52011DC0551




KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

INKATTRU L-FIDUĊJA F'ĠUSTIZZJA EWROPEA DIMENSJONI ĠDIDA GĦAT-TAĦRIĠ ĠUDIZZJARJU EWROPEW

INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq l-istat tad-dritt, b'mod li jżewweġ flimkien il-liġi tal-Unjoni u s-sistemi ġuridiċi nazzjonali. It-tnejn li huma jitpoġġew fil-prattika minn imħallfin li jaħdmu f'sistemi ġuridiċi u tradizzjonijiet differenti. Il-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja Ewropea li tirrispetta bis-sħiħ is-sussidjarjetà u l-indipendenza ġudizzjarja huwa ċentrali biex ikollna spazju ġudizzjarju Ewropew li jaħdem b'mod effiċjenti. It-taħriġ ġudizzjarju huwa element kruċjali ta' dan il-proċess, minħabba li jsaħħaħ il-fiduċja f'xulxin bejn l-Istati Membri, dawk li jħaddmu s-sistema ġuridika u ċ-ċittadini.

It-tir tal-Kummissjoni Ewropea hu li sal-2020 nofs dawk li jeżerċitaw professjoni legali fl-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jieħdu sehem f'attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew permezz tal-użu tar-riżorsi kollha li jeżistu fil-livell lokali, f'dak nazzjonali u f'dak Ewropew, skont kif jitolbu l-objettivi tal-Programm ta' Stokkolma [1] .

Biex naslu s'hemm, irid ikun hemm l-impenn u l-koperazzjoni sħiħa ta' dawk kollha li għandhom interessi fil-qasam, fil-livelli kollha kemm huma. Huwa essenzjali li l-Istati Membri, il-ġudikatura, l-iskejjel ġudizzjarji u l-professjonijiet legali jagħtu spinta lill-attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju tagħhom. Minħabba li dawn qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw li l-liġi tal-Unjoni tiġi integrata fit-taħriġ nazzjonali, l-azzjoni fil-livell Ewropew se tikkumplimenta lill-attivitajiet nazzjonali.

Il-liġi tal-Unjoni fil-livell nazzjonali

Il-liġi tal-Unjoni hija mxerrda f'għadd kbir u f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet fil-livell nazzjonali. L-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies u tan-negozji huwa wieħed kbir. Hija toħloq jeddijiet u dmirijiet, li jridu jitħarsu mill-qrati nazzjonali. L-imħallef nazzjonali sar l-imħallef ta' quddiem nett tal-liġi tal-Unjoni. It-tibdiliet suċċessivi li saru fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea wasslu biex kibru l-kamp tal-applikazzjoni u l-impatt tal-liġi tal-Unjoni filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja ssaħħaħ. It-Trattat ta' Lisbona saħħaħ il-kompetenzi tal-Unjoni, speċjalment fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja.

Fiduċja f'xulxin għal rikonoxximent reċiproku

Ir-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili u kriminali, kif imniżżel fl-Artikoli 67, 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rikonoxximent ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji, koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u eżekuzzjoni malajr tad-deċiżjonijiet, hemm bżonn li jkun hemm fehim tajjeb tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti. Dan huwa wkoll importanti ħafna biex titrawwem il-fiduċja f'xulxin. Jeħtieġ li l-imħallfin nazzjonali, fil-livelli kollha tal-ġuriżdizzjoni u fl-inħawi kollha minn Sqallija sal-Lapponja, ikunu jafu b'mod xieraq dwar il-liġi tal-Unjoni u dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.

Twettiq effettiv tal-liġi tal-Unjoni

Mal-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni jrid ikun hemm twettiq effettiv[2], li jiggarantixxi s-sigurtà ġuridika u interpretazzjoni uniformi. It-taħriġ tal-imħallfin u ta' dawk li jeżerċitaw professjoni legali fil-liġi tal-Unjoni huwa waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport ta' Mario Monti[3] sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jingħataw is-setgħa li jiġġieldu għal dak li hu tagħhom u biex tiġi żgurata l-effettività tas-Suq Uniku. Fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Programm ta' Stokkolma[4] u fir-rapport tal-UE dwar iċ-ċittadinanza għall-2010[5] l-Kummissjoni ddikjarat li din kienet prijorità. Anki l-Parlament Ewropew jisħaq li jekk ikun hemm taħriġ ġudizzjarju xieraq, dan jgħin b'mod sinifikanti biex jitjieb il-mod kif jaħdem is-suq intern u jagħmilha eħfef għaċ-ċittadini biex iħaddmu jeddijiethom[6].

Rwol ċar ta' sostenn għall-Unjoni Ewropea

It-Trattat ta' Lisbona[7] ta lill-Unjoni Ewropea l-kompetenza li tagħti "appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju" fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-koperazzjoni ġudizzjarja fil-liġi ċivili u kriminali. L-Istrateġija Ewropa 2020[8] tistieden biex ikun hemm investiment effiċjenti fit-taħriġ u kuntest ġuridiku koerenti fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tibbaża fuq dawn l-opportunitajiet ġodda biex toħloq qafas b'saħħtu u leġittimu għat-taħriġ dwar l- acquis tal-Unjoni.

