52011DC0735

GREEN PAPER dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) /* KUMM/2011/0735 finali */


I.            Introduzzjoni u l-għan tal-Green Paper

Għall-immigranti, ir-riunifikazzjoni tal-familja hija essenzjali biex ikunu jistgħu jgħixu l-ħajja normali fil-familja. Sa mill-2003 jeżistu regoli komuni Ewropej dwar l-immigrazzjoni biex jirregolaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta' pajjiż terz ikunu jistgħu jeżerċitaw, fil-livell tal-UE, id-dritt li l-familja tagħhom tiġi riunifikata.[1] Id-Direttiva tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE li jingħaqdu ma’ ċittadin ieħor ta' pajjiż mhux membru tal-UE u li jkun diġà qed jgħix legalment fi Stat Membru. Din id-Direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-UE.[2]

Meta ġiet adottata, kien meqjus li din id-Direttiva kienet biss il-bidu tal-armonizzazzjoni u wara li ġiet adottata, l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (OMG) u l-akkademiċi ikkritikawha għax tistabbilixxi livell pjuttost baxx ta' armonizzazzjoni. Fl-istess ħin, f’dawn l-aħħar snin, xi Stati Membri stipulaw xi regoli restrittivi u appellaw ukoll biex issir modifika fid-Direttiva[3] sabiex ikun possibbli li jiżdiedu xi kundizzjonijiet oħrajn għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn l-Istati Membri jiddikjaraw li dawn it-tibdiliet huma meħtieġa biex jinqata’ l-abbuż u biex il-fluss kbir ta' immigranti jiġi ġestit aħjar.

Fil-fatt, ir-riunifikazzjoni tal-familja tirrappreżenta sehem kbir, iżda li qed jonqos[4], ta’ immigrazzjoni legali. Fil-bidu tas-snin 2000, kien jidher li fil-pajjiżi li kienu jżommu dejta affidabbli, il-migrazzjoni tal-familja kienet tirrappreżenta iktar minn 50% tal-immigrazzjoni totali. Illum, il-migrazzjoni tal-familja tirrappreżenta madwar terz tal-immigrazzjoni kollha fl-UE. Dan is-sehem huwa saħansitra iżgħar meta wieħed iqis biss lil dawk li huma milquta mid-Direttiva - jiġifieri ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jingħaqdu ma' ċittadini oħra li ma jkunux ċittadini tal-UE, u li bejn wieħed u ieħor jirrappreżentaw 500.000 migrant fil-livell tal-UE, 21 punt perċentwali tal-permessi kollha[5].

Kemm il-Programm ta’ Stokkolma kif ukoll il-Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-asil identifikaw li r-riunifikazzjoni tal-familja hija kwistjoni fejn jeħtieġ li l-politiki tal-UE jiġu żviluppati iktar, b’attenzjoni speċjali għall-miżuri ta’ integrazzjoni. Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (COM 2008/610)[6], il-Kummissjoni stess identifikat il-problemi nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u n-nuqqasijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, ġew identifikati għadd żgħir ta' kwistjonijiet trasversali relatati ma’ traspożizzjoni skorretta (id-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, l-għotja ta' permessi ta' residenza awtonoma, il-konsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, rimedji legali u dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati). Min-naħa l-oħra, ir-rapport ikkonkluda li d-Direttiva tagħti ħafna diskrezzjoni lill-Istati Membri meta jiġu applikati wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha (il-klawżoli li jkun fihom il-kelma "jistgħu"), b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-possibilità ta’ perjodu ta' stennija, ir-rekwiżit tad-dħul u l-possibilità ta' miżuri ta' integrazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li jitnieda dibattitu pubbliku dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, fejn jiġu enfasizzati ċerti kwistjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva[7], li huwa l-għan ta' din il-Green Paper. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jwieġbu għal mistoqsijiet differenti dwar kif jista’ jkun hemm regoli iktar effikaċi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-livell tal-UE u kif jistgħu jingħataw l-informazzjoni u d-dejta fattwali disponibbli dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva biex dawn isaħħu l-valutazzjoni kwalitattiva li ġiet ipprovduta. Wieħed irid iżomm f’moħħu l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-eżerċitazzjoni tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fi Stat Membru partikolari[8]. Il-Kummissjoni tixtieq tistieden b’mod partikolari lill-Istati Membri li għamlu rapporti dwar problemi ta’ abbuż mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, biex jispeċifikaw u jikkwantifikaw dawn il-problemi sabiex ikun possibbli li jiġu indirizzati b’mod iktar iffukat fil-livell tal-UE.

Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar jekk jeħtieġx li jkun hemm politika konkreta (pereżempju l-modifika tad-Direttiva, il-ħruġ ta' linji gwida dwar l-interpretazzjoni jew l-istatus quo). Kwalunkwe strument tal-UE li possibilment jista’ jkun hemm għandu jkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja, mad-dritt għaż-żwieġ, mad-drittijiet tat-tfal, mal-prinċipju li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni, kif ukoll ma' obbligi internazzjonali oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe tkomplija li jista’ jkun hemm għandha tkun sottoposta għal evalwazzjoni fil-fond tal-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali, u l-konformità tagħha mal-Karta, skont “il-lista ta’ verifika tad-drittijiet fundamentali” li kienet stabbilita mill-Kummissjoni fl-Istrateġija tagħha dwar l-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.[9]

II.          Il-mistoqsijiet għall-Partijiet Interessati

1.           Kamp ta' applikazzjoni

1.1         Min jikkwalifika bħala sponsor għall-iskop tad-Direttiva?

Id-Direttiva tidentifika żewġ kundizzjonijiet biex wieħed ikun eliġibbli bħala sponsor għar-riunifikazzjoni tal-familja; permess validu ta’ residenza ta’ mill-inqas sena u prospetti raġonevoli ta’ ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti[10] (Artikolu 3(1)). Id-Direttiva tagħti lok għall-interpretazzjoni min-naħa tal-Istati Membri f’dak li għandu x'jaqsam mat-tieni kundizzjoni, u dan jista’ jwassal għal insikurezza u għall-esklużjoni ta’ kważi kull ċittadin ta’ pajjiż terz mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Barra minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, l-Artikolu 8(1) jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu perjodu minimu ta' residenza legali (ta' mhux aktar minn sentejn) qabel ma sseħħ ir-riunifikazzjoni. Dan ifisser li l-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata, iżda l-Istati Membri jistgħu jippostponu l-għotja tar-riunifikazzjoni tal-familja sad-data tal-iskadenza tal-perjodu ddeterminat mil-leġiżlazzjoni tagħhom.

M1 Dawn il-kriterji (prospett raġjonevoli ta' ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni, kif regolata mill-Artikolu 3 u perjodu ta' stennija sakemm ir-riunifikazzjoni sseħħ fil-fatt, kif regolata mill-Artikolu 8) huma l-metodu t-tajjeb u l-aħjar mod kif wieħed jikkwalifika l-isponsors?

1.2.        L-eleġibilità tal-membri tal-familja

1.2.1.     Dispożizzjonijiet obbligatorji – il-familja magħmula mill-missier, l-omm u t-tfal

Bħalissa, skont l-Artikolu 4(1), id-Direttiva tirrikjedi li (dejjem skont il-kudizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva) l-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-familja “nukleari” jew tal-“qalba”, li tinkorpora l-konjuġi tal-isponsor u t-tfal minorenni tal-isponsor jew tal-konjuġi. Madankollu, id-Direttiva tippermetti li jkun hemm xi restrizzjonijiet anki f’din il-kategorija.

F’dak li jirrigwarda l-konjuġi, skont l-Artikolu 4(5) l-Istati Membri jistgħu jistipulaw età minima (il-limitu massimu tad-Direttiva huwa 21 sena) u dan indipendentement minn jekk din l-età tkunx l-istess bħall-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna tkun saret maġġorenni. Ir-raġuni wara din id-dispożizzjoni kienet il-preokkupazzjoni li r-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja setgħu jiġu abbużati biex isiru żwiġijiet sfurzati. Madankollu, huwa diffiċili li ssir valutazzjoni dwar jekk din hix problema reali u, jekk iva, kemm hi kbira.

M2 Huwa leġittimu li jkun hemm età minima fir-rigward tal-konjuġi, li tkun differenti mill-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna tkun saret maġġorenni? Fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, hemm metodi oħrajn biex jiġu evitati każijiet fejn l-għarajjes ikunu mġiegħla jiżżewġu u, jekk iva, liema huma? Hemm evidenza ċara dwar il-problema ta’ każijiet fejn l-għarajjes ikunu mġiegħla jiżżewġu? Jekk iva, kemm hi kbira din il-problema (statistikament) u għandha rabta mar-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (biex tiġi stipulata età minima differenti mill-età li fiha l-Istat iqis li persuna tkun saret maġġorenni)?

Fil-każ ta’ tfal minorenni, id-Direttiva tippermetti li jkun hemm żewġ restrizzjonijiet oħra, it-tnejn f’forma ta' deroga biex ikun hemm klawżola li tippermetti li jinżamm l-istatus quo (klawżola stand-still). L-ewwel waħda (l-Artikolu 4(1) l-aħħar inċiż), li tirrikjedi li tfal ta' età ta’ iktar minn 12-il sena li jaslu indipendentement mill-kumplament tal-familja tagħhom juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' integrazzjoni[11], intużat biss minn Stat Membru wieħed. It-tieni restrizzjoni li tista’ tiġi applikata (l-Artikolu 4(6)), li tistipula li tfal ta’ età ta’ iktar minn 15-il sena jistgħu jintalbu jidħlu fl-Istat Membru għal raġunijiet differenti mir-riunifikazzjoni tal-familja - ma ntużat minn l-ebda Stat Membru.

M3 Taħseb li hemm interess biex jibqgħu dawk il-klawżoli biex jinżamm l-istatus quo li ma jintużawx mill-Istati Membri, bħal dik li tirrigwarda t-tfal ta' età ta’ iktar minn 15-il sena?

