28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/1


It-Tlieta 15 ta’ Frar 2011
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE)

P7_TA(2011)0051

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE (2010/2053(INI))

2012/C 188 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2010 lill-Kunsill “Kompetittività” dwar is-sitwazzjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra r-rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010“Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini” (2),

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0012/2011),

A.

billi d-Direttiva dwar is-Servizzi timmira sabiex is-suq intern tas-servizzi jiġi kkompletat filwaqt li jkun iggarantit livell għoli ta’ kwalità u ta’ koeżjoni soċjali,

B.

billi d-Direttiva dwar is-Servizzi tikkostitwixxi strument għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi integrata fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Att dwar is-Suq Uniku,

C.

billi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hi stipulata fit-Trattati,

D.

billi t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tikkostitwixxi sfida kbira għall-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-awtoritajiet lokali minħabba d-dispożizzjonijiet tagħha rigward id-dritt ta’ stabbiliment u l-forniment ta’ servizzi u bl-istabbiliment ta’ punti waħdiena ta’ kuntatt biex jassistu fl-għoti ta’ servizzi, b'mod partikolari lill-SMEs,

E.

billi l-impatt tad-Direttiva fuq l-ekonomija, l-intrapriżi u ċ-ċittadini jista' jiġi vvalutat biss wara li tkun ġiet trasposta b'mod komplet u kif suppost fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni,

F.

billi l-kwalità tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri hija essenzjali bħalma huwa r-rispett tat-termini ta’ skadenza stipulati għaliha,

G.

billi bid-Direttiva dwar is-Servizzi sar ferm eħfef, l-iżjed għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, li jsegwu l-attivitajiet tagħhom, jiżviluppaw oqsma ġodda ta’ negozju u wkoll li jirreklutaw persunal ġdid fi Stati Membri oħra,

H.

billi l-attivitajiet koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi jirrappreżentaw 40 % tal-PGD u tal-impjiegi fl-UE u għalhekk jirrappreżentaw settur ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku u fil-ġlieda kontra l-qgħad; billi l-għan tad-Direttiva dwar is-Servizzi hu li tillibera l-potenzjal ekonomiku u ta’ ħolqien ta’ impjiegi enormi tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea fis-settur tas-servizzi, li hu stmat fil-livell ta’ bejn 0,6 - 1,5 % tal-PGD tal-UE; billi, barra minn hekk, id-Direttiva dwar is-Servizzi għandha l-għan li tikseb l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 TFUE,

I.

billi settur tas-servizzi aktar dinamiku b'intensità għolja ta’ mano d'opera jista' jgħin biex jiġi sostnut it-tkabbir,

1.

Ifakkar fid-dibattitu pubbliku u l-politika mingħajr preċedent li d-Direttiva dwar is-Servizzi kienet l-oġġett tagħhom u fir-rwol ewlieni tal-Parlament Ewropew f'dawn in-negozjati; iqis konsegwentement li l-Parlament Ewropew għandu jipprovdi monitoraġġ effettiv tal-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tat-traspożizzjoni;

2.

Jenfasizza li d-Direttiva dwar is-Servizzi hi pass essenzjali lejn suq intern għas-servizzi reali, li għandu jippermetti lill-intrapriżi, u b'mod partikolari lill-SMEs, jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'servizzi aħjar bi prezz kompetittiv fis-suq intern; iqis madankollu, li hu essenzjali li wara traspożizzjoni sħiħa titwettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi toħloq dinamika ta’ modernizzazzjoni mingħajr preċedent fl-Istati Membri kollha, li tirrizulta f'metodi ġodda ta’ xogħol u ta’ valutazzjoni. jenfasizza l-irwol ewlieni tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet professjonali fil-proċess ta’ traspożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ġġib flimkien b'mod formali lil dawn tal-aħħar fil-fażi ta’ valutazzjoni reċiproka;

4.