B'mod konsistenti l-Parlament Ewropew sostna l-idea tal-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea awtentika bħala rekwiżit minn qabel tal-ispazju ġudizzjarju Ewropew[9]. Il-Kunsill Ewropew[10] stieden biex tittieħed azzjoni ferma min-naħa tal-Unjoni sabiex tiġi mħeġġa kultura awtentika Ewropea fejn jidħlu l-aspett ġudizzjarju u dak tal-infurzar tal-liġi.

Meħudin f'daqqa, dawn l-elementi jitolbu li ssir bidla sinifikanti fil-mod kif jiġi organizzat it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew fejn għandhom x'jaqsmu l-kunċett u l-iskala, sabiex tkun aċċessibbli sistematikament għal dawk li jeżerċitaw il-professjoni legali u li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.

Fl-2010, il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni wiesgħa ma' dawk kollha li għandhom interessi fil-qasam, inklużi l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-QĠUE), in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (in-NETĠ) u l-membri tiegħu, il-membri tal-Forum tal-Ġustizzja[11], partikularment l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (l-ERA), il-Kunsill tal-Avukatura Ewropea (is-CCBE), il-Kunsill tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea (is-CNUE), in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (l-ENCJ), in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea, u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea. Il-kontribut tagħhom[12] intuża biex jiġu ddefiniti l-attivitajiet tal-qalba u l-prijoritajiet.

INKOMPLU NINGRANAW: INħARRġU NOFS DAWK LI JEżERċITAW PROFESSJONI LEGALI FL-UNJONI EWROPEA SAL-2020

Hemm għadd kbir ta' nies li jeżerċitaw professjoni legali fl-Unjoni Ewropea, fosthom imħallfin, impjegati tal-qrati u professjonisti legali ta' xorta jew oħra[13].

Dawk li jeżerċitaw professjoni legali fis-27 Stat Membru

Imħallfin professjonali | 79 100 |

Prosekuturi | 35 032 |

Avukati, solicitors, barristers | 868 615 |

Persunal tal-Qorti | 351 220 |

Marixxalli | 29 060 |

Nutara | 38 269 |

Total | 1 401 296[14] |

It-taħriġ ġudizzjarju Ewropew dwar l- acquis tal-Unjoni, kemm dak fil-livell nazzjonali kif ukoll dak fil-livell Ewropew, għadu ftit. F'Mejju 2011, 51% tal-imħallfin u l-prosekuturi ddikjaraw li qatt ma kienu ħadu sehem f'taħriġ ġudizzjarju dwar il-liġi tal-Unjoni jew ta' xi Stat Membru ieħor, filwaqt li 74% iddikjaraw li l-għadd ta' kawżi li jinvolvu l-liġi tal-Unjoni żdied matul is-snin. 24% tal-imħallfin u prosekuturi qatt ma attendew taħriġ dwar il-liġi tal-Unjoni minħabba li ma kienx hemm taħriġ ta' dan it-tip[15]. L-attivitajiet ivarjaw bil-kbir bejn Stat Membru u ieħor, u l-għadd ta' mħallfin jew prosekuturi li jitħarrġu kull sena jvarja bejn 240 u 13 000. Il-Kummissjoni ffinanzjat jew ikkofinanzjat 162 proġett li, bejn l-2007 u l-2010, inkludew kważi 26 000 parteċipant.

Tingħata prijorità lill-imħallfin u lill-prosekuturi , minħabba li huma responsabbli għall-infurzar tal-liġi tal-Unjoni u biex jaraw li tiġi rrispettata, iżda t-taħriġ ġudizzjarju huwa essenzjali wkoll għal nies oħrajn li jeżerċitaw professjoni legali. L-impjegati tal-qrati jridu jassistu lill-vittmi b'konformità mal-qafas Ewropew. Waqt li jeżerċitaw jeddhom li jiċċaqilqu bil-libertà, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiltaqgħu ma' sitwazzjonijiet fejn ikollhom bżonn is-servizzi ta' avukati jew nutara li jkunu jafu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b'mod espert. Dawk kollha li jeżerċitaw professjoni legali għandhom sehem x'jagħtu biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċess ġudizzjarju tkun l-aħjar li tista' tkun[16].

Anki t-taħriġ tal-uffiċjali li jinfurzaw il-liġi huwa importanti, u għal nofs l-2012 il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-ħolqien ta' Skema Ewropea tat-Taħriġ (SET) għall-uffiċjali li jinfurzaw il-liġi.

It-tir hu li nolqtu lil dawk kollha li jeżerċitaw professjoni legali : imħallfin, prosekuturi, impjegati tal-qrati, avukati jew professjonisti legali oħrajn.

TAħRIġ IMMIRAT LEJN IL-PROFESSJONISTI

Metodu prattiku għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew

Jeħtieġ li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ikun orjentat lejn il-prattika biex jiġbed lill-prattikanti li huma bżonnjużi biex jitħaddmu s-sistemi tal-ġustizzja. Għandu jkun rilevanti għal-xogħolhom ta' kuljum, ma jkunx fit-tul u jagmel użu minn metodi effiċjenti ta' tagħlim. F'Mejju 2011, 19% tal-imħallfin u l-prosekuturi ma kienu attendew l-ebda taħriġ dwar il-liġi Ewropea minħabba li ma kellhomx ħin[17].