1.2.2.     Klawżola fakultattiva – membri oħrajn tal-familja

Peress li d-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja nukleari/tal-qalba, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jiddeċiedu jekk jinkludux membri oħrajn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom (Artikolu 4(3)). Minkejja l-fatt li din il-klawżola hija waħda fakultattiva, klawżola li tuża l-kelma "jistgħu", iktar minn nofs l-Istati Membri għażlu li jinkludu lill-ġenituri tal-isponsor u/jew il-konjuġi tiegħu jew tagħha. Wieħed għandu jinnota li f’dan il-kuntest huwa sottointiż mill-premessa 5 tad-Direttiva li l-Istati Membri li jirrikonoxxu ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess fil-liġi nazzjonali tagħhom tal-familja, għandhom jirrikonoxxuhom ukoll meta japplikaw id-Direttiva[12]. Fuq l-istess linja, kull meta l-liġi nazzjonali tal-familja tkun tirrikonoxxi s-sħubijiet irreġistrati bejn persuni tal-istess sess u l-Istati Membri jkunu japplikaw favur is-sħab irreġistrati l-klawżola fakultattiva “jistgħu” tad-Direttiva, dawn iridu jagħmlu l-istess ħaġa għal sħab tal-istess sess.

M4 Ir-regoli dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja huma xierqa u wesgħin biżżejjed biex iqisu d-definizzjonijiet differenti ta’ familja li jeżistu minbarra d-definizzjoni ta’ familja nukleari?

2.           Ir-Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja

Id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri biex jintroduċu kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja bħal miżuri varji ta' integrazzjoni, imma tippermettilhom li jintroduċuhom - b'mod kuntrarju, xi kundizzjonijiet oħrajn ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja fl-UE.

2.1         Miżuri ta’ integrazzjoni

Il-klawżola fakultattiva (l-Artikolu 7(2)) tippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ miżuri ta’ integrazzjoni. Dan ir-rekwiżit kien wieħed mir-rekwiżiti l-iktar kontroversjali u diskussi waqt in-negozjati. Bħalissa, fid-Direttiva kif inhi m’hemmx indikazzjoni preċiża dwar x'għandhom jinvolvu dawn il-miżuri ta’ integrazzjoni u kif għandhom jiġu applikati, u huma użati f’xi Stati Membri biss. Dawn il-miżuri huma użati fi tliet Stati Membri bħala kundizzjoni qabel id-dħul fit-territorju, billi l-membri tal-familja huma mitlubin jgħaddu minn testijiet tal-lingwa, minn test dwar l-għarfien dwar is-soċjetà li tkun se tilqagħhom jew li jiffirmaw kuntratt li permezz tiegħu jkunu obbligati li meta jidħlu fil-pajjiż jattendu għal korsijiet ċiviċi jew lingwistiċi, jekk ikun meħtieġ. Xi Stati Membri oħra jirrikjedu li l-membri tal-familja jieħdu ċerti obbligi biss fil-mument meta jidħlu fil-pajjiż, bħall-parteċipazzjoni f’korsijiet ta' integrazzjoni (prinċipalment tal-lingwa).

L-ammissibilità tal-miżuri ta’ integrazzjoni – kif diġà ddikjarat fir-rapport ta' valutazzjoni - għandha tiddependi fuq jekk jilħqux l-iskop li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni u jekk jirrispettawx il-prinċipji tal-proporzjonalità[13] u tas-sussidjarjetà. Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta' jekk il-persuni kkonċernati għaddewx it-testijiet għandhom iqisu d-disponibilità ta' faċilitajiet ta' preparazzjoni (informazzjoni tradotta, korsijiet) u kemm huma aċċessibbli (lokalità, tariffi). Għandhom jiġi meqjusa ċ-ċirkostanzi individwali speċifiċi (bħall-illitteriżmu u l-kundizzjonijiet mediċi ppruvati).

L-Aġenda Ewropea mġedda għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi[14] fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri anki dwar id-disponibilità ta' korsijiet tal-lingwa, li jirriflettu l-ħtiġijiet differenti tal-migranti fl-istadji differenti tal-proċess ta' integrazzjoni tagħhom, inklużi programmi ta' introduzzjoni għall-migranti li jkunu għadhom kif jaslu.

M5 Dawn il-miżuri qed jilħqu l-iskop tal-integrazzjoni b'mod effiċjenti? Dan kif jista’ jiġi evalwat fil-prattika? Liema huma l-iktar miżuri effikaċi ta’ integrazzjoni f’dak ir-rigward? Tqis li huwa utli li dawn il-miżuri jiġu definiti ulterjorment fil-livell tal-UE? Tirrakkomanda li jkun hemm miżuri ta’ qabel id-dħul? Jekk iva, kif jistgħu jiġu introdotti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li fil-fatt ma jwasslux biex ikun hemm ostakli bla bżonn għar-riunifikazzjoni tal-familja (bħal tariffi jew rekwiżiti sproporzjonati) u jiġu meqjusa l-kapaċitajiet individwali bħall-età, il-illitteriżmu, id-diżabilità u l-livell ta' edukazzjoni?

