52011DC0549

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2010 /* KUMM/2011/0549 finali */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2010.

INTRODUZZJONI

L-ambitu

Ir-Regolament tal-Kunsill KE/2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' Eurodac għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem ir-'Regolament EURODAC')[1], jistipula li l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali[2]. It-tmien rapport annwali attwali jinkludi informazzjoni dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tas-sistema fl-2010. Dan jivvaluta r-riżultat u l-kost-effettività tal-EURODAC, kif ukoll il-kwalità tas-servizz tal-Unità Ċentrali tagħha.

Żviluppi legali u tal-politika

Fil-11 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat l-proposta Emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' 'EURODAC' għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru […/…] [li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat][3].

Il-proposta Emendata għal Ottubru tal-2010 ħadet post il-proposta adottata mill-Kummissjoni f'Settembru tal-2009, li, flimkien mal-proposta li takkumpanja d-Deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi[4], skadiet bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-tneħħija tas-sistema tal-pilastri. Skont il-Komunikazzjoni dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin[5], tali proposta tiġi rrevokata formalment u tiġi ssostitwita minn proposta ġdida li tikkunsidra l-qafas il-ġdid tat-TFUE.

Madankollu, bil-ħsieb li jkun hemm progress fin-negozjati dwar il-pakkett tal-asil u tiġi ffaċilitata l-konklużjoni tal-ftehim fuq ir-Regolament EURODAC, il-Kummissjoni tqis li jkun aktar xieraq li ma tissostitwix il-proposta skaduta għal Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Settembru tal-2009. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni rtirat ukoll, mill-proposta tal-EURODAC, dawk id-dispożizzjonijiet li jittrattaw l-aċċess għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi.

Barra minn hekk, Il-Kummissjoni kkunsidrat li adozzjoni aktar bil-ħeffa tar-Regolament EURODAC il-ġdid, tiffaċilita t-twaqqif f'waqtu tal-Aġenzija għall-immaniġjar operazzjonali ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, peress li huwa ppjanat li din l-Aġenzija tkun ukoll responsabbli mill-ġestjoni tal-EURODAC[6].

Il-proposta Emendata ta' Ottubru 2010 bħalissa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

L-UNITÀ ĊENTALI TAL-EURODAC[7]

L-amministrazzjoni tas-sistema

Minħabba l-ammont dejjem jikber ta' dejta li għandha tiġi ġestita (ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet għandhom jintrefgħu għal 10 snin), l-iskadenza naturali tal-pjattaforma teknika (mwaqqfa fl-2001) u x-xejriet mhux prevedibbli tal-volum tat-tranżazzjonijiet tal-EURODAC, il-Kummissjoni wettqet titjib fis-sistema tal-EURODAC. Il-proġett tal-IT, imsejjaħ EURODAC PLUS, kien immirat biex a) jissostitwixxi l-infrastruttura tal-IT li għaddha żmienha, b) tiżdied il-kapaċita u l-prestazzjoni ġenerali tas-sistema, c) l-iżgurar ta' sinkronizzazzjoni tad-dejta aktar veloċi, sikura u affaidabbli bejn is-Sistema tal-Produzzjoni u s-Sistema tal-Kontinwità tan-Negozju. Fl-2010, it-Testijiet tal-Aċċettazzjoni Provviżorja (PAT) u t-Testijiet tal-Aċċettazzjoni Operazzjonali (OAT) tlestew b'suċċess.

It-Test tal-Aċċettazzjoni Provviżorja sar bejn Marzu u Awwissu tal-2010 u kien immirat biex jittestja l-konformità sħiħa tas-sistema l-ġdida mar-rekwiżiti stabbiliti tas-sistema . It-Test tal-Aċċettazzjoni Operazzjonali (OAT) kien immirat biex jittestja l-konformità sħiħa tal-EURODAC PLUS mas-sisteami eżistenti tal-IT tal-Istati Membri u inkluda l-involviment attiv ta' 6 Stati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, is-Slovenja u r-Renju Unit). Beda fid-9 ta' Awwissu 2010 u tlesta b'suċċess fit-13 ta' Settembru 2010.