Jeħtieġ li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ikun jinkludi taħriġ tal-bidu u ieħor li jibqa' għaddej . Jeħtieġ li kull avukat ġdid ikun jaf dwar il-liġi Ewropea sa mill-bidu nett. It-taħriġ tal-bidu, li jingħata qabel jew malli wieħed jibda jaqdi d-doveri tiegħu, irid ikun ikkumplimentat minn tagħlim tul il-ħajja kollha kemm hi biex dawk li jeżerċitaw professjoni legali jingħataw l-għajnuna biex jibqgħu aġġornati u jkunu jafu fejn u kif jistgħu jiksbu kapaċitajiet u tagħrif ġodda.

Jeħtieġ li meta jiġu biex iqisu t-tagħbija tax-xogħol tal-imħallfin u tal-prosekuturi, l-Istati Membri jqisu l-ħin barra mill-qrati bħala investiment f il-kwalità tal-ġustizzja .

Niddefinixxu l-oqsma prijoritarji

Jeħtieġ li l-korp tal- acquis tal-Unjoni, inklużi l-liġi sostantiva u proċedurali, l-istrumenti tal-koperazzjoni ġudizzjarja u l-ġurisprudenza korrispondenti tal-QĠUE, ikun fil-qalba tat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew.

Waqt il-konsultazzjoni, il-partijiet interessati identifikaw ħtiġjiet ta' taħriġ fl- oqsma ta' linji politiċi li ġejjin, li jistgħu jitqiesu bħala prijoritajiet għat-taħriġ: il-liġi ambjentali; il-liġi ċivili, tal-kuntratti, tal-familja u kummerċjali, il-liġi tal-kompetizzjoni, il-jeddijiet fuq il-proprjetà intellettwali; il-liġi kriminali (b'mod partikulari t-twettiq tal-mandat ta' arrest Ewropew), id-delitti kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; id-drittijiet fundamentali u l-ħarsien tad-dejta. Jistgħu jiġu ffissati prijoritajiet ukoll fejn l-UE tkun identifikat konformità baxxa ma' xi leġiżlazzjoni settorjali jew fejn il-leġiżlazzjoni settorjali tkun kumplessa u teknika ħafna.

Il-Kummissjoni Ewropea se tagħti kas ta' dawn l-oqsma prijoritarji meta tkun qed tfassal il-programmi finanzjarji tagħha għat-taħriġ .

Skambji qosra

Lil hinn mill-konoxxenza tal-liġi tal-Unjoni, biex l-ispazju ġudizzjarju Ewropew jinbena fuq il-fiduċja u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, huwa essenzjali li dawk li jeżerċitaw professjoni legali jkunu jafu aktar dwar is-sistemi ġudizzjarji madwar l-Ewropa.

L-iskambji huma wieħed mill-aqwa modi biex tinkiseb konoxxenza diretta dwar l-istrumenti tal-Unjoni u dwar sistemi ġuridiċi oħrajn , u kif titpartat l-esperjenza biex b'hekk tikber il- fiduċja reċiproka u nifhmu aktar lil xulxin.

Il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa skambji, billi tibda mill-imħallfin u l-prosekuturi li għadhom jilħqu . Jeħtieġ li l-iskambji jiġu organizzati waqt it-taħriġ tal-bidu mill-istituzzjonijiet nazzjonali li jagħtu t-taħriġ ġudizzjarju. Sa mill-bidu nett, dan jippermetti lill-imħallfin u lill-prosekuturi li japprezzaw l-aspett Ewropew tal-irwol tagħhom u jħossuhom involuti bis-sħiħ fih.

Il-Kummissjoni Ewropea qed timmira biex mill-2014 'il quddiem tagħti bidu għal programm ta' skambji ta' ġimagħtejn għall-imħallfin u l-prosekuturi ġodda . L-għan se jkun li, fl-aħħar mill-aħħar, l-imħallfin u l-prosekuturi kollha li jkunu għadhom jilħqu (madwar 2 500 fis-sena) jieħdu sehem fi skambju organizzat fl-istituzzjonijiet nazzjonali li jagħtu t-taħriġ ġudizzjarju.

It-teknoloġija taqdi l-ħtiġijiet tat-taħriġ: Il-Portal Ewropew għall-Ġustizzja elettronika u għat-teletagħlim

Il-Portal Ewropew għall-Ġustizzja elettronika huwa post minn fejn wieħed jinqeda f'dak kollu li jkollu bżonn; huwa magħmul għaċ-ċittadini, għan-negozji u għal dawk li jeżerċitaw professjoni legali. Dan jipprovdi ammont kbir ta' tagħrif fi 22 ilsien , li jservi ta' għodda ta' referenza fil-kuntest tat-taħriġ ġudizzjarju . Il-Portal se jkompli jiġi żviluppat biex jipprovdi tagħrif dwar min jipprovdi t-taħriġ u dwar l-għori tat-taħriġ, sabiex ikun żgurat li jkun hemm aċċess faċli għall-bażijiet tad-dejta legali u għal materjal ta' kwalita għolja għat-taħriġ, kif ukoll biex iservi bħala punt tad-dħul fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' kofinanzjament li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli.