Jinnota li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ppreferew traspożizzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni “orizzontali”; josserva, madankollu, li l-metodu ta’ traspożizzjoni jiddependi mill-organizzazzjoni interna speċifika tal-Istati Membri; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri kkonċernati jiżguraw trasparenza akbar, partikolarment permezz ta’ involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali fit-tħejjija tat-tabelli ta’ korrelazzjoni;

5.

Ifakkar li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi m'għandhiex titqies mill-maġġoranza tal-Istati Membri bħala sempliċi proċedura ta’ eżekuzzjoni li tikkonsisti fl-abolizzjoni, b'mod mekkaniku u orizzontali, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet speċjali, iżda għall-kuntrarju għandha titqies bħala okkażjoni li fiha tiġi aġġornata u ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u rristrutturata b'mod sostanzjali l-ekonomija tas-servizzi, billi jiġu kkunsidrati l-objettivi ta’ salvagwardja tal-interess pubbliku, bħalma dan, wara kollox, qed jiġi definit anki fid-Direttiva stess;

6.

Jikkunsidra li biex il-fornituri tas-servizzi jibbenifikaw kif suppost mid-Direttiva dwar is-Servizzi, l-implimentazzjoni kompleta u fil-ħin tagħha, kemm f'livell legali u kemm f'dak operazzjonali, għandha tiġi żgurata fl-Istati Membri kollha;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha u biex toħroġ rapport regolari dwar l-implimentazzjoni. iqis li dawn ir-rapporti għandhom iqisu l-effetti reali fi żmien medju u fit-tul tad-Direttiva dwar l-impjiegi fl-UE;

8.

Jittama li d-Direttiva dwar is-Servizzi jkollha ġenwinament impatt pożittiv bil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, deċenti u ta’ kwalità u bit-titjib fil-kwalità u fis-sikurezza tas-servizzi pprovduti;

9.

Jagħraf il-potenzjal tad-Direttiva tas-Servizzi għal iktar integrazzjoni tal-ekonomija tal-UE u t-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku, billi jitkattru l-benessri ekonomiku u l-kompetittività u jingħata kontribut għall-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi, peress li s-servizzi għandhom sehem sinifikanti fil-PGD u l-impjiegi fl-UE; iqis li l-implimentazzjoni korretta u rapida tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha hija kundizzjoni importanti għall-ilħiq tal-miri tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali u li tista' ssaħħaħ ir-relazzjoni ta’ rinforz reċiproku bejn is-suq intern u l-politika ta’ koeżjoni u tikkontribwixxi għall-ilħiq tal-miri tal-Istrateġija UE 2020, filwaqt li sservi biex tiġi eliminata r-retiċenza eżistenti dwar is-suq uniku fis-settur tal-forniment tas-servizzi;

10.

Jispera li l-għanijiet tad-Direttiva jistgħu jibdew jintlaħqu fil-ġejjieni qarib u li l-UE kollha u r-reġjuni tagħha jistgħu jibbenefikaw, biex b'hekk jingħata kontribut għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali reali;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod effikaċi, u tivvaluta mill-bidu, l-impatt tad-Direttiva fuq ir-reġjuni, u biex tiżgura l-koordinazzjoni effikaċi tal-politiki kollha konnessi mal-implimentazzjoni tad-Direttiva; jitlob lill-Kummmissjoni tappoġġa t-twettiq ta’ kampanji ta’ informazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, sabiex jintlaħqu l-miri tagħha;

12.

Jistenna li d-Direttiva tista' fil-fatt iġġib magħha tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi kif ukoll f'każijiet ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali, partikolarment dawk li jaffettwaw lill-SMEs, li jippredominaw fil-qasam tas-servizzi; jikkunsidra li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi ser jiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi addizzjonali f'żoni rurali, remoti u dawk l-aktar imbiegħda;

13.

Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ appoġġ għall-SMEs innovattivi, li l-aktar li huma milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

Proċedura ta’ valutazzjoni

14.

