52011DC0681

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva /* KUMM/2011/0681 finali */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

1.1........ L-indirizzar tar-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-interess tal-intrapriżi......................... 4

1.2........ ...u fl-interess tas-soċjetà bħala tali.................................................................................. 4

1.3........ Għalfejn il-Kummissjoni qed tippreżenta din l-istrateġija ġdida issa?................................. 5

2........... Valutazzjoni tal-impatt tal-politika Ewropea dwar l-RSK................................................. 5

3........... Għarfien modern tar-responsabbiltà soċjali korporattiva................................................... 7

3.1........ Definizzjoni ġdida............................................................................................................ 7

3.2........ Prinċipji u linji gwida b'għarfien internazzjonali.................................................................. 7

3.3........ In-natura multidimensonali tal-RSK................................................................................. 8

3.4........ Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra................................................. 8

3.5........ RSK u l-Inizjattiva tal-Intraprendenza Soċjali.................................................................. 9

3.6........ RSK u djalogu soċjali..................................................................................................... 9

4........... Aġenda għal azzjoni 2011-2014...................................................................................... 9

4.1........ It-titjib tal-viżibbiltà tal-RSK u t-tixrid tal-prassi tajba...................................................... 9

4.2........ It-titjib u t-traċċar tal-livelli tal-fiduċja fil-kummerċ......................................................... 10

4.3........ It-titjib ta' proċessi ta' awtoregolamentazzjoni u ta' regolamentazzjoni konġunta.............. 11

4.4........ It-titjib tal-ippremjar tas-suq għas-CSR......................................................................... 11

4.4.1..... Il-Konsum.................................................................................................................... 11

4.4.2..... L-akkwist pubbliku....................................................................................................... 12

4.4.3..... L-Investiment............................................................................................................... 12

4.5........ It-tiżjid tal-iżvelar mill-kumpaniji ta' informazzjoni soċjali u ambjentali............................. 13

4.6........ L-integrazzjoni iżjed fil-fond tas-CSR fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka..................... 13

4.7........ Enfażi fuq l-importanza ta' politiki tas-CSR nazzjonali u sottonazzjonali........................... 14

4.8........ Allinjament aħjar tal-approċċi Ewropej u globali għas-CSR........................................... 14

4.8.1..... Niffukaw fuq il-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment... 14

4.8.2..... L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet Umani.... 15

4.8.3..... L-enfażi fuq is-CSR fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja.......................... 16

5........... Il-konklużjoni............................................................................................................... 17

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea ddefinit diġà r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK) bħala "kunċett li bih il-kumpaniji, minn jeddhom, jintegraw l-aspetti soċjali u ambjentali sew fl-operat kummerċjali jew industrijali tagħhom kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom mal-partijiet interessati"[1].

Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tfisser azzjonijiet mill-kumpaniji lil hinn mill-obbligi legali tagħhom lejn is-soċjetà u l-ambjent. Ċerti miżuri ta' regolamentazzjoni joħolqu ambjent li jwassal biex l-intrapriżi minn jeddhom jaqdu aktar ir-responsabbiltà soċjali tagħhom.

1.1. L-indirizzar tar-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-interess tal-intrapriżi...

Approċċ strateġiku għall-RSK huwa dejjem aktar importanti għall-kompetittività tal-intrapriżi. Jista' jġib benefiċċji għal dak li huwa ġestjoni tar-riskju, iffrankar ta' spejjeż, aċċess għall-kapital, rapport mal-klijenti, ġestjoni ta' riżorsi umani, u kapaċità ta' innovazzjoni[2].

Billi l-RSK teħtieġ impenn ma' partijiet interessati interni u esterni, lill-intrapriżi tpoġġihom f'qagħda li jantiċipaw aħjar u jiksbu vantaġġ mill-istennijiet tas-soċjetà li dejjem jinbidlu u mill-kundizzjonijiet operattivi. Għalhekk tista' tmexxi l-iżvilupp ta' swieq ġodda u toħloq opportunitajiet għat-tkabbir.

Bl-indirizzar tar-responsabbiltà soċjali tagħhom l-intrapriżi jistgħu jibnu fiduċja fit-tul mal-impjegati, il-konsumaturi u ċ-ċittadini bħala bażi għal mudelli ta' negozju sostenibbli. Livelli ogħla ta' fiduċja min-naħa l-oħra jgħinu biex jinbena ambjent li fih l-intrapriżi jistgħu jinnovaw u jikbru.

1.2. ...u fl-interess tas-soċjetà bħala tali

Permezz tal-RSK, l-intrapriżi jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għanijiet tat-trattat tal-Unjoni Ewropea ta' żvilupp sostenibbli u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna. L-RSK tirfed l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inkluża l-mira ta' impjieg ta' 75 %[3]. L-aġir imprenditorjali responsabbli huwa speċjalment importanti meta l-operaturi fis-settur privat jipprovdu servizz pubbliku. Li jittaffew l-effetti soċjali tal-kriżi ekonomika attwali, inkluż it-telf tal-impjieg, huwa parti mir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi. L-RSK toffri sett ta' valuri li fuqhom tinbena soċjetà aktar koeżiva u li fuqha tissejjes it-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika sostenibbli.

1.3. Għalfejn il-Kummissjoni qed tippreżenta din l-istrateġija ġdida issa?

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew it-tnejn li huma għamlu sejħa lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-politika tagħha tal-RSK[4]. Fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ġġedded l-istrateġija tal-UE biex tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2010 dwar il-politika industrijali l-Kummissjoni qalet li kienet se tressaq proposta politika ġdida dwar l-RSK[5]. Fl-Att dwar is-Suq Uniku hija stqarriet li kienet se tadotta komunikazzjoni ġdida dwar l-RSK sa tmiem l-2011[6].

Il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi soċjali tagħha dgħajfu b'mod konsiderevoli l-fiduċja tal-konsumatur u l-livelli ta' fiduċja fin-negozju. Huma ġibdu l-attenzjoni tal-pubbliku fuq ir-rendiment soċjali u etiku tal-intrapriżi. Bit-tiġdid tal-isforzi għall-promozzjoni tal-RSK issa, il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir sostenibbli, aġir imprenditorjali responsabbli u tkattir ta' impjiegi fit-tul f'medda ta' żmien medja u twila.

