52011DC0803

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEsL-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro /* KUMM/2011/0803 finali */


INTRODUZZJONI

Intrapriżi żgħar u medji (SMEs) għandhom rwol ewlieni fit-tfassil tal-ekonomija Ewropea, li jammonta għal 99% tal-intrapriżi, li minnhom 92% huma intrapriżi mikro[1]. Huma jipprovdu iktar minn żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat u għandhom rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku. Huma għandhom rwol kruċjali għall-ekonomija Ewropea bħala impjegaturi u sorsi ta' innovazzjoni. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa l-iżvilupp tagħhom, notevolment permezz tal-"Att għan-Negozji ż-Żgħar" bil-prinċipju tiegħu "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" u billi tiffaċilita, fost affarijiet oħra, l-aċċess għall-fondi tal-UE. L-aġenda tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti tal-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tgħin lin-negozji ż-żgħar billi timminimizza l-piż regolatorju tal-leġiżlazzjoni li hija kkunsidrata neċessarja fil-livell tal-UE.

L-Istrateġija għat-tkabbir tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin, l-Ewropa 2020, tissottolinja l-importanza li jkun imtejjeb l-ambjent tan-negozju, anki permezz ta' regolamentazzjoni intelliġenti, biex l-intrapriżi Ewropej isiru aktar kompetittivi fuq skala globali. Madanakollu l-kriżi finanzjarja qed ikollha impatt serju fuq ħafna mill-kumpaniji żgħar fl-Ekonomija tal-UE. Huwa għalhekk, essenzjali li l-mikro impriżi jitħallew isegwu l-għanijiet tan-negozju tagħhom mingħajr regolamentazzjoni żejda. Il-Kummissjoni hija konxja li l-iżgħar kumpaniji jiffaċċjaw l-ikbar kostijiet biex jikkonformaw mar-regolamenti[2]. Il-konformità mal-leġiżlazzjoni li toħroġ mil-livelli regjonali, nazzjonli jew Ewropej dejjem se tkun iktar ta' piż għall-intrapriżi ż-żgħar.

Din il-ktejba tispjega modi kif il-kunċett "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" jimxi 'l quddiem biex iwassal għal riżultati fi żmien qasir. Hija tispjega kif il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-użu tal-eżenzjonijiet jew reġimi speċifiċi, eħfef għall-SMEs jew kumpaniji mikro. Tispjega wkoll kif dan se jkun segwit permezz ta' proċess leġiżlattiv u implimentazzjoni.

Ir-regolamentazzjoni hija parti neċessarja għall-ħajja moderna tan-negozju. Hija tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ħaddiema minn riskji ta' sigurtà, u l-ambjent mit-tniġġiż. Hija l-vejjikolu li bih jinkisbu l-għanijiet tal-politika pubblika. L-iżvilupp kontinwu tas-suq intern tal-UE jġib miegħu bosta opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji ta' kull daqs iżda jeħtieġ ukoll regolamentazzjoni minima biex jiffunzjona.

Il-Kummisjoni tilqa' l-interess tal-Kunsill Ewropew f'din il-kwistjoni, u tistenna bil-ħerqa r-rispons tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-partijiet involuti l-oħra dwar dan ir-rapport, li se jgħin biex imexxi dan ix-xogħol 'il quddiem. Il-Kummissjoni tittama wkoll li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappoġġaw b'mod sod il-proposti leġiżlattivi tagħha bil-għan li jżommu l-kostijiet regolatorji minimi għall-SMEs u speċjalment għall-intrapriżi mikro.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tgħinhom jimminimizzaw il-piż regolatorju u jeliminaw "indurar" meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE.

X'SAR SA ISSA

Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tipproduċi proposti leġiżlattivi tajbin għall-SMEs, bħall-eżenzjoni tal-entitajiet mikro minn rekwiżiti legali mhux neċessarji fid-direttivii tal-kontabbiltà. Hija impenjata bis-sħiħ għall-valutazzjoni tal-impatti ta' leġiżlazzjoni ġdida jew reveduta dwar l-SMEs permezz tal-proċess tagħha ta' valutazzjoni li hu żviluppat sew; regolarment hija tivvaluta wkoll jekk leġiżlazzjoni tkunx qed taqdi l-funzjoni li kienet intiża għalija. Permezz tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA)[3] u l-Att dwar is-Suq Uniku (SMA)[4] qed tieħu passi biex tiffaċilita l-aċess għall-finanzi lill-SMEs, waħda mill-ikbar sfidi li jifaċċjaw fil-kriżi attwali. Miżuri estensivi ta' simplifikazzjoni qed ikunu applikati biex jgħinu lill-SMEs jieħdu sehem fi programmi ffinanzjati mill-UE. L-aħħar proposta tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni, pereżempju, introduċiet sett prinċipali ta' regoli komuni għall-ħames fondi kkonċernati[5], inklużi metodi simplifikati ta' rimborż, li se jissimplifikaw b'mod sinjifikanti l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal fondi tal-UE għall-SMEs.