Iqis li l-proċess ta’ skrining tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregola l-libertà ta’ stabbiliment u ta’ forniment ħieles ta’ servizzi jikkostitwixxi pilastru tad-Direttiva; jinnota li dan il-proċess għandu jippermetti l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ forniment ta’ servizzi bil-għan li jiffaċilita l-għoti ta’ servizzi transkonfinali;

15.

Jemmen li l-valutazzjoni reċiproka tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kwalità u l-effikaċja tar-regolazzjoni tas-suq intern peress li l-valutazzjoni sistematika u l-kontroll tat-traspożizzjoni marbut magħha jistimolaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu l-attenzjoni tagħhom lill-eżiġenzi tal-Unjoni u li jaraw li l-implimentazzjoni tal-imsemmija eżiġenzi titwettaq fil-livell nazzjonali;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi abbażi tal-proċedura ta’ valutazzjoni reċiproka proposta fid-Direttiva tas-Servizzi, li bħalissa qed tiġi trasposta mill-Istati Membri;

17.

Ifakkar li l-Istati Membri jistgħu jżommu s-sistemi tagħhom ta’ awtorizzazzjoni u ċerti rekwiżiti biss f'każijiet fejn dawn evidentement ma jkunux diskriminatorji u jekk ikunu neċessarji u proporzjonati; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, l-Istati Membri żammew ċertu ammont ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni billi rrendewhom aktar aċċessibbli u aktar trasparenti għall-fornituri tas-servizzi; jiddispjaċih li xi wħud mill-Istati Membri ma kinux aktar ambizzjużi u ma użawx kompletament il-potenzjal tad-Direttiva dwar is-Servizzi fir-rigward tas-simplifikazzjoni amministrattiva u regolatorja;

18.

Jenfasizza d-diffikultajiet li rriżultaw fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, b'mod partikolari għall-karigi mediċi; ifakkar li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma tistax tapplika għad-dispożizzjonijiet diġà koperti minn direttivi settorjali; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika din is-sitwazzjoni fil-qafas ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali;

19.

Ifakkar fid-dispożizzjonijiet speċifiċi relattivi għad-dritt tal-istabbiliment u dawk rigward il-forniment temporanju ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ din l-ispeċifiċità fil-valutazzjoni tagħha;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwaqqfu darba għal dejjem id-diskriminazzjoni mhux ġustifikata kontra l-konsumaturi abbażi tan-nazzjonalità jew tar-residenza billi jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kif ukoll l-infurzar adegwat, mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din ir-regola ta’ nondiskriminazzjoni fis-sistemi legali tal-Istati Membri; ifakkar li l-Artikolu 20(2) m'għandux l-intenzjoni li jipprevjeni differenzi fit-trattament tal-kondizzjonijiet ġenerali bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, bħal pereżempju d-distanza involuta jew l-ispejjeż ogħla li jirriżultaw mill-forniment tas-servizzi lir-riċevituri fi Stati Membri oħra;

21.

Jenfasizza li l-proċess ta’ skrining li jsir fil-qafas tad-Direttiva jikkostitwixxi ħidma importanti għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u li dan il-kompitu għandu jitqies fil-valutazzjoni tat-traspożizzjoni;

22.

Jinnota l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka; iqis li li l-proċedura ta’ valutazzjoni hija strument importanti biex jitkejjel il-progress tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fi ħdan l-Istati Membri; jikkunsidra li l-istat ta’ avvanz tal-proċess għadu ma jippermettix li tiġi vvalutata l-effikaċità tagħha; jenfasizza li l-proċedura inkwestjoni għandha tkun ta’ għajnuna biex jiġi vverifikat jekk ir-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-suq intern u li dawn ma joħolqux ostakoli ġodda; jesprimi x-xewqa tiegħu li l-Kummissjoni tipproċedi għal eżami profond tal-potenzjalitajiet ta’ dan il-metodu ġdid fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku;

23.

Jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali mhumiex iżjed involuti fil-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika ċerti professjonijiet u setturi problematiċi fir-rigward tal-forniment tas-servizzi transkonfinali u biex twettaq valutazzjoni dettaljata tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli u tal-kawżi tal-funzjonament ħażin;

Punti waħdiena ta’ kuntatt (PSCs)

25.