2. Valutazzjoni tal-impatt tal-politika Ewropea dwar l-RSK

Il-Kummissjoni kellha rwol ta' pijuniera fl-iżvilupp tal-politika pubblika għall-promozzjoni tal-RSK miż-żmien tal-Green Paper tagħha tal-2001[7] u t-twaqqif tal-Forum Plurilaterali Ewropew dwar l-RSK. Fl-2006 il-Kummissjoni ppubblikat politika ġdida li l-qofol tagħha kien appoġġ qawwi għal inizjattiva mmexxija mill-intrapriżi msejħa Alleanza Ewropea għal-RSK[8]. Il-politika identifikat ukoll tmien oqsma ta' prijorità għal azzjoni mill-UE: għarfien u skambju tal-aqwa prassi; appoġġ għall-inizjattivi plurilaterali; kooperazzjoni mal-Istati Membri; informazzjoni lill-konsumatur u trasparenza; riċerka; edukazzjoni; intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; u d-dimensjoni internazzjonali tal-RSK.

Din il-politika kkontribwixxiet għall-progress fil-qasam tal-RSK. Fost l-indikaturi ta' progress hemm:

– L-għadd ta' intrapriżi tal-UE li ffirmaw l-g10 prinċipji tal-RSK tal-Patt Mondjali tan-Nazzjonijiet Uniti żdied minn 600 fl-2006 għal aktar minn 1 900 fl-2011.

– L-għadd ta' organizzazzjonijiet b'siti reġistrati taħt l-Iskema ta' Ġestjoni Ambjentali u ta' Verifika (SĠAV) żdied minn 3 300 fl-2006 għal aktar minn 4 600 fl-2011[9].

– L-għadd ta' kumpaniji tal-UE li ffirmaw ftehimiet imprenditorjali transnazzjonali ma' organizzazzjonijiet tal-ħaddiema mondjali jew Ewropej, li jkopru kwistjonijiet bħal standards tax-xogħol, żdied minn 79 fl-2006 għal aktar minn 140 fl-2011.

– Il-Business Social Compliance Initiative, inizjattiva Ewropea mmexxija mill-impriżi biex il-kumpaniji jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-katini ta' provvista tagħhom, żiedet il-membri tagħha minn 69 fl-2007 għal aktar minn 700 fl-2011.

– L-għadd ta' impriżi Ewropej li jippubblikaw rapporti dwar is-sostenibbiltà skont il-linji gwida tal-Global Reporting Initiative żdied minn 270 fl-2006 għal aktar minn 850 fl-2011.

Permezz tal-Alleanza Ewropea dwar l-RSK, impriżi ewlenin żviluppaw sensiela ta' għodod prattiċi dwar kwistjonijiet ewlenin[10]. Madwar 180 impriża esprimew appoġġ għall-Alleanza. L-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' dawk li joffru x-xogħol ukoll appoġġaw l-Alleanza u daħlu għal għadd ta' azzjonijiet biex jippromwovu l-RSK.

Minkejja dan il-progress għad fadal sfidi importanti. Ħafna kumpaniji fl-UE għadhom ma integrawx għal kollox responsabbiltajiet soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet u fl-istrateġija ewlenija tagħhom. Għad fadal akkużi tal-involviment ta' minoranza żgħira ta' impriżi Ewropej li joffendu d-drittijiet tal-bniedem u jonqsu milli jirrispettaw standards tax-xogħol prinċipali. Ħmistax-il Stat Membru biss minn 27 tal-UE għandhom oqfsa ta' politika nazzjonali biex jippromwovu l-RSK[11].

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta' fatturi li se jgħinu biex jiżdied aktar l-impatt tal-politika tagħha tal-RSK, u fosthom hemm:

– Il-ħtieġa għal approċċ plurilaterali bbilanċjat li jqis il-fehmiet tal-impriżi, il-partijiet interessati mhux fin-negozju u l-Istati Membri.

– Il-ħtieġa li jiġi ċċarat aktar dak li huwa mistenni mill-impriżi u li d-definizzjoni tal-RSK tal-UE tkun konsistenti ma' prinċipji u linji gwida internazzjonali ġodda u aġġornati.

– Il-ħtieġa li jinġieb 'il quddiem dak li s-suq jippremja għal aġir responsabbli tal-impriżi, inkluż permezz tal-politika ta' investiment u l-kuntratti pubbliċi.

– Il-ħtieġa li jitqiesu skemi awto- u ko-regolamentari, mezzi importanti li bihom l-impriżi jfittxu li jwettqu r-responsabbiltà soċjali tagħhom.

– Il-ħtieġa li tkun indirizzata t-trasparenza korporattiva dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali minn kif jarawha l-partijiet interessati kollha, inklużi l-impriżi stess.

– Il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lid-drittijiet tal-bniedem, aspett aktar prominenti tal-RSK b'mod sinifikanti.

– Il-ħtieġa li jkun hemm għarfien tar-rwol li għandha r-regolamentazzjoni komplementari fil-ħolqien ta' ambjent li jwassal aktar lejn li l-impriżi b'mod volontarju jwettqu r-responsabbiltà soċjali tagħhom.

Il-bqija ta' din il-komunikazzjoni tippreżenta għarfien modern tal-RSK, inkluża definizzjoni aġġornata, u aġenda ta' azzjoni ġdida. B'dan il-mod hija tkompli fuq il-politika tal-2006 filwaqt li tintroduċi wkoll elementi ġodda li jistgħu jkomplu jestendu l-impatt tal-politika. Hija tfittex li tafferma mill-ġdid l-influwenza mondjali tal-UE f'dan il-qasam, biex b'hekk l-UE tkun tista' ġġib aktar 'il quddiem l-interessi u l-valuri tagħha fil-konfront ta' reġjuni u pajjiżi oħra. Se tgħin ukoll biex tmexxi u tikkoordina l-politiki tal-Istati Membri tal-UE u biex tnaqqas ir-riskju ta' approċċi diverġenti li jistgħu joħolqu spejjeż addizzjonali għall-impriżi li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed.