Il-Kummissjoni wetqet żewġ eżerċizzi biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti. L-ewwel ħaġa, Programm ta' Simplifikazzjoni, kbir, biex jiffaċilita, jaġġorna u jikkonsolida l-liġi tal-UE: madwar 200 proposta kienu adottati li jwasslu benefiċċji sostanzjali għan-negozji. It-tieni nett, il-Programm tat-Tnaqqis tal-Piż Amministrattiv: Tressqu proposti tal-Kummissjoni li jirrapreżentaw tnaqqis ta' 33% tal-piżijiet immirati, lil hinn mill-objettiv ta' 25%. Il-ko-leġiżlatur adotta proposti li jammontaw għal tnaqqis ta' 22%. L-Istati Membri bdew jimplimentaw uħud minn dawn il-miżuri.

Rapport dwar l-aħjar prattiċi tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE bl-eħfef modi possibbli qed ikun ippreparat mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' partijiet involuti dwar il-piżijiet amministrattivi ppresedut minn Dr. E. Stoiber. Iktar informazzjoni dwar ir-riżultati ta' dan ix-xogħol kollu tinstab fil-Kommunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti[6].

L-ENFAżI ULTERJURI FUQ IL-BżONN LI "L-EWWEL AħSEB FIż-ŻGħIR" META JKUNU QED JIġU PREPARATI PROPOSTI ġODDA

Wara proposta mill-President Barroso, milqugħa mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju tal-2011, il-Kummissjoni bdiet eżami analitiku ġdid tal-acquis leġiżlattiv tal-UE biex timplimenta l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" u tidentifika eżenzjonijiet u tnaqqis ta' piżijiet ulterjuri possibbli għall-SMEs, partikolarment l-intrapriżi mikro.

L-eżami analitiku tal-acquis qed isir iżda l-involviment tal-partijiet involuti fl-SMEs huwa vitali sabiex ikunu identifikati dawk il-każijiet li jistgħu verament jagħmlu differenza. SMEs u kumpaniji mikro jeħtieg li jkunu involuti aħjar f'dan l-eżerċizzju minħabba li esprimew tħassib li l-eżenzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal żvantaġġi għas-sitwazzjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni, mekkaniżmi ta' konsulatazzjoni aħjar u iktar speċifiċi għall-SMEs u l-kumpaniji mikro qed ikunu stabbiliti.

L-ewwel riżultati tal-proċess tal-eżami analitiku juru li huwa ġeneralment diffiċli li jkunu identifikati kriterji ċari biex tkun identifikata l-leġiżlazzjoni li minnha l-kumpaniji mikro jistgħu jkunu eżentati. L-SMEs u r-Rapreżentanti tagħhom huma konxji li l-SMEs ma jistgħux jipretendu li huma 'l fuq mil-liġi. Ħafna leġiżlazzjoni, li tkopri obbligi fundamentali ta' politika pubblika, se tibqa' applikabbli għall-SMEs u l-kumpaniji mikro, pereżempju, l-istandards tas-sigurtà tal-prodotti li huma parti integrali għall-kummerċ fis-suq uniku. Eżenzjonijiet jew dispożizzjonijiet eħfef għan-negozji iżgħar mhux se jfixxklu l-objettivi ġenerali tal-politika pubblika segwita permezz tar-regolamenti relevanti, pereżempju fis-sikurezza u s-saħħa pubblika u fuq il-post tax-xogħol, is-sikurezza tal-ikel jew il-protezzjoni tal-ambjent. L-għanijiet tagħhom għandhom ikunu li jnaqqsu l-piż sproporzjonat għall-kisba ta' dawn l-objettivi. Hemm waqtiet meta t-tħaffif tal-piż għall-operaturi iżgħar, waqt li fih nnifisu hu attraenti, jista' jwassal għal riperkussjonijiet negattivi li jistgħu jiżbqu kwalunkwe benefiċċju. F'tali każijiet il-priorità marbuta mal-impatt fuq operaturi iżgħar għandu jkollha rwol ewlieni fit-tfassil tal-istrument kollu kemm hu. Il-kwistjoni ewlenija hi li jkun applikat il-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" biex ikunu evitati piżijiet żejda fuq l-SMEs.

