’ kunflitti potenzjali li jista’ jkun hemm ikawżati minn azzjonisti jew membri ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Bil-għan li titjieb il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet klassifikati, huwa xieraq li jiġu estiżi r-regoli eżistenti li japplikaw għall-kunflitti ta’ interess ikkawżati mill-impjegati tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu wkoll għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fl-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tastjeni milli toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu, jew għandha tiżvela li l-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tiġi affettwata, fejn azzjonist jew membru li jkollhom 10 % tad-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija jkun ukoll membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità klassifikata jew ikun investa fl-entità klassifikata. Barra minn hekk, fejn azzjonist jew membru jkun f’qagħda li jinfluwenza b’mod sinifikanti l-attività tan-negozju tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, dik il-persuna ma għandhiex tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni lill-entità klassifikata jew parti terza relatata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali tagħha, l-assi, l-obbligazzjonijiet jew l-attivitajiet tagħha.

(14) Ir-regoli fuq l-indipendenza u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess jistgħu jsiru ineffettivi jekk l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma jkunux indipendenti minn xulxin. Għadd ġmielu ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, mhux konnessi la mal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena f’każ ta’ rotazzjoni u lanqas mal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tipprovdi servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu b’mod parallel lill-istess emittent, huwa meħtieġ biex dawk ir-regoli jiġu applikati b’mod fattibbli. Fin-nuqqas ta’ għażla suffiċjenti ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-emittent fis-suq kurrenti, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza tirriskja li ma tibqax effettiva. Għalhekk, huwa xieraq li tintalab separazzjoni stretta bejn l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena minn dik li tidħol fiha f’każ ta’ rotazzjoni kif ukoll taż-żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jipprovdu servizzi ta’ klassifikazzjoni b’mod parallel mal-istess emittent. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kkonċernati ma għandhomx ikunu marbuta ma’ xulxin permezz tal-kontroll, billi jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, billi jkunu azzjonisti jew membri jew ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot fi kwalunkwe aġenzija oħra jew billi jkunu jistgħu jaħtru membri fuq il-bordijiet tal-amministrazzjoni, ġestjoni jew superviżjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu l-oħra.

(15) Il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun affettwata partikularment jekk l-istess azzjonisti jew membri jkunu qed jinvestu f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu differenti li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għallinqas jekk dan l-investiment jilħaq ċertu daqs li jista’ jippermetti lil dawn l-azzjonisti jew membri jeżerċitaw ċerta influwenza fuq in-negozju tal-aġenzija. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza (u l-perċezzjoni tal-indipendenza) tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, huwa xieraq li jkun hemm regoli iktar stretti fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-azzjonisti tagħhom. Għal din ir-raġuni, ebda persuna ma għandha simultanjament ikollha parteċipazzjoni ta’ 5 % jew aktar f’aktar minn aġenzuja waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, sakemm l-aġenziji kkonċernati jkunu jappartjenu għall-istess grupp.

(16) L-għan li biex tiġi żgurata indipendenza suffiċjenti tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jimplika li l-investituri ma għandux ikollhom investimenti simultanji ta’ 5 % jew aktar f’aktar minn aġenzija waħda tal-kreditu. Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ[17] tesiġi li dawk il-persuni li jikkontrollaw 5 % tad-drittijiet tal-vot fir-riżultati ta’ kumpanija kkwotata fil-Borża għandhom jiżvelawha fil-pubbliku, minħabba, inter alia, l-interess għall-investituri biex ikunu jafu dwar tibdiliet fl-istruttura tal-votazzjoni ta’ kumpanija tali. Ħamsa fil-mija (5 %) tad-drittijiet tal-voti huma meqjusa għalhekk bħala sehem kbir li kapaċi jinfluwenza l-istruttura tal-votazzjoni f’kumpanija. Huwa għalhekk xieraq li jintuża l-livell tal-5 % għall-finijiet li jkun ristrett investiment simultanju f’aktar minn aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Din il-miżura ma titstax titqies bħala sproporzjonata meta jitqies li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati kollha fl-Unjoni huma kumpaniji li mhumiex elenkati fil-Borża u għalhekk mhumiex suġġetti għar-regoli proċedurali u ta’ trasparenza li japplikaw għall-kumpaniji elenkati fl-UE. Spiss kumpaniji mhux elenkati huma mmexxija minn protokolli jew ftehim tal-azzjonisti u n-numru ta’ azzjonisti jew membri huwa normalment baxx. Għalhekk, anki pożizzjoni minuri f’aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li mhix elenkata tista’ tkun ta’ influwenza. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li investimenti purament ekonomiċi f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għadhom possibbli, din il-limitazzjoni ta’ investimenti simultanji f’iktar minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda ma għandhiex tiġi estiża għall-investimenti li jsiru permezz ta’ skemi ta’ investiment kollettivi ġestiti minn partijiet terzi indipendenti mill-investitur u mhux suġġetti għall-influwenza tiegħu jew tagħha.

(17) Ir-regoli l-ġodda li jillimitaw it-tul tar-relazzjoni tan-negozju bejn emittent u l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jagħti tifsila ġdida sinifikanti lis-suq ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fl-Unjoni, li llum għadu fil-parti l-kbira tiegħu kkonċentrat. Ikun hemm opportunitajiet ġodda ta’ suq għal aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu żgħar jew ta’ daqs medju, li jkollhom bżonn jiżviluppaw biex jieħdu f’idejhom dawk l-impenji fl-ewwel snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda. Huwa probabbli li dawk l-iżviluppi jġibu diversità ġdida fis-suq. Madankollu, l-għanijiet u l-effettività tar-regoli l-ġodda jkunu fil-biċċa l-kbira fil-periklu jekk, matul dawk is-snin tal-bidu, aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kbar u stabbiliti jżommu lill-kompetituri tagħhom milli jiżviluppaw alternattivi kredibbli billi jakkwistawhom. Iktar konsolidazzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mmexxija minn atturi kbar u stabbiliti tirriżulta fi tnaqqis tan-numru ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati u disponibbli, u b’hekk jinħolqu diffikultajiet ta’ għażla għall-emittenti fil-mument li fih jeħtieġu jaħtru regolarment xi aġenzija ġdida tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda jew iktar u jiġi mfixkel il-funzjonament bla intoppi tar-regoli l-ġodda. Iktar importanti minn hekk, il-konsolidazzjoni mmexxija minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kbar u stabbiliti tostakola b’mod partikolaril-iżvilupp ta’ iktar diversità fis-suq.

(18) L-effettività tar-regoli fuq l-indipendenza u l-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess li jesiġu li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jipprovdu għal perjodu twil ta’ żmien servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lill-istess emittent tista’ tkun imminata jekk l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jitħallew isiru direttament jew indirettament azzjonisti jew membri ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra.

(19) Huwa importanti jiġi żgurat li l-modifiki fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni ma jirriżultawx f’metodoloġiji inqas rigorużi. Għal dak il-għan, l-emittenti, l-investituri u partijiet interessati oħrajn għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar kwalunkwe tibdil intenzjonat fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni. Dan jgħinhom jifhmu r-raġunijiet wara l-metodoloġiji l-ġodda u t-tibdil li jkun sar. Il-kummenti provduti mill-emittenti u l-investituri dwar l-abbozz ta’ metodoloġiji jistgħu jkunu ta’ kontribut siewi għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fid-definizzjoni tal-metodoloġiji. Barra minn hekk, l-AETS għandha tivverifika u tikkonferma l-konformità ta’ metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni ġodda mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-istandard regolatorju tekniku rilevanti qabel ma l-metodoloġiji jiġu applikati fil-prattika. L-AETS għandha tivverifika li l-metodoloġiji proposti huma rigorużi, sistematiċi, kontinwi u soġġetti għal validazzjoni bbażata fuq l-esperjenza storika, fosthom il-back-testing. Iżda dan il-proċess tal-verifika ma għandux jagħti lill-AETS kull poter li tiġġudika kemm tkun xierqa l-metodoloġija proposta jew il-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu wara l-applikazzjoni tal-metodoloġiji.

(20) Minħabba l-kumplessità ta’ strumenti ta' finanzjament strutturatta' finanzjament strutturat, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mhux dejjem irnexxielhom jiżguraw kwalità għolja ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fuq strumenti bħal dawn. Dan wassal għal telf ta’ kunfidenza tas-suq f’dan it-tip ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Sabiex terġa’ tikseb il-kunfidenza jkun xieraq li l-emittenti jew il-partijiet terzi tagħhom jintalbu jinvolvu żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu differenti biex jipprovdu klassifikazzjoni tal-kreditu fuq strumenti ta' finanzjament strutturatta' finanzjament strutturat, li jistgħu jwasslu għal valutazzjonijiet differenti u kontra xulxin. Dan inaqqas ukoll id-dipendenza żejda fuq klassifikazzjoni tal-kreditu waħda.