3. Għarfien modern tar-responsabbiltà soċjali korporattiva 3.1. Definizzjoni ġdida

Il-Kummissjoni tressaq definizzjoni ġdida tal-RSK bħala "ir-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà". Ir-rispett għal-leġiżlazzjoni applikabbli, u għall-ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali, huwa prerekwiżit biex titwettaq din ir-responsabbiltà. Biex iwettqu bis-sħiħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-impriżi għandu jkollhom proċess operattiv li jintegra r-responsabbiltajiet soċjali, ambjentali, etiċi u dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u tal-konsumatur fl-operazzjonijiet ta' negozju u l-istrateġija ewlenija tagħhom b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, bl-għan li:

– jimmassimizzaw il-ħolqien ta' valur komuni għas-sidien/azzjonisti u għall-partijiet interessati l-oħra tagħhom u s-soċjetà inġenerali;

– jidentifikaw, jipprevjenu u jtaffu l-impatti possibbli tagħhom ta' żvantaġġ.

Il-komplessità ta' dan il-proċess se tiddependi fuq fatturi bħad-daqs tal-impriża u n-natura tal-operazzjonijiet tagħha. Għal bosta impriżi żgħar u ta' daqs medju, speċjalment mikro-impriżi, il-proċess RSK x'aktarx li jibqa' informali u intuwittiv.

Biex jiġi massimizzat il-ħolqien ta' valur komuni, l-impriżi huma mħeġġa jadottaw approċċ strateġiku fuq medda twila ta' żmien fir-rigward tal-RSK, u li jitkixxfu dwar l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' prodotti, servizzi u mudelli ta' negozju innovattivi li jikkontribwixxu għall-benessri tas-soċjetà u jwasslu għal kwalità ogħla u impjiegi aktar produttivi.

Biex jidentifikaw, jipprevjenu u jtaffu l-impatti possibbli tagħhom ta' żvantaġġ, l-impriżi l-kbar, u l-impriżi b'riskju partikolari li jkollhom dawn l-impatti, huma mħeġġa li jwettqu diliġenza mistħoqqa msejsa fuq ir-riskju, inkluż permezz tal-katini ta' provvista tagħhom.

Ċerti tipi ta' impriża, bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi, u impriżi familjari, għandhom strutturi ta' sjieda u governanza li jistgħu speċjalment iwasslu lejn aġir imprenditorjali responsabbli.

3.2. Prinċipji u linji gwida b'għarfien internazzjonali

Għall-kumpaniji li jfittxu approċċ formali għall-RSK, speċjalment kumpaniji kbar, hemm il-gwida awtorevoli tal-prinċipji u l-linji gwida magħrufa internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali li ġew aġġornati dan l-aħħar, l-10 prinċipji tal-Patt Mondjali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard ta' Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji fir-rigward tal-Impriżi Multinazzjonali u l-Politka Soċjali tal-ILO, u l-Prinċipji ta' Gwida fir-rigward tal-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan il-grupp ewlieni ta' prinċipji u linji gwida magħrufa internazzjonalment jirrappreżenta qafas mondjali dejjem jevolvi u li ssaħħaħ dan l-aħħar għall-RSK. Il-politika Ewropea għall-promozzjoni tal-RSK għandha tkun konsistenti fis-sħiħ ma' dan il-qafas.

3.3. In-natura multidimensonali tal-RSK.

Skont dawn il-prinċipji u l-linji gwida, l-RSK tal-inqas tkopri d-drittijiet tal-bniedem, il-prassi tax-xogħol u l-impjieg (bħal taħriġ, diversità, ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa u l-benessri tal-impjegat), kwistjonijiet ambjentali (bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-valutazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-prevenzjoni tat-tniġġis), u l-ġlieda kontra l-qerq u l-korruzzjoni. L-involviment u l-iżvilupp tal-komunità, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, u l-interessi tal-konsumatur, inkluża l-privatezza, huma wkoll parti mill-aġenda tal-RSK. Il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali permezz tal-katina ta' provvista, u l-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja, huma magħrufa bħala kwistjonijiet trasversali importanti. Il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-politiki tal-UE u l-attività volontarja li fiha tagħraf l-attività volontarja tal-impjegat bħala espressjoni tal-RSK[12].

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippromwovi t-tliet prinċipji ta' governanza fiskali tajba – jiġifieri trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni fiskali ġusta – fir-relazzjonijiet bejn l-istati. L-impriżi huma mħeġġa, fejn huwa xieraq, jaħdmu wkoll għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji.

3.4. Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra

L-iżvilupp tal-RSK għandu jitmexxa mill-impriżi stess. L-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollhom rwol ta' appoġġ permezz ta' taħlita xierqa ta' miżuri ta' politika volontarji u, fejn ikun meħtieġ, regolamentazzjoni komplementari, pereżempju għall-promozzjoni tat-trasparenza, il-ħolqien ta' inċentivi tas-suq għall-aġir responsabbli tal-impriżi, u l-iżgurar tal-kontabilità korporattiva.

L-impriżi għandhom jingħataw il-flessibbiltà li jinnovaw u jiżviluppaw approċċ għal-RSK li jixraq għaċ-ċirkostanzi tagħhom. Bosta impriżi madankollu jgħożżu l-eżistenza ta' prinċipji u linji gwida li għandhom l-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi, biex ikollhom kejl ta' tqabbil għall-politiki u r-rendiment tagħhom stess, u biex jippromwovu kundizzjonijiet aktar ġusti.

It-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jidentifikaw problemi, iġibu pressjoni għal titjib u jistgħu jaħdmu b'mod kostruttiv mal-impriżi biex jibnu flimkien is-soluzzjonijiet. Il-konsumaturi u l-investituri jinsabu f'qagħda li jtejbu dak li s-suq jippremja għall-kumpaniji soċjalment responsabbli permezz tad-deċiżjonijiet ta' konsum u ta' investiment li jieħdu. Il-midja jistgħu jqajmu għarfien kemm tal-impatti pożittivi kif ukoll negattivi tal-impriżi. L-awtoritajiet pubbliċi u dawn il-partijiet interessati l-oħra għandhom juru responsabbiltà soċjali, inkluż fir-relazzjonijiet tagħhom mal-impriżi.

