8.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 131/46


It-Tlieta 25 ta’ Ottubru 2011
Proċess ta' Valutazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi

P7_TA(2011)0456

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Proċess ta’ Evalwazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi (2011/2085(INI))

2013/C 131 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (COM(2011)0020) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha “Dwar il-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi” (SEC(2011)0102),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar funzjonament aħjar tas-Suq Uniku – il-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-15 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u għall-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0324/2011),

A.

billi s-servizzi għadhom jirrappreżentaw biss madwar għoxrin fil-mija tal-kummerċ kollu fl-UE filwaqt li jammontaw għal iktar minn żewġ terzi tal-PDG u l-impjiegi tal-UE,

B.

billi l-attivitajiet koperti bid-Direttiva tas-Servizzi jammontaw għal 40 % tal-PDG u l-impjiegi tal-UE, iżda billi dawn l-attivitajiet jirrappreżentaw ukoll potenzjal mhux utilizzat mill-aktar importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, minħabba li għad hemm ħafna ostakli għall-kummerċ fis-servizzi fis-Suq Intern,

C.

billi s-servizzi jixprunaw l-ekonomiji tal-Istati Membri billi joħolqu l-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni, u billi hemm il-ħtieġa saħansitra akbar ta' suq intern fis-servizzi li jiffunzjona tajjeb u jkun integrat fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u bħala kundizzjoni għall-irkupru;

D.

billi d-Direttiva tas-Servizzi hija mezz ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea u billi l-implimentazzjoni totali u korretta tagħha hija inkluża fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Att dwar is-Suq Uniku,

E.

billi filwaqt li t-traspożizzjoni f’waqtha u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi kienet sfida għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, din hija meħtieġa u hija wkoll bażi soda għall-iżvilupp tal-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri,

F.

billi kważi 34 000 rekwiżit ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċess tal-iskrining,

Daħla

1.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Proċess ta’ Valutazzjoni Reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi u jirrikonoxxi l-ammont konsiderevoli ta’ xogħol imwettaq mill-Kummissjoni u, fuq kollox, mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali;

2.

Jenfasizza l-fatt li Suq Uniku tas-servizzi li jkun jiffunzjona huwa prerekwiżit biex jiġu ġġenerati t-tkabbir, l-impjiegi deċenti u l-innovazzjoni fl-Ewropa u biex jinżamm l-irwol kompetittiv tal-Ewropa fid-dinja;

3.

Jinnota li l-potenzjal ġenerali tas-suq komuni fis-servizzi ma ġiex sfruttati għalkollox, billi, minħabba b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fis-suq fl-Istati Membri, proporzjon żgħir biss ta’ SMEs qed jipprovdu servizzi transkonfinali;

4.

Iqis li l-ewwel prijorità għall-ħolqien ta’ Suq Uniku tas-Servizzi hija l-implimentazzjoni totali u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi fl-Istati Membri kollha u l-istabbiliment ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku kompletament operattivi;

5.

Jitlob għalhekk biex jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ informazzjoni mill-Punti ta’ Kuntatt Uniku bl-Ingliż kif ukoll bil-lingwa tal-post għall-benefiċċju tal-fornituri u l-utenti tas-servizzi minn Stati Membri oħra, u jekk tistax tintuża firma elettronika mill-fornituri u l-utenti tas-servizzi;

6.

Jenfasizza li l-eżerċizzju tal-valutazzjoni reċiproka ta lok għall-valutazzjoni tas-suq intern tas-servizzi wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tal-Artikoli 9, 15, u 16;

L-esperjenzi fir-rigward tal-Proċess tal-Valutazzjoni Reċiproka

7.

Jinnota li l-Artikolu 39 tad-Direttiva tas-Servizzi huwa vag f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-għanijiet preċiżi tal-proċess tal-valutazzjoni reċiproka; jinnota li kien hemm perċezzjonijiet u stennijiet differenti fost il-partijiet interessati fir-rigward tal-iskopijiet u r-riżultati tiegħu;

8.