Huwa neċessarju wkoll li jkun hemm investiment fit- teletagħlim , b'mod partikulari sabiex tiġi indirizzata l-problema li dawk li jeżerċitaw professjoni legali għandhom bil-ħin.

Il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura li l-Portal Ewropew għall-Ġustizzja Elettronika jappoġġa lit-taħriġ ġudizzjarju Ewropew.

Hija se tippromwovi l-iżvilupp tat- teletagħlim bħala għodda flessibbli biex jintlaħqu aktar min-nies li għalihom hu maħsub it-taħriġ.

Il-Kummissjoni se tabbozza linji gwida prattiċi rigward tendenzi speċifiċi tat-tagħlim fil-dinja ġudizzjarja u rigward l-aktar metodoloġiji xerqin għat-taħriġ , li se jkunu jkopru wkoll l-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-impatt u l-użu ta' kriterji komuni dwar il-kwalità u ta' indikaturi komuni.

L-iżvilupp tal-kompetenzi fl-ilsna

Il-ħakma tajba ta' lsien barrani u tat-terminoloġija ġuridika tagħha hija importanti u jeħtieġ li tifforma parti mit-taħriġ kontinwu dawk li jeżerċitaw professjoni legali. Mingħajr din il-ħakma tajba, ma jistgħux isiru kuntatti effettivi madwar l-Istati Membri, li huma l-pedament għall-koperazzjoni ġudizzjarja.

Huwa essenzjali li kulmin għandu interessi f'dan il-qasam jagħmel enfasi fuq it-terminoloġija legali tal-ilsna barranin.

NIBNU FUQ L-ISTRUTTURI U N-NETWERKS EżISTENTI

Li nħarrġu nofs dawk li jeżerċitaw professjoni legali fl-Unjoni Ewropea sal-2020 hija sfida li rridu nirbħuha flimkien. L-aħjar mod kif tiġi indirizzata huwa li nibnu fuq il-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-istrutturi, tal-atturi u tan-netwerks eżistenti, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej . F'dan il-kuntest, u sabiex niżguraw li jkun hemm ir-rispett meħtieġ lejn l-indipendenza tal-ġudikatura u l-organizzazzjoni tagħhom infushom tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-avukati, tan-nutara u tal-marixxalli, ma jkunx xieraq li tinħoloq struttura monopolistika fil-livell Ewropew.

L-aħjar għażla hija li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew minn dawk kollha li għandhom interessi fil-qasam , filwaqt li jiġi żgurat li l-qafas tiegħu ikun jissodisfa l-ħtiġijiet tal-atturi kollha, u li jkun jippromwovi s-sinerġiji u t-titjib tar-riżultati tat-taħriġ.

Nibnu fuq il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali

Fl-Istati Membri, li jġorru l-ikbar responsabbiltà għall- kwalità u l-iskala tat-taħriġ ġudizzjarju , diġà teżisti kapaċita kbira għat-taħriġ. Fi 17-il Stat Membru jeżistu skejjel ġudizzjarji li jagħtu taħriġ tal-bidu u kontinwu. Fi Stati Membri oħrajn, it-taħriġ jiġi organizzat mill-Ministeru tal-Ġustizzja, mill-Kunsill għall-Ġudikatura jew mis-servizzi tal-Qorti. L-assoċjazzjonijiet tal-avukati jew tan-nutara jiddefinixxu r-rekwiżiti nazzjonali għat-taħriġ kontinwu fost il-membri tagħhom, u jorganizzaw attivitajiet ta' taħriġ.

L-istrutturi eżistenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju jkunu jinkudu sessjonijiet dwar il-liġi u l-proċeduri tal-Unjoni u biex jiġu żviluppati l-frekwenza, l-effettività u l-impatt tagħhom fuq ix-xogħol ta' kuljum.

Fl-2001 l-Ecole Nationale de la Magistrature (Franza), is-Centro de Estudos Judiciários (il-Portugall) u l-Escuela Judicial del Consejo General del Poder Judicial (Spanja) bdew koperazzjoni mill-qrib li tinvolvi l-iskambji ta' mħallfin u prosekuturi futuri f'attivitajiet ta' taħriġ li jsiru f'dawn it-tliet pajjiżi li kienu jiffukaw fuq suġġetti marbutin mal-liġi tal-Unjoni u mas-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom infushom. Minn dakinhar 'l hawn din l-attività baqgħet għaddejja bla waqfien, u kibret bis-sehem ta' istituzzjonijiet oħrajn li jagħtu t-taħriġ; fl-2010, meta kienet diġà tinvolvi fiha 13-il pajjiż, ġiet integrata fil-qafas tan-NETĠ.

Għal għadd ta' snin, l-assoċjazzjonijiet tal-avukati ta' Perpinjà u ta' Barċellona organizzaw seminars annwali flimkien biex jiddiskutu dwar diffikultajiet rikorrenti fit-twettiq tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni fil-każijiet transkonfinali.