L-aħħar fażi tal-proġett – it-Test Finali tal-Aċċettazzjoni – kien jinkludi l-operazzjonijiet paralleli tas-sistema l-qadima u l-ġdida għal tliet (3) xhur konsekuttivi u t-tqabbil tar-riżultati kuljum. It-Test Finali tal-Aċċettazzjoni beda f'Novembru u ntemm fi Frar tal-2011.

Il-kwalità tas-servizz u l-kost-effettività

Il-Kummissjoni ħadet ħsieb sew li twassal servizz ta' kwalità għolja lill-Istati Membri, li huma l-utenti finali tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC. L-Istati Membri kienu infurmati bis-sħiħ dwar meta s-servizz ma kienx disponibbli, li esklużivament f'kull okkażjoni kien minħabba attivitajiet marbuta mal-aġġornament EURODAC (EURODAC PLUS). B'mod ġenerali, fl-2010, l-Unità Ċentrali tal-EURODAC kienet disponibbli għal 99.76% tal-ħin.

In-nefqa għall-manutenzjoni u għall-operat tal-Unità Ċentrali fl-2010 kienet ta' EUR 2 115 056,61. Iż-żieda fin-nefqa mqabbla mas-snin preċedenti (EUR 1 221 183,83 fl-2009, EUR 605 720,67 fl-2008) hi spjegata bl-aġġornament tas-sistema EURODAC (EURODAC PLUS). Il-prezz fiss għall-implimentazzjoni tal-EURODAC PLUS hu ta' EUR 3 055 695,49: 20% (EUR 611 139,10) tħallsu fl-2009, 60% (EUR 1 833 417,29) tħallsu fl-2010 u l-bqija 20% (EUR 611 139,10) se jitħallsu fl-2011.

Ċertu tfaddil kien possibbli permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-infrastrutturi eżistenti amministrati mill-Kummissjoni, bħall-użu tan-netwerk s-TESTA[8]. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll (permezz tal-Programm ISA[9]) is-servizzi ta' komunikazzjoni u ta' sigurtà għall-iskambju tad-dejta bejn l-Unitajiet Ċentrali u Nazzjonali. Dawn il-kostijiet, li fil-bidu kienu maħsuba biex jintrefgħu minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 21 (2) u (3) tar-Regolament, f'dal-każ ġew koperti mill-Kummissjoni bl-użu ta' infrastruttura komuni disponibbli.

Il-Protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta

L-Artikolu 18 paragrafu 2 tar-Regolament EURODAC jistabbilixxi kategorija ta’ tranżazzjonijiet li tipprovdi għall-possibbiltà li jsiru l’hekk imsejjħa 'tfittxijiet speċjali' fuq it-talba tal-persuna li d-dejta tagħha hi merfugħa fil-bażi tad-dejta ċentrali biex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha, bħala persuna li dwarha hemm id-dejta, biex ikollha aċċess għad-dejta tagħha.

Kif enfasizzat fir-rapporti annwali preċedenti, matul l-ewwel snin tal-operat tal-EURODAC, volumi kbar ta' "tfittxijiet speċjali" taw bidu għal tħassib dwar l-użu mhux xieraq, li jista jsir mill-għan ta' din il-funzjonalità mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Fl-2010, saru total ta' 66 tfittxija bħal dawn li jirrappreżentaw żieda żgħira meta mqabbla mal-2009 (42) u l-2008 (56). Madankollu din iċ-ċifra tindika li l-volum ta' tfittxijiet speċjali jidher li sar stabbli f'livell aċċettabbli meta mqabbel mal-livell għoli tal-aktar reċenti fl-2007 (195).

Biex dan il-fenomenu jiġi mmonitorjat aħjar, il-Kummissjoni inkludiet, fil-proposta tagħha għall-emenda tar-Regolament EURODAC, il-ħtieġa li l-Istati Membri jibagħtu kopja tat-talba għal aċċess tal-persuna li dwarha hemm id-dejta lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti.