3.5. RSK u l-Inizjattiva tal-Intraprendenza Soċjali

Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva hija applikabbli għall-impriżi kollha. Din il-komunikazzjoni hija adottata flimkien ma' inizjattiva komplementari iżda distinta, dik tal-Inizjattiva tal-Intraprendenza Soċjali (Social Business Initiative – SBI) li tagħti appoġġ ta' tip speċifiku ta' impriża, jiġifieri dawk li l-għan ewlieni tagħhom huwa espliċitament soċjali u/jew ambjentali, li jinvestu mill-ġdid il-profitti għal dan l-għan, u li l-organizzazzjoni interna tagħhom tirrifletti l-miri tas-soċjetà[13]. L-SBI tittratta mal-ekosistema meħtieġa biex l-intraprendenza soċjali u l-innovazzjoni soċjali jiffjorixxu u jikkontribwixxu għall-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew.

3.6. RSK u djalogu soċjali

F'dawn l-aħħar snin bosta kumitati ta' djalogu soċjali settorjali mexxew 'il quddiem prassi tajba ta' RSK u stabbilixxew linji gwida[14]. Il-Kummissjoni tiffaċilita inizjattivi bħal dawn u tagħraf li l-RSK tikkontribwixxi u tissupplimenta d-djalogu soċjali. Ġew żviluppati politiki innovattivi u effettivi ta' RSK permezz ta' ftehimiet korporattivi transnazzjonali (TCAs) konklużi bejn l-impriżi u l-organizzazzjonijiet Ewropej jew mondjali tal-ħaddiema[15]. L-UE tappoġġa b'mod attiv it-TCAs u se tniedi bażi ta' dejta ta' dawn il-ftehimiet li wieħed ikun jista' jikkonsulta.

4. Aġenda għal azzjoni 2011-2014

Din l-aġenda fiha impenji mill-Kummissjoni nnifisha, kif ukoll suġġerimenti għall-impriżi, l-Istati Membri, u gruppi oħra ta' partijiet interessati. Fl-implimentazzjoni ta' din l-aġenda, il-Kummissjoni se tqis f'kull ħin il-karatteristiċi partikolari tal-SMEs, speċjalment ir-riżorsi limitati tagħhom, u se tevita li toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa.

4.1. It-titjib tal-viżibbiltà tal-RSK u t-tixrid tal-prassi tajba

Billi tagħti rikonoxximent pubbliku għal dak li l-impriżi jagħmlu fil-qasam tal-RSK, l-UE tista' tgħin fit-tixrid tal-prassi t-tajba, tkattar it-tagħlim inter pares, u tħeġġeġ aktar impriżi jiżviluppaw l-approċċi strateġiċi tagħhom lejn l-RSK. Abbażi tat-tagħlimiet mill-inizjattivi fl-Istati Membri differenti, il-Kummissjoni se tgħin fil-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs biex ittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tal-RSK għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Il-Kummissjoni nidiet medda wiesgħa ta' programmi biex taħdem ma' impriżi u partijiet interessati oħra fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali kritiċi[16]. Aktar impenji mal-impriżi se jkunu importanti għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni għalhekk se ġġib 'il quddiem id-djalogu mal-impriżi u partijiet interessati oħra dwar kwistjonijiet bħall-impjegabbiltà, il-bidla demografika u l-anzjanità attiva[17], u l-isfidi fuq il-post tax-xogħol (inklużi l-ġestjoni tad-diversità, l-ugwaljanza tas-sessi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll is-saħħa u l-benessri tal-impjegat). Hija se tikkonċentra b'mod partikolari fuq l-approċċi settorjali u fuq it-tixrid tal-aġir responsabbli tal-impriżi permezz tal-katina ta' provvista.

L-inizjattiva Enterprise 2020 tas-CSR Ewropa hija eżempju ta’ tmexxija tan-negozju fil-qasam tas-CSR li huwa partikolarment relevanti għall-għanijiet tal-politika tal-UE. Il-Kummissjoni se tgħin biex tirrevedi l-ewwel riżultati ta' din l-inizjattiva sa tmiem l-2012, u biex tiddefinixxi l-passi li jmiss.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

1. Fl-2013 toħloq il-pjattaformi tas-CSR għal bosta partijiet interessati f'għadd ta' setturi industrijali relevanti, biex l-impriżi, dawk li jaħdmu fihom, u partijiet interessati oħra jagħmlu impenji pubbliċi dwar il-kwistjonijiet tas-CSR li huma relevanti għal kull settur, u tissorvelja l-progress b'mod konġunt.

2. Mill-2012 'il quddiem se tillanċja skema ta' ppremjar Ewropea ta' sħubiji CSR bejn l-impriżi u partijiet interessati oħra.

4.2. It-titjib u t-traċċar tal-livelli tal-fiduċja fil-kummerċ

Bħal kull organizzazzjoni oħra, inklużi l-gvernijiet u l-UE nnifisha, jeħtieġ li l-impriżi jkunu fdati miċ-ċittadini. Il-komunità kummerċjali Ewropea għandha taspira li tkun fost l-iżjed gruppi ta' organizzazzjonijiet fdati fis-soċjetà. Ta' sikwit ikun hemm differenza bejn l-aspettattivi taċ-ċittadini u dak li jipperċepixxu li tkun ir-realtà tal-imġieba kummerċjali. Din id-differenza hija parzjalment ikkawżata minn okkażjonijiet ta' mġieba irresponsabbli ta' xi impriżi, u minn okkażjonijiet meta xi impriżi jeżaġeraw il-kredenzjali ambjentali jew soċjali tagħhom. Xi drabi hija kkawżata minn nuqqas ta' fehim min-naħa ta' ċerti impriżi tal-aspettattivi tas-soċjetà li qegħdin jevolvu rwieħhom b'mod mgħaġġel, kif ukoll minn nuqqas ta' għarfien min-naħa taċ-ċittadini tal-kisbiet tal-impriżi u r-restrizzjonijiet li bihom iridu jaħdmu.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

3. Tittratta l-kwistjoni ta' kummerċjalizzazzjoni qarrieqa marbuta mal-impatti ambjentali tal-prodotti (dak li hu msemmi "green-washing") fil-kuntest tar-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali fin-Negozju[18] maħsub għall-2012, u tqis il-bżonn ta' miżuri speċifiċi possibbli dwar din il-kwistjoni.