Iqis li l-ħolqien ta’ punti waħdiena ta’ kuntatt huwa element essenzjali għal implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva; jammetti li dan jeħtieġ sforz sostanzjali min-naħa tal-Istati Membri fil-livell finanzjarju, tekniku u organizzattiv; jenfasizza l-bżonn li s-sħab soċjali u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali jkunu involuti fil-proċess;

26.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-punti waħdiena ta’ kuntatt f'portali komprensivi tal-Gvern-e għall-fornituri ta’ servizzi li jixtiequ jwaqqfu negozju jew jipprovdu servizzi transkonfinali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-aċċessibilità tal-punti waħdiena ta’ kuntatt, inkluża l-possibilità li jitwettqu l-akkwisti b'mod elettroniku, mingħajr il-bżonn li dak li jkun imur f'wieħed minn dawn il-punti waħdiena ta’ kuntatt, kif ukoll il-kwalità u l-pertinenza tal-informazzjoni u l-proċeduri disponibbli għall-utenti, b'mod partikolari l-SMEs, inkluż l-inklużjoni u t-temma tal-proċeduri skont il-liġi tax-xogħol u fiskali li tinsab fis-seħħ fl-Istat Membru rilevanti għall-fornituri tas-servizz, bħall-proċeduri marbutin mal-VAT u mar-reġistrazzjoni għas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li t-tagħrif kollu pprovdut mill-punti waħdiena ta’ kuntatt ikun disponibbli wkoll b'lingwi oħra barra minn dawk nazzjonali, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-lingwi tal-pajjiżi ġirien;

27.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu d-disponibilità ta’ proċeduri elettroniċi – fost l-oħrajn, bis-saħħa tat-traduzzjoni tal-formoli rilevanti kollha; jistieden lill-Istati Membri biex joffru faċilitajiet ta’ rintraċċar għall-utenti tal-PSC, li bihom dawn l-utenti jkunu jistgħu jsegwu l-progress tal-proċeduri li jkunu għaddejjin;

28.

Jirrikonoxxi l-problemi ffaċċjati fil-proċess tal-funzjonament tal-punt waħdieni ta’ kuntatt fir-rigward tal-prova tal-identità, l-użu ta’ firem elettroniċi, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti oriġinali jew kopji ċċertifikati, speċjalment fil-kuntest transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwestjoni biex l-SMEs ikunu jistgħu jibbenifikaw mis-suq uniku u jevitaw kwalunkwe inċertezza legali u teknika;

29.

Jenfasizza li huwa partikolarment importanti, bl-għan li jkun faċli għal min jużahom, li jiġi ċċarat liema rekwiżiti japplikaw għall-istabbiliment permanenti ta’ negozju meta mqabbel mal-forniment ta’ servizzi transkonfinali fuq bażi temporanja;

30.

Jiddispjaċih li l-parir offrut mill-punti waħdiena ta’ kuntatt għadu ma jilħaqx il-fornituri tas-servizzi prospettivi u l-informazzjoni dwar kif wieħed jista' jikkuntattja lill-punti waħdiena ta’ kuntatt għadha mhix magħrufa minn kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi xierqa fl-abbozz tal-baġit 2012 biex tniedi promozzjoni ta’ punti waħdiena ta’ kuntatt fil-livell Ewropew biex wieħed ikun konxju tal-possibilitajiet li dawn jistgħu joffru lill-fornituri tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-parteċipanti interessati, jagħtu bidu kemm jista' jkun malajr għal kampanji ta’ promozzjoni, informazzjoni u ta’ taħriġ b'mira speċifika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-viżibilità u r-rikonoxxibilità tad-dominju eu-go u li jkunu jinkludu studji ta’ każijiet ta’ negozji li qed jużaw il-punti waħdiena ta’ kuntatt u l-benefiċċji li rriżultawlhom minnhom;

31.