ĊIFRI U KONKLUżJONIJIET

L-anness mehmuż ma' dan ir-rapport annwali fih tabelli b'dejta fattwali prodotta mill-Unita Ċentrali għall-perjodu 01.01.2010 – 31.12.2010. L-istatistiki tal-EURODAC huma bbażati fuq rekords ta' (1) marki tas-swaba' mill-individwi kollha ta' 14-il sena jew aktar li applikaw għall-asil fi Stati Membri ('kategorija 1'), (2) marki tas-swaba' ta' persuni li nqabdu meta kienu qed jaqsmu l-fruntiera esterna ta' Stat Membru b'mod irregolari ('kategorija 2'), jew (3) ta' persuni li nstabu preżenti illegalment fit-territorju ta' Stat Membru (fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidrawha neċessarja jivverifikaw fuq applikazzjoni potezjonali għall-asil preċedenti) ('kategorija 3').

Id-dejta tal-EURODAC dwar l-applikazzjonijiet għall-asil ma jistgħux jitqabblu ma' dawk prodotti mill-Eurostat, li huma bbażati fuq dejta statistika ta' kull xahar ipprovduta mill-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern. Hemm numru ta' raġunijiet metodoloġiċi għal dawn id-differenzi. L-ewwel, id-dejta tal-Eurostat tinkludi l-applikanti kollha għall-asil, jiġifieri ta’ kull età. It-tieni, id-dejta tagħhom hi miġbura b’distinzjoni bejn persuni li japplikaw għall-asil matul ix-xahar ta’ referenza (li jista’ jinkludi applikazzjonijiet repetuti) u persuni li japplikaw għall-asil għall-ewwel darba.

It-tranżazzjonijiet b'suċċess

'Tranżazzjoni b'suċċess' hija tranżazzjoni li ġiet ipproċessata sew mill-Unità Ċentrali, mingħajr rifjut minħabba kwistjoni ta' validità tad-dejta, żbalji fil-marki tas-swaba' jew kwalità mhix suffiċjenti[10].

Fl-2010, l-Unità Ċentrali rċeviet total ta' 299 459 tranżazzjoni b'suċċess, li huwa tnaqqis żgħir ta' 15.3% meta mqabbel mal-2009 (353 561).

Ix-xejra dejjem tiżdied tas-snin preċedenti fir-rigward tan-numru ta' tranżazzjonijiet tad-dejta ta' dawk li jfittxu l-asil ( 'kategorija 1' ) inkisret fl-2010, li rat tnaqqis għal 215,463 (9%) talba meta mqabbla mal-2009 (236 936) u l-2008 (219 557).

Ix-xejra dwar in-numru ta' persuni li nqabdu b'konnessjoni ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna ( 'kategorija 2' ) segwiet l-istess mudell tal-2009. Wara li laħaq il-61 945 fl-2008, in-numru ta' tranżazzjonijiet niżel għal 31 071 fl-2009, u fl-2010 n-numru niżel għal 11 156 tranżazzjoni. Il-Greċja, l-Italja u Spanja jibqgħu l-aktar Stati Membri bil-kbir li introduċew tranżazzjonijiet bħal dawn. Filwaqt li baqgħet il-pajjiż bl-akbar numru ta' tranżazzjonijiet fl-2010, il-Greċja introduċiet notevolment anqas tranżazzjonijiet (4 486) milli fl-2009 (18 714). Bl-istess mod, l-Italja (minn 7 300 għal 2 485) u Spanja (minn 1 994 għal 1 674) raw tnaqqis fin-numru ta' tranżazzjonijiet fl-2010 meta mqabbel mal-2009, bit-tnaqqis fiċ-ċifri tal-Italja jkun partikolarment notevoli.

Fl-2010, l-istess 6 Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Islanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, in-Norveġja u l-Portugall) bħas-sena preċedenti ma bagħtu l-ebda tranżazzjoni tal-'kategotija 2'. Kif spjegat fir-rapport tal-2009, il-kwistjoni ta’ diverġenza bejn n-numru tad-dejta tal-kategorija 2 mibgħuta lill-EURODAC u sorsi oħrajn ta’ statistiċi dwar il-volum ta’ qsim irregolari ta' fruntieri fl-Istati Membri, enfasizzati mill-istatistiċi tal-EURODAC, hi minħabba d-definizzjoni vaga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament EURODAC[11]. Din il-kwistjoni se tiġi kkjarifikata fil-qafas tar-reviżjoni attwali tar-Regolament EURODAC.