2.2         Il-perjodu ta’ stennija fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkoljenza

It-tieni inċiż tal-Artikolu 8 jagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm deroga speċifika għal dawk l-Istati Membri li kienu qiesu l-kapaċità ta' akkoljenza fil-leġiżlazzjoni tagħhom meta ġiet adottata d-Direttiva. Dan jippermettilhom li jintroduċu perjodu ta’ stennija ta’ tliet snin li jibda jiddekorri minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Fir-rigward ta’ din il-klawżola, il-Qorti tal-Ġusitizzja tal-Unjoni Ewropea (QTĠ) kkjarifikat[15] li jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, irid jinħareġ permess ta’ residenza mhux iktar tard minn tliet snin minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.

Fi kliem ieħor, il-kapaċità ta’ akkoljenza tista’ tkun wieħed mill-fatturi li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata applikazzjoni, imma ma tistax tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni għal xi sistema ta' kwota jew għall-impożizzjoni ta' perjodu ta' stennija ta' tliet snin mingħajr ma jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi partikulari tal-każijiet speċifiċi. Din id-deroga hija użata biss minn Stat Membru wieħed.

M6 Fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha, huwa neċessarju u ġustifikat li deroga bħal din tinżamm fid-Direttiva biex tagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm perjodu ta' stennija ta' tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni?

3. Dħul u residenza ta' membri tal-familja

Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta' residenza ta' mill-inqas sena (l-Artikolu 13(2)). Huwa stipulat ukoll li, bi prinċpju, it-tul ta' żmien tal-permessi ta' residenza mogħtija lill-membri tal-familja m'għandux imur lil hinn mid-data tal-iskadenza tal-permess ta' residenza tal-isponsor (l-Artikolu 13(3)).

L-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista' toħloq problema jekk il-perjodu ta’ validità li jkun baqa’ tal-permess ta' residenza tal-isponsor ikun inqas minn sena fiż-żmien li jinħareġ il-permess ta' residenza tal-membru tal-familja. F’dak il-każ, jista’ jkun hemm kunflitt bejn dawk iż-żewġ regoli b’mod partikolari fil-każ meta jkun diġà beda l-proċess biex il-permess ta’ residenza tal-isponsor jiġġedded.

M7 Ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu s-sitwazzjoni fejn il-perjodu ta’ validità li jkun baqa’ tal-permess ta’ residenza tal-isponsor ikun inqas minn sena imma jkun se jiġġedded?

4.           Kwistjonijiet marbuta mal-ażil

4.1         L-esklużjoni tal-protezzjoni sussidjarja

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva (l-Artikolu 3(2)b). Madankollu, il-Programm ta’ Stokkolma stieden biex jiġi stabbilit stejtus uniformi ta’ protezzjoni li jkun wieħed mill-għanijiet biex titlesta s-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil, imsejjes fuq il-fatt li l-ħtiġijiet ta' protezzjoni tar-refuġjati u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja huma l-istess. Għaldaqstant, l-għan huwa li d-drittijiet tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja jitqarrbu lejn id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati, kif enfasizzat fir-riformulazzjoni tad-Direttiva ta’ Kwalifikazzjoni[16]. Għalhekk, tinħoloq il-kwistjoni dwar jekk dan it-tqarrib għandux isir ukoll fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, f'liema każ ikun jeħtieġ li jsir aġġustament fl-ambitu personali tad-Direttiva.

M8 Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun suġġetta għar-regoli tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja? Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jibbenefikaw mir-regoli l-iktar favorevoli tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja li teżenta lir-refuġjati milli jissodisfaw ċerti kriterji (akkomodazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, riżorsi stabbli u regolari)?

4.2         Kwistjonijiet oħra relatati mal-ażil

Id-Direttiva tipprovdi biex ikun hemm regoli iktar favorevoli għar-refuġjati (il-Kapitolu V). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli iktar favorevoli għal ċerti sitwazzjonijiet. Perezempju, għal rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel id-dħul tar-refuġjat fl-Istati Membru (l-Artikolu 9(2)), jew għall-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja li jkunu ġew ippreżentati fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta jkun ingħata l-istejtus ta’ refuġjat (l-Artikolu 12(1)). Dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu jsiru ma jagħtux biżżejjed kas tal-fatturi partikolari tas-sitwazzjoni tagħhom. Ir-refuġjati jiltaqgħu ma' diffikultajiet prattiċi marbuta mas-sitwazzjoni speċifika tagħhom li jkunu ta’ natura differenti minn dawk li jiffaċċjaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (pereżempju: problemi biex iżommu l-kuntatt mal-familja li jkunu ħallew warajhom fil-pajjiż ta’ oriġini). Barra minn hekk, jista’ jkun li r-refuġjati jkunu qattgħu perjodi twal f’eżilju jew fit-territorju ta’ Stat Membru waqt li kienu qed jistennew ir-riżultat tal-proċedura tal-ażil u f'dak iż-żmien jista' jkun li jkunu ffurmaw familja. Jista’ jkun ukoll li r-refuġjati ma jkunux jafu b’membri tal-familja li jkunu għadhom ħajjin jew ma jkollhomx il-mezzi biex jagħtu informazzjoni dwar fejn jinsabu jew biex jipprovdu d-dokumentazzjoni meħtieġa biex issir applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fi żmien qasir wara li jingħatalhom stejtus ta' protezzjoni. Jista’ jkun li l-membri tal-familja tagħhom ikunu għaddew minn sitwazzjonijiet simili ta’ kunflitt, trawma u tbatija kbira bħalma jkunu għaddew minnhom ir-refuġjati nfushom. Għaldaqstant, uħud mill-kwistjonijiet għandhom jitqiesu mill-ġdid f’dan il-kuntest – b’mod partikolari sabiex ikun possibbli li jingħata ġudizzju dwar jekk dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu jsiru għandhomx jitħassru mid-Direttiva.