Volum mhux insinifikanti ta' kostijiet jirriżulta mit-tlestija u ż-żamma tad-dokumenti u r-rekords jew mill-fatt li ssir ispezzjoni biex turi l-konformità. Tali kostijiet jistgħu jitneħħew kollha jew parti minnhom jew ikunu ffaċilitati għall-impriżi żgħar. Fejn il-liġijiet huma ffukati fuq il-proċessi, bħal dawk relatati pereżempju, mal-istandards tal-iġjene, l-obbligi li tieħu l-affarijiet lura jew dispożizzjonijiet simili, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżviluppa approċi tal-qis li huma iktar sempliċi u jipprevjenu li n-negozji jkollhom jiflu kotba tar-regoli twal għall-partijiet li japplikaw għalihom.

Eżempji ta' riżultati preliminari tal-eżami analitiku li għaddej bħalissa jidhru fl-annessi 1 u 2.

L-eżami analitiku juri firxa importanti ta' leġiżlazzjoni bl-eżenzjonijiet ezistenti. Għandha ssir distinzjoni bejn każijiet differenti. F'xi każijiet, l-SMEs huma kompletament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. F'waqtiet oħra, il-leġiżlazzjoni tapplika għall-SMEs iżda jingħataw eżenzjonijiet abbażi tad-daqs tal-intrapriża. Finalment, il-leġiżlazzjoni hija applikabbli għall-SMES iżda b'rekwiżiti mnaqqsa.

Waqt li l-objettiv ġenerali huwa li n-negozji ż-żgħar ikunu eżentati, dawn l-eżenzjonijiet huma definiti skont il-każ b'limiti minimi differenti skont in-natura speċifika tas-settur u l-objettiv ġenerali tal-leġiżlazzjoni.

Leġiżlazzjoni li teskludi n-negozji ż-żgħar mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha

F'ċerti każijiet, in-negozji ż-żgħar mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju mill-applikazzjoni tal-prinċipju de minimis .

Eżenzjonijiet diġà applikati jew previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE:

- Eżenzjoni parzjali : pereżempju, bastimenti tas-sajd taħt il-15-il metru li joperaw esklussivament fl-ibħra teritorjali jistgħu jkunu eżentati mill-obbligu li jkunu mgħammra b'sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti; kumpaniji mikro huma eżentati milli jinstallaw takografi fuq trakkijiet li jivvjaġġaw f'radian limitat;

- Perjodi ta' tranżizzjoni estiżi : pereżempju, il-perjodu itwal ta' adattazzjoni permess għall-SMEs biex jinstallaw sinjali tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; u perjodu tranżizzjonali ta' sentejn li jippermetti lill-SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni jadattaw għal-leġiżlazzjoni dwar l-użu tat-tgħamir tax-xogħol.

- Eżenzjonijiet temporanji : kumpaniji mikro huma eżentati għal perjodu limitat minn ċertu dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħall-eżenzjoni temporanja ta' persuni li jaħdmu għal rashom u li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq li kienu eżentati mid-direttivi dwar il-ħinijiet tax-xogħol sa Marzu 2009.

Leġiżlazzjoni tal-qis:

- F'ċerti dominji, ir-rekwiżiti ma għandhomx ikunu l-istess għall-ikbar u l-iżgħar kumpaniji. Għalhekk il-Kummissjoni, f'konformità max-xewqiet tal-partijiet involuti, qed tiprepara leġiżlazzjoni dwar il-liġi tal-kontabbiltà li se tiddistingwi b'mod ċar l-obbligi għal kull kategorija ta' negozju (kbir, tan-nofs, żgħir u mikro). Eżempju ulterjuri ta' dan hija r-riforma li qed issir tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, li qed teżamina modi kif ittaffi l-piż tal-leġiżlazzjoni għall-intrapriżi mikro u l-SMEs billi tintroduċi obbligi eħfef kull fejn possibbli, mingħajr ma tippreġudika l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

- Il-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza se ttaffi xi obbligi marbuta mal-elenkar u tagħmel s-swieq tal-kapital iktar attraenti għall-SMEs.