(21) Id-Direttiva xxxx/xx/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-kumpaniji ta’ investiment[18] introduċiet dispożizzjoni li titlob li ’l-banek u ’l-kumpaniji tal-investiment jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu ta’ entitajiet u strumenti finanzjarji li fihom jinvestu huma stess u mhux sempliċiment jistrieħu f’dan ir-rigward fuq klassifikazzjonijiet esterni. Din ir-regola għandha tiġi estiża għal kumpaniji finanzjarji regolati taħt il-liġi tal-Unjoni, inklużi l-ġesturi tal-investiment. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu intitolati li jimponu regoli li jippermettu dipendenza iktar stretta ta’ dawn l-investituri fuq il-klassifikazzjonijiet esterni.

(22) Barra minn hekk, il-possibiltajiet tal-investituri li jagħmlu valutazzjoni infurmata tal-affidabbiltà kreditizja ta’ strumenti ta' finanzjament strutturat jitjiebu jekk l-investituri jiġu pprovduti b’informazzjoni suffiċjenti dwar dawn l-istrumenti. Dan inaqqas id-dipendenza tal-investituri fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, hemm il-probabbiltà li l-iżvelar ta’ informazzjoni rilevanti dwar strumenti ta' finanzjament strutturat jsaħħaħ il-kompetizzjoni bejn l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għax jista’ jwassal għal żieda fin-numru ta’ klassifikazzjonijiet mhux solleċitati.

(23) L-investituri, l-emittenti u partijiet interessati oħrajn għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-klassifikazzjoni fuq paġna elettronika ċentrali. Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX) stabbilit mill-AETS għandu jippermetti lill-investituri biex faċilment iqabblu l-klassifikazzjonijiet kollha li jeżistu fir-rigward ta’ entità speċifika klassifikata u jipprovdihom bi klassifikazzjonijiet medji. Biex l-investituri jkunu jistgħu jqabblu l-klassifikazzjonijiet fuq l-istess entità maħruġa minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu differenti huwa meħtieġ li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jużaw skala ta’ klassifikazzjoni armonizzata, żviluppata mill-AETS u adottata mill-Kummissjoni bġala standard tekniku regolatorju. L-użu tal-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata għandha tkun mandatorja biss għall-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjonijiet fuq il-webpage tal-EURIX filwaqt li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikunu ħielsa li jużaw l-iskali tagħhom ta’ klassifikazzjoni meta jippubblikaw il-klassifikazzjonijiet fuq il-websajts tagħhom stess. L-użu mandatorji ta’ skala tal-klassifikazzjoni armonizzata ma għandux ikollhom effett armonizzat fuq il-metodoloġiji u l-proċessi tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda għandu jkun limitat biex ir-riżultat tal-klassifikazzjoni jkun jista’ jitqabbel. Huwa importanti li l-webpage tal-EURIX turi, b’żieda mal-indiċi tal-klassifikazzjoni aggregat, il-klassifikazzjonijiet kollha disponibbli skont l-instrument biex l-investituri jkunu jistgħu jikkonsidraw il-varjetà sħiħa tal-opinjonijiet qabel ma jieħdu d-deċiżjoni tagħhom ta’ investiment. L-indiċi tal-klassifikazzjoni aggregat jista’ jgħin lill-investituri biex jiksbu l-ewwel indikazzjoni tal-kreditizja ta’ entità. Il-EURIX għandu jgħin aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda u iżgħar biex jiksbu l-viżibbiltà. L-Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni jikkomplimenta l-informazzjoni dwar dejta storika ta’ prestazzjoni li trid tiġi ppubblikata minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fir-repożitorju ċentrali tal-AETS. Il-Parlament Ewropew appoġġa l-istabbiliment ta’ Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni bħal dan fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tat-8 ta’ Ġunju 2011[19].

(24) Klassifikazzjonijiet tal-kreditu, kemm jekk maħruġa għal skopijiet regolatorji jew le, għandhom impatt sinifikanti fuq deċiżjonijiet ta’ investiment. Għalhekk, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom responsabbiltà importanti lejn l-investituri billi jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 sabiex il-klassifikazzjonijiet tagħhom ikunu indipendenti, oġġettivi u ta’ kwalità adegwata. Madankollu, fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-investitur, l-investituri mhumiex dejjem f’qagħda li jinforzaw ir-responsabbiltà tal-aġenzija lejhom. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm provvediment għal dritt adegwat ta’ rimedju għall-investituri li qagħdu fuq klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa bi ksur tar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. L-investitur għandu jkun kapaċi jżomm lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata minn ksur ta’ dak ir-Regolament li kellu impatt fuq ir-riżultat tal-klassifikazzjoni. Ksur li ma għandux impatt fuq ir-riżultat tal-klassifikazzjoni, bħall-ksur ta’ obbligi ta’ trasparenza, ma għandux iqanqal talbiet I għal riżarċiment minħabba responsabbiltà ċivili.

(25) L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jinżamu responsabbli biss jekk jiksru intenzjonalment jew minħabba negliġenza sejra kwalunkwe obbligu impost fuqhom mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Dan l-istandard ta’ tort ifisser li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jaffaċċjaw talbiet għal riżarċiment jekk jittraskuraw l-obbligi individwali taħt ir-Regolament mingħajr ma jinjoraw d-dmirijiet tagħhom b’mod serju. Dan l-istandard ta’ tort huwa xieraq għax l-attività tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tinvolvi ċertu ammont ta’ valutazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi kumplessi u l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji differenti tista’ twassal għal riżultati ta’ klassifikazzjonijiet differenti, li l-ebda waħda minnhom ma tista’ tkun kwalifikata bħala inkorretta.

(26) Huwa importanti li l-investituri jiġu pprovduti bid-dritt effettiv għal rimedju kontra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Billi l-investituri ma għandhomx għarfien mill-qrib tal-proċeduri interni fi ħdan l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu revoka parzjali tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ xi ksur u l-impatt tal-ksur fuq ir-riżultati tal-klassifikazzjonijiet jidher li jkun xieraq jekk l-investitur ikollu każ raġonevoli favur l-eżistenza ta’ ksur bħal dan. Madankollu, l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ xi dannu u l-kawżalità tal-ksur għad-dannu, ladarba t-tnejn huma eqreb l-isfera tal-investitur, għandu jkun kollu kemm hu fuq l-investitur.

(27) Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ċivili ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li mhumiex koperti b’dan ir-regolament, kwistjonijiet bħal dawn għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli determinata mir-regoli rilevanti tal-Liġi Privata Internazzjonali. Il-qorti kompetenti li tiddeċiedi dwar talba għar-riżarċiment minħabba responsabbiltà ċivili miġjuba minn investitur għandha tkun determinata mir-regoli rilevanti tal-Ġurisdizzjoni Internazzjonali.

(28) Il-fatt li investituri istituzzjonali inklużi ġesturi tal-investiment huma obbligati jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi ma għandux iwaqqaf il-qrati milli jsibu li l-ksur ta’ dan ir-Regolament minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kkawża dannu lill-investitur li għalih dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija responsabbli. Waqt illi dan ir-Regolament se jtejjeb il-possibbiltajiet tal-investituri biex jagħmlu valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess se jkompli jkollhom iktar aċċess limitat għall-informazzjoni mill-aġenziji tal-kreditu nfushom. Barra minn hekk, partikularment investituri iżgħar spiss se jkun jonqoshom il-kapaċità għal reviżjoni kritika ta’ klassifikazzjoni esterna provduta minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

(29) Sabiex ikomplu jittaffew il-kunflitti ta’ interess u tiġi faċilitata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, huwa importanti jiġi żgurat li t-tariffi ċċarġjati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu lill-klijenti ma jkunux diskriminatorji. Id-differenzi fit-tariffi ċċarġjati għall-istess tip ta’ servizz għandu jkun ġustifikabbli biss minn differenza fil-kost attwali biex ikun provdut dan is-servizz lil klijenti differenti. Barra minn hekk, it-tariffi ċċarġjati għal servizzi ta’ klassifikazzjoni lil xi emittent speċifiku ma għandhomx jiddependu fuq ir-riżultati tax-xogħol li jkun sar jew fuq il-provvediment ta’ servizzi relatati (anċillari). Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ sseħħ is-superviżjoni effettiva ta’ dawk ir-regoli, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tiżvela lill-AETS it-tariffi riċevuti minn kull wieħed mill-klijenti tagħhom kif ukoll il-politika ġenerali dwar il-prezz li jitolbu.

(30) Sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet sovrani kredibbli u aġġornati u biex jiġi faċilitat il-fehim tal-utenti, huwa importanti li l-klassifikazzjonijiet jiġu riveduti regolarment. Huwa importanti wkoll li jiżdiedu t-trasparenza dwar ix-xogħol ta’ riċerka mwettaq, il-persunal allokat għat-tħejjija tal-klassifikazzjonijiet u s-suppożizzjonijiet sottostanti wara l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu magħmula mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mad-dejn sovran.

(31) Ir-regoli kurrenti diġà jipprovdu għal klassifikazzjonijiet li jridu jitħabbru lill-entità klassifikata 12-il siegħa qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Sabiex jiġi evitat li din in-notifika ssir barra l-ħinijiet tax-xogħol u sabiex l-entità klassifikata jitħallielha biżżejjed ħin biex tivverifika l-korrettezza tad-dejta li fuqha msejsa l-klassifikazzjoni, għandu jiġi ċċarat li l-entità klassifikata għandha tiġi notifikata jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni jew ta’ prospett ta’ klassifikazzjoni.