It-taħriġ tal-bidu ma jeżistix fl-Istati Membri kollha. F'Mejju 2011, 43% tal-imħallfin u prosekuturi ddikjaraw li ma kinux studjaw il-liġi tal-Unjoni, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jew il-liġi ta' Stat Membru ieħor bħala parti mill-istudji tagħhom biex jiggradwaw fil-liġi, filwaqt li 63% ma kellhom l-ebda taħriġ tal-bidu fil-liġi tal-Unjoni qabel ma bdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom[18]. Madanakollu, jeħtieġ li min jibda jeżerċita professjoni legali jkollu biżżejjed konoxxenza tal-istrumenti tal-Unjoni għall-koperazzjoni ġudizzjarja u jikseb il-kapaċita riflessiva li jirreferi b'mod regolari għall-ġurisprudenza Ewropea, li jivverifika t-traspożizzjoni nazzjonali u li jagħmel użu mill-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjonijiet preliminari.

It-taħriġ kontinwu ssibu fl-Istati Membri kollha iżda mhux dejjem huwa obbligatorju. Dan it-taħriġ mhux dejjem ikopri l- acquis tal-Unjoni u l-istrumenti tagħha għall-koperazzjoni ġudizzjarja.

Jeħtieġ li t-taħriġ dwar l- acquis tal-Unjoni jkun integrat sistematikament fit-taħriġ tal-bidu għal dawk li jeżerċitaw professjoni legali , b'mod li jkun jirrifletti kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-Unjoni jaħdmu flimkien u jinfluwenzaw il-prattika tagħhom ta' kuljum.

Il-Kummussjoni Ewropea tistieden lill- Istati Membri u lill-professjonijiet legali biex jiżguraw li dawk li jeżerċitaw professjoni legali, b'mod partikulari l-imħallfin u l-prosekuturi, matul il-karriera tagħhom igawdu għall-inqas minn taħriġ ta' ġimgħa waħda dwar l-acquis u l-istrumenti tal-Unjoni .

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex li ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn dawk li għandhom interessi f'dan il-qasam u tħeġġeġ b'mod attiv lil l-konsorzji jew gruppi reġjonali ta' skejjel ġudizzjarji nazzjonali biex jiżviluppaw taħriġ flimkien.

Nibnu fuq il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell Ewropew

Il-fornituri eżistenti tat-taħriġ ġudizzjaju u n-netwerks Ewropej ta' dawk li jeżerċitaw professjoni legali jipprovdu għodda affidabbli biex jiġi żgurat li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jiżdied b'mod sinifikanti. Għad hemm il-bżonn li jiġu indirizzati d-differenzi fil-kontenut tat-taħriġ, fil-frekwenza tal-attivitajiet u fl-għadd ta' parteċipanti.

L-irwol tal-organizzazzjonijiet professjonali fil-livell Ewropew

L-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-professjonijiet legali bħas-CCBE, is-CNUE, l-ENCJ, in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjali Supremi tal-Unjoni Ewropea, il-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin Favur l-Ambjent, eċċ. għandhom sehem importanti fil-koordinazzjoni.

Dawn huma sħab ewlenin fil-promozzjoni tat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew, fl-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-kontenut tat-taħriġ u tal-metodoloġiji, fit-tixrid ta' tagħrif dwar ir-riżorsi tat-taħriġ li jeżistu u fl-iżgurar li aktar nies jagħmlu użu mit-taħriġ.

Jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet professjonali legali Ewropej ikomplu jiżviluppaw attivtajiet ta' taħriġ u kurrikuli komuni u jaqsmu l-aħjar prattiki mal-membri tagħhom. L-involviment kontinwat tagħhom fit-taħriġ ġudizzjarju Ewropew huwa essenzjali.

Azzjonijiet mill-ERA u minn fornituri oħrajn tat-taħriġ fil-livell Ewropew

Il-fornituri tat-taħriġ ġudizzjarju fil-livell Ewropew qegħdin f'pożizzjoni tajba biex jipprovdu t-taħriġ għal parteċipanti ta' nazzjonalitajiet differenti.

L-ERA[19] tipprovdi taħriġ kontinwu għal nies li jeżerċitaw professjoni legali (hija ħarrġet 1 303 fl-2010). Din l-akkademja għandha esperjenza kbira fl-organizzazzjoni b'suċċess ta' seminars dwar il-liġi tal-Unjoni għal pubbliku multikulturali. L-irwol tal-ERA huwa importanti, ngħidu aħna, biex jiġi żviluppat taħriġ ġudizzjarju fil-pajjiżi li jkunu se jissieħbu fl-UE jew f'pajjiżi kandidati.

L-ERA torganizza korsijiet tas-sajf dwar il-ġustizzja kriminali Ewropea għall-imħallfin, prosekuturi u avukati tad-difiża mill-Istati Membri kollha, u tuża metodi attivi, inklużu għodod tat-TI, biex tħarreġ lill-parteċipanti fl-użu ta' strumenti għall-koperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

Entitajiet Ewropej oħrajn li jagħtu t-taħriġ anki lil dawk li jeżerċitaw professjoni legali jinkludu: iċ-Ċentru Ewropew għall-Imħallfin u għall-Avukati tal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (l-EIPA), l-Istitut Universitarju Ewropew ta' Firenze (l-IUE), il-Kulleġġ tal-Ewropa, eċċ.

Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mal-ERA u mal-fornituri Ewropej tat-taħriġ ġudizzjarju, filwaqt li tagħti każ tal-kontributi tas-settur pubbliku u ta' dak privat, sabiex tiżgura li jkun hemm taħriġ ta' kwalità għolja għal għadd akbar ta' professjonisti legali.

In-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju

In- NETĠ [20] huwa n-netwerk tal-istrutturi nazzjonali tat-taħriġ ġudizzjarju u tal-ERA. Dan in-netwerk jikkoordina l-azzjonijiet tagħhom, jaqsam l-aħjar prattiki, jiżviluppa kurrikuli komuni għal l-imħallfin u l-prosekuturi biex jintużaw fil-livell nazzjonali, u jorganizza seminars bl-użu ta' metodi attivi ta' taħriġ. Kull sena jkun hemm kważi 2 000 imħallef, prosekutur u ħarrieġ li jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu. Bejn l-2005 u l-2010, in-NETĠ organizza skambji fil-qrati għal 2 175 imħallef u prosekutur, u b'hekk ippermetta li nies li jeżerċitaw professjoni legali u li għandhom esperjenza kbira jaqsmu l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet ma' ħaddieħor.

Jeħtieġ li n-NETĠ jimpenja ruħu favur it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-istruttura tiegħu u jiżviluppa strateġija sabiex jilħaq lil aktar nies li jeżerċitaw professjoni ġuridika minn aktar Stati Membri. In-NETĠ għandu jikkonsolida dak li kiseb s'issa u jespandi aktar billi jappoġġa ħarrieġa fil-livell nazzjonali u f'dak lokali; jorganizza attivitajiet ta' taħriġ fi sħubija mal-iskejjel ġudizzjarji; jiżviluppa moduli ta' taħriġ li jkunu jinkludu moduli tat-teletagħlim u jistinka biex jeċċella fil-metodoloġiji tat-taħriġ. In-NETĠ jista' wkoll ikun aġent għall-bidla billi jiżgura li l-proġetti ta' taħriġ ippreżentati minn konsorzji ta' strutturi nazzjonali biex jiksbu kofinanzjament fil-livell Ewropew, ikunu jissodisfaw il-kriterji u jkunu ta' kwalità għolja.

In-NETĠ għandu jilħaq l- 1 200 skambju fil-qrati kull sena .

Jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom li jżidu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għan-NETĠ u jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-istrutturi nazzjonali tagħhom li joffru taħriġ ġudizzjarju fin-Netwerk sabiex jiżguraw li dan ikollu l-kapaċità li jkollu rwol attiv.

Dment li juri kapaċità msaħħa li jorganizza u jikkoordina attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tagħtih saħansitra aktar sostenn .

IL-KUMMISSJONI EWROPEA BħALA SIEħBA ATTIVA

Il-Kummissjoni se tkun sieħba attiva tal-Istati Membri biex jintlaħqu miri ambizzjużi għat-taħriġ ta' dawk li jeżerċitaw professjoni legali. Hija se tagħti valur miżjud lill-attivitajiet tal-istrutturi nazzjonali li joffru t-taħriġ, permezz ta' azzjonijiet konkreti biex l-iskema Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju titjieb f'termini ta' kwantità, kwalità u impatt filwaqt li tilħaq lil aktar nies. Dawn l-azzjonijiet se jkunu jinkludu sessjonijiet ta' taħriġ, skambji transkonfinali u miżuri kumplimentari.

Infasslu strateġiji ġodda għat-twessigħ

Sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat

It-taħriġ mhux il-prerogattiva tas-settur pubbliku, kif intwera mill-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet tal-avukati. Is-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat jistgħu joħolqu aktar mezzi biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' spazju ġudizzjarju Ewropew li qed jinbidel b'ħeffa kbira. Jekk ikun hemm arranġamenti ġodda bejn iż-żewġ setturi li jibnu fuq prattiki tajbin, dawn jippermettu li jsiru aktar attivitajiet ta' taħriġ filwaqt li jiġi żgurat li ma tiġix ipperikolata l-indipendenza tan-nies li għalihom huwa mmirat it-taħriġ. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jsiru fir-rigward tat-taħriġ fl-ilsna u tat-teletagħlim.

Ngħidu aħna, l-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Finlandiża torganizza korsijiet ta' taħriġ għall-avukati, imħallfin u prosekuturi dwar kwistjonijeit legali bil-koperazzjoni tal-Universitajiet ta' Turku, ta' Ħelsinki u tal-Lapponja kif ukoll tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Entitajiet bħall-ERA jistgħu jkollhom rwol ċentrali fil-promozzjoni ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Il-Parlament Ewropew dejjem appoġġa l-koperazzjoni mal-universitajiet. Fil-ġejjieni l-Kummissjoni tista' tippromwovi "sħubiji għall-konoxxenza" bejn l-universitajiet, l-iskejjel ġudizzjarji u l-assoċjazzjonijiet tal-avukatura, kif imħeġġeġ mill-Istrateġija Ewropa 2020[21]. Se nitgħallmu lezzjonijiet mill-proġett pilota[22] li għaddej bħalissa, li jġib flimkien impriżi u istituzzjonijiet tat-taħriġ biex ifasslu u jwettqu kurrikuli u korsijiet ġodda, jiżviluppaw metodi innovattivi ta' taħriġ u jiffaċilitaw il-fluss tal-konoxxenza bejn l-edukazzjoni ogħla u s-settur privat.