In-numru totali ta' tranżazzjonijiet tal-“ kategorija 3 ” (id-dejta ta’ persuni maqbuda waqt li qed jgħixu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru) niżel fl-2010 (għal 72 840) mqabbel mal-2009 (85 554). L-Irlanda hi l-unika Stat Membru li ma bagħat l-ebda tranżazzjoni tal-"kategorija 3".

Minkejja li tiftix tal-"kategorija 3" mhuwiex obbligatorju skont ir-Regolament EURODAC, il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jużaw din il-possibbiltà qabel ma' jibdew il-proċeduri ta' ripatrijazzjoni skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment[12]. F'dawn il-każi msemmija mir-Regolament EURODAC[13], tali tiftix jista' jgħin biex jistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz applikax għal asil fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna għandha tiġi ripatrijata skont ir-Regolament ta' Dublin.

'Hits'

Applikazzjonijiet multipli għall-asil (hits ta' "kategorija 1 mqabbla ma' kategorija 1")

Minn total ta' 215,463 applikazzjoni għall-asil reġistrati fil-EURODAC fl-2010, 24,16% ġew irreġistrati bħala 'applikazzjonijiet multipli għall-asil' (jiġifieri t-tieni jew iżjed), li jfisser li f'52 064 każ, il-marki tas-swaba' tal-istess persuna kienu diġà reġistrati bħala tranżazzjoni tal-"kategorija 1" (fl-istess jew fi Stat Membru ieħor). Fl-2009, l-istess ċifra kienet 55 226 (23,3%). Madankollu, il-prattika ta' wħud mill-Istati Membri li jieħdu l-marki tas-swaba' meta jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin tirriżulta f'distorsjoni tal-istatistika dwar l-applikazzjonijiet multipli: it-teħid u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-marki tas-swaba' tal-applikant meta jasal, wara trasferiment skont ir-Regolament ta' Dublin jindika bi żball li l-applikant applika għall-asil mill-ġdid. Il-Kummissjoni bi ħsiebha li ssolvi din il-problema u, fil-proposta tagħha tal-emenda għar-Regolament tal-EURODAC, introduċiet il-ħtieġa li t-trasferimenti m'għandhomx jiġu reġistrati bħala applikazzjonijiet għall-asil ġodda.

It-tabella 3 tal-Anness turi, għal kull Stat Membru, in-numru ta' applikazzjonijiet għall-asil li jikkorrispondu għall-applikazzjonijiet għall-asil reġistrati preċedentament fi Stat Membru ieħor ("hits barranin") jew fl-istess Stat Membru ("hits lokali")[14].

Fl-2010, total ta' 35% tal-applikazzjonijiet multipli kollha kienu hits lokali. F'numru ta' Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, l-Islovakkja, ir-Renju Unit) din iċ-ċifra saħansitra tisboq il-50%. Il-persentaġġ ta' hits lokali fl-2009 kien ta' 38,8%. Każi speċifiċi fejn persuna li tkun applikat għall-asil fi Stat Membru tagħmel applikazzjoni oħra fl-Istess Stat Membru, fil-fatt il-hits lokali jirriflettu l-prinċipju ta' applikazzjoni sussegwenti skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat[15].

Hits barranin jagħtu indikazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-persuni li jfittxu l-asil fl-UE. Bħal fis-snin preċedenti, l-istatistika tikkonferma li l-movimenti sekondarji li rajna mhux neċessarjament isegwu r-rotot 'loġiċi' bejn l-Istati Membri ġirien. Pereżempju, Franza baqgħet tirċievi l-ogħla numru ta' hits barranin minn persuni li jfittxu l-asil qabel ippreżentaw applikazzjoni fil-Polonja (2,081). L-istess mudell jista' jiġi osservat fir-Renju Unit fejn l-ogħla numru ta' hits barranin saru meta mqabbla mad-dejta mill-Italja (484). L-istatistika fuq hits barranin ma timxix f'direzzjoni waħda biss minn pajjiżi bi fruntiera ta' art esterna jew dawk li jmissu mal-Mediterran lejn l-Istati Membri li qegħdin aktar 'il fuq. Madankollu, l-istatistika li tindika flussi sekondarji lejn pajjiżi bi fruntiera ta' art esterna jew dawk li jmissu mal-Mediterran tista' fil-biċċa l-kbira tiġi attribwita għall-prattika ta' xi Stati Membri għat-teħid ta' marki tas-swaba' meta l-persuni jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin.