Iqis li d-djalogu u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri jiffurmaw elementi importanti ħafna għat-titjib u l-iżvilupp tal-punti waħdiena ta’ kuntatt inkwestjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti fl-Istati fejn il-punti waħdiena ta’ kuntatt jew għadhom ma jeżistux jew ma joperawx b'mod sodisfaċenti; jistieden il-parti l-kbira tal-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex il-proċessi u l-proċeduri meħtieġa jkunu jistgħu jitwettqu permezz tal-punti waħdiena ta’ kuntatt;

32.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-websajts nazzjonali tal-punti waħdiena ta’ kuntatt iqiegħdu għad-disponibilità tal-utenti l-obbligi ta’ informazzjoni ġodda li huma meħtieġa mill-fornituri ta’ servizzi għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni statistika paragunabbli meħtieġa għall-valutazzjoni tal-funzjonament tal-punti waħdiena ta’ kuntatt u l-impatt ta’ dawn tal-aħħar fil-livell nazzjonali u Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-punti waħdiena ta’ kuntatt. iqis li dawn il-kriterji għandhom jibbażaw ruħhom fuq indikaturi kemm kwantitattivi u kemm kwalitattivi;

34.

Jinnota li xi wħud mill-Istati Membri jeħtieġu jindirizzaw numru ta’ kwestjonijiet legali u tekniċi biex jippermettu l-użu transkonfinali tal-punti waħdiena ta’ kuntatt; jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa, b'attenzjoni partikolari għar-rikonoxximent tal-firem elettroniċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' sejra bl-isforzi kontinwi tagħha biex ittejjeb l-interoperabilità u r-rikonoxximent reċiproku tal-proċeduri elettroniċi u tieħu l-miżuri ta’ appoġġ meħtieġa biex tħaffef l-użu transkonfinali tal-punti waħdiena ta’ kuntatt; jirrakkomanda li l-Kummissjoni toffri lill-fornituri tas-servizzi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, link elettroniku dirett għall-punti waħdiena ta’ kuntatt tal-Istati Membri;

35.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi biex jiżguraw l-interoperabilità elettronika sħiħa tal-punti waħdiena ta’ kuntatt; jenfasizza r-rabta mal-proposta 22 tal-Att dwar is-Suq Uniku dwar il-firem elettroniċi, l-awtentifikazzjoni elettronika u l-identifikazzjoni elettronika;

36.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu valutazzjoni tar-riskju biex jiżguraw li n-negozji ma jiffaċċjawx piżijiet eċċessivi meta jkunu jridu jikkompletaw il-proċeduri tagħhom elettronikament; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilitajiet li l-intrapriżi jużaw il-mezzi nazzjonali tagħhom ta’ identifikazzjoni/awtentikar elettroniku jekk huma jużaw il-punt waħdieni ta’ kuntatt fi Stati Membri oħrajn;

37.

Iqis li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni kumplessa, iċ-ċittadini kollha għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw mal-awtoritajiet fl-oqsma rispettivi tar-responsabbiltà tagħhom, sabiex jingħataw tweġiba preċiża għall-mistoqsijiet tagħhom; jikkunsidra li l-kunċett ta’ deċiżjonijiet amministrattivi bil-quddiem għandu għalhekk ikun żviluppat fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u fil-qasam tas-sigurtà soċjali sabiex tiġi missielta l-inċertezza legali; iqis, barra minn hekk, li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, għandhom jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet meħuda;

Kooperazzjoni amministrattiva

38.

Ifakkar fl-importanza tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka; jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija l-kundizzjoni biex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-fornituri tas-servizzi u livell għoli ta’ kwalità u ta’ sigurtà tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

39.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-ammont li qed jiżdied tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kontroll tas-servizzi fi ħdan is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) li tippermetti skambju ta’ informazzjoni dirett, rapidu u effikaċi; iqis li l-IMI tista' tintuża għal direttivi rilevanti oħra;

40.