M9 L-Istati Membri għandu jibqa' jkollhom il-possibilità li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli tad-Diretttiva fil-każ ta’ refuġjati li jkollhom rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel id-dħul tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru? Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ggarantita lil kategoriji usa' ta' membri tal-familja li jkunu jiddependu mir-refuġjati, u jekk iva sa liema grad? Għandu jibqa’ jkun mitlub li r-refuġjati jipprovdu provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-assigurazzjoni tas-saħħa u r-riżorsi jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata fi żmien tliet xhur minn meta jkun ingħata l-istejtus ta’ refuġjat?

5.           Frodi, Abbuż, Kwistjonijiet proċedurali

5.1         Intervisti u investigazzjonijiet

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm il-possibilità li jsiru intervisti u investigazzjonijiet jekk dan ikun meqjus meħtieġ. Għadd ta’ Stati Membri introduċew il-possibilità li jsiru testijiet tad-DNA bħala prova tar-rabtiet tal-familja. Id-Direttiva ma ssemmix din it-tip ta’ prova. Il-Kummissjoni ddikjarat li sabiex ikunu ammissibbli skont il-liġi tal-UE, dawn l-intervisti u investigazzjonijiet oħra jridu jkunu proporzjonati - biex b'hekk id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jitlifx il-valur tiegħu - u jkun hemm rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari għad-dritt għall-privatezza u għall-ħajja tal-familja.

M10 Hemm provi ċari dwar problemi ta’ frodi? Kemm hija kbira l-problema (statistika)? Taħseb li jekk ikun hemm regoli dwar l-intervisti u l-investigazzjonijiet, inklużi t-testijiet tad-DNA, dan jista' jkun fattur importanti biex tissolva? Tikkunsidra li jkun utli li jkun hemm regoli iktar speċifiċi fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ dawn l-invervisti jew investigazzjonijiet? Jekk iva, x’tip ta’ regoli tikkunsidra?

5.2         Żwiġijiet ta’ konvenjenza

Iż-żwieġ tal-konvenjenza huwa każ speċifiku ta’ frodi li l-Istati Membri għandhom jikkontrobattu. Barra mir-regoli ġenerali ta' proċedura, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva jipprovdi biex ikun hemm il-possibilità li jsiru verifiki u spezzjonijiet speċifiċi meta jkun hemm raġuni biex ikun hemm suspett ta’ frodi jew ta’ żwieġ ta’ konvenjenza. Kull sistema nazzjonali għandha regoli bħal dawn; permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-UE saret ġabra tal-prattiki fl-Istati Membri[17]. Madankollu, huwa diffiċli li ssir stima dwar jekk din hix problema kbira għall-Istati Membri u jekk hix marbuta mad-Direttiva.

M11 Hemm provi ċari dwar problemi ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza? Teżisti statistika dwar żwiġijiet bħal dawn (jekk ġew skoperti)? Għandhom rabta mar-regoli tad-Direttiva? Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu implimentati b’mod iktar effikaċi, u jekk iva, kif?

5.3         Tariffi

Bħalissa m’hemmx armonizzazzjoni fil-livell tal-UE f’dak li jirrigwarda t-tariffi li għandhom jitħallsu għall-iskop tar-riunifikazzjoni tal-familja (tariffi biex issir applikazzjoni, tariffi għal viża u għal permessi ta' residenzi u spejjeż oħra relatati mal-ilħuq tal-kundizzjonijiet bħal-lingwi ta' qabel it-tluq, jekk ikun hemm eċċ.). It-tariffi eċċessivi jistgħu jdgħajfu l-effett tad-Direttiva billi jxekklu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. In-nuqqas ta’ regoli tal-UE dwar din il-kwistjoni rriżulta f’livelli differenti ħafna ta’ tariffi fl-Istati Membri.

M12 It-tariffi amministrattivi pagabbli fil-proċedura għandhom ikunu rregolati? Jekk iva, ir-regolamentazzjoni għandha tkun f’forma ta' salvagwardji jew għandhom jingħataw indikazzjonijiet iktar preċiżi?