- B'mod addizzjonali mas-sett prinċipali tar-regoli komuni għall-ħames fondi relevanti introdotti mill-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni, simplifikazzjoni ulterjuri hija ppjanata għall-programm tal-UE li jmiss dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, Horizon 2020, partikolarment biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-SMEs.

IT-TISħIħ TAL-APPLIKAZZJONI TAT-TEST TAL-SME PATIKOLARMENT GħALL-INTRAPRIżI MIKRO

Sabiex jissaħħah l-iffokar fuq l-eżenzjonijiet u l-leġiżlazzzjoni tal-qis għall-intrapriżi mikro u għall-SMEs, il-Kummissjoni bdiet taħdem biex tinverti l-oneru tal-provi. Minn Jannar 2012 il-preparazzjoni tal-Kummissjoni tal-proposti futuri leġiżlattivi kollha se tkun ibbażata fuq il-premessa li partikolarment l-entitajiet mikro għandhom ikunu eżenti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni proposta sakemm ma tkunx murija l-proporzjonalità li jkopruhom . Din il-wirja hija element ġdid li għandu jkun inkluż fit-test tal-SME. Modifikat b'dan il-mod it-test se jinverti b'mod de facto l-oneru tal-provi u jiffoka l-preparazzjoni tal-liġi tal-UE fuq is-sitwazzzjoni speċifika tal-SMEs u l-kumpaniji mikro.

Mill-istess data l-Kummissjoni se tiżgura wkoll li, f'każijiet fejn l-intrapriżi mikro jridu jkunu koperti mill-proposti leġiżlattivi tagħha għar-raġunijiet usa' ta' politika pubblika, il-proposti tagħha jkunu sostanzjati permezz tal-introduzzjoni ta' dimensjoni għall-entitajiet mikro fit-"test tal-SMEs" li jifforma parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt regolari. F'dawn il-każijiet, se jkunu mfittxija rikorsi għal soluzzjonijiet adattati u reġimi eħfef . Hekk kif l-argumenti u r-raġunijiet għal regimi eħfef isiru iktar viżibbli, għandu jkun iktar faċli wkoll li tkun intraċċata l-pożizzjoni tal-SMEs u l-kumpaniji mikro matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Biex tinkiseb din il-bidla kbira fil-politika u biex ikun aċċertat li tali bidla tkun imwettqa sal-fażi ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni , aġġornata fuq bażi annwali, li se turi:

- L-eżenzjonijiet u r-reġimi eħfef kollha għall-SMEs u għall-intrapriżi mikro proposti mill-Kummissjoni kif ukoll proposti oħra fejn l-impatt fuq operaturi iżgħar kien identifikat bħala fattur maġġuri;

- il-mod kif jinbidlu matul il-proċess ta' ko-deċiżjoni u l-eżitu finali tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill;

- l-implimentazzjoni sussegwenti minn kull Stat Membru ta' dawn id-dispożizzjonijiet, b'enfasi partikolari fuq l-issottolinear tal-"indurar" fejn dan isir fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

Dan se jippermetti lill-partijiet kollha interessati jidentifikaw fejn isir progress – jew fejn stadji differenti fiċ-ċiklu leġiżlattiv tal-UE jmorru lura mis-simplifikazzjoni, eċċ.

PJAN TA' AZZJONI BIEX L-SMES IKUNU INVOLUTI AħJAR FIT-TFASSIL TAL-LIġI U FL-EVALWAZZJONI TAL-PROGRESS LI JSIR

Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-SMEs b'opportunitajiet imfassal aħjar biex jagħtu l-opinjoni tagħom u biex jgħinu fit-tfassil ta' deċiżjonijiet immirati għall-ħtiġijiet tagħhom. Hija se tiddiskuti magħhom il-mod li jippreferu biex jimmitigaw il-piż regolatorju f'sitwazzjonijiet jew dominji ta' tipi differenti. Il-Kummissjoni se tikkonsultahom b'mod xieraq fuq il-perċezzjonijiet tagħhom tar-riżultati mistennija għall-miżuri differenti. Fil-qasam tal-politika soċjali l-Kummissjoni ser tuża l-proċess ta' konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej dispost għalih skont l-Artikolu 154 tat-Trattat, qabel ma toħroġ il-proposta. Addizzjonalment il-Kummissjoni qiegħda tirrevedi l-proċess tagħha ta' konsultazzjoni bħala segwitu għall-Kommunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelligenti u biħsiebha tagħmel il-bidliet li ġejjin:

1. Il-Kummissjoni se ssaħħah l-involviment u l-konsultazzjoni tan-negozji ż-żgħar fi tfassil aħjar tal-liġijiet.

2. Konsultazzjonijiet speċifiċi tal-Bord tal-SMEs, fin-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża, se jintużaw iktar ta' spiss biex jipprovdu input dirett mill-SMEs għall-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u għal firxa ta' għanijiet oħra: pereżempju, konsultazzjoni li għaddejja bħalissa tistieden lill-SMEs jirrapurtaw dwar l-iktar ostakoli ta' piż li qed jiffaċċjaw fis-Suq Intern.

