52011PC0732

/* KUMM/2011/0732 finali - 2011/0331 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-istanza rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tas-Samoa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ħarsa Ġenerali lejn it-Termini tal-Adeżjoni tas-Samoa mad-WTO

I. INTRODUZZJONI

Il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u s-Samoa laħqu l-istadju konklużiv tal-ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni tas-Samoa mal-organizzazzjoni. Dan wasal wara 13-il sena ta’ negozjati, li bdew meta s-Samoa ressqet l-applikazzjoni tagħha biex tingħaqad mad-WTO fl-1998. It-talba tas-Samoa għall-adeżjoni ġiet eżaminata skont il-linji gwida stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-10 ta' Diċembru 2002 dwar l-adeżjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC) u issa jeħtieġ li jkun hemm Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-termini tal-adeżjoni tas-Samoa, qabel l-UE tkun tista' tappoġġja formalment is-sħubija tas-Samoa.

Taqsira tat-termini tal-adeżjoni tinsab hawn taħt.

TAQSIRA TAT-TERMINI TAL-ADEŻJONI TAS-SAMOA MAD-WTO SKONT IS-SETTUR

Ir-rata kkonsolidata finali medja (FBR) tas-Samoa hija ta' 21 %.

Il-medja kkonsolidata finali f'setturi industrijali differenti tvarja mill-medji l-iktar baxxi ta' 13,5 % fil-farmaċewtiċi u 16 % fil-kimiċi sal-ogħla medji ta' 30 % fix-xeddijiet tas-saqajn u l-ġugarelli.

Minn 5 315-il linja tariffarja fl-iskeda tas-Samoa, 23 biss mhux se jilħqu l-FBR fil-mument tal-adeżjoni, u għalhekk se jkollhom perjodu ta' implimentazzjoni. Il-perjodu ta' implimentazzjoni hu sal-2017 għal 16-il linja tariffarja industrijali: bolberings, strumenti tan-navigazzjoni, roti; u sal-2022 għal seba' linji tariffarji agrikoli: qamħ, xgħir, chewing-gum.

Dawn il-livelli medji għat-tariffi huma pjuttost raġonevoli meta jitqies l-istatus ta' LDC tas-Samoa, iċ-ċokon u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija tagħha, kif ukoll il-karattru insulari tagħha. Il-prassi tal-UE fl-imgħoddi relatata mal-LDCs kienet li jiġu aċċettati bħala raġonevoli dawn il-livelli ta' tariffi għal ekonomiji ta' daqs kumparabbli. Is-Samoa qed tieħu sehem fin-negozjati ta' FSE komprensiv bħala parti mill-grupp tal-Paċifiku tal-pajjiżi tal-AKP.

Il-Prodotti Industrijali

- L-FBR medju għal prodotti mhux agrikoli huwa ta' 22,3 %.

- Ħafna mis-setturi industrijali huma marbuta b'tariffi medji taħt il-25 %, l-ogħla tilħaq it-30 %.

- L-ogħla livelli ta' tariffi medji huma tax-xeddijiet tas-saqajn u l-ġugarelli (b'rati konsolidati finali ta' 30 %).

- Linji tariffarji farmaċewtiċi jippreżentaw l-inqas tariffi konsolidati medji ta' 13,5 % u l-prodotti kimiċi huma marbuta fil-livell medju relattivament baxx ta' 16 %.

Il-Prodotti Agrikoli

- Fuq il-prodotti agrikoli, il-medja tal-FBR hija ta' 19,6 %.

- Għall-prodotti agrikoli, id-dazji l-iktar elevati huma ta' 35 % għaċ-ċikkulata, il-kafè, it-tabakk u l-ikel tal-annimali domestiċi; ta' 65 % għall-ħxejjex friski u l-ħut.. Id-dazji kkonsolidati għaċ-ċereali bħall-qamħ, ix-xgħir u r-ross huma bejn l-10 % u l-15 %.

Is-Servizzi

L-iskeda ta' impenji speċifiċi tas-Samoa fis-servizzi hija sodisfaċenti ħafna meta jitqies l-istatus tagħha ta' LDC. Is-Samoa se tidħol għall-impenji ta' aċċess għas-suq u ta' trattament nazzjonali f'firxa wiesgħa ta' setturi tas-servizzi, inklużi s-servizzi professjonali, tal-kompjuter u ta' negozju ieħor, is-servizzi tal-komunikazzjoni (ta' kurjer u tat-telekomunikazzjonijiet), servizzi tal-kostruzzjoni, tal-edukazzjoni privata, tal-ambjent, finanzjarji (tal-assigurazzjoni u bankarji) u tat-turiżmu.