5.4         It-tul tal-proċedura – skadenza għad-deċiżjoni amministrattiva

Il-proċedura ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tkun pjuttost twila. Id-Direttiva tistabbilixxi skadenza assoluta li fiha l-applikant irid jingħata notifika bil-miktub tad-deċiżjoni. In-notifika tad-deċiżjoni għandha tingħata mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni (l-Artikolu 5(4)). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jestendu din l-iskadenza jekk dan ikun ġustifikat minn ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-kumplessità tal-applikazzjoni. Fil-prattika dawn l-iskadenzi jiġu stabbiliti b'medja ta’ tliet xhur flimkien ma’ klawżola ta’ estensjoni.

M13 L-iskadenza amministrattiva stipulata mid-Direttiva għall-eżami tal-applikazzjoni hija ġustifikata?

5.5         Klawżoli orizzontali

Hemm żewġ klawżoli orizzontali obbligatorji fid-Direttiva. L-Artikolu 5(5) jobbliga lill-Istati Membri li meta jeżaminaw applikazzjoni jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal minorenni. Din id-dispożizzjoni hija riflessjoni tal-obbligu li hemm fl-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li l-aħjar interess tat-tifel jew tat-tifla għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel u qabel kollox fl-azzjonijiet relatati mat-tfal, kif ukoll tal-ħtieġa, imsemmija fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li tifel jew tifla jżommu relazzjoni personali fuq bażi regolari maż-żewġ ġenituri. Fil-każistika rilevanti tagħha, il-QTĠ enfasizzat iktar dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta u l-Artikolu 5(5).[18] Kif intwera fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, ħafna Stati Membri xorta implimentaw din il-klawżola permezz ta’ referenza ġenerali għal strumenti internazzjonali oħrajn (pereżempju l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Drittijiet tat-Tfal)[19].

Il-klawżola orizzontali l-oħra, l-Artikolu 17, hija obbligu li jitqiesu kif xieraq n-natura u s-saħħa tar-rabtiet li l-persuna jkollha mal-familja, it-tul ta’ żmien tar-residenza tiegħu jew tagħha fl-Istat Membru u l-eżistenza tal-familja; ir-rabtiet kulturali u soċjali mal-pajjiżi ta’ oriġini tiegħu jew tagħha. Fi kliem ieħor, din il-klawżola tobbliga lill-Istati Membri jagħmlu eżamijiet individwali f’kull każ, punt li ġie speċifikament imtenni mill-QTĠ fil-każistika tagħha[20].

M14 Kif tista' tiġi ffaċilitata u żgurata fil-prattika l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli orizzontali?

6.           Konklużjonijiet u segwitu

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tniedi diskussjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha. L-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi terzi sħabna, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kif ukoll dawk mhux governattivi, l-atturi tal-istat u l-fornituri ta' servizzi privati li huma involuti mal-membri tal-familja, l-akkademiċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi huma lkoll kemm huma mistiedna jikkontribwixxu billi jirrispondu għall-mistoqsijiet ta’ hawn fuq.

Il-Kummissjoni qed tippjana li torganizza smigħ pubbliku. Sabiex tħejji għalih, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jibagħtu t-tweġibiet tagħhom għal din il-konsultazzjoni bil-miktub sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2012 lil:

L-Unità tal-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni – “Green Paper dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja”

Id-Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet Interni

Il-Kummissjoni Ewropea

B-1049 Brussell

e-mail: HOME-family-reunification-green-paper@ec.europa.eu

Il-kontribuzzjonijiet rilevanti kollha se jiġu ppubblikati fil-portal web ‘Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa’ http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_mt.htm

Anness: Ir-riunifikazzjoni tal-familja f’ċifri

L-għadd totali ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħaqdu ma’ persuni li mhumiex ċittadini tal-UE (raġunijiet ta’ familja) imqabbel mal-għadd totali ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi (għar-raġunijiet l-oħra kollha)

|| L-ewwel permessi maħruġa, minħabba raġunijiet ta' familja, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĊPT) li ngħaqdu ma’ persuni li mhumiex ċittadini tal-UE || L-għadd totali tal-ewwel permessi ta' residenza maħruġa lil ĊPT għar-raġunijiet l-oħra kollha || Il-porzjon tal-permessi maħruġa lil ĊPT li ngħaqdu ma' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE bħala parti mill-għadd totali ta' permessi maħruġa lil ĊPTi

PAJJIŻ/SENA || 2008 || 2009 || 2010 || 2008 || 2009 || 2010 || 2008 || 2009 || 2010

Il-Belġju || 7,333 || 8,596 || 9,997 || 46,201 || 58,939 || 67,653 || 15.9 || 14.6 || 14.8

Il-Bulgarija || 1,480 || 1,482 || 1,725 || 3,933 || 4,385 || 4,051 || 37.6 || 33.8 || 42.6

Ir-Repubblika Ċeka || 9,712 || 8,281 || 13,398 || 61,350 || 27,539 || 34,653 || 15.8 || 30.1 || 38.7

Id-Danimarka || : || 1,410 || 1,490 || 31,655 || 30,255 || 28,576 || : || 4.7 || 5.2

Il-Ġermanja || 29,215 || 29,761 || 28,200 || 114,289 || 121,954 || 117,202 || 25.6 || 24.4 || 24.1