3. Konferenzi dedikati mal-SMEs u l-kumpaniji mikro fl-Istati Membri, bil-Kummissjoni li tisma' u tigbor il-problemi mressqa mill-SMEs u l-Kumpaniji mikro, attwalment qed ikunu ttestjati u se jkunu varati fuq skala ikbar fil-qafas tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Intelliġenti u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar.

4. Ir-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar jintroduċi struttura ġdida ta' governanza biex jiżgura li l-opinjonijiet tal-SMEs ikunu kkunsidrati fit-twettiq u fl-implimentazzjoni effikaċji tal-Att. Fin-netwerk stabbilita riċentament tal-Mibgħuta nazzjonali tal-SMEs u l-Assemblea tal-SMEs, l-organizzazzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali tal-SMEs se jirrapurtaw dwar u jevalwaw it-twettiq tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u jippromwovu l-iskambju tal-prattiċi tajba, tipikament dwar kif tkun żgurata leġiżlazzjoni tajba għall-SMEs u jkun evitat piż regolatorju żejjed.

5. In-netwerk tal-Mibgħuta nazzjonali tal-SMEs se jkollha l-opportunità tipprovdi l-opinjoni tagħhom dwar fejn huma l-aktar meħtieġa l-eżenzjonijiet jew reġimi eħfef u kif għandhom ikunu ppreżentati. Il-Mibgħut tal-SMEs tal-Kummissjoni se jaħdem mal-partijiet involuti tal-SME u jiżgura li l-interessi tal-SMEs ikunu kkunsidrati fil-proposti tal-Kummissjoni relevanti għan-negozju.

6. Se tinħoloq paġna tal-web iddedikata, biex tidentifika l-għaxar atti leġiżlattivi tal-UE li huma l-iktar ikkunsidrati li jitfgħu piż fuq kumpaniji mikro u SMEs. Din se tintuża biex isiru reviżjonijiet iffukati u tal-qis ta' dawn l-atti leġiżlattivi.

Il-finanzjament ta' dawn l-azzjonijiet u l-inizjattivi se jkun kopert minn programmi eżistenti jew pjanati skont il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali kurrenti u l-proposti għall-qafas il-ġdid tal-2014-2020.

Sabiex ikun minimizzat il-piż regolatorju fuq l-SMEs u l-intrapriżi mikro, il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li huma japplikaw l-istess prinċipji spjegati hawn fuq u li, b'mod partikolari, huma:

- jinvolvu l-komunità tan-negozji ż-żgħar mill-qrib fit-tfassil tal-liġijiet mill-bidu nett;

- jieħdu l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" pass iktar 'il quddiem billi japplikawh fit-tfassil tal-liġijiet nazzjonali u billi jikkunsidraw rekwiżiti eħfef u eżenzjonijiet skont il-każ fejn dan ikun xieraq; u

- japplikaw it-"Test tal-SMEs" fil-valutazzjonijiet tal-impatt u jsaħħu d-dimensjoni tal-intrapriżi mikro ta' dan it-Test.

Il-mibgħut nazzjonali tal-SMEs għandu jkollu rwol ewlieni f'pajjiżu biex jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet f'koperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs

IL-KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni stabilixxiet azzjonijiet konkreti f'dan ir-rapport biex ikunu minimizzati l-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs, b'mod partikolari għall-intrapriżi mikro. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna jappoġġaw dan l-aproċċ u jużaw it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kummissjoni biex isegwu eżenzjonijiet u rekwiżiti eħfef għal intrapriżi mikro permezz tal-proċess ta' kodeċiżjoni u ta' implimentazzjoni. Il-Kummisjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom li japplikaw il-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" bis-sħiħ u għal implimentazzjoni rapida tal-prinċipji u tal-azzjonijiet applikabbli fuq il-livell tal-Istat Membru.