(32) Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ klassifikazzjonijiet sovrani u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-volatilità, huwa xieraq li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jintalbu jippubblikaw biss dawn il-klassifikazzjonijiet wara l-għeluq tan-negozju tal-postijiet tal-kummerċ stabbiliti fl-Unjoni u talanqas siegħa qabel ma jiftħu.

(33) Standards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw protezzjoni adegwata tad-depożituri, l-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bl-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika, biex jitressqu quddiem il-Kummissjoni.

(34) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS li jirrigwardaw il-kontenut tal-fajl tal-handover meta aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tiġi sostitwita minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra, il-kontenut, il-frekwenza u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni pprovduti mill-emittenti fuq strumenti ta' finanzjament strutturat, l-armonizzazzjoni tal-iskala ta’ klassifikazzjoni standard li jridu jintużaw mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inklużi l-istruttura, il-format, il-metodu u ż-żmien tar-rappurtar, li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiżvelaw lill-AETS b’relazzjoni mal-EURIX u l-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku fuq it-tariffi ċċarġjati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-iskopijiet ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-istandards permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat u skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(35) Ir-Regolament (UE) Nru 1060/2009 jippermetti li l-klassifikazzjonijiet maħruġa f'pajjiżi terzi jintużaw għal skopijiet regolatorji fil-każ li dawn jinħarġu minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu skont l-Artikolu 5 jew li jkunu approvati minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu stabbiliti fl-Unjoni skont l-Artikolu 4 (3) ta' dak ir-Regolament. Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun adotatt deċiżjoni ta' ekwivalenza fir-rigward tar-reġim regolatorju tal-pajjiż terz għal aġenziji tal-klassifkazzjoni tal-kreditu u l-approvazzjoni tirrikjedi li l-mġiba tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-pajjiż terz tissodisfa r-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs ir-regoli relevanti tal-UE. Uħud mid-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-valutazzjoni dwar l-ekwivalenza u dwar l-approvazzjoni: Dan huwa l-każ għal dawk id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu biss obbligi fuq l-emittenti iżda mhux fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, l-artikoli relatati mal-istruttura tas-suq tal-klassifikazzjoni fi ħdan l-UE aktar milli mal-istabbiliment tar-regoli ta' mġiba għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jitqiesu f'dan il-kuntest. Sabiex il-pajjiżi terzi jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġoranw l-oqfsa regolatorji tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi ġodda li fadal, dawn tal-aħħar għandhom japplikaw biss għall-iskop tal-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza u tal-approvazzjoni b'seħħ mill-1 ta' Ġunju 2014. Huwa ta' importanza f'dan ir-rigward li jitfakkar li reġim regolatorju ta' pajjiż terz ma għandux regoli identiċi bħal dawk stipulati f'dan ir-Regolament. Kif diġà stipulat fir-Regolament Nru 1060/2009, sabiex reġim jitqies ekwivalenti jew strett daqs ir-reġim regolatorju tal-UE għandu jkun biżżejjed li pajjiż terz jikseb l-istess oġġettivi u l-effetti fil-prattika.

(36) Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-promozzjoni ta’ proċessi u metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu b’saħħithom, it-teħfif tar-riskji assoċjati ma’ klassifikazzjonijiet sovrani, it-tnaqqis tar-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn parteċipanti tas-suq, u l-assigurazzjoni ta’ dritt għar-rimedju lill-investituri, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti f’livell ta’ Stat Membru u għalhekk jistgħu, minħabba l-istruttura pan-Ewropea u l-impatt tal-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jridu jiġu moniterjati, jinkisbu aħjar f’livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ taddotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu jiġi emendat skont dan,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)          L-Artikolu 1 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ regolatorju komuni sabiex itejjeb l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u l-affidabbiltà ta’ attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, li jikkontribwixxi għall-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern filwaqt illi jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u għall-investitur. Jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu u regoli dwar l-organizzazzjoni u l-imġiba tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, inklużi l-azzjonisti u l-membri tagħhom, għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-investitur.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll obbligi għall-emittenti, oriġinaturi u sponsers stabbiliti fl-Unjoni fir-rigward tal-istrumenti ta' finanzjament strutturat.”

(2)          fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(3)          L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-punt (g), “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(b)     fil-punt (m), “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(c)     il-punti li ġejjin huma miżjuda:

'(s)     “emittent” tfisser emittent kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE;

(t)      “oriġinatur” tfisser oriġinatur kif definit fil-punt (41) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(u)     “sponser” tfisser sponser kif definit fil-punt (42) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(v)     “klassifikazzjoni sovrana” tfisser:

(i)      klassifikazzjoni tal-kreditu fejn l-entità klassifikata hija Stat jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat,

(ii)      klassifikazzjoni tal-kreditu fejn l-emittent tal-dejn jew tal-obbligu finanzjarju, titolu ta’ dejn jew strument finanzjarju ieħor huwa Stat jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat;

(w)    “prospetti ta’ klassifikazzjoni” tfisser opinjoni fir-rigward tad-direzzjoni probabbli li se tieħu l-klassifikazzjoni tal-kreditu fi żmien qasir jew medju.';

(4)          L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)     fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(b)     fil-paragrafu 2, “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(c)     il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej;

(i)      fis-sentenza tal-bidu, “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(ii)      il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

'l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu vverifikat u hija kapaċi li turi fuq bażi kontinwa lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieqi) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) (AETS), li l-mġiba tal-attivitajiet tal-klassifkazzjoni tal-kreditu minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' pajjiż terz jirriżulta fil-ħruġ ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li għandha tiġi approvata jissodisfa r-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 8a, 8b u 11a.

(*)           ĠU L 331, 15.12.2010, p.84.';

(d)     fil-paragrafu 4, "Komunità" tinbidel bi "Unjoni";

(5)     L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej.

(a)     fil-paragrafu 1, “Komunità” tinbidel bi "Unjoni";

(b)     fil-paragrafu 6, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

'(b)    l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu f'dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal regoli vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 u fl-Anness I, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 8a, 8b u 11a; u';

(c)     il-paragrafu 8 jinbidel b’li ġej:

'L-Artikoli 20, 23b u 24 għandhom japplikaw għal aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ċertifikati u għal klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa minnhom.';

(6)          Jiddaħħlu l-Artikoli 5a u 5b li ġejjin:

''Artikolu 5a

Dipendenza żejda fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn istituzzjonijiet finanzjarji

Istituzzjonijiet tal-kreditu, ditti tal-investiment u impriżi tar-riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvedimenti ta’ wara l-irtirar mill-impieg, kumpaniji ta’ ġestjoni u investiment, ġesturi ta’ fondi ta’ investimenti alternattivi u kontrapartijiet ċentrali kif definiti fir-Regolament (UE) Nru xx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xx xxx 201x dwar derivattivi tal-OTC, kontrapartijiet ċentrali u repożitorji tal-kummerċ[20] għandhom jagħmlu l-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom stess u ma għandhomx jistrieħu biss jew jistrieħu mekkanikament fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ entità jew strument finanzjarju. L-awtoritajiet kompetenti responsabbli tas-superviżjoni ta’ dawn l-impriżi għandhom jiċċekkjaw mill-qrib l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-kreditu tal-impriżi.

Artikolu 5b

Id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

L-Awtorità Superviżorja Ewropea (L-Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) (EBA), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) (l-AEAPX/EIOPA) u l-AETS ma għandhomx jirreferu għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fil-linjigwida, rakkomandazzjonijiet u abbozzi ta’ standards tekniċi tagħhom, fejn referenzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jqanqlu dipendenza mekkanika fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn awtoritajiet kompetenti jew parteċipanti tas-suq finanzjarju. Skont dan, u sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, l-ABE, l-AEAPX u l-AETS għandhom jirrevedu u jneħħu fejn hu xieraq ir-referenzi kollha għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu f’linjigiwda u r-rakkommandazzjonijiet eżistenti.

Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS/ESRB) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea fuq is-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (***) ma għandux jirreferi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn referenzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jqanqlu dipendenza mekkanika fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

* ĠU L , , p. .

** ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

*** ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.';

(7)          L-Artikolu 6(1) jinbidel b’li ġej:

'1.      Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tieħu l-passi neċessarji kollha biex tiżgura li l-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospetti ta’ klassifikazzjonima ma tkunx affettwata minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta’ negozju li tinvolvi l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ il-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-prospett tal-klassifikazzjoni, lill-maniġers, l-analisti tal-klassifikazzjoni, l-impjegati tagħha jew lil kwalunkwe persuna naturali oħra tagħha li s-servizzi tagħhom huma għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu,jew kwalunkwe persuna marbuta direttament jew indirettament magħha b’kontroll.';

(8)          Jiddaħħlu l-Artikol 6a u 6b li ġejjin:

'Artikolu 6a

Kunflitti ta’ interess li jikkonċernaw l-investimenti f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

1. Azzjonist jew membru ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li huwa d-detentur ta' isħma ta' mill-anqas 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot f'dik l-aġenzija ma għandux

(a)     ikollu 5 % jew aktar mill-kapital ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra. Din il-projbizzjoni ma tapplikax għal pussess fi skemi kollettivi diversifikati, inklużi fondi ġestiti bħal fondi għall-pensjoni jew assigurazzjoni tal-ħajja, sakemm il-pussess fi skemi diversifikati u kollettivi ta’ investiment ma jpoġġux/lilu jew lilha f’qagħda ta’ influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju ta’ dawk l-iskemi;

(b)     ikollu d-dritt jew is-setgħa jeżerċita 5 % jew aktar mid-drittijiet tal-vot fi kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(c)     ikollu d-dritt jew is-setgħa li jaħtar jew ineħħi membri tal-korp amministrattiv, ġestjonarju jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(d)     ikun membru tal-korp amministrattiv, tal-maniġment jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(e)     ikollu s-setgħa li jħaddem influwenza jew kontroll dominanti fuq kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra.