L-Estonja || : || : || : || 3,884 || 3,777 || 2,647 || : || : || :

L-Irlanda || 456 || 568 || 300 || 28,926 || 25,509 || 22,235 || 1.6 || 2.2 || 1.3

Il-Greċja || 18,684 || 19,570 || 13,398 || 40,411 || 45,148 || 33,623 || 46.2 || 43.3 || 39.8

Spanja || 103,640 || 82,521 || 89,905 || 399,827 || 290,813 || 257,918 || 25.9 || 28.4 || 34.9

Franza || 32,333 || 29,607 || 29,400 || 188,723 || 193,500 || 194,973 || 17.1 || 15.3 || 15.1

L-Italja || 60,134 || 70,904 || 160,200 || 550,226 || 506,833 || 589,988 || 10.9 || 14.0 || 27.2

Ċipru || 1 || 1 || 741 || 25,156 || 25,638 || 19,139 || 0.0 || 0.0 || 3.9

Il-Latvja || 1,498 || 414 || 413 || 7,706 || 2,304 || 2,329 || 19.4 || 18.0 || 17.7

Il-Litwanja || 641 || 764 || 691 || 5,298 || 2,659 || 1,861 || 12.1 || 28.7 || 37.1

Il-Lussemburgu || : || : || : || : || : || : || : || : || :

L-Ungerija || 5,337 || 1,144 || 1,349 || 37,486 || 14,289 || 14,601 || 14.2 || 8.0 || 9.2

Malta || 172 || 61 || 30 || 4,989 || 3,682 || 2,763 || 3.4 || 1.7 || 1.1

Il-Pajjiżi l-Baxxi || : || : || : || 62,589 || 56,489 || 54,478 || : || : || :

L-Awstrija || 7,891 || 7,651 || 7,838 || 21,783 || 28,035 || 30,596 || 36.2 || 27.3 || 25.6

Il-Polonja || 8,805 || 8,549 || 598 || 40,907 || 33,427 || 101,574 || 21.5 || 25.6 || 0.6

Il-Portugall || 17,087 || 11,036 || 11,967 || 63,715 || 46,324 || 37,010 || 26.8 || 23.8 || 32.3

Ir-Rumanija || 1,216 || 1,261 || 910 || 19,354 || 15,380 || 10,218 || 6.3 || 8.2 || 8.9

Is-Slovenja || 0 || 2,110 || 2,231 || 29,215 || 15,759 || 7,537 || 0.0 || 13.4 || 29.6

Is-Slovakkja || 619 || 640 || 697 || 8,025 || 5,336 || 4,373 || 7.7 || 12.0 || 15.9

Il-Finlandja || 4,915 || 4,304 || 4,302 || 21,873 || 18,034 || 19,210 || 22.5 || 23.9 || 22.4

L-Isvezja || 35,050 || 36,325 || 25,358 || 84,144 || 91,337 || 74,931 || 41.7 || 39.8 || 33.8

Ir-Renju Unit || 106,538 || 96,341 || 103,187 || 633,170 || 671,324 || 732,208 || 16.8 || 14.4 || 14.1

Total UE [21] || 452,757 || 423,301 || 508,325 || 2,534,835 || 2,338,669 || 2,466,347 || 17.9 || 18.1 || 20.6

Sors tad-dejta: Eurostat.

Id-dejta tas-snin qabel l-2008 mhix disponibbli peress li l-ġbir tad-dejta dwar il-permessi ta' residenza ġie stabbilit permezz tar-Regolament 862/2007, u l-2008 hija l-ewwel sena ta' referenza. L-Estonja u l-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovdewx dejta dwar l-ewwel permessi maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħaqdu ma' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, minħabba li din id-dejta ma tistax tiġi separata minn permessi oħra maħruġa għal raġunijiet ta’ familja. Id-Danimarka ma pprovdietx id-dejta għas-sena 2008. Il-Lussemburgu ma pprovdiex id-dejta għas-snin 2008-2010.

Il-proporzjon ġenerali relattivament baxx ta’ permessi maħruġa għal raġunijiet ta’ familja meta mqabbel ma’ permessi oħra huwa minħabba l-fatt li din l-istatistika tagħti biss stampa tar-riunifikazzjoni tal-familja u ma tinkludix lil dawk il-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE.

L-għadd tal-ewwel permessi ta' residenza maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jingħaqdu ma' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE minħabba raġunijiet ta’ familja, skont it-tip ta’ membru tal-familja.