Il-European Law Institute[23] se jġib flimkien akkademiċi u nies li jeżerċitaw professjoni legali fi proġetti ta' riċerka b'applikazzjonijiet prattiċi. Għalhekk, dan l-istitut jista' jkun kapaċi jagħti kontribut utli dwar it-temi li jridu jiġu koperti mill-entitajiet li jagħtu t-taħriġ sabiex ikunu jistgħu jitnaqqsu d-differenzi.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-ħsieb li tħeġġeġ favur aktar sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi dwar it-taħriġ.

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-attivitajiet ta' taħriġ

Jeħtieġ li jitfasslu skemi sabiex taħriġ li wieħed ikun ħa fi Stat Membru ieħor ikun ivvalidat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Eżempju ta' dan huwa s-sħubija bejn l-assoċjazzjonijiet tal-avukati ta' Franza, tal-Lussemburgu u tal-Belġju: il-membri tagħhom jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet komuni, li jgħoddu għall-obbligi annwali ta' taħriġ tagħhom.

Nibbażaw fuq l-esperjenza li ksibna

Jeħtieġ li l-kompetenzi u l-esperjenzi miksubin f'oqsma oħrajn tat-taħriġ vokazzjonali jintużaw fit-taħriġ ġudizzjarju. B'hekk ikunu jistgħu jiġu evitati l-isforzi doppji u jkun jista' jiġi promoss l-użu mill-ġdid ta' prodotti ta' kwalità rigward it-taħriġ.

Il-Kummissjoni Ewropea tista' torganizza laqgħa kull sena bil-parteċipazzjoni tal-professjonijiet legali kollha biex jiġu żviluppati prospettivi ġodda dwar l-attivitajiet u jiġu ffaċilitati l-iskambji tal-prattika tajba.

Nipprovdu sostenn finanzjarju

Mill-2007 sal-2010, it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew kien sostnut permezz ta' finanzjament jew kofinanzjament ta' proġetti li b'kollox kienu jlaħħqu EUR 35.5 miljun. S'issa, dawn il-flus iffaċilitaw it-taħriġ, kull sena, ta' bejn 4 000 u 9 000 persuna li teżerċita professjoni legali. Madanakollu, dan mhux biżżejjed meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-kobor tal-għadd ta' nies li jridu jintlaħqu u l-ħtieġa li wieħed jibqa' aġġornat rigward l- acquis tal-Unjoni.

Jekk jingħata aktar finanzjament, dan jagħmel differenza f'termini ta' kobor u volum tal-attivitajiet li jkunu jistgħu jiġu sostnuti, u dan jippermetti li jintlaħqu aktar nies li jeżerċitaw professjoni legali u li nibnu fuq il-kapaċitajiet ta' dawk li diġà għandhom interessi fil-qasam.

Bil-qafas finanzjarju ta' bħalissa, il-Kummissjoni se tagħti spinta lit-taħriġ ġudizzjarju Ewropew billi ssaħħu bħala prijorità fil-programmi ta' ħidma eżistenti tagħha, b'mod li jagħmel użu mill-għodod kollha possibbli biex jiżdied is-sostenn finanzjarju . Il-Kummissjoni se tħeġġeġ b'mod attiv, notevolment permezz ta l-għotjiet tagħha, l-iżvilupp ta' taħriġ, li jkun immirat lejn diversi Stati Membri, dwar l- acquis tal-Unjoni u dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali[24]. Il-kriterji dwar kif jitqassmu l-għotjiet se jkunu jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' proġetti orjentati lejn il-prattika, fuq skala kbira u li jkunu mifruxin fuq medda twila ta' żmien, li jagħmlu użu minn metodoloġiji attivi ta' taħriġ, jipproduċu riżultati sostenibbli u jilħqu lil ħafna nies. Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll moduli ta' taħriġ dwra l- acquis tal-Unjoni, bħal dawk li ġew żviluppati b'suċċess fir-rigward tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-koerenza u l-istabbiltà tas-sejħiet tagħha għal proposti u biex tippermetti li l-promoturi tal-proġetti jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi Ewropej . Il-Kummissjoni qed tivvaluta l-modi kif se tippromwovi l-parteċipazzjoni, fil-proġetti ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew, tal-Kroazja[25] u ta' pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u tal-viċinat .

Il-Kummissjoni Ewropea se tikkonċentra l-finanzjament tagħha fuq taħriġ li jsir bħala parti mill-programmi eżistenti biex issostni proġetti ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew ta' kwalità għolja b'impatt Ewropew ikbar.