Hits "Kategorija 1" mqabbla ma' "kategorija 2"

Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni tar-rotot li użaw persuni li daħlu irregolarment fit-territorju tal-Istati Membri, qabel ma applikaw għall-asil. Fl-2010, bħal fl-2009, il-biċċa l-kbira tal-hits seħħew b'rabta mad-dejta li ntbagħtet mill-Greċja (6 934) u l-Italja (3 752). In-numri għall-Ungerija (545), il-Bulgarija (545), Franza (530) u Spanja (238) kienu wkoll pjuttost notevoli. Madankollu, hu sorprendenti li fir-rigward tal-Bulgarija (96%) u Franza (71,9%) il-biċċa l-kbira ta' dawn il-hits, fil-fatt kienu hits lokali.

Meta qieħed iqabbel l-2010 mal-2009 wieħed jista' josserva żieda żgħira minn 65,2% għal 73,4% fil-każijiet ta' persuni li nqabdu b'konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntieri, li aktar tard jiddeċiedu li jippreżentaw talba għall-asil. Madankollu, meta wieħed iqabbel in-numru assolut tal-hits, hemm tnaqqis drammatiku minn 20 363 fl-2009 għal 11 939 fl-2010.

Il-biċċa l-kbira ta' dawk li daħlu fl-UE illegalmement minn ġol-Greċja (5 930) u baqgħu għaddejjin, ivvjaġġaw lejn il-Ġermanja (1 478), Franza (886), u r-Renju Unit (645) jew l-Isvezja (635). Dawk li baqgħu għaddejjin wara li daħlu illegalment mill-Itlaja l-biċċa l-kbira marru l-Isvizzera (1 222), l-Isvezja (642) jew il-Ġermanja (419). Minn dawk li daħlu minn Spanja (238) il-biċċa l-kbira marru jew lejn Franza (98), il-Belġju (39) jew l-Isvizzera (39), filwaqt li dawk li baqgħu għaddejjin wara li tteħdulhom il-marki tas-swaba' fl-Ungerija (545) il-biċċa l-kbira marru lejn il-pajjiżi ġirien tal-Awstrija (160) jew il-Ġermanja (82).

Hits "kategorija 3 mqabbla ma' kategorija 1"

Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni fejn immigranti illegali applikaw għall-asil għall-ewwel darba qabel ma vvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu, li s-sottomissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-"kategorija 3" m'humiex obbligatorji u li mhux l-Istati Membri kollha jużaw il-possibbiltà ta' dan il-kontroll sistematikament.

Id-dejta disponibbli tindika li l-maġġornaza tal-flussi ta' persuni li nqabdu meta kienu qed joqgħodu illegalment fi Stat Membru differenti minn dak li minnu talbu l-asil spiċċaw fi ftit Stati Membri, b'mod partikolari l-Ġermanja (6 652), l-Isvizzera (2 542), il-Pajjiżi l-Baxxi (3 415), Franza (2 232) u l-Astrija (1 668).

Id-dewmien tat-tranżazzjoni

Ir-Regolament EURODAC bħalissa jipprovdi biss skadenza vaga għat-trażmissjoni ta' marki tas-swaba’, li tista' twassal għal dewmien sinifikanti fil-prattika. Din hija kwistjoni kruċjali minħabba li dewmien fit-trażmissjoni jista' jwassal għal riżultati li jmorru kontra l-prinċipji ta' responsabbiltà stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin. Il-kwistjoni ta' dewmien esaġerat bejn it-teħid tal-marki tas-swaba' u li dawn jintbagħtu lill-Unità Ċentrali EURODAC kienet imsemmija fir-rapport annwali preċedenti u enfasizzata bħala problema ta' implimentazzjoni fir-Rapport ta' Evalwazzjoni.