Jemmen li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u l-punti ta’ kuntatt uniku – peress li dawn jeħtieġu sforz kbir ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kollha involuti – jistgħu jwittu t-triq għal iktar interoperabbiltà u netwerking fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-UE kollha; jikkunsidra li, meta jkunu qed jiġu definiti r-regoli u l-proċeduri biex jiżguraw il-funzjonament tagħha, għandu jkun hemm ċerta flessibilità skont dak li tirrikjedi d-diversità reġjonali fil-livell tal-UE u li, għal dan l-għan, kull miżura għandha tiġi adottata bi sħab u wara dibattitu veru fil-livell lokali u reġjonali;

41.

Iqis li huwa utli li tiġi stabbilita kooperazzjoni fil-kuntest ta’ netwerk Ewropew magħmul mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u li jiġi stabbilit skambju ta’ informazzjoni fuq l-affidabbiltà tal-fornituri tas-servizzi, biex b'hekk jiġu eliminati kontrolli addizzjonali li jseħħu fuq l-attivitajiet transkonfinali;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati azzjonijiet ta’ taħriġ ta’ uffiċjali fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali inkarigati mill-kontroll tas-servizzi; jirrikonoxxi l-isforzi li l-Istati Membri diġà għamlu f'dan ir-rigward u jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jikkonsolidaw in-netwerks nazzjonali tal-IMI permezz ta’ monitoraġġ kontinwu tax-xogħol prattiku tagħhom u billi jiġi żgurat li jkun hemm taħriġ adegwat; ifakkar li s-suċċess sostenibbli tal-IMI jiddependi fuq investiment adegwat fil-livell Komunitarju; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tintroduċi programm multiannwali għal dan l-iskop u timmobilizza r-riżorsi kollha meħtieġa biex dan il-programm ikun ta’ suċċess;

43.

huwa tal-fehma li l-proċeduri amministrattivi jeħtiġilhom isiru aktar effiċjenti; jikkunsidra li jkun utli f'dan il-kuntest li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-punti ta’ kuntatt uniku, sabiex huma jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi fil-qasam ta’ servizzi transkonfinali fir-reġjuni differenti tal-Ewropa;

Ambitu

44.

Ifakkar li d-Direttiva eskludiet għadd ta’ oqsma mill-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha, inklużi s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, is-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-biċċa l-kbira tas-servizzi soċjali; jinnota li d-Direttiva ma tapplikax għal-liġi tax-xogħol u lanqas ma taffettwa l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri;

45.

Jinnota d-diskussjonijiet f'xi wħud mill-Istati Membri dwar is-servizzi li ġew esklużi mill-ambitu tad-Direttiva; jinnota li l-maġġoranza tal-Istati Membri ma ltaqgħux ma’ problemi sinifikanti matul l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fir-rigward tal-ambitu tagħha; ifakkar li dawn is-servizzi ġew esklużi minħabba n-natura speċifika tagħhom u l-fatt li, f'xi każijiet, jirrikjedu qafas leġiżlattiv Komunitarju settorjali; jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” timpenja ruħha biex fl-2011 tressaq ġabra ta’ miżuri marbutin ma’ servizzi ta’ interess ġenerali;

46.

Jitlob għal monitoraġġ xieraq u komprensiv għall-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, filwaqt li jiġi rrispettat it-taqsim tal-kompetenzi mal-Istati Membri; jinnota li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li, bi qbil mar-regoli Komunitarji, jistabbilixxu liema servizzi jqisuhom ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom ikunu organizzati u ffinanzjati b'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat u għal liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu suġġetti;

47.

Jitlob kunsiderazzjoni akbar tal-prinċipju bażiku tal-awtogovernanza lokali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, u li jiġu evitati kemm jista' jkun piżijiet amministrattivi burokratiċi u restrizzjonijiet tal-libertà deċiżjonali fil-livell lokali rigward servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

48.

Iqis li l-miżuri addizzjonali meħtieġa biex jiġi kkompletat is-suq intern tas-servizzi għandhom ikunu integrati kompletament fid-diskussjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku;

*

* *

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0186.