Anness 1 – Leġiżlazzjoni eżistenti b'eżenzjonijiet jew reġim eħfef

Leġiżlazzjoni | Eżenzjoni jew reġim eħfef |

1 | Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 | Fejn jingħataw kuntratti lil SMEs li joperaw flotta ta' inqas minn 23 vejjikolu, il-limitu minimu li fuqu l-kuntratt jrid jinfetaħ għal sejħa kompetittiva għall-offerti jista' jkun irduppjat, biex b'hekk il-proċedura ta' akkwist pubbliku tkun iffaċilitata u ta' piż inqas. |

2 | Id-Direttiva tal-Kunsill 92/58/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-ħtigijiet minimi għall-provvista ta' sinjali tas-sigurtà u/jew tas-saħħa fuq ix-xogħol (id-disa' Direttiva individwali fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) | L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-kategoriji tal-impriżi (skont id-daqs jew l-attività) li jistgħu jitħallew jisostitwixxu kompletament, parzjalment jew temporanjament, l-obbligu li jkollhom is-sinjali illuminati, u/jew sinjali akustiċi sakemm jużaw mezzi oħra li jagħtu l-istess livell ta' protezzjoni. |

3 | Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi | Kumpaniji li jimmanifatturaw kwantitajiet żgħar jistgħu japplikaw mal-korp ta' approvazzjoni tagħhom biex ikollhom rekwiżiti mnaqqsa (NB: bħalissa qed tiġi preparata eżenzjoni ulterjuri biex produtturi ta' serji żgħar ikunu eżentati minn ċerti rekwiżiti tekniċi fil-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur). |

4 | Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja minn organizzazzjonijiet fl-Iskema ta’ amministrazzjoni u verifika tal-ambjent tal-Komunità (EMAS)) | L-SMEs jistgħu ma jkunux meħtieġa jirrapurtaw fuq bazi annwali sabiex ikunu rreġistrati għall-EMAS. |

5 | Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea | Id-Direttiva tapplika għall-impriżi li jimpjegaw mill-inqas 50 impjegat u stabbilimenti li għandhom mill-inqas 20 impjegat. |

6 | Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-liv tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE | L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw arranġamenti speċjali biex jissodisfaw ir-rekwiżti operazzjonali u organizzazzjonali tal-impriżi żgħar. |

7 | Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji | L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-obbligi għall-impriżi jew min-negozji li, skont in-numru tal-impjegati, jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-elezzjoni jew in-nomina ta' korp kolleġjali li jirrappreżenta lill-impjegati. |

8 | Id-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija | L-Istati Membri jistgħu jeskludu d-distributuri ż-żgħar mill-obbligu li jappoġġġaw l-iffrankar tal-enerġija għall-użu aħħari tal-konsum u li jipprovdu kejl tal-konsum avvanzat u kontjiet informattivi. |

9 | Id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija | Id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu trattament aħjar lil koġenerazzjoni fuq skala żgħira b'effiċjenza għolja fejn għandu x'jaqsam l-aċeess għas-sistemi tad-distribuzzjoni. |

10 | Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud | L-Istati Membri għandhom il-permess jimplimentaw skemi ta' intaxxar u ġbir tal-VAT simplifikati, bħal skemi ta' rati fissi tal-VAT, għall-intrapriżi żgħar. |

11 | Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi | L-Istati Membri jistgħu jeżentaw produtturi li, f'relazzjoni mad-daqs tas-suq nazzjonali, ibigħu kwantitajiet żgħar ħafna ta' batteriji jew akkumulaturi mill-obbligu li jagħmlu kontribut finanzjarju għall-ħtiġijiet tat-trattament tal-iskart u r-riċiklaġġ. |

12 | Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC: | L-Istati Membri jistgħu jeskludu kompletament jew parzjalment ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bazi każwali mill-kundizzjonijiet ta' din il-leġiżlazzjoni. |

13 | Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd | L-eżenzjoni għall-bastimenti tas-sajd taħt il-15-il metru mill-obbligu li jkunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, minħabba li dawn iġarrbu kostijiet sproporzjonati. |

14 | Id-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mad-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni | Perjodi tranżizzjonali itwal ingħataw lill-SMEs biex jadattaw il-produzzjoni tagħhom (dgħajjes żgħar) għar-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva. |