L-istess bħas-sena preċedenti, l-2010, rat żieda totali ulterjuri fil-medja tad-dewmien tat-trażmissjonijiet, jiġifieri l-perjodu li jkun għadda bejn meta jittieħdu l-marki tas-swaba' u li jintbagħtu lill-Unità Ċentrali EURODAC. Din iż-żieda b'mod ġenerali tista' tiġi attribwita lill-Greċja fejn id-dewmien medju għat-trażmissjoni tad-dejta ta' 'kategorija 2' twal minn 36,35 jum għal 54,99 jum li hu l-akbar dewmien għal kwalunkwe kategorija ta' dejta f'kull Stat Membru. Stati Membri oħra b'dewmien sinjifikanti kienu l-Islanda, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u r-Renju Unit. Il-Kummissjoni trid ittenni li trażmissjoni tard tista' tirriżulta fin-nominazzjoni żbaljata ta' Stat Membru minħabba żewġ xenarji differenti msemmija fir-rapport annwali preċedenti: "hits ħżiena[16]" u "hits mitlufa"[17].

Minkejja dan l-iżvilupp, in-numru totali ta' hits mitlufa minħabba dewmien fit-trażmissjoni ta' marki tas-swaba' naqas bejn l-2009 (1 060) u l-2010 (362).

Bħas-sena preċedenti, hu notevoli l-fatt li l-maġġoranza enormi tal-hits mitlufa tista' tiġi attribwita għad-dewmien fit-trażmissjoni min-naħa tal-Greċja, partikolarment 353 (97.5%). U l-mudell fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-hits ħżiena segwa wkoll l-istess mudell bħal tas-sena 2009 fis-sens li d-dewmien fit-trażmissjoni mid-Danimarka rriżulta f'46 hits ħżiena minn total ta' 83. Abbażi tar-riżultati ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni mill-ġdid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jibagħtu minnufih id-dejta skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament EURODAC.

Il-kwalità ta' tranżazzjonijiet

Fl-2010, ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet irrifjutati[18] għall-Istati Membri kollha żdiedet minn 8,92%, 'il fuq minn 7,87% fl-2009. L-10 Stati Membri li ġejjin kellhom rata ta' rifjut ta' 10% jew aktar: Malta (19,42%), l-Estonja (16,67%), il-Portugall (16,45%), Franza (13,58%), il-Pajjiżi l-Baxxi (12,33%), il-Ġermanja (12,24%), ir-Renju Unit (11,77%), il-Litwanja (11,74%), l-Isvezja (10,39%) u l-Islanda (10%). 12-il Stat Membru kellhom rata ta’ rifjut ogħla mill-medja.

Ir-rata ta' rifjut ma kinetx tiddependi mit-teknoloġija jew dgħufija fis-sistema. Il-kawżi ta' din ir-rata ta' rifjut kienu prinċipalment marbuta mal-kwalità baxxa tal-immaġini tal-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istati Membri, żbalji umani jew il-konfigurazzjoni żbaljata tat-tagħmir li l-Istat Membru li qed juża biex jibgħat. Min-naħa l-oħra, f'xi każi dawn iċ-ċifri inkludew numru ta' attentati biex jintbagħtu l-istess marki tas-swaba' wara li dawn kienu rifjutati mis-sistema għal raġunijiet ta' kwalità. Filwaqt li jiġi rikonoxxut li xi dewmien jista’ jiġi kkawżat minħabba li għal perjodu mhux ser ikun possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ (il-ponot tas-swaba’ jkunu danneġġati jew kondizzjonijiet tas-saħħa oħrajn li jfixklu t-teħid mill-ewwel tal-marki tas-swaba’), il-Kummissjoni ttenni l-problema ta’ rati ta’ rifjut li ġeneralment hi ogħlja li diġa hi enfasizzata minn rapporti annwali preċedenti, u l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ speċifiku tal-operaturi nazzjonali EURODAC, kif ukoll biex jikkonfiguraw it-tagħmir tagħhom biex inaqqsu din ir-rata ta’ rifjut.

KONKLUżJONIJIET

L-Unità Ċentrali tal-EURODAC ipprovdiet riżultati sodisfaċenti matul l-2010 f'termini ta' veloċità, output, sigurtà u kost-effettività.

Fl-2010, il-volum ġenerali tat-trażazzjonijiet naqas bi 15,3% (sa 299 459), bi tnaqqis fit-tliet(3) kategoriji ta' tranżazzjonijiet kollha kemm huma. In-numru ta' tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 1' naqas b'9% (għal 215 463), filwaqt li n-numru ta' tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 2' naqas b'64% (għal 11 156) u n-numru ta' tranżazzjonijiet ta' 'kategorija 3' naqas b'14.8% (għal 72 840).

Ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet irrifjutati għall-Istati Membri kollha żdiedet minn 8,92% fl-2010, 'il fuq minn 7,87% fl-2009.

Jibqa’ xi tħassib dwar id-dewmien persistenti u xi kultant anke qed jiżdied fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC .

ANNESS

Tabella 1: L-Unità Ċentrali tal-EURODAC, l-istatus tal-kontenut tad-Database fil-31/12/2010

[pic]

Tabella 2: Tranżazzjonijiet b'suċċess lejn l-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2010

[pic]

Tabella 3: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2010

[pic]

Tabella 4: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 2, fl-2010

[pic]

Tabella 5: Tqassim tal-hits – Kategorija 3 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2010

[pic]

Tabella 6: Tranżazzjonijiet rifjutati, perċentwal fl-2010

[pic]

Tabella 7: Tul ta' żmien medju bejn id-data meta ttieħdu l-marki tas-swaba' u meta ntbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2010

[pic]

Tabella 8: Hit ta' Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1 fis-sens ħażin, fl-2010

[pic]

Tabella 9: Distribuzzjoni tal-hits ta' CAT1/CAT2 li ntilfu minħabba li damu ma ntbagħtu l-CAT 2, fl-2010

[pic]

Tabella 10: Distribuzzjoni ta' hits imqabbla ma' każi bblokkati (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-KE 2725/2000), fl-2010

[pic]

Tabella 11: In-numru tal-kategorija 9 għal kull Stat Membru, fl-2010

[pic]

[1] ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

[2] L-Artikolu 24(1) tar-Regolament EURODAC.

[3] COM(2010) 555 finali.

[4] COM(2009) 344 finali.

[5] COM(2009) 665 finali/2.

[6] COM(2010)96 finali

[7] Ir-Regolament EURODAC jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' Unità Ċentrali mmaniġġjata mill-Kummissjoni Ewropea li tinkludi Sistema Awtomatizzata tal-Identifkazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) li għandha tirċievi d-dejta u titrażmetti tweġibiet ta’ tiftix li 'jirriżulta jew ma jirriżultax' lill-Unitajiet nazzjonali (Punti Nazzjonali ta' Aċċess) f'kull Stat Membru. Ir-Regolament EURODAC u r-Regoli Implimentattivi tiegħu jidentifikaw ir-responsabbiltajiet għall-ġbir, it-trażmissjoni u t-tqabbil tad-dejta tal-marki tas-swaba', il-mezzi li permezz tagħhom tista' ssir it-trażmissjoni, il-kompiti statistici tal-Unità Ċentrali u l-istandards użati għat-trażmissjoni tad-dejta.

[8] In-netwerk S-TESTA (Servizzi Trans-Ewropej Siguri għal Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet) jipprovdi infrastruttura ġenerika biex iservi l-ħtiġijiet tan-negozju u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali.

[9] L-ISA (Soluzzjoni għall-Interoperabilità għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej) hu l-programm il-ġdid biex itejjeb il-kooperazzjoni elettronika fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE. Dan ikompli mal-programm li kien hemm qabel l-IDA II (Interskambju ta' Dejta bejn l-Amministrazzjonijiet) u IDABC (it-Twassil Interoperabbli ta' Servizzi Ewropej ta' eGovernment lill-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, lin-Negozji u liċ-Ċittadini).

[10] It-Tabella 2 tal-Anness turi fid-dettall it-tranżazzjonijiet b'suċċess għal kull Stat Membru, mqassma skont il-kategorija, bejn l-1 ta' Jannar 2010 u t-31 ta' Diċembru 2010.

[11] 'Kull Stat Membru għandu, bi qbil mal-protezzjonjiet preskritti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jieħu fil-pront il-marki ta' swaba tas-swaba kollha ta' kull barrani li jkollu ta' l-inqas 14-il sena li jinqabad mill-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntjiera ta' dak l-Istat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz u li ma jintbagħatx lura fih .'

[12] ĠU L 348, 24.12.2008.