Jinnota li l-valutazzjoni reċiproka kienet organizzata wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Servizzi; jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi m’għandhiex tiġi konfuża mal-eżerċizzju tal-valutazzjoni reċiproka;

9.

Jikkundanna d-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi f’xi Stati Membri u jqis li dan kellu impatt fuq il-proċess tal-valutazzjoni reċiproka;

10.

Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-kalendarju tal-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka kien pjuttost diffikultuż, għen fiż-żamma tal-momentum wara l-implementazzjoni tad-Direttiva;

11.

Iqis li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien eżerċizzju li vallapena li jsir billi ppermetta li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom fehim aħjar tal-ostakli li baqa’ u tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri; jinnota li dan il-proċess ippermetta lill-Istati Membri jiksbu rispons dwar l-għażliet tal-politika tagħhom u ffaċilita l-promozzjoni tal-aqwa prattiki u kabbar it-trasparenza tar-riżultati tal-implementazzjoni;

12.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jniedu djalogu dwar liema ostakli huma permessi u liema mhumiex;

13.

Huwa tal-fehma li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien importanti biex jiġu kkjarifikati ċerti sitwazzjonijiet ambigwi li għadhom prevalenti fil-forniment tas-servizzi kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak transkonfinali, bħar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali u obbligi ta’ assigurazzjoni imposti fuq il-fornituri transkonfinali ta’ servizzi; jenfasizza li fl-aħħar mill-aħħar dan għen biex jiġi evalwat jekk il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati f’kull Stat Membru jitwettqux skont l-ispirtu tad-Direttiva tas-Servizzi;

14.

Jenfasizza li d-“diskussjonijiet fi gruppi” huma l-qofol tal-valutazzjoni reċiproka;jilqa’ b’sodisfazzjon l-ispirtu ta’ koperazzjoni u fiduċja reċiproka li pprevala waqt id-diskussjonijiet;

15.

Huwa tal-fehma li l-eżerċizzju ta' valutazzjoni reċiproka kkontribwixxa għall-iżvilupp ta' ‧spirtu Ewropew‧ fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ppermetta lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jsiru jafu ’l xulxin aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-għarfien u l-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni reċiproka jinżammu u jintużaw għat-titjib tas-Suq Uniku tas-servizzi;

16.

Jinnota li l-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess tal-valutazzjoni reċiproka kien limitat; jirrikonoxxi li ċertu ammont ta’ kunfidenzjalità kien kundizzjoni importanti biex tinħoloq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; madankollu jiddispjaċih li ma ngħatax rispons regolari dwar il-proċess lill-partijiet interessati;

17.

Huwa konxju tal-ispejjeż amministrattivi relatati mal-valutazzjoni reċiproka, speċjalment fl-Istati Membri fejn l-amministrazzjoni fil-livell reġjonali kienet involuta fil-proċess;

Riżultati u segwitu biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Intern tas-Servizzi

18.

Huwa tal-fehma li l-proċess tal-valutazzjoni reċiproka fid-Direttiva tas-Servizzi huwa strument importanti biex jiġu identifikati inizjattivi ulterjuri bl-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi sett ta’ azzjonijiet biex tkompli żżid il-momentum miksub waqt il-fażijiet tal-implimentazzjoni u l-valutazzjoni reċiproka;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar il-progess u r-riżultati tad-djalogu mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet ulterjuri ta’ infurzar meta jkun hemm bżonn;

20.

Jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni ekonomika mħabbra tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi u l-impatt tagħha fuq il-funzjonament tas-suq tas-servizzi; jittama li din il-valutazzjoni tippermetti li jkun imkejjel l-impatt reali tad-Direttiva fuq l-attività ekonomika u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza massima hi u twettaq dan il-kompitu u jistieden lill-Kummissjoni tissottometti dak li tkun sabet appena jkun disponibbli;

21.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-verifika tal-prestazzjoni tas-suq intern u jittama li dan l-eżerċizzju jtejjeb b’mod sinifikanti l-fehim prattiku ta’ kif huma applikati biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u kif jinteraġixxu fil-prattika; Iqis li l-eżerċizzju tal-verifika tal-prestazzjoni għandu jitwettaq filwaqt li tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-utenti tas-Suq Uniku;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament Ewropew mill-qrib fl-inizjattiva tal-verifika tal-prestazzjoni;

23.