4. Tibda dibattitu miftuħ maċ-ċittadini, mal-impriżi u ma' partijiet interessati oħra dwar ir-rwol u l-potenzjal tal-kummerċ fis-Seklu 21, bil-għan li trawwem fehim u aspettattivi komuni, u perjodikament twettaq l-istħarriġiet dwar il-fiduċja taċ-ċittadini fid-dinja tal-kummerċ u dwar l-attitudnijiet lejn is-CSR.

4.3. It-titjib ta' proċessi ta' awtoregolamentazzjoni u ta' regolamentazzjoni konġunta

L-impriżi ta' sikwit jieħdu sehem fi proċessi ta' awtoregolamentazzjoni jew ta' regolamentazzjoni konġunta, pereżempju permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta li jkunu mifruxin ma' settur sħiħ dwar kwistjonijiet soċjali li jkunu relevanti għas-settur inkwistjoni. Meta dawn il-proċessi jkunu mfasslin b'mod xieraq jistgħu jiksbu l-appoġġ tal-partijiet interessati u jkunu mezz effikaċi li jiżguraw kondotta kummerċjali responsabbli. L-UE tirrikonoxxi l-awtoregolamentazzjoni u r-regolamentazzjoni konġunta bħala parti mill-aġenda għal aħjar regolamentazzjoni[19].

L-esperjenza turi li l-proċessi tal-awtoregolamentazzjoni u tar-regolamentazzjoni konġunta jkunu l-iżjed effikaċi meta jkunu: ikunu bbażati fuq analiżi miftuħa inizjali tal-kwistjonijiet mal-partijiet interessati kkonċernati kollha, fil-preżenza ta' awtoritajiet pubbliċi bħall-Kummissjoni Ewropea, u jekk hemm bżonn imsejħa minn dawn l-awtoritajiet; waqt fażi sussegwenti jirriżultaw f'impenji ċari meħudin mill-partijiet kollha interessati kkonċernati, b'indikaturi tal-prestazzjoni; jipprevedu mekkaniżmi ta' sorveljanza oġġettiva, reviżjoni tal-prestazzjoni u l-possibbiltà ta' titjib tal-impenji, skont il-bżonn; u jinkludu mekkaniżmu effikaċi ta' responsabbiltà biex jieħu ħsieb l-ilmenti dwar nuqqas ta' konformità.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

5. Fl-2012 tillanċja proċess ma' impriżi u partijiet interessati oħra biex jiġi żviluppat kodiċi tal-prattika t-tajba għall-eżerċizzji ta' awtoregolamentazzjoni u regolamentazzjoni konġunta, li għandu jżid l-effikaċja tal-proċess tas-CSR.

4.4. It-titjib tal-ippremjar tas-suq għas-CSR

L-impatti pożittivi tas-CSR fuq il-kompetittività dejjem qed ikunu iżjed rikonoxxuti, iżda l-impriżi għadhom jiffaċċjaw dilemma meta l-iżjed azzjoni responsabbli mil-lat soċjali ma tkunx l-iżjed waħda tajba finanzjarjament, għallinqas għal żmien qasir. L-UE għandha ssaħħaħ il-politiki fl-oqsma tal-konsum, tal-akkwist pubbliku u tal-investiment biex issaħħaħ l-inċentivi għas-suq għas-CSR.

4.4.1. Il-Konsum

L-attenzjoni tal-konsumaturi fuq kwistjonijiet marbutin mas-CSR żdiedet f'dawn l-aħħar snin, iżda għad fadal xi ostakoli sinifikanti, bħal nuqqas ta' għarfien, il-ħtieġa li wieħed xi kultant iħallas primjum fuq il-prezz, u nuqqas ta' aċċess faċli tal-informazzjoni meħtieġa biex isiru għażliet infurmati. Xi impriżi għandhom rwol ta' pijunieri bl-għajnuna li jagħtu lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet iktar sostenibbli. Ir-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli tista' tipprovdi opportunità biex jiġu identifikati miżuri ġodda għall-iffaċilitar ta' konsum aktar responsabbli.

4.4.2. L-akkwist pubbliku

Il-Kummissjoni ffissat mira indikattiva li sal-2010 50 % tal-akkwist pubbliku kollu fl-UE għandu jikkonforma ma' kriterji ambjentali li jkun intlaħaq qbil fuqhom. Fl-2011 il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-Akkwist Pubbliku Responsabbli mil-lat Soċjali (SRPP), li jispjega kif għandhom jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku filwaqt li jiġi rrispettat il-qafas legali attwali tal-UE[20]. L-SRPP jista' jinkludi l-azzjoni pożittiva min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi biex jgħinu lin-negozji li mhumiex rappreżentati tajjeb, bħall-SMEs li jiksbu aċċess għas-suq tal-akkwisti pubbliċi.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi ta' kull livell huma mistiedna li jagħmlu użu sħiħ tal-possibbiltajiet kollha offruti mill-qafas legali attwali dwar l-akkwist pubbliku. L-integrazzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fl-akkwist pubbliku għandha ssir partikolarment b'mod li ma tiddiskriminax kontra l-SMEs, u tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kontra d-diskriminazzjoni, dwar it-trattament ugwali u t-trasparenza.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

6. Tiffaċilita integrazzjoni aħjar ta' kunsidrazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku bħala parti mir-reviżjoni tal-2011 tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, mingħajr ma ddaħħal piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-awtoritajiet kontraenti jew għall-impriżi, u mingħajr ma ddgħajjef il-prinċipju li l-kuntratti jingħataw lil min jagħmel l-iżjed offerta vantaġġuża ekonomikament.

4.4.3. L-Investiment

B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni qed tagħmel għadd ta' proposti regolatorji biex tiżgura sistema finanzjarja aktar responsabbli u trasparenti. Billi jqisu biżżejjed l-informazzjoni mhux finanzjarja relevanti, l-investituri jistgħu jikkontribwixxu lejn allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital u jkunu jistgħu jilħqu għanijiet ta' investiment fuq terminu ta' żmien itwal. Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-bini ta' kapaċità għall-investituri dwar kif għandhom jintegraw l-informazzjoni mhux finanzjarja f'deċiżjonijiet dwar l-investiment. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-impriżi biex jagħtu l-informazzjoni marbuta mal-implimentazzjoni ta' standards ta' governanza tajba tat-taxxi.