[13] L-Artikolu 11 '(…) Bħala regola ġenerali hemm bażi sabiex isiru kontrolli ta' jekk il-barrani jkunx tefa' applikazzjoni għal asil fi Stat Membru ieħor fejn: (a) il-barrani jiddikjara li hu ppreżenta applikazzjoni għall-asil imma mingħajr ma indika l-Istat Membru li fih kien għamel l-applikazzjoni; (b) il-barrani ma talabx l-asil imma joġġezzjona li jintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu għaliex stqarr li kien se jkun fil-periklu, jew (c) il-barrani altrimenti jipprova jipprevjeni t-tneħħija tiegħu billi jirrifjuta li jikkoopera biex l-identitità tiegħu tiġi stabbilita, b'mod partikolari billi juri dokumenti tal-identità ffalsifikati jew ma juri l-ebda dokument.'

[14] L-istatistika dwar il-hits lokali li jinsabu fit-tabelli jistgħu ma jikkorrispondux mat-tweġibiet għall-hits trażmessi mill-Unità Ċentrali u rreġistrati mill-Istati Membri. Ir-raġuni għal dan hi li l-Istati Membri mhux dejjem jużaw il-possibbiltà, stipulata fl-Artikolu 4(4), li titlob lill-Unità Ċentrali biex tfittex li tqabbel mad-dejta tagħhom stess li diġà qiegħda fid-database Ċentrali. Madanakollu, ukoll meta l-Istati Membri ma jużawx din il-possibbiltà, l-Unità Ċentrali trid, għal raġunijiet tekniċi, dejjem tagħmel tqabbil mad-dejta kollha (nazzjonali u barranija) merfugħa fl-Unità Ċentrali. F'dawn il-każi konkreti, ukoll jekk ikun hemm qbil ma' dejta nazzjonali, l-Unità Ċentrali se tirrispondi sempliċiment li 'l-ebda hit' billi l-Istat Membru ma saqsiex għat-tqabbil tad-dejta mressqa mad-dejta tiegħu stess.

[15] ĠU L 326, 13.12.2005.

[16] Fil-każ tal-hekk imsejħa " hit żbaljata ", ċittadin ta' pajjiz terz jitfa' applikazzjoni għall-asil fi Stat Membru (A), fejn l-awtoritajiet jeħdulu l-marki tas-swaba'. Fil-waqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex ikunu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 1), l-istess persuna tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru (B) u tagħmel talba oħra għall-asil . Jekk il-marki tas-swaba' jintbagħtu l-ewwel mill-Istat Membru B, il-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru A jiġu rreġistrati fid-database Ċentrali aktar tard mill-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru B u għandhom b'hekk jirriżultaw bħala hit mid-dejta mibgħuta mill-Istat Membru B meta mqabbla mad-dejta mibgħuta mill-Istat Membru A. B'hekk, l-Istat Membru B jkun ddeterminat li jkun responsabbli minflok l-Istat Membru A fejn applikazzjoni għall-asil kienet iddepożitata għall-ewwel darba.

[17] Fil-każ tal-hekk imsejħa " hit mitlufa ", ċittadin ta' pajjiż terz maqbud f'konnessjoni ma' qsim irregolari tal-fruntiera u l-marki tas-swaba' tiegħu jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (A) fejn hu jkun daħal. Fil-waqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex ikunu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 2), l-istess persuna tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru ieħor (B) u tippreżenta applikazzjoni għall-asil . F'dik l-okkażjoni, il-marki tas-swaba' tiegħu jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (B). Jekk dan l-Istat Membru (B) jibgħat il-marki tas-swaba' (tranżazzjoni tal-kategorija 1) qabel, l-Unità Ċentrali għandu jirreġistra tranżazzjoni tal-kategorija 1 l-ewwel, u l-Istat Membru (B) għandu jieħu ħsieb l-applikazzjoni minflok l-Istat Membru A. Fil-fatt, meta tranżazzjoni tal-kategorija 2 tasal iktar tard, tintilef hit għaliex id-dejta tal-kategorija 2 ma tkunx tista' titfittex.

[18] Tranżazzjoni tista' tiġi rrifjutata minħabba kwistjoni ta' validazzjoni tad-dejta, żbalji fil-marki tas-swaba' kew kwalità insuffiċjenti (ara wkoll taqsima 3.1.ibid).