2. Dan l-Artikolu ma japplikax għal investimenti f’aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 6b

It-tul ta' żmien massimu tar-relazzjoni kuntrattwali ma’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

1. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun daħlet f’kuntratt mal-emittent jew il-parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dak l-emittent, ma għandhiex toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dak l-emittent għal perjodu li jaqbeż it-tliet snin.

2. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun daħlet f’kuntratt ma’ emittent jew il-parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-istrumenti tad-dejn ta’ dak l-emittent, għandu japplika dan li ġej:

(a)     meta dawk il- klassifikazzjonijiet tal-kreditu joħorġu f’perjodu li jaqbeż perjodu inizjali ta’ tnax-il xahar imma iqsar minn tliet snin, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhiex toħroġ iktar klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dawk l-istrumenti tad-dejn mill-mument li fih ikunu ġew klassifikati għaxar strumenti ta’ dejn;

(b)     meta tal-anqas għaxar klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu ħarġu fil-perjodu inizjali ta’ tnax-il xahar, dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhiex toħroġ iktar klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dawk l-istrumenti tad-dejn wara tmiem dak il-perjodu;

(c)     meta joħorġu inqas minn għaxar klassifikazzjoni, l-aġenzijatal- klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhiex toħroġ iktar klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dawk l-istrumenti tad-dejn mill-mument li jgħaddu 3 snin.

3. Fil-każ li emittenti ikun daħal f'kuntratt fir-rigward l-istess kwistjoni ma' aktar minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda, il-limitazzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw biss għal waħda minn dawn l-aġenziji. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-aġenziji għandu jkollhom relazzjoni kuntrattwali mal-emittent li taqbeż il-perjodu ta' sitt snin.

4. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu msemmija fil-paragarafi 1 sa 3 ma għandhiex tidħol f’kuntratt mal-emittent jew mal-partijiet terzi relatati miegħu għall-ħruġ ta’ klassfikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu għal perjodu ta’ erba’ snin mit-tmiem tat-tul massimu tar-relazzjoni kuntrattwali msemmija fil-paragrafi 1 sa 3.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal:

(a)     aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tappartjeni għall-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bħall-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)     aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li hija azzjonista jew membru ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(c)     aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fejn l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 u 2 hija azzjonista jew membru.

5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw għal klassifikazzjonijiet sovrani.

6. Fejn wara t-tmiem tat-tul massimu tar-relazzjoni kuntrattwali, skont ir-regoli fil-paragrafi 1 u 2, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tiġi sostitwita minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena għandha tipprovdi lill-aġenzija ttal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol flokha b’fajl ta’ handover. Dan il-fajl għandu jinkludi informazzjoni rilevanti rigward l-entità klassifikata u l-istrumenti tad-dejn klassifikati kif inhu raġonevolment meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà mal-klassifikazzjonijiet imwettqa mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li toħroġ mix-xena.

L-aġenzija tal-klassifikazzjoni li toħroġ mix-xena għandha tkun kapaċi turi lill-AETS li din l-informazzjoni ġiet provduta lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol flokha.

7. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi fuq il-kontenut tal-fajl ta’ handover imsemmi fil-paragrafu 5.

L-AETS għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2013.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(9)          L-Artikolu 7(5) jinbidel kif ġej:

'5.      Evalwazzjoni tal-kumpens u tal-prestazzjoni tal-analisti tal-klassifikazzjoni u l-persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew il-prospetti tal-klassifikazzjoni ma għandhomx ikunu jiddependu fuq l-ammont ta’ dħul li l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jkollha mill-entitajiet klassifikati jew il-partijiet terzi relatati.';

(10)        L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)     il-paragrafu 2 jinbidel b’li ġej:

'2.         Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha taddotta, timplimenta u ssaħħaħ miżuri adegwati biex tiżgura li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjoni li toħroġ ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għaliha u li hija rilevanti għall-analiżi tagħha skont il-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni applikabbli. Għandha taddotta l-miżuri meħtieġa kollha ħalli l-informazzjoni li tuża fl-assenjazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-prospetti tal-klassifikazzjoni tkun ta’ kwalità suffiċjenti u minn sorsi affidabbli.';

(b)     f’paragrafu 5, jiżdied it-tieni subparagrafu:

'Klassifikazzjonijiet sovrani għandhom jiġu riveduti minn talanqas kull sitt xhur.';

(c)     jiddaħħal il-paragrafu 5a kif ġej:

'5a. Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li għandha l-ħsieb tibdel jew tuża xi metodoloġiji ġodda ta’ klassifikazzjoni, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin ta’ klassifikazzjoni għandha tippubblika t-tibdil propost jew il-metodoloġiji ġodda proposti fuq is-sit elettroniku tagħha u tistieden lill-azzjonisti jissottomettu l-kummenti għal perjodu ta’ żmien mhux inqas minn xahar, flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal u l-implikazzjonijiet tat-tibdil propost jew tal-metodoloġiji ġodda proposti.

Wara li jiskadi l-perjodu ta’ konsultazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tinnotifika lill-AETS bit-tibdil maħsub jew bil-metodoloġiji ġodda proposti.';

(d)     paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)      is-sentenza tal-bidu tinbidel kif ġej:

'6. Meta l-metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin użati f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jinbidlu wara d-deċiżjoni tal-AETS msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 22a, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha:';

(ii)      jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

'(aa)   tippubblika minnufih fuq is-sit elettroniku tagħha l-metodoloġiji ġodda bi spjegazzjoni dettaljata dwarhom;';

(e)     jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

'7. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditussir konxja ta’ żbalji fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom hija għandha minnufih:

(a)     tinnotifika dawk l-iżbalji lill-AETS kif ukoll lill-entitajiet klassifikati kollha affettwati;

(b)     tippubblika dawk l-iżbalji fuq is-sit elettroniku tagħha;

(c)     tikkoreġi dawk l-iżbalji fil-metodoloġiji; u

(d)     tapplika l-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 6.';

(11)        jiddaħlu l-Artikoli 8a u 8b li ġejjin:

'Artikolu 8a

Informazzjoni dwar strumenti ta' finanzjament strutturat

1. L-emittent, l-oriġinatur u l-isponser ta’ strument finanzjarju strutturat stabbilit fl-Unjoni għandhom jiżvelaw lill-pubbliku, skont il-paragrafu 4, l-informazzjoni fuq il-kwalità tal-kreditu u l-prestazzjoni tal-assi individwali sottostanti tal-istrument finanzjarju strutturat, l-istruttura tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, il-ħruġ u dħul ta’ flus u kwalunkwe valur kollaterali li jsostni espożizzjoni tat-titolizzazzjoni kif ukoll kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex isiru testijiet ta’ stress komprensivi u li tista’ toqgħod fuqhom fuq id-dħul u ħruġ ta’ flus u valuri kollaterali li jappoġġaw l-espożizzjonijiet sottostanti.

2. L-obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandux jiġi estiż għall-provvediment ta’ din l-informazzjoni li tikser id-dispożizzjonijiet statutorji li jiddeterminaw l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ informazzjoni jew l-ipproċessar tad-dejta personali.

3. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi biex tispeċifika:

(a)     l-informazzjoni li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżvelaw sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jirriżulta mill-paragrafu 1;

(b)     il-frekwenza li biha din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata;

(c)     il-preżentazzjoni tal-informazzjoni permezz ta’ mudell standardizzat apposta għall-iżvelar.

L-AETS għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2013.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex taddotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4. L-AETS għandha tiftaħ paġna elettronika għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar strumenti ta' finanzjament strutturat skont il-paragrafu 1.

Artikolu 8b

Żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu ta’ strumenti ta' finanzjament strutturat

1. Fejn emittent jew parti terza relatata għandu l-ħsieb jissolleċita klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ strument finanzjarju strutturat, għandu jitqabbdutalanqas żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Kull aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tipprovdi l-klassifikazzjoni tal-kreditu indipendenti tagħha stess.

2. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mibgħuta minn emittent jew il-partijiet terzi relatati miegħu msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jappartjenu għall-istess grupp ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

(b)     l-ebda waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandha tkun azzjonista jew membru ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(c)     l-ebda waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandu jkollha d-dritt jew is-setgħa li teżerċita d-drittijiet tal-vot fi kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(d)     l-ebda waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandu jkollha d-dritt jew is-setgħa li taħtar jew tneħħi membri tal-korp amministrattiv, ġestjonarju jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(e)     l-ebda wieħed mill-membri tal-korp amministrattiv, ġestjonarju jew superviżorju f’aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mhuwa membru tal-korp amministrattiv, ġestjonarju jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra;

(f)      l-ebda waħda mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandha s-setgħa li teżerċita influwenza jew kontroll dominanti fuq kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra.';

(12)        L-Artikolu 10(1) u (2) jinbidlu kif ġej:

'1. Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tiżvela kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni biex twaqqaf klassifikazzjoni tal-kreditu, fuq bażi mhux selettiva u f’waqtha. Fl-eventwalità ta’ deċiżjoni biex titwaqqaf klassifikazzjoni tal-kreditu, l-informazzjoni żvelata għandha tinkludi raġunijiet sħaħ għad-deċiżjoni.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jitqassmu b’abbonament.

2. Aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjoni huma ppreżentati u pproċessati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima D tal-Anness I. ';

(13)        L-Artikolu 11(2) jinbidel b’li ġej:

'2. Kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrata u ċertifikata għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni f’repożitorju ċentrali stabbilit mill-AETS l-informazzjoni dwar id-dejta storika tal-prestazzjoni tagħha inkluża l-frekwenza tat-tranżizzjoni tal-klassifikazzjonijiet u l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fil-passat u dwar it-tibdil lisarilhom. Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tipprovdi l-informazzjoni lil dak ir-repożitorju fuq formula standard ipprovduta mill-AETS. L-AETS għandha tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika sommarju tal-informazzjoni dwar l-iżviluppi prinċipali osservati fuq bażi annwali.';

(14)        Jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

'Artikolu 11a

L-Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni

1. Kwalunkwe aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrata u ċertifikata għandha, meta toħroġ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni, tressaq lill-AETS informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni, inklużi l-klassifikazzjoni u l-prospetti tal-istrument ikklassifikat, informazzjoni dwar it-tip ta’ klassifikazzjoni, it-tip ta’ azzjoni dwar il-klassifikazzjoni, id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni. Il-klassifikazzjoni mressqa għandha tkun ibbażata fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 21(4a).

2. L-AETS għandha tistabbilixxi Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni li jinkludi l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu kollha mressqa lill-AETS skont il-paragrafu 1 u indiċi ta’ klassifikazzjoni aggregat għal kwalunkwe strument ta’ dejn klassifikat. L-indiċi u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu individwali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-AETS.';

(15)        fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14, "Komunità" tinbidel bi "Unjoni";

(16)        L-Artikolu 18(2) jinbidel kif ġej:

"2. L-AETS għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, lill-ABE, lill-AEAPX, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet kompetenti settorjali, kwalunkwe deċiżjoni taħt l-Artikoli 16, 17 jew 20."

(17)        L-Artikolu 19(1) jinbidel kif ġej:

'1. AETS għandha tiċċarġja t-tariffi lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu skont dan ir-Regolament u r-regolament dwar it-tariffi msemmija fil-paragrafu 2. Dawk it-tariffi għandhom ikopru għalkollox l-ispejjeż neċessarji tal-AETS fir-rigward tar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-rimborż ta’ kwalunkwe spejjeż li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq tal-ħidma skont dan ir-Regolament, b’mod partikulari b’riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 30';

(18)        L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)     paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)      is-sentenza tal-bidu tinbidel b’li ġej:

'L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji u tekniċi biex tispeċifika:'

(ii)      punt (e) jinbidel b’li ġej:

'(e)     il-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku tad-dejta dwar il-klassifikazzjonijiet li jrid jintalab minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati u ċertifikati għall-iskop ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS.'

(iii)     is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu wara l-punt (e):

'L-AETS għandha tressaq dak l-abbozz ta’ standards regolatorji u tekniċi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2012.

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa biex taddotta l-istandards regolatorji tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.'

(b)     jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

'4a. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji u tekniċi biex tispeċifika:

(a)     skala ta’ klassifikazzjoni standard armonizzata biex tiġi użata skont l-Artikolu 11a, minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati u ċċertifikati, li se jkunu bbażati fuq il-metrika biex jitkejjel ir-riskju tal-kreditu u n-numru ta’ kategoriji ta’ klassifikazzjoni u tinqata’ l-linja tal-valuri għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni;

(b)     il-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inkluża l-istruttura, il-format, il-metodu u l-ħin tar-rappurtar li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiżvelaw lill-AETS skont l-Artikolu 11a (1); u

(c)     il-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku dwar it-tariffi ċċarġjati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li jridu jintalbu mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-iskop ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS.

L-AETS għandha tressaq l-abbozz ta’ dawk l-istandards regolatorji u tekniċi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2013.

Il-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa biex taddotta l-istandards regolatorji u tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.';

(c)     subparagrafu ġdid jiġi miżjud mal-paragrafu 5:

'Dak ir-rapport għandu jivvaluta wkollil-livelli ta’ konċentrazzjoni tas-suq, ir-riskji li jiġu minn konċentrazzjoni qawwija, u l-impatt fuq l-istabbiltà totali tas-settur finanzjarju; .';

(19)        L-Artikolu 22a huwa emendat kif ġej:

(a)     it-titolu tal-Artikolu jinbidel kif ġej:

'Eżami tal-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni';

(b)     jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'3. L-AETS għandha tivverifika wkoll li kwalunkwe tibdil intenzjonat fil-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni notifikati minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu skont l-Artikolu 8(5a) jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(3) kif speċifikat fl-istandard regolatorju tekniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 21(4). L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ tapplika l-metodoloġija tal-klassifikazzjoni l-ġdida biss wara li l-AETS tkun ikkonfermat il-konformità tal-metodoloġija mal-Artikolu 8(3).

[L-AETS għandha tibda tħaddem is-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandard regolatroju tekniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament 1060/2009.]

Fejn l-istandard regolatorju tekniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 21(4) mhux qiegħed fis-seħħ, l-AETS ma għandhiex teżerċita s-setgħa msemmija fl-ewwel subparagrafu.';

(20)        It-Titolu IIIa li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 35:

'IT-TITOLU IIIa

IR-RESPONSABBILTÀ ĊIVILI TAL-AĠENZIJI TAL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KREDITU

Artikolu 35a

Responsabbiltà ċivili

1. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun kisret intenzjonalment jew b’negliġenza serja kwalunkwe ksur tar-regolamenti elenkati fl-Anness III li jħalli impatt fuq xi klassifikazzjoni tal-kreditu li investitur kien qed iserraħ fuqu bix-xiri ta’ strument kklassifikat, tali investitur jista’ jieħu passi kontra dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal kwalunkwe dannu li jkun sofra.

2. Ksur għandu jitqies li jkollu impatt fuq klassifikazzjoni tal-kreditu jekk il-klassifikazzjoni tal-kreditu li tkun ħarġet mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun differenti mill-klassifikazzjoni li tinħareġ kieku l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma tkunx wettqet dak il-ksur.

3. Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu taġixxi b’negliġenza serja jekk titraskura gravement id-dmirijiet imposti fuqha minn dan ir-Regolament.

4. Fejn investitur jistabbilixxi l-fatti li minnhom jista’ jiġi konkluż li aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu wettqet kwalunkwe wieħed mill-ksur elenkat fl-Anness III, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jkollha tagħti evidenza li ma wettqitx dak il-ksur jew li dak il-ksur ma kellux impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa.

5. Ir-responsabbiltà ċivili msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun eskluża jew limitata minn qabel b’xi ftehim. Kwalunkwe klawżola fi ftehim bħal dan li teskludi jew tillimita minn qabel ir-responsabbiltà ċivili tiġi meqjusa nulla u bla ebda effett legali.';

(21)        L-Artikolu 36a huwa emendat kif ġej:

(a)     fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e) jinbidlu b’li ġej:

'(a)     għall-ksur imsemmi fil-punti minn 1 sa 5, minn 11 sa 15, 19, 20, 23, minn 26a sa 26d, 28, 30, 32, 33, 35, 41, 43, 50 u 51 tat-Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 500 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 750 000;

(b)     għall-ksur imsemmi fil-punti 6 sa 8, 16 sa 18, 21, 22, 24, 25, 27, 29, 31, 34, 37 sa 40, 42, 45 sa 49a, 52 u 54 ta’ Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 300 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 450 000;

(c)     għall-ksur imsemmi fil-punti 9, 10, 26, 26e, 36, 44 u 53 ta’ Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 100 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 200 000;

(d)     għall-ksur imsemmi fil-punti 1, 6, 7 u 8 u 9 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 50 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 150 000;

(e)     għall-ksur imsemmi fil-punti 2, 3a, 3b, 4, 4a and 5 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 25 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 75 000;';

(b)     fil-paragrafu 2, il-punti (g) u (h) jinbidlu b’li ġej:

'(g)     għall-ksur imsemmi fil-punti 1 sa 3a u 11 ta’ Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 150 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 300 000;

(h)     għall-ksur imsemmi fil-punti 4, 4a, 4b, 4c, 6, 8 u 10 ta’ Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 90 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 200 000;';

(22)        fl-Artikolu 38a, paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

'1. Is-setgħa li taddotta atti delegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 23e(7) u l-Artikolu 37 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-1 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux iktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 38b.';

(23)        fl-Artikolu 38b, il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

'1. Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 23e(7) u l-Artikolu 37 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.';

(24)        L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)     il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

'Sas-7 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni fuq id-dipendenza tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fl-Unjoni, l-impatt fuq il-livell ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-kost u l-benefiċċji tal-impatti tar-Regolament u tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-entità klassifikata (fuq il-mudell ‘l-emittent iħallas’), u tressaq rapport fuq dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill';

(b)     jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

'4. Sal-1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ għażla suffiċjenti sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6b u 8b. Ir-reviżjoni għandha wkoll tivvaluta l-ħtieġa għall-estensjoni tal-ambitu tal-obbligi fl-Artikolu 8a biex jinkludi prodotti finanzjarji oħra, inklużi bonds koperti';

(25L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I għal dan ir-Regolament;

(26)        L-Anness II huwa emendat skont l-Anness II għal dan ir-Regolament;

(27)        L-Anness III huwa emendat skont l-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punti (7), (9), (10), (12), (13) u (25) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2014 għall-iskopijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3)(b) u fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar jekk ir-rekwiżiti tal-pajjiżi terzi humiex talanqas stretti daqs ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 ta’ dak ir-Regolament.