Jitlob li x-xkiel regolatorju li għad fadal, bħalma huma r-regoli dwar attivitajiet riżervati, l-obbligu tal-assikurazzjoni, il-forma ġuridika u r-rekwiżiti tal-proprjetà tal-kapital, jiġi ttrattat; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq ir-rekwiżiti inġustifikati jew sproporzjonati li għandhom jiġu aboliti ħalli jkun iggarantit il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku;

24.

Jiddeplora l-fatt li ma ttieħdet ebda azzjoni preċedentament f’oqsma fejn il-problemi ilhom magħrufa;

25.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma provdietx kriterji biex jintgħażlu tipi speċifiċi ta’ rekwiżiti għal azzjonijiet immirati; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika r-raġunijiet li għalihom it-tipi l-oħra ta’ rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tas-Servizzi, bħan-numru minimu ta’ impjegati, it-tariffi fissi minimi jew massimi, tqiesu inqas importanti minn dawk identifikati fil-Komunikazzjoni tagħha;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor u tippreżenta data li tikkwantifika l-impatt ta’ diversi rekwiżiti li fadal li, jekk jitneħħew, jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità fl-azzjonijiet immirati tagħha lit-tneħħija ta’ dawk ir-rekwiżiti biex b’hekk ikun hemm l-ogħla valur miżjud fil-funzjonament tas-Suq Uniku tas-servizzi f’ottemperanza sħiħa għall-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiffoka l-azzjoni tagħha fuq is-setturi u l-professjonijiet li għandhom potenzjal kbir ta’ tkabbir għall-forniment transkonfinali tas-servizzi;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli u żżid il-ħidma tagħha mal-Istati Membri fuq bażi individwali sabiex ikun hemm traspożizzjoni u implimentazzjoni kompleti u korretti tad-Direttiva tas-Servizzi fl-Istati Membri kollha;

28.

Huwa tal-fehma li għad hemm ħafna ostakli nazzjonali fis-seħħ, li jnaqqsu, b’mod partikolari, ir-rata ta’ tkabbir fis-servizzi professjonali bejn in-negozji; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-rekwiżiti l-ġodda u dawk li fadal ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod aktar attiv flimkien mal-Istati Membri biex jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw li jiġu komunikati kif jixraq il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali rilevanti relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tas-Servizzi;

29.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba fl-Istati Membri tal-klawżola tal-libertà tal-forniment tas-servizzi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni attwali dwar il-forniment transkonfinali ta’ servizzi fl-UE li tinkludi r-raġunijiet li jispjegaw ir-rata moderata ta’ tkabbir f’dan is-settur, u ħarsa ġenerali dettaljata tal-effettività tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet differenti li huma rilevanti b’mod kruċjali għall-attivitajiet tas-servizzi;

31.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Servizzi li ma kinux inklużi fil-proċess tal-valutazzjoni reċiproka, bħall-Punti ta’ Kuntatt Uniku u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-diżposizzjonijiet rilevanti jiġu infurzati b’mod strett;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll u lill-valutazzjonijiet regolari tal-funzjonament tal-Punti ta' Kuntatt Uniku fl-Istati Membri, li għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' servizzi bl-informazzjoni neċessarja disponibbli għall-fornituri tas-servizzi b'mod aġġornat u faċli biex jintuża;

33.