15 | Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel | L-operaturi tan-negozji alimentari huma responsabbli għall-iġjene tal-ikel. L-implimentazzjoni tal-metodoloġija HACCP (Analiżi tar-Riskji u l-Kontrol ta' Punti Kritiċi), sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-ikel, hija meħtieġa. Madanakollu, l-SMEs jistgħu jadattaw aspetti tal-leġiżlazzjoni għas-sitwazzjoni tagħhom (pereżempju tnaqqis tal-frekwenza tal-awtokontroll). Produtturi primarji bejjiegħa bl-imnut jistgħu jissostitwixxu l-implimentazzjoni tal-HACCP bl-implimentazzjoni tal-gwidi settorjali ta' prattiċi tajba. |

16 | Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità | L-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tinkludi limitu minimu ta' kapaċità biex teskludi installazzjonijiet żgħar mill-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet jew biex tissottomettihom għal miżuri ekwivalenti u monitoraġġ simplifikat u rekwiżiti ta' rapportaġġ għall-installazzjonijiet b'emmissjonijiet baxxi. |

17 | Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ | Eżenzjonijiet dwar il-prospett li għandu jkun ippubblikat meta jkunu offruti titoli lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ huma pprovduti għall-offerti taħt EUR 2,5 Mio. |

18 | Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni | Id-Direttiva tinkludi derogi posibbli għal vapuri li jivjaġġaw biss fl-ilmijiet interni ta' Stat Membru wieħed. Dawn id-derogi jistgħu jintużaw f'każijiet fejn tgħamir li jopera fuq passaġġi tal-ilma mhux magħqudin ma' passaġġi interni tal-ilma ta' Stati Membri oħra, jew fuq dgħajjes b'piż li ma jaqbiżx il-350 tunnellata. |

19 | Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija | Reġim attwali ta' eżenzjoni jeżisti għal vapuri b'waqfiet regolari fil-port. |

20 | Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief | Manifatturi b'volumi baxxi u għal swieq niċċa jistgħu japplikaw għal miri iktar baxxi. |

21 | Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief | Manifatturi b'volumi baxxi u għal swieq niċċa jistgħu japplikaw għal miri iktar baxxi. |

Anness 2 – Eżenzjonijiet jew reġim eħfef possibbli fil-futur[7]

Leġiżlazzjoni | Eżenzjoni jew reġim eħfef |

1 | Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] | Il-kontrolluri tad-dejta (bħall-awtoritajiet pubbliċi, l-intraprizi eċċ) attwalment għandhom l-obbligu li jinnotifikaw l-operazzjonijiet tagħhom għall-ipproċessar tad-dejta lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, sakemm ma jkunx hemm raġuni għaliex ikunu eżentati. Id-Direttiva tħalli diskrezzjoni konsiderevoli lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-eżenzjonijiet possibbli għall-obbligu. Minħabba f''dan, is-sitwazzjoni tvarja bil-bosta bejn l-Istati Membri. Il-pakkett ta' riforma mistenni se jeżamina modi kif ikun issimplifikat l-ambjent regolatorju, pereżempju billi tiżdied l-armonizzazzjoni u jiproponi li jkunu aboloiti l-obbligi ta' notiifika ħlief f'każijiet ta' proċessar b'riskju ogħla. |

2 | Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol | Il-possibbiltà li tkun sostitwita d-dokumentazzjoni sistematika tal-valutazzjoni tar-riskju għal intrapriżi mikro li jitrattaw attivitajiet b'riskju baxx permezz ta' approċċ proporzjonat abbażi tar-riskju tista' tkun eżeminata fid-dawl ta' konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u wara valutazzjoni tal-impatt tal-obbligi attwali. |

3 | L-Emenda għad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol | L-opportunità tal-emenda ta' din id-direttiva tista' tkun ikkunsidrata li tintroduċi l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jirriżulta f'obbligi ta' piż inqas għall-SMEs, skont l-approċċ ġenerali previst għas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali. |

4 | Il-Proposta għal Direttiva tal-PE u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi ta' saħħa u sikurezza dwar l-ergonomiċi fuq ix-xogħol partikolarment biex ikunu evitati disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol (WRMSD) u l-kundizzjonijiet tal-viżjoni ta' kif jidher l-iskrin u li tħassar id-Direttiva tal Kunsill 90/269/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE | L-introduzzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għandha tkun ikkunsidrata, li jirriżulta f'obbligi ta' piż inqas għall-SMEs, skont l-approċċ ġenerali previst għas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali. |

5 | Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg staġonali | Kumpaniji mikro u forsi wkoll l-SMEs jistgħu jkunu eżentati minn rekwiżiti relatati mal-ħaddiema staġjonali, sabiex bdiewa żgħar jistgħu jerġaw jirreklutaw ħaddiema staġonali, bħal qabel, b'kundizzjonijiet eħfef. |