Il-punt (8) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament f’relazzjoni mal--Artikolu 6a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu japplika minn [sena (1) wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] fir-rigward ta' kwalunkwe azzjonist jew membru ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-krediut li fil-15 ta' Novembru 2011 kien id-detentur ta' ishma ta' 5 % jew aktar mill-kapital ta' aktar minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu waħda.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I

Anness I għar-Regolament (KE) 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)          Taqsima B hija emendata kif ġej:

(a)     il-punt 1 jinbidel b’li ġej:

'1.         Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tidentifika, telimina jew tiġġestixxi u tiżvela, b’mod ċar u prominenti, kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali jew attwali li jista’ jaffettwa l-analiżi u l-ġudizzji tal-analisti tal-klassifikazzjoni tagħha, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna naturali oħra li s-servizzi tagħha huma disponibbli jew taħt il-kontroll tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li huma direttament involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjoni. ';

(b)     il-punt 3 huwa emendat kif ġej:

(i)      is-sentenza tal-bidu tal-ewwel subparagrafu tinbidel b’li ġej:

'3.           Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandhiex toħroġ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ klassifikazzjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin, jew, fil-każ ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni eżistenti, għandha tiżvela minnufih fejn il-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-prospett tal-klassifikazzjoni jiġu affettwati b’li ġej:'

(ii)      il-punt (aa) li ġej jiddaħħal wara l-punt (a):

'(aa)   azzjonista jew membru ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li għandu, direttament jew indirettament, 10 % jew iktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu s-sieda direttament jew indirettament ta’ strumenti finanzjarji tal-entità klassifikata jew parti terza relatata jew li għandu xi interess f’sjieda oħra diretta jew indiretta f’dik l-entità jew parti, barra l-pussess fi skemi kollettivi u diversifikati ta’ investiment, inklużi l-fondi ġestiti bħall-fondi għall-pensjoni jew l-assigurazzjoni tal-ħajja, li ma jpoġġuhx f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-iskema;';

(iii)     il-punt (ba) li ġej jiddaħħal wara l-punt (b):

'(ba)   il-klassifikazzjoni tal-kreditu tinħareġ fir-rigward ta’ entità klassifikata jew parti terza relatata li direttament jew indirettament għandha 10 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijeit tal-vot ta’ dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;';

(iv)     il-punt (ca) li ġej jiddaħħal wara l-punt (c):

'(ca)   azzjonist jew membru ta’ aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li għandu, direttament jew indirettament, 10 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, huwa membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità klassifikata jew ta’ parti terza relatata;';

(v)     it-tieni subparagrafu jinbidel b’li ġej:

'Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha wkoll tivvaluta minnufih jekk hemmx raġunijiet għall-klassifikazzjoni mill-ġdid jew għall-irtirar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-prospett tal-klassifikazzjoni eżistenti.';

(c)     jiddaħħal il-punt 3a li ġej:

'3a.       Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tiżgura li l-ispejjeż iċċarġjati lill-klijenti tagħha għall-provvediment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni u oħrajn anċillari mhumiex diskriminatorji u jkunu bbażati fuq spejjeż attwali. Tariffi ċċarġjati għal servizzi ta’ klassifikazzjoni ma għandhomx jiddependu fuq il-livell tla-klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew fuq kwalunkwe riżultat ieħor tal-ħidma mwettqa.';

(d)     fil-punt 4, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’li ġej:

'4.         L-ebda aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew kwalunkwe persuna li għandha, direttament jew indirettament, mill-inqas 5% mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew inkella tinsab f’qagħda li tinfluwenza b’mod sinifikanti l-attivitajiet ta’ negozju tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ma għandha tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni lill-entità klassifikata jew parti terza relatata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, ir-responsabbiltajiet, jew l-attivitajiet ta’ dik l-entità klassifikata jew parti terza relatata.';

(e)     il-punt 7 jiġi emendat kif ġej:

(i)      il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

'(a)     għal kull klassifikazzjoni tal-kreditu u deċiżjoni għal prospett ta’ klassifikazzjoni, l-identità tal-analisti li jikklassifikaw u li qed jieħdu sehem fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ klassifikazzjoni, l-identità tal-persuni li jkunu approvaw il-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-prospett tal-klassifikazzjoni, l-informazzjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni tal-kreditu kinitx solleċitata jew le, u d-data li fiha ttieħdet l-azzjoni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;';

(ii)      il-punt (d) jinbidel b’li ġej:

'(d)    ir-rekords li jiddokumentaw il-proċeduri u l-metodoloġiji stabbiliti użati mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biex jiġu determinati l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjoni;';

(iii)     il-punt (e) jinbidel b’li ġej:

'(e)     ir-rekords u l-fajlijiet interni, inklużi l-informazzjoni li mhix pubblika u l-karti ta’ ħidma, użati bħala bażi ta’ kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu u deċiżjoni għal prospett ta’ klassifikazzjoni meħuda;';

(2)          Taqsima C hija emendata kif ġej:

(a)     fil-punt 2, is-sentenza tal-bidu tinbidel b’li ġej:

'2.         L-ebda persuna msemmija fil-punt 1 ma għandha tieħu sehem fi jew inkella tinfluwenza d-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ klassifikazzjoni ta’ kwalunkwe entità klassifikata partikulari jekk dik il-persuna:';

(b)     fil-punt 3, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

'(b)    ma tiżvela ebda informazzjoni dwar il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew prospetti tal-klassifikazzjoni futuri possibbli tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, ħlief lil entità klassifikata jew il-parti terza relatata magħha;';

(c)     il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

'7.         Persuna msemmija fil-punt 1 ma għandhiex tieħu pożizzjoni ewlenija fil-ġestjoni mal-entità klassifikata jew il-parti terza relatata magħha fi żmien sitt xhur mill-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni.'

(d)     il-punt 8 jinbidel b’li ġej:

'8.         Għall-iskopijiet tal-Artikolu 7(4):

(a)     l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiżguraw li l-analisti tal-klassifikazzjoni ewlenin ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità jew il-partijiet terzi relatati magħha għal perjodu li jaqbeż l-erba’ snin;

(b)     l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ħlief dawk mibgħuta minn emittent jew il-parti terza relatata miegħu u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kollha li joħorġu klassifikazzjonijiet sovrani għandhom jiżguraw li:

(i)      l-analisti tal-klassifikazzjoni ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità klassifikata jew il-partijiet terzi relatati tagħha għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin;

(ii)      il-persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità klassifikata jew il-partijiet terzi relatati magħha għal perjodu li jaqbeż is-seba’ snin.

Il-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-entità klassifikata jew mal-parijiet terzi relatati magħha msemmija f’dawk il-punti fi żmien sentejn mit-tmiem il-perjodi stabbiliti f’dawk il-punti.';

(3)          it-titlu ta’ Taqsima D tinbidel b’li ġej:

'Regoli dwar il-preżentazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u prospetti ta’ klassifikazzjoni';

(4)          Parti I tat-Taqsima D hija emendata kif ġej:

(a)     il-punt 1 jinbidel b’li ġej:

'1.         Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tiżgura li kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu u prospett tal-klassifikazzjoni ssemmi b’mod ċar u prominenti l-isem u l-kariga tal-analist ewlieni tal-klassifikazzjoni f’attività ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu partikolari kif ukoll l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna primarjament responsabbli għall-approvazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni.';

(b)     il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

(i)      il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

'(a)     is-sorsi sostanzjalment materjali kollha, inklużi l-entità klassifikata jew, fejn hu xieraq, parti terza relatata li ntużaw fit-tħejjija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew ta’ prospett tal-klassifikazzjoni huma indikati flimkien b’indikazzjoni li turi jekk il-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-prospett tal-klassifikazzjoni ġewx żvelati lil dik l-entità klassifikata jew il-parti terza relatata magħha u emendati wara dak l-iżvelar qabel ma jinħarġu;';

(ii)      il-punti (d) u (e) jinbidlu b’li ġej:

'(d)    id-data li fiha l-klassifikazzjoni tal-kreditu ġiet rilaxxata għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni u meta ġiet aġġornata l-aħħar inklużi kwalunkwe prospetti ta’ klassifikazzjoni hija indikata b’mod ċar u prominenti;

(e)     l-informazzjoni tingħata dwar jekk il-klassifikazzjoni tal-kreditu tikkonċerna strument finanzjarju maħruġ ġdid u jekk l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hix qed tikklassifika l-istrument finanzjarju għall-ewwel darba; u';

(iii)     jiżdied il-punt (f) illi ġej:

'(f)     fil-każ ta’ prospett ta’ klassifikazzjoni, jiġi pprovdut orizzont taż-żmien li matulu hija mistennija bidla tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.';

(c)     jiddaħħal il-punt 2a li ġej:

'2a.       Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha takkompanja l-iżvelar tal-metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta’ klassifikazzjoni bi gwida li tispjega l-assunzjonijiet, il-parametri, il-limiti u l-inċertezzi li jdawru l-mudelli u l-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni użati fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, inklużi simulazzjonijiet ta’ xenarji stressanti li tidħol għalihom l-aġenzija meta tistabbilixxi l-klassifikazzjonijiet, l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu fuq l-analiżi tad-dħul u l-ħruġ ta’ flus li tkun wettqet jew li tkun qed tiddependi fuqha u, fejn hu applikabbli, indikazzjoni ta’ kwalunkwe tibdil mistenni fil-klassifikazzjoni tal-kreditu. Gwida bħal din għandha tkun ċara u li tiftiehem malajr.';

(d)     il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

'3.         L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tinforma lill-entità klassifikata waqt il-ħin tax-xogħol tal-entità klassifikata u mill-inqas jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ klassifikazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkludi r-raġunijiet prinċipali li fuqhom wieħed ikun ibbaża l-klassifikazzjoni jew il-prospett sabiex tingħata opportunità lill-entità ħalli tiġbed l-attenzjoni tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal kwalunkwe żball fattwali.';

(e)     l-ewwel subparagrafu tal-punt 4 jinbidel b’li ġej:

'4.         Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha ssemmi b’mod ċar u prominenti meta tiżvela l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew il-prospetti tal-klassifikazzjoni kwalunkwe attributi u limitazzjonijiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni. B’mod partikolari, meta tiżvela kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha ssemmi b’mod prominenti jekk tqisx li l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fuq l-entità klassifikata hix sodisfaċenti u safejn tkun ivverifikat l-informazzjoni li ġiet provduta lilha mill-entità klassifikata jew parti terza relatata magħha. Jekk klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tinvolvi tip ta’ entità jew strument finanzjarju li għalih id-dejta storika tkun limitata, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tikkjarifika dawn il-limitazzjonijiet f’post prominenti.';

(f)      l-ewwel subparagrafu tal-punt 5 jinbidel b’li ġej:

'5.         Meta tħabbar klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ klassifikazzjoni, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tispjega fl-istqarrijiet tal-istampa jew fir-rapporti tagħha l-elementi ewlenin sottostanti għall-klassifikazzjoni tal-kreditu jew għall-prospett ta’ klassifikazzjoni.';

(g)     jiżdied il-punt 6 li ġej:

'6.         Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tiżvela fuq is-sit elettroniku tagħha, fuq bażi kontinwa, l-informazzjoni dwar l-entitajiet jew strumenti tad-dejn kollha miġjuba quddiemha għar-reviżjoni inizjali tagħhom jew għall-klassifikazzjoni preliminari. Dan l-iżvelar għandu jsir kemm jekk l-emittenti jikkuntrattaw mal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal klassifikazzjoni aħħarija u kemm jekk le.';

(5)          Jitħassru l-punti 3 u 4 tal-Parti II tat-Taqsima D;

(6)          fit-Taqsima D, tiżdied il-Parti III li ġejja:

'III. Obbligi addizzjonali relatati mal-klassifikazzjonijiet sovrani

1. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu toħroġ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ klassifikazzjoni relatat, għandha takkumpanja l-klassifikazzjoni jew il-prospett ta’ klassifikazzjoni b’rapport ta’ riċerka dettalajat li jispjega s-suppożizzjonijiet, il-parametri, il-limiti u l-inċertezzi kollha u kwalunkwe element ieħor ikkunsidrat fid-determinazzjoni ta’ sik il-klassifikazzjoni jew prospett. Dak ir-rapport għandu jkun ċar u jiftiehem faċilment.

2. Rapport ta’ riċerka li jakkumpanja xi tibdil meta mqabbel ma’ klassifikazzjoni sovrana jew prospett ta’ klassifikazzjoni relatat preċedenti għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)     Evalwazzjoni dettaljata tat-tibdil tas-suppożizzjoni kwantitattiva li tiġġustifika r-raġunijiet għall-bidla fil-klassifikazzjoni u l-piż relattiv tagħhom. L-evalwazzjoni dettaljata għandha tinkludi deskizzjoni tal-elementi li ġejjin: id-dħul per capita, it-tkabbir tal-PGD, l-inflazzjoni, il-bilanċ fiskali, il-bilanċ estern, id-dejn estern, indikatur għall-iżvilupp ekonomiku, indikatur tal-kontumaċja u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor ikkunsidrat. Dan għandu jkun ikkumplimentat mal-piż relattiv ta’ kull fattur;

(b)     Evalwazzjoni dettaljata tat-tibdil tas-suppożizzjoni kwalitattiva li tiġġustifika r-raġunijiet għat-tibdil fil-klassifikazzjoni u l-piż relattiv tagħhom;

(c)     Deskrizzjoni dettaljata tar-riskji, il-limiti u l-inċertezzi relatati mat-tibdil fil-klassifikazzjoni; u

(d)     Sommarju tal-minuti tal-laqgħa tal-kumitat tal-klassifikazzjoni li ddeċieda t-tibdil fil-klassifikazzjoni.

3. Fejn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu toħroġ klassifikazzjonijiet sovrani jew prospetti ta’ klassifikazzjoni relatati, għandha tippubblika dawn il-klassifikazzjonijiet jew prospetti biss wara l-għeluq tan-negozju ta’ postijiet ta’ kummerċ stabbiliti fl-Unjoni u mill-inqas siegħa qabel il-ftuħ tagħhom. Il-Punt 3 tat-Taqsima D.I. jibqa’ mhux affettwat.';

(7)          Il-PartiI tat-Taqsima E hija emendata kif ġej:

(a)     il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

'3.         Il-politika tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u komunikazzjonijiet relatati oħrajn inklużi l-prospetti ta’ klassifikazzjoni;';

(b)     il-punt 6 jinbidel b’li ġej:

'6.         Kwalunkwe modifika materjali għas-sistemi, riżorsi jew proċeduri tagħha;

(8)          l-ewwel subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti II tat-Taqsima E hija emendata kif ġej:

(a)     il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

'(a)     lista ta’ tariffi li jiġi ċċarġjat kull klijent għall-klassifikazzjoni individwali u kwalunke servizzi anċillari;';

(b)     jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

'(aa)   il-politika tal-prezzijiet tagħha, inklużi l-istrutturi tat-tariffi u l-kriterji tal-ipprezzar relatati mal-klassifikazzjonijiet għal kategorijit ta’ assi differenti;';

(9)          Il-Parti III tat-Taqsima E hija emendata kif ġej:

(a)     il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

'3.         Statistiċi dwar l-allokazzjoni tal-persunal tagħha għal klassifikazzjonijiet ġodda tal-kreditu, reviżjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, metodoloġija jew mudel ta’ evalwazzjoni l u ġestjoni maġġuri, u dwar l-allokazzjoni tal-persunal għall-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni fir-rigward ta’ klassijiet ta’ assi differenti (korporattivi – finanzi strutturati - sovrani);';

(b)     il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

'7. Informazzjoni finanzjarja dwar id-dħul tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, inkluż il-qligħ totali, diviż f’tariffi minn klassifikazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari b’deskrizzjoni komprensiva ta’ kull waħda, inkluż id-dħul iġġenerat minn servizzi anaċillari provduti lill-klijenti ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni u l-allokazzjoni tat-tariffi għal klassifikazzjonijiet ta’ kategoiji differenti ta’ assi. L-informazzjoni fuq il-qligħ totali għandha tinkludi wkoll allokazzjoni ġeografika ta’ dak il-qligħ għal dħul iġġenerat fl-Unjoni u fid-dinja kollha;'.

ANNESS II

Fil-punt 1 tal-Anness II għar-Regolament (KE) 1060/2009, "Komunità" tinbidel bi "Unjoni".

ANNESS III

Anness III għar-Regolament (KE) 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)          Il-PartiI huwa emendat kif ġej:

(a)     il-punti 19, 20 u 21 jinbidlu b’li ġej:

'19. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tidentifikax, ma teliminax jew ma tiġġestix u ma tiżvelax b’mod ċar u prominenti, kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali li jista’ jinfluwenza l-analiżi jew il-ġudizzji tal-analisiti ta’ klassifikazzjoni, tal-impjegati jew kwalunkwe persuna naturali oħra li s-servizzi tagħha huma għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u li huma involuti direttament fil-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ klassifikazzjoni.

20. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi toħroġ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt jew, fil-każ ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu eżistenti, billi ma tiżvelax minnufih li l-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-potenzjal ta’ klassifikazzjoni huwa affetwat potenzjalment minn dawk iċ-ċirkustanzi.

21. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tevalwax minnufih jekk hemmx raġunijiet għall-klassifikazzjoni mill-ġdid jew għall-irtirar ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ klassifikazzjoni eżistenti.';

(b)     jiddaħħlu l-punti minn 26a sa 26f ġodda li ġejjin:

'26a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li daħlet f’kuntratt ma’ emittent jew il-parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-emittenti tikser l-Artikolu 6b(1) billi toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dan l-emittent għal perjodu li jaqbeż it-tliet snin.

26b. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li daħlet f’kuntratt ma’ emittent jew il-parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-istrumenti tad-dejn tal-emittent tikser l-Artikolu 6b(2) billi toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq mill-inqas għaxar strumenti tad-dejn tal-istess emittent matul perjodu li jaqbeż 12-il xahar jew bil-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-istrumenti tad-dejn tal-emittent għal perjodu li jaqbeż it-3 snin.

26c. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tkun daħlet f'kuntratt ma' emittent b'mod parallel ma' tal-anqas aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu oħra waħda tikser l-Artikolu 6b(3) billi jkollha relazzjoni kuntrattwali mal-emittent għal perjodu li jaqbeż sitt snin.

26d. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li daħlet f’kuntratt ma’ emittent jew il-parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu tikser l-Artikolu 6b(4) billi ma tirrispettax il-projbizzjoni għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu għal perjodu ta’ erba’ snin mit-tmiem tal-perjodu massimu tar-relazzjoni kuntrattwali msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 6b.

26e. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li daħlet f’kuntratt ma’ emittent jew parti terza relatata miegħu għall-ħruġ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu tikser l-Artikolu 6b(6) billi fi tmiem tal-perjodu massimu tar-relazzjoni kuntrattwali mal-emittent jew parti terza relatata miegħu ma tħallix fajl ta’ handover disponibbli bl-informazzjoni mitluba lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tidħol fix-xena kkuntrattata mill-emittent jew parti terza relatata miegħu sabiex toħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq dan l-emittent jew l-istrumenti tad-dejn tiegħu.

';

(c)     il-punt 33 jinbidel b’li ġej:

'L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 2 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dik it-Taqsima ma tiħux sehem fi jew inkella tinfluwenza d-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni kif stabbilit fil-punt 2 ta’ dik it-Taqimsa.';

(d)     il-punt 36 jinbidel b’li ġej:

'36. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dik it-Taqsima ma tiħux pożizzjoni ewlenija fil-ġestjoni ta’ dik l-entità klassifikata jew il-parti terza relatata magħha fi żmien sitt xhur tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni.';

(e)     il-punti 38, 39 u 40 jinbidlu b’li ġej:

'38. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (i) tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li, fejn tipprovdi klassifikazzjonijiet tal-kreditu mhux solleċitati, analist tal-klassifikazzjoni ma jkunx involut fl-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità klassifikata jew il-partijiet terzi relatati magħha għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin.

39. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun qed tikser l-Article 7(4), flimkien mal-punt (ii) tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ punt 8 tat-taqsima C tal-anness I, billi meta tipprovdi l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mingħajr solleċitazzjoni ma taċċertax li persuna involuta fl-approvazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu ma tkunx involuta wkoll f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità klassifikata jew ma’ partijiet terzi relatati magħha għal perjodu li jaqbeż is-seba’ snin.

40. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt mhix involuta f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu relatati mal-entità kalssifikata jew il-partijiet terzi relatati msemmija f’dawk il-punti fi żmien sentejn ta’ tmiem tal-perjodi stabbiliti f’dawk il-punti.';

(f)      il-punt 42 jinbidel b’li ġej:

'L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 8(2) billi ma taddottax, miżuri adegwati ta’ implimentazzjoni jew ta’ tisħiħ biex tiżgura li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti tal-klassifikazzjoni li toħroġ jkunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għaliha u li tkun rilevanti għall-analiżi tagħha skont il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni tagħha.';

(g)     il-punt 46 jinbidel b’li ġej:

'L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5) billi ma timmoniterjax il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħha ħlief il-klassifiakzzjonijiet sovrani jew billi ma tirrevedix il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħha ħlief il-klassifikazzjonijiet sovrani jew il-metodoloġiji fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sena.'

(h)     jiddaħħal il-punt 46a li ġej:

'46a.     L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5) flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5) billi ma timmoniterjax il-klassifikazzjonijiet sovrani tagħha jew billi ma tirrevedix il-klassifikazzjonijiet sovrani fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sitt (6) xhur.';

(i)      jiddaħħal il-punt 49a li ġej:

'49a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser il-punt (c) tal-Artikolu 8(7) flimkien mal-punt (c) tal-Artikolu 8(6) billi ma tikklassifikax mill-ġdid klassifikazzjoni tal-kreditu fejn l-iżbalji fil-metodoloġiji jew fl-applikazzjoni tagħhom affettwaw il-ħruġ ta’ dik il-klassifikazzjoni tal-kreditu.';

(2)          Il-PartiII hija emendata kif ġej:

(a)     jiddaħħlu l-punti 3a u 3b li ġejjin:

'3a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5a) billi ma tinnotofikax lill-AETS dwar it-tibdil maħsub fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, fil-mudelli jew fis-suppożizzjonijiet ewlenin jew dwar il-metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin ġodda proposti.

3b. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser il-punt (a) tal-Artikolu 8(7) billi ma tinnotifikax lill-AETS dwar l-iżbalji skoperti fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom.';

(b)     jiddaħħal il-punt 4a li ġej:

'4a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 11a(1) billi ma tpoġġix l-informazzjoni mitluba disponibbli jew billi ma tipprovdix dik l-informazzjoni fil-format mitlub kif imsemmi f’dak il-paragrafu.';

(3)          Il-Parti III, hija emendata kif ġej:

(a)     jiddaħħal il-punt 3a li ġej:

'3a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5a) billi ma tippubblikax fuq is-sit elettroniku tagħha t-tibdil propost fil-metodoloġiji, fil-mudelli jew fis-suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni jew il-proposti ġodda ta’ metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal u l-implikazzjonijiet tat-tibdil propost. ';

(b)     jiddaħħlu l-punti 4a, 4b u 4c li ġejjin:

'4a. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser il-punt (aa) tal-Artikolu 8(6), fejn taħseb biex tuża metodoloġiji ġodda, billi ma tippubblikax minnufih il-metodoloġiji l-ġodda flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata dwarhom fuq is-sit elettroniku tagħha.

4b. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser il-punt (a) tal-Artikolu 8(7) billi ma tinnotifikax żbalji skoperti fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom lill-entitajiet klassifikati affetwati.

4c. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser il-punt (b) tal-Artikolu 8(7) billi ma tippubblikax l-iżbalji skoperti fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom fuq is-sit elettroniku tagħha.';

(c)     il-punti 6 u 7 jinbidlu b’li ġej:

'6. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 1 jew 2, 2a, l-ewwel paragrafu tal- punt 4 jew il-punti 5 jew 6, tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, jew Partijiet II jew III tat-Taqsima D tal-Anness I, billi ma tipprovdix l-informazzjoni kif mitluba minn dawk id-dispożizzjonijiet meta tippreżenta klassifikazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klassifikazzjoni.

7. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 3 tal-Parti I tat-taqsima D tal-Anness I, billi ma tinfurmax lill-entità klassifikata matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-entità klassifikata u talanqas jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett tal-klassifikazzjoni.

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, ĠU L 302, 17.11.2009.

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu], ĠU L 145, 31.5.2011.

[3]               COM(2010) 301 finali.

[4]               Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/cra_en.htm.

[5]               http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=en&procnum=INI/2010/2302.

[6]               http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_101027.pdf.

[7]               Proposta mill-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2011 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju, COM(2011) 453 finali. Ara l-punt (b) tal-Artikolu 77.

[8]               Proposta mill-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-impriżi għal investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, COM(2011) xxx finali.

[9]               "Cliff effects" huma azzjonijiet f’daqqa li jiskattaw wara tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni skont limitu speċifiku, fejn it-tnaqqis fil-grad ta’ titolu wieħed jista’ jkollu effett sproporzjonat ta' nżul kontaġjuż.

[10]             ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

[11]             “1. L-AETS għandha tiċċarġja tariffi lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu skont dan ir-Regolament u r-regolament dwar it-tariffi imsemmi fil-paragrafu.         2. Dawk it-tariffi għandhom ikopru għal kollox l-ispejjeż neċessarji tal-AETS rigward ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq tax-xogħol skont dan ir-Regolament, b’mod partikulari bħala riżultat ta’ kull delegata’ kompiti skont l-Artikolu 30.”

[12]               ĠU C , , p. .

[13]               ĠU C , , p. .

[14]               ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

[15]               ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30.

[16]               2010/2302/INI.

[17]               ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

[18]               ĠU C , , p. .

[19]               2010/2302(INI).

[20]               ĠU L … , p.