L-Impenji ta' Protokoll

Fl-aħħar stadju multilaterali tal-proċess ta' adeżjoni, il-Membri tad-WTO fittxew kollettivament li jiżguraw il-kompatibbiltà bażika tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet kummerċjali tas-Samoa mar-regoli u l-ftehimiet tad-WTO, u niżżluhom fil-Protokoll ta’ Adeżjoni u r-Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma. Il-kwistjonijiet li ġejjin huma ta’ interess partikolari għall-UE:

Id-drittijiet tal-kummerċ

Is-Samoa kkonfermat li sa mid-data ta' adeżjoni, il-liġijiet u r-regolamenti tagħha relatati mad-dritt tal-kummerċ ta' oġġetti u l-miżati, il-ħlasijiet u t-taxxi kollha imposti fuq it-tali drittijiet se jkunu f'konformità sħiħa mal-obbligazzjonijiet tagħha tad-WTO. B'mod partikolari, is-sistema tas-Samoa ta' liċenzjar tal-importazzjoni tal-alkoħol – li għaqqdet id-dritt ta' importazzjoni mad-dritt ta' distribuzzjoni – se tkun ġiet emendata, inklużi l-istabbiliment ta' liċenzja temporarja biex lil min ikollu liċenzja tippermettilu jimporta u jbigħ likur fuq bażi temporarja, u t-tneħħija tar-rabta bejn id-dritt ta' importazzjoni u d-dritt ta' distribuzzjoni.

L-investiment barrani

Is-Samoa impenjat ruħha f'reviżjoni tal-Att dwar l-Investiment Barrani tagħha. is-Samoa kkonfermat li sa mid-data ta' adeżjoni, se tkun konformi mar-rekwiżiti tad-WTO inklużi l-impenji tagħha stipulati fl-Iskeda tal-Impenji Speċifiċi tas-Samoa fis-Servizzi. Din tikkonċerna speċifikament l-amministrazzjoni tal-listi Riservati u Restritti ta' attivitajiet ekonomiċi hekk kif huma rregolati mill-Att dwar l-Investiment Barrani.

Il-valutazzjoni doganali

Sad-data ta' adeżjoni, il-leġiżlazzjoni u r-reġim tas-Samoa tal-valutazzjoni doganali se jkunu ġew konformi mal-Ftehimiet tad-WTO dwar il-valutazzjoni doganali.

L-oqsma fejn intalab perjodu ta' tranżizzjoni

Taxxi interni fuq l-importazzjonijiet: Is-Samoa, fit-trattament tat-taxxa fuq prodotti primarji domestiċi u importati, trid tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-WTO (i.e. jiġi emendat l-Att tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud fuq l-Oġġetti u s-Servizzi (VAGST) biex tiġi indirizzata l-eżenzjoni ta' bħalissa mill-VAGST ta' produtturi primarji li huma, fil-każi kollha, produtturi żgħar li jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq lokali) fi żmien tliet snin mill-adeżjoni. Fi tmiem dan il-perjodu, is-Samoa għandha b'mod partikolari tirraporta lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-emenda jew l-eliminazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa kkonċernata. Il-perjodu ta' tranżizzjoni se jintuża biex tinħoloq l-iżjed riforma leġiżlattiva xierqa, filwaqt li jitqiesu s-settur agrikolu domestiku tas-Samoa, ir-restrizzjonijiet amministrattivi li jaffaċċja l-Ministeru responsabbli mill-amministrazzjoni tal-VAGST u l-aspetti politikament sensittivi għar-riforma.

Id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali: sad-data tal-adeżjoni, is-Samoa se tkun għaddiet leġiżlazzjoni li ġġib l-skema tagħha ta' proprjetà intellettwali f'konformità mal-Ftehim TRIPS; implimentazzjoni sħiħa se tkun żgurata sa Lulju 2013.

III. RAKKOMANDAZZJONI

Bil-preżentazzjoni tat-termini tal-Adeżjoni tas-Samoa mad-WTO għall-approvazzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn it-termini jirrappreżentaw pakkett ibbilanċjat iżda ambizzjuż ta’ impenji fir-rigward tal-ftuħ tas-suq, li se jkollhom benefiċċji sostanzjali għas-Samoa u bl-istess mod għall-imsieħba kummerċjali tagħha tad-WTO.

2011/0331 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-istanza rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tas-Samoa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 91, 100(2), u 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fil-15 ta' April 1998, il-Gvern tas-Samoa applika għall-adeżjoni mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont l-Artikolu XII ta’ dak il-Ftehim.

(2) Fil-15 ta’ Lulju 1998 twaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tas-Samoa biex jintlaħaq ftehim dwar it-termini tal-adeżjoni aċċettabbli għas-Samoa u l-Membri kollha tad-WTO.

(3) Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, innegozjat serje komprensiva ta' impenji fir-rigward tal-ftuħ tas-suq min-naħa tas-Samoa li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni u huma skont il-livell ta' żvilupp tas-Samoa.

(4) Dawn l-impenji huma issa inkorporati fil-Protokoll ta’ Adeżjoni tas-Samoa mad-WTO.

(5) L-adeżjoni mad-WTO hi mistennija tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi fil-proċess ta’ riforma ekonomika u żvilupp sostenibbli fis-Samoa.

(6) Il-Protokoll ta’ Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

(7) L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li t-termini tal-adeżjoni għandhom jaqblu dwarhom il-Membru tal-adeżjoni u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom isiru mill-Kunsill Ġenerali.

(8) Għalhekk, hu meħtieġ li tkun stabbilita l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fi ħdan l-istanzi rilevanti tad-WTO, kemm jekk tkun il-Konferenza Ministerjali jew il-Kunsill Ġenerali tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

1. Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-korpi rilevanti tad-WTO dwar l-adeżjoni tas-Samoa mad-WTO hija li tapprova l-adeżjoni.

2. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi […],

Għall-Kunsill

Il-President