L-amministraturi u l-proprjetarji Ewropej tal-assi, speċjalment tal-fondi tal-pensjonijiet, huma mistiedna li jiffirmaw il-Prinċipji tan-NU għall-Investiment Responsabbli. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom responsabbiltà partikolari li jippromwovu s-CSR fl-impriżi tagħhom jew f'dawk li huma jinvestu fihom.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

7. Tikkunsidra li tirrikjedi mingħand il-fondi tal-investiment kollha u mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji li jinfurmaw lill-klijenti tagħhom (ċittadini, impriżi, awtoritajiet pubbliċi eċċ.) dwar kull kriterju tal-investiment etiku jew responsabbli li japplikaw jew kull standard u kodiċi li jimxu miegħu.

4.5. It-tiżjid tal-iżvelar mill-kumpaniji ta' informazzjoni soċjali u ambjentali

L-iżvelar ta' informazzjoni soċjali u ambjentali, inkluża l-informazzjoni marbuta mal-klima, jista' jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati, u l-identifikazzjoni tar-riskji materjali tas-sostenibbiltà. Huwa element importanti ukoll tar-responsabbiltà u jista' jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fl-impriżi. Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-impriżi u ta' partijiet interessati oħra, l-informazzjoni trid tkun materjali, u trid tkun li tinġabar b'mod kosteffikaċi.

Xi wħud mill-Istati Membri introduċew rekwiżiti għall-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja li jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni tal-UE[21]. Jista' jkun li rekwiżiti nazzjonali differenti joħolqu spejjeż addizzjonali għall-impriżi li joperaw f'iżjed minn Stat Membru wieħed.

Għadd dejjem jiżdied ta' kumpaniji jiżvelaw l-informazzjoni soċjali u ambjentali. L-SMEs ta' sikwit jgħaddu din l-informazzjoni b'mod informali u fuq bażi volontarja. Sors wieħed jistma li madwar 2 500 kumpanija Ewropea jippubblikaw ir-rapporti tas-CSR jew rapporti tas-sostenibbiltà, u dan iqiegħed l-UE f'pożizzjoni ewlenija dinjija[22]. Iżda din għadha biss frazzjoni żgħira tal-42 000 kumpaniji kbar li joperaw fl-UE.

Jeżisti numru ta' oqfsa internazzjonali għall-iżvelar ta' informazzjoni soċjali u ambjentali, inkluża l-Inizjattiva tar-Rappurtaġġ Dinji. Ir-rappurtaġġ integrat, finanzjarju u mhux finanzjarju jirrappreżenta għan importanti għal żmien medju u għal żmien twil, u l-Kummissjoni ssegwi b'interess ix-xogħol tal-Kumitat Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Integrat.

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi, kif ġie mħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali mogħtija minn kumpaniji fis-setturi kollha. Bħalissa għaddejja valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet possibbli għal din il-proposta li se tinkludi provi ta' kompetittività u test tal-SMEs. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll politika li tinkoraġġixxi lill-kumpaniji biex ikejlu u jpoġġu valur referenzjarju fuq il-prestazzjoni ambjentali tagħhom permezz ta' metodoloġija bbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja li jista' jintuża wkoll għall-iżvelar.

L-organizzazzjonijiet kollha, inklużi dawk tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, huma mħeġġa li jieħdu l-passi biex itejbu l-iżvelar tal-prestazzjoni soċjali u ambjentali tagħhom.

4.6. L-integrazzjoni iżjed fil-fond tas-CSR fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka

Biex is-CSR jiżviluppa iżjed jeħtieġ il-ħiliet ġodda kif ukoll bidliet ta' valuri u ta' mġieba. L-Istati Membri jista' jkollhom ir-rwol importanti li jħeġġu lill-istabbilimenti edukattivi biex jintegraw is-CSR, l-iżvilupp sostenibbli u ċ-ċittadinanza responsabbli fil-kurrikuli edukattivi relevanti, dan jinkludi fis-sekondarja u fil-livell universitarju. L-iskejjel tal-kummerċ Ewropej huma mħeġġin li jiffirmaw il-Prinċipji tan-NU għal Edukazzjoni Amministrattiva Responsabbli.

Ir-riċerka akkademika ta' kwalità għolja tappoġġa l-iżvilupp tal-prattika kummerċjali u tal-politika pubblika fil-qasam tas-CSR. Riċerka iżjed fil-fond għandha tkompli tibni fuq ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati skont is-sitt u s-seba' Programmi ta' Qafas tal-UE. Il-Kummissjoni se tesplora l-opportunitajiet biex tiffinanzja iżjed riċerka u innovazzjoni dwar is-CSR, u biex tappoġġa l-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR fir-riċerka li għadha qed tiġi ffinanzjata skont is-seba' Programm ta' Qafas, kif ukoll skont is-suċċessur tiegħu, Horizon 2020, u biex tibni l-Qasam Ewropew tar-Riċerka.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

8. Tipprovdi iktar appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' edukazzjoni u taħriġ dwar is-CSR skont il-Programmi għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ Attivi, u tillanċja azzjoni fl-2012 biex tqajjem l-għarfien ta' professjonisti fl-edukazzjoni u tal-impriżi dwar l-importanza tal-kooperazzjoni dwar is-CSR.

4.7. Enfażi fuq l-importanza ta' politiki tas-CSR nazzjonali u sottonazzjonali

Tkun l-aħjar ħaġa jekk ħafna mill-miżuri ta' politika pubblika li jappoġġaw is-CSR jitwettqu f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mħeġġin li jagħmlu użu intelliġenti tal-fondi strutturali tal-UE biex jappoġġaw l-iżvilupp tas-CSR, speċjalment fost l-SMEs, u biex jissieħbu ma' kumpaniji biex jittrattaw b'mod aħjar problemi bħall-faqar u l-inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

9. Toħloq mekkaniżmu ta' reviżjoni tal-pari flimkien mal-Istati Membri, fl-2012, għall-politiki nazzjonali dwar is-CSR.

Il-Kummissjoni tistieden:

A            L-Istati Membri biex jiżviluppaw jew jaġġornaw, sa nofs l-2012, il-pjanijiet tagħhom jew il-listi nazzjonali tagħhom ta' azzjonijiet prijoritarji biex jippromwovu s-CSR b'appoġġ tal-istrateġija Ewropa 2020, b'referenza għall-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR rikonoxxuti internazzjonalment u b'kooperazzjoni ma' impriżi u partijiet interessati oħra, filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet imsemmija f'din il-komunikazzjoni.