RAĠUNI || Raġunijiet ta’ familja: Persuna li tingħaqad ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE ||

PAJJIŻ/SENA - 2010 || Total || Konjuġi/sieħeb jew sieħba li jingħaqdu ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || Tifel jew tifla li jingħaqdu ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || Membru ieħor tal-familja li jingħaqad ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE ||

Il-Belġju || 9,997 || 4,157 || 5,831 || 9 ||

Il-Bulgarija || 1,725 || : || : || : ||

Ir-Repubblika Ċeka || 13,398 || 4,547 || 7,626 || 1,225 ||

Id-Danimarka || 1,490 || 600 || 890 || 0 ||

Il-Ġermanja || 28,200 || 11,912 || 15,895 || 393 ||

L-Estonja || : || : || : || : ||

L-Irlanda || 300 || 112 || 117 || 71 ||

Il-Greċja || 13,398 || 4,044 || 9,354 || 0 ||

Spanja || 89,905 || 19,140 || 69,099 || 1,666 ||

Franza || 29,400 || : || : || : ||

L-Italja || 160,200 || 67,509 || 70,336 || 22,355 ||

Ċipru || 741 || : || : || : ||

Il-Latvja || 413 || 254 || 78 || 81 ||

Il-Litwanja || 691 || : || : || : ||

Il-Lussemburgu || : || : || : || : ||

L-Ungerija || 1,349 || 0 || 794 || 555 ||

Malta || 30 || 2 || 21 || 7 ||

Il-Pajjiżi l-Baxxi || : || : || : || : ||

L-Awstrija || 7,838 || : || : || : ||

Il-Polonja || 598 || 291 || 286 || 21 ||

Il-Portugall || 11,967 || 916 || 1,013 || 10,038 ||

Ir-Rumanija || 910 || 424 || 429 || 57 ||

Is-Slovenja || 2,231 || : || : || : ||

Is-Slovakkja || 697 || 401 || 75 || 0 ||

Il-Finlandja || 4,302 || 1,576 || 2,497 || 229 ||

L-Isvezja || 25,358 || 18,223 || 6,938 || 197 ||

Ir-Renju Unit || 103,187 || : || : || : ||

[1]               Id-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. Minn issa 'l quddiem imsejħa “id-Direttiva”

[2]               Is-sitwazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini tal-UE u ta' qrabathom ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija koperta mil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva 2004/38/KE. Madankollu, din id-Direttiva tkopri biss każijiet meta ċittadin tal-Unjoni jmur, jirrisjedi jew ikun diġà rrisjeda fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu u jingħaqad miegħu jew jakkumpanjah membru tal-familja li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.

[3]               Dokument dwar il-pożizzjoni li ħadu l-Olandiżi fir-rigward tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

[4]               Probabbilment dan it-tnaqqis huwa parzjalment marbut ma’ bidliet li saru dan l-aħħar fil-politika f’xi Stati Membri li introduċew kundizzjonijiet iktar stretti. Jingħad li permezz ta’ dawn il-bidliet fil-politika l-flussi kbar tal-immigrati qed jiġu ġestiti aħjar, imma jixħtu dubji fuq id-dritt irrikonoxxut għar-riunifikazzjoni tal-familja hekk kif stipulat fid-Direttiva, li bħalissa hija forma ta’ garanzija legali minima fl-UE kollha.

[5]               EUROSTAT- Jekk jogħġbok ara ċ-ċifri speċifiċi fl-anness; m'hemmx dejta fil-każ tal-Estonja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi.

[6]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0610:FIN:MT:PDF.

[7]               Notevolment, din il-konsultazzjoni ma tirrigwardax il-kwistjonijiet marbuta mad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt ta' ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċirkolaw u jgħixu bla xkiel fit-territorju tal-Istati Membri.

[8]               Ara l-premessa 4 tad-Direttiva.

[9]               COM(2010)573 finali tad-19.10.2010; ara wkoll l-Operational Guidance on taking account of Fundamental Rights in Commission Impact Assessments (Il-Gwida Operattiva dwar kif għandhom jitqiesu d-Drittijiet Fundamentali fl-Evalwazzjonijiet ta’ Impatt tal-Kummissjoni), SEC(2011) 567 finali tas-6.5.2011.

[10]             Skont il-ħidma ta’ tħejjija (travaux preparatoire), l-idea wara din il-kundizzjoni kienet li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jkunx miftuħ għal persuni li jkunu qegħdin fil-pajjiż temporanjament mingħajr possibilità ta' tiġdid.

[11]             Ara l-paġna numru 5 tar-rapport (COM 2008/610).

[12]             “L-Istati Membri għandhom jattwaw id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatterisitiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew opinjonijiet oħrajn, sħubija f’minorità nazzjonali, ġid, twelid, diżabilitajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.”

[13]             Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 4.3.4 tar-rapport.

[14]             COM (2011) 455 finali adottata fid-19/07/2011

[15]             C 540/03 paragrafi 100 u 101.

[16]             Standards minimi għall-kwalifikazzjoni u għall-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) COM(2009)551)

[17]             ARGO, Proġett, programm ta’ azzjoni dwar il-“Koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-istejtus amministrattiv tal-UE” li jittratta wkoll iż-żwiġijiet ta’ konvenjenza li fost kwistjonijiet oħrajn enfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa bażi tad-deja komuni u l-ħtieġa li jkun hemm metodu komuni dwar kif jiġu trattati dawn iż-“żwiġijiet foloz”.

[18]             QTĠ C-540/03

[19]             COM (2008) 610 p 11.

[20]             C-540/03; QTĠ C-578/08.

[21]             Total tal-UE, bl-esklużjoni ta’ dawk l-Istati Membri li m’hemmx dejta fir-rigward tagħhom.