B il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid , it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew għandu jkun prijorità ewlenija biex sal-2020 kull sena jiġi sostnut it-taħriġ ta' aktar minn 20 000 persuna li teżerċita professjoni legali .

KONKLUżJONI

It-titjib tat-taħriġ ġudizzjarju huwa essenzjali biex nibnu spazju ġudizzjarju Ewropew li minnu jgawdu n-nies u n-negozji. Il-Kummissjoni Ewropea trid li tagħti dimensjoni ġdida lit-taħriġ ġudizzjarju Ewropew billi tibni fuq l-attivitajiet li qed isiru diġà u li rnexxew, u fuq il-possibbiltajiet li joffri t-Trattat ta' Lisbona.

L-iskema Ewropea futura tat-taħriġ se tkun imsejsa fuq l-azzjonijiet:

1. ta l-Istati Membri : nibnu fuq il-kapaċitajiet eżistenti sabiex nagħtu spinta lill-attivitajiet ta' taħriġ dwar l- acquis tal-Unjoni li ġew żviluppati mill-iskejjel ġudizzjarji jew mill-professjonijiet legali;

2. ta s-sħab fil-livell Ewropew : intejbu l-koperazzjoni bejniethom, inżidu l-għadd ta' attivitajiet u ta' skambji li jsiru permezz ta' organizzazzjonijiet professjonali fil-livell Ewropew, fornituri tat-taħriġ jew in-NETĠ;

3. ta l-Kummissjoni Ewropea : iżżid is-sostenn finanzjarju għal proġetti ta' taħriġ ta' kwalità, tippromwovi konsorzji ta' skejjel ġudizzjarji, timmira li sal-2020 tilħaq iċ-ċifra ta' 20 000 prattikant legali li jitħarrġu fil-livell Ewropew kull sena, tagħti spinta lill-użu tat-teknoloġiji moderni u b'mod partikulari tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

Hemm bżonn ta' impenn qawwi sabiex niżguraw li t-taħriġ ġudizzjarju jilħaq il-livell ta' eċċellenza li hu meħtieġ għal kultura ġudizzjarja Ewropea ta' veru. Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-atturi kollha biex jieħdu azzjoni xierqa: il-baġits iridu jiġu allokati; għandu jingħata l-ħin, għandhom jiġu żviluppati inċentivi u għandhom jittieħdu impenji ċari.

Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li dawn l-azzjonijiet ambizzjużi flimkien għandhom iwasslu biex sal-2020 ikun hemm aktar minn 700 000 persuna li teżerċita professjoni legali li jieħdu sehem f'mill-inqas sessjoni waħda ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew jew fi skambju wieħed.

[1] ĠU 2010 C 115 p.01.

[2] "Ewropa li tikseb ir-riżultati – L-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja", COM(2007) 502 finali.

[3] M. Monti, Strateġija Ġdid għas-Suq Uniku , id-9 ta' Mejju 2010.

[4] COM(2010) 171

[5] COM(2010) 603

[6] Riżoluzzjoni dwar It-taħriġ ġudizzjarju – Il-Programm ta' Stokkolma, 17 ta' Ġunju 2010.

[7] Artikoli 81.2.h u 82.1.ċ TFUE.

[8] COM(2010) 2020 finali.

[9] Rapport 2010/2080(INI).

[10] Ara n-nota 1, fil-paġna 2.

[11] Il-Forum għall-Ġustizzja.

[12] Hawnhekk tista' ssib sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

[13] L-Artikoli 81.2.ċ u 82.1.ċ tat-TFUE jimmiraw espliċitament lejn il-"ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju". Għalkemm jiffurmaw professjoni awtonoma, l-avukati huma parti integrali u neċessarja mill-attività ġudizzjarja u għandhom rwol ċentrali fit-twettiq tal-liġi tal-Unjoni. In-nutara huma inqas involuti fl-attività ġudizzjarja, iżda f'diversi Stati Membri għandhom xi kompetenza fil-qasam ġudizzjarju, li jwassal biex huma wkoll jikkontribwixxu għat-twettiq tal-liġi tal-Unjoni. Meta wieħed jagħti kas tal-ispirtu u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jitwessgħu biex jinkludu lil dawn iż-żewġ professjonijiet.

[14] European judicial systems 2010, CEPEJ, il-Kunsill tal-Ewropa (il-Ġermanja: dejta tal-2006).

[15] Dejta statistika preliminari; L-istudju tal-Parlament Ewropew intitolat "Judicial training in the EU Member States", li għad irid jiġi ppubblikat, Ottubru 2011.

[16] COM(2011) 60

[17] Ara n-nota 15 fil-paġna 4.

[18] Ara n-nota 15 fil-paġna 4.

[19] ERA.

[20] EJTN.

[21] L-"Alleanzi għall-Konoxxenza" jew "sħubiji" ġew promossi mill-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2010, li hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

[22] Proġett pilota għall-iżvilupp ta' sħubija tal-konoxxenza.

[23] European Law Institute.

[24] Jiġu kkunsidrati applikazzjonijiet ta' nutara jekk ikollhom x'jaqsmu mal- acquis tal-Unjoni f'dawk l-oqsma fejn in-nutara jwettqu attivitajiet ġudizzjarji.

[25] Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2011.