4.8. Allinjament aħjar tal-approċċi Ewropej u globali għas-CSR

L-UE għandha tippromwovi l-interessi Ewropej fl-iżviluppi tal-politiki internazzjonali dwar is-CSR, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-integrazzjoni mal-politiki tagħha dwar is-CSR ta' prinċipji u linji gwida li huma rikonoxxuti internazzjonalment.

4.8.1. Niffukaw fuq il-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment

Biex jiġi avvanzat ambjent globali iżjed ekwu, il-Kummissjoni se żżid il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-pajjiżi msieħba u ma' forums relevanti internazzjonali biex tippromwovi r-rispett għall-prinċipji u l-linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment, u biex trawwem fosthom il-konsistenza. Dan l-approċċ jirrekjedi wkoll li l-impriżi tal-UE jġeddu l-isforzi tagħhom biex jirrispettaw dawn il-prinċipji u l-linji gwida.

Il-linji gwida tal-OECD huma rakkomandazzjonijiet ittrattati mill-gvernijiet lil impriżi multinazzjonali. Il-Kummissjoni tilqa' l-adeżjoni mal-linji gwida ta' pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-OECD. Barra mill-appoġġ mill-gvernijiet, il-linji gwida għandhom mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' ilmentar distintiv, in-netwerk ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali stabbilit mill-pajjiżi kollha segwaċi, li jista' jgħin lill-impriżi u l-partijiet interessati tagħhom biex jirriżolvu l-kwistjonijiet prattiċi, fost oħrajn permezz tal-medjazzjoni u l-konċiljazzjoni.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

10. Tissorvelja l-impenji li għamlu l-impriżi Ewropej li jħaddmu 'l fuq minn 1 000 ruħ biex iqisu l-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment, u fl-operazzjonijiet tagħha tqis l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali.

Il-Kummissjoni tistieden:

B            L-impriżi Ewropej il-kbar kollha biex jimpenjaw rwieħhom li sal-2014 iqisu mill-inqas wieħed minn dawn is-settijiet ta' prinċipji u linji gwida li ġejjin waqt li jkunu qegħdin jiżviluppaw l-approċċ tagħhom għas-CSR. il-Patt Globali tal-NU, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, jew l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali.

C            Lill-impriżi multinazzjonali kollha bbażati fl-Ewropa biex sal-2014 jimpenjaw rwieħhom biex jirrispettaw id-Dikjarazzjoni Tripartit tal-ILO tal-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

4.8.2. L-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet Umani[23]

It-titjib tal-koerenza tal-politiki tal-UE li huma relevanti għall-kummerċ u għad-drittijiet umani hija sfida kritika. Implimentazzjoni aħjar tal-Prinċipji Gwida tan-NU għandha tikkontribwixxi għall-miri tal-UE dwar kwistjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u standards tax-xogħol ewlenin, inklużi t-tħaddim tat-tfal, it-tħaddim sfurzat tal-ħabsin, it-traffikar tal-bnedmin, l-ugwaljanza tas-sessi, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, il-ħelsien tal-assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv. Proċess li jinvolvi l-impriżi, lid-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi msieħba, u atturi mis-soċjetà ċivili lokali, b'mod partikolari organizzazzjonijiet u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżid l-għarfien tal-isfidi li jiffaċċjaw il-kumpaniji meta jkunu qed jaħdmu f'pajjiżi fejn l-istat jonqos mid-dmir tiegħu li jiddefendi d-drittijiet umani.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

11. Fl-2012 taħdem flimkien ma' impriżi u partijiet interessati biex tiżviluppa linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem għal għadd limitat ta' setturi industrijali relevanti, kif ukoll gwida għall-impriżi żgħar u medji, ibbażata fuq il-Prinċipji Gwida tan-NU.

12. Sal-aħħar tal-2012 tippubblika rapport dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU, u wara toħroġ rapporti regolari dwar il-progress[24].

Il-Kummissjoni wkoll:

D            Tistenna li l-impriżi Ewropej kollha jżommu mar-responsabbiltà korporattiva li jirrispettaw lid-drittijiet tal-bniedem kif inhu ddefinit fil-Prinċipji Gwida tan-NU.

E            Tistieden l-Istati Membri tal-UE li sal-aħħar tal-2012 jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU.

4.8.3. L-enfażi fuq is-CSR fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja

Il-linji gwida u l-prinċipji tas-CSR li huma rikonoxxuti internazzjonalment jirrappreżentaw valuri li għandhom jitħaddnu mill-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni għaldaqstant se tkompli tittratta din il-kwistjoni waqt il-proċess ta' adeżjoni.

Il-Kummissjoni tippromwovi s-CSR permezz tal-politiki barranin tagħha. Hija se tkompli, permezz ta' għaqda ta' avukatura u leġiżlazzjoni komplementari, timmira li xxerred iżjed il-linji gwida u l-prinċipji li huma rikonoxxuti internazzjonalment u li tgħin lin-negozji tal-UE biex jiżguraw li jkollhom impatt pożittiv fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet barranin. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti relevanti fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp. Barra minn hekk, fejn ikun xieraq, hi se tipproponi li tindirizza s-CSR fi djalogi stabbiliti ma' pajjiżi u reġjuni msieħba.

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE tirrikonoxxi l-ħtieġa li tappoġġa s-CSR[25]. Billi jippromwovu r-rispett għall-istandards soċjali u ambjentali, l-impriżi tal-UE jistgħu jrawmu tmexxija aħjar u tkabbir inklużiv fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-mudelli kummerċjali li għandhom il-foqra fil-mira bħala konsumaturi, produtturi u distributuri jgħinu biex ikabbru kemm jista' jkun l-impatt tal-iżvilupp. It-tfittxija ta' sinerġiji mas-settur privat se ssir kwistjoni dejjem iżjed importanti fil-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp u fir-reazzjonijiet tal-UE għad-diżastri naturali u dawk magħmulin mill-bniedem. L-impriżi jistgħu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rispett permezz tal-volontarjat tal-impjegati. Il-Korp ta' Għajnuna Umanitarja Volontarja Ewropew tal-futur jista' jipprovdi mezz ta' sfruttament aħjar tas-sinerġiji mas-settur privat.