6 | Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi | Fit-tfassil ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hux possibbli li jkun hemm reġim eħfef għal kumpaniji iżgħar. |

7 | Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri | Ir-reviżjoni attwali ta' din id-direttiva tista' tkun opprtunità biex jkunu trattati ċerti dispożizzjonijiet eċċessivi, mhux adattati biex jikkunsidraw vapuri żgħar. |

8 | Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ħtigiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti | Il-bastimenti jridu jkun mgħammra bi provvista u tgħamir mediku minimu. Lil hinn minn limitu minimu speċifiku, tabib mediku huwa meħtieġ. Meta tkun qed tiġi reveduta din id-direttiva, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkun propost limitu ogħla għal bastimenti iżgħar. |

9 | Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) | Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ppjanata ta' din id-Direttiva u bħala parti mill-proċess, il-Kummissjoni se tistieden li jintbagħtu kummenti fuq l-impatt tagħha fuq l-SMEs. |

10 | Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) | Jekk ir-riformulazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni tinkludi obbligu ġdid għat-teħid lura tal-imballaġġ mid-distributuri ta' WEEE żgħir ħafna, kif propost mill-Parlament Ewropew, l-alternattivi ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' tali teħid lura jista' jkun inkluż għal ħwienet li joperaw fuq superfiċje żgħira ħafna. |

11 | Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart | SMEs b'riskju baxx li jġorru l-iskart jistgħu jkunu soġġetti għal proċedura simplifikat ta' reġistrazzjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetetnti nazzjonali għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 26 tal-WFD, li jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb l-informazzjoni relevanti neċessarja għar-reġistrazzjoni ta' tali SMEs mir-rekords nazzjonali eżistenti. Dan jista' jkun applikat għal SMEs ta' riskju baxx li huma ta' riskju minimu f'termini ta' dannu għall-ambjent jew saħħa umana. |

12 | Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' dejta ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika | Ir-reviżjoni mistennija ta' din id-direttiva tista tkun ta' opportunità li jssir kunsiderazzjoni dwar għal liema kumpaniji għandu japplika l-obbligu li jżommu d-dejta. Id-daqs tal-kumpanija jista jkunu fost il-kriterji kkunsidrati. |

13 | Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-akkwist pubbliku. | Ir-reviżjoni li ġejja tar-regoli tal-akkwist pubbliku tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE jistgħu jipprevedu tnaqqis tar-rekwiżiti għas-sottomissjoni ta' ċertifikati u mezzi oħra ta' prova fid-dawl tal-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist pubbliku. B'mod partikolari ċ-ċertifikati u l-mezzi l-oħra ta' prova jistgħu jkunu sostitwiti minn dikjarazzjonijiet (ċertifikazzjoni proprja). |

[1] Id-definizzjoni ta' SME tkopri l-intrapriżi kollha b'inqas minn 250 impjegat u fatturat ekwivalenti għal EUR 50 miljun jew inqas jew total ta' EUR 43 miljun fil-karta tal-bilanċ. L-intrapriżi mikro huma l-iżgħar kategorija ta' SME, b'inqas minn għaxar impjegati u fatturat jew total tal-karta ta' bilanċ ekwivalenti jew inqas minn EUR 2 miljun.

[2] Bħala medja, fejn kumpanija kbira tonfoq Euro għal kull impjegat biex tikkonforma ma dazju regolatorju, intrapriża ta' daqs medju għandha mnejn ikollha tonfoq madwar erba' euro u negozju żgħir iħallas sa għaxar Euro (Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar “Mudelli għat-tnaqqis tal-piż regolatorju sproporzjonat minn fuq l-SMEs”, Mejju 2007). )

[3] Reviżjoni tal "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa, komunikazzjoni tal-Kummissjoni - COM(2011)78 (23 ta' Frar 2011).

[4] L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jigi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir gdid", komunikazzjoni tal-Kummissjoni - ĊOM (2011) 206 (13 ta' April 2011).

[5] Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), il-Fond Soċjali Ewropew (FES), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS)

[6] Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea, komunikazzjoni tal-Kummissjoni - COM(2010)543 (8 ta' Ottubru 2010).

[7] Proposti għal regolamentazzjjoni ġdida jew emendata tal-UE huma soġġetti għal konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt li jikkontribwixxi għad-deċiżjoni finali dwar il-politika li għandha tkun adottata.