Jinnota r-rwol importanti tal-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-kontroversji u l-ħall tal-problemi, bħas-SOLVIT, biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jużufruwixxu b'mod sħiħ minn jeddijiethom marbutin mas-Suq Uniku; jilqa' l-avviż mill-Kummissjoni li se tivvaluta l-effikaċja ta' dawn l-għodod u tirrapporta dwar il-ħtieġa ta' aktar inizjattivi speċifiċi;

34.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-fornituri tas-servizzi, iżda anke dawk li jirċievu dawn is-servizzi, għandhom jiġu megħjuna jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, u jirrakkomanda li jkomplu jiġu żviluppati l-għodda eżistenti bħal pereżempju s-SOLVIT;

Il-Proċess ta’ Valutazzjoni Reċiproka bħala għodda

35.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-użu tal-valutazzjoni reċiproka f’oqsma tal-politika oħra, meta jkun xieraq; jemmen li l-valutazzjoni reċiproka wriet li hija innovattiva u utli, u għandha titqies bħala għodda biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku;

36.

Jissuġġerixxi, għalhekk, li tiġi kkunsidrata valutazzjoni reċiproka “ħafifa” (light-touch) u fejn jixraq din tiġi introdotta għall-valutazzjoni reċiproka ta’ oqsma ta’ politika koperti bid-direttivi “orizzontali” li permezz tagħhom l-Istati Membri żammew spazju sinifikanti ta’ manuvrar, bl-għan li jkun hemm leġiżlazzjoni aktar uniformi, jinħolqu relazzjonijiet aħjar u fehim reċiproku bejn l-Istati Membri, u tiġi evitata “sovraregolamentazzjoni”;

37.

Jirrakkomanda li l-valutazzjoni reċiproka għandha tintuża bħala “strument flessibbli” skont il-każ individwali; jissuġġerixxi li din l-għodda għandha tiġi proposta b’mod immirat għall-inklużjoni f’ċerti Direttivi ta’ natura “orizzontali” li jinvolvu diversi miżuri ta’ traspożizzjoni u li jipprovdu għal marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri; jissuġġerixxi barra minn hekk użu mmirat tal-valutazzjoni reċiproka fejn id-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ Direttiva biss jiġu suġġetti għall-proċedura;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tiddefinixxi b’mod ċar l-għanijiet u r-riżultati tal-valutazzjoni reċiproka qabel ma tiġi proposta valutazzjoni reċiproka dwar Direttivi oħra, biex tiżgura li l-proċess ma jimponix piż bla bżonn fuq l-awtoritajiet li jevalwaw;

39.

Jemmen li d-“diskussjonijiet fi gruppi” għandhom jibqgħu l-element ċentrali tal-proċess tal-valutazzjoni reċiproka; jemmen li numru limitat ta’ esperti magħżula bir-reqqa biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet fi gruppi joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-effiċjenza u l-kisba tar-riżultati; huwa tal-fehma li l-valutazzjoni reċiproka għandha tiġi żviluppata iktar bħala proċedura għall-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi fl-iżvilupp tal-politiki bejn l-Istati Membri u li r-rwol tal-Kummissjoni jista’ jiġi kjarifikat f’termini ta’ gwida u tmexxija tal-proċess, b’mod partikolari waqt id-diskussjonijiet fi gruppi; huwa tal-fehma li l-kompożizzjoni tal-gruppi għandha tirrifletti dejjem l-aspettattivi tal-Istati Membri u l-impatt potenzjali fuq is-Suq Uniku;

40.

Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza billi tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-kontenut u l-progress tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u billi tippreżenta rapporti regolari fl-istadji differenti kollha tal-valutazzjoni reċiproka biex il-partijiet interessati kollha jinżammu aġġornati; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika l-konklużjonijiet ewlenin tal-laqgħat fil-gruppi u dawk plenarji;

41.

Jindika li t-tabelli ta’ korrelazzjoni u valutazzjoni reċiproka għandhom finijiet differenti u għalhekk għandhom jitqiesu bħala għodod ta' politika separati u mhux interkambjabbli, u li t-tabelli ta' korrelazzjoni huma għalhekk indispensabbli fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

*

* *

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(2)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(3)  Test adottat, P7_TA(2011)0144.

(4)  Test adottat, P7_TA(2011)0051.