Il-Kummissjoni biħsiebha:

13. Tidentifika l-modi biex tippromwovi mġieba kummerċjali responsabbli fl-inizjattivi politiċi li ġejjin, lejn irkupru u tkabbir f'pajjiżi terzi li huma iżjed inklużivi u sostenibbli.

5. Il-konklużjoni

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, mal-impriżi u ma' partijiet interessati oħra biex tissorvelja l-progress regolarment u tħejji b'mod konġunt laqgħa ta' reviżjoni li se ssir sa nofs l-2014. Bi tħejjija għal dik il-laqgħa, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda għall-azzjoni stabbilita f'din il-komunikazzjoni. Dan se jitlob metodi ta' ħidma iżjed ikkoordinati bejn il-Forum Multilaterali Ewropew dwar is-CSR u l-Grupp ta' Livell Għoli ta' rappreżentanti tas-CSR mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta ta' ħidma dwar dan sal-aħħar tal-2011.

Abbażi ta' din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni lesta li tilqa' diskussjoni mal-Kunsill, mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, mal-Kumitat tar-Reġjuni, mal-impriżi u partijiet interessati oħra, u tilqa' wkoll l-impenn tagħhom.

Il-Kummissjoni titlob lill-kummerċjanti ewlenin Ewropej, inklużi dawk fis-settur finanzjarju, biex qabel nofs l-2012 iressqu impenn miftuħ u responsabbli biex jippromwovu, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra, l-adozzjoni ta' mġieba kummerċjali responsabbli mingħand għadd ħafna ikbar ta' impriżi Ewropej, b'miri ċari għall-2015 u l-2020.

[1]               COM(2001) 366.

[2]               Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2008 (COM(2008) 774), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEC(2008) 2853 mehmuż.

[3]               Għadd ta' inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 jirreferu għall-RSK: il-Politika Integrata Industrijali għall-Era tal-Globablizzazzjoni COM(2010) 614, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali COM(2010) 758, l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda COM(2010) 682, Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni COM(2010) 477 u l-Att dwar is-Suq Uniku (2011) 206. Barra minn dan, l-Unjoni għall-Innovazzjoni COM(2010) 546 għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-intrapriżi li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà permezz tal-innovazzjoni, u l-kontribut tal-intrapriżi huwa ċentrali biex jinkisbu l-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija "Ewropa ta' Riżorsi Effiċjenti" COM(2011) 21 u COM(2011) 571.

[4]               Il-Kunsill għall-Ambjent tal-5 ta' Diċembru 2008, Il-Kunsill għall-Ambjent tal-20 ta' Diċembru 2010, Il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ġunju 2010, Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropej tat-13 ta' Marzu 2007 (P6_TA(2007)0062), Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011, P7_TA(2011)0260

[5]               Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globablizzazzjoni COM(2010) 614

[6]               COM(2011) 206.

[7]               COM(2001) 366.

[8]               COM(2006) 136.

[9]               Fost dawn l-organizzazzjoni huwa stmat li madwar 80 % huma intrapriżi.

[10]             Pereżempju: l-ugwaljanza bejn is-sessi, ġestjoni responsabbli tal-katina ta' provvista, u titjib tad-djalogu mal-investituri dwar ir-rendiment mhux finanzjarju tal-kumpaniji. Ara www.csreurope.org/pages/en/toolbox.html

[11]             "Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: Politiki Pubbliċi Nazzjonali fl-UE", Il-Kummissjoni Ewropea, 2011

[12]             "Komunikazzjoni dwar il-Politiki u l-Attività Volontarja: L-għarfien u l-Promozzjoni ta' Attivitajiet Volontarji Transfruntiera fl-UE" COM(2011) 568.

[13]             COM(2011) 682.

[14]             "Relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa 2010", il-Kapitolu 6.3.4. il-Kummissjoni Ewropea, DĠ l-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, 2011

[15]             "Ir-rwol tal-ftehimiet korporattivi transnazzjonali fil-kuntest tal-integrazzjoni internazzjonali li dejjem tiżdied" COM(2008) 419 finali

[16]             Pereżempju: il-Forum tal-Kummerċ bl-Imnut għas-Sostenibbiltà; il-Pjattaforma tal-UE għad-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa; il-Kampanja dwar l-Impriżi u l-Bijodiversità; il-proċess dwar ir-responsabbiltà korporattiva fl-industrija farmaċewtika; il-Konferenza Ewropea dwar l-Ikel u l-Produzzjoni Sostenibbli; il-Forum Università-Impriżi; il-Konferenza dwar ir-Reklamar; u l-Patt Ewropew għas-Saħħa Mentali u l-Benessri.

[17]             2012 hija s-Sena Ewropea tal-Anzjanità Attiva.

[18]             Id-Direttiva 2005/29/KE

[19]             Ara l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar ta' Liġijiet 2003/C 321/01, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Regolamentazzjoni aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea" COM(2005) 97.

[20]             “Buying Social: a guide to taking account of social considerations in public procurement”, Il-Kummissjoni Ewropea, 2011

[21]             Ir-Raba' Direttiva dwar il-kontijiet annwali 2003/51/KE titlob li fir-rapporti annwali tagħhom, l-impriżi jiżvelaw biżżejjed informazzjoni ambjentali u marbuta mal-impjegati biex tagħti idea ċara tal-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni tal-kumpanija. L-Istati Membri kollha għażlu li jeżentaw lill-SMEs minn dan ir-rekwiżit.

[22]             CorporateRegister.com

[23]             Il-Prinċipji Gwida tan-NU jistrieħu fuq tliet pilastri: id-dmir tal-istat li jirrispetta d-drittijiet umani; id-dmir korporattiv li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem; u l-ħtieġa għall-aċċess għal rimedju effikaċi.

[24]             Ir-rapporti ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas legali għad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent applikabbli għall-impriżi tal-UE meta jaħdmu barra l-UE (2010), u dwar l-amministrazzjoni responsabbli tal-katina ta' provvista (2011), se jitqiesu f'dan il-kuntest.

[25]             Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, 2005.